Language of document : ECLI:EU:C:2024:497

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

13 ta’ Ġunju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(3) – Kumpens lill-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien twil jew ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Ċirkustanzi straordinarji – Ħsarat tekniċi kkawżati minn difett moħbi ta’ disinn identifikat mill-manifattur wara l-kanċellazzjoni tat-titjira – Sistema li tkejjel il-kwantità ta’ karburant tal-ajruplan”

Fil-Kawża C‑385/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Ġunju 2023, fil-proċedura

Matkustaja A

vs

Finnair Oyj,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Piçarra, President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Matkustaja A, minn K. Väänänen, kuluttaja-asiamies, kif ukoll J. Suurla, johtava asiantuntija,

–        għal Finnair Oyj, minn T. Väätäinen, asianajaja,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Simonen u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Matkustaja A (iktar ’il quddiem “A”), passiġġier, u Finnair Oyj, trasportatur tal-ajru, fir-rigward tar-rifjut min-naħa ta’ din tal-aħħar li tikkumpensa lil dan il-passiġġier minħabba l-kanċellazzjoni tat-titjira tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessi 1, 14 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jiddikjaraw:

“(1)      Azzjoni mil-Komunitá [Ewropea] fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

[...]

(14)      Bħal taħt il-Konvenzjoni [għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montreal fit‑28 ta’ Mejju 1999 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE tal‑5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491)], obbligazzjonijiet dwar trasportaturi ta’ l-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkostanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbilitá politika, kondizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux ma’ l-operazzjoni tat-titjira in kwistjoni, riskji tas-sigurtá, nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtá tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jopera.

(15)      Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-ajru in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

4        L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jiddisponi:

“1.      Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

(ċ)       jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba [sakemm]:

(i)      huma informati [ma jkunux informati] bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

(ii)      huma informati [ma jkunux informati] bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba' sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

(iii)      huma informati [ma jkunux informati] bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

[…]

3.      Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

[…]”

5        L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a)      EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

(b)      EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru:

(ċ)      EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

[…]”

 Ittilwima filkawża prinċipali u ddomandi preliminari

6        A rriżerva titjira ma’ Finnair skedata fil‑25 ta’ Marzu 2016 bi tluq minn Ħelsinki (il-Finlandja) lejn Bangkok (it-Tajlandja). Din it-titjira kellha tiġi operata b’ajruplan li kien ilu jopera għal ftit iktar minn ħames xhur.

7        Waqt li t-tank tal-karburant kien qiegħed jimtela eżattament qabel it-tluq tat-titjira, ġiet osservata ħsara teknika fil-livell tal-apparat li jkejjel l-ammont tal-karburant ta’ dan l-ajruplan. Peress li qieset li din il-ħsara kienet taffettwa b’mod essenzjali s-sigurtà tat-titjira, Finnair ikkanċellat it-titjira prevista u, kif tindika l-qorti tar-rinviju, operatha biss l-għada, jiġifieri fis‑26 ta’ Marzu 2016, permezz ta’ ajruplan ta’ riżerva. Din it-titjira waslet fid-destinazzjoni b’dewmien ta’ madwar 20 siegħa.

8        Fid-dawl tan-natura reċenti tal-mudell tal-ajruplan inizjalment previst, id-difett inkwistjoni, li dan il-każ kien l-ewwel manifestazzjoni tiegħu fuq livell dinji, ma kienx magħruf qabel l-imsemmija ħsara. Għaldaqstant, la l-manifattur ta’ dan l-ajruplan u lanqas l-awtorità tas-sigurtà tal-ajru ma kienu jafu b’dan id-difett qabel din il-manifestazzjoni u għalhekk ma setgħux jagħtu informazzjoni dwaru.

9        It-tfittxija tal-kawża tal-ħsara fl-apparat li jkejjel l-ammont tal-karburant inbdiet immedjatament minn Finnair. Wara madwar 24 siegħa, din il-ħsara ġiet irrimedjata billi t-tank tbattal u mbagħad reġa’ mtela b’karburant. Wara din l-operazzjoni, l-imsemmi ajruplan seta’ jerġa’ jtir.

10      Wara investigazzjonijiet ulterjuri f’iktar dettall imwettqa mill-manifattur tal-ajruplan inkwistjoni, deher li l-imsemmija ħsara kienet dovuta għal difett moħbi ta’ disinn li kien jaffettwa l-ajruplani kollha tal-istess tip.

11      Madankollu, dawn l-ajruplani baqgħu jtiru sakemm instabet soluzzjoni definittiva għall-istess ħsara, fi Frar 2017, permezz ta’ aġġornament ta’ software.

12      Peress li Finnair irrifjutat li tħallas lil A s-somma ta’ EUR 600 bħala kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa previst fl-Artikolu 5(1)(ċ) u fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, A ppreżenta rikors quddiem il-käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, il-Finlandja). Finnair allegat li l-ħsara inkwistjoni kienet tikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, u li hija kienet ħadet il-miżuri kollha li wieħed seta’ raġonevolment jistenna minnha.

13      Dik il-qorti laqgħet ir-rikors ta’ A, billi ddeċidiet li, għalkemm kien minnu li l-ħsara inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet dovuta għal difett fid-disinn li kien diffiċli li jiġi previst, din il-ħsara kienet inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ trasportatur tal-ajru. Is-sempliċi fatt li l-manifattur tal-ajruplan ma kienx ipprovda lil Finnair istruzzjonijiet dwar kif kellha tirreaġixxi fil-każ ta’ tali ħsara li taffettwa tip ġdid ta’ ajruplan ma kienx għamel l-avveniment inkwistjoni eċċezzjonali.

14      Finnair appellat mis-sentenza tal-käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza) quddiem il-hovioikeus (il-Qorti tal-Appell, il-Finlandja). Din il-qorti ddeċidiet li l-ħsara fl-apparat li jkejjel l-ammont tal-karburant kellha titqies bħala “ċirkustanza straordinarja” peress li ma kinitx inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ Finnair u peress li, min-natura jew mill-oriġini tagħha, ma kinitx taqa’ taħt il-kontroll effettiv ta’ Finnair.

15      A appella quddiem il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja), li hija l-qorti tar-rinviju.

16      Din tal-aħħar għandha dubju dwar jekk ħsara teknika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li taffettwa ajruplan ġdid tikkostitwixxix “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

17      Hija għandha, b’mod iktar partikolari, dubji dwar jekk tikkostitwixxix avveniment ta’ oriġini esterna, fis-sens tas-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, SATA International – Azores Airlines (Ħsara fis-sistema ta’ provvista ta’ karburant) (C‑308/21, EU:C:2022:533), u, għaldaqstant, “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, ħsara teknika li tinvolvi s-sigurtà ta’ titjira u li fir-rigward tagħha jkun biss wara l-kanċellazzjoni ta’ din it-titjira li l-manifattur jirrikonoxxi li din il-ħsara teknika kienet ikkawżata minn difett moħbi ta’ disinn li jaffettwa l-ajruplani kollha tal-istess tip.

18      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ħsara prematura ta’ ċerti partijiet tekniċi tistax tiġi trasposta għall-każ ta’ difett moħbi ta’ disinn li jirriżulta għall-ewwel darba fuq tip ġdid ta’ ajruplan. Fil-fatt, ma huwiex inabitwali li mudell ġdid ta’ ajruplan ikollu difetti moħbija matul l-ewwel fażijiet tad-dħul fis-servizz tiegħu.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Trasportatur tal-ajru jista’ jinvoka ċirkustanzi straordinarji fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-[Regolament Nru 261/2004] għas-sempliċi raġuni li l-manifattur tal-ajruplan ikun iddikjara l-eżistenza ta’ difett moħbi fid-disinn li huwa detrimentali għas-sigurtà fl-ajru u li jaffettwa l-ajruplani kollha ta’ dan it-tip, minkejja li din id-dikjarazzjoni tkun saret biss wara d-dewmien jew il-kanċellazzjoni tat-titjira?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda u jkun hemm lok li jiġi eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi humiex dovuti għal avvenimenti li huma inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u li, minħabba n-natura jew l-oriġini tagħhom, jaqgħu taħt il-kontroll effettiv tiegħu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar in-natura difettuża prematura ta’ ċerti partijiet tekniċi hija applikabbli għal każ bħal dan ineżami fejn, fil-mument tal-kanċellazzjoni tat-titjira, la l-manifattur u lanqas it-trasportatur tal-ajru ma kellhom għarfien tan-natura difettuża tat-tip il-ġdid ta’ ajruplan inkwistjoni u tal-mod kif din setgħet tiġi rrettifikata?”

 Fuq id-domandi preliminari

20      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li sseħħ ħsara teknika mhux mistennija u li qatt ma seħħet qabel, li taffettwa mudell ġdid ta’ ajruplan li ma jkunx ilu li beda jintuża u li twassal lit-trasportatur tal-ajru sabiex jikkanċella titjira jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, f’sitwazzjoni fejn il-manifattur ta’ dan l-ajruplan jirrikonoxxi, wara l-kanċellazzjoni ta’ din it-titjira, li din il-ħsara kienet ikkawżata minn difett moħbi ta’ disinn li jikkonċerna l-ajruplani kollha tal-istess tip u li jaffettwa s-sigurtà tat-titjira.

21      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-passiġġieri kkonċernati huma intitolati għal kumpens min-naħa tat-trasportatur tal-ajru li jopera, konformement mal-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, sakemm ma jkunux ġew informati minn qabel dwar din il-kanċellazzjoni b’osservanza tat-termini previsti f’dan l-Artikolu 5(1).

22      L-Artikolu 5(3) tal-istess regolament, moqri fid-dawl tal-premessi 14 u 15 ta’ dan tal-aħħar, jeżenta lit-trasportatur tal-ajru minn dan l-obbligu li jagħti kumpens jekk ikun f’pożizzjoni li juri li l-kanċellazzjoni kienet dovuta għal “ċirkustanzi straordinarji” li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha u, fil-każ li tkun teżisti tali ċirkustanza, li jkun adotta l-miżuri xierqa għas-sitwazzjoni bl-implimentazzjoni tal-mezzi kollha ta’ persunal jew ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jevita li din is-sitwazzjoni twassal għall-kanċellazzjoni jew għad-dewmien twil tat-titjira kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp, C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Peress li dan l-Artikolu 5(3) jikkostitwixxi deroga mill-prinċipju tad-dritt għal kumpens tal-passiġġieri, u fid-dawl tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 261/2004 li huwa li jiġi żgurat, kif jirriżulta mill-premessa 1 tiegħu, livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 5(3), għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Krüsemann et, C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑254/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17 u C‑290/17 sa C‑292/17, EU: 2018:2018, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, jirreferi għal avvenimenti li, min-natura jew mill-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u ma jaqgħux taħt il-kontroll effettiv tiegħu, kundizzjonijiet dawn li huma kumulattivi u li għandhom jiġu evalwati każ b’każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp, C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Għalhekk, sakemm ma jkunux jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi mfakkra fil-punt preċedenti, ħsarat tekniċi ma jikkostitwixxux bħala tali “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 25, u tat‑12 ta’ Marzu 2020, Finnair, C‑832/18, EU:C:2020:204, punt 39).

26      Huwa f’dan il-kuntest li għandu jiġi evalwat jekk ħsara teknika mhux mistennija u li qatt ma seħħet qabel, li taffettwa mudell ġdid ta’ ajruplan li ma jkunx ilu li beda jintuża u li, wara l-kanċellazzjoni ta’ titjira, jirriżulta li kienet ikkawżata minn difett moħbi ta’ disinn li jikkonċerna l-ajruplani kollha tal-istess tip u li jaffettwa s-sigurtà tat-titjira, tistax tikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

27      Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk ħsara teknika li jkollha l-karatteristiċi msemmija fil-punt preċedenti tistax tikkostitwixxi, min-natura jew mill-oriġini tiegħu, avveniment li ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru.

28      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet partikolari li fihom jitwettaq it-trasport bl-ajru u tal-livell ta’ sofistikazzjoni teknoloġika tal-apparati, tal-fatt li l-funzjonament tal-ajruplani jġib miegħu inevitabbilment problemi tekniċi, ħsarat jew ħsara qabel il-waqt u mhux mistennija ta’ ċerti komponenti ta’ ajruplan, it-trasportaturi tal-ajru, normalment, jaffaċċjaw, fil-kuntest tal-attività tagħhom, tali problemi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, Germanwings, C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Minn dan jirriżulta li t-tiswija ta’ problema teknika li tirriżulta minn ħsara, minn nuqqas ta’ manutenzjoni ta’ apparat jew inkella minn ħsara qabel il-waqt u mhux mistennija ta’ ċerti komponenti ta’ ajruplan hija kkunsidrata li hija inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 25; tas‑17 ta’ Settembru 2015, van der Lans, C‑257/14, EU:C:2015:618, punti 41 u 42; kif ukoll tat‑12 ta’ Marzu 2020, Finnair, C‑832/18, EU:C:2020:204, punt 41).

30      Madankollu, ma hijiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru u, għaldaqstant, tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, il-ħsara teknika li fir-rigward tagħha l-manifattur tal-apparati li jikkostitwixxu l-flotta tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat, jew awtorità kompetenti, juru, wara d-dħul fis-servizz tal-apparati, li dawn huma milquta minn difett moħbi ta’ manifattura li jaffettwa s-sigurtà tat-titjiriet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 26, u tas‑17 ta’ Settembru 2015, van der Lans, C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 38).

31      F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa stabbilit li l-ħsara teknika kienet ikkawżata minn difett moħbi ta’ disinn li kien jikkonċerna l-ajruplani kollha tal-istess tip u li kien jaffettwa s-sigurtà tat-titjira, b’tali mod li għandu jitqies li dan l-avveniment, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru.

32      Fit-tieni lok, għandu jiġi evalwat jekk ħsara teknika li jkollha l-karatteristiċi msemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza għandhiex titqies li tikkostitwixxi avveniment li kompletament ma jaqax taħt il-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat, jiġifieri bħala avveniment li fuqu t-trasportatur tal-ajru ma għandu ebda kontroll (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp, C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 36).

33      Ċertament, bħala prinċipju, il-ħsara teknika jew il-ħsara ma hijiex eskluża mill-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru, peress li l-prevenzjoni jew it-tiswija ta’ tali ħsarat jagħmlu parti mir-responsabbiltà ta’ dan it-trasportatur tal-ajru li għandu jiżgura l-manutenzjoni u l-funzjonament tajjeb tal-ajruplan li huwa jopera għal finijiet ekonomiċi (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, van der Lans, C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 43). Madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti fil-preżenza ta’ difett moħbi ta’ disinn ta’ ajruplan.

34      Fil-fatt, minn naħa, għalkemm huwa t-trasportatur tal-ajru li għandu jiżgura l-manutenzjoni u l-funzjonament tajjeb tal-ajruplan li huwa jopera għal finijiet ekonomiċi, jista’ jiġi ddubitat kemm, fil-każ fejn difett moħbi ta’ disinn ikun identifikat mill-manifattur tal-ajruplan inkwistjoni jew mill-awtorità kompetenti biss wara l-kanċellazzjoni tat-titjira, dan it-trasportatur effettivament ikollu l-kompetenza sabiex jidentifika u jirrimedja dan id-difett, b’tali mod li ma jistax jitqies li jeżerċita kontroll fir-rigward tal-okkorrenza ta’ tali difett.

35      Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, jirriżulta li l-avvenimenti li l-oriġini tagħhom tkun “interna” għandhom jiġu distinti minn dawk li l-oriġini tagħhom tkun “esterna” għat-trasportatur tal-ajru, peress li huma biss dawn tal-aħħar li jistgħu ma jkunux jaqgħu taħt il-kontroll effettiv ta’ dan it-trasportatur. Jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “avvenimenti ta’ oriġini esterna” dawk li jirriżultaw mill-attività tat-trasportatur tal-ajru u minn ċirkustanzi esterni, ftit jew wisq frekwenti fil-prattika, iżda li t-trasportatur tal-ajru ma jkollux kontroll fuqhom, għaliex joriġinaw minn aġir ta’ terz, bħalma huwa trasportatur tal-ajru ieħor jew operatur pubbliku jew privat li jinterferixxi fl-attività tal-ajru jew tal-ajruport (sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, SATA International – Azores Airlines (Ħsara fis-sistema ta’ provvista ta’ karburant), C‑308/21, EU:C:2022:533, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat, f’dan il-każ, jekk is-senjalazzjoni jew ir-rikonoxximent mill-manifattur tal-eżistenza ta’ difett moħbi ta’ disinn li jikkonċerna apparat u li jista’ jaffettwa s-sigurtà ta’ titjira wara d-deċiżjoni tat-trasportatur tal-ajru li jikkanċella titjira jistgħux jikkostitwixxu aġir ta’ terz li jinterferixxi fl-attività tal-ajru tat-trasportatur u, għaldaqstant, jistgħux jikkostitwixxu avveniment ta’ oriġini esterna.

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 30 u 35 ta’ din is-sentenza ma jirriżultax li l-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġettat il-klassifikazzjoni bħala “ċirkustanzi straordinarji” ta’ difett moħbi ta’ disinn għall-kundizzjoni li l-manifattur tal-ajruplan jew l-awtorità kompetenti jkunu identifikaw l-eżistenza ta’ dan id-difett qabel l-okkorrenza tal-ħsara teknika kkawżata mill-imsemmi difett. Fil-fatt, il-mument li fih tiġi identifikata r-rabta bejn il-ħsara teknika u d-difett moħbi ta’ disinn mill-manifattur tal-ajruplan jew mill-awtorità kompetenti jkun irrilevanti f’sitwazzjoni fejn dan id-difett moħbi ta’ disinn kien jeżisti fil-mument tal-kanċellazzjoni tat-titjira u f’sitwazzjoni fejn it-trasportatur ma kellu ebda mezz ta’ kontroll sabiex jirrimedja għal dan.

38      Il-klassifikazzjoni ta’ sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, hija konformi mal-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru, li huwa mfittex minn dan ir-regolament, kif ippreċiżat fil-premessa 1 tiegħu. Fil-fatt, dan l-għan jimplika li t-trasportaturi tal-ajru ma għandhomx jiġu inkoraġġuti joqogħdu lura milli jieħdu l-miżuri meħtieġa minn tali inċident billi jagħtu prijorità lit-twettiq tat-titjiriet tagħhom u lit-twettiq ta’ dawn it-titjiriet fil-ħin iktar milli lill-għan tas-sigurtà ta’ dawn it-titjiriet (ara b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 25, kif ukoll tal‑4 ta’ April 2019, Germanwings, C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 28).

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li sseħħ ħsara teknika mhux mistennija u li qatt ma seħħet qabel, li taffettwa mudell ġdid ta’ ajruplan li ma jkunx ilu li beda jintuża u li twassal lit-trasportatur tal-ajru sabiex jikkanċella titjira jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, f’sitwazzjoni fejn il-manifattur ta’ dan l-ajruplan jirrikonoxxi, wara l-kanċellazzjoni ta’ din it-titjira, li din il-ħsara kienet ikkawżata minn difett moħbi ta’ disinn li jikkonċerna l-ajruplani kollha tal-istess tip u li jaffettwa s-sigurtà tat-titjira.

 Fuq l-ispejjeż

40      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal 11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-fatt li sseħħ ħsara teknika mhux mistennija u li qatt ma seħħet qabel, li taffettwa mudell ġdid ta’ ajruplan li ma jkunx ilu li beda jintuża u li twassal lit-trasportatur tal-ajru sabiex jikkanċella titjira jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, f’sitwazzjoni fejn il-manifattur ta’ dan l-ajruplan jirrikonoxxi, wara l-kanċellazzjoni ta’ din it-titjira, li din il-ħsara kienet ikkawżata minn difett moħbi ta’ disinn li jikkonċerna l-ajruplani kollha tal-istess tip u li jaffettwa s-sigurtà tat-titjira.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.