Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-5 ta’ Ġunju 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Ireland - l-Irlanda) – I vs Health Service Executive

(Kawża C-255/13) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikoli 19(1) u 20(1) u (2) – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikolu 11 – Ċittadin ta’ Stat Membru assigurat fl-Istat ta’ residenza – Okkorrenza ta’ marda serja u għal għarrieda waqt vaganza fi Stat Membru ieħor – Persuna mġiegħla tibqa’ f’dan it-tieni Stat matul ħdax-il sena minħabba l-marda tagħha u d-disponibbiltà ta’ trattament mediku speċjalizzat fil-viċinanzi tal-post fejn tgħix – Provvista ta’ benefiċċji in natura f’dan it-tieni Stat – Kunċetti ta’ ‘residenza’ u ta’ ‘soġġorn’)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Ireland

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: I

Konvenut: Health Service Executive

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - High Court of Ireland - Interpretazzjoni tal-Artikoli 19(1) u 20(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72) - Kunċett ta’ “soġġorn” fi Stat Membru ieħor differenti mill-Istat Membru kompetenti - Ċittadin ta’ Stat Membru li ilu jbati, għal dawn l-aħħar ħdax-il sena, minn kundizzjoni medika serja li mmanifestat ruħha għall-ewwel darba waqt li kien qiegħed vaganza fi Stat Membru ieħor - Ċittadin imġiegħel joqgħod fuq it-territorju tat-tieni Stat Membru minħabba l-kundizzjoni medika tiegħu

Dispożittiv

L-Artikolu 1(j) u (k) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-Artikoli 19(1) jew 20(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, meta ċittadin tal-Unjoni, li kien jirrisjedi fi Stat Membru wieħed jimrad serjament u għal għarrieda waqt vaganza fi Stat Membru ieħor u jkun imġiegħel joqgħod f’dan l-Istat Membru matul ħdax-il sena minħabba din il-marda u d-disponibbiltà tal-kura medika speċjalizzata fil-viċinanzi tal-post fejn jgħix, għandu jitqies li “jissoġġorna” f’dan l-Istat Membru peress li ċ-ċentru abitwali tal-interessi tiegħu jinsab fl-ewwel Stat Membru. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina ċ-ċentru abitwali tal-interess ta’ dan iċ-ċittadin billi twettaq evalwazzjoni tal-fatti kollha rilevanti u billi tieħu inkunsiderazzjoni r-rieda tiegħu, kif tirriżulta mill-fatti, peress li s-sempliċi fatt li l-imsemmi ċittadin jibqa’ fit-tieni Stat Membru matul perijodu twil ma huwiex suffiċjenti, fih innifsu u waħdu, sabiex jitqies li huwa jirrisjedi f’dan l-Istat.

____________

1 ĠU C 189, 29.06.2013