Language of document :

Appell ippreżentat fit-22 ta' Novembru 2011 minn Christos Michail kontra s-sentenza tat-13 ta' Settembru 2011 tat-Tribunal għas-Servizzi Pubbliku fil-Kawża F-100/09, Michail vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-597/11 P)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellant: Christos Michail (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: Ch. Meidanis, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara l-appell preżenti ammissibbli u fondat;

tannulla s-sentenza mogħtija fit-13 ta' Settembre 2011 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-100/09, Michail vs Il-Kummissjoni;

talloka lill-appellant kumpens għal ammont ta' EUR 30 000 għad-danni morali li huwa subixxa;

tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant isostni li, fis-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda b'mod żbaljat fuq ir-rikors tiegħu, li permezz tiegħu huwa talab l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba għal assistenza li huwa kien ifformula skont l-Artikolu 24 tar-Regolmenti tal-Persunal (iktar 'il quddiem ir-"Regolamenti") u tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-14 ta' Settembru 2009, li tiċħad l-ilment imressaq minnu skont l-Artikolu 90(2) ta' dawn ir-regolamenti.

B'mod partikolari, l-appellant jinvoka ksur tad-drittijiet proċedurali tiegħu kif ukoll ksur tad-dritt tal-Unjoni, l-ewwel nett, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (iktar 'il quddiem it-"TSP"), meta għamel evalwazzjoni żbaljata tal-provi, b'mod żbaljat naqas kompletament milli jeżamina l-kwistjoni jekk il-provi nkisbux illegalment, fil-każ fejn il-Kummissjoni emendat l-istatus regolamentari tal-appellant mingħajr att aministrattiv minn qabel li jikkonċerna din l-emenda. It-tieni nett, l-appellant isostni li t-TSP ma osservax il-prinċipji relatati mal-kisba tal-provi u mal-oneru tal-prova peress li, minkejja l-fatt li l-appellant ipproduċa d-dokument li juri li t-trasferiment tiegħu kien illegali, it-TSP f'ebda mument tal-proċeduri ma talab lill-Kummissjoni, hekk kif kien mitlub li jagħmel skont l-Artikolu 55 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, li tipproduċi provi li jinvalidaw din l-allegazzjoni. It-tielet nett, l-appellant isostni li t-TSP ma eżaminax l-istatus regolamentari reali tiegħu, kif ġie ppreżentat fis-sistemi Sysper u Sysper 2, kif ukoll fuq liema bażi legal kienet fondata r-rappreżentazzjoni li dawn is-sistemi jagħtu dwaru, b'mod li jkun jista' jiġi evalwat jekk din tikkostitwixxi fastidju psikoloġiku fir-rigward tiegħu u falsifikazzjoni tal-provi.

____________