Language of document : ECLI:EU:T:2015:249

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

30 ta’ April 2015 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja — Iffriżar ta’ fondi — Drittijiet tad-difiża — Obbligu ta’ motivazzjoni — Żball ta’ evalwazzjoni — Dritt għall-proprjetà — Dritt għar-rispett tal-ħajja privata — Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑593/11,

Fares Al-Chihabi, residenti f’Alep (is-Sirja), inizjalment irrappreżentat minn L. Ruessmann u W. Berg, avukati, sussegwentement minn L. Ruessmann, u J. Beck, solicitor,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u R. Liudvinaviciute-Cordeiro, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn S. Boelaert u T. Scharf, sussegwentement minn T. Scharf u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/522/PESK, tat-2 ta’ Settembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 228, p. 16), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 878/2011, tat-2 ta’ Settembru 2011, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 228, p. 1), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u tħassar id-Deċiżjoni 2011/273/PESK (ĠU L 319, p. 56), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012, tat-18 ta’ Jannar 2012, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU L 16, p. 1), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK, tad-29 ta’ Novembru 2012, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u tħassar id-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 330, p. 21), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1117/2012, tad-29 ta’ Novembru 2012, li jimplimenta l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 330, p. 9), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 363/2013, tat-22 ta’ April 2013, li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 111, p. 1), u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, tal-31 ta’ Mejju 2013, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 147, p. 14), kif ukoll ta’ kull leġiżlazzjoni sussegwenti sa fejn din iżżomm fis-seħħ jew tissostitwixxi dawn l-atti, sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. van der Woude, President tal-Awla, I. Wiszniewska-Białecka u I. Ulloa Rubio (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, Fares Al-Chihabi, huwa negozjant ta’ nazzjonalità Sirjana.

2        Filwaqt li kkundanna b’mod sħiħ ir-repressjoni vjolenti tal-manifestazzjonijiet paċifiċi f’diversi nħawi fis-Sirja kollha u filwaqt li appella lill-awtoritajiet Sirjani sabiex dawn jastjenu milli jirrikorru għall-forza, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fid-9 ta’ Mejju 2011, adotta d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 121, p. 11). Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill adotta embargo fuq l-armi, projbizzjoni ta’ esportazzjoni ta’ materjal li jista’ jintuża għall-finijiet ta’ repressjoni interna, restrizzjonijiet tad-dħul fl-Unjoni Ewropea kif ukoll iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ ċerti persuni u entitajiet responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana.

3        L-ismijiet tal-persuni responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana kif ukoll dawk tal-persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, u tal-entitajiet li huma assoċjati magħhom jissemmew fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/273. Isem ir-rikorrent ma huwiex inkluż. Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta ta’ Stat Membru jew ta’ Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jista’ jemenda l-lista li tinsab fl-imsemmi anness. L-isem tar-rikorrent ma jidhirx f’dan l-anness.

4        Peress li wħud mill-miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Arbija tas-Sirja jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Trattat FUE, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 442/2011, tad-9 ta’ Mejju 2011, dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 121, p. 1). Dan ir-regolament huwa, fil-parti l-kbira, identiku għad-Deċiżjoni 2011/273, iżda jipprovdi possibbiltajiet għar-rilaxx ta’ fondi ffriżati. Il-lista li tidher fl-Anness II tal-imsemmi regolament hija identika għal dik li tidher fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/273 u isem ir-rikorrent ma huwiex inkluż. Skont l-Artikolu 14(1) u (4) tar-Regolament Nru 442/2011, meta l-Kunsill jiddeċiedi li japplika, fil-konfront ta’ persuna, ta’ entità jew ta’ korp, il-miżuri restrittivi previsti, huwa jemenda l-Anness II f’dan is-sens u, min-naħa l-oħra, jeżamina l-lista li tidher fih b’intervalli regolari u minn tal-inqas kull tnax-il xahar.

5        Permezz tad-Deċiżjoni 2011/522/PESK, tat-2 ta’ Settembru 2011 (ĠU L 228, p. 16), il-Kunsill emenda d-Deċiżjoni 2011/273, billi ppreveda li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, anki fir-rigward tal-anness tagħha, kien jinkludi wkoll il-“persuni li jibbenefikaw minn jew li jappoġġaw ir-reġim, u ta’ persuni assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness”. Isem ir-rikorrent jinsab fl-ewwel linja tat-tabella tal-anness tal-imsemmija deċiżjoni, flimkien mar-referenza “2.09.2011” u r-raġunijiet li ġejjin:

“President tal-Kamra tal-Kummerċ u tal-industrija ta’ Alep. Jappoġġa ekonomikament lir-reġim Sirjan.”

6        Permezz tar-Regolament (UE) Nru 878/2011, tat-2 ta’ Settembru 2011, li jemenda r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU L 228, p. 1), il-Kunsill estenda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness II tar-Regolament Nru 442/2011 għal “persuni u entitajiet li jibbenefikaw mir-reġim jew jappoġġawh, jew persuni u entitajiet assoċjati magħhom”. Isem ir-rikorrent jinsab fl-ewwel linja tat-tabella ta’ dan l-anness bl-istess raġunijiet u informazzjoni bħal dawk imsemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/522.

7        Fit-3 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill ippubblika avviż għall-attenzjoni tal-persuni u tal-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2011/522 u mir-Regolament Nru 878/2011 (ĠU C 261, p. 4).

8        Permezz tad-Deċiżjoni 2011/782/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 319, p. 56), il-Kunsill qies li, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fis-Sirja, kien meħtieġ li jiġu imposti miżuri restrittivi addizzjonali, bħal, b’mod partikolari, restrizzjonijiet fil-qasam tal-finanzjament ta’ impriżi jew ta’ parteċipazzjoni f’ċerti proġetti ta’ infrastruttura. Għall-finijiet ta’ ċarezza, il-miżuri imposti bid-Deċiżjoni 2011/273 u l-miżuri addizzjonali ġew integrati fi strument legali wieħed. Isem ir-rikorrent jidher fil-linja 51 tat-tabella tal-Anness I ta’ din l-aħħar deċiżjoni bl-istess informazzjoni u raġunijiet bħal dawk imsemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/522.

9        Fit-2 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill ippubblika avviż għall-attenzjoni tal-persuni u tal-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2011/782 u fir-Regolament Nru 442/2011, kif implimentati bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 1244/2011, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU C 351, p. 14).

10      Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012, tat-18 ta’ Jannar 2012, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU L 16, p. 1), jipprevedi miżuri restrittivi ġodda u jemenda l-lista ta’ persuni u ta’ entitajiet ikkonċernati. Isem ir-rikorrent jidher fil-linja 51 tat-tabella tal-Anness II tal-imsemmi Regolament bl-istess informazzjoni u raġunijiet bħal dawk imsemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/522.

11      Fl-24 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill ippubblika avviż għall-attenzjoni tal-persuni u tal-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2011/782, implementata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/37/PESK, u fir-Regolament Nru 36/2012, implementat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 55/2012, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU C 19, p. 5).

12      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK, tad-29 ta’ Novembru 2012, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li temenda d-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 330, p. 21), il-miżuri restrittivi inkwistjoni ġew integrati fi strument legali wieħed. Isem ir-rikorrent jidher fil-linja 49 tat-tabella tal-Anness I tal-imsemmija deċiżjoni b’parzjalment l-istess informazzjoni u raġunijiet bħal dawk imsemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/522. Il-Kunsill indika wkoll raġuni ġdida, jiġifieri “Viċi President ta’ Cham Holding”.

13      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1117/2012, tad-29 ta’ Novembru 2012, li jimplimenta l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 330, p. 9), jemenda l-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012. Isem ir-rikorrent jidher fil-linja 1 tat-tabella tal-imsemmi anness bl-istess informazzjoni u raġunijiet bħal dawk imsemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni 2012/739.

14      Fit-30 ta’ Novembru 2012, il-Kunsill ippubblika avviż għall-attenzjoni tal-persuni u tal-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2012/739 u fir-Regolament Nru 36/2012, implementat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1117/2012 (ĠU C 370, p. 6).

15      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/185/PESK, tat-22 ta’ April 2013, li timplimenta d-Deċiżjoni 2012/739 (ĠU L 111, p. 77), għandha l-għan li taġġorna l-lista ta’ persuni u entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi li tidher fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2012/739. Isem ir-rikorrent jidher fil-linja 49 tat-tabella ta’ dan l-anness bl-istess informazzjoni u raġunijiet bħal dawk imsemmija fid-Deċiżjoni 2012/739.

16      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 363/2013, tat-22 ta’ April 2013, li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 111, p. 1), jemenda l-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012. Isem ir-rikorrent jidher fil-linja 49 tat-tabella tal-imsemmi anness bl-istess informazzjoni u raġunijiet bħal dawk imsemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni 2012/739.

17      Fit-23 ta’ April 2013, il-Kunsill ippubblika avviż għall-attenzjoni tal-persuni u tal-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2012/739, implimentata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/185, u bir-Regolament Nru 36/2012, implementat bir-Regolament ta’ implimentazzjoni Nru 363/2013 (ĠU C 115, p. 5).

18      Fil-31 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 147, p. 14). Isem ir-rikorrent jidher fil-linja 49 tal-Anness I tal-imsemmija deċiżjoni bl-istess informazzjoni u raġunijiet bħal dawk imsemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni 2012/739.

19      Fl-1 ta’ Ġunju 2013, il-Kunsill ippubblika avviż għall-attenzjoni tal-persuni u tal-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2013/255 u fir-Regolament Nru 36/2012 (ĠU C 155, p. 1).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrent ressaq rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni 2011/522, ir-Regolament Nru 878/2011, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/684/PESK, tat-13 ta’ Ottubru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 269, p. 33), u kontra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1011/2011, tat-13 ta’ Ottubru 2011, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU L 269, p. 18), sa fejn dawn kienu jikkonċernawh, kif ukoll kontra kull leġiżlazzjoni sussegwenti intiża li żżomm fis-seħħ dawn l-atti sa fejn jikkonċernawh.

21      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrent ippreżenta talba għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

22      Permezz ta’ deċiżjoni tat-20 ta’ Jannar 2012, il-Qorti Ġenerali (is-Sitt Awla) ċaħdet din it-talba.

23      Permezz ta’ digriet tal-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tal-30 ta’ April 2012, intlaqgħet it-talba għal intervent tal-Kummissjoni Ewropea insostenn tat-talbiet tal-Kunsill, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Marzu 2012.

24      Fir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ April 2012, ir-rikorrent adatta t-talbiet tiegħu fejn talab ukoll l-annullament tad-Deċiżjoni 2011/782 u tar-Regolament Nru 36/2012, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh. Fil-kontroreplika, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Mejju 2012, il-Kunsill ħa konjizzjoni tat-talba tar-rikorrent.

25      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrent adatta t-talbiet tiegħu fejn talab biss l-annullament tad-Deċiżjoni 2012/739, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1117/2012, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013 u tad-Deċiżjoni 2013/255, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh, kif ukoll ta’ kull leġiżlazzjoni sussegwenti sa fejn din iżżomm fis-seħħ jew tissostitwixxi dawn l-atti, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh. Permezz tal-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-imsemmija nota ta’ adattament tat-talbiet, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Settembru 2013, il-Kunsill, filwaqt li ħa konjizzjoni tat-talba tar-rikorrent, madankollu kkontesta l-argument tar-rikorrent li jgħid li huwa ma għadux Viċi President ta’ Cham Holding.

26      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u peress li l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Seba’ Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lis-Seba’ Awla.

27      Wara r-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-Kunsill u lir-rikorrent jirrispondu għal ċerti domandi bil-miktub u sabiex jipproduċu, fejn meħtieġ, ċerti dokumenti. Il-partijiet wieġbu għal din l-istedina u għal dawn il-mistoqsijiet.

28      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2014. Ir-rikorrent ikkonferma li kien qed jirrinunċja għat-talba għall-annullament ta’ kull leġiżlazzjoni sussegwenti sa fejn din iżżomm fis-seħħ jew tissostitwixxi dawn l-atti, fatt li tniżżel fil-proċess verbal tas-seduta.

29      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni 2011/522, ir-Regolament Nru 878/2011, id-Deċiżjoni 2011/782, ir-Regolament Nru 36/2012, id-Deċiżjoni 2012/739, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1117/2012, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 363/2013 u d-Deċiżjoni 2013/255 (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti kkontestati”);

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

30      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

31      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent inizjalment invoka erba’ motivi li huma bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tad-dritt ta’ amministrazzjoni tajba u, b’mod partikolari, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, it-tielet wieħed, fuq ksur tad-drittijiet fundamentali, fosthom id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għall-unur u għar-reputazzjoni, id-dritt għax-xogħol, il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll id-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenża u, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fin-nota ta’ adattament, ir-rikorrent jinvoka wkoll il-ħames motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

32      Il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-ewwel it-tieni motiv, wara l-ewwel u l-ħames motivi u, fl-aħħar nett, it-tielet u r-raba’ motivi kkunsidrati flimkien.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

33      Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiegħu, peress li kien obbligat li jikkomunikalu, sa fejn possibbli, ir-raġunijiet li għalihom ismu ġie inkluż fil-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, l-ewwel nett meta ġiet adottata d-deċiżjoni li ismu jiġi inkluż fil-lista, it-tieni nett, l-iktar tard, kemm jista’ jkun malajr wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni sabiex ikun jista’ jeżerċita d-dritt għal azzjoni legali tiegħu fit-termini stabbiliti.

34      Ir-rikorrent jinvoka wkoll ksur tad-dritt għal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jirriżulta minn ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu minħabba l-assenza ta’ proċedura li tippermettilu jesponi l-opinjoni tiegħu kif ukoll minħabba r-rifjut tal-Kunsill li jagħtih aċċess għall-fajl f’terminu raġonevoli wara l-promulgazzjoni ta’ dawn il-miżuri, b’mod partikolari, għall-provi użati biex jiġġustifikaw il-miżuri restrittivi imposti.

35      Il‑Kunsill, sostnut mill‑Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrent.

36      Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, stabbilit fl-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jinkludi d-dritt għal smigħ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl b’osservanza tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi II”, punt 99, u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Barra minn hekk, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġ li l-persuna kkonċernata tkun tista’ ssir taf ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha jew mill-qari tad-deċiżjoni nnfisha, jew inkella permezz ta’ komunikazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet magħmula fuq talba tagħha, bla ħsara għas-setgħa tal-qorti kompetenti li teħtieġ li l-awtorità inkwistjoni tikkomunikahom, sabiex hija tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li tiddeċiedi, b’konoxxenza sħiħa tal-fatti inkwistjoni, jekk huwiex utli li tressaq kawża quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni, kif ukoll sabiex tippermetti lil din tal-aħħar tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara s-sentenza Kadi II, punt 100, u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      L-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali madankollu jipprovdi għal limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti fiha, sakemm il-limitazzjoni kkonċernata tirrispetta l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni u sakemm, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun neċessarja u tirrispondi effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni (ara s-sentenza Kadi II, punt 101, u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ inkwistjoni, b’mod partikolari tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza Kadi II, punt 102, u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq il-komunikazzjoni tal-atti kkontestati lir-rikorrent

40      F’dak li jirrigwarda l-komunikazzjoni tal-atti kkontestati lir-rikorrent, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, l-inklużjoni inizjali ta’ isem persuna fil-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi permezz ta’ deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, iż-żamma tal-inklużjoni ta’ isem din il-persuna fl-imsemmija lista permezz ta’ deċiżjonijiet sussegwenti.

41      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-inklużjoni inizjali ta’ isem persuna f’lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, l-awtoritajiet tal-Unjoni ma jistgħux jintalbu jikkomunikaw ir-raġunijiet tal-imsemmija miżuri qabel l-inklużjoni inizjali ta’ isem persuna jew entità f’tali lista (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2013, Makhlouf vs Il-Kunsill, T‑383/11, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, tali komunikazzjoni minn qabel tkun tali li tikkomprometti l-effettività tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi imposti minn dawn id-deċiżjonijiet (ara s-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Għalhekk, sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mid-Deċiżjoni 2011/522 u mir-Regolament Nru 878/2011, li fl-annessi tagħhom kien ġie inizjalment inkluż isem ir-rikorrent, tali miżuri għandhom, min-natura tagħhom stess, jibbenefikaw minn effett ta’ sorpriża u japplikaw b’effett immedjat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Għal raġunijiet relatati wkoll mal-għan imfittex minn din id-deċiżjoni u mal-effettività tal-miżuri previsti minnha, l-awtoritajiet tal-Unjoni lanqas ma huma obbligati jisimgħu lir-rikorrent qabel l-inklużjoni inizjali ta’ ismu fil-lista li tidher f’dawn l-annessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda n-notifika anterjuri tad-deċiżjonijiet ta’ żamma tal-inklużjoni ta’ isem persuna f’lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, minn qari flimkien tal-punti 101 u 103 tas-sentenza Kadi II jirriżulta li, fir-rigward ta’ deċiżjoni li isem persuna jinżamm f’tali lista, bil-kontra ta’ dak li jiġri fil-każ ta’ inklużjoni inizjali, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni, bħala prinċipju, hija obbligata li, qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, tikkomunika lill-persuna kkonċernata l-elementi li din l-awtorità għandha sabiex issostni d-deċiżjoni tagħha, u dan sabiex din il-persuna tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha.

45      Madankollu, meta l-Kunsill jikkompleta l-motivazzjoni tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent f’lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, bħal f’dan il-każ fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2012/739 u tar-Regolament Nru 1117/2012, għandha ssir distinzjoni skont l-atti inkwistjoni.

46      F’dan il-każ, fir-rigward tad-Deċiżjoni 2011/782 u tar-Regolament Nru 36/2012 li jżommu l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi li jinsabu fl-annessi tal-imsemmija atti mingħajr ma jbiddlu l-motivazzjoni tal-inklużjoni inizjali, għandu jitfakkar li, għalkemm kull deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi għandha bħala prinċipju tkun ippreċeduta minn komunikazzjoni tal-elementi inkolpatorji l-ġodda u minn smigħ (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, Ġabra p. I‑13427, punt 137, u tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Diċembru 2010, Fahas vs Il-Kunsill, T‑49/07, Ġabra p. II‑5555, punt 48), dan ma huwiex il-każ meta r-raġunijiet għal deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi jkunu essenzjalment l-istess bħal dawk diġà invokati fl-okkażjoni ta’ deċiżjoni preċedenti. Għalhekk, sempliċi dikjarazzjoni f’dan is-sens tkun biżżejjed (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Sison vs Il-Kunsill, T‑341/07, Ġabra p. II‑3625, punt 62, u Fahas vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

47      Fid-dawl tal-imsemmija ġurisprudenza, l-assenza ta’ notifika individwali tad-Deċiżjoni 2011/782 u tar-Regolament Nru 36/2012, li fihom il-Kunsill illimita ruħu li jirriproduċi r-raġunijiet għall-inklużjoni inizjali, mingħajr ma żied jew biddel xejn, ma tippreġudikax id-drittijiet tad-difiża.

48      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-Deċiżjoni 2012/739 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1117/2012 li fihom il-Kunsill biddel il-motivazzjoni tal-inklużjoni inizjali ta’ isem ir-rikorrent fil-lista inkwistjoni, għandu jitfakkar li fil-kuntest ta’ tali atti, il-komunikazzjoni tal-elementi inkolpatorji l-ġodda u d-dritt għal smigħ għandhom ikunu żgurati qabel l-adozzjoni ta’ dawn l-atti (sentenza Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill informa lir-rikorrent bl-intenzjoni tiegħu li jbiddel ir-raġunijiet tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Mejju 2012. Għalhekk, ir-rikorrent kien f’pożizzjoni li jippreżenta osservazzjonijiet dwar ir-raġuni l-ġdida proposta. Għaldaqstant, ir-rikorrent ma kienx iġġustifikat li jqis li l-Kunsill kien kiser id-dritt għal smigħ tiegħu fir-rigward tad-Deċiżjoni 2012/739 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1117/2012.

50      Fir-rigward tad-Deċiżjoni 2013/255 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 363/2013, sa fejn l-imsemmija atti jirriproduċu kelma b’kelma l-motivazzjoni esposta fid-Deċiżjoni 2012/739 u fir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1117/2012, l-assenza ta’ notifika individwali ta’ dawn l-atti ma tippreġudikax id-drittijiet tad-difiża.

 Fuq id-dritt għal smigħ u d-dritt li jirċievi l-provi

51      Skont il-ġurisprudenza dwar id-deċiżjonijiet ta’ żamma tal-inklużjoni ta’ isem persuna f’lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, meta l-persuna jew l-entità kkonċernata tifformula osservazzjonijiet dwar l-espożizzjoni tal-motivi, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha l-obbligu li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, il-fondatezza tar-raġunijiet allegati, fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u tal-eventwali elementi skolpatorji prodotti magħhom (ara s-sentenza Kadi II, punt 114, u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Kif enfasizza l-Kunsill, l-Artikolu 21 tad-Deċiżjoni 2011/782, l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 36/2012, l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni 2012/739 u l-Artikolu 30 tad-Deċiżjoni 2013/255 jipprevedu li, jekk jiġu fformulati osservazzjonijiet jew jekk jiġu prodotti provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jerġa jeżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma b’dan lill-persuna jew lill-entità kkonċernata.

53      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li huwa biss fuq talba tal-parti kkonċernata li l-Kunsill huwa obbligat jagħtiha aċċess għad-dokumenti amministrattivi mhux kunfidenzjali dwar il-miżura inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, C‑548/09 P, Ġabra p. I‑11381, punt 92).

54      Barra minn dan, għandu jitfakkar li l-pubblikazzjoni ta’ avviż għall-attenzjoni tal-persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi ta’ dan it-tip hija suffiċjenti sabiex tiġbed l-attenzjoni tal-persuni kkonċernati mill-miżuri restrittivi dwar il-possibbiltà li jikkontestaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il-Kunsill, C‑478/11 P sa C‑482/11 P, punt 62).

55      F’dan il-każ, avviż ta’ dan it-tip ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-ġurnata stess tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni 2011/522 u tar-Regolament Nru 878/2011, jiġifieri fit-3 ta’ Settembru 2011. Permezz ta’ dan l-avviż il-persuni kkonċernati ġew informati bil-possibbiltà li jitolbu l-komunikazzjoni tal-elementi li kienu mmotivaw l-atti adottati. Il-Kunsill aġixxa bl-istess mod fir-rigward tad-Deċiżjoni 2011/782 u tar-Regolament Nru 36/2012, billi ppubblika avviż tal-istess tip fil-Ġurnal Uffiċjali. Għalhekk ir-rikorrent ma kienx iġġustifikat li jsostni li ma kellux l-opportunità u l-okkażjoni li jiddefendi ruħu.

56      Fir-rigward tad-Deċiżjoni 2012/739, tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1117/2012, tad-Deċiżjoni 2013/185 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 363/2013, il-Kunsill informa lir-rikorrent bil-possibbiltà li jitlob il-komunikazzjoni tal-elementi li kienu mmotivaw l-adozzjoni tal-imsemmija atti permezz ta’ żewġ ittri ta’ notifika individwali tat-30 ta’ Novembru 2012 u tat-13 ta’ Mejju 2013. Għalhekk, ir-rikorrent kien f’pożizzjoni li jitlob tali komunikazzjoni u li jipprepara d-difiża tiegħu.

57      Barra minn hekk, mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li r-rikorrent uża l-proċeduri mfakkra fil-punt 54 iktar ’il fuq. Għalhekk, huwa ma huwiex fondat li jsostni li l-Kunsill kiser id-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

58      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

59      Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill adotta miżuri restrittivi li jikkonċernawh mingħajr ma informah bir-raġunijiet, b’mod li ma taħx il-possibbiltà li jesponi l-motivi ta’ difiża tiegħu jew li jagħmel osservazzjonijiet oħra, billi uża formoli ġeneriċi sterjotipati mingħajr ma speċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni jew ir-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tal-atti kkontestati.

60      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

61      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju għall-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex eventwalment ivvizzjat b’difett li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dan l-att (ara s-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Skont ġurisprudenza daqstant stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Sa fejn il-persuna jew l-entità kkonċernata ma għandhiex dritt li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa ħafna iktar importanti, għaliex jikkostitwixxi l-unika garanzija li tippermetti li l-persuna kkonċernata, minn tal-inqas wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, tagħmel użu effettiv mir-rimedji għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkontesta l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni (ara s-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Għaldaqstant, il-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi għandha tidentifika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom il-Kunsill jikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li l-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal tali miżura (ara s-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Madankollu, il-ħtieġa ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tar-raġunijiet invokati u tal-interess li l-destinatarji jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet (ara s-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Għalhekk, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, peress li l-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tad-diċitura tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65, u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      B’mod partikolari, att l jikkawża preġudizzju jkun immotivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (ara s-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66, u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda l-għarfien mir-rikorrent tal-kuntest ġenerali li fih ġew imposti l-miżuri restrittivi inkwistjoni, għandu jiġi osservat li l-premessi 1 sa 3 tad-Deċiżjoni 2011/273, li għaliha jagħmlu riferiment id-Deċiżjoni 2011/522 u r-Regolament Nru 878/2011, jesponu b’mod ċar ir-raġunijiet ġenerali tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi kontra s-Sirja mill-Unjoni billi jindikaw dan li ġej:

“(1)      Fid-29 ta’ April 2011, l-Unjoni Ewropea esprimiet it-tħassib serju tagħha dwar is-sitwazzjoni li qed tiżvolġi fis-Sirja u l-iskjerament ta’ forzi militari u ta’ sigurtà f’għadd ta’ bliet Sirjani.

(2)      L-Unjoni kkundannat bil-qawwa r-repressjoni vjolenti, inkluż permezz tal-użu ta’ munizzjon attiv, ta’ protesti paċifiċi f’lokalitajiet differenti madwar is-Sirja li wasslet għall-mewt ta’ diversi dimostranti, il-feriment ta’ persuni u detenzjonijiet arbitrarji, u appellat lill-forzi tas-sigurtà tas-Sirja biex jeżerċitaw trażżin minflok repressjoni.

(3)      Fid-dawl tas-serjetà tas-sitwazzjoni, għandhom jiġu imposti miżuri restrittivi kontra s-Sirja u kontra l-persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja.”

69      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2011/273 kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/522, “[i]l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati minn, persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, persuni u entitajiet li jibbenefikaw minn jew li jappoġġaw ir-reġim, u persuni u entitajiet assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.”

70      Barra minn hekk, l-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni 2012/739 jipprevedi li miżuri li jistgħu jittieħdu kontra persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, persuni u entitajiet li jibbenefikaw minn jew li jappoġġaw ir-reġim, u persuni u entitajiet assoċjati magħhom.

71      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li jista’ jiġi preżunt li l-kuntest ġenerali li għalih jagħmlu riferiment l-atti kkontestati kien magħruf mill-personalitajiet importanti tas-soċjetà Sirjana (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq). Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrent huwa, kif jirriżulta mill-atti tal-proċess u mid-dikjarazzjonijiet tiegħu stess, negozjant importanti fis-Sirja li jopera prinċipalment fis-settur farmaċewtiku, f’dak tal-ikel u f’dak finanzjarju. Barra minn hekk, ir-rikorrent huwa wkoll il-President tal-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ Alep (is-Sirja). Għalhekk, ir-rikorrent kien neċessarjament jaf il-kuntest ġenerali li għalih jagħmlu riferiment l-imsemmija atti.

72      Fir-rigward tal-kuntest speċifiku tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi annessi mal-atti kkontestati, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex jeżonera ruħu b’mod korrett mill-obbligu tiegħu li jimmotiva att li jimponi miżuri restrittivi, il-Kunsill għandu jiddikjara l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata l-ġustifikazzjoni legali ta’ dawn il-miżuri u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh biex jeħodhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, il-motivazzjoni ta’ tali att għandha tkun ibbażata mhux biss fuq ir-rekwiżiti legali ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi, iżda wkoll fuq ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill jikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, li l-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T‑228/02, Ġabra p. II‑4665, punt 146; Fahas vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53, u tal-11 ta’ Diċembru 2012, Sina Bank vs Il-Kunsill, T‑15/11, punt 68).

73      Madankollu, skont il-ġurisprudenza, pubblikazzjoni ddettaljata tal-ilmenti mressqa kontra l-partijiet ikkonċernati tista’ mhux biss tmur kontra l-kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jirrigwardaw is-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tiegħu, jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, iżda wkoll tippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuni u tal-entitajiet inkwistjoni, sa fejn din tista’ tikkawża dannu gravi għar-reputazzjoni tagħhom, b’tali mod li għandu jiġi ammess eċċezzjonalment li huma biss id-dispożittiv, kif ukoll motivazzjoni ġenerali, li għandhom jidhru fil-verżjoni tad-deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, peress li huwa mifhum li l-motivazzjoni speċifika u konkreta ta’ din id-deċiżjoni għandha tiġi fformalizzata u mgħarrfa lill-partijiet ikkonċernati b’kull mezz ieħor li huwa xieraq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 147, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ġunju 2011, Bamba vs Il-Kunsill, T‑86/11, Ġabra p. II‑2749, punt 53).

74      F’dan il-każ, fid-Deċiżjoni 2011/522, fir-Regolament Nru 878/2011, fid-Deċiżjoni 2011/782 u fir-Regolament Nru 36/2012, il-Kunsill ibbaża ruħu, fir-rigward tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, fuq ir-raġunijiet li ġejjin:

“President tal-Kamra tal-Kummerċ u tal-industrija ta’ Alep. Jappoġġa ekonomikament lir-reġim Sirjan.”

75      Fid-Deċiżjoni 2012/739, fir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1117/2012, fir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 363/2013 u fid-Deċiżjoni 2013/255, il-Kunsill ibbaża ruħu, fir-rigward tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, fuq ir-raġunijiet li ġejjin:

“President tal-Kamra tal-Kummerċ u tal-industrija ta’ Alep. Viċi President ta’ Cham Holding. Jappoġġa ekonomikament lir-reġim Sirjan.”

76      Għandu jiġi kkonstatat li r-raġunijiet imsemmija fil-punti 74 u 75 iktar ’il fuq huma ċari u preċiżi biżżejjed. Fil-fatt, fid-dawl tal-kriterju ta’ inklużjoni li jirrigwarda l-persuni li jappoġġaw ir-reġim Sirjan u dawk li jibbenefikaw minnu (ara l-punt 5 iktar ’il fuq) kif ukoll fid-dawl tal-fatt li l-listi annessi mall-atti kkontestati jikkonċernaw diversi personalitajiet oħra fl-isfera tan-negozju Sirjana, ir-rikorrent kien f’pożizzjoni li jifhem li l-eżerċizzju tal-funzjonijiet professjonali sinjifikattivi tiegħu kien jikklassifikah bħala persuna li tappoġġa r-reġim Sirjan, u li kien għalhekk li ismu ġie inkluż f’dawn il-listi. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrent ikkontesta r-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ ismu fl-imsemmija listi.

77      Konsegwentement, il-motivazzjoni tal-atti kkontestati hija suffiċjenti sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Kunsill għandu skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni

78      Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tal-fatti meta semma l-funzjoni tiegħu ta’ Viċi President ta’ Cham Holding, peress li fid-data tal-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1117/2012 u tad-Deċiżjoni 2012/739, kif ukoll sussegwentement, huwa ma kellux din il-kariga, sa fejn il-ħatra, mill-assemblea ġenerali annwali, ta’ Viċi President ġdid saret effettiva mit-18 ta’ Settembru 2012.

79      Il‑Kunsill, sostnut mill‑Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrent.

80      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tressaq biss fil-kuntest tan-nota ta’ adattament tat-talbiet tas-16 ta’ Lulju 2013 u mhux fir-rikors. Dan jirrigwarda l-frażi “Viċi President ta’ Cham Holding” u mhux ir-raġunijiet li fuqhom ibbaża ruħu l-Kunsill fil-kuntest tal-inklużjoni inizjali ta’ isem ir-rikorrent f’lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi.

81      F’dan ir-rigward, kif imfakkar fil-punt 49 iktar ’il fuq, permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Mejju 2012 il-Kunsill kien informa lir-rikorrent bl-intenzjoni tiegħu li jikkompleta l-motivazzjoni tal-inklużjoni ta’ ismu f’lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi billi jinkludi, bħala raġuni, il-kwalità tiegħu ta’ Viċi President ta’ Cham Holding.

82      Barra minn hekk, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, waqt l-assemblea ġenerali annwali ta’ Cham Holding, imlaqqa’ fit-18 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrent ma kienx ippreżenta l-kandidatura tiegħu sabiex jerġa jiġi elett fil-kariga ta’ Viċi President.

83      Barra minn hekk, fid-29 ta’ Novembru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/739 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1117/2012. Il-motivazzjoni għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, annessa mal-imsemmija atti, ġiet emendata fis-sens imħabbar mill-Kunsill fl-ittra preċedenti tiegħu.

84      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, ir-rikorrent ma kienx għadu jeżerċita l-funzjonijiet ta’ Viċi President ta’ Cham Holding.

85      Madankollu, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrent kien avżat bl-emenda ppjanata tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2012/739 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1117/2012, fid-data ta’ meta seħħet il-bidla fi ħdan il-management ta’ Cham Holding, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat talli uża din il-motivazzjoni fl-annessi tal-imsemmija atti.

86      Madankollu, fir-rigward tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 363/2013 u tad-Deċiżjoni 2013/255, adottati rispettivament fit-22 ta’ April 2013 u fil-31 ta’ Mejju 2013, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill kien f’pożizzjoni li jirrettifika l-motivazzjoni ta’ dawn l-atti peress li bejn iż-żamma tal-assemblea ġenerali u l-adozzjoni tal-atti kkontestati kienu għaddew madwar tmien xhur.

87      Għandu wkoll jiġi enfasizzat li r-rikorrent qatt ma kkontesta l-fondatezza tal-motivazzjoni tal-atti kkontestati fir-rigward tal-kariga tiegħu ta’ President tal-Kamra tal-Kummerċ u tal-industrija ta’ Alep. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa biżżejjed li raġuni waħda biss tkun valida sabiex issostni l-imsemmija atti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi II, punt 119). Għalhekk, l-iżball ta’ evalwazzjoni kkonstatat fil-punt 86 iktar ’il fuq dwar il-fondatezza tar-raġuni ta’ inklużjoni addizzjonali ma jistax iwassal għall-annullament ta’ dawn l-atti.

88      Għaldaqstant, hemm lok li l-ħames motiv jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet u r-raba’ motivi, ibbażati fuq ksur tad-drittijiet fundamentali, fosthom id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għall-unur u għar-reputazzjoni, id-dritt għax-xogħol, il-libertà ta’ stabbiliment u d-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza, tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

89      L-ewwel nett, ir-rikorrent isostni li r-restrizzjonijiet ta’ tul indeterminat għad-dritt għall-proprjetà tiegħu imposti permezz tal-atti kkontestati, kif ukoll in-natura inapproprjata tar-raġunijiet u l-assenza ta’ provi li jistgħu jiġġustifikaw dawn ir-restrizzjonijiet, jikkostitwixxu preġudizzju sproporzjonat u intollerabbli għad-dritt għall-proprjetà tiegħu.

90      It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li l-atti kkontestati jirrestrinġu b’mod illegali d-dritt tiegħu għall-unur u għar-reputazzjoni, id-dritt tiegħu għax-xogħol u l-libertà ta’ stabbiliment tiegħu kif ukoll, fl-aħħar nett, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

91      It-tielet nett, ir-rikorrent isostni li l-atti kkontestati jiksru d-dritt tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata, “inkwantu l-miżuri ta’ ffriżar tal-fondi u r-restrizzjoni tal-moviment liberu joħolqu dannu b’mod sporporzjonat għad-dritt fundamentali ta’ rispett tal-ħajja privata kif ukoll [ksur tal-] għall-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità”.

92      Il‑Kunsill, sostnut mill‑Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrent.

93      L-ewwel nett, l-argument dwar ksur tad-dritt għall-unur u għar-reputazzjoni, tad-dritt għax-xogħol u tal-libertà ta’ stabbiliment tar-rikorrent kif ukoll tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, ma jistax jiġi milqugħ.

94      Fil-fatt, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jagħti sunt tal-motivi u li din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti li l-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u li l-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Jannar 2003, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑178/00, Ġabra p. I‑303, punt 6). Ir-rikors għandu, għalhekk, jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’mod li s-sempliċi dikjarazzjoni astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il-Kummissjoni, T‑102/92, Ġabra p. II‑17, punt 68).

95      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-argument dwar ksur tad-drittijiet fundamentali msemmija fil-punt 90 iktar ’il fuq ma jinkludix b’mod ċar u preċiż biżżejjed il-kritika li r-rikorrent beħsiebu jagħmel. Minn dan isegwi li l-Kunsill ma ngħatax l-opportunità li jipprepara korrettament id-difiża tiegħu u li l-Qorti Ġenerali ma tistax, minn qari tal-imsemmi argument, teżerċita l-istħarriġ tagħha.

96      Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li peress li r-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura huma ta’ ordni pubbliku, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tqajjem ex officio motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 1990, Automec vs Il-Kummissjoni, T‑64/89, Ġabra p. II‑367, punt 74, u tal-14 ta’ Frar 2012, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑267/06, I-01757, punti 35 sa 38). Għalhekk, l-argument dwar id-drittijiet fundamentali msemmija fil-punt 90 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud għaliex inammissibbli.

97      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument dwar il-ksur tad-dritt għall-proprjetà, għandu l-ewwel nett jitfakkar li d-dritt għall-proprjetà jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u huwa sanċit fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

98      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet sanċiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma għandhomx, fid-dritt tal-Unjoni, protezzjoni assoluta, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà. Għaldaqstant, jistgħu jsiru restrizzjonijiet għall-użu ta’ dawn id-drittijiet, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Unjoni u ma jammontawx, fir-rigward tal-għan imfittex, għal intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 97 sa 101 u 105).

99      Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għall-każ preżenti, għandu jiġi osservat li l-argumenti invokati mir-rikorrent jikkorrispondu għal dawk li l-Qorti Ġenerali ċaħdet fil-kawża li tat lok għas-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra r-rikorrent hija ta’ natura xierqa, sa fejn din tifforma parti mill-għan ta’ protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili li huwa ta’ interess ġenerali tant fundamentali għall-komunità internazzjonali. Fil-fatt, l-iffriżar ta’ fondi, ta’ assi finanzjarji u ta’ riżorsi ekonomiċi oħra kif ukoll il-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Unjoni fir-rigward tal-persuni identifikati bħala involuti fis-sostenn tar-reġim Sirjan ma jistgħux, bħala tali, jitqiesu mhux xierqa.

100    Iktar minn hekk, il-miżuri restrittivi inkwistjoni huma wkoll ta’ natura neċessarja peress li l-miżuri alternattivi u inqas restrittivi, bħal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jew obbligu ta’ ġustifikazzjoni a posteriori tal-użu tal-fondi mħallsa, ma jippermettux li jintlaħaq b’mod daqstant effettiv l-għan imfittex, jiġifieri l-ġlieda kontra l-finanzjament tar-reġim Sirjan, b’mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu evitati r-restrizzjonijiet imposti.

101    Barra minn hekk, l-atti kkontestati, li jinkludu l-miżuri restrittivi inkwistjoni, ġew adottati b’osservanza tal-garanziji kollha li jippermettu li r-rikorrent jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu, kif diġà ġie osservat fil-punti 36 sa 58, fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni motiv.

102    Fl-aħħar nett, l-atti kkontestati jipprevedu l-possibbiltà li jiġi awtorizzat l-użu tal-fondi ffriżati sabiex jiġu sodisfatti ċerti bżonnijiet essenzjali jew ċerti impenji, li jingħataw awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jippermettu li fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi oħra ma jibqgħux iffriżati u li l-inklużjoni fil-lista tiġi riveduta perjodikament sabiex jiġi żgurat li jitneħħew l-ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet li ma għadhomx jissodisfaw il-kriterji meħtieġa għall-inklużjoni fil-lista kkontestata.

103    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument dwar ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, għandu jiġi osservat li l-atti kkontestati jipprevedu wkoll li l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tawtorizza d-dħul fit-territorju tagħha, b’mod partikolari għal raġunijiet urġenti ta’ natura umanitarja (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Marzu 2014, Al Assad vs Il-Kunsill, T‑202/12, punt 119).

104    Għaldaqstant, fid-dawl tal-importanza primordjali tal-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili fis-Sirja u tad-derogi previsti mid-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-restrizzjonijiet għad-dritt tal-proprjetà u għar-rispett tal-ħajja privata tar-rikorrent ikkawżati bid-deċiżjonijiet ikkontestati ma humiex sproporzjonati meta mqabbla mal-għan imfittex.

105    Għalhekk, it-tielet u r-raba’ motiv għandhom jiġu miċħuda.

106    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-talbiet għall-adattament tat-talbiet imressqa fl-istadju tar-replika u permezz tan-nota tas-16 ta’ Lulju 2013.

 Fuq l-ispejjeż

107    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll għall-dawk sostnuti mill-Kunsill, inklużi dawk relatati mall-proċeduri għal miżuri provviżorji, kif mitlub mill-Kunsill.

108    Madankollu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l‑istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Fares Al-Chihabi huwa kkundannat għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll għall-dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Van der Woude

Wiszniewska-Białecka

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ April 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.