Language of document : ECLI:EU:C:2010:819

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

22 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Politika soċjali − Direttiva 1999/70/KE − Klawżola 4 tal-ftehim qafas ETUC, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien fiss − Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni − Applikazzjoni tal-ftehim qafas għall-persunal temporanju ta’ komunità awtonoma − Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi differenza fit-trattament fil‑qasam tal-għoti ta’ allowance ta’ rtirar ibbażata biss fuq in-natura temporanja tar-relazzjoni tax-xogħol − Obbligu li jiġi rrikonoxxut b’effett retroattiv, id-dritt għall‑allowance ta’ rtirar”

Fil-Kawżi magħquda C‑444/09 u C‑456/09,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, mressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n° 3 de A Coruña (Spanja) u l-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n° 3 de Pontevedra (Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-30 ta’ Ottubru u tat-12 ta’ Novembru 2009, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fis-16 u fit-23 ta’ Novembru 2009, fil-proċedura

Rosa María Gavieiro Gavieiro (C‑444/09),

Ana María Iglesias Torres (C‑456/09)

vs

Consellería de Educación e Ordenación Universitaria de la Xunta de Galicia,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A. Iglesias Torres, minn M. Costas Otero, abogada,

–        għall-Consellería de Educación e Ordenación Universitaria de la Xunta de Galicia, minn A. López Miño, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn J. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u G. Valero Jordana, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”), li jidher fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest taż-żewġ kawżi bejn R. Gavieiro Gavieiro u A. Iglesias Torres kontra l-Consellería de Educación e Ordenación de la Xunta de Galicia (Ministeru tal-Edukazzjoni u tal-Universitajiet tal‑Gvern tal‑Komunità awtonoma tal-Galicia, iktar ’il quddiem il-“Consellería”), dwar ir‑rifjut minn dan il-ministeru tal-għoti, b’effett retroattiv, ta’ allowances ta’ kull tliet snin għat-tul fis-servizz.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70, din għandha l-għan “li jġib fis-seħħ il‑ftehim qafas […], konkluż […] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l‑industrija (ETUC, UNICE u CEEP) annessi hawn”.

4        Skont l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d‑dispożizzjonijiet amministrattvi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id‑Direttiva sa l-10 ta’ Lulju 2001, jew għandhom jiżguraw li, sa dik id-data mill‑inqas, l-imsieħba soċjali jkunu introduċew il-miżuri neċessarji skond il‑ftehim, u l-Istati Membri jkunu meħtieġa jieħdu xi miżuri neċessarji sabiex ikunu jistgħu f’kull ħin ikunu f’posizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni bihom.

[…]

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-disposizzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandu jkollhom magħhom din ir-referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.”

5        Skont l-Artikolu 3 tagħha, id-Direttiva 1999/70 daħlet fis-seħħ fl-10 ta’ Lulju 1999, data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

6        Skont il-klawżola 1 tal-ftehim qafas, din għandha:

“L-iskop […]:

a)      li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss billi tiġi żgurata l‑applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni;

b)      li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss.”

7        Il-klawżola 2(1) tal-ftehim qafas jipprovdi li:

“Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil‑prattika f’kull Stat Membru.”

8        Ħaddiem għal terminu fiss huwa ddefinit fil-klawżola 3(1) tal-ftehim qafas bħala “persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku”.

9        Il-klawżola  4 tal-ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprovdi fil-punti 1 u 4 tagħha:

“1.      Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.

[…]

4.      Kwalifiki ta’ perjodu ta’ servizz relatati għall-kondizzjonijiet partikolari ta’ l-impjieg għandhom ikunu l-istess għal ħaddiema għal terminu fiss kif ukoll għal ħaddiema permanenti ħlief meta kwalifiki ta’ tul ta’ servizz differenti huma ġustifikati fuq bażi oġġettivi.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10      L-Artikolu 149(1)(18) tal-Kostituzzjoni Spanjola (iktar ’il quddiem il‑“Kostituzzjoni”) tagħti lill-Istat Spanjol il-kompetenza esklużiva sa fejn tirrigwarda l-bażijiet tal-qafas ġuridiku tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tar‑regolamenti tal-persunal tal-uffiċjali tagħhom.

11      Skont l-Artikolu 4 tal-Liġi fuq l-uffiċjali taċ‑ċivil tal-Istat approvat bid-Digriet 315/1964 (Decreto 315/1964, por el que se aprueba la Ley articulada de funcionarios civiles del Estado), tas-7 ta’ Frar 1964, (BOE n° 40, tal-15 ta’ Frar 1964, p. 2045, iktar ’il quddiem il-“LFCE”), huma persunal uffiċjali dawk il-persuni li, permezz ta’ ħatra legali, jokkupaw il-karigi permanenti, li jidhru fost l-impjegati korrispondenti u jirċievu remunerazzjonijiet jew allowances iffissati mill-baġit ġenerali tal-Istat favur il-persunal.

12      L-Artikolu 5(2) tal-LFCE jipprovdi li l-persunal temporanju huma l-persuni li, għal raġunijiet ta’ neċessità jew ta’ urġenza, jokkupaw il-kariġi permamenti sakemm jiġu eventwalment okkupati minn persunal uffiċjali.

13      Il-persunal temporanju jirċievu, b’mod konformi mal-Artikolu 104(3) tal-LFCE, is‑salarju korrispondenti għall-korp rilevanti tal-impjieg vakanti.

14      L-Artikolu 105 tal-LFCE jipprovdi li fir-rigward ta’ dan il-persunal temporanju jiġu applikati, b’analoġija u sa fejn dan huwa konformi man-natura tar-relazzjoni tagħhom tax-xogħol, l-istatut ġenerali tal-uffiċjali, bl-eċċezzjoni tad-dritt għall‑permanenza tal-impjieg, ta’ ċerti livelli ta’ remunerazzjoni u tas-sistema tal‑irtirar tas-servizz pubbliku.

15      Id-dispożizzjonijiet tal-LFCE ġew riprodotti fil-liġijiet tal-finanzi tal-Komunità awtonoma ta’ Galicia għas-snin 2003 sa 2007, li fihom huwa previst li l‑persunal temporanju ma huwiex, bid-differenza tal-persunal uffiċjali, titolari tad-dritt li jirċievi l-allowances ta’ kull tliet snin. Dawn tal-aħħar huma allowances mogħtija għal kull perijodu ta’ tliet snin ta’ servizz komplut.

16      Skont il-kompetenza esklużiva mogħtija lilu mill-Artikolu 149(1)(18) tal‑Kostituzzjoni, l-Istat Spanjol adotta l-Liġi 7/2007, li tipprovdi statut bażiku għall‑aġenti pubbliċi (Ley 7/2007 del Estatuto básico del empleado público), tat‑12 ta’ April 2007 (BOE n° 89, tat-13 ta’April 2007, p. 16270, iktar ’il quddiem il-“LEBEP”).

17      L-LEBEP tapplika, b’mod konformi mal-Artikolu 2(1) tagħha għall-persunal uffiċjali u, skont il-każ, għall-aġenti kuntrattwali li jaħdmu, b’mod partikolari, fl‑amministrazzjonijiet tal-komunitajiet awtonomi.

18      L-Artikolu 8 tal-LEBEP jipprovdi:

“1.      Huma aġenti pubbliċi l-persuni li jeżerċitaw funzjonijiet remunerati fl‑amministrazzjonijiet pubbliċi fis-servizz tal-interess ġenerali.

2.      L-aġenti pubbliċi huma kklassifikati bħala:

a)      Persunal uffiċjali.

b)      Persunal temporanju.

c)      Aġenti kuntrattwali, kemm jekk huwa persunal permanenti, b’terminu indeterminat, jew fiss.

d)      Persunal awżiljarju.”

19      Il-persunal uffiċjali u temporanju huma ddefiniti fl-Artikoli 9 u 10 tal-LEBEP bl‑istess mod kif inhuma ddefiniti fl-LFCE.

20      L-Artikolu 25 tal-LEBEP, intitolat “Remunerazzjoni tal-persunal temporanju”, immodifika s-sitema dwar l-allowances ta’ kull tliet snin fis-seħħ sa dak iż-żmien billi jindika, fil-paragrafu 2 tiegħu, li “[h]uma rikonoxxuti l-inkrementazzjonijiet ta’ kull tliet snin korrispondenti għas-servizzi li saru qabel id-dħul fis-seħħ tal-[imsemmija liġi], li jipproduċu biss effetti fuq ir-remunerazzjonijiet mid-dħul fis-seħħ tagħha”.

21      L-LEBEP, li abbrogat l-Artikoli 5(2), 104 u 105 tal-LFCE, daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Mejju 2007.

22      Skont l-Artikolu 25(2) tal-LEBEP, il-Consellería stabbilixxiet regoli dwar ir‑rikonoxximent ex officio tal-inkrementazzjonijiet ta’ kull tliet snin għall‑persunal temporanju li huma għalliema tal-Komunità awtonoma ta’ Galicia.

23      L-Artikolu 27(1)(a) tal‑Liġi fuq is-sistema finanzjarja u tal-baġit tal-Galicia, approvat bid-Digriet Leġiżlattiv 1/1999 (Decreto legislativo 1/1999, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley de Régimen Financiero y presupuestario de Galicia), tas-7 ta’ Ottubru 1999 (BOE Nru°293, tat-8 ta’ Diċembru 1999, p. 42303), jipprovdi li d-drittijiet li jinkludu obbligu finanzjarju għandhom perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C‑444/09

24      R. Gavieiro Gavieiro, li kienet, fid-data tal-preżentata tar-rikors għall-kawża prinċipali, impjegata bħala uffiċjal bi prova minn Consellería, bejn l-1994 u l‑2007, ħadmet bħala għalliema temporanja f’numru ta’ skejjel f’Galicia għal perijodu totali ta’ 9 snin, xahrejn u 17-il ġurnata.

25      Wara d-dħul fis-seħħ tal-LEBEP, il-Consellería rrikonoxxiet id-dritt ta’ R. Gavieiro Gavieiro li tirċievi, sa mit-13 ta’ Mejju 2007, l-allowances ta’ kull tliet snin għat-tul fis-servizz, peress li hija kienet fis-servizz għal iktar minn disa’ snin mal-Komunità Awtonoma ta’ Galicia.

26      Fl-14 ta’ Novembru 2008, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet lill-Consellería li tirrikonoxxilha l-inkrementazzjonijiet ta’ kull tliet snin bħala mhux preskritti, jiġifieri dawk li jirrigwardaw il-perijodu bejn ix-xahar ta’ Novembru 2003 u t-12 ta’ Mejju 2007, u li tħallasha l-allowances ta’ kull tliet snin korrispondenti. Din it‑talba kienet ibbażata fuq id-dritt tagħha li tirċievi trattament mhux diskriminatorju previst fil-klawżola 4 tal-ftehim qafas, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, Ġabra p. I‑7109).

27      Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2009, il-Consellería ċaħdet l-imsemmija talba, fejn ikkunsidrat li l-LEBEP ma tatx inkrementazzjonijiet ta’ kull tliet snin lill-persunal temporanju qabel it-13 ta’ Mejju 2007, data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il‑liġi.

28      R. Gavieiro Gavieiro ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra l‑imsemmija deċiżjoni ta’ ċaħda sabiex jinkiseb l-annullament ta’ din tal-aħħar u r-rikonoxximent b’effett retroattiv, inkrementazzjonijiet ta’ kull tliet snin li hija ssostni li kisbet.

29      Peress li s-soluzzjoni għall-kawża li hija kienet qed tisma’ teħtieġ interpretazzjoni tal-ftehim qafas, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo Nru°3 ta’ A Coruña ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tistaqsi l-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Xi tfisser il-frażi ‛kwalifiki ta’ tul ta’ servizz differenti’ li tinsab fil-punt 4 tal‑klawżola 4 tal-ftehim qafas [anness mad-] tad-Direttiva 1999/70/KE, u, is‑sempliċi natura temporanja tas-servizz ta’ ċerti impjegati pubbliċi tikkostitwixxi ‛raġuni oġġettiva’ li tiġġustifika t-trattament differenti fil-qasam tal-għoti tal‑allowances għat-tul fis-servizz?”

 Kawża C‑456/09

30      A. Iglesias Torres, fil-preżent impjegata mill-Consellería bħala persunal uffiċjali tal-korpi tal-għalliema tal-iskejjel uffiċjali tal-lingwi tal-Komunità Awtonoma ta’ Galicia, ħadmet bejn l-1994 u t-13 ta’ Mejju 2007, bħala għalliem temporanja għal-Consellería f’diversi skejjel f’Galicia għal perijodu totali ta’ disa’ snin.

31      Wara d-dħul fis-seħħ tal-LEBEP, A. Iglesias Torres talbet, fit-23 ta’ April 2009, li jkun rikonoxxut fir-rigward tagħha d-dritt li tirċievi r-remunerazzjoni korrispondenti għad-differenza bejn dak li rċeviet u dak li kellha tirċievi għall‑inkrementazzjonijiet ta’ kull tliet snin li hija kienet akkwistat fil-perjodu qabel dan id-dħul fis-seħħ.

32      Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2009, adottat skont is-setgħat mogħtija lilu mill-Conselleiro, id-direttur provinċjali tal-edukazzjoni u tal-universitajiet ta’ Lugo ċaħad l-imsemmija talba.

33      A. Iglesias Torres ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra din id‑deċiżjoni ta’ ċaħda sabiex tikseb l-annullament tagħha u r-rikonoxximent, b’effett retroattiv, tal-inkrementazzjonijiet ta’ kull tliet snin li hija ssostni li akkwistat. Hija bbażat ruħha f’dan ir-rigward fuq il-klawżola 4 tal-ftehim qafas, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Del Cerro Alonso, ċċitata iktar ’il fuq.

34      Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-ftehim qafas fid-dawl tal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n° 3 de Pontevedra ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Id-Direttiva 1999/70/KE tapplika għall-personal temporanju tal-Komunità Awtonoma ta’ Galicia?

2)      Huwa possibbli li l-Artikolu 25(2) tal-[LEBEP] jiġi kkunsidrat bħala miżura nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva, meta f’din il-liġi ma hemm ebda referenza għal-leġiżlazzjoni Komunitarja?

3)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, dan l-Artikolu 25(2) LEBEP għandu bilfors jitqies bħala miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni li jirreferi għaliha r-raba’ punt tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, Ġabra p. I‑2483), jew l-Istat Spanjol għandu l-obbligu li japplika retroattività biss għal remunerazzjonijiet li jirriżultaw minn inkrementazzjonijiet ta’ kull tliet snin li huwa jirrikonoxxi skont id-direttiva?

4)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, id-Direttiva 1999/70/KE tapplika direttament għal din il-kawża skont il-prinċipji stabbiliti fis‑sentenza […] “Del Cerro” [Alonso, ċċitata iktar ’il fuq]?”

35      Minħabba li ż-żewġ kawżi prinċipali huma konnessi, għandhom jiġu magħquda għall-finijiet tas-sentenza preżenti.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑456/09

36      Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑456/09, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk membru tal-persunal temporanju tal-Komunità Awtonoma ta’ Galicia, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni suġġettiva tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas.

37      Il-partijiet kollha kkonċernati ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill‑Qorti tal-Ġustizzja fejn sostnew li din id-domanda teħtieġ risposta fl-affermattiv.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jirriżulta kemm mill-kliem tad-Direttiva 1999/70 u minn dawk tal-ftehim qafas, kif ukoll mill-istruttura u l-għan tagħhom li l-preskrizzjonijiet imsemmija hemmhekk għandhom lok li japplikaw għall-kuntratti u relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien fiss konkluż mal-amministrazzjonijiet u ta’ entitajiet oħra tas-settur pubbliku (sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punti 54 sa 57; tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino, C‑53/04, Ġabra p. I‑7213, punti 40 sa 43; Vassallo, C‑180/04, Ġabra p. I‑7251, punti 32 sa 35, kif ukoll Del Cerro Alonso, ċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

39      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-klawżola 2(1) tal-ftehim qafas, l-iskop partikolari ta’ dan huwa maħsub b’mod wiesa’, li jkopri b’mod ġenerali għall-“ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru” (ara s‑sentenzi Adeneler et, ċċitata iktar ’il fuq, punt 56, tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, Ġabra p. I‑3071, punt 114, kif ukoll tal-24 ta’ Ġunju 2010, Sorge, C‑98/09, Ġabra p. I-5837, punt 30).

40      Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiema għal terminu fiss” fis-sens tal-ftehim qafas, inkluża fil-klawżola 3(1) tagħha, tinkludi lill-ħaddiema kollha, mingħajr ma tagħmel distinzjoni fuq il-bażi tal-karattru pubbliku jew privat ta’ min iħaddem li miegħu huma konnessi (sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

41      Barra minn hekk, fir-rigward tal-importanza tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni, li jiffurmaw parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal‑Unjoni, id-dispożizzjonijiet previsti mid-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas għall-finijiet li jiġi żgurat fir-rigward tal-ħaddiema għal żmien fiss l-għoti tal‑istess vantaġġi li huma rriżervati għall-ħaddiema b’terminu indefinit komparabbli, ħlief jekk trattament differenti jkun ġustifikat minn raġunijiet oġġettivi, għandu jkollhom portata ġenerali, peress li huma regoli tal-liġi soċjali tal-Unjoni li għandhom importanza partikolari li għandu jibbenefika minnhom kull ħaddiem bħala regoli minimi ta’ protezzjoni (sentenza Del Cerro Alonso, ċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

42      Konsegwentement, id-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas japplikaw għall‑ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi bi ħlas fil-kuntest tar-relazzjoni tax‑xogħol għal żmien fiss li jorbothom ma’ min iħaddimhom (sentenza Del Cerro Alonso, ċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

43      L-unika ċirkustanza fejn impjieg ikun ikklassifikat bħala “uffiċjali” taħt id-dritt nazzjonali jew li għandu ċerti aspetti li jikkaratterizzaw is-servizz pubbliku tal‑Istat Membru kkonċernat huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, suġġett li jippreġudika serjament l-effettività tad-Direttiva 1999/70 u dak tal-ftehim qafas kif ukoll tal-applikazzjoni uniformi tagħha fl-Istati Membri, fejn tirriżerva lil dawn tal-aħħar il-possibbiltà li jiċħdu għad-diskrezzjoni tagħhom ċerti kategoriji ta’ persuni mill‑benefiċċju tal-protezzjoni mixtieqa mill-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni (ara s‑sentenza Del Cerro Alonso, ċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

44      Peress li huwa stabbilit li A. Iglesias Torres ħadmet għal iktar minn disa’ snin fi skejjel differenti tal-Komunità Awtonoma ta’ Galicia bħala persunal temporanju u li, b’hekk, il-kawża prinċipali titratta s-sitwazzjoni tal-persunal uffiċjali kkomparati ma’ dawk ta’ persunal temporanju, hija taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni suġġettiva tad-Direttiva 1999/70 u dak tal-ftehim qafas.

45      Għandha b’hekk tingħata risposta għall-ewwel domanda li saret fil-kawża C‑456/09 li membru tal-persunal temporanju tal-Komunità Awtonoma ta’ Galicia, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni suġġettiva tad-Direttiva 1999/70 u dik tal-ftehim qafas.

 Fuq l-unika domanda magħmula fil-Kawża C-444/09

46      Permezz tal-unika domanda tagħha fil-Kawża C‑444/09, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kif għandha tiġi interpretata l-espressjoni “Kwalifiki ta’ perjodu ta’ servizz [differenti]”, li tidher fil-klawżola 4, punt 4, tal-ftehim qafas, u jekk in-natura temporanja tas-servizz ta’ ċerti aġenti pubbliċi tammontax, fiha nnifisha, għal “raġuni oġġettiva” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni li tiġġustifika d-differenza fit‑trattament għal dak li jirrigwarda l-ħlas tal-allowances marbuta mat-tul fis‑servizz.

47      Għandu preliminarjament jiġi mfakkar skont il-klawżola 1(a) tal-ftehim qafas, li wieħed mill-għanijiet ta’ dan huwa li titjieb il-kwalità tax-xogħol għal żmien fiss billi jiġi mħares ir-rispett tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Bl-istess mod, fit‑tielet subparagrafu tiegħu, il-preambolu ta’ dan il-ftehim qafas jippreċiża li dan “juri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni”. L-erbatax-il premessa tad-Direttiva 1999/70 tindika f’dan ir-rigward li l-għan ta’ dan il-ftehim qafas jikkonsisti, b’mod partikolari, sabiex itejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien fiss li jistabbilixxu regoli minimi ta’ natura li jħarsu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

48      Il-ftehim qafas, b’mod partikolari fil-klawżola 4 tiegħu, għandu l-għan li japplika dan il-prinċipju lill-ħaddiema għal żmien fiss sabiex jiġi prekluż li relazzjoni tax‑xogħol ta’ dan it-tip jintuża minn min iħaddem sabiex jiċħad lil dawn il‑ħaddiema d-drittijiet li huma rikonoxxuti lil ħaddiema b’terminu indefinit (sentenza Del Cerro Alonso, ċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

49      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-għanijiet imħaddna mill-ftehim qafas, hekk kif imsemmi fiż-żewġ punti preċedenti, il-klawżola 4 tagħha għandha tiġi interpretata li tesprimi prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li ma tkunx interpretata b’mod restrittiv (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Del Cerro Alonso, punt 38, u Impact, punt 114).

50      Sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-kuntest ta’ kawża dwar id-dritt tal-persunal temporanju għal allowance ta’ rtirar, interpretazzjoni tal-espressjoni “Kwalifiki ta’ perjodu ta’ servizz relatati [differenti]”, li tidher fil-klawżola 4(4) tal-ftehim qafas, għandu jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li allowance ta’ rtirar identiku għal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn din kienet irriżervata mid‑dritt nazzjonali għall-persunal uffiċjali permanenti tas-servizzi tas-saħħa li jaħdmu b’terminu indefinit, bl-esklużjoni tal-persunal temporanju, jaqa’ taħt il‑kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” previst fil-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas (sentenza Del Cerro Alonso, iċċitata iktar ’il fuq, punti 47 u 48).

51      Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet tar-rinviju, sad-dħul fis-seħħ tal-LEBEP fit-13 ta’ Mejju 2007, il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-persunal li jaħdem fis-servizzi tal-amministrazzjoni pubblika tal-Komunità Awtonoma ta’ Galicia, adottata b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-LFCE, tistabbilixxi differenza fit‑trattament fir-rigward tal-ħlas tal-allowances ta’ kull tliet snin bejn il-membri tal-persunal ta’ din il-komunità awtonoma. Din id-differenza fit-trattament kienet stabbilita mhux biss abbażi tat-tul fis-servizz tagħhom, iżda minħabba t-terminu tar-relazzjoni tax‑xogħol li torbothom ma’ min iħaddimhom. F’kuntrast mal‑persunal uffiċjali, il-persunal temporanju ma jibbenefikax mill-allowances relatati mal‑inkrementazzjonijiet ta’ kull tliet snin, ikunu xi jkunu l-perijodi tas‑servizz imwettqa.

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif il-Kummissjon ġustament issostni, differenza fit‑trattament bħal dik stabbilita mil-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi analizzata fir-rigward tal-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas.

53      Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal dak li jirrigwarda l-allowances għat-tul fis-servizz bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ħaddiema għal żmien fiss ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn dawk il-ħaddiema b’terminu indefinit li jinsabu f’sitwazzjoni simili, mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Del Cerro Alonso, punti 42 u 47, kif ukoll Impact, punt 126).

54      Fir-rigward tad-domanda dwar jekk in-natura temporanja tas-servizz ta’ ċerti aġenti pubbliċi tistax tammonta, fiha nnifisha, għal raġuni oġġettiva fis-sens tal‑Klawżola 4 tal-ftehim qafas, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ raġunijiet oġġettivi li jidher fil-punt 1 ta’ din il-klawżola għandha tiġi interpretata bħala li ma tippermettix li tiġġustifika differenza fit‑trattament bejn il-ħaddiema għal żmien fiss u l-ħaddiema b’terminu indefinit minħabba l-fatt li din id-differenza hija prevista minn regola nazzjonali ġenerali u astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv (sentenza Del Cerro Alonso, ċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

55      L-imsemmi kunċett jeħtieġ li l-inugwaljanza fit-trattament inkwistjoni tkun ġustifikata mill-eżistenza tal-elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il‑kundizzjoni tax-xogħol ikkonċernat, fil-kuntest partikolari li fih hija taqa’ u fuq il-bażi tal-kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l‑inugwaljanza tweġibx għall-bżonn veru, u adattat li jilħaq l-għan imħaddan u li huwa neċessarju għal dan il-għan (ara s-sentenza Del Cerro Alonso, ċċitata iktar ’il fuq, punt 58). L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari minn natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tiegħu l-kuntratti għal żmien fiss ġew konklużi u karatteristiċi inerenti għal dawk, jekk ikun il-każ, tat-tkomplija ta’ għan leġittimu tal-Politika soċjali ta’ Stat Membru (ara, f’dak li jirrigwarda l‑klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, is-sentenza Del Cerro Alonso, ċċitata iktar ’il fuq, punti 53 u 58; għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” li jidher fil-klawżola 5(1)(a) tal-istess ftehim qafas, sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 69 u 70, kif ukoll id-digriet tal-24 ta’ April 2009, Koukou, C‑519/08, punt 45).

56      Min-naħa l-oħra, l-użu tal-unika natura temporanja tax-xogħol tal-persunal tal‑amministrazzjoni pubblika ma hijiex konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u b’hekk ma tistax tammonta għal raġuni oġġettiva fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas.

57      Fil-fatt, differenza fit-trattament għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-ħaddiema għal żmien fiss u ħaddiema għal żmien indefinit ma jkunux ġustifikati minn kriterju li, b’mod ġenerali u astratt, jirreferu għat-terminu stess tal-impjieg. Li jiġi ammess li s-sempliċi natura temporanja ta’ relazzjoni tax-xogħol hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika differenza bħal din, jeżawrixxi mis-sustanza tagħhom, l-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas, imsemmija fil-punti 47 u 48 tas-sentenza preżenti. Minflok itejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien fiss u jippromwovi l-ugwaljanza fit-trattament imfittex kemm mid‑Direttiva 1999/70 kif ukoll mill-ftehim qafas, l-użu ta’ kriterju bħal dan ikompli jipperpetwa l-manteniment ta’ sitwazzjoni sfavorevoli għall-ħaddiema b’terminu fiss.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi għandha tingħata risposta għall-unika domanda li saret fil‑Kawża C‑444/09 li allowance ta’ rtirar bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’, sa fejn tammonta għal kundizzjoni tax-xogħol, fil-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, b’mod li l-ħaddiema għal żmien fiss jistgħu jopponu trattament li, fir-rigward tal-ħlas ta’ dan l-allowance, huwa, mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva, inqas favorevoli minn dak li jibbenefikaw minnu l-ħaddiema b’terminu indefinit li jinsabu f’sitwazzjoni simili. In-natura temporanja tar-relazzjoni tax-xogħol ta’ ċerti aġenti pubbliċi ma tistax tammonta, fiha nnifisha, għal raġuni oġġettiva fis-sens ta’ din il-klawżola tal-ftehim qafas.

 Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑456/09

59      Permezz tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑456/09, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-unika ċirkustanza fejn miżura nazzjonali bħall‑Artikolu 25(2) tal-LEBEP ma tinkludi l-ebda referenza għad‑Direttiva 1999/70 teskludi li din il-miżura tista’ tkun ikkunsidrata bħala miżura li tittrasponi din id‑direttiva.

60      Il-Consellería, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni jsostnu, kuntrarjament għal dak li ssostni A. Iglesias Torres, li hemm lok li l‑Artikolu 25(2) tal-LEBEP jiġi kkunsidrat bħala miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad‑Direttiva 1999/70, anki jekk ma ssirx referenza għal din u lanqas għal xi leġiżlazzjoni tal-Unjoni fl-espożizzjoni tal-motivi ta’ din il-liġi.

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2 tad‑Direttiva 1999/70 jipprovdi li, meta l-Istati Membri jadottaw il-liġijiet, ir‑regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-direttiva, dawn jikkontjenu referenza għall-imsemmija direttiva fejn huma akkumpanjati minn referenza bħal din fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom.

62      Meta direttiva tipprovdi speċifikament li d-dispożizzjonijiet tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva jinkludu referenza għal din jew huma akkumpanjati minn referenza bħal din fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, huwa fi kwalunkwe każ neċessarju li jiġi adottat att pożittiv ta’ traspożizzjoni (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Il-Kumissjoni vs Spanja, C‑361/95, Ġabra p. I-7351, punt 15, u tad-29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kumissjoni vs Polonja, C‑551/08, punt 23).

63      Għalkemm huwa ċertament minnu li l-Istati Membri jkunu jistgħu, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE, jiġu kkundannati għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħhom li jirriżultaw mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, ma huwiex neċessarju, hekk kif ġustament issostni l-Kummissjoni, li miżura nazzjonali li tonqos milli tirreferi, fl‑espożizzjoni tal-motivi, għad-direttiva kkonċernata ma tistax tkun ikkunsidrata bħala miżura valida ta’ traspożizzjoni tagħha.

64      Peress li l-Istati Membri għandhom mhux biss jittrasponu formalment id-direttivi tal-Unjoni fis-sistema legali tagħhom, iżda wkoll jiżguraw li l-obbligi tagħhom skont dawn id-direttivi jkunu totalment u f’kull ħin rispettati, ma jkunx eskluż li Stat Membru, li preċedentement pprova jittrasponi direttiva u jikkonforma mal‑obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni, jirrealizza, b’mod partikolari wara li l‑kawżi jkunu ġew introdotti quddiem il-qrati nazzjonali jew ta’ rikors ippreżentat mill‑Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE, li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tiegħu ma ttrasponewx korrettement jew b’mod sħiħ id-dritt tal‑Unjoni u għandhom, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jkunu emendati.

65      Fil-każ preżenti, huwa stabbilit li t-tibdil tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ppreżentat mil-LEBEP seħħ meta l-kawża li wasslet għas-sentenza Del Cerro Alonso, iċċitata iktar ’il fuq, li titratta l-istess allowance ta’ kull tliet snin għat-tul fis-servizz bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, uriet id-differenza fit-trattament, fir-rigward tad‑dritt għal ħlas ta’ allowance bħal dan, bejn il-persunal uffiċjali u l-persunal temporanju impjegat minn entità li taqa’ taħt amministrazzjoni pubblika ta’ komunità awtonoma Spanjola.

66      Jekk hija biss il-qorti nazzjonali li hija kompetenti li tinterpreta d-dritt nazzjonali, li tivverifika, fil-każ preżenti jekk, fir-rigward tal-kliem tal‑Artikolu 25(2) tal‑LEBEP, għandux l-għan imħaddan minn din u għaċ-ċirkustanzi tal-addozzjoni tagħha, din id-dispożizzjoni tammonta għal miżura ta’ traspożizzjoni tad‑Direttiva 1999/70, l-unika ċirkustanza li hija ma tikkontjeni l-ebda referenza għal din id-direttiva ma teskludix li hija tista’ tiġi kkunsidrata hekk.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi għandha tingħata risposta għat-tieni domanda fil-Kawża C‑456/09 li l-unika ċirkustanza fejn dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 25(2) tal-LEBEP ma tikkontjeni l-ebda referenza għad-Direttiva 1999/70 ma teskludix li din id-dispożizzjoni tista’ tkun ikkunsidrata bħala miżura nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva.

 Fuq ir-raba’ domanda fil-Kawża C‑456/09

68      Peress li, hekk kif jirriżulta mir-risposta għad-domanda li saret fil‑Kawża C‑444/09, allowance ta’ rtirar bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’, sa fejn dan jammonta għal kundizzjoni ta’ impjieg, fil-klawżola 4(1) tal‑ftehim qafas, għandha terġa’ tiġi fformulata r-raba’ domanda fil-Kawża C‑456/09 sabiex tingħata risposta utili lill-qorti tar-rinviju.

69      Fil-fatt, permezz ta’ din id-domanda, l-imsemmija qorti essenzjalment tistaqsi jekk f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas tistax tiġi invokata minn individwi quddiem qorti nazzjonali sabiex ikun rikonoxxut, fir-rigward tagħhom, il-benefiċċju tal-allowances ta’ kull tliet snin għat-tul fis‑servizz għall-perijodu mill-iskadenza tat-terminu impost fuq l-Istati Membri għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 sad-data tad-dħul fis-seħħ tal‑liġi nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern tal-Istat Membru kkonċernat.

70      Kemm il-Consellería kif ukoll il-Gvern Spanjol insistew, fl-osservazzjonijiet tagħhom li ppreżentaw fil-Kawżi C‑444/09 u C‑456/09, fuq l-impossibbiltà għal individwu li jibbaża ruħu fuq l-effett dirett ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva meta din kienet is-suġġett ta’ miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni fid-dritt intern tal‑Istat Membru kkonċernat. Skont il-Gvern Spanjol, peress li r-rikorrenti fil‑kawża prinċipali kienu introduċew l-ilment tagħhom, id-Direttiva 1999/70 kienet diġà ġiet trasposta fid-dritt Spanjol dwar il-ħlas tal-allowances ta’ kull tliet snin, b’mod li d-drittijiet tagħhom jirriżultaw mill-Artikolu 25 tal-LEBEP u mhux f’din id‑direttiva. Iż-żamma tal-effett dirett ta’ din f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali huwa ekwivalenti għal kontestazzjoni, mingħajr ebda limitu fiż-żmien, tal-effettività tar-regoli tal-Istati Membri, li, peress li diġà ttrasponew korrettement il-kontenut ta’ direttiva fid-dritt intern, ġew adottati wara t-terminu tat‑traspożizzjoni.

71      Madankollu, dawn l-argumenti jidhru li jinjoraw in-natura tat-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti nazzjonali u b’hekk jinjoraw ir-rilevanza, fir-rigward tal-kawżi prinċipali, tar-raba’ domanda li saret mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑456/09, dwar l-effett dirett tal-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas.

72      L-obbligu tal-Istati Membri, li jirriżulta minn direttiva, li jintlaħaq ir-riżultat previst minn din, kif ukoll l-obbligu tagħhom, skont l-Artikolu 4(3) TUE, li jieħdu l-miżuri kollha ġenerali jew partikolari proprji sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu jaqa’ fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inkluż fosthom, fil‑kuntest tal-kompetenzi tagħhom, għall-awtoritajiet ġudizzjarji. Hemm obbligi bħal dawn fuq dawn l-awtoritajiet, inkluż fosthom, jekk ikun il-każ, fil-kapaċità tagħhom ta’ entitajiet pubbliċi li jħaddmu (sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 kif ukoll 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Fin-nuqqas li tkun tista’ tipproċedi b’interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il‑qrati nazzjonali u l-organi tal-amministrazzjoni għandhom l-obbligu japplikaw totalment dan u li jipproteġu d-drittijiet li din tikkonferixxi fuq l‑individwi, fejn jekk ikun meħtieġ tħalli inapplikata kull dispożizzjoni kuntrarja tad-dritt intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo, 103/88, Ġabra p. 1839, punt 33, u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß, C‑243/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 63).

74      Fil-każ preżenti, il-qorti tar-rinviju tfittex li tistabbilixxi jekk il-klawżola 4(1) tal‑ftehim qafas għandhiex effett dirett fil-kuntest taż-żewġ kawżi dwar għalliema temporanji impjegati mill-Komunità Awtonoma ta’ Galicia li, sad-dħul fis-seħħ tal-LEBEP u l-modifika minn din tal-LFCE, ma bbenefikawx mid-dritt għall‑allowances ta’ kull tliet snin imħallsa minn din il-Komunità awtonoma u jfittxu li jiksbu, b’effett retroattiv, ir-rikonoxximent ta’ dan id-dritt fil-perijodu bejn id-data tat‑terminu impost fuq l-Istati Membri għat-traspożizzjoni tad‑Direttiva 1999/70 sa dik tad-data tad-dħul fis-seħħ tal-LEBEP, suġġett għar‑rispett tad‑dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali dwar il‑preskrizzjoni.

75      Il-prinċipju tal-protezzjoni ġuridika effettiva tammonta għal prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni rikonoxxut, wara kollox, fl-Artikolu 47 tal-karta tad‑drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fejn huma l-qrati nazzjonali, fin‑nuqqas ta’ miżura li tittrasponi korrettement id-Direttiva 1999/70 fid-dritt Spanjol fl‑imsemmi perijodu, li tiżgura l-protezzjoni ġuridika li tirriżulta għall‑individwi, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u li tiggarantixxi l-effett sħiħ ta’ dawn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punti 42 kif ukoll 43 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

76      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, f’kull każ fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, bħala inkondizzjonali u suffiċjentement preċiżi, l-individwi huma fondati li jqajmuhom kontra l-Istat, b’mod partikolari bħala entità li tħaddem (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is‑sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, Ġabra p. 723, punti 46 u 49; tal-20 ta’ Marzu 2003, Kutz-Bauer, C‑187/00, Ġabra p. I‑2741, punti 69 u 71, kif ukoll Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

77      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huwa permess li tiġi ttrasponuta din il‑ġurisprudenza għall-ftehim li, bħall-ftehim qafas, bdew minn djalogu li sar fuq il-bażi tal-Artikolu 155(1) TFUE, bejn imsieħba soċjali fuq livell tal-Unjoni u li ġew implementati, b’mod konformi mal-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, permezz ta’ direttiva tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li b’hekk jifformaw parti integrali minnha (sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

78      Il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas tipprojbixxi, b’mod ġenerali u f’termini ċari, kull differenza fit-trattament mhux oġġettivament ġustifikata fir-rigward tal-ħaddiema għal żmien fiss f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol. B’hekk, il‑kontenut tagħha jidher suffiċjentement preċiż sabiex hija tista’ tiġi invokata minn individwu u applikata mill-qorti (sentenzi Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60, u tat-22 ta’ April 2010, Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols, C‑486/08, Ġabra p. I-3527, punt 24).

79      Min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni speċifika stabbilita fil-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas ma teħtieġ l-intervenzjoni ta’ ebda att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u bl-ebda mod ma tikkonferixxi lill-Istati Membri l-fakoltà, fit-traspożizzjoni tagħha fid‑dritt intern, li tikkundizzjona jew tillimita l-portata tal-projbizzjoni li hija tistabbilixxi fil-qasam tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg (sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

80      Ċertament, l-imsemmija dispożizzjoni tinkludi, fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li hija tistabbilixxi, riżerva relattiva għal ġustifikazzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet oġġettivi.

81      Madankollu, l-applikazzjoni ta’ din ir-riżerva hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, b’mod li l-possibbiltà li tipprevalixxi ruħha ma tipprekludix li d‑dispożizzjoni eżaminata tikkonferixxi lill-individwi d-drittijiet li huma jistgħu jeżiġu skont il-liġi u li l-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw (sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).

82      Għandu jiġi mfakkar ukoll li, meta l-individwi huma f’pożizzjoni li jipprevalu minn direttiva fir-rigward tal-Istat, huma jistgħu jagħmlu dan, tkun xi tkun il‑kwalità li fiha huma jaġixxu, min iħaddem jew awtorità pubblika. F’każ wieħed jew l-ieħor, jeħtieġ fil-fatt li jiġi evitat li l-Istat ikun jista’ jieħu vantaġġ mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, sentenzi Marshall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et, C‑188/89, Ġabra p. I‑3313, punt 17).

83      B’hekk jirriżulta li l-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas huwa mingħajr kundizzjoni u suffiċjentement speċifiku sabiex ikun jista’ jiġi invokat fir-rigward tal-Istat minn individwi quddiem qorti nazzjonali.

84      Fil-kawża prinċipali, il-Consellería ssostni wkoll li ma hemmx lok li jiġi invokat l‑effett dirett tal-imsemmija klawżola fir-rigward tagħha peress li hija kellha tirrispetta d-dispożizzjonijiet tal-LFCE u tal-LEBEP, jiġifieri liġijiet statali li jaqgħu esklużivament fil-kompetenza tal-Istat. Għal dak li jirrigwarda responsabbiltà eventwali patrimonjali tal-Istat għal ksur tad-Direttiva 1999/70, hija ssostni li d‑distribuzzjoni li saret mill-kostituzzjoni bejn il-leġiżlazzjoni statali bażika u l‑leġiżlazzjoni ta’ applikazzjoni adottata mill-komunitajiet awtonomi ma tippermettix lil dawn jiksru jew jitterrompu r-rabta kawżali bejn it-traspożizzjoni mhux sodisfaċenti ta’ din id-direttiva mill-Istat u d-dannu kkawżat lill-individwi.

85      Il-Gvern Spanjol jikkonstata wkoll li l-Komunità Awtonoma ta’ Galicia ma hi kompetenti la sabiex temenda l-LEBEP u lanqas sabiex tevita l-applikazzjoni tagħha. Jekk din il-Komunità kienet iddeċidiet li tirrikonoxxi d-dritt għall-ħlas retroattiv ta’ allowances ta’ kull tliet snin fil-kwalità tagħha ta’ entità li tħaddem, fuq il-bażi tal-effett dirett tad-Direttiva 1999/70, hija kienet kisret b’mod flagranti r-regola tal-istat ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward tar-responsabbiltà eventwali tal‑Istat għal ksur tad-Direttiva 1999/70, dan il-gvern isostni, fl-osservazzjonijiet li huwa ppreżenta fil-Kawża C‑444/09, li l-kundizzjonijiet meħtieġa mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement ċar tal‑imsemmija direttiva mhumiex sodisfatti.

86      Fir-rigward ta’ dawn l-argumenti, għandu jiġi mfakkar li, hekk kif jirriżulta mid‑deċiżjonijiet tar-rinviju u tat-termini stess tad-domandi li saru mill-qrati tar‑rinviju, dawn tal-aħħar jitrattaw mhux biss azzjonijiet bil-għan li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat għall-ksur tad-Direttiva 1999/70, iżda domandi, bbażati direttament fuq din l-istess direttiva, ta’ ħlas tal-allowances ta’ kull tliet snin għat‑tul fis‑servizz għal perijodu li fih id-direttiva ma ġietx trasposta korrettement fid-dritt intern.

87      Peress li l-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas huwa mingħajr kundizzjoni u suffiċjentement speċifiku sabiex ikun jista’ jiġi invokat kontra l-Istat minn individwi quddiem qorti nazzjonali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistgħu validament isostnu t-talbiet tagħhom għall-ħlas ta’ allowances ta’ kull tliet snin għat-tul fis-servizz li għalih huma għandhom dritt b’mod retroattiv, billi jibbażaw ruħhom direttament fuq id-dispożizzjonijiet ta’ din il-klawżola. Rikors għad-danni fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir‑responsabbiltà tal‑Istati Membri għal ksur tad-dritt tal-Unjoni b’hekk prima facie ma jidhirx neċessarju (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-18 ta’ Jannar 2001, Stockholm Lindöpark, C‑150/99, Ġabra p. I‑493, punt 35).

88      Barra minn hekk, hekk kif il-Gvern Spanjol stess irrikonoxxa fl-osservazzjonijiet tiegħu fil-Kawża C‑444/09, id-domanda għal responsabbiltà tal-Istat għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni ma saret fl-ebda mument mill-qorti tar-rinviju fl-imsemmija kawża. Dan huwa wkoll il-każ fil-Kawża C‑456/09, fejn il-qorti tar-rinviju bbażat ir-raġunament tagħha fuq il-konsegwenzi li jirriżultaw minn effett dirett eventwali tal-klawżola rilevanti tal-ftehim qafas. Fir-rigward tad-domandi dwar ir‑responsabbiltà tal-Istat, jidher li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑456/09, kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l‑qorti tar-rinviju mhix kompetenti sabiex tippronunċa ruħha.

89      Fil-kawża prinċipali, li, hekk kif jirriżulta mill-punti 86 u 87 tas-sentenza preżenti, għandha bħala għan l-applikazzjoni retroattiva ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva li għandha effett dirett, il-konsegwenzi li jirriżultaw mit-tqassim li sar mill‑Kostituzzjoni bejn leġiżlazzjoni statali bażika relattiva għar-regolamenti tal-persunal u l-leġiżlazzjoni ta’ applikazzjoni adottata mill-komunitajiet awtonomi hija kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt intern.

90      Fir-rigward ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑456/09 li l-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, hija mingħajr kundizzjonijiet u suffiċjentement speċifika sabiex tkun tista’ tiġi invokata kontra l-Istat minn persunal temporanju quddiem qorti nazzjonali sabiex jiġi rikonoxxut fir-rigward tagħhom il-benefiċċju tal-allowances għat-tul fis-servizz, bħall-allowances ta’ kull tliet snin inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-perijodu mill-iskadenza tat-terminu impost lill-Istati Membri għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 sad-data tad-dħul fis-seħħ tal‑liġi nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern tal-Istat Membru kkonċernat, suġġett għar-rispett tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali dwar il-preskrizzjoni.

 Fuq it-tielet domanda fil-Kawża C‑456/09

91      Permezz tat-tielet domanda tagħha fil-Kawża C‑456/09, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fir-rigward tal-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrikonoxxi d-dritt lill-persunal temporanju tal‑ħlas tal-allowances relatati mal-inkrementazzjonijiet ta’ kull tliet snin, iżda li tikkontjeni klawżola li teskludi l-applikazzjoni retroattiva ta’ dan id-dritt, l‑awtoritajiet kompetenti Spanjoli jistgħu jirrifjutaw il-benefiċċju ta’ dritt bħal dan jew jekk, għal kuntrarju, huma marbuta, taħt id-dritt tal-Unjoni, li jikkonferixxu lil dan id-dritt għall-ħlas tal-allowances, effett retroattiv sa mid-data tal-iskadenza tat-terminu impost lill-Istati Membri sabiex jittrasponu din id-direttiva.

92      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-kliem użat fl-Artikolu 25(2) tal-LEBEP jeskludu, b’mod espliċitu, li jkun attribwit effett retroattiv għal din id‑dispożizzjoni.

93      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi, fir-rigward tal-kawża prinċipali, tar-raba’ punt tad-dispożittiv tas-sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn id-dritt nazzjonali applikabbli jinkludi regola li teskludi l-applikazzjoni retroattiva ta’ liġi fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ċara u nieqsa minn ambigwità fis-sens kuntrarju, qorti nazzjonali, li tkun qed titratta talba bbażata fuq ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 1999/70, mhix marbuta, mid-dritt tal-Unjoni, li tikkonferixxi lill-imsemmija dispożizzjoni effett retroattiv għad-data tal-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva jekk teżisti, f’dan id-dritt nazzjonali, indikazzjoni ta’ din in-natura, li tista’ tikkonferixxi għal din id‑dispożizzjoni effett retroattiv bħal dan.

94      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, saret id-domanda jekk il-qorti tar-rinviju, qorti speċjalizzata li lilha l-liġi nazzjonali tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70, kienet ikkonferiet il-kompetenza meħtieġa sabiex titratta domandi fuq il-bażi ta’ din il-liġi, kienet marbuta, taħt id-dritt tal-Unjoni, li tiddikjara ruħha kompetenti sabiex titratta wkoll talbiet ibbażati direttament fuq din id-direttiva, b’mod li din tirriferi għal perijodu wara d-data tal-iskadenza tat‑terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, iżda qabel id-data tad-dħul fis‑seħħ tal-liġi nazzjonali tat-traspożizzjoni.

95      Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għar-raba’ domanda li saret fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza Impact hija bbażata fuq l-ipoteżi li l-qorti tar-rinviju kienet waħidha kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq id-domandi fil-kawża prinċipali li kienu bbażati fuq ksur tal-liġi nazzjonali li tiżgura t-traspożizzjoni tad‑Direttiva 1999/70 (sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 96). Huwa biss f’din is-sitwazzjoni u sa fejn il-liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni eskludiet li jkun attribwit effett retroattiv għad-dispożizzjonijiet tagħha li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat, hekk kif jirriżulta mill-punt 96 tas-sentenza preżenti, kif ukoll mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi, ma tistax, suġġetta li ġġiegħel lill-qorti tar-rinviju tapplika contra legem id-dritt nazzjonali, tkun interpretata bħal li kieku timponi fuq din il-qorti li tikkonferixxi għal-liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni inkwistjoni, portata retroattiva fid-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva.

96      Madankollu, kuntrarjament għall-kawża li wasslet għas-sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta mill-informazzjoni fornuta mill-qorti tar-rinviju li, fil-kawża prinċipali, l-ebda diffikultà ma rriżultat fir-rigward tal-kompetenza ta’ din il-qorti sabiex titratta talbiet tar-rikorrenti tal-kawża prinċipali dwar il-ħlas ta’ allowances ta’ kull tliet snin għat-tul fis-servizz bħala domanda ta’ dawn l-aħħar imsemmija u bbażata direttament fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/70.

97      Peress li l-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas għandha effet dirett, ir-rikorrenti għal kawża prinċipali jistgħu validament isostnu t-talba tagħhom għal ħlas tal‑allowances għat-tul fis-servizz li għalihom għandhom dritt mingħand il‑Consellería, fil-kwalità tagħha ta’ enitità li tħaddem, b’mod retroattiv, billi tibbaża ruħha direttament fuq id-dispożizzjonijiet ta’ din il-klawżola.

98      Fil-każ preżenti, ir-rikorrenti għall-kawża prinċipali ġew, fil-perijodu bejn l‑iskadenza tat-terminu impost fuq l-Istati Membri għat-traspożizzjoni tad‑Direttiva 1999/70 sal-adozzjoni tal-Artikolu 25(2) tal-LEBEP, miċħuda b’mod diskriminatorju, allowance ta’ rtirar li taqa’ taħt kundizzjonijiet ta’ impjieġ fis‑sens tal-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas. Huma bbażaw ruħhom, f’dawn iċ‑ċirkustanzi, fuq dispożizzjoni li għandha effett dirett sabiex jintela vojt li t‑traspożizzjoni inkorretta tad-Direttiva 1999/70 ħalliet fid-dritt intern Spanjol.

99      F’dawn iċ-ċirkustanzi għandha tingħata risposta għat-tielet domanda fil-Kawża C‑456/09 li, minkejja l-eżistenza, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d‑Direttiva 1999/70, ta’ dispożizzjoni li tirrikonoxxi d-dritt tal-persunal temporanju għall-ħlas tal-allowances relattivi għall-inkrementazzjonijiet ta’ kull tliet snin, iżda li teskludi l-applikazzjoni retroattiva ta’ dan id-dritt, l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat huma marbuta, taħt id-dritt tal-Unjoni, u fir-rigward ta’ dispożizzjoni tal-ftehim qafas li għandha effett dirett, li tikkonferixxi lil dan id‑dritt għall-ħlas tal-allowances, effett retroattiv sa mid-data tal-iskadenza tat‑terminu impost fuq l-Istati Membri għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

100    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Membru tal-persunal temporanju tal-Komunità Awtonoma ta’ Galicia, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni suġġettiva tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEPD, u dak tal-ftehim qafas, dwar ix-xogħol għal żmien fiss, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jidher fl-anness ta’ din id‑direttiva.

2)      Allowance ta’ rtirar bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’, sa fejn tammonta għal kundizzjoni tax-xogħol, fil-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss, li jidher fl-anness tad‑Direttiva 1999/70, b’mod li l-ħaddiema għal żmien fiss jistgħu jopponu trattament li, fir-rigward tal-ħlas ta’ dan l-allowance, huwa, mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva, inqas favorevoli minn dak li jibbenefikaw minnu l-ħaddiema b’terminu indefinit li jinsabu f’sitwazzjoni simili. In-natura temporanja tar-relazzjoni tax-xogħol ta’ ċerti aġenti pubbliċi ma tistax tammonta, fiha nnifisha, għal raġuni oġġettiva fis-sens ta’ din il-klawżola tal-ftehim qafas.

3)      L-unika ċirkustanza fejn dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 25(2) tal-Liġi 7/2007, li tipprovdi statut bażiku għall-aġenti pubbliċi (Ley 7/2007 del Estatuto básico del empleado público), tat-12 ta’ April 2007, ma tikkontjeni l-ebda referenza għad-Direttiva 1999/70 ma teskludix li din id-dispożizzjoni tista’ tkun ikkunsidrata bħala miżura nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva.

4)      Il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss, li jidher fl-anness tad-Direttiva 1999/70, hija mingħajr kundizzjonijiet u suffiċjentement speċifika sabiex tkun tista’ tiġi invokata kontra l-Istat minn persunal temporanju quddiem qorti nazzjonali sabiex jiġi rikonoxxut fir-rigward tagħhom il-benefiċċju tal-allowances għat-tul fis-servizz, bħall-allowances ta’ kull tliet snin inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-perijodu mill-iskadenza tat-terminu impost lill-Istati Membri għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 sad-data tad-dħul fis‑seħħ tal-liġi nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern tal-Istat Membru kkonċernat, suġġett għar-rispett tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali dwar il-preskrizzjoni.

5)      Minkejja l-eżistenza, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 1999/70, ta’ dispożizzjoni li tirrikonoxxi d-dritt tal-persunal temporanju għall-ħlas tal-allowances relattivi għall-inkrementazzjonijiet ta’ kull tliet snin, iżda li teskludi l-applikazzjoni retroattiva ta’ dan id-dritt, l‑awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat huma marbuta, taħt id-dritt tal-Unjoni, u fir-rigward ta’ dispożizzjoni tal-ftehim qafas li għandha effett dirett, li tikkonferixxi lil dan id-dritt għall-ħlas tal-allowances, effett retroattiv sa mid-data tal-iskadenza tat-terminu impost fuq l‑Istati Membri għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.