Language of document : ECLI:EU:C:2018:1004

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fit‑13 ta’ Diċembru 2018 (1)

Kawża C299/17

VG Media Gesellschaft zur Verwertung der Urheber- und Leistungsschutzrechte von Medienunternehmen mbH

vs

Google LLC, aventi kawża ta’ Google Inc.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 98/34/KE – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea bl-abbozzi kollha ta’ regolamenti tekniċi – Inapplikabbiltà ta’ regoli klassifikabbli bħala regolamenti tekniċi mhux innotifikati lill-Kummissjoni – Regola nazzjonali li tipprojbixxi lil operaturi kummerċjali ta’ magni ta’ tiftix u lil fornituri kummerċjali ta’ servizzi li jimmodifikaw kontenut milli jqegħdu prodotti tal-istampa għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, regola li ma hijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi ddefiniti f’dak il-punt – Regolament tekniku – Regola li ma hijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-soċjeta tal-informazzjoni”






1.        Meta Stat Membru jintroduċi dispożizzjonijiet ġodda fil-liġi tiegħu dwar id-drittijiet tal-awtur li jipprovdu li l-operaturi kummerċjali ta’ magna ta’ tiftix fuq l-internet ma jistgħux, mingħajr ma jkunu debitament awtorizzati, jipprovdu estratti (2) ta’ ċerti testi, immaġnijiet u kontenut vidjo mogħtija minn pubblikaturi tal-istampa, din ir-regola titlob li ssir notifika lill-Kummissjoni Ewropea skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika (3), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/96/KE tal‑20 ta’ Novembru 2006 li tadatta ċerti Direttivi fil-qasam tal-moviment liberu ta’ merkanzija, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija (4) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”)?

2.        Din hija essenzjalment id-domanda magħmula permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Huwa aċċettat li l-liġi Ġermaniża inkwistjoni ma kinitx hekk innotifikata lill-Kummissjoni. Huwa ċar ukoll li, fil-każ li notifika kienet hekk mitluba mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/34, il-qorti nazzjonali għandha tirrifjuta tapplika l-liġi nazzjonali inkwistjoni anki fi proċeduri li jinvolvu individwi, sakemm issir tali notifika (5). Għalhekk, id-domanda fundamentali hija jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/34 japplikawx għal dawn id-dispożizzjonijiet ġodda tal-liġi Ġermaniża dwar id-drittijiet tal-awtur.

3.        It-talba għal deċiżjoni preliminari saret fi proċeduri quddiem il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja) bejn, minn naħa, VG Media Gesellschaft zur Verwertung der Urheber- und Leistungsschutzrechte von Medienunternehmen mbH (iktar ’il quddiem “VG Media”), organizzazzjoni ta’ ġestjoni kollettiva awtorizzata skont il-liġi Ġermaniża sabiex tiġġestixxi d-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur f’isem, inter alia, il-pubblikaturi tal-istampa, u, min-naħa l-oħra, Google LLC (iktar ’il quddiem “Google”), li topera l-magna ta’ tiftix Google search fid-domains www.google.de u www.google.com u s-servizz Google News, li jista’ jiġi kkonsultat separatament fil-Ġermanja fis-siti news.google.de jew news.google.com.

4.        VG Media fetħet, f’isem il-membri tagħha, kawża għad-danni kontra Google fir-rigward tal-użu minn din tal-aħħar, mill‑1 ta’ Awwissu 2013 ’il quddiem, għas-servizzi tagħha stess, ta’ estratti minn testi, immaġnijiet u vidjos minn kontenut tal-istampa u tal-media magħmul minn membri ta’ VG Media mingħajr ma ħallset tariffa.

5.        Fl‑1 ta’ Awwissu 2013, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja introduċiet dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur għall-pubblikaturi tal-istampa skont l-Artikoli 87f u 87h tal-Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati, iktar ’il quddiem l-“UrhG”). Peress li l-abbozz tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma kienx ġie nnotifikat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 – u, kif diġà osservajt, is-sanzjoni għal nuqqas ta’ konformità ma’ din id-dispożizzjoni kienet l-inapplikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali sabiex ma jkunux jistgħu jiġu infurzati kontra individwi f’każ li ma jkunx hemm notifika – il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) għamlet żewġ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet tal-UrhG inkwistjoni kinux jikkostitwixxu jew le, skont l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 98/34, “regola dwar is-servizzi” u, għalhekk, rekwiżit ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mal-bidu u mal-eżerċizzju ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni (6), minflok “regola li mhijiex speċifikament immirata lejn” dawk is-servizzi (7).

6.        Il-qorti tar-rinviju talbet ukoll għal interpretazzjoni tat-terminu “regolament tekniku” skont l-Artikolu 1(11) ta’ din id-direttiva. Qabel ma neżamina dawn id-domandi, jeħtieġ li l-ewwel jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet tad-dritt applikabbli.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Il-dritt tal-Unjoni

7.        L-Artikolu 1(2), (5) u (11) tad-Direttiva 98/34 jgħid:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:

[…]

2.      ‘servizz’, kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

[…]

5.      ‘regola dwar is-servizzi’, ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizzi fit-tifsira tal-punt 2, b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi definiti f’dak il-punt.

[…]

Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

–        regola għandha tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika fejn, filwaqt li tqis id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tagħha u tal-parti operattiva tagħha, il-mira speċifika u l-għan tad-dispożizzjonijiet kollha jew ta’ xi wħud minnhom individwali tagħha huma dawk li jirregolaw dawn is-servizzi b’mod espliċitu u mmirat.

–        regola m’għandhiex tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika jekk din taffettwa dawn is-servizzi biss b’mod impliċitu jew aċċidentali.

[…]

11.      ‘regolament tekniku’, speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.”

8.        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 jgħid:

“Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.”

B.      Il-liġi nazzjonali

9.        L-Artikolu 87f tal-UrhG bit-titolu “Pubblikaturi ta’ ġurnali u rivisti” jgħid:

“(1)      Il-produttur ta’ prodott tal-istampa (pubblikatur ta’ gazzetti u rivisti) għandu jkollu d-dritt esklużiv li jagħmel il-prodott tal-istampa jew partijiet tiegħu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għal finijiet kummerċjali, sakemm dan ma jkunx jikkonsisti minn kliem iżolat jew estratti qosra ħafna minn testi. Meta l-prodott tal-istampa jkun ġie prodott minn kumpannija, sid il-kumpannija għandu jitqies li huwa l-produttur.

(2)      Prodott tal-istampa għandu jitqies li huwa t-tħejjija editorjali u teknika ta’ kontribuzzjonijiet ġurnalistiċi fil-kuntest ta’ ġabra ppubblikata perijodikament fuq kull media b’titolu wieħed, li, wara li tkun saret evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha, jista’ jitqies bħala ġeneralment tipiku għad-dar tal-pubblikazzjoni u li fil-parti l-kbira tiegħu ma jkunx iservi skopijiet ta’ awtopromozzjoni. Kontribuzzjonijiet ġurnalistiċi għandhom jitqiesu li huma, b’mod iktar speċifiku, artikoli u illustrazzjonijiet li jservu sabiex ixerrdu informazzjoni, jiffurmaw opinjonijiet jew ikunu ta’ divertiment.”

10.      L-Artikolu 87g tal-UrhG bit-titolu “Trasferibbiltà, tul u limitazzjonijiet tad-dritt” jgħid:

“(1)      Id-dritt ta’ pubblikatur ta’ gazzetti u rivisti, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 87f(1), għandu jkun trasferibbli. L-Artikoli 31 u 33 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

(2)      Id-dritt għandu jiskadi sena wara l-pubblikazzjoni tal-prodott tal-istampa.

(3)      Id-dritt tal-pubblikatur ta’ gazzetti u rivisti ma jistax jiġi invokat għad-detriment tal-awtur jew tad-detentur ta’ dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur li x-xogħol jew is-suġġett tiegħu, protetti skont din l-liġi, ikunu jinsabu fil-prodott tal-istampa.

(4)      It-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ prodotti tal-istampa jew ta’ partijiet tagħhom għandu jkun permissibbli sakemm dan ma jsirx minn operaturi kummerċjali ta’ magni ta’ tiftix jew minn operaturi kummerċjali ta’ servizzi li jimmodifikaw kontenut b’mod simili. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 6 tal-Parti 1 għandhom japplikaw mutatis mutandis”.

11.      L-Artikolu 87h tal-UrhG, bit-titolu “Dritt tal-awtur għal sehem mir-remunerazzjoni”, jgħid:

“L-awtur għandu jkun intitolat għal sehem ekwu mir-remunerazzjoni”.

II.    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12.      VG Media kkonkludiet ma’ detenturi ta’ drittijiet il-“ftehim ta’ amministrazzjoni għat-televiżjoni, radju u pubblikaturi”, li permezz tiegħu d-detenturi ta’ drittijiet jagħtuha, għall-finijiet ta’ amministrazzjoni esklużiva, id-drittijiet u l-pretensjonijiet (8) fir-rigward tal-prodotti tal-istampa prodotti minnhom, kif imsemmi fl-Artikolu 87f (2) tal-UrhG.

13.      Kif indikat hawn fuq, Google tħaddem il-magna ta’ tiftix magħrufa sabiex jinstabu siti internet (Google search) fid-domains www.google.de u www.google.com. Wara li t-terminu mfittex ikun iddaħħal u tkun inbdiet il-funzjoni ta’ tiftix, jidher test qasir jew estratt minn test b’immaġni mċekkna, intiż sabiex jgħin lil dawk li jużawhom jevalwaw ir-rilevanza tas-sit internet muri għall-bżonn speċifiku tagħhom ta’ informazzjoni. Huwa jikkonsisti f’taħlita ta’ kliem mis-sit internet muri magħmula minn għadd ta’ kliem relatati mat-terminu mfittex. Il-magna ta’ tiftix għandha wkoll menu li bih dawk li jużawh ikunu jistgħu jkollhom aċċess għal iktar servizzi ta’ tiftix speċjalizzat, bħal Google Image Search, Google Video Search u Google News Search (“News” fuq il-menu). Barra minn hekk, Google tħaddem is-servizz ta’ Google News, li wieħed jista’ jkollu aċċess għalih separatament fil-Ġermanja permezz ta’ news.google.de jew news.google.com, li jagħti aħbarijiet minn għadd limitat ta’ sorsi ta’ aħbarijiet f’għamla ta’ rivisti. F’okkażjonijiet bħal dawn, l-estratti inkwistjoni jkunu jikkonsisti f’ġabra qasira mis-sit internet, f’ħafna każijiet bl-użu ta’ sentenzi ta’ introduzzjoni. Permezz tas-servizzi tagħha ta’ AdWords u AdSense, Google turi reklami ta’ terzi fuq is-siti internet tagħha stess u fuq siti internet ta’ terzi bi ħlas ta’ tariffa.

14.      Fil-kawża tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju, VG Media toġġezzjona li Google tuża, għas-servizzi tagħha stess, estratti minn testi u immaġnijiet minn kontenut prodott mill-membri tagħha, mingħajr ma tħallas tariffa. Il-qorti tar-rinviju tqis li peress li l-kawża ta’ VG Media quddiemha hija fondata, tal-inqas parzjalment, l-eżitu tal-proċeduri quddiemha jiddependi minn kemm huma applikabbli l-Artikoli 87f sa 87g tal-UrhG minħabba ma kinux ġew innotifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34.

15.      Dik il-qorti tqis, b’mod partikolari, li l-eżitu tal-proċeduri jiddependi minn jekk l-Artikolu 87g(4) tal-UrhG (meta moqri flimkien mal-Artikolu 87f(1) tal-UrhG) huwiex rekwiżit ta’ natura ġenerali skont l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 98/34 relatat mal-eżerċizzju ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, u mhux regola li ma hijiex speċifikament immirata lejn dawn is-servizzi.

16.      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin::

“1)      Dispożizzjoni nazzjonali li tipprekludi biss lill-operaturi kummerċjali ta’ magni ta’ tiftix u lill-fornituri kummerċjali ta’ servizzi li jimmodifikaw kontenuti, iżda mhux lill-utenti l-oħra, inklużi kummerċjali, li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku prodotti tal-istampa, b’mod sħiħ jew parzjali (bl-eċċezzjoni ta’ kliem iżolat jew estratti qosra ħafna ta’ test), tikkostitwixxi, fis-sens tal-Artikolu 1(2) u (5) tad-Direttiva [98/34], regola li ma hijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi ddefiniti f’dak il-punt,

u, fil-każ ta’ risposta fin-negattiv,

2)      dispożizzjoni nazzjonali li tipprekludi biss lill-operaturi kummerċjali ta’ magni ta’ tiftix u lill-fornituri kummerċjali ta’ servizzi li jimmodifikaw kontenuti, iżda mhux lill-utenti l-oħra, inklużi kummerċjali, li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku prodotti tal-istampa, b’mod sħiħ jew parzjali (bl-eċċezzjoni ta’ kliem iżolat jew estratti qosra ħafna ta’ test), tikkostitwixxi regolament tekniku fis-sens tal-Artikolu 1(11) tad-Direttiva [98/34], jiġifieri regola li l-osservazzjoni tagħha hija obbligtorja relatata mal-provvista ta’ servizz?”

III. Analiżi

17.      Iż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jistgħu b’mod konvenjenti jingħataw risposta flimkien bħala domanda waħda u nipproponi li nadotta dan l-approċċ f’dawn il-konklużjonijiet.

A.      Fuq jekk il-bidliet magħmula għall-UrhG jistgħux jammontaw għal “regolament tekniku” skont it-tifsira tad-Direttiva 98/34

18.      L-ewwel kwistjoni li jeħtiġilha tiġi eżaminata hija jekk dispożizzjoni bħalma huma l-bidliet li saru għall-UrhG tistax tikkostitwixxi “regolament tekniku” skont id-direttiva 98/34.

19.      Huwa ċar li l-kunċett ta’ “regolament tekniku” ikopri erba’ kategoriji ta’ miżuri, jiġifieri, (i) l-“ispeċifikazzjoni teknika” skont it-tifsira tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 98/34; (ii) “ħtiġiet [rekwiżiti] oħra” kif iddefiniti fl-Artikolu 1(4) ta’ dik id-d-direttiva, (iii) ir-“regola dwar is-servizzi” imsemmija fl-Artikolu 1(5) ta’ dik id-direttiva, u (iv) “il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri […] li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz”, skont l-Artikolu 1(11) ta’ dik id-direttiva (9).

20.      Wieħed jista’ l-ewwel josserva li, ċertament, huwa stabbilit sewwa b’riferiment għall-ġurisprudenza stabbilita li dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu biss kundizzjonijiet li jirregolaw kif jiġu stabbiliti jew kif jiġu pprovduti servizzi minn impriżi, bħal dispożizzjonijiet li jissuġġettaw l-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali għal awtorizzazzjoni minn qabel, ma humiex regolamenti tekniċi skont it-tifsira tal-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 (10).

21.      It-tieni nett, huwa ċar li l-miżuri li huma essenzjalment limitati għar-riproduzzjoni jew għas-sostituzzjoni ta’ miżuri tekniċi eżistenti li jkunu diġà ġew innotifikati lill-Kummissjoni wkoll ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-definizzjoni (11).

22.      Għandu jiġi nnotat, madankollu, li l-partijiet ewlenin ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn għandhom x’jaqsmu ma’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, huma dawk li jinsabu fl-Artikolu 87g(4) tal-UrhG, għaliex l-effett aħħari ta’ din il-miżura huwa li l-pubbliku jkun jista’ jkollu aċċess għal prodotti tal-istampa mingħajr il-ksur tad-drittijiet tal-awtur (12), ħlief meta dan isir jew mill-operaturi kummerċjali ta’ magni ta’ tiftix jew minn operaturi kummerċjali li jagħtu servizzi li jimmodifikaw il-kontenut ta’ tali prodotti (13). Din hija d-dispożizzjoni essenzjali tal-liġi l-ġdida minħabba li hija din id-dispożizzjoni li effettivament tillimita jew tirrestrinġi l-provvista ta’ dawn is-servizzi minn fornituri ta’ magni ta’ tiftix fuq l-internet (bħal Google) billi tgħid li tali servizzi jammontaw għal ksur tad-drittijiet tal-awtur u tesponi lill-fornitur tas-servizz għall-possibbiltà ta’ mandat ta’ inibizzjoni jew talba għal ħlas ta’ flus (14). Kif osservat il-Landesgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, l-effett ta’ din il-bidla huwa li:

“[…] huwa illegali li prodotti tal-istampa jew partijiet tagħhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku biss meta jingħataw minn fornitur kummerċjali ta’ magni ta’ tiftix jew minn fornitur kummerċjali ta’ servizzi ta’ magni ta’ tiftix jew fornitur kummerċjali ta’ servizzi li jimmodifikaw kontenut b’mod simili, iżda dan ikunu għadu permissibbli meta jsir minn utenti oħra, inklużi utenti kummerċjali oħra. Il-liġi tagħti lid-detenturi ta’ drittijiet relatati ius prohibendi biss fir-rigward tal-fornituri kummerċjali ta’ magni ta’ tiftix jew fornituri ta’ servizzi li jimmodifikaw kontenut b’dan il-mod, filwaqt li ma jkunx hemm ius prohibendi sabiex dawn jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku minn utenti oħra, inklużi utenti kummerċjalment.”

23.      Ħlief għad-dispożizzjonijiet relatati tal-Artikolu 87f(1), dispożizzjonijiet il-ġodda l-oħra tal-Artikolu 87f sa h tal-UrhG għalija jidhru li huma ġeneralment deskrittivi jew anċillari għal din id-dispożizzjoni ewlenija u ma jippreżentaw ebda kwistjoni sinjifikattiva dwar konformità mad-direttiva.

24.      Min-naħa tiegħi ma naħsibx li l-Artikoli 87f(1) u 87g(4) tal-UrhG jistgħu jitqiesu biss bħala ekwivalenti għal kundizzjoni li tirregola l-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali bħal rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel. Kif innotat il-qorti tar-rinviju, din il-bidla għandha l-effett li fil-prattika tagħmel il-provvista tas-servizz suġġetta jew għal għamla ta’ mandat ta’ inibizzjoni jew għal talba għal ħlas ta’ flus min-naħa tal-pubblikatur ta’ gazzetti jew rivisti. Ċertament huwa minnu li l-operatur ta’ magna ta’ tiftix jista’ juża l-eċċezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, iżda biss jekk il-pubblikazzjoni tkun limitata jew għal ftit kliem jew għal estratt qasir ħafna.

25.      Jista’ jiġi nnotat li fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Ġunju 2015, fil-kawża Berlington Hungary et (15), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni Ungeriża li kienet tillimita l-organizzazzjoni ta’ ċertu logħob tal-azzard għal każinos kienet tikkostitwixxi “regolament tekniku” skont it-tifsira tal-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/48 biss sa fejn setgħet tinfluwenza b’mod sinjifikattiv in-natura tal-prodotti jew it-tqegħid fis-suq tal-prodotti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, madankollu, li projbizzjoni fir-rigward tat-tħaddim ta’ slot machines barra mill-każinos tista’ tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti użati f’dak il-kuntest, li jikkostitwixxu oġġetti li jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 34 TFUE, billi tnaqqas il-kanali ta’ operat (16).

26.      Jekk wieħed japplika dan ir-raġunament b’analoġija ma’ dan il-każ jista’ ugwalment jingħad li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 87f(1) u 87g(4) tal-UrhG jista’ jkollhom l-effett li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv in-natura jew it-tqegħid fis-suq ta’ dawn is-servizzi tal-internet billi jesponu lill-operaturi ta’ magni ta’ tiftix jew għal mandat ta’ inibizzjoni jew għal talba għad-danni meta bit-tiftix fuq l-internet il-qarrej ikun jista’ jkollu aċċess għal iktar minn ftit kliem jew estratt qasir ħafna mill-prodott tal-istampa inkwistjoni. Ħaġa tal-għaġeb li ma hemmx projbizzjoni simili jew il-possibbiltà ta’ responsabbiltà legali fil-każ ta’ membri oħra tal-pubbliku (inklużi operaturi kummerċjali li ma jaqgħux taħt l-eċċezzjoni ta’ riżerva msemmija fl-Artikolu 87g(4) tal-UrhG) li jkollhom aċċess għal jew li jużaw dan il-prodott tal-istampa. Miżura leġiżlattiva ġdida ta’ din ix-xorta tista’ taffettwa b’mod ċar il-provvista ta’ servizzi relatati mal-prodotti tal-istampa, sabiex b’hekk ikun jista’ jkun hemm lok għall-applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE.

27.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-Artikoli 87f(1) u 87g(4) tal-UrhG huma regoli tekniċi skont it-tifsira tal-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34.

28.      Huwa minnu li, kif osservaw ir-rappreżentanti ta’ diversi partijiet fis-seduta tal‑24 ta’ Ottubru 2018, id-dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur mogħti mill-Artikoli 87f sa 87h tal-UrhG jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali stabbilit mill-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-UrhG kif ukoll id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (17), tagħti lid-detenturi tad-drittijiet firxa wiesgħa ta’ rimedji legali — bħal azzjoni għal rimedju b’mandat ta’ inibizzjoni u azzjoni għad-danni — għall-infurzar ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali u, għalhekk, huma intiżi sabiex ikun żgurat, inter alia, livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

29.      Madankollu, huwa ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma humiex assoluti. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li tali drittijiet esklużivi u, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jintalbu rimedji, bħal mandati ta’ inibizzjoni sabiex tinkiseb il-protezzjoni tagħhom, tista’ tolqot id-drittijiet fundamentali ta’ oħrajn, bħad-dritt għal-libertà ta’ intrapriża, protett bl-Artikolu 16 tal-Karta, u d-dritt għal-libertà tal-informazzjoni, protett bl-Artikolu 11 tal-Karta. Meta l-kwistjoni tkun dwar diversi drittijiet fundamentali protetti bid-dritt tal-Unjoni, għandu jinstab bilanċ ġust bejn dawn id-drittijiet (18). F’kull każ, xejn minn dan ma jfisser li leġiżlazzjoni li tipprovdi għal drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma tistax tikkostitwixxi regolament tekniku skont id-Direttiva 98/34.

30.      Imbagħad jeħtieġ, madankollu, jitqies jekk humiex imħarsa wkoll ir-rekwiżiti tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 98/34.

B.      Fuq jekk l-Artikoli 87f(1) u 87g(4) tal-UrhG jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34

31.      Ċertament huma minnu li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34 jipprovdi li t-terminu “regolament tekniku” japplika għal regolamenti marbuta ma’ dak li huwa deskritt bħala servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, jiġifieri servizzi pprovduti għal remunerazzjoni (19), mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq talba individwali ta’ destinatarju ta’ servizzi. Dan ir-rekwiżit, madankollu, huwa ssodisfatt faċilment fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, li tirrigwarda fil-fatt il-provvista ta’ servizzi tal-istampa li jingħataw, inter alia, permezz ta’ magni ta’ tiftix fuq l-internet (20). Il-qorti tar-rinviju, f’kull każ, għamlitha ċara, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha tat‑8 ta’ Mejju 2017 lill-Qorti tal-Ġustizzja, li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta.

C.      Fuq jekk l-Artikoli 87f(1) u 87g(4) tal-UrhG humiex speċifikament immirati lejn servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni

32.      Rekwiżit ieħor tad-Direttiva 98/34 huwa li r-regola inkwistjoni tkun “speċifikament” immirata lejn servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni (21). Kif jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 98/34, miżura nazzjonali għandha titqies li tkun speċifikament immirata lejn servizzi bħal dawn f’dan is-sens jekk il-mira u l-għan ta’ mill-inqas xi wħud mid-dispożizzjonijiet individwali tagħha jkunu “li jirregolaw dawn is-servizzi b’mod espliċitu u mmirat.” (22)

33.      Madankollu, ftit jista’ jkun hemm dubju li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87g(4) tal-UrhG, moqri flimkien mal-Artikolu 87f(1) tal-UrhG, japplikaw għal servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u li r-regola inkwistjoni hija, fir-realtà, speċifikament immirata lejn servizzi bħal dawn.

34.      Il-Gvern Spanjol qal fl-osservazzjonijiet tiegħu li l-għan tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni huwa l-protezzjoni tad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur ta’ pubblikaturi ta’ gazzetti u rivisti u mhux ir-regolamentazzjoni, b’xi mod, ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Fil-fehma tiegħi, il-fatt li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali inkwistjoni jagħtu drittijiet tal-proprjetà intellettwali lil tali pubblikaturi fih innifsu ma jistabbilixxix li tali dispożizzjonijiet ma humiex intiżi sabiex jirregolaw, b’kull mod jew biss b’mod inċidentali, servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Tabilħaqq, il-Kummissjoni qalet fl-osservazzjonijiet tagħha li hija kienet tqis li l-proprjetà intellettwali kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/34. Huwa ċar mis-sentenza mogħtija fil-kawża Schwibbert (23) li dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali fil-qasam tal-proprjetà intellettwali jistgħu jikkostitwixxu “regolament tekniku” suġġett għal notifika skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34.

35.      Il-Gvern Grieg iqis li obbligu ta’ notifika ta’ dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur, bħad-dritt mogħti lil pubblikaturi tal-istampa mill-UrhG, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, jikkostitwixxi formalità kuntrarja għall-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (l-Att ta’ Pariġi tal‑1971) (il-Konvenzjoni ta’ Berna), għall-Artikolu 9 tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali li Jirrigwardaw il-Kummerċ (il-Ftehim TRIPS) u għall-Artikolu 3 tat-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar id-Drittijiet tal-Awtur (1996).

36.      Min-naħa tiegħi, inqis li dawn l-argumenti ma humiex konvinċenti. Filwaqt li n-nuqqas ta’ Stat Membru li jinnotifika abbozz ta’ regolament tekniku skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 jista’ jwassal sabiex dan ma jkunx applikabbli, l-obbligu ta’ notifika minn qabel huwa impost fuq l-Istati Membri, pjuttost milli fuq detenturi individwali ta’ drittijiet, u kull analoġija mal-projbizzjoni li t-tgawdija u l-eżerċizzju ta’ drittijiet ikunu suġġetti għal xi formalità jidhirli li tkun artifiċjali ħafna. Barra minn hekk, ma hemmx esklużjoni ex ante ta’ regoli li jittrattaw id-drittijiet tal-awtur mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi ta’ notifika previsti fid-Direttiva 98/34 u dan jista’ jkun f’kuntrast mal-mod li bih, pereżempju, regoli b’rabta mal-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni u servizzi finanzjarji huma speċifikament esklużi bl-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 98/34.

37.      Dawn id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UrhG ċertament japplikaw kemm għal servizzi online pprovduti mill-operaturi ta’ magni ta’ tiftix (bħal Google), kif ukoll għas-servizzi separati pprovduti minn operaturi oħra li jagħmlu disponibbli prodotti tal-istampa. F’dan l-aħħar każ, naħseb li huwa possibbli li l-fornitur ta’ servizzi ta’ prodotti tal-istampa (li, pereżempju, jista’ jiġbor fil-qosor kumment ġurnalistiku b’rabta ma’ tema partikolari jew entità jew individwu bi ħlas ta’ tariffa) ikun għadu jista’ jkompli jagħmel hekk offline. Tabilħaqq, fis-seduta li saret fl‑24 ta’ Ottubru 2018, ir-rappreżentant tal-Gvern Ġermaniż ikkonferma li l-provvista ta’ dan l-aħħar tip ta’ servizzi minn operaturi oħra ma kinitx komuni u ma kinitx tikkostitwixxi l-għan prinċipali ta’ din il-bidla leġiżlattiva.

38.      Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-impatt tal-leġiżlazzjoni għandhom, naturalment, jiġu ttrattati b’mod realistiku b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-lum. Fil-fehma tiegħi, huwa ċar (24) li l-mira u l-għan ewlenin (25) ta’ dawn il-bidliet leġiżlattivi kienu sabiex jiġi indirizzat l-impatt ta’ magni ta’ tiftix fuq l-internet, peress li l-kontenut tal-media qiegħed jinqara u jiġi kkonsultat online iktar u iktar u sabiex ikun hemm regola speċjali tad-drittijiet tal-awtur fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi online b’rabta ma’ prodotti tal-istampa mill-operaturi ta’ tali magni ta’ tiftix. Għaldaqstant, anki jekk għad hemm operaturi ta’ servizzi kummerċjali li jipprovdu tali servizzi offline, dawn jidhru li huma ’l bogħod milli jikkostitwixxu t-tħassib ewlieni tal-leġiżlatur Ġermaniż. Filwaqt li din fl-aħħar mill-aħħar għandha tkun kwistjoni għall-qorti tar-rinviju li tivverifika, dan jidher għall-inqas impliċitu fl-interpretazzjoni tagħha tal-UrhG.

39.      Huwa f’dan is-sens, għalhekk, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UrhG huma “speċifikament” immirati lejn il-provvista ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni bil-mod mitlub mill-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 98/34, minħabba li fil-verità din il-bidla fil-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur fil-Ġermanja hija mfassla sabiex tirregola tali servizzi b’mod “espliċitu u mmirat” (26).

40.      Din il-konklużjoni hija, fil-fehma tiegħi, ikkorroborata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Falbert et (27). F’dik il-kawża, il-konvenuti kienu l-edituri ta’ gazzetta Daniża li kienet għamlet arranġamenti għall-pubblikazzjoni f’dik il-gazzetta u fil-sit internet tal-gazzetta ta’ reklami mingħand ditti tal-imħatri li kienu joffru servizzi ta’ logħob u mħatri fid-Danimarka, mingħajr ma dawn id-ditti kienet inħarġitilhom liċenzja. Ġara li l-liġi Daniża ma kinitx tagħmel distinzjoni ċara bejn servizzi pprovduti offline u dawk ipprovduti online. Madankollu, din il-kunsiderazzjoni ma tqisitx mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala deċiżiva għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk il-liġi kinitx speċifikament immirata lejn servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 98/34 ma kienx jitlob li l-mira u l-għan speċifiċi tar-regola kollha inkwistjoni kienu sabiex jiġu rregolati servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni minħabba “li huwa biżżejjed li din ir-regola tfittex din il-mira jew dan l-għan f’uħud mid-dispożizzjonijiet tagħha” (28). L-istess jista’ faċilment jingħad għal dan il-każ.

41.      Ċertament naċċetta, bħalma saħqu r-rappreżentanti ta’ bosta partijiet fis-seduta, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet saret sabiex jissaħħu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ pubblikaturi tal-istampa u, b’estensjoni, sabiex tippromwovi kemm id-diversità tal-media u l-libertà tal-istampa. L-omnipreżenza tal-internet u l-aċċess mifrux għal kompjuters personali u smartphones wasslu sabiex, f’temp ta’ nofs ġenerazzjoni sal-lum, il-prattiki tal-konsumaturi stabbiliti żmien ilu dwar il-konsum ta’ prodotti tal-media – b’mod partikolari x-xiri effettiv ta’ gazzetti – inbidlu b’mod drammatiku.

42.      Il-leġiżlaturi f’kull wieħed mill-Istati Membri kienu, għaldaqstant, bħala prinċipju intitolati jwieġbu għal dawn il-bidliet fid-drawwiet tal-konsumaturi. Stampa ħielsa u b’saħħitha hija parti mis-sinsla tad-demokrazija, li, kif jirrikonoxxi l-Artikolu 2 TUE, tikkostitwixxi l-pedament veru tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Huwa pjuttost mhux realistiku li wieħed jistenna ġurnaliżmu ta’ kwalità għolja u varjat li jkun konformi mal-ogħla standards ta’ etika tal-media u tar-rispett għall-verità jekk mezzi oħra tal-media ma jkollhomx dħul finanzjarju sostenibbli kontinwu. Wieħed ikun iblah u inġenwu sabiex ma jagħrafx li l-mudell kummerċjali tradizzjonali tad-dritt tal-gazzetti fl-Unjoni kollha – bejgħ u reklamar – iddgħajjef matul dawn l-aħħar għoxrin sena mill-qari ta’ gazzetti online mill-konsumaturi, liema prattika mbagħad iffaċilitat il-miġja ta’ magni ta’ tiftix qawwija bħal dik imħaddma mill-konvenut.

43.      Madankollu, xejn minn dan ma jfisser li Stat Membru huwa intitolat ma josservax ir-rekwiżiti ta’ notifika tad-Direttiva 98/34. Lanqas il-fatt li notifika ta’ proposta leġiżlattiva bħal din tkun mitluba mid-Direttiva fih innifsu ma jfisser li l-abbozz tal-leġiżlazzjoni jkun neċessarjament difettuż jew oġġezzjonabbli mill-perspettiva tas-suq intern. Dak li pjuttost jipprova jikseb l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 huwa li l-Kummissjoni (u, b’estensjoni, l-Istati Membri l-oħra) tkun taf bil-proposta u fi stadju bikri tqis l-implikazzjonijiet li jista’ jkun hemm tagħha għall-funzjonament tas-suq intern. Din hija essenzjalment ir-raġuni għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja sikwit qalet sa mid-deċiżjoni fil-kawża CIA Security International (29) ’il quddiem li n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ notifika għandu bħala konsegwenza li d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, adottati bi ksur ta’ dan l-obbligu, għandhom jitqiesu li huma inapplikabbli mill-qrati nazzjonali fi proċeduri adatti.

44.      Fil-qosor, għalhekk, jiena tal-fehma li, għar-raġunijiet li diġà semmejt, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 87f(1) u 87g(4) tal-UrhG jikkostitwixxu regolament tekniku li speċifikament għandu l-għan li jiġi pprovdut servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, il-provvista ta’ prodotti tal-istampa permezz tal-użu ta’ magni ta’ tiftix fuq l-internet, sabiex b’hekk jitħarsu r-rekwiżiti tad-definizzjoni ta’ dawn it-termini li jinsabu fl-Artikolu 1(2), fl-Artikolu 1(5) u fl-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34.

45.      Peress li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma ġewx innotifikati lill-Kummissjoni bil-mod mitlub mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, isegwi, għalhekk, li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) għandha tirrifjuta milli tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 87f(1) u 87g(4) tal-UrhG fil-proċeduri li jinvolvu l-partijiet quddiem dik il-qorti.

IV.    Konklużjoni

46.      Għaldaqstant, nipproponi li ż-żewġ domandi preliminari magħmula mil-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja) għandhom jingħataw risposta kif ġej:

L-Artikolu 1(2) u (5) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, kif emendata kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/96/KE tal‑20 ta’ Novembru 2006 li tadatta ċerti Direttivi fil-qasam tal-moviment liberu ta’ merkanzija, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprojbixxu biss lil operaturi kummerċjali ta’ magni ta’ tiftix u lil fornituri ta’ servizzi kummerċjali li jimmodifikaw kontenut, iżda mhux lil utenti oħra, inklużi utenti kummerċjali, milli jqiegħdu prodotti tal-istampa jew partijiet tagħhom (bl-esklużjoni ta’ kliem individwali u estratti qosra ta’ testi) għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, jikkostitwixxu regoli speċifikament immirati lejn servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. L-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu regolament tekniku skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni, suġġett għall-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Ħlief għal kliem iżolat jew siltiet qosra ħafna minn testi: ara iktar ’il quddiem fil-punt 9.


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337.


4      ĠU 2008, L 352M, p. 709.


5      Sentenza tat‑30 ta’ April 1996, CIA Security International (C‑194/94, EU:C:1996:172, punti 44 et seq.).


6      Skont id-definizzjoni tagħhom fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34.


7      Ara l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 98/34.


8      Li huma bħalissa intitolati għalihom jew ikunu intitolati għalihom tul it-terminu tal-kuntratt.


9      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2016, Ince (C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 70).


10      Ara, dwar dan, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Falbert et (C-255/16 EU:C:2017:983, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ara, dwar dan, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2005, Lindberg (C-267/03, EU:C:2005:246, punt 85).


12      Jidher mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li d-dritt mogħti mid-dispożizzjonijiet tal-UrhG inkwistjoni huwa, fil-fatt, dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur. Nipproponi, madankollu, li għall-konvenjenza nirreferi għalih f’dawn il-konklużjonijiet bħala drittijiet tal-awtur.


13      Filwaqt li d-dritt esklużiv mogħti lil produttur ta’ prodott tal-istampa skont l-Artikolu 87f(1) tal-UrhG huwa abbozzat b’mod wiesa’ ħafna, huwa ċar mill-Artikolu 87g(4) tal-UrhG – li l-abbozz tiegħu huwa f’forma ta’ eċċezzjoni – li dan id-dritt esklużiv, fir-realtà, huwa intiż jew huwa limitat għal “operaturi kummerċjali ta’ magni ta’ tiftix jew għal operaturi kummerċjali ta’ servizzi li jimmodifikaw kontenut”. Għalhekk inqis li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li d-dritt esklużiv japplika erga omnes u li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ prodotti tal-istampa huwa “dejjem illegali” – u mhux biss meta dan isir minn operaturi ta’ magni ta’ tiftix jew minn operaturi ta’ servizzi li jimmodifikaw kontenut – hija fil-verità artifiċjali ħafna meta titqies fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 98/34. Filwaqt li l-Artikolu 87g(4) tal-UrhG huwa bla dubju abbozzat bħala eċċezzjoni għad-dritt esklużiv mogħti fl-Artikolu 87f(1) tal-UrhG, l-effett reali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li d-dritt esklużiv għandu rabta biss mas-servizzi msemmija fl-Artikolu 87g(4) tal-UrhG. Inqis ukoll li l-osservazzjoni ta’ VG Media u tal-Gvern Spanjol li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni ma għandhiex l-għan li tirregola l-provvista ta’ prodotti tal-istampa online iżda pjuttost li tipproteġi drittijiet ta’ pubblikaturi ma hijiex konvinċenti għal raġunijiet imsemmija band’oħra f’dawn il-konklużjonijiet.


14      Fid-dawl tad-drittijiet legali mogħtija skont id-dispożizzjonijiet inkwistjoni lill-pubblikaturi ta’ gazzetti u rivisti, l-osservanza tar-regoli inkwistjoni hija obbligatorja fir-rigward tal-provvista ta’ prodotti tal-istampa minn “operaturi kummerċjali ta’ magni ta’ tiftix jew minn operaturi kummerċjali ta’ servizzi li jimmodifikaw kontenut” kif mitlub mill-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34.


15      Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et (C‑98/14, EU:C:2015:386).


16      Ara l-punti 98 u 99.


17      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32.


18      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, McFadden (C‑484/14, EU:C:2016:689, punti 81 sa 84); ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Huawei Technologies (C‑170/13, EU:C:2015:477, punti 57 sa 59).


19      Huwa ċar mill-punti 26 sa 30 tas-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Papasavvas (C‑291/13, EU:C:2014:2209), li l-kunċett ta’ “servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34, ikopri l-provvista ta’ servizzi ta’ informazzjoni online li għaliha l-fornitur tas-servizz jitħallas, mhux mid-destinatarju tagħhom, iżda minn dħul iġġenerat pereżempju minn reklami magħmula fuq sit internet.


20      Il-Gvern Portugiż iqis li t-test tal-Artikolu 87g(4) tal-UrhG ma jissodisfax tnejn mir-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34, jiġifieri li s-servizz normalment jiġi pprovdut għal remunerazzjoni u fuq talba individwali ta’ destinatarju ta’ servizzi.


21      Filwaqt li l-Kummissjoni taċċetta li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, minn operaturi kummerċjali, ta’ magni ta’ tiftix, ta’ prodotti tal-istampa jew ta’ partijiet tagħhom huwa servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, hija tqis li t-termini “operaturi kummerċjali ta’ servizzi li jimmodifikaw il-kontenut” jista’ jkollhom rabta mhux biss ma’ servizzi online iżda wkoll ma’ servizzi offline.


22      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Uber France (C‑320/16, EU:C:2017:511, punti 23 u 24). F’dawk il-konklużjonijiet, l-Avukat Ġenerali Szpunar qal li “kull dispożizzjoni li tikkonċerna b’xi mod, ikun liema jkun, is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, ma taqax awtomatikament fil-kategorija tar-regoli tekniċi. Id-Direttiva 98/34 emendata fil-fatt tiddistingwi, fost id-diversi kategoriji ta’ regoli tekniċi, dawk relatati mas-servizzi, filwaqt li huwa speċifikat li huma kkonċernati biss is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Skont id-definizzjoni fl-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva, regola relatata mas-servizzi hija ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha relatata mal-aċċess u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizzi. Biex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala regola teknika, ikun għad jeħtieġ li tali ħtieġa jkollha l-iskop u l-għan speċifiku li tirregola dawn is-servizzi b’mod espliċitu u mmirat. Min-naħa l-oħra, ir-regoli li jikkonċernaw dawn is-servizzi b’mod impliċitu jew inċidentali biss, huma esklużi”.


23      Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2007 (C‑20/05, EU:C:2007:652).


24      Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju.


25      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981, punt 40), u tal-10 ta’ April 2018, Uber France (C-320/16, EU:C:2018:221, punt 22), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “element prinċipali” ta’ servizz li kien taħlita ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” u servizz ta’ trasport kien dan l-aħħar servizz. Fil-fehma tiegħi jista’ jsir l-istess eżerċizzju b’rabta mal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Minħabba li leġiżlazzjoni jista’ jkollha għadd ta’ għanijiet u għandha tkun imfassla sabiex tissodisfa għadd ta’ rekwiżiti u interessi speċifiċi, jiena konvint li fil-kuntest tar-rekwiżit ta’ notifika minn qabel impost mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, huwa importanti ħafna li jkunu aċċertati l-mira u l-għan prinċipali jew l-element prinċipali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tad-dispożizzjoni inkwistjoni, għaliex, fil-każ kuntrarju, l-inklużjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ta’ servizzi li ma jkunu ta’ ebda importanza kbira f’dak li għandu x’jaqsam, pereżempju, volum jew valur, tista’ twassal għall-konklużjoni żbaljata li s-servizzi, li fil-verità jkunu qed jiġu rregolati, ma jkunux “servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni”. L-inklużjoni f’leġiżlazzjoni ta’ servizzi relattivament mhux importanti li ma jiġux ikkummerċjalizzati online flimkien ma’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni tista’ twassal sabiex jiġi mhedded l-għan proprju tad-Direttiva 98/34.


26      Għalhekk ma naqbilx mal-argument tal-Gvern Ġermaniż li d-dispożizzjonijiet tal-UrhG inkwistjoni ma għandhomx impatt dirett fuq il-provvista ta’ servizzi jew il-provvista transkonfinali ta’ servizzi. Dan il-gvern iqis li dawn id-dispożizzjonijiet huma biss kundizzjonijiet ġenerali relatati mal-provvista ta’ servizzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 98/34. Skont dan il-gvern, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jolqtu biss aċċess għal magni ta’ tiftix u għal aggregaturi ta’ data għal data għall-indiċjar tar-riċerka tagħhom.


27      Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Falbert et (C‑255/16, EU:C:2017:983).


28      Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Falbert et (C‑255/16, EU:C:2017:983, punt 32).


29      Sentenza tat‑30 ta’ April 1996 (C‑194/94, EU:C:1996:172).