Language of document : ECLI:EU:F:2008:123

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tieni Awla)

25 ta’ Settembru 2008

Kawża F-44/05

Guido Strack

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Ċaħda ta’ kandidatura – Rikors għal annullament u għad-danni – Ammissibbiltà – Interess ġuridiku – Irtirar – Kumitat ta’ preselezzjoni – Kompożizzjoni – Applikazzjoni ratione temporis ta’ dispożizzjonijiet ġodda – Indipendenza – Imparzjalità – Komunikazzjoni ta’ deċiżjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu G. Strack jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej li tiċħad l-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni ta’ kap tad-Diviżjoni “Sejħiet għal offerti u kuntratti” (A 5/A 4) tal-imsemmi Uffiċċju u tad-deċiżjoni li taħtar lil A. għall-pożizzjoni kkontestata, kif ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni morali allegatament subiti.

Deċiżjoni: It-talba għall-annullament tad-deċiżjoni li taħtar lil A. għall-pożizzjoni ta’ kap tad-Diviżjoni “Sejħiet għal offerti u kuntratti” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet hija miċħuda bħala inammissibbli. Id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent għall-pożizjoni ta’ kap tad-Diviżjoni “Sejħiet għal offerti u kuntratti” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet hija annullata. Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lir-rikorrent somma ta’ EUR 2000 bħala danni. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż tar-rikorrent.


Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Interess ġuridiku

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 53, 78 u 90; Anness VIII, Artikolu 14)

2.      Uffiċjali – Drittijiet u obbligi – Obbligu ta’ indipendenza u ta’ integrità

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 11a)

3.      Uffiċjali – Pożizzjoni vakanti – Eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 29)

4.      Uffiċjali – Deċiżjoni individwali – Komunikazzjoni tardiva – Effetti

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

1. Rikorrent għandu jiġġustifika interess eżistenti u attwali fl-annullament tal-att ikkontestat minnu u, jekk l-interess li fuqu jibbaża ruħu jirrigwarda sitwazzjoni ġuridika futura, dan għandu jistabbilixxi li d-dannu għal din is-sitwazzjoni huwa diġà ċert. Rigward uffiċjal li ġie rtirat minħabba invalidità permanenti meqjusa bħala totali qabel il-preżentata tar-rikors tiegħu għall-annullament tal-ħatra ta’ uffiċjal ieħor fil-kariga li r-rikorrent kien kandidat għaliha, il-possibbiltà ta’ eventwali dħul mill-ġdid fis-servizz skont l-Artikolu 14 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tikkostitwixxi biss avveniment eventwali li t-twettiq futur tiegħu huwa inċert, joħloq interess sempliċement ipotetiku u, għalhekk, insuffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li s-sitwazzjoni ġuridika tiegħu hija affettwata minn nuqqas ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, ir-rikorrent għandu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ fatt partikolari li jiġġustifika ż-żamma ta’ interess ġuridiku personali u attwali fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

Min-naħa l-oħra, it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent għall-kariga kkontestata hija ammissibbli, billi dan tal-aħħar għandu interess sabiex tiġi kkonstatata l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tiegħu bl-għan li jikseb il-kumpens għad-dannu li din setgħet ikkawżatlu.

(ara l-punti 70, 72, 74, 76 u 79)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 21 ta’ Jannar 1987, Stroghili vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, 204/85, Ġabra p. 389, punt 11; Il‑Qorti tal-Prim’Istanza 9 ta’ Frar 1994, Latham vs Il‑Kummissjoni, T‑82/91, ĠabraSP p. I‑A‑15 u II‑61, punt 25; 30 ta’ Novembru 1998, N vs Il‑Kummissjoni, T‑97/94, Ġabra p. I‑A‑621 u II‑1879, punti 26 u 27; 7 ta’ Frar 2007, Gordon vs Il‑Kummissjoni, T‑175/04, Ġabra p. I‑0000, punti 33 u 35

2. L-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intiż sabiex jilħaq l- indipendenza, l-integrità u l-imparzjalità, li huma ta’ natura fundamentali. L-obbligu previst fil-paragrafu 2 tiegħu jikkonsisti, fir-rigward tal-uffiċjal ikkonċernat, f’li jinforma lill-Awtorità tal-Ħatra b’mod preventiv sabiex din tkun tista’ tieħu l-miżuri adatti skont il-kuntest tal-każ, u mhux f’li jirrinunċja minn qabel għat-trattament jew għas-soluzzjoni ta’ dan il-każ jew f’li jwarrab, għall-iskopijiet ta’ tali trattament jew soluzzjoni, l-elementi li jistgħu jqiegħdu dubju fuq l-interess personali tiegħu. Għaldaqstant, l-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal għandu kamp ta’ applikazzjoni wiesgħa, li jkopri kull sitwazzjoni li fir-rigward tagħha l-uffiċjal għandu raġonevolment jifhem, fid-dawl tal-funzjoni li huwa jeżerċita u tal-fatti proprji tal-każ, li din hija ta’ natura li tidher, f’għajnejn terzi, bħala sors possibbli ta’ bdil tal-indipendenza tiegħu.

(ara l-punt 132)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 9 ta’ Lulju 2002, Zavvos vs Il‑Kummissjoni, T‑21/01, Ġabra p. I‑A‑101 u II‑483, punt 39; 11 ta’ Settembru 2002, Willeme vs Il‑Kummissjoni, T‑89/01, Ġabra p. I‑A‑153 u II‑803, punt 47; 12 ta’ Lulju 2005, De Bry vs Il‑Kummissjoni, T‑157/04, Ġabra p. I‑A‑199 u II‑901, punt 33

3. L-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li l-amministrazzjoni għandha fir-rigward ta’ ħatra jew ta’ promozzjoni jippreżumi li hija teżamina b’attenzjoni u imparzjalità l-elementi rilevanti kollha ta’ kull kandidatura u li hija tosserva b’mod kuxxjentuż ir-rekwiżiti msemmija fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, b’tali mod li hija obbligata teskludi kull kandidat li ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti. L-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jikkostitwixxi fil-fatt kuntest legali li l-Awtorità tal-Ħatra timponi fuqha nfisha stess u li hija għandha tosserva rigorożament.

Fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ żball eventwali fl-għażla ta’ uffiċjal, żball tali għandu jkun manifest u jeċċedi s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li, fil-kuntest stabbilit fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, l-Awtorità tal-Ħatra għandha fil-paragun tal-merti tal-kandidati u fl-evalwazzjoni tal-interess tad-dipartiment. L-istħarriġ tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-elementi li bbażat fuqhom l-imsemmija awtorità sabiex tistabbilixxi l-evalwazzjoni tagħha, din tal-aħħar baqgħetx f’limiti raġjonevoli u ma’ użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat jew għal skopijiet oħra għajr dawk li għalihom din kienet ġiet mogħtija lilha.

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax għalhekk jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu tal-merti u tal-kwalifiki tal-kandidati għal dik tal-Awtrorità tal-Ħatra meta ebda element tal-proċess ma jippermetti li jiġi ddikjarat li, meta evalwat dawn il-merti u l-kwalifiki, din tal-aħħar wettqet żball manifest.

(ara l-punti 155 u156)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 30 ta’ Ottubru 1974, Grassi vs Il‑Kunsill, 188/73, Ġabra p. 1099, punti 26, 38 u 41; 30 ta’ Mejju 1984, Picciolo vs Il‑Parlament, 111/83, Ġabra p. 2323, punt 16; 4 ta’ Frar 1987, Bouteiller vs Il‑Kummissjoni, 324/85, Ġabra p. 529, punt 6; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Diċembru 1990, Moritz vs Il‑Kummissjoni, T‑20/89, Ġabra p. II‑769, punt 29; 18 ta’ Settembru 2003, Pappas vs Il‑Kumitat tar‑Reġjuni, T‑73/01, Ġabra p. I‑A‑207 u II‑1011, punt 54; 9 ta’ Novembru 2004, Montalto vs Il‑Kunsill, T‑116/03, Ġabra p. I‑A‑339 u II‑1541, punt 65; 4 ta’ Mejju 2005, Sena vs AESA, T‑30/04, Ġabra p. I‑A‑113 u II‑519, punti 80 u 81

4. L-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal tipprevedi li kull deċiżjoni individwali għandha tkun ikkomunikata minnufih bil-miktub lill-uffiċjal. Il-konstatazzjoni ta’ dewmien li taffettwa din il-komunikazzjoni ma tistax madankollu, waħeda, tikkostitwixxi ksur tal-imsemmija dispożizzjoni, tali li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punti 195 u 198)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 18 ta’ Marzu 1997, Picciolo u Caló vs Il‑Kumitat tar‑Reġjuni, T‑178/95 u T‑179/95, ĠabraSP p. I‑A‑51 u II‑155, punti 28 u 29; 17 ta’ Novembru 1998, Gómez de Enterría y Sanchez vs Il‑Parlament, T‑131/07, Ġabra p. I‑A‑613 u II‑1855, punt 69; 7 ta’ Frar 2007, Caló vs Il‑Kummissjoni, T‑118/04 u T‑134/04, Ġabra p. I‑0000, punt 79