Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-24 ta' Jannar 2013 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tas-Symvoulio tis Epikrateias - il-Greċja) - Stanleybet International LTD (C-186/11), William Hill Organization Ltd (C-186/11), William Hill plc (C-186/11), Sportingbet plc (C-209/11) vs Ypourgos Oikonomias kai Oikonomikon, Ypourgos Politismou

(Kawżi Magħquda C-186/11 u C-209/11) 

(Artikoli 43 u 49 KE - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi dritt esklużiv biex tmexxi, tamministra, torganizza u topera logħob tal-ażżard lil impriża waħda li għandha l-istruttura ġuridika ta' kumpannija b'responsabbiltà limitata, ikkwotata fil-Borża - Reklamar tal-logħob tal-ażżard u espansjoni fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea - Kontroll mill-Istat)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Symvoulio tis Epikrateias

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Stanleybet International LTD (C-186/11), William Hill Organization Ltd (C-186/11), William Hill plc (C-186/11), Sportingbet plc (C-209/11)

Konvenuti: Ypourgos Oikonomias kai Oikonomikon, Ypourgos Politismou

fil-preżenza ta': Organismos prognostikon agonon podosfairou AE (OPAP)

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Symvoulio tis Epikrateias Athina - Interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE (Artikoli 43 u 49 KE) - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi, bil-għan ta' limitazzjoni tal-logħob tal-ażżard, l-għoti ta' dritt esklużiv ta' twettiq, amministrazzjoni, organizzazzjoni u operat tal-logħob tal-ażżard lil impriża waħda li għandha l-forma ġuridika ta' kumpannija b'responsabbiltà limitata, ikkwotata fil-borża - Twettiq minn din il-kumpannija tar-reklamar tal-logħob u l-espansjoni f'pajjiżi oħra tal-Unjoni

Dispożittiv

L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti d-dritt esklużiv biex tamministra, tmexxi, torganizza u topera l-logħob tal-ażżard lil impriża waħda meta, minn naħa, din il-leġiżlazzjoni ma tirrispondix realment għar-rieda li jitnaqqsu l-okkażjonijiet ta' logħob u li jiġu limitati l-attivitajiet f'dan is-settur b'mod koerenti u sistematiku u, min-naħa l-oħra, meta kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi fuq l-espansjoni tas-settur tal-logħob tal-ażżard, sa fejn huwa neċessarju għall-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta ma' dan il-logħob, ma jiġix żgurat, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistħarreġ dan.

Fil-każ ta' inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-organizzazzjoni ta' logħob tal-ażżard mad-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta' stabbiliment, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux ma jeżaminawx, matul it-tul ta' perijodu tranżitorju, talbiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet fis-settur tal-logħob tal-ażżard.

Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jevalwaw it-talbiet għal awtorizzazzjoni tal-organizzazzjoni ta' logħob tal-ażżard li jiġu sottomessi lilhom skont il-livell ta' protezzjoni tal-konsumaturi u l-ordni pubbliku li huma jixtiequ jiżguraw, iżda abbażi ta' kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji.

____________

1 - ĠU C 186, 25.06.2011 ĠU C 194, 02.07.2011