Language of document : ECLI:EU:T:2007:155

Kawża T-289/01

Der Grüne Punkt - Duales System Deutschland GmbH

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Kompetizzjoni – Akkordji – Sistema ta’ ġbir u ta’ rkupru ta’ imballaġġi kkummerċjalizzati fil-Ġermanja li għandhom il-logo Der Grüne Punkt – Deċiżjoni ta’ eżenzjoni – Obbligi imposti mill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi l-kompetizzjoni – Esklużività mogħtija mill-amministratur tas-sistema lill-impriżi ta’ ġbir użati – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni – Ħtieġa li jiġi ggarantit l-aċċess tal-kompetituri għall-installazzjonijiet ta’ ġbir użati mill-amministratur tas-sistema – Impenji adottati mill-amministratur tas-sistema”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni – Akkordji – Projbizzjoni – Eżenzjoni – Impenn propost matul il-proċedura amministrattiva

(Artikolu 81 KE)

2.      Kompetizzjoni – Akkordji – Projbizzjoni – Eżenzjoni – Kundizzjonijiet

3.      Kompetizzjoni – Akkordji – Projbizzjoni – Eżenzjoni – Kundizzjonijiet

(Artikolu 81(1) u (3) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 8(1))

4.      Kompetizzjoni – Regoli Komunitarji – Applikazzjoni mill-qrati nazzjonali

(Artikolu 81(1) KE)

5.      Kompetizzjoni – Impriżi responsabbli biex joperaw servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali

(Artikolu 86(2) KE)

1.      Impenn propost minn impriża matul il-proċedura amministrattiva sabiex tingħata risposta għat-tħassib espost mill-Kummissjoni f’dan il-kuntest għandu bħala effett li jippreċiża l-kontenut tal-ftehim notifikati għal finijiet ta’ ċertifikazzjoni negattiva jew ta’ eżenzjoni taħt l-Artikolu 81 KE, billi jindika lill-Kummissjoni b’liema mod din l-impriża kellha l-intenzjoni li ġġib ruħha fil-futur. Għalhekk il-Kummissjoni ġustament ħadet in kunsiderazzjoni dan l-impenn meta adottat id-deċiżjoni tagħha u mhuwiex kompitu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li teżamina l-legalità ta’ din id-deċiżjoni fid-dawl ta’ element li għalih l-impriża kienet irrinunzjat matul il-proċedura amministrattiva.

(ara l-punti 87-89)

2.      F’każ fejn l-installazzjonijiet, li jkunu proprjetà ta’ impriżi li jkunu ffirmaw kuntratt ma’ impriża li tirrappreżenta l-parti l-kbira tad-domanda, jikkostitwixxu restrizzjoni għall-kompetituri tagħha, il-Kummissjoni tista’ timponi fuq din l-impriża, bħala obbligu li għalih tkun suġġetta ċ-ċertifikazzjoni negattiva jew ta’ eżenzjoni taħt l-Artikolu 81 KE, l-użu konġunt, bejnha u l-kompetituri tagħha, ta’ dawn l-installazzjonijiet, u dan minħabba li altrimenti dawn ta’ l-aħħar ikunu mċaħħda minn kull possibbiltà serjà li jidħlu u li jibqgħu preżenti fis-suq in kwistjoni.

(ara l-punti 107, 112-113)

3.      L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 17 jipprovdi li d-deċiżjonijiet ta’ eżenzjoni jistgħu jkunu marbuta b’kundizzjonijiet u obbligi mingħajr ma jispeċifika abbażi ta’ liema kundizzjonijiet il-Kummissjoni għandha tagħżel bejn waħda jew l-oħra minn dawn il-possibbiltajiet. Barra minn dan, peress li l-Artikolu 81(3) jistabbilixxi, favur l-impriżi, eċċezzjoni għall-projbizzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni għandha jkollha, f’dak li jirrigwarda l-modalitajiet ta’ kif hija torbot eżenzjoni, setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni filwaqt li tibqa’ obbligata li tirrispetta l-limiti li l-Artikolu 81 KE jimponi fuq il-kompetenza tagħha.

Il-fatt li f’każijiet oħra l-Kummissjoni ppreferiet timponi kundizzjonijiet minflok obbligi mhuwiex biżżejjed, minnu nnifsu, sabiex jikkontesta l-possibbiltà mogħtija mir-Regolament Nru 17 li deċiżjoni ta’ eżenzjoni tiġi marbuta b’obbligi aktar milli b’kundizzjonijiet.

(ara l-punti 153-154)

4.      Meta l-qrati nazzjonali jiddeċiedu fuq ftehim jew fuq prassi li jkunu diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tkun qiegħda taġixxi fil-kuntest tal-kompetenzi mogħtija lilha sabiex tassigura l-osservanza tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni, huma ma jistgħux jadottaw deċiżjonijiet li jmorru kontra dik tal-Kummissjoni, anki jekk din ta’ l-aħħar hija kontradittorja għal deċiżjoni mogħtija minn qorti nazzjonali ta’ l-ewwel istanza.

(ara l-punt 197)

5.      Anke jekk jitqies li impriża li tiġġestixxi sistema ta’ ġbir u ta’ rkupru ta’ imballaġġi ta’ bejgħ hija responsabbli biex topera servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali fis-sens ta’ l-Artikolu 86(2) KE, il-fatt li l-Kummissjoni imponitilha l-obbligu li ma twaqqafx lill-impriżi ta’ ġbir milli jikkonkludu mal-kompetituri ta’ din l-impriżi kuntratti li jawtorizzaw lil dawn ta’ l-aħħar jużaw il-kontenituri jew installazzjonijiet oħra ta’ ġbir u ta’ għażla ta’ l-imballaġġi u milli jirrispettaw dawn il-kuntratti bl-ebda mod ma jippermetti li jiġi stabbilit li huwa mhedded it-twettiq, f’kundizzjonijiet ekonomiċi aċċettabbli, tas-servizz ta’ ġbir u ta’ rkupru fdat f’idejn is-sistema.

(ara l-punti 207-208)