Language of document : ECLI:EU:C:2021:187

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Marzu 2021 (*)

[Test irrettifikat bid-digriet tat‑13 ta’ April 2021]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 8(1)(c) – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Stat Membru għal finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali abbażi ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà maħruġa mill-istess awtorità – Assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta – Konsegwenzi – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑648/20 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Westminster Magistrates’ Court (il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Westminster, ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Novembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

PI,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatriċi) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: C. Strömholm,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑27 ta’ Jannar 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal PI, minn H. Malcolm, QC, u J. Kern, barrister, mogħtija mandat minn S. Bisnauthsing, solicitor,

–        għall-Gvern Bulgaru, minn L. Zaharieva u T. Tsingileva, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati waqt is-seduta tal‑11 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”), moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni fir-Renju Unit ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-rayonna prokuratura Svichtov (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Reġjonali ta’ Svichtov, il-Bulgarija), għal finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali mressqa kontra PI.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 5, 6, 10 u 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma fformulati kif ġej:

“(5)      L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6)      Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

[…]

(10)      Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) [UE], determinat mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) [UE] imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.

[…]

(12)      Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 [UE] u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea […], b’mod partikolari l-Kapitolu VI tiegħu. […]”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprevedi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni [miżura ta’ sigurtà li ċċaħħad il-libertà].

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [UE].”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar jew, fejn ingħatat sentenza jew ġiet magħmula ordni ta’ detenzjoni, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.”

6        Skont l-Artikolu 6 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat..

2.      L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

3.      Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.”

7        L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/58, intitolat “Kontenut u forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skond il-formola li tinsab fl-Anness:

[…]

c)      l-indikazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ sentenza esegwibbli [eżekuttiva], mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli [eżekuttiva] oħra li jkollhom l-istess effett, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 2;

[…]”

 Id-dritt tar-Renju Unit

8        Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hija rregolata mill-Extradition Act 2003 (il-Liġi dwar l-Estradizzjoni tal‑2003). L-ewwel parti ta’ din il-liġi tiddefinixxi t-territorji li lejhom tista’ ssir estradizzjoni mir-Renju Unit. Ir-Repubblika tal-Bulgarija hija wieħed minnhom. Skont kliem l-Artikolu 2(7) tal-imsemmija liġi, l-awtorità ċentrali nnominata toħroġ ċertifikat jekk tqis li l-mandat ta’ arrest inħareġ minn awtorità emittenti li tinstab fl-imsemmija territorji.

 Id-dritt Bulgaru

 Iz-ZEEZA

9        Iz-Zakon za ekstraditsiata i evropeiskata zapoved za arest (il-Liġi dwar l-Estradizzjoni u l-Mandat ta’ Arrest Ewropew, DV Nru 46, tat‑3 ta’ Ġunju 2005), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iz-“ZEEZA”), tittrasponi fid-dritt Bulgaru d-Deċiżjoni Qafas 2002/584. L-Artikolu 37 taz-ZEEZA jistipula d-dispożizzjonijiet dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew f’termini kważi identiċi għal dawk tal-Artikolu 8 ta’ din id-deċiżjoni qafas.

10      Abbażi tal-punt 1 tal-Artikolu 56(1) taz-ZEEZA, il-prosekutur għandu l-kompetenza, fil-fażi preliminari tal-proċedura kriminali, biex joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew kontra l-persuna suġġetta għall-proċeduri.

 In-NPK

11      Konformement mal-Artikolu 14(1) tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, DV Nru 86, tat‑28 ta’ Ottubru 2005), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NPK”), il-prosekutur għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu skont il-konvinzjoni intima tiegħu, abbażi ta’ eżami oġġettiv, imparzjali u sħiħ taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, fl-osservanza tal-liġi.

12      Fil-kuntest tal-proċess kriminali, il-prosekutur huwa l-awtorità kompetenti li, konformement mal-Artikolu 46 tan-NPK, jeżerċità l-azzjoni pubblika, li jmexxi l-istruttorja u li jwettaq stħarriġ tal-legalità tagħha u tal-iżvolġiment tajjeb tagħha.

13      It-tqegħid taħt arrest preventiv ta’ persuna li hija s-suġġett ta’ prosekuzzjoni kriminali huwa rregolat, matul il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali, mill-Artikolu 64 tan-NPK.

14      Skont kliem l-Artikolu 64(1) tan-NPK, “[i]l-miżura ta’ tqegħid taħt arrest preventiv għandha tiġi adottata matul il-proċedura preliminari mill-qorti tal-ewwel istanza kompetenti fuq talba mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku”.

15      Konformement mal-Artikolu 64(2) tan-NPK, il-prosekutur jista’ jadotta miżura li tordna t-tqegħid taħt detenzjoni tal-persuna suġġetta għall-proċeduri għal tul massimu ta’ 72 siegħa sabiex jiġi żgurat li din il-persuna tidher quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tadotta, jekk ikun il-każ, miżura ta’ tqegħid taħt arrest preventiv.

16      L-Artikolu 64(3) tan-NPK jipprovdi, min-naħa tiegħu, li “il-qorti, f’kompożizzjoni b’Imħallef uniku, għandha teżamina immedjatament il-kawża, f’seduta pubblika, bil-parteċipazzjoni tal-prosekutur, tal-persuna suġġetta għall-proċeduri, u tal-konsulent legali tagħha.”

17      Barra minn dan, konformement mal-Artikolu 64(4) tan-NPK, il-qorti hija l-awtorità kompetenti biex teżamina t-talba ta’ tqegħid taħt arrest preventiv u biex tevalwa jekk hemmx lok li tiġi imposta din il-miżura, li tagħżel li timponi miżura inqas stretta jew li tirrifjuta b’mod ġenerali li timponi miżura proċedurali vinkolanti kontra persuna suġġetta għall-proċeduri.

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18      Fit‑28 ta’ Jannar 2020, il-prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Reġjonali ta’ Svichtov ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għal finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali mnedija kontra PI (iktar ’il quddiem il-“mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni”).

19      Hekk kif jirriżulta mill-proċess fil-pussess tal-Qorti tal-Ġustizzja, PI huwa ssuspettat li wettaq, fil-Belt ta’ Svishtov (il-Bulgarija), fit‑8 ta’ Diċembru 2019, serq ta’ flus u ta’ ġojjelli, ta’ valur totali stmat ta’ BGN 14 713.97 (madwar EUR 7 500), suġġett għal piena ta’ priġunerija ta’ bejn sena u għaxar snin.

20      Il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni huwa msawwar fuq deċiżjoni tal-istess prosekutur, maħruġa fit‑12 ta’ Diċembru 2019, li tordna t-tqegħid taħt detenzjoni ta’ PI għat-tul massimu ta’ 72 siegħa.

21      PI għalhekk ġie arrestat u mqiegħed taħt detenzjoni fir-Renju Unit, fil‑11 ta’ Marzu 2020, abbażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni.

22      Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Westminster Magistrates’ Court (il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Westminster, ir-Renju Unit), PI jikkontesta l-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni billi jsostni li s-sistema ġudizzjarja Bulgara ma tissodisfax ir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif interpretata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari permezz tas-sentenzi tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), u PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:457).

23      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont il-prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Reġjonali ta’ Svichtov, il-persuna rikjesta permezz ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hija, taħt id-dritt Bulgaru, irrappreżentata minn avukat, b’tali mod li l-interessi tagħha huma protetti b’mod sħiħ. Sa fejn id-deċiżjoni ta’ ħruġ ta’ tali mandat hija msejsa fuq deċiżjoni li tordna t-tqegħid taħt detenzjoni li timponi li, wara l-konsenja tal-persuna rikjesta, din titressaq quddiem qorti li tiddeċiedi dwar it-tiċħid tal-libertà tagħha, is-sistema proċedurali Bulgara hija konformi mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif interpretata bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24      Skont il-qorti tar-rinviju, fid-dritt Bulgaru, la d-deċiżjoni tal-prosekutur li tordna t-tqegħid taħt detenzjoni tal-persuna rikjesta u lanqas il-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-istess awtorità b’estensjoni ta’ din id-deċiżjoni ma jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta. Għaldaqstant, din is-sitwazzjoni hija differenti mis-sistemi proċedurali eżistenti fi Stati Membri oħra u li taw lok għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam.

25      Il-qorti tar-rinviju annettiet, mat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, iċ-ċertifikat maħruġ min-Nazzjonali Crime Agency (l-Aġenzija Nazzjonali għall-Ġlieda kontra l-Kriminalità, ir-Renju Unit), f’konformità mal-Artikolu 2(7) tal-Liġi dwar l-Estradizzjoni tal-2003, fejn huwa ddikjarat li l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni nħareġ minn awtorità ġudizzjarja kompetenti f’dan ir-rigward.

26      Madankollu, l-imsemmija qorti għandha dubji dwar jekk il-livell doppju ta’ protezzjoni tad-drittijiet li minnhom għandha tibbenefika l-persuna rikjesta, kif rikjest mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fil-punt 56 tas-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (C‑241/15, EU:C:2016:385), huwiex iggarantit fil-kuntest tal-kawża mressqa quddiemha, sa fejn kemm il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni kif ukoll il-mandat ta’ arrest nazzjonali jew id-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha l-istess saħħa daqs din tal-aħħar inħarġu mill-prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Reġjonali ta’ Svichtov, mingħajr l-intervent ta’ qorti Bulgara qabel il-konsenja ta’ PI mir-Renju Unit.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Westminster Magistrates’ Court (il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Westminster) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Meta tintalab il-konsenja ta’ persuna rikjesta għall-finijiet tal-prosekuzzjoni tagħha, u meta d-deċiżjoni biex jinħareġ mandat ta’ arrest nazzjonali u d-deċiżjoni biex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew ikunu t-tnejn li huma ttieħdu minn prosekutur pubbliku, mingħajr ebda involviment ta’ qorti qabel il-konsenja, persuna rikjesta tgawdi mil-livell doppju ta’ protezzjoni stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi [(C‑241/15, EU:C:2016:385)] jekk:

a)      l-effett tal-mandat ta’ arrest nazzjonali jkun limitat għad-detenzjoni [tal-persuna rikjesta] għal massimu ta’ 72 siegħa għall-finijiet li jitressaq quddiem qorti; u

b)      meta ssir il-konsenja, hija biss il-qorti li għandha tiddeċiedi l-ħelsien jew iż-żamma taħt detenzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza

28      Il-qorti tar-rinviju talbet sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li taqa’ taħt l-oqsma msemmija fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għalhekk dan jista’ jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

30      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kriterju dwar l-urġenza, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali hija attwalment imċaħħda mil-libertà u li ż-żamma f’detenzjoni tagħha tiddependi fuq is-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali (digriet tat‑12 ta’ Frar 2019, RH, C‑8/19 PPU, EU:C:2019:110, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punti 18 sa 21 ta’ din is-sentenza, PI ġie arrestat u mqiegħed taħt detenzjoni fir-Renju Unit abbażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni.

32      Minn dan isegwi li ż-żamma ta’ PI taħt arrest preventiv tiddependi fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn ir-risposta ta’ din tal-aħħar għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju jista’ jkollha konsegwenza immedjata fuq l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni u, għalhekk, fuq l-eżitu tal-arrest preventiv ta’ PI.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fis‑17 ta’ Diċembru 2020, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domanda preliminari

34      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżiti inerenti għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li minnha għandha tibbenefika persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għal finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali huma ssodisfatti meta kemm il-mandat ta’ arrest Ewropew kif ukoll id-deċiżjoni ġudizzjarja li fuqha dan huwa msawwar jinħarġu minn prosekutur, li jista’ jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, iżda meta dawn ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

35      Għandu jitfakkar qabel kollox li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li huwa min-naħa tiegħu msejjes fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jeżiġi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li kull wieħed minn dawn l-Istati jqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Openbaar Ministerie (Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Isvezja), C‑625/19 PPU, EU:C:2019:1078, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Madankollu, l-effettività u l-funzjonament tajjeb tas-sistema ssimplifikata ta’ konsenja tal-persuni kkundannati jew issuspettati li wettqu ksur tal-liġi kriminali, stabbilita permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, huma msejsa fuq l-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti stabbiliti permezz ta’ din id-deċiżjoni qafas li l-portata tagħhom ġiet speċifikata permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

37      Fl-ewwel lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Reġjonali ta’ Svichtov huwa awtorità li tieħu sehem fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali u li hija indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet inerenti għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jippermettu li tali awtorità tiġi kklassifikata bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ġenerali tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours), C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn dan, din il-klassifikazzjoni ma hijiex ikkontestata minn PI, hekk kif ġie speċifikat mill-konsulent tiegħu waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

38      Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meħuda minn awtorità li ma hijiex qorti ma tikkostitwixxix kundizzjoni sabiex din l-awtorità tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala awtorità ġudizzjarja emittenti, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għaliex tali stħarriġ ma jaqax taħt ir-regoli statutorji u organizzattivi tal-imsemmija awtorità, iżda jikkonċerna l-proċedura ta’ ħruġ ta’ tali mandat, li għandha tissodisfa r-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, MM, C‑414/20 PPU, EU:C:2021:4, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-kwalità ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ma hijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u tad-deċiżjoni nazzjonali li fuqha huwa msawwar dan tal-aħħar. Għalhekk, il-fatt li l-klassifikazzjoni tal-prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Reġjonali ta’ Svichtov bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ma hijiex ikkontestata ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li l-proċedura Bulgara dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew minn prosekutur tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

39      Fit-tielet lok, bi qbil ma’ dak li espona l-Avukat Ġenerali fil-punti 37 u 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni tal-prosekutur li tordna t-tqegħid taħt detenzjoni tal-persuna rikjesta għal tul massimu ta’ 72 siegħa, li fuqha huwa msawwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, għandha tiġi kklassifikata bħala “deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli [eżekuttiva] oħra li jkollhom l-istess effett” bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

40      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli [eżekuttiva] oħra li jkollhom l-istess effett”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jirrigwarda l-miżuri nazzjonali adottati minn awtorità ġudizzjarja għall-finijiet tat-tfittxija u tal-arrest ta’ persuna li hija s-suġġett ta’ prosekuzzjoni kriminali, bil-għan li titressaq quddiem qorti għall-finijiet tat-twettiq tal-atti tal-proċeduri kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, MM, C‑414/20 PPU, EU:C:2021:4, punt 57).

41      Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat jekk sistema ta’ proċedura kriminali li abbażi tagħha kemm il-mandat ta’ arrest Ewropew kif ukoll id-deċiżjoni li fuqha dan huwa msawwar jinħarġu mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, fejn stħarriġ ġudizzjarju f’dan ir-rigward jista’ jseħħ biss wara l-konsenja tal-persuna rikjesta, tissodisfax ir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jiġifieri l-osservanza ta’ livell doppju ta’ protezzjoni tad-drittijiet li minnhom għandha tibbenefika din il-persuna, hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

42      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 56 tas-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (C‑241/15, EU:C:2016:385), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sistema ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tinvolvi, bis-saħħa tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, protezzjoni fuq żewġ livelli tad-drittijiet proċedurali u tad-drittijiet fundamentali li minnhom għandha tibbenefika l-persuna rikjesta, peress li, mal-protezzjoni ġudizzjarja prevista fl-ewwel livell fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, tiżdied il-protezzjoni li għandha tiġi żgurata fit-tieni livell, fil-kuntest tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li jista’ jseħħ, jekk ikun il-każ, f’termini qosra, wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali.

43      Din il-protezzjoni timplika li deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi adottata, għall-inqas, f’wieħed miż-żewġ livelli tal-imsemmija protezzjoni (sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 68).

44      Minn dan isegwi li meta d-dritt tal-Istat Membru emittenti jagħti l-kompetenza li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew lil awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma hijiex imħallef jew qorti, id-deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, li fuqha jissawwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, għandha, min-naħa tagħha, tissodisfa tali rekwiżiti (sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 69).

45      L-issodisfar ta’ dawn ir-rekwiżiti għalhekk jippermetti li jiġi ggarantit lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali hija bbażata fuq proċedura nazzjonali suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju u li l-persuna li hija s-suġġett ta’ dan il-mandat ta’ arrest nazzjonali bbenefikat mill-garanziji kollha meħtieġa għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet bħal dawn, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali u mill-prinċipji ġuridiċi fundamentali msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 70).

46      Barra minn hekk, meta d-dritt tal-Istat Membru emittenti jagħti l-kompetenza sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew lil awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dak l-Istat Membru, ma hijiex hija nnifisha qorti, id-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest bħal dan u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità ta’ deċiżjoni bħal din għandhom ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju, f’dak l-Istat Membru, li jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 75).

47      Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn din id-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għal finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali għandha tkun tista’ tibbenefika minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva qabel il-konsenja lill-Istat Membru emittenti, u dan minn tal-inqas f’wieħed miż-żewġ livelli ta’ protezzjoni rikjesti mill-imsemmija ġurisprudenza.

48      Tali protezzjoni tippreżupponi, għalhekk, li stħarriġ ġudizzjarju jkun jista’ jitwettaq, jew fir-rigward tal-mandat ta’ arrest Ewropew, jew fir-rigward tad-deċiżjoni ġudizzjarja li fuqha huwa msawwar dan il-mandat, qabel ma jkun hemm l-eżekuzzjoni ta’ dan tal-aħħar.

49      Dan ir-rekwiżit jippermetti, fis-sistema stabbilita permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ibbażata, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, li jiġi ggarantit lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li l-mandat ta’ arrest Ewropew li l-eżekuzzjoni tiegħu qiegħda tintalab mingħandha nħareġ wara proċedura nazzjonali suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, li fil-kuntest tagħha l-persuna rikjesta setgħet tibbenefika mill-garanziji kollha xierqa għall-adozzjoni ta’ dan it-tip ta’ deċiżjonijiet, b’mod partikolari minn dawk li jirriżultaw mid-Drittijiet Fundamentali u mill-prinċipji ġuridiċi fundamentali msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hekk kif jirriżulta mill-punt 45 ta’ din is-sentenza.

50      Dawn il-kunsiderazzjonijiet bl-ebda mod ma huma kkonfutata mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ġenerali tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours) (C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077) u Openbaar Ministerie (Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Isvezja) (C‑625/19 PPU, EU:C:2019:1078), invokati matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

51      Fil-punti 70 u 71 tal-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżistenza, fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru emittenti, ta’ regoli proċedurali li jipprevedu li n-natura proporzjonali tad-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun is-suġġett, qabel jew wara l-konsenja effettiva tal-persuna rikjesta, ta’ stħarriġ ġudizzjarju minn qabel, jew kważi fl-istess waqt mal-ħruġ tiegħu u, fi kwalunkwe każ, wara dan il-ħruġ, tissodisfa r-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, hekk kif jirriżulta mill-punti 68 u 69 tagħha, din il-konstatazzjoni tirriżulta mill-eżistenza ta’ grupp ta’ dispożizzjonijiet proċedurali li jiggarantixxu l-intervent ta’ qorti għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest nazzjonali kontra l-persuna rikjesta u, għaldaqstant, qabel il-konsenja ta’ din il-persuna.

52      Bl-istess mod, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Openbaar Ministerie (Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Isvezja) (C‑625/19 PPU, EU:C:2019:1078), il-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-prosekutur kien imsejjes fuq deċiżjoni ġudizzjarja ta’ arrest preventiv.

53      Għalhekk, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 69 u 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, fis-sentenzi ċċitati fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mill-prosekutur pubbliku setgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta, sa fejn, fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil- kawżi li taw lok għal dawk is-sentenzi, il-mandat ta’ arrest Ewropew kien imsejjes fuq mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ minn qorti, li, barra minn hekk, kienet twettaq evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u b’mod partikolari tan-natura xierqa tiegħu.

54      Issa, b’kuntrast mal-kawżi li taw lok għal dawk iż-żewġ sentenzi, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dritt Bulgaru jipprevedi biss stħarriġ ġudizzjarju a posteriori tad-deċiżjoni tal-prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, peress li tali stħarriġ jista’ jseħħ biss wara l-konsenja tal-persuna rikjesta.

55      [Kif irrettifikat bid-digriet tat-13 ta’ April 2021] Fir-rigward tal-fatt li, fit-tweġiba bil-miktub tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Bulgaru jispeċifika li, wara l-konsenja tal-persuna rikjesta insegwitu għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, din il-persuna titressaq kemm jista’ jkun malajr quddiem qorti li teżamina l-ħtieġa li tadotta, fil-konfront tagħha, miżura kawtelatorja li ċċaħħad jew li tillimita l-libertà u b’dan il-mod twettaq ukoll stħarriġ tan-natura proporzjonali ta’ dan il-mandat, madankollu din il-prattika ma hijiex ta’ natura li tiżgura l-konformità tas-sistema proċedurali Bulgara mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

56      [Kif irrettifikat bid-digriet tat-13 ta’ April 2021] Fil-fatt, għandu jiġi speċifikat li, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 33 u 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, permezz tas-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2021, MM (C‑414/20 PPU, EU:C:2021:4), il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx direttament dwar jekk il-proċedura Bulgara dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew minn prosekutur matul il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali tissodisfax ir-rekwiżiti inerenti għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iżda llimitat ruħha li tqis li, fl-assenza ta’ rimedju separat fid-dritt tal-Istat Membru emittenti, id-dritt tal-Unjoni jagħti lil qorti ta’ dan l-Istat Membru kap ta’ ġurisdizzjoni sabiex teżerċita stħarriġ inċidentali tal-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Għaldaqstant, minn dik is-sentenza ma jistax jiġi dedott li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżistenza ta’ tali possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju a posteriori kienet ta’ natura li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet tal-persuna rikjesta.

57      Konsegwentement, l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew li jseħħ biss wara l-konsenja tal-persuna rikjesta ma jissodisfax l-obbligu tal-Istat Membru emittenti li jimplimenta regoli proċedurali li jippermettu li qorti kompetenti twettaq, qabel din il-konsenja, stħarriġ tal-legalità tal-mandat ta’ arrest nazzjonali jew tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha l-istess effett, ukoll adottati minn prosekutur, jew inkella tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

58      Ċertament, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-Istati Membri jżommu, konformement mal-awtonomija proċedurali tagħhom, il-possibbiltà li jadottaw regoli li jistgħu jirriżultaw differenti minn Stat Membru għal ieħor. Madankollu, dawn għandhom jiżguraw li l-imsemmija regoli ma jxejnux ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-deċiżjoni qafas, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-protezzjoni ġudizzjarja, iggarantita mill-Artikolu 47 tal-Karta, li fuqu din hija msejsa.

59      Minn dan jirriżulta li l-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li, permezz tal-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ssimplifikata u iktar effettiva ta’ konsenja tal-persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, hija intiża li tiffaċilita u li tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti u dawk tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, jista’ jintlaħaq biss permezz tal-osservanza tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji legali fundamentali, kif stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE u riflessi fil-Karta, obbligu li, barra minn hekk, jirrigwarda lill-Istati Membri kollha, u b’mod partikolari kemm lill-Istat Membru emittenti kif ukoll lil dak ta’ eżekuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2019, TC, C‑492/18 PPU, EU:C:2019:108, punti 41 u 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżiti inerenti għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li minnha għandha tibbenefika persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għal finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali ma humiex issodisfatti meta kemm il-mandat ta’ arrest Ewropew kif ukoll id-deċiżjoni ġudizzjarja li fuqha dan huwa msawwar jinħarġu minn prosekutur, li jista’ jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, iżda meta dawn ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas26 ta’ Frar 2009, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżiti inerenti għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li minnha għandha tibbenefika persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għal finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali ma humiex issodisfatti meta kemm il-mandat ta’ arrest Ewropew kif ukoll id-deċiżjoni ġudizzjarja li fuqha dan huwa msawwar jinħarġu minn prosekutur, li jista’ jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, iżda meta dawn ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti qabel il-konsenja tal-persuna rikjesta mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.