Language of document : ECLI:EU:T:2021:537

Kawża T52/19

AH

vs

Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax -Xogħol

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat8 ta’ Settembru 2021

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Żvelar ta’ data personali – Talba għal assistenza – Ċaħda tat-talba – Inkompetenza tal-awtur tal-att li jikkawża preġudizzju – Att imħejji u ffirmat minn uffiċċju tal-avukati estern – Responsabbiltà – Dannu morali”

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Interess ġuridiku – Rikors ta’ uffiċjal allegatament vittma ta’ żvelar illegali ta’ data personali kontra r-rifjut ta’ talba għal assistenza – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

(ara l-punti 44, 45)

2.      Uffiċjali – Awtorità tal-Ħatra – Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ – Eżerċizzju tas-setgħat – Awtorizzazzjoni ta’ entità privata esterna sabiex tħejji u tiffirma d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ talba għal assistenza u ta’ talba għad-danni – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 2, 90 u 91)

(ara l-punti 53 sa 57)

3.      Uffiċjali – Awtorità tal-Ħatra – Deċiżjoni dwar l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-awtorità msemmija – Neċessità ta’ publikazzjoni

(ara l-punti 59, 60)

4.      Aġenziji tal-Unjoni Ewropea – Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) – Persunal – Applikabbiltà tad-dritt nazzjonali – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 24 u 90(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1365/75, kif emendat bir-Regolament Nru 1111/2005, Artikolu 17)

(ara l-punt 63)

5.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Fakultà tal-uffiċjal li jirrikorri għas-servizzi ta’ avukat

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1))

(ara l-punt 65)

6.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Deċiżjoni ta’ ċaħda – Kundizzjonijiet formali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1))

(ara l-punti 66, 67)

7.      Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni – Rifjut li tinfetaħ investigazzjoni dwar l-allegat żvelar mhux intenzjonali tad-data personali ta’ membru tal-persunal wara ksur ta’ sigurtà – Ksur tal-obbligu ta’ assistenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

(ara l-punti 76, 78, 80)

8.      Rikorsi tal-uffiċjali – Rikors għad-danni – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors – Bidla fl-ammont tad-dannu mitlub – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

(ara l-punti 87 sa 89)

9.      Rikorsi tal-uffiċjali – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni – Sentenza li tannulla deċiżjoni li ma tinfetaħx investigazzjoni wara lment għal żvelar ta’ data personali – Talba għal kumpens tar-rikorrent fir-rigward tad-dannu morali mġarrab – Natura prematura tat-talba

(Artikolu 266 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

(ara l-punti 101, 102)

Sunt

Ir-rikorrent, AH, huwa membru tal-persunal bil-kuntratt mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), aġenzija tal-Unjoni Ewropea stabbilita f’Dublin (l-Irlanda). F’Jannar 2018, huwa skopra fajl, aċċessibbli għall-persunal ta’ Eurofound fuq wieħed mis-servers tagħha, li kien fih diversi fajls kunfidenzjali li jikkonċernaw il-persunal ta’ Eurofound. Fost dawn il-fajls kien hemm fajl li jinkludi dokumenti dwar l-ipproċessar ta’ lment tar-rikorrent, fosthom ittra elettronika li fiha żewġ membri tal-persunal tal-aġenzija kienu qegħdin jiddiskutu, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jinbdew proċeduri dixxiplinari fir-rigward ta’ dan tal-aħħar.

Wara din l-iskoperta, ir-rikorrent ressaq, quddiem Eurofound, talba għal assistenza sabiex hija tinvestiga n-nuqqasijiet li jikkonċernaw b’mod partikolari l-iżvelar tad-data personali tiegħu kif ukoll talba għal kumpens għad-danni morali mġarrba minħabba dawn in-nuqqasijiet.

It-talba tar-rikorrent ġiet miċħuda minħabba li l-iżvelar tad-data tiegħu ma kienx intenzjonali. Id-deċiżjoni ta’ ċaħda (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) tħejjiet u ġiet iffirmata, f’isem Eurofound, minn uffiċċju tal-avukati estern Irlandiż.

L-ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata, imressaq mir-rikorrent quddiem Eurofound, ġie miċħud ukoll permezz ta’ deċiżjoni mħejjija mill-istess uffiċċju tal-avukati estern u ffirmata minn wieħed mill-avukati ta’ dan l-uffiċċju bħala “aġent legali ta’ Eurofound”.

Adita mir-rikorrent, il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tiddeċiedi, għall-ewwel darba, dwar il-legalità ta’ delega lil uffiċċju ta’ avukati estern sabiex iħejji u jiffirma deċiżjonijiet fis-sens tal-Artikoli 24 u 90 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Il-Qorti Ġenerali tirrileva, qabelxejn, li, fir-rigward tad-delega ta’ setgħat, istituzzjoni jew organu tal-Unjoni huwa awtorizzat jipprevedi sensiela ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni u ta’ delega ta’ setgħat lil korpi deċiżjonali fi ħdanu, b’mod partikolari, fil-qasam tal-ġestjoni tal-persunal tiegħu stess. Skont l-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-Persunal, tali delega għandha ssir “fi ħdan” l-istituzzjoni kkonċernata, b’tali mod li l-imsemmija setgħat jistgħu, bħala prinċipju, jiġu ddelegati biss lil persuni li jiddependu fuq l-istituzzjoni inkwistjoni. L-unika eċċezzjoni awtorizzata mir-Regolamenti tal-Persunal tikkonċerna l-każ fejn istituzzjoni waħda jew iktar jiddeċiedu li jafdaw lil waħda minnhom jew lil organu interistituzzjonali l-imsemmija setgħa, li fl-ebda każ ma tista’ testendi għad-deċiżjonijiet dwar il-ħatriet, il-promozzjonijiet jew it-trasferimenti ta’ uffiċjali.

Sussegwentement, id-delega ta’ firma tikkostitwixxi miżura relatata mal-organizzazzjoni interna tad-dipartimenti tal-amministrazzjoni tal-Unjoni u hija l-mezz normali li bih din teżerċita l-kompetenzi tagħha. Minn dan isegwi li, bħala delega ta’ firma, huma biss il-membri tal-persunal u l-uffiċjali li bħala prinċipju jistgħu jkunu awtorizzati li jadottaw, f’isem u taħt il-kontroll tal-amministrazzjoni, miżuri ta’ ġestjoni jew ta’ amministrazzjoni ddefiniti b’mod ċar.

Fl-aħħar nett, il-legalità ta’ awtorizzazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-suġġett tal-proċedura prekontenzjuża, prevista mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, din tal-aħħar tikkonsisti fl-istabbiliment ta’ djalogu bejn l-istituzzjoni u l-uffiċjal tiegħu jew il-membru tal-persunal tiegħu dwar il-problemi li setgħu jqumu fir-relazzjoni tax-xogħol u li jagħtihom il-possibbiltà li jsibu soluzzjoni bonarja għat-tilwima. Konsegwentement, sabiex ikun hemm mentalità miftuħa ta’ djalogu li tali fażi teħtieġ, l-istituzzjoni għandha tibqa’ l-interlokutriċi privileġġata tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal matul dan il-proċess kollu.

Fid-dawl tal-prinċipji, il-Qorti Ġenerali tqis li, għalkemm Eurofound kienet f’pożizzjoni li tikseb konsulenza minn uffiċċju tal-avukati estern fil-kuntest ta’ proċedura prekontenzjuża li taqa’ taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, din il-possibbiltà ma tistax, madankollu, tasal sabiex tippermetti lil Eurofound tawtorizza entità privata esterna, bħall-imsemmi uffiċċju, tħejji u tiffirma d-deċiżjoni kkontestata

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tfakkar, minn naħa, li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-awtorità kompetenti għaċ-ċaħda ta’ talba għal assistenza bbażata fuq l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u talba għal kumpens imressqa minn uffiċjal skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, Eurofound ma hijiex suġġetta għad-dritt Irlandiż. Għalhekk, anki jekk jitqies li uffiċċju tal-avukati estern jista’, skont id-dritt nazzjonali li jirregolah, iħejji u jiffirma deċiżjoni meħuda minn amministrazzjoni pubblika, tali regola ma tistax tiġi applikata għad-deċiżjonijiet meħuda abbażi tar-Regolamenti tal-Persunal.

Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li talba mressqa skont l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal minn uffiċjal jew membru tal-persunal ma hija suġġetta għal ebda kundizzjoni formali, peress li l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal jistgħu jressqu tali talba mingħajr avukat, tali flessibbiltà ma tapplikax madankollu għad-deċiżjoni formali li l-istituzzjoni hija mitluba tieħu abbażi ta’ din it-talba, li t-tħejjija u l-firma tagħha ma jistgħux jiġu ddelegati lil entità privata esterna.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’inkompetenza li ppreġudikat ir-regoli ta’ amministrazzjoni tajba fil-qasam tal-ġestjoni tal-persunal u għandha tiġi annullata għal din ir-raġuni. It-talbiet għad-danni intiżi għall-kumpens tad-dannu morali li jirriżulta mill-iżvelar huma miċħuda parzjalment bħala infondati u parzjalment bħala prematuri.