Language of document : ECLI:EU:C:2009:462

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

16 ta’ Lulju 2009 (*)

“Direttiva 96/34/KE – Ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri – Drittijiet kweżiti jew fil-proċess li jkunu kweżiti fid-data li fiha jibda l-leave – Kontinwità fil-ġbir tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali matul il-leave – Direttiva 79/7/KEE – Prinċipju ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali – Kisba ta’ drittijiet għal pensjoni ta’ invalidità permanenti matul il-leave parentali”

Fil-Kawża C‑537/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Juzgado de lo Social n° 30 de Madrid (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Novembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Diċembru 2007, fil-proċedura

Evangelina Gómez-Limón Sánchez-Camacho

vs

Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS),

Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS),

Alcampo SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, J. Klučka, U. Lõhmus (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS), minn A. Álvarez Moreno u J. I. del Valle de Joz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn B. Plaza Cruz, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn T. Harris, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. van Beek u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Diċembru 2008,

tagħti l-preżenti,

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 2, punti 6 u 8, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri, konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995, li jidher fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285, iktar ’il quddiem, il-“ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri”), kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill [79/7/KEE], tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, E. Gómez-Limón Sánchez-Camacho u, min-naħa l-oħra, l-Instituto Nacional de la Seguridad Social, il-korp ta’ ġestjoni tas-sigurtà soċjali (iktar ’il quddiem, l-“INSS”), it-Tesorería General de la Seguridad Social, u min kien iħaddimha preċedentement, Alcampo SA, dwar drittijiet għal pensjoni ta’ invalidità permanenti kweżiti mill-persuna interessata matul il-leave parentali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-ewwel premessa tad-Direttiva 79/7 tistabbilixxi:

“Billi l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta’ Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa dwar l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol [ĠU L 39, p. 40] jiddisponi li, bl-iskop li jiżgura l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, sejjer jadotta dispożizzjonijiet li jiddefinixxu s-sustanza u l-intenzjoni ta’ l-arranġamenti biex tkun applikata [...]”

4        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 79/7 jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jeskludu mill-għan tagħha:

[…]

b)      il-vantaġġ f’dak li għandu x’jaqsam ma’ skemi tal-pensjoni tax-xjuħ mogħtija lill dawk il-persuni li rabbew t-tfal; il-ksib ta’ drittijiet għal benefiċċji wara perjodi ta’ waqfien mix-xogħol minħabba it-trobbija tat-tfal;

[…]”

5        L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 86/378/KEE, tal-24 ta’ Lulju 1986, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għal irġiel u nisa fi skemi tax-xogħol ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 225, p. 40), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 96/97 KE, tal-20 ta’ Novembru 1996, (ĠU 1997, L 46, p. 20, iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 86/378”), jipprovdi:

“1. ‘Skemi tax-xogħol tas-sigurtà soċjali’ tfisser skemi li m’humiex irregolati mid-Direttiva 79/7[...] li l-iskop tagħhom hu li jipprovdu lill-ħaddiema, kemm jekk impjegati jew għal rashom, f’impriża jew fi grupp ta’ impriżi, f’attività ekonomika jew f’settur tax-xogħol jew grupp ta’ settur bħal dawn fejn benefiċċji maħsuba biex jissupplimentaw il-benefiċċji pprovduti bi skemi statutorji tas-sigurtà soċjali jew biex jibdluhom, kemm jekk is-sħubija fi skemi bħal dawn hi obbligatorja jew b’għażla.

[...]”

6        Id-Direttiva 96/34 hija intiża sabiex timplementa l-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri li jidher fl-Anness tagħha.

7        Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mit-3 ta’ Ġunju 1998.

8        Il-premessi ġenerali tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri jistabbilixxu:

“[...]

10.       Billi l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-manutenzjonità intitolamenti għall-benefiċċji in natura taħt assigurazzjoni tal-mard tul perijodu minimu ta’ leave parentali;

11.      Billi l-Istati Membri għandhom ukoll, meta approprjat taħt kondizzjonijiet nazzjonali u b’kont meħud tas-sitwazzjoni tal-budget, jikkunsidraw il-manutenzjoni ta’ intitolamenti għal benefiċċji rilevanti tas-sigurtà soċjali matul il-perijodu minimu tal-leave parentali;

[...]”

9        Il-klawżola 2 tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri tipprovdi:

“1.      Dan il-ftehim jagħti, b’riżerva tal-klawsola 2.2, lill-ħaddiema rġiel u dawk nisa, id-dritt individwali għall-leave parentali għar-raġuni tat-twelid jew ta’ l-adozzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild, għall-anqas għal tliet xhur, sa l-età li tista’ tkun ta’ tmien snin li għandha tiġi definita mill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali.

[…]

3.      Il-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-leave parentali għandhom ikunu definiti mill-liġi u/jew bi ftehim kollettiv fl-Istati Membri, sakemm il-ħtiġiet minimi ta’ dan il-ftehim ikunu mħarsa.

[...]

6.      Id-drittijiet akkwiżiti jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti mill-ħaddiem fid-data li fiha l-leave parentali jibda għandhom jibqgħu kif inhuma sa meta jintemm il-leave parentali. Fit-tmiem tal-leave parentali, dawn id-drittijiet, inkluż kull tibdil ikkawżat mill-liġi, mill-ftehim kollettiv u mill-prattiċi nazzjonali, għandhom japplikaw.

7.      L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jiddefinixxu l-istatus tal-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni tax-xogħol għall-perijodu tal-leave parentali.

8.      Il-materji kollha relatati mas-sigurtà soċjali li għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-ftehim għandhom jiġu kkunsidrati u maqtugħa mill-Istati Membri skont il-liġi nazzjonali, b’kont meħud ta’ l-importanza tal-kontinwità ta’ l-intitolamenti għall-kopertura tas-sigurtà soċjali, taħt l-iskemi differenti, inpartikulari dak tas-saħħa.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10      L-Artikolu 37(5) tat-test konsolidat tal-liġi dwar tal-istatus tal-ħaddiema (texto refundido de la Ley del Estatuto de los trabajadores), adottat permezz tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 1/1995, tal-24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), kif emendat bil-Liġi 39/1999, intiża sabiex tinkoraġġixxi l-konċiljazzjoni tal-ħajja privata u tal-ħajja professjonali tal-ħaddiema, (Ley 39/1999 para promover la conciliacion de la vida familiar y laboral de las personas trabajadoras), tal-5 ta’ Novembru 1999 (BOE Nru 266, tas-6 ta’ Novembru 1999, p. 38934), jipprovdi li kull persuna li għandha l-kustodja legali ta’, u tieħu ħsieb b’mod dirett, tifel/tifla taħt is-sitt snin hija intitolata għal tnaqqis mill-ħin tal-ġurnata tax-xogħol ta’ mhux inqas minn terz u ta’ mhux iktar minn nofs il-ħin ta’ tali ġurnata xogħol, bi tnaqqis proporzjonat tas-salarju.

11      Skont l-Artikolu 139(2) tal-Liġi Ġenerali dwar is-sigurtà soċjali (Ley General de la Seguridad Social), adottata permezz tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru l/1994, tal-20 ta’ Ġunju 1994 (BOE Nru 154, tad-29 ta’ Ġunju 1994, p. 20658, iktar ’il quddiem il-“LGSS”), ħaddiem li jbati minn invalidità permanenti li tagħmlu inkapaċi li jeżerċita l-impjieg abitwali tiegħu huwa intitolat għal pensjoni għall-ħajja. Din il-pensjoni hija ffissata fl-Artikolu 140(1) tal-LGSS għal valur ugwali għal 55 % ta’ ammont bażi li jirriżulta meta jiġu diviżi b’112 il-bażijiet kontributorji tal-ħaddiem matul is-96 xahar qabel ma seħħ il-fatt li ta lok għall-intitolament.

12      Skont l-Artikolu 109(1) tal-LGSS, il-bażi kontributorja għar-riskji u s-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt l-iskema ġenerali, inklużi l-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol u l-mard ikkaġunat mix-xogħol, tikkonsisti fir-remunerazzjoni totali, indipendentement mill-forma jew mid-denominazzjoni tagħha, li l-ħaddiem għandu d-dritt jirċievi kull xahar, jew fir-remunerazzjoni li huwa effettivament jirċievi kull xahar, jekk din hija ogħla, għal xogħol li huwa jagħmel inkwantu impjegat.

13      Sabiex tiddetermina l-bażi kontributorja fil-każ ta’ tnaqqis tal-ħin tax-xogħol applikabbli għall-ħaddiema li għandhom il-kustodja legali ta’, u li jieħdu ħsieb, tifel/tifla ta’ inqas minn sitt snin, id-Digriet Irjali 2064/1995 dwar il-kontribuzzjonijiet u l-ħlas ta’ drittijiet ta’ sigurtà soċjali oħrajn (Reglamento General sobre cotización y liquidación de otros derechos de la Seguridad Social), tat-22 ta’ Diċembru 1995 (BOE Nru 22, tal-25 ta’ Jannar 1996, p. 2295), jirreferi għall-iskema ta’ kontribuzzjonijiet prevista fir-rigward tal-kuntratti ta’ xogħol part-time. L-Artikolu 65 tad-Digriet Irjali jipprovdi li, fir-rigward tal-impjegati li jkunu kkonkludew kuntratti ta’ xogħol part-time u kuntratti ta’ sostituzzjoni, il-bażi kontributorja għar-riskji u għas-sitwazzjonijiet kollha li jibbenefikaw mill-effett ta’ protezzjoni tal-iskema kkonċernata hija ddeterminata abbażi tar-remunerazzjoni rċevuta għas-sigħat maħduma.

14      Skont l-Artikolu 14 tad-digriet li jirregola l-ftehim speċjali fi ħdan is-sistema tas-sigurtà soċjali (Orden por la que se regula el convenio especial en el Sistema de la Seguridad Social), tat-18 ta’ Lulju 1991, (BOE Nru 181, tat-30 ta’ Lulju 1991, p. 25114), applikabbli għall-persuni li għandhom il-kustodja legali ta’ minorenni, ħaddiema li, skont l-Artikolu 37(5) tat-test konsolidat tal-liġi dwar tal-istatus tal-ħaddiema, kif emendat bil-liġi 39/1999, jibbenefikaw minn tnaqqis mill-ħin tax-xogħol tagħhom peress li jieħdu ħsieb b’mod dirett tifel/tifla ta’ inqas minn sitt snin, flimkien ma’ tnaqqis proporzjonat tas-salarju tagħhom, jistgħu jikkonkludu l-ftehim speċjali sabiex iżommu l-istess bażijiet kontributorji bħal dawk ta’ qabel it-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol tagħhom. Il-kontribuzzjonijiet imħallsa skont dan il-ftehim speċjali jikkorrispondu għas-sitwazzjonijiet u r-riskji li ġejjin: irtirar, invalidità permanenti kif ukoll mewt u sopravivenza li jirriżultaw minn mard ordinarju jew minn aċċident għajr aċċident fuq il-post tax-xogħol.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, mis-17 ta’ Diċembru 1986, E. Gómez-Limón Sánchez-Camacho ġiet impjegata bħala membru tal-persunal awżiljarju amministrattiv, full-time, minn Alcampo SA, impriża li twettaq l-attività tagħha fis-settur tad-distribuzzjoni fuq skala kbira.

16      Ġie miftiehem mal-imsemmija impriża li, b’effett mis-6 ta’ Diċembru 2001, E. Gómez-Limón Sánchez-Camacho kienet se tibbenefika mis-sistema ta’ tnaqqis tal-ħin tax-xogħol applikabbli għall-ħaddiema li għandhom il-kustodja legali ta’ tifel/tifla ta’ inqas minn sitt snin, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’dak iż-żmien, u konsegwentement, tnaqqas b’terz il-ħin tal-ġurnata tax-xogħol tal-persuna interessata.

17      B’mod parallel, ir-remunerazzjoni ta’ E. Gómez-Limón Sánchez-Camacho u, peress li ebda ftehim speċjali ma ġie konkluż, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa kemm mill-impriża kif ukoll mir-rikorrenti fl-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali tnaqqsu bl-istess proporzjoni, u l-imsemmi ammont jikkorrispondi għal perċentwali tar-remunerazzjoni rċevuta.

18      Peress li kienet tbati minn marda ordinarja, E. Gómez-Limón Sánchez-Camacho bdiet, minħabba problemi fiżiċi u funzjonali, proċedura amministrattiva li tat lok għal deċiżjoni tal-INSS, tat-30 ta’ Ġunju 2004, li permezz tagħha ġie rikonoxxut li kienet tbati minn invalidità permanenti li kienet tipprekludiha milli teżerċita l-professjoni normali tagħha u li hija kienet intitolata għal pensjoni ta’ 55 % ta’ ammont bażiku ta’ EUR 920.33 fix-xahar.

19      L-imsemmi ammont ġie kkalkolat fuq il-bażi tal-ammonti tal-kontribuzzjonijiet effettivament imħallsa lis-sistema pubblika tas-sigurtà soċjali, matul il-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni skont il-liġi li tirregola s-servizzi, jiġifieri dak inkluż bejn l-1 ta’ Novembru 1998 u x-xahar ta’ Novembru 2004. Dan l-ammont kien jinkludi l-kontribuzzjonijiet kollha mħallsa minn E. Gómez-Limón Sánchez-Camacho u minn min kien iħaddimha.

20      Il-persuna interessata ressqet il-kawża quddiem il-Juzgado de lo Social n° 30 ta’ Madrid fejn hija sostniet li, minkejja li l-kalkolu mwettaq jieħu inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjonijiet effettivament imħallsa, dawn tnaqqsu b’mod proporzjonat għat-tnaqqis tas-salarju tagħha wara t-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol tagħha matul il-perijodu tal-leave parentali li ngħatalha sabiex tieħu ħsieb tifel/tifla minorenni, filwaqt li l-pensjoni kellha tiġi kkalkolata fuq il-bażi tal-ammont ta’ kontribuzzjonijiet li jikkorrispondi għal attività full-time. Hija ssostni li l-kalkolu applikat għaliha jammonta għat-tneħħija tal-effett prattiku minn miżura intiża sabiex tippromwovi l-ugwaljanza quddiem il-liġi u sabiex telimina d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

21      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Juzgado de lo Social n° 30 ta’ Madrid iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fid-dawl tal-fatt li l-għoti ta’ leave parentali, skont il-proċeduri u t-termini li huma liberament iffissati minn kull Stat Membru fil-limiti imposti mid-Direttiva 96/34 […] huwa, min-natura tiegħu, miżura ta’ promozzjoni ta’ ugwaljanza, huwa possibbli li t-tgawdija ta’ dan il-perijodu ta’ leave parentali, fil-każ ta’ tnaqqis tal-ħin tax-xogħol u tas-salarju li jibbenefikaw minnu l-persuni li jieħdu ħsieb tfal minorenni, taffettwa d-drittijiet li jkunu qed jinkisbu mill-ħaddiem, raġel jew mara, li jibbenefika minn dan il-leave parentali, u l-prinċipju taż-żamma tad-drittijiet kweżiti jew fil-proċess li jiġu kweżiti jista’ jiġi invokat minn individwi quddiem l-istituzzjonijiet pubbliċi ta’ Stat?

2)      B’mod partikolari, il-frażi “drittijiet akkwiżiti jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti” fil-klawżola 2, [punt] 6 tal-[ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri] tinkludi biss id-drittijiet relatati mal-kundizzjonijiet ta’ xogħol u tirrigwarda biss ir-relazzjoni kuntrattwali ma’ min iħaddem jew, bil-kontra, taffettwa wkoll iż-żamma tad-drittijiet kweżiti jew li huma fil-proċess li jiġu kweżiti fil-qasam tas-sigurtà soċjali; ir-rekwiżit tal-“kontinwità tal-intitolamenti għall-kopertura tas-sigurtà soċjali, taħt l-iskemi differenti” fil-klawżola 2, [punt 8], tal-[ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri] jista’ jitqies li ġie sodisfatt mill-iskema eżaminata f’dan il-każ u li ġiet applikata mill-awtoritajiet nazzjonali u, fejn xieraq, dan id-dritt għall-kontinwità tal-intitolamenti għall-kopertura tas-sigurtà soċjali jista’ jiġi invokat quddiem l-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru, inkwantu suffiċjentement preċiż u konkret?

3)      Id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju huma kompatibbli ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, matul il-perijodu ta’ tnaqqis tal-ħin ta’ xogħol minħabba leave parentali, tnaqqas l-ammont tal-pensjoni ta’ invalidità li għandha titħallas meta mqabbla ma’ dik li kienet applikabbli qabel dan il-leave u twassal ukoll għat-tnaqqis tad-dritt għal benefiċċji futuri u għall-konsolidazzjoni tagħhom proporzjonalment mat-tnaqqis tal-ħin ta’ xogħol u tas-salarju?

4)      Peress li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jinterpretaw id-dritt nazzjonali fid-dawl tal-obbligi msemmija fid-Direttiva, sabiex, sa fejn huwa possibbli, jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mid-dritt Komunitarju, dan l-obbligu għandu jiġi applikat ukoll għall-kontinwità tal-intitolamenti tas-sigurtà soċjali matul il-perijodu tal-leave parentali u, b’mod speċifiku, fil-każijiet fejn jintuża tip ta’ leave part-time jew ta’ tnaqqis tal-ħin ta’ xogħol bħal dak użat f’dan il-każ?

5)      Fiċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża, it-tnaqqis tad-drittijiet rikonoxxuti u kweżiti ta’ intitolamenti tas-sigurtà soċjali matul il-perijodu ta’ leave parentali jista’ jitqies li huwa diskriminazzjoni diretta jew indiretta li tmur kontra, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 79/7[…] u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa, skont it-tradizzjoni komuni tal-Istati Membri, sa fejn dan il-prinċipju għandu jiġi applikat mhux biss fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg iżda wkoll għall-attività pubblika fil-qasam tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

22      L-INSS u l-Gvern Spanjol isostnu li l-ewwel domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

23      Huma jsostnu li l-imsemmija domanda, li hija miktuba f’termini purament ipotetiċi u ġenerali, mhijiex preċiża. Fil-fatt, mhijiex indikata l-eventwali sitwazzjoni partikolari li tista’ taffettwa d-drittijiet fil-proċess li jiġu kweżiti mill-ħaddiema li jibbenefikaw minn leave parentali.

24      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura taħt l-Artikolu 234 KE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. Bl-istess mod hija biss il-qorti nazzjonali, li titressaq quddiemha l-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għall-eventwali deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 2003, IKA, C-326/00, Ġabra p. I-1703, punt 27, tat-12 ta’ April 2005, Keller, C-145/03, Ġabra p. I-2529, punt 33, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Conseil général de la Vienne, C-419/04, Ġabra p. I-5645, punt 19).

25      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet ukoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom il-qorti nazzjonali tressaq il-kawża quddiemha sabiex tivverifika l-kompetenza tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, Ġabra p. 3045, punt 21). Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba bl-ebda mod m’għandha x’taqsam mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi fattwali jew tal-liġi li huma neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39 u tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C-390/99, Ġabra p. I-607, punt 19).

26      F’dan il-każ, il-kawża prinċipali tirrigwarda d-drittijiet għal pensjoni ta’ invalidità permanenti kweżiti minn ħaddiema matul il-leave parentali parti time li hija bbenefikat minnu, jiġifieri abbażi ta’ perijodu li fih il-kontribuzzjonijiet lejn l-iskema legali ta’ sigurtà soċjali li hija kienet taqa’ taħtha tħallsu proporzjonalment għas-salarju rċevut, u din is-sitwazzjoni rriżultat fl-għoti lill-persuna interessata ta’ pensjoni ta’ ammont inqas minn dak li kien ikollha dritt għalih kieku kompliet taħdem full-time.

27      Minn dan jirriżulta li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, minn naħa, jekk f’dak li jirrigwarda l-leave parentali, il-klawżola 2, punt 6, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri tipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni, waqt il-kalkolu tal-pensjoni ta’ invalidità permanenti ta’ ħaddiem, il-kontribuzzjonijiet imħallsa, li tnaqqsu proporzjonalment għas-salarju rċevut matul dan il-perijodu, u teżiġix it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kontribuzzjonijiet li jikkorrispondu għal remunerazzjoni bir-rata sħiħa. Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi jekk l-imsemmija klawżola tistax tiġi invokata quddiem qorti nazzjonali minn individwi kontra awtoritajiet pubbliċi.

28      Għaldaqstant, jidher li l-ewwel domanda magħmula hija marbuta mas-suġġett tal-kawża prinċipali, kif huwa ddefinit mill-qorti tar-rinviju, u li r-risposta mogħtija tista’ tkun utli għal din tal-aħħar sabiex tiddeċiedi jekk il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri jipprekludix tali konsegwenza.

29      Għaldaqstant l-ewwel domanda preliminari hija ammissibbli.

 Fuq l-ewwel sar-raba’ domandi

30      Sabiex tingħata risposta utli li tippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi l-kawża prinċipali, għandhom jiġu fformulati mill-ġdid, l-ewwel, it-tieni u r-raba’ domandi, li kull waħda minnhom tinkludi żewġ partijiet, u l-erba’ domandi għandhom jiġu eżaminati skont il-mistoqsijiet li huma jqajmu, billi jiġi segwit ordni differenti minn dak li fih ġew magħmula.

31      Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni domanda, jidher li hija marbuta fil-qrib mal-ewwel domanda, kif huwa indikat fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, u li għandha tiġi eżaminata b’rabta, b’mod partikolari, mal-ewwel parti tal-ewwel domanda, mat-tielet domanda u mat-tieni parti tar-raba’ domanda.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel domanda

32      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk il-klawżola 2, punt 6, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri tistax tiġi invokata quddiem qorti nazzjonali minn individwi kontra awtoritajiet pubbliċi.

33      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru li jkunu, fir-rigward tal-kontenut tagħhom, mingħajr kundizzjoni u preċiżi biżżejjed, huma jistgħu jiġu invokati minn individwi kontra l-Istat, b’mod partikolari fil-kwalità tiegħu bħala persuna li tħaddem (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, Ġabra p. 723, punti 46 u 49, tal-20 ta’ Marzu 2003, Kutz-Bauer, C-187/00, Ġabra p. I-2741, punti 69 u 71, kif ukoll tal-15 ta’ April 2008, Impact, C-268/06, Ġabra p. I-2483, punt 57).

34      Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-ġurisprudenza tista’ tiġi applikata għall-ftehim li, bħall-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri, irriżultaw minn djalogu li sar, abbażi tal-Artikolu 139(1) KE, bejn imsieħba soċjali fuq livell Komunitarju u li ġew implementati, b’mod konformi mal-paragrafu (2) ta’ dan l-istess artikolu, permezz ta’ direttiva tal-Kunsill, u li għaldaqstant huma parti integrali minnha (ara s-sentenzi Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58, u tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C-378/07 sa C-380/07, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 195).

35      Il-klawżola 2, punt 6, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri tistabbilixxi l-obbligu taż-żamma fl-istat tagħhom, u sat-tmiem tal-leave parentali, id-drittijiet kweżiti jew fil-proċess li jkunu kweżiti mill-ħaddiem fid-data li fiha jibda tali leave kif ukoll l-obbligu tal-applikazzjoni tal-imsemmija drittijiet fit-tmiem tal-leave, inkluż kull tibdil li jseħħ sadanittant.

36      L-imsemmija klawżola 2, punt 6, li hija intiża sabiex tiġi evitata kull ħsara għad-drittijiet tal-ħaddiema li jagħżlu li jibbenefikaw minn leave parentali, tobbliga, b’mod ġenerali u f’termini inekwivoċi, kemm lill-awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll lil min iħaddem, li jirrikonoxxu d-drittijiet kweżiti jew fil-proċess li jkunu kweżiti fil-bidu ta’ tali leave u li jiggarantixxu li, fit-tmiem ta’ tali leave, il-ħaddiema jkunu jistgħu jkomplu jiksbu d-drittijiet bħallikieku l-leave qatt ma seħħ. Għaldaqstant, il-kontenut tal-klawżola 2, punt 6, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri jidher li huwa suffiċjentement preċiż sabiex din id-dispożizzjoni tkun tista’ tiġi invokata minn individwu u applikata mill-qorti (ara, b’analoġija, is-sentenza Marshall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

37      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni parti tal-ewwel domanda għandha tkun li l-klawżola 2, punt 6, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri tista’ tiġi invokata minn individwi quddiem qorti nazzjonali.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel domanda, l-ewwel parti tat-tieni domanda, it-tielet domanda u t-tieni parti tar-raba’ domanda

38      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda tagħha, l-ewwel parti tat-tieni domanda, it-tielet domanda u t-tieni parti tar-raba’ domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk il-klawżola 2, punti 6 u 8, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri tipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-pensjoni ta’ invalidità permanenti ta’ ħaddiem, tal-fatt li huwa bbenefika minn perijodu ta’ leave parentali part-time li matulu huwa ħallas kontribuzzjonijiet u kiseb drittijiet għal pensjoni fi proporzjon mas-salarju rċevut, bir-riżultat ta’ għoti ta’ pensjoni ta’ ammont inqas minn dak li kien jitħallas kieku kompla jeżerċita attività full-time.

39      Kemm mill-kliem tal-klawżola 2, punt 6, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri kif ukoll mill-kuntest tagħha jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tevita t-telf tad-drittijiet li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ impjieg, kweżiti jew fil-proċess li jkunu kweżiti, li l-ħaddiem għandu diġà meta huwa jibda bil-leave parentali, u li tiggarantixxi li, fit-tmiem tal-imsemmi leave, il-ħaddiem jerġa’ jsib ruħu, fir-rigward ta’ dawn id-drittijiet, fl-istess sitwazzjoni li kien jinsab fiha qabel dan il-leave. L-imsemmija drittijiet li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ impjieg huma dawk li l-ħaddiem kellu fid-data li fih beda l-leave.

40      Madankollu, il-klawżola 2, punt 6, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri ma tirregolax id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ impjieg matul il-perijodu tal-leave parentali, li huma ddefiniti, skont l-imsemmija klawżola 2, punt 7, mill-Istati Membri, u/jew mill-imsieħba soċjali. Għalhekk din il-klawżola tirreferi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali u għall-ftehim kollettivi għad-determinazzjoni tal-iskema li tirregola l-kuntratt jew ir-relazzjoni tax-xogħol, inkluża l-miżura li fiha l-ħaddiem, waqt il-perijodu tal-imsemmi leave, ikompli jikseb drittijiet fil-konfront ta’ min iħaddmu kif ukoll taħt l-iskemi professjonali tas-sigurtà soċjali.

41      Il-kontinwità tal-kisba ta’ drittijiet futuri taħt skemi legali ta’ sigurtà soċjali matul il-perijodu ta’ leave parentali lanqas ma hija rregolata b’mod espliċitu fil-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri. Madankollu, il-klawżola 2, punt 8, ta’ dan il-ftehim qafas tirreferi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-eżami u għad-determinazzjoni tal-kwistjonijiet kollha ta’ sigurtà soċjali marbuta mal-imsemmi ftehim. Għaldaqstant, il-miżura li fiha ħaddiem ikun jista’ jkompli jikseb drittijiet ta’ sigurtà soċjali waqt li jkun fuq leave parentali part-time għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri.

42      F’kull każ, jekk huwa minnu li kemm il-punt 10 kif ukoll il-punt 11 tal-premessi ġenerali tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri, bl-istess mod bħall-klawżola 2, punt 8, tiegħu jirreferu għaż-żamma tal-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali matul il-perijodu li fih il-ħaddiem jibbenefika minn leave parentali, mingħajr madankollu ma jimponu obbligi konkreti fuq l-Istati Membri f’dan ir-rigward, jibqa’ l-fatt li l-kisba ta’ drittijiet għal benefiċċji futuri ta’ sigurtà soċjali mill-ħaddiem matul dan il-perijodu ma tissemmiex f’dan il-ftehim qafas.

43      Għaldaqstant il-klawżola 2, punti 6 u 8, tal-ftehim qafas ma timponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiggarantixxu lill-ħaddiema, matul il-perijodu li fih jibbenefikaw minn leave parentali part-time, il- kontinwità tal-kisba ta’ drittijiet għal benefiċċji futuri ta’ sigurtà soċjali bl-istess mod bħallikieku huma komplew jeżerċitaw attività full-time.

44      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda, tal-ewwel parti tat-tieni domanda, tat-tielet domanda u tat-tieni parti tar-raba’ domanda għandha tkun li l-klawżola 2, punti 6 u 8, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri ma tipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-pensjoni ta’ invalidità permanenti ta’ ħaddiem, tal-fatt li dan tal-aħħar ibbenefika minn perijodu ta’ leave parentali part-time li matulu huwa ħallas kontribuzzjonijiet u kiseb drittijiet ta’ pensjoni fi proporzjon mas-salarju rċevut.

 Fuq l-ewwel parti tar-raba’ domanda u fuq it-tieni parti tat-tieni domanda

45      Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ domanda u tat-tieni parti tat-tieni domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 2, punt 8, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu għall-kontinwità tal-ġbir ta’ benefiċċji ta’ sigurtà soċjali matul il-leave parentali, u jekk l-imsemmija klawżola tistax tiġi invokata minn individwi quddiem qorti nazzjonali kontra awtoritajiet pubbliċi.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li l-klawżola 2, punt 3, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri, tirreferi għal-liġi u/jew għall-ftehim kollettivi, fl-Istati Membri, għad-definizzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal-leave parentali u tar-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, din id-definizzjoni għandha titwettaq b’osservanza tar-rekwiżiti minimi stabbiliti mill-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri.

47      Min-naħa l-oħra, minkejja li l-klawżola 2, punt 8, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri tirreferi wkoll għall-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri għall-eżami u għad-determinazzjoni ta’ kull kwistjoni ta’ sigurtà soċjali marbuta mal-imsemmi ftehim, hija tissuġġerilhom biss li jieħdu inkunsiderazzjoni l-importanza tal-kontinwità tal-intitolamenti għall-kopertura tas-sigurtà soċjali, taħt l-iskemi differenti, matul il-perijodu ta’ leave parentali, b’mod partikolari dak tas-saħħa.

48      Barra minn hekk, kemm il-kliem tal-imsemmija klawżola 2, punt 8, kif ukoll il-fatt li l-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri ġie konkluż mill-imsieħba soċjali rrappreżentati minn organizzazzjonijiet interprofessjonali juru li dan ma setax jimponi obbligi fuq l-organizzazzjonijiet nazzjonali ta’ sigurtà soċjali, li ma kinux partijiet f’dan il-ftehim.

49      Barra minn hekk, skont il-punt 11 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri, l-Istati Membri għandhom, meta dan jidher xieraq fid-dawl tal-kundizzjonijiet nazzjonali u tas-sitwazzjoni tal-baġit, jipprevedu ż-żamma integrali tal-intitolamenti għall-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali matul il-perijodu minimu tal-leave parentali.

50      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-klawżola 2, punt 8, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri, ma timponi fuq l-Istati Membri l-ebda obbligu li jipprovdu, matul il-perijodu tal-leave parentali, li l-ħaddiem ikompli jirċievi benefiċċji ta’ sigurtà soċjali u ma tiddefinixxix id-drittijiet għall-benefiċċju tal-ħaddiema. Għaldaqstant, u mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk hija tinkludix dispożizzjonijiet mingħajr kundizzjoni u preċiżi biżżejjed, l-imsemmija klawżola 2, punt 8, ma tistax tiġi invokata quddiem qorti nazzjonali minn individwi kontra l-awtoritajiet pubbliċi.

51      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel parti tar-raba’ domanda u għat-tieni parti tat-tieni domanda għandha tkun li l-klawżola 2, punt 8, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri ma timponix obbligi fuq l-Istati Membri, għajr dak li jeżaminaw u jiddeterminaw kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali marbuta ma’ dan il-ftehim qafas b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. B’mod partikolari ma tobbligahomx jipprovdu, matul il-perijodu tal-leave parentali, għall-kontinwità tal-ġbir ta’ benefiċċji ta’ sigurtà soċjali. L‑imsemmija klawżola 2, punt 8, ma tistax tiġi invokata quddiem qorti nazzjonali minn individwi kontra l-awtoritajiet pubbliċi.

 Fuq il-ħames domanda

52      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa, u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, fis-sens tad-Direttiva 79/7, jipprekludux li, matul il-perijodu ta’ leave parentali part-time, ħaddiem jikseb drittijiet għal pensjoni ta’ invalidità permanenti skont il-ħin ta’ xogħol imwettaq u s-salarju rċevut, u mhux bħallikieku eżerċita attività full-time.

53      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhijiex direttament diskriminatorja, peress li hija tapplika mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema maskili u femminili. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk hija tistax tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta.

54      Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li teżisti diskriminazzjoni indiretta meta l-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali, minkejja li hija fformulata b’mod newtrali, fil-fatt tqiegħed fi żvantaġġ numru ħafna ogħla ta’ nisa milli ta’ rġiel (ara b’mod partikolari s-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1998, Boyle et., C-411/96, Ġabra p. I-6401, punt 76, u tal-21 ta’ Ottubru 1999, Lewen, C-333/97, Ġabra p. I-7243, punt 34).

55      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, kif indikat ukoll il-qorti tar‑rinviju, li, sabiex jiddedikaw irwieħhom għall-edukazzjoni tat-tfal, in‑nisa jagħżlu ħafna iktar spiss mill-irġiel li jieħdu perijodu ta’ tnaqqis tal-ħin tax-xogħol, flimkien ma’ tnaqqis proporzjonat fis-salarju, li għandu bħala konsegwenza tnaqqis fid-drittijiet ta’ sigurtà soċjali li jirriżultaw mir-relazzjoni tax-xogħol.

56      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li diskriminazzjoni tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjonijiet komparabbli jew fl-applikazzjoni tal-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti (ara, b’mod partikolari, s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Boyle, punt 39 u Lewen, punt 36).

57      Il-ħaddiem li jibbenefika mil-leave parentali mogħti lilu mid-Direttiva 96/34 li timplementa l-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri, skont waħda mir-regoli ddettaljati ddefiniti mil-liġi nazzjonali jew minn ftehim kollettiv, billi jeżerċita, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, attività part-time, jinsab f’sitwazzjoni speċifika, li ma tistax titqabbel ma’ dik ta’ raġel jew ta’ mara li jaħdmu full-time (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lewen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

58      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprovdi li l-ammont tal-pensjoni ta’ invalidità permanenti huwa kkalkolat fuq il-bażi tal-kontribuzzjonijiet effettivament imħallsa minn min iħaddem u mill-ħaddiem matul il-perijodu ta’ referenza, fil-kawża preżenti t-tmien snin preċedenti għall-avveniment li ta lok għall-intitolament għal din il-pensjoni. Ladarba, matul il-perijodu ta’ leave parentali part-time, il-ħaddiem jirċievi salarju ta’ ammont inqas minħabba t-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol tiegħu, il-kontribuzzjonijiet, li jikkostitwixxu perċentwali tas-salarju, huma mnaqqsa wkoll u minn dan tirriżulta differenza fil-kisba ta’ drittijiet għal benefiċċji futuri ta’ sigurtà soċjali bejn il-ħaddiem f’attività full-time, u dawk li jibbenefikaw minn leave parentali part-time.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix li pensjoni ta’ rtirar tiġi kkalkolata pro rata temporis fil-każ ta’ xogħol part-time. Fil-fatt, barra n-numru ta’ snin ta’ servizz ta’ uffiċjal, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ xogħol effettivament imwettaq minnu matul il-karriera tiegħu, imqabbel ma’ dak ta’ uffiċjal li jkun ħadem fuq bażi full-time matul il-karriera sħiħa tiegħu, huwa kriterju oġġettiv u mingħajr ebda diskriminazzjoni abbażi ta’ sess, li jippermetti tnaqqis proporzjonat fid-drittijiet tiegħu għal pensjoni (ara, fir-rigward tas-servizz pubbliku, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker, C-4/02 u C-5/02, Ġabra p. I-12575, punti 90 u 91).

60      F’dak li jirrigwarda d-Direttiva 79/7, għandu jingħad ukoll li, skont l-ewwel premessa u l-Artikolu 1 tagħha, hija intiża biss għall-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali. B’hekk, skont l-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar il-kisba ta’ drittijiet għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali taħt skemi legali wara perijodi ta’ waqfien mill-impjieg minħabba l-edukazzjoni tat-tfal.

61      Għaldaqstant il-leġiżlazzjoni rigward il-kisba ta’ drittijiet għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali matul perijodi ta’ waqfien mill-impjieg minħabba l-edukazzjoni tat-tfal għadha fil-kompetenza tal-Istati Membri (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1991, Johnson, C-31/90, Ġabra p. I-3723, punt 25).

62      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-Direttiva 79/7 fl-ebda każ ma tobbliga lill-Istati Membri sabiex jagħtu vantaġġi fil-qasam tas-sigurtà soċjali lill-persuni li rabbew uliedhom jew sabiex jipprovdu għal drittijiet għal benefiċċji wara perijodi ta’ waqfien mill-attività minħabba l-edukazzjoni tat-tfal (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 1994, Grau-Hupka, C-297/93, Ġabra p. I-5535, punt 27).

63      Konsegwentement, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa, u, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali fis-sens tad-Direttiva 79/7, ma jipprekludux li, matul il-perijodu ta’ leave parentali part-time, ħaddiem jikseb drittijiet għal pensjoni ta’ invalidità permanenti skont il-ħin ta’ xogħol imwettaq u s-salarju rċevut, u mhux bħallikieku huwa eżerċita attività full-time.

 Fuq l-ispejjeż

64      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-klawżola 2, punt 6, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri, konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995, li jidher fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC, tista’ tiġi invokata minn individwi quddiem qorti nazzjonali.

2)      Il-klawżola 2, punti 6 u 8, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri ma tipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-pensjoni ta’ invalidità permanenti ta’ ħaddiem, tal-fatt li dan tal-aħħar ibbenefika minn perijodu ta’ leave parentali part-time li matulu huwa ħallas kontribuzzjonijiet u kiseb drittijiet ta’ pensjoni fi proporzjon mas-salarju rċevut.

3)      Il-klawżola 2, punt 8, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri ma timponix obbligi fuq l-Istati Membri, għajr dak li jeżaminaw u jiddeterminaw kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali marbuta ma’ dan il-ftehim qafas b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. B’mod partikolari, hija ma tobbligahomx jipprovdu, matul il-perijodu tal-leave parentali, għall-kontinwità tal-intitolament għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali. L-imsemmija klawżola 2, punt 8, ma tistax tiġi invokata quddiem qorti nazzjonali minn individwi kontra l-awtoritajiet pubbliċi.

4)      Il-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa, u, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill [79/7/KEE], tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, ma jipprekludux li, matul il-perijodu ta’ leave parentali part-time, ħaddiem jikseb drittijiet għal pensjoni ta’ invalidità permanenti skont il-ħin ta’ xogħol imwettaq u s-salarju rċevut, u mhux bħallikieku eżerċita attività full-time .

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.