Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta' Diċembru 2012 - Ziegler vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-539/12)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Ziegler SA (Bruxelles, il-Belġju) (rappreżentanti: J. Bellis, M. Favart u A. Bailleux, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara dan ir-rikors amissibbli u fondat;

taqta' u tiddeċiedi li l-Kummissjoni Ewropea kienet qegħdha timpenja r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tar-rikorrenti;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea tħallas lir-rikorrenti s-somma ta' EUR 1 472 000, flimkien mal-interessi mill-11 ta' Marzu 2008 sal-pagament totali, kif ukoll is-somma ta' EUR 112 872.50 kull sena mill-11 ta' Marzu 2008, flimkien mal-interssi sal-pagament totali;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea għall-ħlas tal-ispejjeż tal-istanza.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-dannu li r-rikorrenti titlob kumpens għalih mill-Unjoni Ewropea jinkludi żewġ motivi distinti.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li sostniet dannu permezz tal-multa ta' EUR 9 200 000, flimkien mal-interessi bir-rata ta' 7.60 % kull sena, li kienet imposta fuqha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2008 fil-Kawża COMP/38.543 - Servizzi ta' ġarr internazzjonali, abbażi ta' ksur li l-Unjoni hija parzjalment responsabbli għalih. Id-dannu allegatament sostnut mir-rikorrenti huwa bbażat fuq illegalità doppja mill-Unjoni Ewropea:

Minn naħa waħda, meta ssuġġettat ir-rimbors tal-ispejjeż tal-ġarr tal-uffiċjali tagħha għal ġbir, minn dawn tal-aħħar, ta' tliet kwotazzjonijiet differenti għall-ġarr, u meta naqset milli teżerċita l-iċken kontroll fuq it-twettiq ta' dan l-obbligu, meta anki kienet taf perfettament il-konsegwenzi li din il-prattika kienet tħalli, l-Unjoni kienet ħolqot kuntest leġiżlattiv favorevoli għall-ksur tal-Artikolu 101 TFUE li għalih kienu ġew issanzjonati l-kumpanniji tal-ġarr iktar tard. B'dan il-mod, l-Unjoni kienet kisret l-obbligu tagħha ta' diliġenża u d-dritt fundamentali tar-rikorrenti għal amministrazzjoni tajba.

Min-naħa l-oħra, meta talbu l-kwotazzjonijiet ta' konvenjenza mingħand ir-rikorrenti, l-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kienu, fil-kwalità tagħhom ta' aġenti, ħeġġew direttament lir-rikorrenti sabiex twettaq il-ksur li għalih hija kienet ġiet issanzjonata. Permezz tal-intermedjarju tal-uffiċjali tagħha, l-Unjoni Ewropea għaldaqstant ikkontribwiet għall-ksur tal-Artikolu 101 TFUE li hija suċċessivament issanzjonat u kienet, barra minn hekk, kisret id-dritt tar-rikorrenti għal proċess ġust.

It-tieni nett, sa mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-11 ta' Marzu 2008, ir-rikorrenti sostniet nuqqas ta' qligħ sinjifikanti minħabba l-fatt li, peress li l-prattika tal-kwotazzjonijiet ta' konvenjenza ma waqfitx, ir-rifjut tagħha milli twieġeb favorevolment għal tali rikjesti għandu bħala effett li jeskludiha mis-swieq rilevanti, u konsegwentment ir-rikorrenti tipprovdi biss numru limitat ħafna ta' servizzi ta' ġarr għall-uffiċċjali tal-istituzzjonijiet Ewropej. Dan jikkostitwixxi nuqqas għat-twettiq tal-obbligu ta' diliġenza tal-Unjoni li huwa l-oriġini tad-dannu sostnut mir-rikorrenti.

____________