Language of document : ECLI:EU:T:2018:525

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Settembru 2018 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika li joriġina miċ-Ċina – Artikolu 11(3) u (5), u l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 [li saru l-Artikolu 11(3) u (5), u l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/1036] – Ċaħda ta’ talba għal eżami mill-ġdid intermedju parzjali, limitata għad-dumping, tad-dazju antidumping definittiv stabbilit bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011 – Bdil fit-tul ta’ ċirkustanzi – Teħid ta’ kampjuni – Eżami individwali – Nuqqas ta’ koperazzjoni fl-investigazzjoni li wassal għall-adozzjoni tal-miżuri definittivi”

Fil-Kawża T-654/16,

Foshan Lihua Ceramic Co. Ltd, stabbilita f’Foshan City (iċ-Ċina), irrappreżentata minn B. Spinoit u D. Philippe, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. França, T. Maxian Rusche, N. Kuplewatzky u A. Demeneix, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2016) 4259 tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Lulju 2016 li tiċħad talba għal eżami mill-ġdid intermedju parzjali, limitat għal kwistjonijiet ta’ dumping, f’dak li jirrigwarda l-miżuri antidumping definittivi stabbiliti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011 tat-12 ta’ Settembru 2011 fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Kanninen, President tal-Awla, J. Schwarcz (Relatur) u C. Iliopoulos, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-28 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Foshan Lihua Ceramic Co. Ltd, stabbilita f’Foshan (iċ-Ċina), hija produttur ta’ madum taċ-ċeramika.

2        Fit-12 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2011, L 238, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Definittiv”). Ir-rati ta’ dazju antidumping ġew ibbażati fuq il-marġni ta’ dumping stabbiliti mill-investigazzjoni peress li kienu iżjed baxxi mill-marġni ta’ ħsara.

3        Fil-kuntest tal-investigazzjoni li wasslet għall-istabbiliment ta’ dawn il-miżuri definittivi, il-Kummissjoni Ewropea użat it-teħid ta’ kampjuni, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51), kif emendat l-aħħar bir-Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 18, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Bażiku”) (issostitwit bir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21)). Il-produtturi-esportaturi meħuda bħala kampjuni, li bbenefikaw minn trattament individwali, skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku (li sar l-Artikolu 9(5) tar-Regolament 2016/1036), ġew suġġetti għal rati individwali ta’ dazji antidumping. Il-produtturi-esportaturi li kkoperaw fl-investigazzjoni, iżda li ma ġewx inklużi fil-kampjun, kif ukoll produttur-esportatur li ġie inkluż fil-kampjun, iżda li ma bbenefikax minn trattament individwali, ġew suġġetti għal rata ta’ dazji antidumping ikkalkolata, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament Bażiku (li sar l-Artikolu 9(6) tar-Regolament 2016/1036), bħala l-medja ponderata tal-marġni ta’ dumping tal-produtturi-esportaturi inklużi fil-kampjun, jiġifieri 30.6 %. Tmien produtturi-esportaturi li kkoperaw ressqu talbiet għal eżami individwali, abbażi tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Bażiku (li sar l-Artikolu 17(3) tar-Regolament 2016/1036). Ġie deċiż li jsir eżami individwali biss għal wieħed minn dawn il-produtturi-esportaturi, għaliex dan ma kienx jikkomplika b’mod indebitu l-kompitu tal-Kummissjoni. Dan il-produttur-esportatur kien, bil-kbir, l-iktar produttur-esportatur importanti mit-tmienja li talbu eżami individwali. Madankollu, wara n-notifika tad-deċiżjonijiet finali, irriżulta li dan il-produttur-esportatur ma kienx ipprovda ċerta informazzjoni neċessarja, għalkemm id-deċiżjonijiet dwar dan il-produttur-esportatur ġew ibbażati fuq il-fatti disponibbli, abbażi tal-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku (li sar Artikolu 18 tar-Regolament 2016/1036). L-imsemmi produttur-esportatur kif ukoll il-produtturi-esportaturi li ma kkoperawx fl-investigazzjoni ġew suġġetti għal rati ta’ dazju antidumping stabbiliti bl-użu tal-ogħla marġni ta’ dumping ikkonstatati għal prodott rappreżentattiv ta’ produttur-esportatur li kkopera, jiġifieri 69.7 %.

4        Ir-rikorrenti ma pparteċipatx fil-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Definittiv, tant li isimha ma jidhirx fl-Anness I tar-Regolament Definittiv. Għaldaqstant l-importazzjonijiet tagħha tal-prodott ikkonċernat huma suġġetti għal rata ta’ 69.7 %.

5        Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni twettaq eżami mill-ġdid intermedju parzjali, limitat għad-dumping, abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku (li sar l-Artikolu 11(3) tar-Regolament 2016/1036). Din it-talba kienet immotivata, minn naħa, mill-implimentazzjoni, mir-rikorrenti, ta’ sistema ġdida ta’ distribuzzjoni permezz ta’ impriża marbuta, u min-naħa l-oħra, bl-introduzzjoni ta’ tip ġdid ta’ prodott li ma kienx jeżisti matul il-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ April 2009 u l-31 ta’ Marzu 2010 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). Fit-talba tagħha għal eżami mill-ġdid ir-rikorrenti indikat li hija ma kinitx ipparteċipat fl-investigazzjoni inizjali, peress li hija ma kinitx taf id-destinazzjoni finali tal-prodotti tagħha li hija kienet tbigħ biss, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, lil kumpannija kummerċjali Ċiniża. Peress li hija sostniet li ma kinitx esportat il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni Ewropea matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, id-dipartimenti tal-Kummissjoni ġibdu l-attenzjoni tar-rikorrenti dwar il-fatt li, jekk din l-allegazzjoni kienet korretta, il-metodu legali xieraq biex tibbenefika mir-rata ta’ dazju ta’ 30.6 % kien li titlob li tingħata l-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid, b’mod konformi mal-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv. Din id-dispożizzjoni tipprevedi dan li ġej:

“Fejn kwalunkwe produttur [Ċiniż] jipprovdi evidenza biżżejjed lill-Kummissjoni li ma esportax il-merkanzija deskritta fl-Artikolu 1(1) li toriġina [miċ-Ċina] waqt il-perjodu tal-investigazzjoni (mill-1 ta’ April 2009 sal-31 ta’ Marzu 2010), li mhuwiex relatat ma’ esportatur jew produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament u li jew effettivament esporta l-merkanzija kkonċernata jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli li jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara li jkun spicċa l-perjodu tal-investigazzjoni, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza sempliċi fuq proposta magħmula mill-Kummissjoni, wara li jikkonsulta l-Kumitat Konsultattiv, jista’ jemenda l-Artikolu 1(2) sabiex jattribwixxi lil dak il-produttur id-dazju applikabbli għall-produtturi li qegħdin jikkoperaw li mhumiex fil-kampjun, jiġifieri 30.6 %”.

6        Wara skambju ta’ ittri mal-Kummissjoni, ir-rikorrenti talbet, permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Frar 2015, is-sospensjoni tat-trattament tat-talba tagħha għal eżami mill-ġdid intermedju abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku sabiex ma jkunx hemm dewmien fir-rigward tat-talba tagħha għall-ksib ta’ status ta’ produttur-esportatur ġdid li hija kienet ressqet fil-kuntest ta’ dan l-iskambju.

7        Fit-28 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni tkompli bit-trattament tat-talba tagħha għal eżami mill-ġdid intermedju. Fit-13 ta’ April 2016, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dokument ta’ informazzjoni ġenerali, li l-għan tiegħu kien li jirriproduċi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni kien beħsiebha tiċħad din it-talba. Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ April 2016, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għall-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid. Hija qieset, fost l-oħrajn, li mill-investigazzjoni ma setax jiġi stabbilit li r-rikorrenti ma kinitx esportat lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat li joriġina miċ-Ċina matul il-perijodu ta’ investigazzjoni u li hija ma kinitx marbuta ma esportatur jew ma produttur suġġett għal miżuri stabbiliti mir-Regolament Definittiv. Ir-rikorrenti kkontestat din id-deċiżjoni fil-kawża Foshan Lihua Ceramic vs Il-Kummissjoni (T‑310/16). Ir-rikorrenti rrispondiet għad-dokument ta’ informazzjoni Ġenerali fit-22 ta’ April 2016. Hija qieset, b’mod partikolari, li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kienet ivvizzjata minn żball ta’ liġi sa fejn hija rrifjutat li tiftaħ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid provviżorju, minħabba li r-rikorrenti ma kinitx tifforma parti mill-kampjun.

8        Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal eżami mill-ġdid intermedju tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“daċiżjoni kkontestata”). Fil-premessa 8 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat:

“Kif spjegat fil-punt 8 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, il-Kummissjoni użat it-teħid ta’ kampjuni fil-kuntest tal-investigazzjoni oriġinali. Għal din ir-raġuni hija eżaminat is-sitwazzjoni ta’ numru limitat ta’ produtturi-esportaturi li ntgħażlu biex jifformaw parti mill-kampjun, li fih ir-rikorrenti ma ġietx inkluża. Peress li l-miżuri fis-seħħ huma bbażati fuq l-eżami tal-kumpanniji inklużi fil-kampjun, allegazzjoni bbażata fuq il-bdil ta’ ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku għandha tkun tirrigwarda lill-istess kumpanniji inklużi fil-kampjun, jew fuq bidliet li jaffettwaw lill-produtturi-esportaturi kollha f’dan il-pajjiż. Peress li l-bdil ta’ ċirkustanzi invokata mir-rikorrenti tikkonċerna biss is-sitwazzjoni tagħha u mhux dik tal-kumpanniji inklużi fil-kampjun jew dik tal-produtturi-esportaturi kollha [fiċ-Ċina], dan il-bdil huwa irrilievanti fil-kuntest ta’ talba abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku. Fil-fatt, l-investigazzjoni oriġinali ma stabbilietx marġni ta’ dumping individwali għar-rikorrenti, minħabba li r-rikorrenti ma talbitx it-trattament individwali. Ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku sabiex issa tikseb marġni ta’ dumping individwali. Jekk ikun mod ieħor, il-possibbiltà ta’ teħid ta’ kampjuni jiġi mċaħħad mill-effettivtà tiegħu. Jekk il-marġni ta’ dumping individwali tagħha huwa inqas mill-miżura li għaliha huma suġġetti l-esportazzjonijiet tagħha abbażi tal-kampjun, l-importaturi tagħha jistgħu jitolbu l-ħlas lura abbażi tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament Bażiku (li sar l-Artikolu 11(8) tar-Regolament 2016/1036). Huwa għal din ir-raġuni li t-talba tar-rikorrenti […] hija miċħuda.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

10      Fis-7 ta’ Diċembru 2016, fir-replika dwar il-kawża Foshan Lihua Ceramic vs Il-Kummissjoni (T‑310/16), hija talbet li l-kawża tal-aħħar tiġi magħquda mal-kawża preżenti. Fis-16 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni opponiet li l-kawżi jingħaqdu. Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2017, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li l-kawżi inkwistjoni ma jiġux magħquda.

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-daċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

13      Ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku bbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 11(3) u (5) u tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Bażiku (fejn l-Artikolu 11(5) sar l-Artikolu 11(5) tar-Regolament 2016/1036), kif ukoll tal-Artikolu 6.10.2 tal-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ tal-1994 (GATT) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189, iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping”), li jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-organizzazzjoni dinjija tal-kummerċ (ODK) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 82). Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tressaq, essenzjalment, seba’ argumenti.

14      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li mill-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku ma jirriżultax li t-talba ta’ eżami mill-ġdid intermedju ta’ produttur-esportatur mhux inkluż fil-kampjun għandha tkun ibbażata fuq il-prova ta’ bdil ta’ ċirkustanzi li jirrigwarda lill-produtturi-esportaturi kollha. Barra minn hekk, it-turija ta’ tali bdil ta’ ċirkustanzi hija kważi dejjem impossibbli.

15      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li kienet is-suġġett ta’ diskriminazzjoni, sa fejn il-produtturi-esportaturi inklużi fil-kampjun ma humiex obbligati li jipproduċu tali prova. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta li l-produtturi-esportaturi inklużi fil-kampjun u l-produtturi-esportaturi li ma ġewx inklużi fih jinsabu f’sitwazzjoni differenti. Id-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ gruppi ta’ produtturi-esportaturi ma hija dovuta għal ebda differenza “ta’ speċifiċità, ta’ partikolarità jew ta’ natura” bejniethom, iżda tirriżulta biss mill-applikazzjoni tas-setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha fl-istabbiliment tal-kriterji ta’ teħid ta’ kampjuni.

16      Fit-tielet lok, mill-punt 189 tas-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Growth Energy u Renewable Fuels Association vs Il-Kunsill (T‑276/13, EU:T:2016:340), jirriżulta li l-eżami individwali ta’ produttur-esportatur għandu jsir ħlief fil-każijiet fejn in-numru ta’ esportaturi jew ta’ produtturi huwa tant kbir li eżamijiet individwali jikkomplikaw mingħajr bżonn ix-xogħol tal-awtoritajiet imsemmija u jipprekludu t-tlestija tal-investigazzjoni fi żmien utli. Issa, għalkemm il-Kummissjoni ma tatx lir-rikorrenti l-benefiċċju ta’ eżami individwali, hija ma tallegax li t-talba ta’ eżami mill-ġdid tar-rikorrenti ta’ Settembru 2013 kienet tipprekludi t-tlestija tal-investigazzjoni tal-eżami mill-ġdid fi żmien utli. Għalhekk, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Bażiku, kif ukoll l-Artikolu 6.10.2 tal-Ftehim antidumping. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-Regolament Bażiku ma jipprevedi ebda limitazzjoni ratione temporis sabiex issir it-talba għal eżami individwali.

17      Fir-raba’ lok, mill-Artikolu 11(5) tar-Regolament Bażiku jirriżulta li l-Artikolu 17(3) ta’ dan l-istess regolament japplika wkoll fil-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid intermedju. Għaldaqstant, ir-raġunament li fuqu huwa bbażat ir-rifjut ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid abbażi tal-effett utli tat-teħid ta’ kampjuni huwa żbaljat.

18      Fil-ħames lok, fir-rapport tiegħu intitolat “Stati Uniti – Miżuri antidumping fir-rigward ta’ ċerti gambli li joriġinaw mill-Vietnam” u adottat fil-11 ta’ Lulju 2011 (WT/DS404/R, punt 7.181) il-grupp speċjali stabbilit fil-kuntest tal-ODK iddeċieda, fir-rigward tal-eżami mill-ġdid intermedju, li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6.10.2 tal-Ftehim antidumping issir applikabbli biss jekk esportaturi jew produtturi li ma jkunux ingħażlu jipprovdu risposti msejħa volontarji. Issa, it-talba għal eżami mill-ġdid intermedju tar-rikorrenti għandha titqies bħala li hija risposta volontarja, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

19      Fis-sitt lok, ir-rikorrenti ssostni, fil-kuntest tar-replika, li, wara t-talba tagħha u t-turija ta’ bdil ta’ ċirkustanzi individwali u speċifiċi, il-Kummissjoni messha minn tal-inqas tittrattaha bħala esportatur li issa kkopera, u tapplikalha, b’mod konformi mal-Artikolu 9(6) tar-Regolament Bażiku, ir-rata ta’ dazju antidumping ikkalkolata bħala l-medja ponderata tal-marġni ta’ dumping tal-produtturi-esportaturi inklużi fil-kampjun.

20      Fis-seba’ lok, ir-rikorrenti diġà invokat l-argumenti tagħha bbażati fuq l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Bażiku fir-risposta tagħha għad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, iżda l-Kummissjoni ma tat l-ebda risposta fid-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li b’hekk hija kisret id-dritt għal smigħ xieraq tar-rikorrenti u d-drittijiet tad-difiża tagħha. Barra minn hekk, billi rrifjutat li tagħtiha l-istatus ta’ esportatur ġdid u li twettaq l-eżami mill-ġdid intermedju, il-Kummissjoni ċaħdet lir-rikorrenti mill-possibbiltà li r-regoli fis-seħħ jiġu applikati b’mod konkret fil-konfront tagħha.

21      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

22      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku, il-bżonn taż-żamma ta’ miżuri tista’ tiġi eżaminata, b’mod partikolari, fuq talba minn kwalunkwe esportatur, importatur jew mill-produtturi tal-Unjoni li jkun fiha provi suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-ħtieġa għal eżami mill-ġdid intermedju. F’dan il-każ, it-talba tressqet mir-rikorrenti fil-kwalità tagħha ta’ produttur-esportatur. Barra minn hekk, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-imsemmija talba kienet tirrigwarda biss id-dumping.

23      Mid-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku jirriżulta li, essenzjalment, meta t-talba titressaq minn esportatur u meta din tkun tirrigwarda biss id-dumping, il-ħtieġa tal-eżami mill-ġdid intermedju tippreżupponi li l-imsemmija talba jkun fiha provi suffiċjenti li juru li ż-żamma tal-miżura ma għadhiex meħtieġa sabiex tagħmel tajjeb għad-dumping.

24      Skont il-ġurisprudenza, fir-rigward tat-trattament ta’ talba għal eżami mill-ġdid, li tirrigwarda biss id-dumping, il-Kunsill jista’, skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, jikkonstata l-preżenza ta’ bidliet sinjifikattivi fiċ-ċirkustanzi relattivi għad-dumping u jista’ ġustament, wara li jikkonferma n-natura fit-tul ta’ dawn il-bidliet, jikkonkludi li hemm lok li d-dazju antidumping inkwistjoni jitbiddel (ara s-sentenza tat-28 ta’ April 2015, CHEMK u KF vs Il-Kunsill, T‑169/12, EU:T:2015:231, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Għalhekk, mill-kliem tat-tieni u tat-tielet subparagrafi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku (li saru t-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament 2016/1036) jirriżulta li l-għan tal-eżami mill-ġdid intermedju huwa li tiġi vverifikata l-ħtieġa taż-żamma tal-miżuri antidumping u li, f’dan ir-rigward, meta t-talba għal eżami mill-ġdid ta’ esportatur tkun tirrigwarda biss id-dumping, hemm lok, għall-istituzzjonijiet, li l-ewwel jevalwaw il-ħtieġa taż-żamma tal-miżura eżistenti u, abbażi ta’ dan, tikkonstata l-eżistenza ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi mhux biss sinjifikattiv iżda wkoll fit-tul, fir-rigward tad-dumping (sentenza tat-28 ta’ April 2015, CHEMK u KFvs Il-Kunsill, T‑169/12, EU:T:2015:231, punt 43).

26      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2176/84 tat-23 ta’ Lulju 1984, dwar id-difiża kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji min-naħa ta’ pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1984, L 201, p. 1 [dokument mhux disponibbli bil-Malti]), li jipprevedi li eżami mill-ġdid iseħħ fuq talba tal-parti kkonċernata, sakemm, b’mod partikolari, hija tipproduċi provi ta’ bdil ta’ ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw il-ħtieġa ta’ dan l-eżami mill-ġdid, li l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid isir fil-każ ta’ żvilupp fid-data li ppermettiet li jiġu stabbiliti l-valuri implimentati fir-regolament li stabbilixxa l-miżuri antidumping (sentenza tal-24 ta’ Frar 1987, Continentale Produkten Gesellschaft Erhardt-Renken vs Il-Kummissjoni, 312/84, EU:C:1987:94, punt 11). Huwa b’riferiment għal din il-ġurisprudenza li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45) (li sar l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku), li l-għan tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid huwa li d-dazji imposti jiġu adattati għall-iżvilupp tal-elementi li taw lok għalihom u għalhekk jippreżupponi l-bdil ta’ dawn l-elementi (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2000, Medici Grimm vs Il-Kunsill, T‑7/99, EU:T:2000:175, punt 82).

27      Minn dan isegwi li t-talba ta’ eżami mill-ġdid intermedju previst fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku, limitata għad-dumping, u mressqa minn produttur-esportatur, għandha tippreżenta offerti ta’ prova li l-elementi li fuqhom kienet ibbażata d-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping użat għall-istabbiliment tad-dazju antidumping applikabbli għall-produttur-esportatur li ressaq l-imsemmija talba nbidlu kunsiderevolment u fit-tul.

28      F’dan il-każ, sa fejn ma pparteċipatx fl-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Definittiv, ir-rikorrenti hija meqjusa, kemm skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Bażiku (li sar l-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2016/1036), kif ukoll skont il-punt 6 tal-Avviż ta’ tnedija ta’ din il-proċedura inizjali (ĠU 2010, C 160, p. 20), bħala li ma kkoperatx fl-investigazzjoni. Id-deċiżjonijiet dwar il-produtturi-esportaturi li ma kkoperawx ġew ibbażati, skont l-istess dispożizzjonijiet, fuq id-data disponibbli, bil-konsegwenza li dawn setgħu kienu inqas favorevoli milli kieku huma kkoperaw.

29      B’mod konkret, mill-premessi 66 u 77 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 258/2011 tas-16 ta’ Marzu 2011, li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika li joriġina [miċ-Ċina] (ĠU 2011, L 70, p. 5), u mill-premessi 92 u 93 tar-Regolament Definittiv, jirriżulta li l-produtturi-esportaturi li ma kkoperawx fl-investigazzjoni, bħar-rikorrenti, ġew suġġetti għal rata ta’ dazju antidumping stabbilita bl-użu tal-għola mill-marġni ta’ dumping ikkonstatati għal prodott rappreżentattiv ta’ produttur-esportatur li kkopera, jiġifieri 69.7 %.

30      Minn dan isegwi li kull produttur-esportatur li jaqa’ taħt din il-kategorija għandu juri li ċ-ċirkustanzi li servew ta’ bażi għal din l-aħħar determinazzjonu nbidlu kunsiderevolment u fit-tul. Peress li din id-determinazzjoni hija bbażata fuq id-data relatata mal-kampjun, ir-rikorrenti tista’ tissodisfa l-oneru ta’ prova li hija għandha f’dan il-qasam, hekk kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, billi turi wkoll jew li l-elementi li servew ta’ bażi tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping użat għall-istabbiliment tar-rati tad-dazju antidumping applikabbli għall-kumpanniji inklużi fil-kampjun kienu nbidlu kunsiderevolment u fit-tul, jew li tali bidliet kienu affettwaw lill-produtturi-esportaturi kollha tal-pajjiż esportatur.

31      Sa fejn fit-talba tagħha ta’ eżami mill-ġdid intermedju limitat għad-dumping ir-rikorrenti esponiet biss l-implimentazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ distribuzzjoni permezz ta’ impriża marbuta u l-introduzzjoni ta’ tip ġdid ta’ prodott li ma kienx jeżisti matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, hija tressaq biss informazzjoni dwar is-sitwazzjoni rispettiva tagħha, fatt li hija tammetti espliċitament.

32      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni setgħet ġustament tiddeċiedi li r-rikorrenti ma kinitx ipproduċiet l-elementi neċessarji li jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ eżami mill-ġdid intermedju parzjali, limitat għad-dumping u tiċħad, konsegwentement, it-talba tagħha.

33      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mid-diversi argumenti tar-rikorrenti.

34      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-allegata diskriminazzjoni tar-rikorrenti meta mqabbla mal-impriżi inklużi fil-kampjun, minn naħa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni teżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tat-13 Diċembru 2007, Asda Stores, C‑372/06, EU:C:2007:787, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata) Issa, ir-rikorrenti, li ma kkoperatx fl-investigazzjoni inizjali, bl-ebda mod ma hija fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tad-determinazzjonijiet dwar il-marġni ta’ dumping bħall-produtturi-esportaturi li pparteċipaw fiha. Dan sa fejn il-leġiżlatur ippreveda, fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Bażiku, li r-rata ta’dazju antidumping għandha tiġi stabbilita, fir-rigward tal-produtturi-esportaturi li ma jikkoperawx, abbażi tad-data disponibbli, bil-konsegwenza li din tista’ tkunu inqas favorevoli milli setgħet tkun li kieku kkoperaw. Il-metodu ta’ determinazzjoni ta’ dawn ir-rati fil-proċedura inizjali jista’ loġikament jaffettwa l-kundizzjonijiet li fihom tali produttur-esportatur jista’ jitlob eżami mill-ġdid intermedju parzjali limitat għad-dumping, hekk kif għadu kif ġie speċifikat fil-punti 22 sa 32 iktar ’il fuq.

35      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tistax turi l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni fir-rigward tagħha permezz tal-allegata diskriminazzjoni tal-produtturi-esportaturi li kkoperaw li ma ġewx inklużi fil-kampjun meta mqabbla ma’ dawk li ġew inklużi. Peress li ma pparteċipatx fl-investigazzjoni inizjali, ir-rikorrenti ma talbitx li tiġi inkluża fil-kampjun. Peress li l-argument tagħha ma jikkonċernax is-sitwazzjoni rispettiva tagħha, l-eventwali fondatezza tiegħu ma tistax twassal għall-annullament tad-daċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda r-rikorrenti. Għalhekk hija ma għandha l-ebda interess li tagħmlu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2017, JingAo Solar et vs Il-Kunsill, T‑157/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:127, punti 64 sa 72).

36      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-argumenti bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 11(5) u tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Bażiku (ara l-punti 16 u 17 iktar ’il fuq), l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara s-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014, Valimar, C‑374/12, EU:C:2014:2231, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      It-tieni nett, mill-Artikolu 11(5) tar-Regolament Bażiku jirriżulta li “d-disposizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament rigward proċeduri u t-twettieq ta’ investigazzjonijiet, ħlief dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ limiti ta’ żmien, jgħoddu għal kull reviżjoni li titwettaq skond il-paragrafi 2, 3 u 4”. Għalhekk, l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Bażiku ma jestendix għall-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid id-dispożizzjonijiet kollha dwar il-proċeduri u t-tmexxija tal-investigazzjonijiet applikabbli fil-kuntest tal-investigazzjoni inizjali. L-Artikolu 11(5) tar-Regolament Bażiku jissuġġetta l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għall-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid, għan-natura rilevanti tagħhom.

38      It-tielet nett, skont ġurisprudenza stabbilita, proċedura ta’ eżami mill-ġdid hija separata, bħala prinċipju, mill-proċedura ta’ investigazzjoni inizjali, li hija rregolata minn dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Bażiku. Id-differenza oġġettiva bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ proċeduri tinsab fil-fatt li l-importazzjonijiet suġġetti għal proċedura ta’ eżami mill-ġdid huma dawk li diġà kienu s-suġġett tal-istabbiliment ta’ miżuri antidumping definittivi u li fir-rigward tagħhom bħala prinċipju ġew prodotti provi suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li t-tneħħija ta’ dawn il-miżuri probabbilment tkun tiffavorixxi l-kontinwazzjoni tad-dumping u tal-ħsara jew tkun tiffavorixxi li d-dumping u l-ħsara jitfaċċaw mill-ġdid. Għall-kuntrarju, meta importazzjonijiet ikunu suġġetti għal investigazzjoni inizjali, l-għan tagħha huwa preċiżament li tiġi ddeterminata l-eżistenza, il-livell u l-effett ta’ kwalunkwe dumping allegat (sentenza tas-27 ta’ Jannar 2005, Europe Chemi-Con (Deutschland) vs Il-Kunsill, C‑422/02 P, EU:C:2005:56, punti 48 sa 50; ara, ukoll, is-sentenza tat-28 ta’ April 2015, CHEMK u KF vs Il-Kunsill, T‑169/12, EU:T:2015:231, punti 59 u 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li wħud mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-investigazzjoni inizjali ma humiex intiżi li japplikaw għall-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għanijiet tas-sistema stabbilita mir-Regolament Bażiku (ara s-sentenza tat-28 ta’ April 2015, CHEMK u KF vs Il-Kunsill, T‑169/12, EU:T:2015:231, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Bażiku, li jipprevedi l-eżami individwali anki fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ talba għal eżami mill-ġdid intermedju mressqa minn produttur-esportatur li ma kkoperax fl-investigazzjoni inizjali, tkun tmur kontra l-għan tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intermedju, kif espost fil-punti 22 sa 27 iktar ’il fuq. Fil-fatt, tali approċċ ma jippermettix li jiġi evalwat jekk l-elementi li servew ta’ bażi għad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping użat għall-istabbiliment tad-dazju antidumping applikabbli għall-imsemmi produttur-esportatur inbidlux b’mod kunsiderevoli u fit-tul. Data li rriżultat mill-analiżi tal-informazzjoni dwar il-produtturi-esportaturi meħuda bħala kampjuni tiġi għalhekk imqabbla mad-data rispettiva tal-produttur-esportatur inkwistjoni.

41      Għaldaqstant, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-neċessità li tinfetaħ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid intermedju abbażi ta’ żewġ allegati bidliet ta’ ċirkustanzi sostnuti mir-rikorrenti, l-użu tal-eżami individwali ma huwiex rilevanti. Jekk ikun mod ieħor, ir-rikorrenti tkun tista’ tevita l-obbligi fil-qasam tal-oneru tal-prova li, minħabba l-istatus tagħha ta’ impriża li ma kkoperatx fil-kuntest tal-investigazzjoni inizjali, hija għadha fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku.

42      Minn dan isegwi li l-istruttura ġenerali u l-għanijiet tas-sistema stabbilita mir-Regolament Bażiku jipprekludu lir-rikorrenti milli tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 11(5) u fuq l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Bażiku, sabiex titlob rata ta’ dazju antidumping individwali fi tmiem il-proċedura li hija bdiet abbażi tal-Artikolu 11(3) ta’ dan l-istess regolament. L-invokazzjoni, mir-rikorrenti, tal-Artikolu 6.10.2 tal-Ftehim antidumping insostenn tal-argumenti tagħha lanqas ma tista’ tiġi aċċettata, peress li d-dispożizzjoni msemmija l-aħħar hija, bl-eċċezzjoni tat-tieni sentenza tagħha li tipprevedi “[t]weġib volontarji ma jiġux skoraġġiti”, trasposta permezz tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Bażiku, u r-rikorrenti ma ssostnix li din it-traspożizzjoni hija żbaljata.

43      Dawn il-konklużjonijiet huma kkonfermati, l-ewwel nett, minn kliem u mill-istruttura tal-Artikolu 17 tar-Regolament Bażiku, u b’mod partikolari mill-Artikolu 17(3) li jipprevedi li l-eżami individwali previst f’din id-dispożizzjoni japplika biss fil-kuntest ta’ eżamijiet fejn il-Kummissjoni użat it-teħid ta’ kampjuni. Fil-fatt, dan jipprevedi li, “[f]’każijiet fejn l-eżami jkun ġie limitat skond dan l-Artikolu, il-marġini individwali ta’ dumping għandu, madanakollu, jiġi kkalklulat”. Issa, l-eżami ta’ talba għal eżami mill-ġdid intermedju huwa separat mill-eżami li wassal għall-istabbiliment ta’ miżuri antidumping definittivi (ara l-punt 38 iktar ’il fuq) u ma jikkostitwixxix it-tkomplija tiegħu, bil-kontra ta’ dak li sostniet ir-rikorrenti matul is-seduta. In-natura separata ta’ dawn iż-żewġ eżamijiet hija barra minn hekk ikkonfermata wkoll mill-artikolazzjoni tagħhom kif din tirriżulta mir-Regolament Bażiku. Fil-fatt, l-ewwel nett, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku, produttur-esportatur jista’ jitlob eżami mill-ġdid intermedju biss wara li tkun għaddiet sena wara l-introduzzjoni tal-miżuri definittivi, it-tieni nett, il-perijodu ta’ investigazzjoni għal eżami mill-ġdid intermedju huwa wara dak tal-investigazzjoni inizjali (sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS, C‑283/14 u C‑284/14, EU:C:2016:57, punt 72; tat-13 ta’ Settembru 2013, Cixi Jiangnan Chemical Fiber et vs Il-Kunsill, T‑537/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:428, punt 71, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawżi magħquda CM Eurologistik u GLS, C‑283/14 u C-284/14, EU:C:2015:628, punt 29) u, it-tielet nett, l-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid intermedju tista’ tkun limitata, b’mod partikolari, għad-dumping jew għall-ħsara, filwaqt li l-investigazzjoni inizjali għandha tkun sħiħa.

44      F’dan il-każ, fil-kuntest tat-trattament tat-talba għal eżami mill-ġdid intermedju tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma wettqitx it-teħid ta’ kampjuni, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Bażiku (li sar l-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2016/1036). Hija ttrattat din it-talba direttament, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fiha. Għalhekk, l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Bażiku ma kienx applikabbli f’din il-proċedura.

45      Sussegwentement, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, hija ma tistax titlob l-eżami individwali, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Bażiku, f’kull mument, sabiex iġġiegħel lill-Kummissjoni tirrevedi r-rata ta’ dazju antidumping, li hija applikabbli għall-importazzjonijiet tagħha. Ir-rati ta’ dazji antidumping jistgħu jiġu emendati biss b’applikazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament Bażiku (fejn l-Artikolu 12 sar l-Artikolu 12 tar-Regolament 2016/1036). It-talba tar-rikorrenti saret abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku u fil-punti 41 u 42 iktar ’il fuq diġà ġie deċiż li l-applikazzjoni tal-Artikolu 17(3) ta’ dan l-istess regolament ma kinitx, f’dan il-każ, rilevanti f’dan il-kuntest.

46      Fl-aħħar nett, fil-każ ta’ użu ta’ teħid ta’ kampjuni fl-investigazzjoni inizjali, mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku (li sar ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament 2016/1036), jirriżulta li produttur-esportatur ġdid ma jistax jitlob eżami mill-ġdid skont is-subparagrafi preċedenti ta’ dan l-istess paragrafu. Dan huwa sabiex jiġi evitat li tali produtturi-esportaturi jitqiegħdu f’pożizzjoni iktar favorevoli minn dik tal-produtturi-esportaturi li kkoperaw fl-investigazzjoni inizjali, iżda li ma ttiħdux bħala kampjuni, u li fuqhom ġiet imposta, bħala konsegwenza ta’ dan, rata ta’ dazju antidumping ikkalkolata skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament Bażiku. Issa, ma teżisti l-ebda raġuni biex wieħed jemmen li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jippermetti li fir-rigward ta’ produttur-esportatur li ma kkoperax fl-investigazzjoni inizjali jiġu applikati, wara proċedura ta’ eżami mill-ġdid, rati ta’ dazju antidumping individwali, jekk huwa eskluda dan fir-rigward tal-produtturi-esportaturi l-ġodda.

47      Fit-tielet lok, kien biss fil-kuntest tar-replika li r-rikorrenti għamlet l-argument li jgħid li l-Kummissjoni setgħet minn tal-inqas ittrattata minn issa ’l quddiem bħala produttur-esportatur li jikkopera u tagħtiha, għal din ir-raġuni, il-benefiċċju tar-rati ta’ dazju antidumping applikabbli, abbażi tal-Artikolu 9(6) tar-Regolament Bażiku, għall-produtturi-esportaturi li kkoperaw. Mistoqsija dwar dan matul is-seduta, ir-rikorrenti ammettiet li dan huwa motiv ġdid, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, mingħajr ma għamlet xi argument li jgħid li dan il-motiv huwa bbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li saru magħrufa matul il-proċedura jew li dan għandu jinftihem bħala estensjoni ta’ argument magħmul fir-rikors. Għaldaqstant, dan huwa inammissibbli skont l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

48      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-allegazzjonijiet ibbażati fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6.10.2 tal-Ftehim antidumping, fir-rapport tal-grupp speċjali stabbilit fil-kuntest tal-ODK intitolat “Stati Uniti – Miżuri antidumping fir-rigward ta’ ċerti gambli li joriġinaw mill-Vietnam” u adottat fil-11 ta’ Lulju 2011 (WT/DS404/R, punt 7.181), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li la mis-silta ċċitata mir-rikorrenti u lanqas minn xi silta oħra tal-imsemmi rapport relatata mal-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu ma jirriżulta li l-awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjonijiet antidumping, bħal Kummissjoni, huma obbligati li jiftħu proċedura ta’ eżami mill-ġdid intermedju, kif previst fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku, abbażi tal-informazzjoni li tirrigwarda biss l-allegat bdil ta’ ċirkustanzi li jaffettwaw produttur-esportatur li ma kkoperax fl-investigazzjoni inizjali li fiha ntuża l-metodu ta’ teħid ta’ kampjuni. Minn dan lanqas ma jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża preżenti, tali produttur-esportatur jista’ jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 6.10.2 tal-Ftehim antidumping fil-kuntest tat-talba tiegħu għall-ftuħ ta’ eżami mill-ġdid intermedju, ibbażata fuq informazzjoni li tirrigwarda esklużivament lilu nnifsu.

49      Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jikkritika lill-Kummissjoni talli fid-deċiżjoni kkontestata ma rreaġixxietx għall-argumenti tiegħu bbażati fuq l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Bażiku. Madankollu, hekk kif għadu kif ġie deċiż, fil-każ preżenti, din id-dispożizzjoni ma għandha l-ebda effett fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku, hekk kif speċifikat fil-punti 22 sa 32 iktar ’il fuq. Billi eżentat ruħha milli tirrispondi espliċitament għall-argumenti bbażati fuq dispożizzjoni mhux applikabbli għall-kawża preżenti, il-Kummissjoni ma setgħetx tikser id-drittijiet għal smigħ xieraq u d-drittijiet tad-difiża.

50      Għaldaqstant il-motiv uniku għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

51      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

52      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati kemm l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Foshan Lihua Ceramic Co. Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Settembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.