Language of document : ECLI:EU:T:2012:64

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

tal-10 ta’ Frar 2012

Kawża T‑98/11 P

AG

vs

Il-Parlament Ewropew

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Tkeċċija fi tmiem il-perijodu ta’ prova — Terminu għall-preżentata ta’ rikors — Tardività — Appell manifestament infondat”

Suġġett:      Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Diċembru 2010, AG vs Il-Parlament (F-25/10), u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud bħala manifestament infondat. AG għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti mill-Parlament Ewropew.

Sommarju

1.      Appell — Aggravji — Assenza ta’ identifikazzjoni tal-iżball ta’ liġi invokat — Inammissibbiltà

(Artikolu 257 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 138(1))

2.      Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti — Inammissibbiltà — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tal-provi — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Artikolu 11 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja)

1.      Mill-Artikolu 257 TFUE, mill-Artikolu 11(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. L-appell li ma jinkludi ebda argument speċifikament intiż sabiex jidentifika l-iżball ta’ liġi li bih hija vvizzjata s-sentenza jew id-digriet inkwistjoni ma jissodisfax dan ir-rekwiżit.

Sabiex allegazzjonijiet li huma wisq ġenerali u impreċiżi jkunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni ġuridika, dawn għandhom jitqiesu li huma manifestament inammissibbli.

(ara l-punti 24 u 25)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 16 ta’ Diċembru 2010, Meister vs UASI, T-48/10 P, punti 42 u 43, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Mill-Artikolu 11 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jirriproduċi l-kliem tal-Artikolu 58 tal-imsemmi statut, jirriżulta li l-appell għandu jkun limitat għall-punti ta’ liġi u għandu jkun ibbażat fuq aggravji msejsa fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fuq irregolaritajiet fil-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jippreġudikaw l-interessi tal-appellant jew fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni minn dan tal-aħħar.

Konsegwentement, huwa biss it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu ġurisdizzjoni sabiex jikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali ta’ dawn il-konstatazzjonijiet tkun tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemu, u sabiex jevalwa dawn il-fatti. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-qorti tal-appell.

Tali żnaturament għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi, u mingħajr ma jsir użu minn provi ġodda.

(ara l-punti 44 sa 46)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 24 ta’ Ottubru 2011, P vs Il-Parlament, T-213/10 P, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punti 46 sa 48, u l-ġurisprudenza ċċitata