Language of document : ECLI:EU:C:2017:1022

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-20 ta’ Diċembru 2017 (1)

Kawża C574/16

Grupo Norte Facility SA

vs

Angel Manuel Moreira Gómez

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il‑Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia, Spanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Impjieg għal żmien determinat – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat – Dritt tal-ħaddiem għal kumpens fit-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol – Kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat fil-forma ta’ kuntratt ta’ sostituzzjoni – Differenza fit-trattament fir-rigward ta’ ħaddiema permanenti”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-protezzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat kontra l-abbuż u d-diskriminazzjoni ilha kwistjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea għal żmien sostanzjali, li biha kienet adita wkoll repetutament il-Qorti tal-Ġustizzja. Fi żmien meta hemm numru jiżdied ta’ ħaddiema li huma esposti għal kundizzjonijiet ta’ impjieg prekarji, dan is-suġġett huwa attribwit importanza politika u soċjali li ma għandhiex tiġi sottovalutata. Il-każ ineżami jixhed b’mod eżemplari r-relazzjoni ta tensjoni li fiha jaġixxu l-leġiżlaturi nazzjonali meta jadottaw dispożizzjonijiet għall-protezzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat iżda fl-istess waqt jieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tat-tipi differenti ta’ kuntratti ta’ xogħol filwaqt li jridu jippermettu ċertu grad ta’ flessibbiltà fis-suq tax-xogħol.

2.        B’mod speċifiku huwa kkonċernat ħaddiem Spanjol li ġie impjegat permezz ta’ “kuntratt ta’ sostituzzjoni” (2) għal żmien determinat sabiex jikkumpensa r-rata ta produttività mnaqqsa ta’ kollega li telqet bi rtirar parzjali. It-tul ta’ żmien tal-kuntratt ta’ sostituzzjoni tiegħu kien limitat sakemm tirtira mill-impjieg tagħha l-kollega. Wara din id-data l-ħaddiem ma baqax impjegat.

3.        Fil-kawża prinċipali issa qed jiġi kkontestat il-kumpens previst mil-liġi, liema l-ħaddiema Spanjoli jistgħu jitolbu mingħand il-persuni li jimpjegawhom f’ċerti ċirkustanzi meta r-relazzjoni tax-xogħol tagħhom tintemm. L-ostakolu hawnhekk huwa li dan il-kumpens ivarja skont il-mod li bih tintemm ir-relazzjoni tax-xogħol. Fil-fatt, jekk il-persuna li timpjega tittermina l-kuntratt tal-ħaddiem tagħha minħabba raġuni oġġettiva, id-dritt Spanjol jistabbilixxi li l-kumpens inkwistjoni għandu jkun iktar ġeneruż milli fil-każ li l-persuna li timpjega, kif ġara hawnhekk, tħalli relazzjoni tax-xogħol għal żmien determinat sempliċement tispiċċa malli tintlaħaq id-data finali stabbilita. F’xi każijiet il-ħaddiem saħansitra ma huwa intitolat għal ebda kumpens meta jiskadi l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu għal żmien determinat.

4.        F’każ simili, is-sentenza de Diego Porras (3) - li ngħatat fl-2016 - ġie stabbilit li fl-assenza ta’ kwalunkwe tip ta’ kumpens għall-iskadenza ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat tkun qiegħda ssir diskriminazzjoni pprojbita mid-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja issa qed tintalab tirrevedi jew, fi kwalunkwe każ, tirfina l-ġurisprudenza tagħha. F’dan ir-rigward ser ikollha toqgħod attenta wkoll għall-koerenza interna tal-ġurisprudenza tagħha stabbilita dwar il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

5.        Fil-kawża Montero Mateos (C‑677/16) (4), li għaliha wkoll ser inkun qed nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi llum, essenzjalment hemm problemi legali identiċi, l-istess bħal fil-każ tal-kawżi pendenti Rodríguez Otero (C‑212/17) u de Diego Porras (C‑619/17).

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

6.        Il-kuntest tad-dritt tal-Unjoni ta’ dan il-każ huwa ddeterminat mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (5) (iktar ’il quddiem: id-Direttiva 1999/70). Kif jidher mill-Artikolu 1 tagħha, bl-imsemmija direttiva huwa implementat il-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat (iktar ’il quddiem ukoll il-“Ftehim qafas”) li ġie konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 bejn tliet organizzazzjonijiet ġenerali tal-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) u li huwa anness mad-direttiva.

7.        Globalment, il-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat għandu l-għan li jistabbilixxi l-“prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi għal kuntratti ta’ impjieg għal terminu fiss u relazzjonijiet ta’ impjieg” filwaqt li jtejjeb inter alia “il-kwalità ta’ xogħol ta’ terminu fiss billi jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni […]” (6). Dan jirrifletti r-rieda tal-imsieħba soċjali “li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni” (7).

8.        Il-Ftehim qafas huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni “li l-kuntratti għal żmien indefinit huma, u jibqgħu ikunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’impjieg bejn min jimpjega u l-ħaddiema” (8). Iżda, fl-istess waqt, il-Ftehim qafas jirrikonoxxi li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat “huma fattur ta’ l-impjieg f’ ċerti setturi, xogħlijiet u attivitajiet li jistgħu ikunu addattati kemm għal min jimpjega kif ukoll għall-ħaddiema” (9). Dan jirrappreżenta “kontribuzzjoni oħra lejn bilanċ aħjar bejn ‘flessibiltà fil-ħin tax-xogħol u sigurtà għall- ħaddiema’” (10).

9.        Il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas tiddefinixxi l-iskop tiegħu b’dan il-mod:

“L-iskop ta’ dan il-ftehim qafas hu:

(a)      li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni;

(b)      li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss.”

10.      Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas, il-klawżola 2(1) tiegħu tippreċiża:

“Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’ kull Stat Membru.”

11.      Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas tinkludi d-“Definizzjonijiet” li ġejjin:

“1.      Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem ‘ħaddiem għal terminu fiss’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

2.      Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet.

Meta ma jkun hemm ebda ħaddiem kumparabbli permanenti fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli, jew meta ma jkun hemm ebda ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika.”

12.      Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas tinsab taħt it-titolu “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni” u inter alia tipprovdi dan li ġej:

“1.      Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.

2.      Meta approprjat, għandu japplika l-prinċipju ta’ pro rata temporis.

[…]”

13.      Addizzjonalment għandu jsir riferiment għall-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, iddedikata għall-“Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”:

“1.      Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss, wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)      raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

(b)      iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

(ċ)      in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2.      L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ mpjieg għal terminu fiss:

(a)      għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

(b)      għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.”

B.      Id-dritt nazzjonali

14.      Fid-dritt Spanjol huma rilevanti d-dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Ħaddiema (11) fil-verżjoni fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ xogħol kontenzjuż.

1.      Dispożizzjonijiet ġenerali

15.      Konformement mal-Artikolu 15(1) tal-Istatut tal-Ħaddiema, kuntratt ta’ xogħol jista’ jiġi konkluż għal żmien determinat jew għal żmien indeterminat, filwaqt li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi r-raġunijiet iddettaljati li jippermettu li ż-żmien ikun determinat.

16.      Barra minn hekk, l-Artikolu 15(6) tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprovdi d-dispożizzjoni li ġejja li tipprevedi l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema b’kuntratti temporanji u tal-ħaddiema fuq kuntratti għal żmien determinat:

“Ħaddiema b’kuntratti temporanji jew b’kuntratti għal żmien determinat għandhom l-istess drittijiet bħall-ħaddiema fuq kuntratti għal żmien indeterminat, bla ħsara għall-partikolaritajiet rispettivi tal-modalitajiet kuntrattwali dwar ix-xoljiment ta’ kuntratt u tar-regolamenti legali dwar kuntratti ta’ taħriġ. Sakemm tiġi osservata n-natura tagħhom, dawn id-drittijiet jiġu rikonoxxuti f’liġijiet, regolamenti u ftehimiet kollettivi f’relazzjoni maż-żmien ta’ xogħol imwettaq.

Jekk ċerti intitolamenti jew kundizzjonijiet tax-xogħol fil-liġijiet, fir-regolamenti u fil-ftehimiet kollettivi jkunu dovuti għall-anzjanità tal-ħaddiem, dawn għandhom jiġu ffissati abbażi tal-istess kriterji għall-ħaddiema kollha, irrispettivament mit-tip tar-relazzjoni kuntrattwali tagħhom.”

17.      Fl-Artikolu 49 tal-Istatut tal-Ħaddiema (“Tmiem tal-kuntratt”) huma elenkati, fil-qosor, iċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jwasslu għat-tmiem ta’ relazzjoni tax-xogħol. Fost dawn hemm it-tmiem minħabba l-iskadenza tat-terminu kuntrattwali miftiehem jew minħabba l-eżekuzzjoni tax-xogħol jew tas-servizz previsti fil-kuntratt (Artikolu 49(1)(c)) kif ukoll it-tmiem minħabba raġunijiet oġġettivi (Artikolu 49(1)(l)), filwaqt li dawn ir-raġunijiet oġġettivi huma elenkati b’mod iddettaljat fl-Artikolu 52 tal-Istaut tal-Ħaddiema.

18.      F’dak li jirrigwarda t-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol minħabba l-iskadenza tat-terminu kuntrattwali miftiehem jew minħabba l-eżekuzzjoni tax-xogħol jew tas-servizz previsti fil-kuntratt, l-Artikolu 49(1)(c) tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprevedi li, ħlief f’każijiet ta’ kuntratti ta’ tranżizzjoni u ta’ kuntratti ta’ taħriġ, il-ħaddiem huwa intitolat li jirċievi kumpens f’ammont ekwivalenti għall-proporzjon tal-ammont li jikkorrispondi mat-tnax-il jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità. B’deroga ta’ dan, it-tlettax-il dispożizzjoni tranżitorja tal-Istatut tal-Ħaddiema (12) tipprevedi, għal kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li ġew konklużi qabel data ta’ referenza speċifika, kumpens differenzjat iktar baxx li jikkorrispondi għal bejn tmint ijiem u tnax-il jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità; abbażi ta’ dan, il-kumpens għal kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li ġew konklużi sal-31 ta’ Diċembru 2012 jikkonsisti f’disat ijiem ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità.

19.      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol għal raġunijiet oġġettivi, l-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema jistabbilixxi li għandu jingħata “ħlas lill-ħaddiem, fl-istess ħin tan-notifika bil-miktub [tar-raġuni oġġettiva], ta’ kumpens ta’ għoxrin jum salarju għal kull sena ta’ anzjanità, kumpens ikkalkolat proporzjonalment man-numru ta’ xhur maħduma għall-perijodi ta’ inqas minn sena, sa limitu ta’ tnax il-pagament mensili”.

2.      Il-kuntratt ta’ sostituzzjoni

20.      Il-kuntratt ta’ sostituzzjoni huwa tip ta’ kuntratt ta’ xogħol speċjali rregolat fl-Artikolu 12(6) u (7) tal-Istatut tal-Ħaddiema. Dan jista’ jkun għal żmien determinat jew għal żmien indeterminat biex jikkompleta l-ħinijiet tax-xogħol ta’ ħaddiem ieħor li jkun telaq bi rtirar parzjali.

III. Il-fatti u l-kawża prinċipali

21.      Angel Manuel Moreira Gómez kien impjegat, mill-1 ta’ Novembru 2012 sat-18 ta’ Settembru 2015, bħala assistent tat-tindif mal-kumpannija Grupo Norte Facility S.A. (13) abbażi ta’ kuntratt ta’ sostituzzjoni għal żmien determinat u f’dan iż-żmien kien jaqdi dmirijietu fl-isptar Montecelo fil-provinċja Spanjola Pontevedra.

22.      B’dan il-kuntratt ta’ sostituzzjoni kellhom jiġu kkumpensati l-ħinijiet tax-xogħol imnaqqsa b’75 % ta’ María del Carmen Gómez Piñón, omm Angel Manuel Moreira Gómez, li matul dan il-perijodu kienet telqet bi rtirar parzjali.

23.      Meta Grupo Norte Facility temmet il-kuntratt ta’ xogħol fit-18 ta’ Settembru 2015 għax kienet intlaħqet id-data finali tat-terminu miftiehem tiegħu, A. Moreira Gómez ippreżenta rikors kontra dan it-tmiem u argumenta, filwaqt li għamel riferiment għal dik li allegatament kienet il-prassi tal-impriża, li issa huwa kellu jiġi impjegat b’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat biex jieħu post ommu li rtirat mill-impjieg tagħha.

24.      Il-Juzgado de lo Social n° 2 ta’ Pontevedra (14) (Spanja) laqa’ r-rikors ta’ A. Moreira Gómez u kkundanna lil Grupo Norte Facility biex jew tkompli timpjega lill-ħaddiem jew inkella tagħtih kumpens li jammonta għal EUR 4 818.47.

25.      Wara li ġie ppreżentat appell minn Grupo Norte Facility, il-kawża issa tinsab quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il‑Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia, Spanja), il-qorti tar-rinviju. Il-qorti tar-rinviju tiċħad l-argument ta’ A. Moreira Gómez ibbażat fuq dik li allegatament hija l-prassi tal-impriża. Din tqis li, fir-rigward tar-regoli tad-dritt industrijali nazzjonali, it-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ Angel Manuel Moreira Gómez sar b’mod legali, iżda tqajjem dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat kontra d-diskriminazzjoni.

IV.    It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26.      B’digriet tas-7 ta’ Novembru 2016, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Novembru 2016, it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il‑Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE:

1)      Għall-finijiet tal-prinċipju ta’ ekwivalenza bejn ħaddiema temporanji u ħaddiema permanenti, għandu jitqies li x-xoljiment tal-kuntratt tax-xogħol minħabba “ċirkostanzi oġġettivi” skont l-Artikolu 49(1)(c) tar-Regolamenti tal-Ħaddiema [Estatuto de los Trabajadores] u x-xoljiment tal-kuntratt tax-xogħol minħabba “raġunijiet oġġettivi” previsti fl-Artikolu 52 tal-imsemmija regolamenti jikkostitwixxu “sitwazzjonijiet paragunabbli” u li, għaldaqstant, il-kumpensi differenti mħallsa f’każ jew f’ieħor jikkostitwixxu differenza fit-trattament bejn ħaddiema temporanji u ħaddiema permanenti li hija pprojbita mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva, hemm lok li jitqies li l-għanijiet ta’ politika soċjali li ġġustifikaw il-ħolqien tal-“contrato de relevo” jiġġustifikaw ukoll, skont il-Klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas iċċitat iktar ’il fuq, id-differenza fit-trattament li tikkonsisti fil-ħlas ta’ kumpens għax-xoljiment tal-kuntratt tax-xogħol li jkun inqas favorevoli fil-każ li l-impriża tiddeċiedi liberament li l-imsemmi “contrato de relevo” jkun għal żmien determinat?

3)      Għall-finijiet li tiġi ggarantita l-effettività tad-Direttiva 1999/70, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni raġonevoli konformi mal-Klawżola 4(1), [tal-istess direttiva]. id-differenza fit-trattament bejn ħaddiema temporanji u ħaddiema permanenti, prevista fil-leġiżlazzjoni Spanjola msemmija iktar ’il fuq, fir-rigward tal-kumpens imħallas fil-każ tax-xoljiment tal-kuntratt, tikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sa fejn din tmur kontra l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, li jifformaw parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni?

27.      Fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Grupo Norte Facility, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fit-8 ta’ Novembru 2017 seħħet seduta konġunta għall-Kawżi C‑574/16 u C‑677/16, li fiha ġew irrappreżentati Grupo Norte Facility, L. Montero Mateos, l-Aġenzija għas-Servizzi Soċjali tal-Komunità Awtonoma ta’ Madrid (15), il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni.

28.      F’din il-proċedura l-Qorti tal-Ġustizzja qed tiltaqa’ bħala Awla Manja fuq talba ta’ Spanja skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tagħha.

V.      Evalwazzjoni

29.      Bit-tliet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk hijiex ikkonċernata diskriminazzjoni pprojbita mid-dritt tal-Unjoni, sa fejn ħaddiem impjegat għal żmien determinat, fil-każ tat-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu minħabba l-iskadenza tal-imsemmi kuntratt minħabba l-iskadenza tat-terminu kuntrattwali miftiehem, minħabba li jkun twettaq il-kompitu miftiehem jew minħabba li jidħol fis-seħħ l-avveniment miftiehem, ikun intitolat għal kumpens iktar baxx minn ħaddiem li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, kemm jekk għal żmien determinat kif ukoll jekk għal żmien indeterminat, jiskadi minħabba raġuni oġġettiva permezz ta’ terminazzjoni mill-persuna li timpjegah.

30.      Dawn id-domandi jirriżultaw miċ-ċirkustanza li, skont l-Istatut tal-Ħaddiema Spanjoli, ħaddiem, fil-każ tax-xoljiment, għal raġuni oġġettiva, tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu mill-persuna li timpjegah, għandu aċċess statutorju għal kumpens ta’ għoxrin jum salarju għal kull sena ta’ anzjanità (Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema), filwaqt li jekk kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat sempliċement jiskadi, l-istess leġiżlazzjoni tikkonċedi biss kumpens iktar baxx ta’ bejn tmint ijiem u tnax-il jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità, u saħansitra ma tipprovdi l-ebda dritt għal kumpens jekk jiskadi “kuntratt ta xogħol ta’ tranżizzjoni” (16) jew kuntratt għal taħriġ (Artikolu 49(1)(c) tal-Istatut tal-Ħaddiema).

A.      Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat (l-ewwel domanda)

31.      Il-qofol tal-interess ta’ din il-kawża huwa l-ewwel domanda, li biha l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tagħti deċiżjoni dwar il-paragunabbiltà ta’ żewġ sitwazzjonijiet fil-kuntest tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat skont il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas. L-ewwel sitwazzjoni tikkonċerna s-sempliċi skadenza ta’ kuntratt ta’ sostituzzjoni għal żmien determinat skont id-dritt Spanjol, it-tieni sitwazzjoni tikkonċerna x-xoljiment għal raġuni oġġettiva ta’ kuntratt ta’ xogħol, għal żmien determinat jew għal żmien indeterminat, mill-persuna li timpjega. Essenzjalment din id-domanda preliminari hija intiża sabiex tistħarreġ jekk l-ammont differenti tal-kumpens statutorju fiż-żewġ każijiet imsemmija jwassalx għal diskriminazzjoni kontra ħaddiema għal żmien determinat meta pparagunati ma’ ħaddiema permanenti.

1.      Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda

32.      Grupo Norte Facility tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ din l-ewwel domanda għaliex, fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġustizzja iktar qiegħda tiġi mistoqsija dwar l-interpretazzjoni tad-dritt industrijali Spanjol, speċifikament dwar il-paragun bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet irregolati fl-Artikolu 49(1)(c) u fl-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema, milli dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

33.      Iżda din l-oġġezzjoni ma tistax tintlaqa’. Huwa minnu li skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-obbligu li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern (17). Iżda l-ewwel domanda iktar tirrigwarda l-konklużjonijiet, imnebbħa mid-dritt tal-Unjoni, li għandha tasal għalihom il-qorti nazzjonali abbażi tal-pożizzjoni nazzjonali deskritta minnha stess, u mhux daqstant l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt industrijali Spanjol (18). Fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ u għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju informazzjoni rilevanti f’dan ir-rigward (19).

34.      Għaldaqstant l-ewwel domanda hija ammissibbli.

2.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

35.      Il-Ftehim qafas japplika għal kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. Dan diġà jirriżulta wkoll mit-titolu tiegħu u huwa kkonfermat mid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu fil-klawżola 2(1): hemmhekk huwa stabbilit li l-Ftehim qafas japplika għal ħaddiema b’kuntratt determinat li għandhom kuntratt ta’ xogħol jew relazzjoni tax-xogħol skont id-definizzjoni fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattiki f’kull Stat Membru.

36.      Ma huwiex ikkontestat li l-kawża prinċipali hija bbażata fuq kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat fil-forma ta’ kuntratt ta’ sostituzzjoni, kif previst fi Spanja skont id-dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Ħaddiema.

37.      Madankollu, bejn il-partijiet fil-proċedura hemm nuqqas ta’ qbil dwar il-kwistjoni jekk speċifikament il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni skont il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas jistax japplika għal każ bħal dak inkwistjoni. Dan għaliex il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas tipprojbixxi, konkretament, it-trattament sfavorevoli ta’ ħaddiema b’kuntratt definittiv fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg tagħhom.

38.      Il-Gvern Spanjol huwa tal-fehma li dan il-kunċett jirreferi biss għal kundizzjonijiet tax-xogħol (20) fis-sens strett, iżda mhux għal kundizzjonijiet ta’ impjieg (21) oħrajn bħal pereżempju r-rekwiżiti u l-konsegwenzi legali tat-tmiem ta’ kuntratti ta’ xogħol jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat.

39.      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tipprovdi li l-uniku kriterju determinanti għall-fehim tal-kunċett tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas huwa dak tal-impjieg, jiġifieri ċ-ċirkustanza li r-regolamenti applikabbli għal ħaddiem jew il-benefiċċji mitluba minnu jorbtu mar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu mal-persuna li timpjegah (22).

40.      Xi verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Ftehim qafas jużaw, parzjalment, formulazzjonijiet li jikkorrispondu mal-kunċett tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, iżda ftit minnhom jużaw tali li huma ekwivalenti għall-kunċett tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg (23), mingħajr ma jidher kjarament li huma intiżi żewġ kunċetti separati. Barra minn hekk, tali distinzjoni diffiċli tkun konformi mal-għanijiet tal-Ftehim qafas kif ukoll mas-sistema globali tad-dritt industrijali Ewropew.

41.      Fil-fatt, il-Ftehim qafas għandu jtejjeb il-kwalità tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat billi jiġi applikat il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (24). Dan jirrifletti x-xewqa tal-imsieħba soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali li jiżgura t-trattament ugwali ta’ ħaddiema li jinsabu f’relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat billi jiġu protetti kontra d-diskriminazzjoni (25). Huwa stabbilit sew, fil-ġurisprudenza, li fil-Ftehim qafas huma inklużi regoli partikolarment importanti tad-dritt soċjali tal-Unjoni li jridu jibbenefikaw lil kull ħaddiem bħala regoli minimi ta’ protezzjoni (26). Konsegwentement, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-konfront ta’ ħaddiema b’kuntratt definittiv ma jistax jiġi interpretat f’sens restrittiv (27).

42.      Barra minn hekk, il-koerenza tad-dritt industrijali Ewropew teżiġi li l-kunċett tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew tal-impjieg ma jiġix interpretat separatament mit-tifsira tiegħu f’dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relatati (28). F’dan ir-rigward għandu jsir riferiment partikolarment għad-Direttivi kontra d-diskriminazzjoni 2000/78/KE (29) u 2006/54/KE (30) li jikkonkretizzaw il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fil-professjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-karatteristiċi differenti ta’ diskriminazzjoni, bħas-sess, l-età u l-orjentazzjoni sesswali. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, hemmhekk huma koperti wkoll il-kundizzjonijiet għat-tkeċċija. Għalhekk anki l-pagamenti li għandhom jiġu effettwati, taħt kuntratt ta’ xogħol jew bil-liġi, mill-persuna li timpjega b’rabta mar-relazzjoni ta’ impjieg f’każ ta’ tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (31). Dan huwa neċessarjament il-każ għall-kunċett tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni skont il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas (32).

43.      Għalhekk, bħala konklużjoni, il-Ftehim qafas b’mod ġenerali kif ukoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni inkluż fih huma speċifikament applikabbli għal kumpens li, taħt il-ftehimiet jew bil-liġi, il-ħaddiema jistgħu jitolbu mingħand il-persuna li timpjega fil-każ tat-tmiem tal-kuntratti ta’ xogħol tagħhom. F’dan is-sens ukoll diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja (33).

44.      Għaldaqstant, każ bħal dak inkwistjoni, fejn qiegħed jiġi kkontestat proprju tali kumpens, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas.

45.      Madankollu, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni skont il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas jista’ jkun ta’ rilevanza biss għall-kumpens inkwistjoni sa fejn huwa kkonċernat paragun bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, ma għandu l-ebda importanza l-fatt li l-ħaddiema għal żmien determinat bejniethomstess ukoll huma suġġetti għal differenza fit-trattament fir-rigward tal-kumpens kontenzjuż, proprju skont jekk ir-relazzjoni tax-xogħol tagħhom tkunx ġiet xolta għal raġuni oġġettiva permezz ta’ terminazzjoni mill-persuna li timpjega jew jekk sempliċement minħabba l-iskadenza tat-terminu kuntrattwali miftiehem, minħabba li jkun twettaq il-kompitu miftiehem jew għax jidħol fis-seħħ l-avveniment miftiehem. Dan għaliex id-differenzi eventwali fit-trattament bejn il-kategoriji differenti ta’ ħaddiema għal żmien determinat ma humiex koperti mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni skont il-Ftehim qafas (34).

3.      L-eżami tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat u ta’ ħaddiema permanenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-kumpens f’każ ta’ tmiem tal-kuntratt

46.      Jonqos li tiġi eżaminata l-problema ċentrali ta’ din il-kawża, jekk ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat jinsabux f’sitwazzjonijiet paragunabbli (35). Dan għaliex, kif diġà jirriżulta mill-formulazzjoni tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, id-dritt tal-Unjoni jipprojbixxi d-diskriminazzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat meta pparagunati ma’ ħaddiema għal żmien indeterminat, iżda ma jipprovdi l-ebda ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat li ma humiex paragunabbli ma’ xulxin (36). Għalhekk, il-modalitajiet differenti tal-kumpens legali, kif huwa kontenzjuż fil-kawża prinċipali, jistgħu jikkostitwixxu biss diskriminazzjoni kontra ħaddiema għal żmien determinat f’każ ta’ sitwazzjonijiet ta’ natura paragunabbli.

47.      Skont id-definizzjoni tal-kunċett “ħaddiem kumparabbli permanenti” fl-ewwel subparagrafu tal-klawżola 3(2) tal-Ftehim qafas, il-punt tat-tluq tal-kunsiderazzjonijiet dwar in-natura paragunabbli bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat, li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju (37), huwa jekk dawn humiex it-tnejn attivi fl-istess xogħol/impjieg jew dak simili fl-istabbiliment rispettiv. Dan għandu jiġi ċċarat fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħan-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tat-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol (38).

48.      F’dan il-każ ma huwiex ikkontestat li, fir-rigward tal-ħidma li għandha titwettaq konkretament, partikolarment in-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tat-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-ħaddiem għal żmien determinat jinsab fl-istess sitwazzjoni ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat fl-istess stabbiliment. Fil-fatt, bħala assistent tat-tindif A. M. Moreira Gómez kien iwettaq ħidma identika għal dik ta’ ommu M. Gómez Piñón, li magħha kien jaqsam l-istess post tax-xogħol fi proporzjon ta’ 75 % għal 25 % meta din telqet bi rtirar parzjali. Il-qorti nazzjonali tassumi korrettament din il-premessa fid-digriet tar-rinviju tagħha.

49.      Madankollu, ikun prematur li f’każ bħal dak ineżami jiġi konkluż, billi jsir riferiment biss għall-attività mwettqa minnhom u għall-identiċità tal-post tax-xogħol fejn jaqdu dmirijiethom, li ż-żewġ ħaddiema għalkollox jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli minn kull aspett u li, għaldaqstant, il-ħaddiem għal żmien temporanju huwa suġġett għal diskriminazzjoni meta jkun suġġett għal regolamenti legali inqas favorevoli fir-rigward tal-kumpens f’każ ta’ tmiem tal-kuntratt. Fil-fatt, il-punt deċiżiv huwa jekk il-ħaddiem għal żmien determinat u l-ħaddiem għal żmien indeterminat jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli anki u proprju fir-rigward tal-kumpens kontenzjuż, u speċifikament fir-rigward tal-avveniment li jwassal għal tali kumpens.

50.      Fl-aħħar mill-aħħar, fl-evalwazzjoni ta’ din il-kwistjoni għandhom japplikaw l-istess kriterji li japplikaw anki s-soltu fi kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni (39). Dan għaliex il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif stipulat fil-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, ma huwa xejn għajr espressjoni speċjali tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni (40).

51.      Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u, għalhekk, in-natura paragunabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu dan l-att (41).

52.      Għaldaqstant, il-kriterji għall-paragun tad-diversi benefiċċji tal-persuna li timpjega, li għalihom għandhom dritt, taħt kuntratt ta’ xogħol jew bil-liġi, il-ħaddiema għal żmien determinat, minn naħa, u l-ħaddiema permanenti min-naħa l-oħra, neċessarjament jinkludu wkoll is-sitwazzjoni fattwali u legali li fiha għandhom jintalbu l-benefiċċji rispettivi tal-persuna li timpjega (42).

53.      Dan il-każ jagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistħarreġ iktar fid-dettall speċifikament dan l-aspett, li fil-fehma tiegħi ma tteħidx inkunsiderazzjoni biżżejjed fis-sentenza de Diego Porras (43) u sabiex tirrevedi l-ġurisprudenza tagħha dwar dan il-punt.

54.      Mingħajr dubju jeżistu diversi benefiċċji finanzjarji u soċjali tal-persuna li timpjega li, skont is-suġġett u l-iskop tagħhom, huma intitolati għalihom bl-istess mod kemm il-ħaddiema għal żmien determinat kif ukoll dawk permanenti. Fl-ewwel lok, fost dawn ċertament hemm ir-remunerazzjoni, iżda possibbilment ukoll allowances għal-lealtà lejn l-istabbiliment u vantaġġi soċjali bħal, pereżempju, sussidji għall-ikel u għat-trasport kif ukoll l-aċċess għall-faċilitajiet sportivi tal-istabbiliment u għall-faċilitajiet sabiex jittieħed ħsieb tat-tfal. Dan għaliex dawn iservu sabiex jonoraw ix-xogħol imwettaq għall-istabbiliment jew sabiex jippromwovu l-integrazzjoni fil-ħajja tax-xogħol filwaqt li, skont il-każ, jista’ japplika l-prinċipju ta’ pro rata temporis (klawżola 4(2) tal-Ftehim qafas) (44).

55.      Madankollu, bla ħsara għal eżami mill-qorti tar-rinviju, il-kumpens kontenzjuż ma jikkonċernax tali benefiċċju. Dan għaliex, milli jidher, skont is-suġġett u l-iskop tiegħu, il-kumpens dovut minn persuna li timpjega Spanjola taħt ċerti ċirkustanzi skont l-Istatut tal-Ħaddiema għat-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol, ma huwiex allowance għal-lealtà lejn l-istabbiliment iżda kumpens għall-fatt li l-ħaddiem qed jitlef il-post tax-xogħol tiegħu.

56.      Kuntrarjament għal dak li jidher prima facie, jekk wieħed jibbaża fuq dan is-suġġett u l-iskop tal-kumpens, il-ħaddiema għal żmien determinat minn naħa waħda u l-ħaddiema għal żmien indeterminat min-naħa l-oħra ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli. Dan bl-ebda mod ma huwa dovut biss għan-natura temporanja tal-impjieg għal żmien determinat, li fiha nnifisha u meta kkunsidrata b’mod astratt ma tistax tkun karatteristika distintiva (45), iżda konkretament għal prevedibbiltà differenzjata tat-telf tal-post tax-xogħol li tista’ ġġib magħha talbiet għal kumpens f’dimensjonijiet differenti.

57.      Huwa evidenti li t-telf tal-post tax-xogħol, fi kwalunkwe każ, kemm għal ħaddiem għal żmien determinat kif ukoll għal ħaddiem permanenti, jikkostitwixxi avveniment spjaċevoli ħafna u saħansitra drastiku, li ta’ spiss iwassal għal diffikultajiet personali u soċjali kunsiderevoli.

58.      Madankollu, fir-rigward tal-ħaddiem għal żmien determinat, it-telf tal-post tax-xogħol tiegħu malli jasal fi tmiemu t-terminu tal-kuntratt miftiehem, malli jitwettaq il-kompitu miftiehem jew malli jidħol fis-seħħ l-avveniment miftiehem, għandu jkun mistenni mill-bidu nett u bl-ebda mod ma jista’ jitqies sorprendenti. Il-ħaddiem innifsu jkun ġie involut fil-ftehim kuntrattwali, li qabel jew wara inevitabbilment ser iwassal għall-iskadenza tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, anki jekk possibbilment jaf ikollu l-isperanza li f’data sussegwenti ser jiġi ngaġġat mill-persuna li timpjegah f’relazzjoni tax-xogħol għal żmien indeterminat. Fil-każ ineżami, it-tmiem tat-tul ta’ żmien tal-kuntratt ta’ xogħol saħansitra kien marbut ma’ data speċifika tal-kalendarju – il-ġurnata li fiha l-ħaddiema li diġà kienet telqet bi rtirar parzjali kellha tirtira mill-impjieg tagħha – u għaldaqstant dan kien prevedibbli b’mod partikolarment ċar.

59.      Bil-kontra ta’ dan, it-tmiem (prematur) mill-persuna li timpjega ta’ relazzjoni tax-xogħol għal żmien determinat jew għal żmien indeterminat permezz ta’ xoljiment minħabba raġuni oġġettiva (pereżempju diffikultajiet ekonomiċi tal-persuna li timpjega li jrendu inevitabbli tnaqqis fl-ammont ta’ persunal) normalment ma huwiex avveniment li l-ħaddiem jista’ jipprevedi b’mod konkret.

60.      Barra minn hekk, f’każ ta’ xoljiment minħabba raġuni oġġettiva, il-kumpens previst mil-liġi huwa intiż, fost l-oħrajn, sabiex jinħoloq kumpens għall-aspettazzjonijiet iffrustrati tal-ħaddiem fir-rigward tat-tkomplija tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu li fir-realtà kellha tkompli. Bil-kontra ta’ dan, ma jeżistux tali aspettazzjonijiet iffrustrati f’każ ta’ sempliċi skadenza ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat malli jgħaddi t-terminu miftiehem, malli jitwettaq l-kompitu miftiehem jew malli jidħol fis-seħħ l-avveniment miftiehem.

61.      Xorta waħda, mill-bidu nett ma jistgħux jiġu kkunsidrati aspettattivi ffrustrati meta l-impjieg ta’ ħaddiem, bħal fil-każ ineżami, kien ibbażat fuq kuntratt ta’ sostituzzjoni wieħed biss għal żmien determinat, li, barra minn hekk, it-tul tiegħu kien jikkonsisti f’inqas minn tliet snin (46). Skont l-informazzjoni tal-qorti tar-rinviju, A. M. Moreira Gómez lanqas ma seta’ jirreferi xi tip ta’ prassi tal-istabbiliment li setgħet twassal sabiex ikollu d-dritt għal ingaġġ f’relazzjoni tax-xogħol għal żmien indeterminat wara l-iskadenza tal-kuntratt ta’ sostituzzjoni.

62.      Jekk l-Istati Membri jiġu pprojbiti milli jfasslu b’mod differenzjat id-dritt industrijali tagħhom b’rabta mad-differenzi u mal-interessi msemmijin, id-distinzjoni bejn kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat u dawk għal żmien indeterminat tkun qiegħda tiġi ppreġudikata. Iżda, kif tosserva korrettament il-Kummissjoni, din id-distinzjoni tikkorrispondi mal-valuri tal-leġiżlatur tal-Unjoni u tal-imsieħba soċjali Ewropej, skont liema l-impjieg għal żmien determinat ma għandux per se jitqies bħala tabù jew saħansitra illegali. Pjuttost, il-Ftehim qafas huwa bbażat fuq il-ħsieb li kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat “huma fattur ta’ l-impjieg f’ċerti setturi, xogħlijiet u attivitajiet li jistgħu ikunu addattati kemm għal min jimpjega kif ukoll għall-ħaddiema” (47). Dan jirrappreżenta wkoll “kontribuzzjoni oħra lejn bilanċ aħjar bejn ‘flessibiltà fil-ħin tax-xogħol u sigurtà għall- ħaddiema’” (48).

4.      Konklużjoni provviżorja

63.      Għalhekk, bħala konklużjoni, dwar l-interpretazzjoni tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas nista’ nikkonstata li ma hemmx diskriminazzjoni kontra ħaddiema għal żmien determinat meta, sa fejn il-kuntratt ta’ xogħol tagħhom jiskadi minħabba l-iskadenza tat-terminu kuntrattwali miftiehem, minħabba li jkun twettaq il-kompitu miftiehem jew għax jidħol fis-seħħ l-avveniment miftiehem, ,huma jkunu intitolati għal kumpens iktar baxx jew għal ebda kumpens meta pparagunati ma’ ħaddiema li l-kuntratti ta’ xogħol tagħhom, kemm jekk għal żmien determinat jew għal żmien indeterminat, jintemmu minħabba raġuni oġġettiva permezz ta’ xoljiment mill-persuna li timpjega.

B.      Il-ġustifikazzjonijiet possibbli għal inugwaljanza fit-trattament (it-tieni domanda)

64.      It-tieni domanda tikkonċerna l-kunċett tar-raġunijiet oġġettivi, li skont il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas jistgħu jiġġustifikaw trattament differenti bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli. Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk id-differenzi fit-talbiet għal kumpens ta’ ħaddiema għal żmien determinat u ta’ ħaddiema għal żmien indeterminat jistgħux jiġu ġġustifikati minħabba raġunijiet oġġettivi, meta wieħed jikkunsidra li kull persuna li timpjega tista’ tiddeċiedi liberament jekk tikkonkludix għal żmien determinat jew għal żmien indeterminat il-kuntratt ta’ sostituzzjoni biex ikun ikkumpensat tnaqqis fil-produttività ta’ ħaddiem li jkun telaq bi rtirar parzjali.

65.      Din il-kwistjoni tqum biss jekk, qabelxejn, il-ħaddiem għal żmien determinat u l-ħaddiem għal żmien indeterminat ikunu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-kumpens legali għat-telf tal-post tax-xogħol tagħhom. Peress li diġà qiegħda nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-ewwel domanda, sabiex tiċħad tali paragunabbiltà u għaldaqstant ma tassumi l-ebda diskriminazzjoni, ser nindirizza din it-tieni domanda sussidjarjament biss.

66.      Permezz tar-riferiment għal raġunijiet oġġettivi, kif inkluż inter alia fil-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, l-imsieħba soċjali Ewropej, u fl-aħħar mill-aħħar anki l-leġiżlatur tal-Unjoni, qegħdin jesprimu l-kunċett fundamentali li relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat ma jistgħux jintużaw minn persuni li jimpjegaw sabiex il-ħaddiema inkwistjoni ma jkollhomx aċċess għal drittijiet li huma rikonoxxuti lill-ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli (49).

67.      Fi kliem sempliċi, il-ġurisprudenza dwar il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas (50) tirrikonoxxi, bħala raġunijiet oġġettivi għal differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli, kemm il-kompiti li għandhom jitwettqu mill-ħaddiema kif ukoll l-għanijiet soċjopolitiċi leġittimi tal-Istat Membru inkwistjoni. Barra minn hekk, anki jekk ikunu mogħtija raġunijiet oġġettivi, id-differenza fit-trattament hija ġustifikabbli biss jekk torbot ma’ ċirkustanzi konkreti ddefiniti b’mod preċiż u sakemm jitħares il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

68.      F’każ bħal dak ineżami, huwa ovvju li il-modalitajiet differenti tat-talbiet statutorji għal kumpens ta’ ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat ma jistgħux jiġu spjegati bil-kompiti li għandhom jitwettqu minnhom rispettivament (f’każ ta’ kuntratt ta’ sostituzzjoni dawn huma identiċi), u li dan huwa bbażat fuq kunsiderazzjonijiet soċjopolitiċi. Milli jidher, il-punt determinanti għal-leġiżlatur Spanjol kien, minn naħa waħda, il-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tal-persuni li qed ifittxu impjieg fis-suq tax-xogħol bil-konsegwenza li jintlaħaq livell kemm jista’ jkun għoli ta’ impjiegi u, min-naħa l-oħra, li l-finanzjament tal-iskemi Spanjoli tas-sigurtà soċjali jkun ibbażat fuq sisien iktar sodi. Dawn huma ċertament għanijiet soċjopolitiċi leġittimi.

69.      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju iktar tiddubita l-adegwatezza u l-ħtieġa ta’ skema ta’ kumpens differenzjata sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet milli l-leġittimità tal-għanijiet soċjopolitiċi mfittxin mil-leġiżlatur Spanjol. Din issostni li d-dubju tagħha ġej miċ-ċirkustanza li l-persuni li jimpjegaw Spanjoli jistgħu jiddeċiedu liberament jekk, f’każ ta’ tluq bi rtirar parzjali, ifasslux il-kuntratt ta’ sostituzzjoni, għall-ħaddiem li għandu jiġi ngaġġat ġdid, għal żmien determinat jew għal żmien indeterminat.

70.      Prima facie tassew jidher li fir-rigward ta’ dan il-punt il-leġiżlatur Spanjol ma laħaqx l-għanijiet soċjopolitiċi tiegħu b’mod koerenti u sistematiku (51): jekk biex jintlaħqu dawn l-għanijiet jistgħu jiġu konklużi wkoll kuntratti ta’ sostituzzjoni għal żmien indeterminat, għalfejn għandhom jiġu żvantaġġati, fir-rigward tat-talbiet statutorji għal kumpens, ċerti ħaddiema li jkunu ġew offruti biss kuntratti ta’ sostituzzjoni għal żmien determinat?

71.      Għandu jitfakkar ukoll li jrendi l-istrument tal-kuntratt ta’ sostituzzjoni ferm inqas attraenti, u b’hekk ikun jista’ jikkontribwixxi ħafna inqas għat-twettiq tal-għanijiet soċjopolitiċi segwiti, jekk il-leġiżlatur ma joffrix lill-persuni li jimpjegaw ukoll il-possibbiltà ta’ kuntratt ta’ sostituzzjoni għal żmien determinat b’konsegwenzi finanzjarji inqas wiesgħin għalihom.

72.      Jaf huwa minnu li wħud mill-persuni li jimpjegaw jagħmlu użu, b’mod abbużiv, mill-possibbiltà ta’ kuntratt ta’ sostituzzjoni għal żmien determinat meta jridu jissodisfaw bżonnijiet permanenti u fit-tul u għaldaqstant fil-verità suppost jikkonkludu kuntratt għal żmien indeterminat (52). Madankollu, ma hemm ebda indikazzjonijiet dwar dan fil-kawża preżenti.

73.      Il-ġlieda kontra abbuż eventwali, li ċertament tirrappreżenta kwistjoni importanti għal-leġiżlatur tal-Unjoni u għall-imsieħba soċjali Ewropej, xorta waħda hija suġġett ta’ dispożizzjoni awtonoma fil-klawżola 5 tal-Ftehim qafas. Barra minn hekk, din iċ-ċirkustanza waħedha tfisser biss li l-possibbiltà tal-limitazzjoni ta’ żmien fir-rigward ta’ kuntratti ta’ sostituzzjoni possibbilment tista’ tiġi abbużata minn ċerti persuni li jimpjegaw, u mhux li qiegħda ssir diskriminazzjoni kontra kull ħaddiem impjegat f’kuntratt ta’ sostituzzjoni għal żmien determinat, f’relazzjoni mal-kundizzjonijiet ta’ impjieg tiegħu, meta mqabbel ma’ ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli. Kif tosserva korrettament il-Kummissjoni, ma għandhiex issir vaga d-differenza bejn il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni skont il-klawżola 4(1) u l-ġlieda kontra l-abbuż skont il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas.

74.      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda, sa fejn din tkun rilevanti, għandha tkun affermattiva.

C.      Il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fit-trattament (it-tielet domanda)

75.      Abbażi tas-sistema tat-talba għal deċiżjoni preliminari, it-tielet u l-aħħar domanda tal-qorti tar-rinviju saret biss fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun waħda affermattiva u dik għat-tieni waħda negattiva. Skont l-argument preċedenti tiegħi dan ma huwiex il-każ. Għaldaqstant, it-tielet domanda, l-istess bħat-tieni waħda, ser inkun qed nittrattaha biss sussidjarjament.

76.      B’din id-domanda l-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk huwiex prekluż mill-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, li l-ammont tal-kumpens li għandu jitħallas mill-persuna li timpjega skont id-dritt Spanjol fit-tmiem ta’ kuntratt ta’ xogħol ikun differenti, skont jekk dan it-tmiem huwiex ibbażat fuq xoljiment minħabba raġuni oġġettiva jew jekk huwiex dovut għall-iskadenza ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat.

1.      L-ammissibbiltà tat-tielet domanda

77.      Fir-rigward tat-tielet domanda, Grupo Norte Facility mill-ġdid tippreżenta eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u tikkritika lill-qorti tar-rinviju li bid-domanda tagħha din trid tikseb pariri konsultattivi dwar problemi ġenerali u ipotetiċi (53). Grupo Norte Facility essenzjalment tilmenta li l-qorti nazzjonali, bid-domanda tagħha, qiegħed timmira, ġeneralment għall-aħħar, lejn paragun bejn is-sitwazzjonijiet irregolati fl-Artikolu 49(1)(c) kif ukoll fl-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema u mhux lejn każ individwali konkret.

78.      Kif diġà pproponejt fil-kuntest tal-ewwel domanda (54), dan l-ilment ma huwiex fondat. Għandu jiġi nnotat ukoll li r-rabta tat-tielet domanda ma’ każ individwali konkret, mal-każ ta’ A. M. Moreira Gómez, ċertament tirriżulta mill-kuntest globali tat-talba għal deċiżjoni preliminari, anki jekk skont il-kliem tagħha d-domanda fiha nnifisha jaf qed tirreferi biss għaż-żewġ dispożizzjonijiet tal-liġi Spanjola kontenzjużi.

79.      Barra minn hekk, x’aktarx li l-qorti nazzjonali, fil-formulazzjoni komparattivament ġenerali tat-tielet domanda, kienet konxja tal-fatt li, fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti għall-applikazzjoni tad-dritt għall-każ individwali iżda tista’ tipprovdi biss informazzjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni rilevanti. Min għamel ir-rinviju preliminari ma għandux jiġi kkritikat talli ħa din iċ-ċirkustanza inkunsiderazzjoni (55).

80.      Għalhekk, bħala konklużjoni, ma hemmx dubju dwar l-ammissibbiltà tat-tielet domanda.

2.      Evalwazzjoni fil-fond tat-tielet domanda

81.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament skont id-dritt tal-Unjoni, li fil-frattemp ġie stabbilit ukoll fl-Artikolu 20 u fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprovdi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (56).

82.      Il-kwistjoni kontroversjali dwar jekk dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt jew id-dispożizzjonijiet imsemmija tal-Karta għandhomx effetti diretti (57) f’kawża bejn ħaddiem u l-persuna privata li timpjegah, jiġifieri f’relazzjoni legali orizzontali, ma hijiex ta’ rilevanza fil-każ ineżami. Dan għaliex, mil-lat sostantiv, il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament skont id-dritt tal-Unjoni hawnhekk ma jistax iwassal għal eżitu differenti mill-prinċipju partikolari ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas (ara wkoll l-Artikolu 52(2) tal-Karta).

83.      Iżda kif diġà nnotajt fil-kuntest tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, it-tmiem ta’ kuntratt ta’ xogħol, kemm jekk għal żmien determinat kif ukoll jekk għal żmien indeterminat, permezz ta’ xoljiment mill-persuna li timpjega minħabba raġuni oġġettiva jirrigwarda proċess li ma huwiex paragunabbli, fir-rigward tal-prevedibbiltà, minħabba s-sempliċi skadenza ta’ kuntratt ta’ xogħol minħabba l-iskadenza tat-terminu kuntrattwali miftiehem, minħabba li jkun twettaq il-kompitu miftiehem jew għax jidħol fis-seħħ l-avveniment miftiehem (58).

84.      Konsegwentement, lanqas il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament jew l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta ma jistgħu jeżiġu li d-dritt legali tal-ħaddiema ikkonċernat għal kumpens ikun l-istess fiż-żewġ każijiet. Għalhekk, it-tielet domanda, sa fejn din tkun rilevanti, ikollha titwieġeb fin-negattiv.

VI.    Konklużjoni

85.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta segwenti għat-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il‑Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia):

Il‑klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas li huwa anness mad-Direttiva 1999/70/KE għandha tiġi interpretata li ma hemmx diskriminazzjoni kontra ħaddiema impjegati għal żmien determinat meta, sa fejn il-kuntratt ta’ xogħol tagħhom jiskadi minħabba l-iskadenza tat-terminu kuntrattwali miftiehem, minħabba li jkun twettaq il-kompitu miftiehem jew għax jidħol fis-seħħ l-avveniment miftiehem, huma jkunu intitolati għal kumpens iktar baxx jew għal ebda kumpens meta pparagunati ma’ ħaddiema li l-kuntratti ta’ xogħol tagħhom, kemm jekk għal żmien determinat jew għal żmien indeterminat, jintemmu minħabba raġuni oġġettiva permezz ta’ xoljiment mill-persuna li timpjega.


1      Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.


2      Bl-Ispanjol: contrato de relevo.


3      Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016 (C‑596/14, EU:C:2016:683).


4      Il-kawża Montero Mateos sempliċement tikkonċerna tip ta’ kuntratt differenti tad-dritt industrijali Spanjol, speċifikament il-kuntratt ta’ xogħol ta’ tranżizzjoni (“contrato de trabajo de interinidad”).


5      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.


6      Premessa 14 tad-Direttiva 1999/70.


7      It-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas.


8      It-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas; ara wkoll il-punt 6 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu.


9      Punt 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas; ara wkoll it-tieni paragrafu tal-preambolu tiegħu.


10      L-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas; ara wkoll il-punti 3 u 5 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu.


11      Texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores, aprobado por el Real Decreto Legislativo 1/1995 (test imfassal mill-ġdid tal-liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema, approvat bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/1995), tal-24 ta’ Marzu 1995 (BOE no75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654).


12      Illum, l-istess regola hija stabbilita fit-tmien dispożizzjoni tranżitorja.


13      Li qabel kienet Limpiezas Pisuerga Grupo Norte Limpisa S.A.


14      Tribunal Industrijali Nru 2 ta’ Pontevedra.


15      Agencia Madrileña de Atención Social de la Consejería de Políticas Sociales y Familia de la Comunidad Autónoma de Madrid (il-konvenuta tal-kawża prinċipali fil-Kawża C‑677/16).


16      Kif diġà semmejt iktar ’il fuq, il-kuntratt ta’ xogħol ta’ tranżizzjoni għal żmien determinat huwa rilevanti wkoll fil-kawża parallela Montero Mateos (C‑677/16).


17      Ara, inter alia, is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group (C‑384/08, EU:C:2010:133, punt 16), u tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 81).


18      B’mod marġinali biss ninnota li ma jidher li hemm l-ebda nuqqas ta’ qbil fost il-partijiet dwar kif għandhom jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt industrijali Spanjol.


19      L-isforzi tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tipprovdi informazzjoni rilevanti lill-qrati nazzjonali dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huma konformi mal-ġurisprudenza stabbilita; ara, inter alia, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C‑380/05, EU:C:2008:59, punti 49 sa 51); tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group (C‑384/08, EU:C:2010:133, punti 17 u 19); tat-13 ta’ Lulju 2017, Kleinsteuber (C‑354/16, EU:C:2017:539, punt 61) u tas-26 ta’ Lulju 2017, Europa Way u Persidera (C‑560/15, EU:C:2017:593, punti 35 u 36).


20      Bl-Ispanjol “condiciones de trabajo”.


21      Bl-Ispanjol “condiciones de empleo”.


22      Sentenzi tal-10 ta’ Ġunju 2010, Bruno u Pettini (C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punti 45 u 46); tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 35); tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 25); u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C‑596/14, EU:C:2016:683, punt 28).


23      Pereżempju, fil-verżjoni lingwistika Ġermaniża tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas ma jissemmewx kundizzjonijiet tax-xogħol (Arbeitsbedingungen) iżda kundizzjonijiet ta’ impjieg (Beschäftigungsbedingungen). L-istess jgħodd għall-verżjoni lingwistika Franċiża (conditions d’emploi), dik Taljana (condizioni di impiego), dik Portugiża (condições de emprego) u dik Ingliża (employment conditions).


24      Klawżola 1(a) tal-Ftehim qafas u l-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70.


25      It-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas.


26      Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punti 27 u 38); b’mod simili s-sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 114), u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 24).


27      Sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 38 flimkien mal-punt 37); tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 114); u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 24).


28      Fl-istess sens is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Bruno u Pettini (C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punti 45 u 46).


29      Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).


30      Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23).


31      Ara, inter alia, is-sentenzi tas-16 ta’ Frar 1982, Burton (19/81, EU:C:1982:58, punt 9), tat-8 ta’ Ġunju 2004, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑220/02, EU:C:2004:334, punt 36), u tat-12 ta’ Ottubru 2010, Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600, punt 21).


32      Fl-istess sens is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 28).


33      Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C‑596/14, EU:C:2016:683, punti 31 u 32); b’mod simili s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C‑361/12, EU:C:2013:830, punti 35 sa 37, ukoll dwar sistemi ta’ kumpens), u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punti 27 sa 29 dwar it-terminu ta’ xoljiment).


34      Digriet tal-11 ta’ Novembru 2010, Vino (C‑20/10, EU:C:2010:677, punt 57).


35      Hekk ukoll is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 43); tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 30); u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C‑596/14, EU:C:2016:683, punti 39 u 40).


36      Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 42) u d-digriet tat-30 ta’ April 2014, D’Aniello et (C‑89/13, EU:C:2014:299, punt 28); b’mod simili wkoll is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et (C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 48) kif ukoll l-idea li kienet tidher fis-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C‑596/14, EU:C:2016:683, punti 39 u 40).


37      Sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza (C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 43); tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 32); u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C‑596/14, EU:C:2016:683, punt 42).


38      Sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 66); u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 31); kif ukoll id-digrieti tat-18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina (C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 37); u tad-9 ta’ Frar 2017, Rodrigo Sanz (C‑443/16, EU:C:2017:109, punt 38); bl-istess sens is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 1995, Royal Copenhagen (C‑400/93, EU:C:1995:155, punt 33).


39      Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Pillbox 38 (C‑477/14, EU:C:2015:854, punt 38), Pilkington Group et vs Il‑Kummissjoni (C‑101/15 P, EU:C:2016:258, punt 66) u Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:386, punt 47), fejn kull darba osservajt li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax jiġi interpretat u applikat b’mod differenti skont il-qasam legali.


40      Ara, f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 65), fejn il-ġurisprudenza stabbilita dwar il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni hija applikata għall-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas.


41      Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 26); tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 167); u tas-26 ta’ Lulju 2017, Persidera (C‑112/16, EU:C:2017:597, punt 46).


42      F’dan is-sens is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C‑361/12, EU:C:2013:830, punti 44 u 45).


43      Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C‑596/14, EU:C:2016:683, partikolarment il-punti 40 sa 44 u 51).


44      Barra minn hekk, l-użu ta’ ċerti benefiċċji tal-persuna li timpjega jista’ jkun suġġett għal perijodu minimu ta’ servizz lejn il-kumpannija, sa fejn dan il-prerekwiżit jiġi stabbilit abbażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti u ma jkunx intiż sabiex jeskludi b’mod speċifiku l-ħaddiema għal żmien determinat.


45      Skont il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, ħaddiema għal żmien determinat ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli biss minħabba li jaħdmu għal żmien determinat jew huma għandhom kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat; ara wkoll is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punti 56 u 57); tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza (C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 52); u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punti 37 u 38).


46      Fil-kawża Montero Mateos (C‑677/16) eżaminata parallellament kien ikkonċernat kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, b’tul kumulattiv ta’ disa’ snin u sitt xhur. Madankollu, kif ser nosserva fil-konklużjonijiet tiegħi tal-lum fl-imsemmija kawża, l-evalwazzjoni legali fiż-żewġ każijiet għandha tkun l-istess.


47      Punt 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas; ara wkoll it-tieni paragrafu tal-preambolu tiegħu.


48      L-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas; ara wkoll il-punti 3 u 5 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu.


49      Sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 37); tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 41); u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 23).


50      Sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punti 53 u 58); tat-22 ta’ April 2010, Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols (C‑486/08, EU:C:2010:215, punt 42); tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 55); tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza (C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 51); u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C‑596/14, EU:C:2016:683, punt 45).


51      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis ir-rekwiżit tat-twettiq koerenti u sistematiku tal-għanijiet imfittxin bħala riżultat tal-prinċipju ta’ proporzjonalità; ara s-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 55); tas-17 ta’ Novembru 2009, Presidente del Consiglio dei Ministri (C‑169/08, EU:C:2009:709, punt 42); u tat-13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl (C‑187/15, EU:C:2016:550, punt 33). Kif diġà spjegajt preċedentement, din il-ġurisprudenza stabbilita fir-rigward tal-libertajiet fundamentali hija trasponibbli wkoll għad-dritt sekondarju (ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Persidera, C‑112/16, EU:C:2017:250, punt 66 man-nota ta’ qiegħ il-paġna 46 u Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑187/16, EU:C:2017:578, punt 71).


52      Ara, fundamentalment, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et (C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, partikolarment il-punti 103, 106 u 107).


53      Hawnhekk Grupo Norte Facility qiegħda tirreferi għall-ġurisprudenza stabbilita, skont liema l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ma għandhiex is-setgħa li tissottometti pariri konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (ara, pereżempju, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 60, tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 42, u tat-13 ta’ Lulju 2017, Kleinsteuber, C‑354/16, EU:C:2017:539, punt 61).


54      Ara, iktar ’il fuq, punti 32 sa 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55      Ara b’mod simili s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 24).


56      Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 23); tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 55); u tas-26 ta’ Lulju 2017, Persidera (C‑112/16, EU:C:2017:597, punt 46).


57      Din il-problema ġiet diskussa partikolarment b’riferiment għas-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709) u tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21). Ara, barra minn hekk, minn żmien reċenti, is-sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33); tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2); u tad-19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278).


58      Ara, iktar ’il fuq, punti 46 sa 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.