Language of document : ECLI:EU:C:2021:949

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

23 ta’ Novembru 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2010/64/UE – Artikolu 5 – Kwalità tal-interpretazzjoni u tat‑traduzzjoni – Direttiva 2012/13/UE – Dritt għall-informazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Artikoli 4(5) u 6(1) – Dritt li wieħed jiġi informat dwar l‑akkuża miġjuba kontrih – Dritt għall-interpretazzjoni u għat‑traduzzjoni – Direttiva 2016/343/UE – Dritt għal rimedju effettiv u għal qorti imparzjali – Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 267 TFUE – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Ammissibbiltà – Appell fl-interess tal-liġi kontra deċiżjoni li tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura dixxiplinari – Setgħa tal-qorti superjuri li tiddikjara illegali t-talba għal deċiżjoni preliminari”

Fil-Kawża C‑564/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Pesti Központi Kerületi Bíróság (il-Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Pest, L-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Lulju 2019, kompluta b’deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura kriminali kontra

IS,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, S. Rodin u I. Jarukaitis (Relatur), Presidenti ta’ Awla, J.‑C. Bonichot, P. G. Xuereb, N. Piçarra, L. S. Rossi u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Jannar 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal IS, minn A. Pintér u B. Csire, ügyvédek,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u R. Kissné Berta, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, P. Huurnink u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, inizjalment minn H. Eklinder, C. Meyer‑Seitz, H. Shev, J. Lundberg u A. Falk, sussegwentement minn O. Simonsson, H. Eklinder, C. Meyer‑Seitz, H. Shev, J. Lundberg, M. Salborn Hodgson, A. M. Runeskjöld u R. Shahsavan Eriksson, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn A. Tokár, H. Krämer u R. Troosters, sussegwentement minn A. Tokár, M. Wasmeier u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-15 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU 2010, L 280, p. 1), tal-Artikolu 4(5) u tal‑Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1), tal-Artikolu 6(1) u tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE, tal‑Artikolu 267 TFUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mibdija kontra IS, ċittadin Svediż ta’ oriġini Torka, għal ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ungeriż li jirregolaw l-akkwist jew it-trasport ta’ armi tan-nar jew ta’ munizzjon.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2010/64

3        Il-premessi 5, 12 u 24 tad-Direttiva 2010/64 jipprovdu:

“(5)      L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali[, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950,] u l-Artikolu 47 tal-[Karta] jistabbilixxu d-dritt għal proċess ġust. L-Artikolu 48(2) tal-Karta jiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tad-difiża. Din id-Direttiva tirrispetta dawk id-drittijiet u għandha tiġi implimentata kif meħtieġ.

[…]

(12)      Din id-Direttiva […] tistabbilixxi standards minimi komuni li għandhom jiġu applikati fl-oqsma tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni fil-proċedimenti kriminali bil-għan li tittejjeb il-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri.

[…]

(24)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġi eżerċitat kontroll fuq l-adegwatezza tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni pprovduti meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu ġew avżati b’każ partikolari.”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt għall-interpretazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni suspettati jew akkużati li ma jifhmux jew ma jitkellmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali kkonċernati, jiġu pprovduti b’interpretazzjoni mingħajr dewmien matul proċedimenti kriminali quddiem l-awtoritajiet investigattivi u ġudizzjarji, inkluż waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija, is-seduti tal-qorti kollha u kwalunkwe seduti interim meħtieġa.

[…]

5.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont proċeduri fil-liġi nazzjonali, il-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jikkontestaw deċiżjoni li tikkonkludi li m’hemmx il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni u, meta tiġi provduta l-interpretazzjoni, il-possibbiltà li jilmentaw li l-kwalità tal-interpretazzjoni mhix suffiċjenti biex tissalvagwardja l-ġustizzja tal-proċedimenti.

[…]

9.      It-traduzzjoni provduta skont dan l-Artikolu għandha tkun ta’ kwalità suffiċjenti biex tissalvagwardja l-ġustizzja tal-proċedimenti, b’mod partikolari billi tiżgura li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom l-għarfien tal-każ kontrihom u jkunu kapaċi jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt għat-traduzzjoni ta’ dokumenti essenzjali”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, persuni suspettati jew akkużati li ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali kkonċernati jiġu, f’perijodu raġonevoli ta’ żmien, pprovduti bi traduzzjoni bil-miktub tad-dokumenti kollha li huma essenzjali biex ikun żgurat li dawn ikunu kapaċi jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom u biex tkun salvagwardjata l-ġustizzja tal-proċedimenti.

2.      Id-dokumenti essenzjali għandhom jinkludu kwalunkwe deċiżjoni li jċaħħdu lil persuna mil-libertà tagħha, kwalunkwe imputazzjoni jew akkuża, u kwalunkwe sentenza.

[…]

5.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont proċeduri fil-liġi nazzjonali, il-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jikkontestaw deċiżjoni li tikkonkludi li m’hemmx il-ħtieġa tat-traduzzjoni ta’ dokumenti jew partijiet minnhom u, meta tiġi provduta traduzzjoni, il-possibbiltà li jilmentaw li l-kwalità tad-traduzzjoni mhix suffiċjenti biex tissalvagwardja l-ġustizzja tal-proċedimenti.

[…]

9.      It-traduzzjoni provduta skont dan l-Artikolu għandha tkun ta’ kwalità suffiċjenti biex tissalvagwardja l-ġustizzja tal-proċedimenti, b’mod partikolari billi tiżgura li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom l-għarfien tal-każ kontrihom u jkunu kapaċi jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.”

6        L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Kwalità tal-interpretazzjoni u tat‑traduzzjoni”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri konkreti biex jiżguraw li l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni pprovduti jissodisfaw il-kwalità rikjesta skont l-Artikolu 2(8) u l-Artikolu 3(9).

2.      Sabiex jippromovu l-adegwatezza tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni u aċċess effiċenti għalihom, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jistabbilixxu reġistru jew reġistri ta’ tradutturi u interpreti indipendenti li huma kwalifikati b’mod xieraq. Tali reġistru jew reġistri, meta jiġu stabbiliti, għandhom, fejn xieraq, isiru disponibbli għall-avukati jew għall-awtoritajiet rilevanti.

[…]”

 Id-Direttiva 2012/13

7        Il-premessi 5, 30 u 34 tad-Direttiva 2012/13 huma redatti kif ġej:

“(5)      L-Artikolu 47 tal-[Karta] u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (minn issa ‘il-KEDB’) jistabbilixxu d-dritt għal proċess ġust. L-Artikolu 48(2) tal-Karta jiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tad-difiża.

[…]

(30)      Dokumenti u, fejn xieraq, ritratti, reġistrazzjonijiet awdjo u vidjo, li huma essenzjali sabiex tiġi kkontestata b’mod effettiv il-legalità ta’ arrest jew detenzjoni tas-suspettati jew tal-persuni akkużati skont il-liġi nazzjonali, għandhom ikunu disponibbli għas-suspettati jew għall-persuni akkużati jew għall-avukat tagħhom mhux aktar tard minn qabel ma awtorità ġudizzjarja kompetenti tintalab tiddeċiedi dwar il-legalità tal-arrest jew id-detenzjoni skont l-Artikolu 5(4) tal-KEDB, u fi żmien xieraq sabiex jiġi żgurat eżerċizzju effikaċi tad-dritt li tiġi kkontestata l-legalità ta’ arrest jew detenzjoni.

[…]

(34)      L-aċċess għall-materjal tal-każ, kif previst f’din id-Direttiva, għandu jiġi pprovdut mingħajr ħlas, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jipprovdu għall-onorarju li għandu jitħallas sabiex id-dokumenti jiġu kkupjati mill-proċess tal-każ jew biex jintbagħat materjal lill-persuni kkonċernati jew lill-avukat tagħhom.”

8        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, li jippreċiża l-għan tagħha, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni tas-suspettati jew tal-persuni akkużati, dwar id-drittijiet tagħhom fi proċeduri kriminali u dwar l-akkuża kontrihom. Hija tistabbilixxi wkoll regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni ta’ persuni soġġetti għal Mandat ta’ Arrest Ewropew relatat mad-drittijiet tagħhom.”

9        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet”, huwa redatt kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jingħataw fil-pront informazzjoni dwar tal-anqas id-drittijiet proċedurali li ġejjin, kif dawn japplikaw taħt il-liġi nazzjonali, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv ta’ dawk id-drittijiet:

(a)      id-dritt ta’ aċċess għal avukat;

(b)      kwalunkwe dritt għal parir legali mingħajr ħlas u l-kondizzjonijiet biex jinkiseb tali parir;

(c)      id-dritt li l-persuna tkun informata bl-akkuża, f’konformità mal-Artikolu 6;

(d)      id-dritt għal interpretar u traduzzjoni;

(e)      id-dritt li persuna tibqa’ siekta.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni provduta taħt il-paragrafu 1 għandha tingħata bil-fomm jew bil-miktub, f’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli, b’kont meħud ta’ kwalunkwe bżonnijiet partikolari ta’ suspettati vulnerabbli jew ta’ persuni akkużati vulnerabbli.”

10      L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Ittra tad-drittijiet mal-arrest”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li suspettati jew persuni akkużati, li jiġu arrestati jew detenuti jkunu provduti fil-pront b’Ittra tad-Drittijiet bil-miktub. Huma għandhom jingħataw l-opportunità li jaqraw l-Ittra tad-Drittijiet u għandhom jitħallew iżommuha fil-pussess tagħhom matul iż-żmien kollu li huma jkunu imċaħħdin mil-libertà.

[…]

5.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jirċievu l-Ittra tad-Drittijiet bil-miktub b’lingwa li jifhmu. Fejn l-Ittra tad-Drittijiet mhix disponibbli fil-lingwa xierqa, is-suspettati jew il-persuni akkużati għandhom jiġu informati bid-drittijiet tagħhom bil-fomm u b’lingwa li jifhmu. Imbagħad, għandha tingħatalhom Ittra tad-Drittijiet f’lingwa li jifhmu, mingħajr dewmien żejjed.”

11      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13, intitolat “Id-dritt għal informazzjoni dwar l‑akkuża”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati tingħatalhom informazzjoni dwar l-att kriminali li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu. Dik l-informazzjoni għandha tingħata fil-pront u bid-dettal meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati li jiġu arrestati jew detenuti jiġu informati bir-raġunijiet għall-arrest jew id-detenzjoni tagħhom, inkluż bl-att kriminali li huma jkunu ssuspettati jew akkużati li wettqu.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il-qorti, tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-akkuża, inklużi n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat kriminali, kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata.

[…]”

12      L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt tal-aċċess għall-materjal tal‑każ”, jipprevedi:

“1.      Meta persuna tiġi arrestata u detenuta fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri kriminali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dokumenti relatati mal-każ speċifiku fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti u li jkunu essenzjali sabiex tiġi kkontestata b’mod effettiv skont il-liġi nazzjonali l-legalità tal-arrest jew tad-detenzjoni, isiru disponibbli għall-persuni arrestati jew lill-avukati tagħhom.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħata aċċess tal-anqas għall-materjal kollu fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti, kemm jekk favur jew kontra s-suspettati jew il-persuni akkużati, lil dawk il-persuni jew lill-avukat tagħhom sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u bi tħejjija għad-difiża tagħhom.

[…]”

13      Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Verifika u rimedji”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta tingħata informazzjoni lis-suspettati jew lill-persuni akkużati f’konformità mal-Artikoli 3 sa 6 dan jiġi rreġistrat, bl-użu tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni speċifikata fil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jew l-avukat tagħhom ikollhom id-dritt ta’ kontestazzjoni, f’konformità mal-proċeduri fil-liġi nazzjonali, rigward in-nuqqas jew iċ-ċaħda possibbli tal-awtoritajiet kompetenti li jipprovdu l-informazzjoni f’konformità ma’ din id-Direttiva.”

 Id-Direttiva (UE) 2016/343

14      Il-premessi 1 u 9 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal‑innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1), jipprovdu:

“(1)      Il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt ta’ proċess ġust huma minquxin fl-Artikoli 47 u 48 tal-[Karta], l-Artikolu 6 tal-[KEDB], l-Artikolu 14 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (l-ICCPR) u l-Artikolu 11 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.

[…]

(9)      L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li ttejjeb id-dritt ta’ proċess ġust fi proċedimenti kriminali billi tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess.”

15      L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il‑proċess”, huwa redatt kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom.

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:

(a)      il-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata fi żmien debitu dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra; jew

(b)      il-persuna suspettata jew akkużata, li tkun ġiet infurmata bil-proċess, hija rrappreżentata minn avukat, li ġie magħżul mill-persuna suspettata jew akkużata jew maħtur mill-Istat.

[…]

4.      Fejn l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà ta’ proċessi fl-assenza ta’ persuni suspettati jew akkużati iżda ma tkunx possibbli l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu minħabba li persuna suspettata jew akkużata ma tistax tinstab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li xorta waħda tista’ tingħata deċiżjoni u tiġi esegwita. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta persuni suspettati jew akkużati jiġu infurmati bid-deċiżjoni, b’mod partikolari meta dawn jinqabdu, huma jiġu wkoll infurmati dwar il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra, f’konformità mal-Artikolu 9.

[…]”

16      L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt għal proċess mill-ġdid”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn persuni suspettati jew akkużati ma kinux preżenti fil-proċess tagħhom u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ma ġewx sodisfatti, huma jkollhom id-dritt għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, inkluż l-eżami ta’ evidenza ġdida, u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti, jipparteċipaw b’mod effikaċi, f’konformità mal-proċeduri taħt id-dritt nazzjonali, u li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża”.

 Id-dritt Ungeriż

17      L-Artikolu 78(1) tal-a büntetőeljárásról szóló 2017. évi XC. törvény (il-Liġi XC tal-2017 li Tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, Magyar Közlöny 2017/90, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Kriminali”) jipprevedi, essenzjalment, li jekk parti fi proċedura kriminali tixtieq tuża, għall‑finijiet ta’ din il-proċedura, lingwa oħra li ma hijiex il-lingwa Ungeriża, hija għandha d-dritt li tuża l-lingwa materna tagħha u d-dritt li tiġi assistita minn interpretu.

18      Skont l-Artikolu 201(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, huwa biss interpretu li jkollu kwalifika uffiċjali li jista’ jinħatar f’din il-kwalità fi proċedura kriminali, iżda jekk din il-ħatra ma tkunx possibbli, jista’ jinħatar ukoll interpretu li jkollu għarfien suffiċjenti tal-lingwa kkonċernata.

19      L-Artikolu 490(1) u (2) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi, essenzjalment, li qorti nazzjonali tista’, ex officio jew fuq talba tal-partijiet, tissospendi l-proċeduri quddiemha u tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b’talba għal deċiżjoni preliminari.

20      L-Artikolu 491(1)(a) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi, essenzjalment, li l-proċedura kriminali li tagħha tkun saret is-sospensjoni għandha titkompla jekk ir-raġunijiet li wasslu għal din is-sospensjoni ma jkunux għadhom jeżistu.

21      L-Artikolu 513(1)(a) tal-istess kodiċi jipprovdi li d-digriet tar-rinviju ma huwiex suġġett għal azzjoni ordinarja.

22      Skont l-Artikolu 667(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, il-legfőbb ügyész (il‑Prosekutur Ġenerali, l-Ungerija) jista’ jadixxi l-Kúria (il-Qorti Suprema, l‑Ungerija) b’“appell fl-interess tal-liġi” intiż sabiex tiġi kkonstatata l-illegalità ta’ sentenzi u ta’ digrieti mogħtija mill-qrati inferjuri.

23      L-Artikolu 669 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“1.      Jekk il-Kúria [(il-Qorti Suprema)] tqis li l-appell ippreżentat fl-interess tal-liġi huwa fondat, hija għandha tikkonstata, f’sentenza, li d-deċiżjoni li dwarha qiegħed isir ilment hija illegali u, fil-każ kuntrarju, hija għandha tiċħad l-imsemmi appell permezz ta’ digriet.

2.      Il-Kúria [(il-Qorti Suprema)] tista’, meta tikkonstata l-illegalità tad-deċiżjoni inkwistjoni, tillibera lill-imputat, tiċħad trattament mediku forzat, ittemm il-proċedura, timponi piena jew tapplika miżura iktar leġġera, tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, jekk ikun il-każ, tibgħat il-kawża quddiem il-qorti tal-mertu sabiex titressaq proċedura ġdida.

3.      Fil-każijiet li ma humiex imsemmija fil-paragrafu 2, id-deċiżjoni tal-Kúria [(il-Qorti Suprema)] tkun limitata għas-sempliċi konstatazzjoni tal-illegalità.

[…]”

24      Skont l-Artikolu 755(1)(a) u (aa) tal-imsemmi kodiċi, fil-każ fejn il-persuna imputata, li tirrisjedi barra mill-Ungerija f’indirizz magħruf, tiġi debitament imħarrka u ma tippreżentax ruħha għas-seduta, il-proċedura kriminali għandha titkompla fil-kontumaċja tagħha jekk ma jkunx hemm lok li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew jew internazzjonali jew, jekk tali mandat ma jkunx inħareġ, jekk il-prosekutur ma jipproponix l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija jew ta’ tqegħid f’ċentru ta’ edukazzjoni ssorveljata.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25      Il-qorti tar-rinviju, komposta minn Imħallef uniku tal-Pesti Központi Kerületi Bíróság (il-Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Pest, l-Ungerija), hija adita bil-proċeduri kriminali mibdija kontra IS, ċittadin Svediż ta’ oriġini Torka, għal ksur preżunt tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ungeriż li jirregola l-akkwist, il-pussess, il‑manifattura, il-kummerċjalizzazzjoni, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it‑trasport ta’ armi tan-nar jew ta’ munizzjon. Il-lingwa tal-proċedura ġudizzjarja hija l-Ungeriż, li tagħha l-imputat ma għandux għarfien. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li dan l-imputat jista’ jikkomunika biss permezz tas-servizzi ta’ interpretu.

26      IS ġie arrestat fl-Ungerija fil-25 ta’ Awwissu 2015 u ġie investigat bħala persuna ssuspettata fl-istess jum. Qabel din l-investigazzjoni, IS talab l-assistenza ta’ avukat u ta’ interpretu u, matulha, li għaliha l-avukat ma setax jattendi, huwa ġie informat bis-suspetti kontra tiegħu. IS irrifjuta li jagħti depożizzjoni, għar-raġuni li huwa ma setax jikkonsulta l-avukat tiegħu.

27      Matul l-imsemmija investigazzjoni, l-uffiċjal inkarigat mill-investigazzjoni uża interpretu tal-lingwa Svediża. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, ma hemm ebda informazzjoni dwar il-mod kif dan l-interpretu ntgħażel u dwar il-mod kif il‑kompetenzi tiegħu ġew ivverifikati, u lanqas dwar il-fatt li l-interpretu u IS kienu qegħdin jifhmu lil xulxin.

28      IS ġie rrilaxxat wara l-istess investigazzjoni. Huwa jirrisjedi barra mill-Ungerija u l-posta mibgħuta fl-indirizz preċedentement ikkomunikat ġiet lura bl-indikazzjoni “mhux miġbura”. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja, il-preżenza tal-imputat hija madankollu obbligatorja għas-smigħ preliminari u li l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali jew ta’ mandat ta’ arrest Ewropew huwa possibbli biss fil-każijiet fejn l-imputat jista’ jkun suġġett għal piena ta’ priġunerija. Hija tirrileva li, madankollu, f’din il-kawża, il-prosekutur talab piena ta’ multa u li, konsegwentement, jekk l-imputat ma jidhirx fid-data indikata, il-qorti tar-rinviju tkun obbligata tkompli l-proċedura fil-kontumaċja tiegħu.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tosserva, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2010/64 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri konkreti sabiex jiżguraw li l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni pprovduti jissodisfaw il-kwalità rikjesta mill-Artikolu 2(8) u mill-Artikolu 3(9) ta’ din id-direttiva, li jfisser li l-interpretazzjoni għandha tkun ta’ kwalità suffiċjenti sabiex tiggarantixxi n-natura ekwa tal-proċedura, b’mod partikolari billi jiġi żgurat li l-persuni ssuspettati jew akkużati jkollhom għarfien tal-fatti li bihom ġew akkużati u jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Hija ssostni wkoll li l-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li, sabiex ikollhom servizzi ta’ interpretazzjoni u ta’ traduzzjoni adegwati u sabiex jiffaċilitaw aċċess effiċjenti għalihom, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jistabbilixxu reġistru jew reġistri ta’ tradutturi u interpreti indipendenti li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa.

30      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2012/13 jipprevedu li l-persuni ssuspettati jew akkużati għandhom jiġu informati immedjatament bil-miktub bid-drittijiet tagħhom f’lingwa li jifhmu kif ukoll bl-att kriminalment issanzjonat li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu.

31      F’dan il-kuntest, hija tindika li ma jeżisti ebda reġistru uffiċjali ta’ tradutturi u interpreti fl-Ungerija u li l-leġiżlazzjoni Ungeriża ma tippreċiżax min jista’ jinħatar fil-proċedura kriminali bħala traduttur jew interpretu ad hoc, u lanqas skont liema kriterji, peress li t-traduzzjoni ċċertifikata ta’ dokumenti biss hija rregolata. Fin-nuqqas ta’ tali leġiżlazzjoni, la l-avukat u lanqas il-qorti ma jkunu f’pożizzjoni li jivverifikaw il-kwalità tal-interpretazzjoni. Il-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata li ma tafx il-lingwa Ungeriża tkun informata, bl-għajnuna ta’ interpretu, bis-suspetti fuqha u bid-drittijiet proċedurali tiegħu matul l-ewwel smigħ tiegħu f’din il-kwalità, iżda jekk l-interpretu ma jkollux il-kapaċità xierqa, il-persuna kkonċernata tista’, skont il-qorti tar-rinviju, tiġi ppreġudikata fir-rigward tad-dritt tagħha li tiġi informata u fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

32      B’hekk, skont il-qorti tar-rinviju, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni u l-prattika nazzjonali inkwistjoni humiex kompatibbli mad-Direttivi 2012/13 u 2010/64 u jekk mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jirriżultax li, fil-każ ta’ inkompatibbiltà, il-qorti nazzjonali ma tistax tipproċedi bil-proċedura kriminali fil-kontumaċja tal-akkużat.

33      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tindika li, sa mid-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2012, ta’ riforma ġudizzjarja, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni ċentrali tas-sistema ġudizzjarja jaqgħu taħt il-President tal-Országos Bírósági Hivatal (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Ġustizzja, l-Ungerija, iktar ’il quddiem l-“UNĠ”), li jinħatar mill-Parlament Ungeriż għal terminu ta’ 9 snin, u li dan il-president għandu kompetenzi wisgħin, inkluż sabiex jiddeċiedi dwar l-assenjazzjoni tal-imħallfin, sabiex jaħtar il-kapijiet tal-qrati u sabiex iniedi proċeduri dixxiplinari fil-konfront ta’ mħallfin.

34      Hija tippreċiża wkoll li l-Országos Bírói Tanács (il-Kunsill Nazzjonali Ġudizzjarju, iktar ’il quddiem il-“KNĠ”) – li l-membri tiegħu jiġu eletti mill-imħallfin – huwa inkarigat mis-superviżjoni tal-azzjoni tal-President tal-UNĠ u mill-approvazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu f’ċerti każijiet. Issa, fit-2 ta’ Mejju 2018, il-KNĠ adotta rapport li jikkonstata li l-President tal-UNĠ kien kiser il-liġi bil-prassi tiegħu li jiddikjara, mingħajr motivazzjoni adegwata, li l-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallfin u ta’ presidenti tal-qrati għal pożizzjonijiet vakanti kienet falliet, u b’riżultat ta’ dan huwa pproċeda, f’diversi każijiet, bil-ħatra, fuq bażi temporanja, ta’ presidenti tal-qrati tal-għażla tiegħu. Fl-24 ta’ April 2018, il-President tal-UNĠ iddikjara li l-funzjonament tal-KNĠ ma kienx konformi mal-liġi u, minn dakinhar, huwa rrifjuta li jikkoopera ma’ dan il-korp u l-membri tiegħu. Il-KNĠ diġà indika, diversi drabi, li l-President tal-UNĠ u l-presidenti ta’ qrati maħtura minnu jiksru l-kompetenzi ta’ dan il-korp.

35      Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li l-President tal-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), li hija l-qorti tal-appell tal-qorti tar-rinviju, inħatar fuq bażi temporanja mill-President tal-UNĠ. Sabiex tenfasizza r-rilevanza ta’ din l-informazzjoni, il-qorti tar-rinviju tiċċara l-influwenza li l-President tal-UNĠ jista’ jeżerċita fuq ix-xogħol u l-avvanz professjonali tal-imħallfin, inkluż fir-rigward tat-tqassim tal-kawżi, tas-setgħa dixxiplinari u tal-ambjent tax-xogħol.

36      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tirreferi, minn naħa, għal ċertu numru ta’ opinjonijiet u ta’ rapporti internazzjonali li kkonstataw il-konċentrazzjoni eċċessiva ta’ setgħat f’idejn il-President tal-UNĠ u l-assenza ta’ setgħat li jibbilanċjaw din il-konċentrazzjoni u kif ukoll, min-naħa l-oħra, għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tistaqsi dwar jekk tali sitwazzjoni hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja stabbilit fl-Artikolu 19 TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta. Hija tistaqsi wkoll jekk, f’tali kuntest, il-proċedura quddiemha tistax tiġi kkunsidrata bħala ekwa.

37      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, permezz ta’ emenda leġiżlattiva li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2018, ċerti remunerazzjonijiet komplementari tal-prosekuturi żdiedu, filwaqt li r-regoli dwar ir-remunerazzjoni tal-imħallfin ma ġewx emendati. Konsegwentement, għall-ewwel darba wara għexieren ta’ snin, is-salarju tal-imħallfin huwa issa inqas minn dak tal-prosekuturi tal-istess livell, li għandhom l-istess assenjazzjoni u l-istess anzjanità ta’ xogħol. Il-KNĠ irrapporta din is-sitwazzjoni lill-Gvern Ungeriż, li wiegħed riforma salarjali sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2020, iżda l-abbozz ta’ liġi f’dan is-sens għadu ma ġiex introdott, b’tali mod li s-salarju tal-imħallfin fil-ġudikatura sedenti baqa’ ma nbidilx mis-sena 2003. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk jekk, fid-dawl b’mod partikolari tal-inflazzjoni u taż-żieda tas-salarju medju fl-Ungerija matul is-snin, l-assenza ta’ aġġustament tas-salarju ta’ dawn l-imħallfin għal żmien twil hijiex ekwivalenti għat-tnaqqis tiegħu u jekk din il-konsegwenza tirriżultax minn intenzjoni deliberata tal-Gvern Ungeriż, bil-għan li jqegħedhom f’sitwazzjoni żvantaġġata meta mqabbla mal-prosekuturi. Barra minn hekk, il-prattika li jingħataw bonus u kumpensi, xi drabi għoljin ħafna fid-dawl tas-salarju bażiku tal-imħallfin, lil xi wħud minnhom, b’mod diskrezzjonali mill-President tal-UNĠ u mill-presidenti tal-qrati tikser b’mod ġenerali u sistematiku l-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Pesti Központi Kerületi Bíróság (il-Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Pest, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      a)      L-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2010/64 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istat Membru għandu jistabbilixxi reġistru ta’ tradutturi u interpreti indipendenti li għandhom il-kwalifiki meħtieġa sabiex jiġi ggarantit li l-persuni akkużati li ma jifhmux il-lingwa tal-kawża jibbenefikaw minn smigħ xieraq jew, fin-nuqqas ta’ dan, għandu jiżgura li n-natura adegwata tal-kwalità tal-interpretazzjoni fil-proċedura ġudizzjarja tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ?

b)      Jekk l-ewwel domanda għandha tiġi risposta fl-affermattiv u jekk, fl-assenza ta’ natura adegwata ta’ interpretazzjoni f’dan il-każ, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit jekk il-persuna akkużata kinitx ġiet informata bis-suspetti jew bl-akkużi fil-konfront tagħha, l-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikoli 4(5) u 6(1) tad-Direttiva 2012/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-proċedura ma tistax f’dan il-każ titkompla fil-kontumaċja?

2)      a)      Il-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-[Karta] kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi interpretat fis-sens li dan il-prinċipju jiġi ppreġudikat meta l-President tal-[UNĠ] inkarigat minn funzjonijiet ta’ amministrazzjoni ċentrali tal-qrati, li huwa maħtur mill-Parlament u li lilu biss irid jagħti kont, u fejn dan biss jista’ jneħħieh mill-karigi tiegħu, jimla l-pożizzjoni ta’ President ta’ qorti – fejn dan il-President huwa b’mod partikolari awtorizzat sabiex jiddeċiedi dwar it-tqassim tal-kawżi, japplika proċeduri dixxiplinari fil-konfront ta’ mħallfin u jevalwa l-imħallfin – permezz ta’ ħatra diretta temporanja, billi jdur mal-proċedura ta’ sejħa għal kandidaturi u billi jinjora sistematikament l-opinjoni tal-korpi ġudizzjarji awtonomi awtorizzati għal dan il-għan?

b)      Jekk id-domanda preċedenti għandha tingħata risposta fl-affermattiv, u fejn l-imħallef inkarigat minn kawża partikolari jista’ jkollu raġunijiet fondati sabiex jibża’ li huwa ser jiġi indebitament ippreġudikat minħabba l-attivitajiet ġudizzjarji jew amministrattivi tiegħu, il-prinċipju ċċitat iktar ’il fuq għandu jiġi interpretat fis-sens li smigħ xieraq ma huwiex iggarantit?

3)      a)      Il-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-[Karta] kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma hijiex kompatibbli ma’ dan il-prinċipju s-sitwazzjoni li fiha, sa mill-1 ta’ Settembru 2018, kuntrarjament għall-prassi li kienet isseħħ sa minn deċennji, l-imħallfin Ungeriżi, skont il-liġi, jirċievu remunerazzjoni inqas mill-prosekuturi li għandhom l-istess grad fl-istess funzjoni ta’ xogħol u l-istess anzjanità, u fejn, jekk tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż, ir-remunerazzjoni tagħhom ma hijiex b’mod ġenerali konformi mal-importanza tal-kompiti li huma jwettqu, b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-prassi tal-bonuses diskrezzjonali applikata għal funzjonijiet ta’ amministrazzjoni ogħla?

b)      Jekk għandha tingħata risposta fl-affermattiv, il-prinċipju ċċitat iktar ’il fuq ta’ indipendenza tal-qrati għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal smigħ xieraq ma jistax jiġi ggarantit f’dawn il-kundizzjonijiet?”

39      Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 2019 (iktar ’il quddiem it-“talba għal deċiżjoni preliminari addizzjonali”), il-qorti tar-rinviju ressqet talba intiża b’mod partikolari sabiex tikkompleta t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari inizjali.

40      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari addizzjonali jirriżulta li, fit-19 ta’ Lulju 2019, il-Prosekutur Ġenerali ppreżenta, abbażi tal-Artikolu 667 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, appell fl-interess tal-liġi quddiem il-Kúria (il-Qorti Suprema), ippreżentat kontra t-talba għal deċiżjoni preliminari inizjali. Minn dan jirriżulta wkoll li, permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2019, il-Kúria (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li din it-talba għal deċiżjoni preliminari kienet illegali minħabba, essenzjalment, li d-domandi magħmula ma kinux rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Kúria”).

41      Il-qorti tar-rinviju tesponi li mid-deċiżjoni tal-Kúria jirriżulta li s-sistema tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE għandha l-għan li tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar kwistjonijiet relatati mhux mal-ordinament kostituzzjonali ta’ Stat Membru, iżda mad-dritt tal-Unjoni, b’mod li tiġi żgurata interpretazzjoni konsistenti fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Skont din id-deċiżjoni, is-sospensjoni tal-proċedura kriminali hija, barra minn hekk, permessa biss sabiex tingħata deċiżjoni finali dwar il-ħtija tal-imputat. Issa, il-Kúria (il-Qorti Suprema) tqis li d-domandi preliminari, kif ifformulati mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari inizjali, ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ħtija ta’ IS, b’tali mod li din it-talba hija illegali. Id-deċiżjoni tal-Kúria tirreferi wkoll għad-deċiżjonijiet tagħha ta’ prinċipju preċedenti, li skonthom ma hemmx lok li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari sabiex jiġi kkonstatat li d-dritt Ungeriż applikabbli ma huwiex konformi mal-prinċipji fundamentali protetti mid-dritt tal-Unjoni.

42      Skont il-qorti tar-rinviju, anki jekk id-deċiżjoni tal-Kúria sempliċement tiddikjara l-illegalità tat-talba għal deċiżjoni preliminari inizjali, mingħajr ma tannulla d-deċiżjoni tar-rinviju nnifisha, din id-deċiżjoni, mogħtija fil-kuntest ta’ appell fl-interess tal-liġi, ikollha impatt fundamentali fuq il-ġurisprudenza sussegwenti tal-qrati inferjuri, peress li tali appelli għandhom l-għan li jarmonizzaw il-ġurisprudenza nazzjonali. Minħabba f’hekk, id-deċiżjoni tal-Kúria jista’ jkollha, fil-futur, effett dissważiv fuq l-imħallfin sedenti fi qrati inferjuri li jipprevedu li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.

43      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar is-segwitu tal-proċedura kriminali pendenti quddiemha, attwalment sospiża, u tqis li din tiddependi minn jekk id-deċiżjoni tal-Kúria hijiex illegali jew le.

44      Fil-fatt, jista’, minn naħa, jirriżulta li l-Kúria (il-Qorti Suprema) kienet korretta meta eżaminat it-talba għal deċiżjoni preliminari u ddikjaratha illegali. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha tikkunsidra li tkompli bis-smigħ tal-kawża prinċipali, peress li, skont l-Artikolu 491(1)(a) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, jekk ir-raġuni li għaliha l-proċedura tkun ġiet sospiża ma tibqax teżisti, il-qorti għandha tkompli bis-smigħ tal-kawża. Ċertament, skont il-qorti tar-rinviju, ebda dispożizzjoni tad-dritt Ungeriż ma tipprevedi dak li għandu jsir jekk is-smigħ tal-kawża jkun ġie sospiż b’mod illegali. Madankollu, skont raġunament b’analoġija, din id-dispożizzjoni tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-qorti għandha, f’każ bħal dan, tkun marbuta tkompli bis-smigħ tal-kawża.

45      Min-naħa l-oħra, jista’ jirriżulta li l-Kúria (il-Qorti Suprema) żbaljat meta ddikjarat din it-talba illegali, u, f’dan il-każ, il-qorti inferjuri għandha teskludi, sa fejn tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, id-deċiżjoni ta’ dik il-qorti suprema, minkejja l-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha sabiex tiżgura l-uniformità tad-dritt nazzjonali.

46      Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-Kúria tibbaża ruħha fuq ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-konformità tad-dritt Ungeriż mad-dritt tal-Unjoni ma tistax tkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari. Tali ġurisprudenza tmur kontra l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

47      Il-qorti tar-rinviju żżid li, fil-25 ta’ Ottubru 2019, il-President tal-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) beda proċedura dixxiplinari fil-konfront tal-imħallef uniku tagħha, fuq il-bażi tal-istess raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Kúria.

48      Wara informazzjoni kkomunikata mill-Gvern Ungeriż, li tgħid li din il-proċedura ntemmet, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet mistoqsijiet lill-imħallef tal-qorti tar-rinviju. Fir-risposta tiegħu tal-10 ta’ Diċembru 2019, dan tal-aħħar ikkonferma li, permezz ta’ dokument tat-22 ta’ Novembru 2019, il-President tal-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) kien irtira l-att li jitlob li tinbeda din il-proċedura dixxiplinari.

49      Madankollu, l-imħallef tal-qorti tar-rinviju indika wkoll li ma kellux l-intenzjoni li jbiddel, f’dan ir-rigward, it-talba għal deċiżjoni preliminari addizzjonali, peress li l-preokkupazzjoni tiegħu ma tirriżultax mill-fatt li huwa stess kien is-suġġett ta’ proċedura dixxiplinari, iżda pjuttost mill-fatt stess li tali proċedura tista’ tinbeda f’tali ċirkustanzi.

50      Fil-fatt, skont l-imħallef tal-qorti tar-rinviju, il-kwalità tax-xogħol tiegħu bħala mħallef ma ġietx ikkontestata la mill-kap dirett tiegħu u lanqas mill-Kap tad-Diviżjoni Kriminali tal-Pesti Központi Kerületi Bíróság (il-Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Pest), b’tali mod li din il-proċedura dixxiplinari ssib l-iskop tal-oriġini tagħha biss fil-kontenut tad-deċiżjoni tar-rinviju inizjali.

51      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Pesti Központi Kerületi Bíróság (il-Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Pest) iddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ domandi preliminari supplimentari li ġejjin:

“4)      a)      L-Artikolu 267 [TFUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li tmur kontra din id-dispożizzjoni deċiżjoni ta’ ġurisprudenza nazzjonali li skont din l-ogħla awtorità ġudizzjarja nazzjonali, fil-kuntest ta’ proċedura intiża għall-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Istat Membru, mingħajr ma taffettwa l-effetti legali tad-digriet inkwistjoni, tikklassifika bħala illegali d-digriet tal-qorti inferjuri li permezz tiegħu nbdiet il-proċedura għal deċiżjoni preliminari?

b)      Jekk [il-paragrafu (a) tar-raba’] domanda għand[u] [j]ingħata risposta fl-affermattiv, l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tar-rinviju ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet kuntrarji tal-qorti superjuri u l-pożizzjonijiet ta’ prinċipju meħuda fl-interess tal-uniformità tad-dritt?

c)      Jekk [il-paragrafu (a) tar-raba’] domanda għand[u] [j]ingħata risposta fin-negattiv, il-proċeduri kriminali sospiżi jistgħu jitkomplew filwaqt li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tkun għadha għaddejja?

5)      Il-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE] u fl-Artikolu 47 tal-[Karta] kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi interpretat fis-sens li, fid-dawl tal-Artikolu 267 TFUE, dan il-prinċipju jiġi ppreġudikat meta tinbeda proċedura dixxiplinari fil-konfront ta’ mħallef minħabba li jkun beda proċedura għal deċiżjoni preliminari?”

 Fuq it-talba għal proċedura mħaffa

52      Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari komplementari, il-qorti tar‑rinviju talbet ukoll li din il-kawża tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn ta’ din it-talba, hija ssostni li l-użu ta’ tali proċedura huwa ġġustifikat, b’mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni tal-Kúria u l-proċedura dixxiplinari mibdija kontra l-imħallef uniku tagħha huma ta’ natura li jipproduċu effett dissważiv estremament negattiv, li jista’ jkollu effett fuq kull deċiżjoni dwar jekk għandhiex tinbeda proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE fil-futur fl-Ungerija.

53      L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, wara li jisma’ l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi suġġett għal proċedura mħaffa meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien.

54      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż li jwieġeb għal sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-proċedura mħaffa tista’ ma tiġix applikata meta l-applikazzjoni ta’ tali proċedura tkun diffiċli minħabba n-natura sensittiva u kumplessa tal-problemi ġuridiċi mqajma minn kawża, b’mod partikolari meta ma jkunx jidher xieraq li titqassar il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-18 ta’ Mejju 2021, Asociația “Forumul Judecătorilor din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Fil-każ ineżami, permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2019, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li sama’ l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, ċaħad it-talba sabiex din il-kawża tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 48 ta’ din is-sentenza, l-att li ta bidu għall-proċedura dixxiplinari fil-konfront tal-imħallef tal-qorti tar-rinviju ġie rtirat. Barra minn hekk, il-proċedura kriminali fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax individwu li huwa s-suġġett ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx, abbażi tal-informazzjoni u tal-ispjegazzjonijiet hekk ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, li din il-kawża, li tqajjem ukoll, kif jirriżulta mill-punt 52 ta’ din is-sentenza, kwistjonijiet li għandhom grad għoli ta’ sensittività u ta’ kumplessità, kienet ta’ natura tant urġenti li tiġġustifika li ssir deroga, b’mod eċċezzjonali, mir-regoli ta’ proċedura ordinarji applikabbli fil-qasam tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq ir-raba’ domanda

57      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il‑qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti suprema ta’ Stat Membru tikkonstata, wara appell fl-interess tal-liġi, l-illegalità ta’ talba għal deċiżjoni preliminari li l‑Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita biha minn qorti inferjuri skont l-imsemmija dispożizzjoni, mingħajr madankollu ma taffettwa l-effetti legali tad-deċiżjoni li tinkludi din it-talba, u, jekk dan huwa l-każ, jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad‑dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lil dik il-qorti inferjuri tinjora tali deċiżjoni tal-qorti suprema.

 Fuq l-ammissibbiltà

58      Il-Gvern Ungeriż isostni li r-raba’ domanda hija inammissibbli, peress li l-motivi esposti fit-talba għal deċiżjoni preliminari komplementari dwar in-neċessità ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huma irrilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni tal-Kúria ma għandhiex effett ġuridiku fuq id-deċiżjoni tar-rinviju. Barra minn hekk, is-suppożizzjonijiet ifformulati mill-qorti tar-rinviju fuq l-effett li din id-deċiżjoni jista’ jkollha fil-futur fuq il-proċeduri tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari huma bbażati fuq avvenimenti futuri u ipotetiċi u, bħala tali, dawn is-suppożizzjonijiet huma wkoll irrilevanti għall-eżitu tal-proċedura fil-kawża prinċipali.

59      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 KE tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażata fuq it-tqassim ta’ funzjonijiet bejniethom, u tikkostitwixxi strument li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu meħtieġa minnhom għas-soluzzjoni tat-tilwimiet li jkunu mitluba jiddeċiedu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, Omni Metal Service, C‑259/05, EU:C:2007:363, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq it-tilwima u li għandha tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sa fejn id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss fil-każ li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Fil-każ ineżami, peress li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar x’għandu jsir wara l-proċedura kriminali fil-kawża prinċipali jekk id-deċiżjoni tal-Kúria kellha titqies li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk din tal-aħħar ma tannullax jew ma temendax id-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas ma tordna lill-qorti tar-rinviju tirtira jew temenda din it-talba, id-deċiżjoni tal-Kúria ma hijiex mingħajr konsegwenzi għal din tal-aħħar u għall-proċedura kriminali fil-kawża prinċipali.

63      Fil-fatt, meta dik il-qorti suprema tikklassifika bħala illegali talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti inferjuri, tali klassifikazzjoni neċessarjament ikollha konsegwenzi għal din il-qorti tal-aħħar, anki fl-assenza ta’ effetti diretti fuq il-validità tad-deċiżjoni tar-rinviju. Għalhekk, fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju għandha, b’mod partikolari, tiddeċiedi jekk iżżommx jew le d-domandi preliminari tagħha u, għaldaqstant, fl-istess ħin, tiddeċiedi jekk iżżommx jew le d-deċiżjoni tagħha li tissospendi l-proċeduri quddiemha li l-Kúria (il-Qorti Suprema), essenzjalment, ikkunsidrat bħala illegali, jew jekk, għall-kuntrarju, tirtirax id-domandi tagħha fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni u tkompli bil-proċedura kriminali fil-kawża prinċipali.

64      Barra minn hekk, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-deċiżjoni tal-Kúria ġiet ippubblikata f’ġabra uffiċjali rriżervata għad-deċiżjonijiet ta’ prinċipju, sabiex tiġi żgurata l-uniformità tad-dritt nazzjonali.

65      Barra minn hekk, f’tali ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tevalwa jekk, permezz taż-żamma tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari inizjali, hija tkunx qiegħda tesponi d-deċiżjoni tagħha li tintervjeni fuq il-mertu tal-kawża prinċipali għal appell għar-raġuni li, matul il-proċedura, dik il-qorti tat digriet li ressaq talba għal deċiżjoni preliminari li ġiet iddikjarata illegali mill-Kúria (il-Qorti Suprema).

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għandu jiġi kkonstatat li r-raba’ domanda ma tistax titqies li hija irrilevanti għall-eżitu tal-proċedura fil-kawża prinċipali u li, għalhekk, din hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

67      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-Qorti Suprema ta’ Stat Membru tikkonstata, wara appell fl-interess tal-liġi, l-illegalità ta’ talba għal deċiżjoni preliminari li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita biha minn qorti inferjuri skont din id-dispożizzjoni, mingħajr madankollu ma taffettwa l-effetti legali tad-deċiżjoni li tinkludi din it-talba, għandu jitfakkar li l-qofol tas-sistema ġudizzjarja stabbilita mit-Trattati huwa kkostitwit mill-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, dispożizzjoni li, billi tistabbilixxi djalogu ta’ qorti ma’ qorti bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, għandha l-għan li tiżgura l-unità tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod li tiġi żgurata l-konsistenza, l-effett sħiħ u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar lok, in-natura stess tad-dritt stabbilit mit-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-Imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li l-qrati nazzjonali għandhom il-fakultà l-iktar wiesgħa sabiex jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja bi kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li din il-fakultà tittrasforma ruħha f’obbligu għall-qrati li jagħtu l-aħħar deċiżjoni, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet irrikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-5 ta’ April 2016, PFE, C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Fil-fatt, kemm din il-fakultà u kif ukoll dan l-obbligu huma inerenti għas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, u għall-funzjonijiet ta’ qorti responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija lill-qrati nazzjonali minn din id-dispożizzjoni (sentenza tal-5 ta’ April 2016, PFE, C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 33).

70      Konsegwentement, meta qorti nazzjonali, adita b’kawża, tqis li, fil-kuntest tagħha, tqajmet kwistjoni li tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, din għandha l-fakultà jew l-obbligu, skont il-każ, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari, mingħajr ma din il-fakultà jew dan l-obbligu jkunu jistgħu jixxekklu minn regoli nazzjonali ta’ natura leġiżlattiva jew ġurisprudenzjali (sentenza tal-5 ta’ April 2016, PFE, C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 34).

71      Fil-każ ineżami, anki jekk id-deċiżjoni tal-Kúria tillimita ruħha għas-sempliċi konstatazzjoni tal-illegalità tat-talba għal deċiżjoni preliminari inizjali u ma tannullax id-deċiżjoni li tinkludi din it-talba u lanqas ma tobbliga lill-qorti tar-rinviju tirtira l-imsemmija talba u tkompli l-proċedura fil-kawża prinċipali, il-Kúria (il-Qorti Suprema), billi wettqet stħarriġ tal-legalità tal-istess talba għal deċiżjoni preliminari fid-dawl tal-Artikolu 490 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, ipproċediet, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, bi stħarriġ tat-talba għal deċiżjoni preliminari inizjali, li huwa simili għal dak eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina jekk talba għal deċiżjoni preliminari hijiex ammissibbli.

72      Anki jekk l-Artikolu 267 TFUE ma jipprekludix li deċiżjoni tar-rinviju tkun is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja taħt id-dritt intern, deċiżjoni ta’ qorti suprema, li permezz tagħha talba għal deċiżjoni preliminari tiġi ddikjarata illegali minħabba li d-domandi magħmula ma humiex rilevanti u neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali hija inkompatibbli ma’ dan l-artikolu, peress li l-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ta’ din tal-aħħar imfakkra fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C‑210/06, EU:C:2008:723, punti 93 sa 96).

73      Barra minn hekk, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-effettività tad-dritt tal-Unjoni tkun ippreġudikata jekk l-eżitu ta’ azzjoni quddiem l-ogħla qorti nazzjonali jista’ jkollu l-effett li jiddisswadi lill-qorti nazzjonali, adita b’tilwima rregolata mid-dritt tal-Unjoni, milli tuża l-fakultà mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi jekk regola nazzjonali hijiex jew le kompatibbli miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Fil-fatt, għalkemm il-Kúria (il-Qorti Suprema) ma obbligatx lill-qorti tar-rinviju tirtira t-talba għal deċiżjoni preliminari inizjali, xorta jibqa’ l-fatt li, permezz tad-deċiżjoni tagħha, dik il-qorti suprema qieset din it-talba bħala illegali. Issa, tali konstatazzjoni ta’ illegalità hija ta’ natura li ddgħajjef kemm l-awtorità tar-risposti li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tipprovdi lill-qorti tar-rinviju kif ukoll id-deċiżjoni li hija ser tagħti fid-dawl ta’ dawn ir-risposti.

75      Barra minn hekk, din id-deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema) tista’ tinċita lill-qrati Ungeriżi jastjenu milli jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, u dan sabiex jevitaw li t-talbiet tagħhom għal deċiżjoni preliminari jkunu kkontestati minn waħda mill-partijiet abbażi tal-imsemmija deċiżjoni jew ikunu s-suġġett ta’ appell fl-interess tal-liġi.

76      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, “il-viġilanza tal-individwi kkonċernati sabiex jiġu protetti d-drittijiet tagħhom tammonta għal kontroll effikaċi flimkien mal-kontroll li l-Artikoli [258 u 259 TFUE] jafdaw lid-diliġenza tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri” (sentenza tal-5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos, 26/62, EU:C:1963:1, p. 25). Il-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju mill-qrati nazzjonali tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilhom mill-Artikolu 267 TFUE għandhom l-effett li jillimitaw il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni.

77      Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Kúria tippreġudika l-prerogattivi mogħtija lill-qrati nazzjonali mill-Artikolu 267 TFUE u, konsegwentement, l-effettività tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita mill-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 25).

78      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponix fuq il-qorti nazzjonali li adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari li l-illegalità tagħha ġiet ikkonstatata mill-qorti suprema tal-Istat Membru kkonċernat, mingħajr madankollu ma ġew affettwati l-effetti legali tad-deċiżjoni tar-rinviju preliminari tagħha, l-obbligu li ma tiħux inkunsiderazzjoni tali deċiżjoni tal-qorti suprema, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt tal-Istati Membri. Dan il-prinċipju, għalhekk, jobbliga lill-istanzi kollha tal-Istati Membri jagħtu lid-diversi regoli tal-Unjoni l-effett sħiħ tagħhom, u d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett irrikonoxxut lil dawn id-diversi regoli fit-territorju tal-imsemmija Stati (sentenza tat-18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 244 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, il-fatt li Stat Membru jinvoka dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, anki jekk ta’ natura kostituzzjonali, ma jistax jippreġudika l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita sew, l-effetti marbuta mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni huma imposti fuq il-korpi kollha ta’ Stat Membru, mingħajr, b’mod partikolari, ma d-dispożizzjonijiet interni relatati mat-tqassim tal-kompetenzi ġudizzjarji, inklużi ta’ natura kostituzzjonali, jistgħu jostakolaw dan il-prinċipju (sentenza tat-18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 245 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      It-tieni, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li tipprekludi l-implimentazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE għandha tiġi eskluża mingħajr ma l-qorti kkonċernata jkollha titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-Imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jobbliga lil qorti inferjuri li tinjora deċiżjoni tal-qorti suprema tal-Istat Membru kkonċernat jekk hija tqis li din tippreġudika l-prerogattivi rrikonoxxuti lilha mill-Artikolu 267 TFUE u, konsegwentement, l-effettività tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita mill-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Għandu jiġi ppreċiżat li, fid-dawl tal-portata ta’ dawn il-prerogattivi, ebda raġuni favur iż-żamma ta’ din id-deċiżjoni ma tista’ tirriżulta miċ-ċirkustanza eventwali li, fid-deċiżjoni tagħha dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-inammissibbiltà, totali jew parzjali, tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja minn dik il-qorti inferjuri.

82      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li, minn naħa, l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-qorti suprema ta’ Stat Membru tikkonstata, wara appell fl‑interess tal-liġi, l-illegalità ta’ talba għal deċiżjoni preliminari li l-Qorti tal‑Ġustizzja ġiet adita biha minn qorti inferjuri skont din id-dispożizzjoni, minħabba li d-domandi magħmula ma humiex rilevanti u neċessarji għas‑soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, mingħajr madankollu ma taffettwa l-effetti legali tad-deċiżjoni li tinkludi din it-talba, u, min-naħa l-oħra, li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jobbliga lil dik il-qorti inferjuri tinjora tali deċiżjoni tal-qorti suprema nazzjonali.

 Fuq il-ħames domanda

83      Permezz tal-ħames domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 267 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li jinbdew proċeduri dixxiplinari kontra mħallef ta’ qorti nazzjonali minħabba li jkun ressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi ta’ dan l-Artikolu 267.

 Fuq l-ammissibbiltà

84      Il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni jeċċepixxu l-inammissibbiltà tal-ħames domanda. Dan il-gvern isostni, essenzjalment, li l-proċedura dixxiplinari li nbdiet kontra l-imħallef tal-qorti tar-rinviju, iżda li sussegwentement ġiet irtirata u magħluqa, hija irrilevanti peress li l-effetti tagħha fuq il-funzjoni li tiddeċiedi fuq il-qorti tar-rinviju ma jistgħux jiġu ddeterminati. Min-naħa tal-Kummissjoni, hija tallega, essenzjalment, li l-imsemmija domanda ma hijiex rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u li, fi kwalunkwe każ, il-qorti tar-rinviju ma pprovdiet ebda informazzjoni dwar l-effett tal-ftuħ tal-proċeduri dixxiplinari fuq it-tkomplija tal-proċedura kriminali adita biha.

85      F’dan ir-rigward, u fid-dawl tal-ġurisprudenza diġà mfakkra fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi enfasizzat li, fit-tweġiba tiegħu tal-10 ta’ Diċembru 2019 għat-talba għal informazzjoni li kienet intbagħtitlu mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-imħallef tal-qorti tar-rinviju ppreċiża li, minkejja l-irtirar tal-proċedura dixxiplinari li kienet inbdiet kontrih, il-kwistjoni tiegħu tibqa’ rilevanti, peress li d-dubji tiegħu jirriżultaw mill-fatt innifsu li proċedura dixxiplinari tista’ tinbeda f’tali ċirkustanzi u huma għalhekk indipendenti mit-tkomplija ta’ din il-proċedura.

86      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-raba’ u l-ħames domanda preliminari huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin. Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari komplementari jirriżulta li huwa minħabba d-deċiżjoni tal-Kúria li tiddikjara t-talba għal deċiżjoni preliminari inizjali illegali li l-President tal-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) adotta l-att li jitlob li tinbeda proċedura dixxiplinari kontra l-imħallef tal-qorti tar-rinviju. B’hekk, permezz tal-ħames domanda tiegħu, l-imħallef tal-qorti tar-rinviju jistaqsi, essenzjalment, jekk jistax jastjeni milli jikkonforma ruħu mad-deċiżjoni tal-Kúria meta jiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża prinċipali mingħajr biża’, meta jagħmel dan, li l-proċedura dixxiplinari li kien is-suġġett tagħha, ibbażata fuq id-deċiżjoni tal-Kúria, tiġi rriattivata.

87      Konsegwentement, bħal fil-kuntest tar-raba’ domanda, l-imħallef tal-qorti tar-rinviju għandu quddiemu ostakolu proċedurali, li jirriżulta minn applikazzjoni fil-konfront tiegħu ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandu jneħħi qabel ma jkun jista’ jiddeċiedi l-kawża prinċipali mingħajr interferenza esterna u għalhekk, konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, b’indipendenza sħiħa (ara, f’dan s-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-giudici di pace Taljani), (C‑658/18, EU:C:2020:572, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, huwa jistaqsi dwar il-kundizzjonijiet għat-tkomplija tal-proċedura fil-kawża prinċipali wara d-deċiżjoni tal-Kúria li ddikjarat illegali t-talba għal deċiżjoni preliminari inizjali u li serviet ukoll bħala raġuni għat-tnedija ta’ proċeduri dixxiplinari kontrih. F’dan ir-rigward, din il-kawża hija differenti minn dawk li taw lok għas-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234), li fihom ir-risposti għad-domandi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja ma kinux neċessarji għall-qrati tar-rinviju kkonċernati sabiex jiddeċiedu kwistjonijiet proċedurali tad-dritt nazzjonali qabel ma jkunu jistgħu jiddeċiedu fuq il-mertu tat-tilwimiet aditi bihom.

88      Minn dan jirriżulta li l-ħames domanda hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

89      B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li l-ħames domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 267 TFUE. Madankollu, mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, kif diġà ġie rrilevat, essenzjalment, fil-punti 86 u 87 ta’ din is-sentenza, din id-domanda tqum fir-rigward ta’ diffikultà ta’ natura proċedurali, li għandha tiġi riżolta qabel ma tkun tista’ tingħata deċiżjoni fuq il-mertu tal-kawża prinċipali u li tqiegħed f’dubju l-kompetenzi li għandha l-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE. Għalhekk, il-ħames domanda għandha tiġi analizzata biss fid-dawl tal-Artikolu 267 TFUE.

90      F’dan ir-rigward, u fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 68 sa 70 u 72 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi enfasizzat li din tal-aħħar diġà ddeċidiet li dispożizzjonijiet nazzjonali li minnhom jirriżulta li l-imħallfin nazzjonali jistgħu jesponu ruħhom għal proċeduri dixxiplinari minħabba l-fatt li huma jkunu adixxew lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jistgħux jiġu aċċettati. Fil-fatt, il-perspettiva biss li mħallef ikun espost għal tali proċeduri minħabba l-fatt li jkun ressaq talba għal deċiżjoni preliminari jew li jkun iddeċieda li jżommha sussegwentement hija ta’ natura li tippreġudika l-eżerċizzju effettiv, mill-imħallfin nazzjonali kkonċernati, tal-fakultà li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja u tal-funzjonijiet ta’ mħallef responsabbli mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 227).

91      Il-fatt, għal dawn l-imħallfin, li ma jiġux esposti għal proċeduri jew għal sanzjonijiet dixxiplinari talli eżerċitaw tali diskrezzjoni li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja, li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tagħhom, jikkostitwixxi barra minn hekk garanzija inerenti għall-indipendenza tagħhom, liema indipendenza hija, b’mod partikolari, essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja bbażata fuq il-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li proċedura dixxiplinari mibdija minħabba li qorti nazzjonali ddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari hija ta’ natura li tiddisswadi lill-qrati nazzjonali kollha milli jressqu tali talbiet, u dan jista’ jikkomprometti l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni.

93      Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l‑Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li tinbeda proċedura dixxiplinari kontra mħallef ta’ qorti nazzjonali minħabba li jkun adixxa lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari skont din id‑dispożizzjoni.

 Fuq l-ewwel domanda

 Fuq l-ammissibbiltà

94      Skont il-Gvern Ungeriż, il-kawża prinċipali hija, kif ikkonstatat il-Kúria (il-Qorti Suprema), kawża li l-evalwazzjoni tagħha hija sempliċi fil-fatt u fid-dritt u li, fundamentalment, ma teħtieġx interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. B’riferiment għad-deċiżjoni tal-Kúria, dan il-gvern isostni, b’mod ġenerali, li l-proċedura kriminali fil-kawża prinċipali ma turi ebda fatt jew ċirkustanza li tippermetti li jiġi konkluż li kien hemm ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-użu tal-lingwi matul din tal-aħħar jew nuqqas tal-awtoritajiet responsabbli mill-kawża u li minnu l-qorti tar-rinviju setgħet tiddeduċi n-neċessità ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Peress li ebda problema reali ma tqum konkretament fil-kawża prinċipali f’dak li jikkonċerna l-kwalità tal-interpretazzjoni, l-ewwel parti ta’ din id-domanda hija ta’ natura ipotetika u, konsegwentement, la huwa neċessarju u lanqas possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondiha. Bl-istess mod, risposta għat-tieni parti ta’ din id-domanda lanqas ma hija neċessarja fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, peress li, skont l-imsemmi gvern, huwa possibbli li jiġi kkonstatat, abbażi tal-fatti stabbiliti mill-Kúria (il-Qorti Suprema) mill-fajl tal-investigazzjoni, li l-imputat fehem l-akkużi kontra tiegħu.

95      F’dan ir-rigward, u fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tesponi b’mod ċar, fit-talba għal deċiżjoni preliminari inizjali, iċ-ċirkustanzi li fihom hija ddeċidiet li tagħmel din id-domanda u l-motivi li għalihom hija għamlet din id-domanda. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 25 sa 28 ta’ din is-sentenza, il-kawża prinċipali tikkonċerna proċedura kriminali fil-kontumaċja tal-akkużat, mibdija kontra ċittadin Svediż imwieled fit-Turkija li huwa akkużat bi ksur tal-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar l-armi tan-nar u l-munizzjon, wara investigazzjoni li matulha huwa nstema’ mis-servizzi tal-pulizija fil-preżenza ta’ interpretu tal-lingwa Svediża, iżda mingħajr ma kien assistit minn avukat, minkejja li dan kien is-smigħ li matulu ġie informat li kien issuspettat li wettaq ksur ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għalhekk, it-tilwima fil-kawża prinċipali għandha rabta evidenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2010/64 u 2012/13 li dwarhom hija l-ewwel domanda.

96      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal-Gvern Ungeriż li l-kawża prinċipali hija kawża li l-evalwazzjoni tagħha hija sempliċi fil-fatt u fid-dritt u li, konsegwentement, ma teħtieġx interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’tali mod li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma kienx neċessarju, huwa biżżejjed, minn naħa, li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, hija biss il-qorti nazzjonali li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, tali ċirkustanza ma tistax timpedixxi qorti nazzjonali milli tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari u ma għandhiex l-effett li trendi inammissibbli d-domanda hekk magħmula (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2021, Ubezpieczeniowy Fundusz Gwarancyjny, C‑383/19, EU:C:2021:337, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel domanda hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

98      B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel domanda tirreferi għall-Artikolu 6(1) TUE. Madankollu, minbarra riferiment ġenerali għall-applikabbiltà tal-Karta, din id-dispożizzjoni ma sservix ir-raġunament tal-qorti tar-rinviju, kif jirriżulta mill-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari inizjali. Barra minn hekk, din hija dispożizzjoni ta’ natura ġenerali li permezz tagħha l-Unjoni tirrikonoxxi li l-Karta għandha l-istess valur legali bħat-Trattati, li tippreċiża li d-dispożizzjonijiet tal-Karta bl-ebda mod ma jestendu l-kompetenzi tal-Unjoni kif iddefiniti fit-Trattati u li tipprovdi preċiżazzjonijiet dwar il-metodu ta’ interpretazzjoni tad-drittijiet, tal-libertajiet u tal-prinċipji stabbiliti fiha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din id-dispożizzjoni tidher li hija irrilevanti għall-finijiet tal-analiżi tal-ewwel domanda.

99      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’ titwassal sabiex tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631, punti 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Skont l-Artikolu 48(1) tal-Karta, kull akkużat għandu jkun preżunt innoċenti sa ma l-ħtija tiegħu tiġi stabbilita skont il-liġi. Barra minn hekk, l-Artikolu 48(2) tal-Karta jipprovdi li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi ggarantit lil kull akkużat.

101    F’dan i-rigward, għandu jiġi indikat li l-Artikolu 52(3) tal-Karta jispeċifika li, sa fejn din tal-aħħar fiha drittijiet li jikkorrispondu ma’ dawk iggarantiti mill-KEDB, is-sens u l-portata tagħhom għandhom ikunu l-istess bħal dawk li tagħtihom din il-konvenzjoni. Issa, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 48 tal-Karta, li, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mal-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tagħha, dan l-Artikolu 48 jikkorrispondi mal-Artikolu 6(2) u (3) tal-KEDB. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għalhekk, tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti tal-Artikolu 48 tal-Karta tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka, C‑38/18, EU:C:2019:628, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2010/64 għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu reġistru ta’ tradutturi u ta’ interpreti indipendenti jew jiżguraw li n-natura adegwata tal-kwalità tal-interpretazzjoni mwettqa fi proċedura ġudizzjarja tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ.

103    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2010/64 jipprevedi li “l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jistabbilixxu reġistru jew reġistri ta’ tradutturi u interpreti indipendenti li huma kwalifikati b’mod xieraq”.

104    Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenzi tat-2 ta’ Settembru 2015, Surmačs, C‑127/14, EU:C:2015:522, punt 28, u tas-16 ta’ Novembru 2016, DHL Express (Austria), C‑2/15, EU:C:2016:880, punt 19).

105    Mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li tuża l-espressjoni “jagħmlu ħilithom”, jirriżulta li l-ħolqien ta’ reġistru ta’ tradutturi jew ta’ interpreti indipendenti li għandhom il-kwalifiki meħtieġa iktar jikkostitwixxi rekwiżit ta’ natura programmatika milli obbligu ta’ riżultat, li huwa barra minn hekk nieqes, fih innifsu, minn kull effett dirett.

106    Din l-interpretazzjoni letterali hija kkorroborata mill-kuntest li minnu tifforma parti l-imsemmija dispożizzjoni u mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2010/64.

107    Skont il-premessa 12 ta’ din id-direttiva, din tistabbilixxi regoli minimi komuni li għandhom jiġu applikati fl-oqsma tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali.

108    Tali regoli għandhom, skont il-premessa 17 tal-imsemmija direttiva, jiżguraw li jkun hemm assistenza lingwistika bla ħlas u adegwata, sabiex il-persuni ssuspettati jew akkużati li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-lingwa tal-proċedura kriminali jkunu jistgħu jeżerċitaw b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħhom u sabiex tiġi żgurata n-natura ekwa tal-proċedura.

109    Fir-rigward tal-kwalità tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni, il-premessa 24 tad-Direttiva 2010/64 tindika li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li din tista’ tiġi kkontrollata, meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu ġew innotifikati f’każ partikolari b’nuqqas f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2010/64 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri konkreti sabiex jiżguraw li l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni pprovduti jissodisfaw il-kwalità rikjesta skont l-Artikolu 2(8) tagħha, li jispeċifika li l-interpretazzjoni għandha tkun “ta’ kwalità suffiċjenti biex tissalvagwardja l-ġustizzja tal-proċedimenti, b’mod partikolari billi tiżgura li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom l-għarfien tal-każ kontrihom u jkunu kapaċi jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom”.

110    Minn dawn id-dispożizzjonijiet u minn dawn il-premessi jirriżulta, indipendentement mill-modalitajiet ta’ applikazzjoni konkreti tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2010/64, li din teżiġi li l-Istati Membri għandhom jadottaw “miżuri konkreti”, intiżi sabiex jiżguraw il-“kwalità suffiċjenti” tal-interpretazzjoni, b’mod li tiżgura, minn naħa, li l-persuni kkonċernati jkunu jafu bil-fatti li huma akkużati bihom u jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. F’dan ir-rigward, il-ħolqien ta’ reġistru ta’ tradutturi jew ta’ interpreti indipendenti jikkostitwixxi wieħed mill-mezzi li jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ tali għan. Għalkemm l-istabbiliment ta’ tali reġistru ma jistax għalhekk jitqies li huwa impost fuq l-Istati Membri minn din id-direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 5(1) tagħha jipprevedi, b’mod suffiċjentement preċiż u inkundizzjonat sabiex jiġi invokat minn individwu u applikat mill-qorti nazzjonali, li l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri konkreti sabiex jiżguraw il-kwalità tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni pprovduti u sabiex ikollhom, għal dan il-għan, servizzi adegwati u jiffaċilitaw aċċess effikaċi għal dawn is-servizzi.

111    L-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2010/64 jipprevedi, f’dan ir-rigward, b’mod inkundizzjonat u preċiż, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont il-proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali, il-persuni ssuspettati jew akkużati jkollhom “il-possibbiltà li jilmentaw li l-kwalità tal-interpretazzjoni mhix suffiċjenti biex tissalvagwardja l-ġustizzja tal-proċedimenti”.

112    Madankollu, tali possibbiltà ma teħlisx lill-Istati Membri mill-obbligu tagħhom, previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2010/64, moqri flimkien, b’mod partikolari, mal-Artikolu 2(8) tagħha, li jieħdu “miżuri konkreti” sabiex jiżguraw li l-interpretazzjoni pprovduta tkun ta’ “kwalità suffiċjenti”, b’mod partikolari fl-assenza ta’ reġistru ta’ tradutturi jew ta’ interpreti indipendenti.

113    F’dan ir-rigward, l-osservanza tar-rekwiżiti marbuta mal-proċess ekwu timplika li jiġi żgurat li l-akkużat ikun jaf biex qiegħed jiġi akkużat u jkun jista’ jiddefendi ruħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Covaci, C‑216/14, EU:C:2015:686, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti għalhekk ma huwiex limitat għall-ħatra ta’ interpretu. Huma għandhom ukoll, ladarba jiġu interpellati f’każ partikolari, jeżerċitaw kontroll tal-kwalità tal-interpretazzjoni żgurata (ara f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 18 ta’ Ottubru 2006, Hermi vs L-Italja, CE:ECHR:2006:1018JUD001811402, punt 70).

114    Fil-fatt, in-nuqqas ta’ eżami mill-qrati nazzjonali ta’ allegazzjonijiet li jasserixxu servizzi inadegwati ta’ interpretu jista’ jwassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 24 ta’ Ġunju 2019, Knox vs L-Italja, CE:ECHR:2019:0124JUD007657713, punti 182 u 186).

115    Għalhekk, sabiex jiġi żgurat li l-persuna ssuspettata jew akkużata li ma titkellimx u li ma tifhimx il-lingwa tal-proċedura kriminali tkun madankollu ġiet korrettement informata dwar dak li tkun qiegħda tiġi akkużata bih, il-qrati nazzjonali għandhom jistħarrġu jekk din tkunx ibbenefikat minn interpretazzjoni ta’ “kwalità suffiċjenti” sabiex tifhem l-akkuża miġjuba kontriha, u dan sabiex tiġi ggarantita n-natura ekwa tal-proċedura. Sabiex il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jipproċedu b’din il-verifika, dawn il-qrati għandhom b’mod partikolari jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-proċedura tal-għażla u l-ħatra ta’ tradutturi u interpreti indipendenti.

116    Fil-każ ineżami, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-Ungerija, ma jeżistix reġistru ta’ tradutturi jew interpreti indipendenti. Il-qorti tar-rinviju tindika li, minħabba lakuni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, huwa, fil-prattika, impossibbli li tiġi ggarantita l-kwalità tal-interpretazzjoni pprovduta lill-persuni ssuspettati u lill-imputati. Madankollu, il-Gvern Ungeriż isostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-attività ta’ interpreti u ta’ tradutturi professjonali kif ukoll ir-regoli tal-proċeduri kriminali jippermettu lil kull persuna li ma tkunx taf il-lingwa Ungeriża tibbenefika minn assistenza lingwistika ta’ kwalità li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ proċedura ekwa. Lil hinn minn dawn il-kunsiderazzjonijiet dwar id-dritt nazzjonali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq evalwazzjoni konkreta u preċiża tal-fatti tal-kawża prinċipali, sabiex tivverifika li l-interpretazzjoni mogħtija f’din il-kawża lill-persuna kkonċernata kienet ta’ kwalità suffiċjenti, fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2010/64, sabiex din il-persuna tkun tista’ tikseb għarfien tar-raġunijiet tal-arrest tagħha jew tal-akkużi miġjuba kontriha, u b’hekk tkun f’pożizzjoni li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha.

117    Konsegwentement, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2010/64 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu miżuri konkreti sabiex jiżguraw li l-kwalità tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjonijiet ipprovduti tkun suffiċjenti sabiex il-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata tifhem l-akkuża miġjuba kontriha u sabiex din l-interpretazzjoni tkun tista’ tiġi mistħarrġa mill-qrati nazzjonali.

118    It-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari hija intiża sabiex isir magħruf jekk, fl-assenza ta’ tali reġistru jew ta’ metodu ieħor ta’ stħarriġ tan-natura adegwata tal-kwalità tal-interpretazzjoni u meta jkun impossibbli li jiġi stabbilit jekk il-persuna ssuspettata jew akkużata ġietx informata bis-suspetti jew bl-akkuża miġjuba kontriha, l-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2012/13, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 48(2) tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-proċedura titmexxa fil-kontumaċja tal-akkużat.

119    Din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li l-assenza ta’ miżuri nazzjonali intiżi sabiex jiggarantixxu l-kwalità tal-interpretazzjoni jkollha l-konsegwenza li ċċaħħad lill-qorti tar-rinviju minn mezzi li jippermettulha tistħarreġ in-natura adegwata tagħhom. Issa, għandu jitfakkar li, indipendentement mill-kwistjoni tal-eżistenza ta’ miżuri nazzjonali ġenerali li jippermettu li tiġi ggarantita u mistħarrġa l-kwalità tal-interpretazzjoni pprovduta fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq evalwazzjoni konkreta u preċiża tal-fatti tal-kawża prinċipali, sabiex tivverifika li l-interpretazzjoni mogħtija fil-kuntest ta’ din il-kawża lill-persuna kkonċernata kienet ta’ kwalità suffiċjenti fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2010/64.

120    Wara din il-verifika, il-qorti tar-rinviju tista’ tasal għall-konklużjoni li hija ma tistax tistabbilixxi jekk il-persuna kkonċernata ġietx informata, f’lingwa li tifhem, bl-akkuża miġjuba kontriha, jew minħabba li l-interpretazzjoni mogħtija lilha kienet inadegwata, jew minħabba li huwa impossibbli li tiġi stabbilita l-kwalità ta’ din l-interpretazzjoni. Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari għandha tinftiehem fis-sens li hija intiża sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2012/13, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 48(2) tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li persuna tiġi ġġudikata fil-kontumaċja tagħha meta, minħabba interpretazzjoni inadegwata, hija ma tkunx ġiet informata, f’lingwa li hija tifhem, bl-akkuża miġjuba kontriha jew meta jkun impossibbli li tiġi stabbilita l-kwalità tal-interpretazzjoni pprovduta u għalhekk li jiġi stabbilit li hija kienet ġiet informata, f’lingwa li tifhem, bl-akkuża miġjuba kontriha.

121    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 6(3) tal-KEDB, kull akkużat għandu d-dritt li “jkun infurmat minnufih, b’lingwa li jifhem u bid-dettal, dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontra tiegħu”. Il-garanziji offruti mill-Artikolu 6(1) u (3) tal-KEDB japplikaw għal kull “akkużat”, fis-sens awtonomu li għandu dan it-terminu fil-qasam tal-KEDB. Hemm “akkuża kriminali” meta persuna tiġi akkużata uffiċjalment mill-awtoritajiet kompetenti jew meta l-atti mwettqa minnhom minħabba suspetti kontriha jkollhom riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tagħha. Għalhekk, b’mod partikolari, persuna li ġiet arrestata għaliex hija ssuspettata li wettqet reat kriminali tista’ titqies li hija “akkużata b’reat kriminali” u tista’ titlob l-protezzjoni tal-Artikolu 6 tal-KEDB (il-Qorti EDB, 12 ta’ Mejju 2017, Simeonovi vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2017:0512JUD002198004, punti 110 u 111).

122    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, fil-qasam kriminali, informazzjoni preċiża u kompleta tal-akkużi kontra persuna akkużata, u għalhekk il-klassifikazzjoni ġuridika li qorti tista’ tagħmel fir-rigward tagħha, hija kundizzjoni essenzjali għall-ekwità tal-proċedura. Id-dritt ta’ informazzjoni dwar in-natura u l-kawża tal-akkuża għandu jkun ikkunsidrat fid-dawl tad-dritt għall-persuna akkużata li tipprepara d-difiża tagħha (il-Qorti EDB, 25 ta’ Marzu 1999, Pélissier u Sassi vs Franza, CE:ECHR:1999:0325JU 002544494, punti 52 u 54). In-notifika ta’ persuna bil-proċeduri mressqa kontriha tikkostitwixxi att ġuridiku ta’ tali importanza li għandu jissodisfa rekwiżiti proċedurali u sostantivi xierqa sabiex l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tal-akkużat jiġi ggarantit, u għarfien vag u mhux uffiċjali ma huwiex suffiċjenti (il-Qorti EDB, 1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L‑Italja, CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punt 99).

123    In-natura ekwa tal-proċedura timplika li kull persuna tista’ tifhem l-akkuża mressqa kontriha sabiex tkun tista’ tiddefendi ruħha. Persuna li ma titkellimx jew li ma tifhimx il-lingwa tal-proċedura kriminali li hija s-suġġett tagħha u li ma bbenefikatx minn assistenza lingwistika li tista’ tippermettilha tifhem l-akkużi miġjuba kontriha ma tistax titqies li kienet f’pożizzjoni li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha.

124    Din il-garanzija fundamentali hija implimentata, b’mod partikolari, mid-dritt għall-interpretazzjoni previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2010/64 li jipprevedi, għal kull interrogazzjoni jew seduta matul il-proċeduri kriminali, li l-persuni ssuspettati jew akkużati li ma jitkellmux jew li ma jifhmux il-lingwa tal-proċeduri kriminali kkonċernati jiġu offruti mingħajr dewmien l-assistenza ta’ interpretu, kif ukoll mid-dritt għat-traduzzjoni tad-dokumenti essenzjali, imsemmi fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

125    Meta l-persuni ssuspettati jew akkużati jiġu arrestati jew detenuti, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2012/13 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdulhom dikjarazzjoni bil-miktub li ssemmi, b’mod partikolari, id-drittijiet proċedurali msemmija fl-Artikolu 3 tagħha.

126    L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2012/13 jipprovdi wkoll li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati jew akkużati jirċievu d-dikjarazzjoni tad-drittijiet tagħhom bil-miktub f’lingwa li jifhmu. Fejn din id-dikjarazzjoni tad-drittijiet ma tkunx disponibbli fil-lingwa xierqa, il-persuni ssuspettati jew akkużati għandhom jiġu “informati bid-drittijiet tagħhom bil-fomm u b’lingwa li jifhmu”.

127    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2012/13 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati jew akkużati tingħatalhom informazzjoni dwar l-att kriminali ssanzjonat li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu. Dik l-informazzjoni għandha tingħata “fil-pront u bid-dettal meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża”.

128    Ċertament, id-Direttiva 2012/13 ma tirregolax il-modi kif l-informazzjoni dwar l-akkuża, prevista fl-Artikolu 6 tagħha, għandha tiġi kkomunikata lill-persuna imputata. Madankollu, dawn il-modi ma jistgħux jiksru l-għan imfittex b’mod partikolari minn dan l-Artikolu 6, ikkostitwit, hekk kif jirriżulta wkoll mill-premessa 27 tal-imsemmija direttiva, mill-possibbiltà li l-persuni ssuspettati jew akkużati b’reat kriminali jkunu jistgħu jippreparaw id-difiża tagħhom u mill-garanzija tan-natura ekwa tal-proċedura (sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2019, Moro, C‑646/17, EU:C:2019:489, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

129    Minn dan isegwi li l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lil kull persuna ssuspettata jew akkużata li wettqet att kriminali ssanzjonat, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13, għandha tiġi pprovduta f’lingwa li tinftiehem minn din il-persuna, jekk ikun il-każ permezz ta’ assistenza lingwistika minn interpretu jew permezz ta’ traduzzjoni bil-miktub.

130    Minħabba n-natura determinanti għall-proċeduri kriminali kollha tad-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża miġjuba kontriha, il-fatt li persuna, li ma titkellimx jew li ma tifhimx il-lingwa ta’ din il-proċedura, ma bbenefikatx minn assistenza lingwistika li tista’ tippermettilha tifhem il-kontenut tal-akkuża u li tiddefendi ruħha, huwa biżżejjed sabiex iċċaħħad il-proċedura min-natura ekwa tagħha u sabiex tippreġudika l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża.

131    Ċertament, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mhux iktar tard mill-mument li fih il-qorti tintalab tippronunzja ruħha fuq il-mertu tal-akkuża, tingħata informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża, inklużi n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat kriminali, kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna imputata. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni tippermetti li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni, b’mod partikolari minħabba l-fatt li din ma tkunx saret f’lingwa li tinftiehem mill-akkużat, jista’ jiġi rregolarizzat matul il-proċedura kriminali.

132    Madankollu, minn dan jirriżulta wkoll li l-qorti kriminali ma tistax, mingħajr ma tikser l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13 kif ukoll in-natura ekwa tal-proċedura u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża li huwa intiż li jiggarantixxi, tiddeċiedi fuq il-mertu tal-akkuża fl-assenza tal-akkużat fil-kawża tiegħu, meta dan ma jkunx ġie informat minn qabel f’lingwa li jifhem bl-akkuża mressqa kontrih.

133    Għalhekk, fil-każ ineżami, fil-każ fejn, abbażi tal-verifiki fattwali li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq, jiġi stabbilit li l-interpretazzjoni pprovduta ma kinitx ta’ kwalità suffiċjenti sabiex tippermetti lill-imputat jifhem ir-raġunijiet tal-arrest tiegħu u l-akkużi miġjuba kontrih, tali ċirkustanza tkun ta’ natura li tostakola t-tkomplija tal-proċedura kriminali fil-kontumaċja tiegħu.

134    Barra minn hekk, peress li d-dritt tal-persuni ssuspettati u tal-persuni akkużati li jkunu preżenti fil-proċedura tagħhom huwa stabbilit fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343, il-possibbiltà li l-proċedura kriminali tiġi organizzata fil-kontumaċja tal-akkużat hija suġġetta mill-paragrafu 2 tal-istess artikolu għall-kundizzjoni li dawn il-persuni jkunu ġew informati, fi żmien xieraq, biż-żamma tal-proċedura u bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra.

135    Fl-aħħar nett, huwa minnu li, skont l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati li ma jkunux assistew għall-proċess tagħhom filwaqt li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva ma kinux issodisfatti jkollhom dritt għal proċess ġdid jew għal rimedju legali ieħor li jippermetti evalwazzjoni ġdida tal-mertu tal-kawża. Madankollu, tali dispożizzjoni ma tistax tiġġustifika li persuna tista’ tiġi kkundannata fil-kontumaċja tagħha meta ma tkunx ġiet informata bl-akkuża miġjuba kontriha, konformement ma’ dak li jeżiġi dan l-Artikolu 8(2), meta dan in-nuqqas ta’ informazzjoni jirriżulta minn interpretazzjoni inadegwata u jikkostitwixxi, konsegwentement, ksur ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni.

136    Barra minn hekk, fil-każ fejn, abbażi tal-verifiki fattwali li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq, jirriżulta li huwa impossibbli li tiġi stabbilita l-kwalità tal-interpretazzjoni pprovduta, tali ċirkustanza tkun ukoll ta’ natura li tostakola t-tkomplija tal-proċeduri kriminali fil-kontumaċja tal-akkużat. Fil-fatt, il-fatt li huwa impossibbli li tiġi stabbilita l-kwalità tal-interpretazzjoni pprovduta jfisser li huwa impossibbli li jiġi stabbilit jekk il-persuna akkużata ġietx informata bis-suspetti jew bl-akkuża miġjuba kontriha. Għalhekk, il-kunsiderazzjonijiet kollha dwar l-ipoteżi eżaminata fil-punti 121 sa 135 ta’ din is-sentenza huma, minħabba n-natura determinanti għall-proċedura kriminali kollha tad-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża miġjuba kontriha u n-natura fundamentali tad-drittijiet tad-difiża, applikabbli mutatis mutandis għal din it-tieni ipoteżi.

137    Konsegwentement, l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2010/64, l-Artikolu 4(5) u l‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2012/13, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 48(2) tal‑Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li persuna tiġi ġġudikata fil-kontumaċja tagħha meta, minħabba interpretazzjoni inadegwata, hija ma tkunx ġiet informata, f’lingwa li tifhem, bl-akkuża miġjuba kontriha jew meta jkun impossibbli li tiġi stabbilita l-kwalità tal-interpretazzjoni pprovduta u għalhekk li jiġi stabbilit li hija ġiet informata, f’lingwa li hija tifhem, bl-akkuża miġjuba kontriha.

138    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li:

–        L‑Artikolu 5 tad-Direttiva 2010/64 għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jieħdu miżuri konkreti sabiex jiżguraw li l-kwalità tal‑interpretazzjoni pprovduta u tat-traduzzjonijiet imwettqa tkun suffiċjenti sabiex il-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata tifhem l-akkuża miġjuba kontriha u sabiex din l-interpretazzjoni tkun tista’ tiġi mistħarrġa mill-qrati nazzjonali;

–        l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2010/64, l-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2012/13, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 48(2) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li persuna tiġi ġġudikata fil-kontumaċja tagħha meta, minħabba interpretazzjoni inadegwata, hija ma tkunx ġiet informata, f’lingwa li tifhem, bl-akkuża mressqa kontriha jew meta jkun impossibbli li tiġi stabbilita l-kwalità tal-interpretazzjoni pprovduta u għalhekk li jiġi stabbilit li hija ġiet informata, f’lingwa li hija tifhem, bl-akkuża miġjuba kontriha.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

139    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġustizzja, stipulat fl-Artikolu 19 TUE u fl‑Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-fatt li l‑President tal-UNĠ jaħtar, billi jevita l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal kandidati għal ġudikanti u billi jirrikorri għall-ħatra diretta temporanja, il‑president ta’ qorti, filwaqt li jiġi ppreċiżat li dan tal-aħħar huwa b’mod partikolari awtorizzat jiddeċiedi dwar it-tqassim tal-kawżi, jagħti bidu għal proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin u jevalwa l-prestazzjoni ta’ dawn tal-aħħar u, fl-affermattiv, jekk il-proċedura quddiem qorti hekk ippreseduta hijiex ekwa. Permezz tat-tielet domanda tagħha, hija tistaqsi, essenzjalment, jekk dan il‑prinċipju għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema ta’ remunerazzjoni li tipprevedi għall-imħallfin salarju iktar baxx minn dak tal‑prosekuturi tal-istess kategorija u li tippermetti l-għoti lill-imħallfin ta’ bonus diskrezzjonali u, fl-affermattiv, jekk l-imsemmi prinċipju għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal smigħ xieraq ma jistax jiġi ggarantit f’tali kundizzjonijiet.

140    Peress li l-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi hija kkontestata mill-Gvern Ungeriż u mill-Kummissjoni, għar-raġuni, essenzjalment, li la l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 TUE u lanqas dik tal-Artikolu 47 tal-Karta ma hija rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “neċessarja” sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju “tagħti s-sentenza tagħha” fil-kawża li biha hija adita (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C-563/18, EU:C:2020:234, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

141    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret repetutament li kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżupponi, b’mod partikolari, li tilwima tkun fil-fatt pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma għandhom jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

142    Fil-kuntest ta’ tali proċedura, għandu għalhekk ikun hemm, bejn l-imsemmija tilwima u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba, rabta b’tali mod li din l-interpretazzjoni tissodisfa ħtieġa oġġettiva għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tagħti (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

143    Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li hemm, bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma s-suġġett tat-tieni u t-tielet domanda u t-tilwima fil-kawża prinċipali, rabta li hija xierqa sabiex trendi l-interpretazzjoni mitluba neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’, skont l-insenjamenti li jirriżultaw minn tali interpretazzjoni, tadotta deċiżjoni li tkun meħtieġa sabiex tiddeċiedi din it-tilwima (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

144    Fil-fatt, fl-ewwel lok, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 90 u 91 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-tilwima fil-kawża prinċipali bl-ebda mod ma tikkonċerna s-sistema ġudizzjarja Ungeriża kkunsidrata fil-globalità tagħha, li ċerti aspetti tagħha huma ta’ natura li jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġustizzja u, b’mod iktar partikolari, tal-qorti tar-rinviju fl-implimentazzjoni tagħha tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-fatt li tista’ teżisti rabta materjali bejn il-mertu tat-tilwima fil-kawża prinċipali u l-Artikolu 47 tal-Karta, saħansitra b’mod usa’ mal-Artikolu 19 TUE, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi ssodisfatt il-kriterju tal-ħtieġa, previst fl-Artikolu 267 TFUE. Sabiex dan ikun il-każ, jeħtieġ li l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kif mitluba fil-kuntest tat-tieni u t-tielet domanda, tissodisfa ħtieġa oġġettiva għas-soluzzjoni, fil-mertu, tat-tilwima fil-kawża prinċipali, u dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

145    Fit-tieni lok, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet proċedurali tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju kkonċernata għandha tapplika sabiex tagħti s-sentenza tagħha huma ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Weryński, C‑283/09, EU:C:2011:85, punti 41 u 42), din ma hijiex il-portata tat-tieni u tat-tielet domanda magħmula fil-kuntest ta’ din il-kawża (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 50).

146    Fit-tielet lok, risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dawn id-domandi lanqas ma tidher li hija ta’ natura li tagħti lill-qorti tar-rinviju interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tippermettilha tiddeċiedi kwistjonijiet proċedurali tad-dritt nazzjonali qabel ma tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-mertu tat-tilwima adita biha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 51).

147    Minn dan kollu premess jirriżulta li t-tieni u t-tielet domanda huma inammissibbli.

 Dwar l-ispejjeż

148    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      LArtikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li lqorti suprema ta’ Stat Membru tikkonstata, wara appell fl-interess tal-liġi, l-illegalità ta’ talba għal deċiżjoni preliminari li l-Qorti talĠustizzja ġiet adita biha minn qorti inferjuri skont din iddispożizzjoni, minħabba li d-domandi magħmula ma humiex rilevanti u neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, mingħajr madankollu ma taffettwa l-effetti legali tad-deċiżjoni li tinkludi din it-talba. Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jobbliga lil dik il-qorti inferjuri tinjora tali deċiżjoni tal-qorti suprema nazzjonali.

2)      LArtikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li tinbeda proċedura dixxiplinari kontra mħallef ta’ qorti nazzjonali minħabba li jkun adixxa lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari skont din id-dispożizzjoni.

3)      LArtikolu 5 tad-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u talKunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għallinterpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu miżuri konkreti sabiex jiżguraw li l-kwalità talinterpretazzjoni u tat-traduzzjonijiet ipprovduti tkun suffiċjenti sabiex il-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata tifhem l-akkuża miġjuba kontriha u sabiex din l-interpretazzjoni tkun tista’ tiġi mistħarrġa mill-qrati nazzjonali.

LArtikolu 2(5) tad-Direttiva 2010/64, l-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li persuna tiġi ġġudikata fil-kontumaċja tagħha meta, minħabba interpretazzjoni inadegwata, hija ma tkunx ġiet informata, f’lingwa li tifhem, bl-akkuża mressqa kontriha jew meta jkun impossibbli li tiġi stabbilita l-kwalità tal-interpretazzjoni pprovduta u għalhekk li jiġi stabbilit li hija ġiet informata, f’lingwa li hija tifhem, blakkuża miġjuba kontriha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.