Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Diċembru 2008 - Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-576/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: M. Lumma u B. Klein)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 983/2008 tat-3 ta' Ottubru 2008 li jadotta l-pjan għall-allokazzjoni lill-Istati Membri ta' riżorsi li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-sena 2009 għall-provvista tal-ikel mill-ħażniet tal-intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fil-Komunità;

iżżomm fis-seħħ l-effetti tar-regolament annullat;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 983/2008, tat-3 ta' Ottubru 2008 1, li jinkludi l-pjan annwali għas-sena 2009 fir-rigward tat-tqassim tal-ikel lill-persuni l-iktar bil-bżonn fil-Komunità.

Skont ir-rikorrenti, ir-Regolament m'għandux bażi legali fid-dritt Komunitarju. Filwaqt li ġie adottat fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 2, li għandu l-politika agrikola komuni tal-Komunità (Artikoli 36 u 37 KE, flimkien mal-Artikolu 33 KE) bħala bażi legali, huwa ma jissodisfax, madankollu, ir-rekwiżiti li jinsabu fl-imsemmi regolament.

Il-pjan kien inizjalment imfassal bħala kompetenza anċillari għall-politika agrikola komuni peress li stokk ta' intervent essenzjalment disponibbli ġie użat għal skop soċjali. Għal diversi snin, min-naħa l-oħra, il-pjan ġie operat esklużivament permezz tax-xiri ta' ikel fis-suq ladarba, minħabba emendi fil-politika barranija komuni, bilkemm jifdal stokk ta' intervent. Ir-rikorrenti tqis il-pjan illum bħala strument Komunitarju purament ta' politika soċjali li m'għandu ebda bażi legali (prinċipju ta' setgħat mogħtija).

Ir-regolament ikkontestat mhuwiex, għaldaqstant, kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1234/2007 li jippermetti x-xiri ta' ikel għall-pjan biss jekk l-istokk ta' intervent ikun laħaq temporanjament il-kapaċità tiegħu. Sadattant, madankollu, il-fatt li x-xiri ta' ikel huwa predominanti sar stat permanenti.

Ir-regolament ikkontestat lanqas ma jsegwi l-għanijiet ta' politika agrikola komuni li huma stabbiliti fl-Artikolu 33(1) KE.

Sabiex jiġu evitati diffikultajiet fl-eżekuzzjoni tal-pjan annwali, ir-rikorrenti titlob lill-qorti sabiex tillimita l-effetti tal-annullament għall-provvista ta' xiri fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 983/2008 flimkien mal-Anness II tal-imsemmi regolament.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 983/2008 tat-3 ta' Ottubru 2008 li jadotta l-pjan għall-allokazzjoni lill-Istati Membri ta' riżorsi li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-sena 2009 għall-provvista tal-ikel mill-ħażniet tal-intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fil-Komunità (ĠU L 268, p. 3).

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, p. 1).