Language of document : ECLI:EU:C:2015:821

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

17 ta’ Diċembru 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni – Obbligu ta’ trasparenza – Kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-obbligu – Ftehimiet kollettivi nazzjonali – Sistema ta’ sigurtà soċjali kumplimentari għas-sistema ġenerali – Nomina ta’ organu ta’ assigurazzjoni inkarigat bit-tmexxija ta’ din is-sistema mill-imsieħba soċjali – Estensjoni ta’ din is-sistema lill-impjegati u lill-persuni li jimpjegaw kollha tal-qasam tal-attività kkonċernata mid-digriet ministerjali – Limitazzjoni tal-effetti fiż-żmien ta’ deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawżi magħquda C‑25/14 u C‑26/14,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqin mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-30 ta’ Diċembru 2013, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Jannar 2014, fil-proċeduri

Union des syndicats de l’immobilier (UNIS)

vs

Ministre du Travail, de l’Emploi et de la Formation professionnelle et du Dialogue social,

Syndicat national des résidences de tourisme (SNRT) et (C-25/14),

u

Beaudout Père et Fils SARL

vs

Ministre du Travail, de l’Emploi et de la Formation professionnelle et du Dialogue social,

Confédération nationale de la boulangerie et boulangerie-pâtisserie française,

Fédération générale agro-alimentaire – CFDT et (C-26/14),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Šváby (Relatur), A. Rosas, E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Union des syndicats de l’immobilier (UNIS), minn C. Bertrand u F. Blancpain, avukati,

–        għal Beaudout Père et Fils SARL, minn F. Uroz u P. Praliaud, avukati,

–        għas-Syndicat national des résidences de tourisme (SNRT) et, minn J.-J. Gatineau, avukat,

–        għall-Confédération nationale de la boulangerie et boulangerie-pâtisserie française, minn D. Le Prado u J. Barthélémy, avukati,

–        għall-Fédération générale agroalimentaire – CFDT et, minn O. Coudray, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u R. Coesme kif ukoll minn F. Gloaguen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, L. Van den Broeck u J. Van Holm, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár u O. Beynet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Marzu 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE.

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri distinti ppreżentati mill-Union des syndicats de l’immobilier (UNIS) kif ukoll minn Beaudout Père et Fils SARL għall-finijiet tal-annullament ta’ żewġ digrieti tal-ministre du Travail, de l’Emploi et de la Formation professionnelle et du Dialogue social li jestendu għall-persuni li jimpjegaw u għall-impjegati kollha tal-qasam ikkonċernat, il-ftehimiet kollettivi li jinnominaw lil istituzzjoni ta’ sigurtà soċjali bħala organu uniku li jamministra sistema jew sistemi ta’ sigurtà soċjali kumplimentari jew ta’ rimbors tal-ispejjeż għall-kura tas-saħħa.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Skont l-Artikolu L. 911-1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali, il-garanziji kollettivi li jibbenefikaw minnhom il-ħaddiema b’mod kumplimentari għal dawk li jirriżultaw mill-organizzazzjoni tas-sigurtà soċjali jistgħu jiġu ddeterminati, b’mod partikolari, permezz ta’ ftehimiet kollettivi. Skont l-Artikolu L. 911-2 ta’ dan il-kodiċi, tali garanziji kollettivi jistgħu jikkonċernaw il-kopertura tar-riskji li jikkaġunaw ħsara lill-integrità fiżika tal-persuna jew marbuta mal-maternità, b’mod kumplimentari mar-riskji li jirriżultaw mill-organizzazzjoni tas-sigurtà soċjali. Skont l-Artikolu L. 2262-1 tal-Kodiċi tax-Xogħol, l-applikazzjoni tal-ftehimiet kollettivi hija, fil-prinċipju, obbligatorja għall-firmatarji jew għall-membri tal-organizzazzjonijiet jew tal-gruppi firmatarji. Madankollu, l-Artikolu L. 911-3 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali jipprevedi li dawn jistgħu jiġu estiżi permezz ta’ digriet tal-Ministru kompetenti.

4        L-imsemmi Kodiċi tax-Xogħol, b’mod partikolari l-Artikoli L. 2261-15, L. 2261-16, L. 2261‑19, L. 2261-24, L. 2261-27 u D. 2261-3 tiegħu, jirregola din il-proċedura ta’ estensjoni.

5        Minn dan jirriżulta li l-ftehimiet ta’ qasam ta’ xogħol kif ukoll il-ftehim professjonali jew interprofessjonali konklużi f’kummissjoni konġunta, kif ukoll l-emendi u l-annessi tagħhom, jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, ikunu suġġetti għal estensjoni b’digriet tal-ministru kompetenti, li jkollhom l-għan li jagħmluhom obbligatorji għall-ħaddiema impjegati u l-persuni li jimpjegaw kollha inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim ikkonċernat. Tali proċedura tista’ tiġi ppreżentata jew fuq talba ta’ organizzazzjoni li tirrappreżenta lill-persuni li jimpjegaw jew lill-impjegati li jifformaw pari mill-kumitat konġunt li fi ħdanu ġie konkluż dan il-ftehim, jew fuq inizjattiva tal-Ministru responsabbli mix-xogħol.

6        Din il-proċedura tagħti lok għall-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Journal officiel de la République française, li jindika l-post fejn ġie ddepożitat il-ftehim ikkonċernat u jistieden lill-organizzazzjonijiet u lill-persuni interessati biex jesprimu l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu ta’ ħmistax-il jum mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-Kummissjoni Nazzjonali dwar in-Negozjar Kollettiv għandha tiġi kkonsultata minn qabel u tkun tat opinjoni mmotivata favorevoli. Fil-każ ta’ oppożizzjoni mmotivata min-naħa ta’ mill-inqas żewġ organizzazzjonijiet ta’ persuni li jimpjegaw jew ta’ żewġ organizzazzjonijiet ta’ impjegati rrappreżentati f’din il-kummissjoni, il-ministru jista’ jikkonsultaha mill-ġdid b’mod speċifiku u, sussegwentement, jiddeċiedi fuq l-estensjoni fid-dawl tal-opinjoni l-ġdida li din ikollha tagħti.

7        Konformement mal-Artikolu L. 912‑1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, meta ftehimiet kollettivi li jipprevedu garanziji li jibbenefikaw minnhom l-impjegati jorganizzaw mutwalizzazzjoni tar-riskji f’organu wieħed jew iktar li għandhom il-kapaċità li jintervjenu bħala organi ta’ assigurazzjoni, li għalihom jaderixxu b’mod obbligatorju l-impriżi li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet, dawn għandu jkollhom klawżola li tipprevedi l-eżami mill-ġdid, sa massimu kull ħames snin, tal-metodi ta’ organizzazzjoni tal-mutwalizzazzjoni tar-riskji.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

8        Fir-rigward tal-Kawża C‑25/14, il-Conseil d’État jesponi li l-emendi Nru 48, tat-23 ta’ Novembru 2010, kif ukoll Nru 49 u Nru 50, tas-17 ta’ Mejju 2011, għall-ftehim kollettiv nazzjonali tal-proprjetà immobbli stabbilixxew sistema ta’ sigurtà soċjali li tkopri r-riskji ta’ mewt, ta’ inkapaċità għax-xogħol u ta’ invalidità kif ukoll sistema kumplimentari ta’ rimbors tal-ispejjeż għall-kura tas-saħħa għall-impjegati kollha tal-qasam tal-attività kkonċernata.

9        L-Artikolu 17 tal-emenda Nru 48, tat-23 ta’ Novembru 2010, jinnomina lill-Institution de prévoyance du groupe Mornay (iktar ’il quddiem l-IPGM) bħala l-uniku operatur fl-assigurazzjonijiet ta’ dan iż-żewġ skemi.

10      B’digriet tal-Ministru għax-Xogħol, għall-Impjieg u għas-Saħħa tat-13 ta’ Lulju 2011, l-imsemmija emendi saru obbligatorji għall-ħaddiema u għall-persuni li jimpjegaw kollha f’dan il-qasam tal-attività.

11      B’rikors ippreżentat fit-23 ta’ Settembru 2011, l-UNIS talbet l-annullament ta’ dan id-digriet ministerjali, minħabba, b’mod partikolari, li l-IPGM ġiet innominata bħala l-uniku operatur fl-assigurazzjonijiet tal-iskemi msemmija mingħajr ma ġie osservat l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta mill-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament li jirriżultaw mill-Artikolu 56 TFUE.

12      Skont il-qorti tar-rinviju, l-IPGM, għalkemm ma għandhiex għan ta’ profitt u topera abbażi tal-prinċipju ta’ solidarjetà, għandha titqies bħala impriża li twettaq attività ekonomika, li ntgħażlet mill-imsieħba soċjali fost impriżi oħrajn li magħhom qiegħda f’kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi ta’ sigurtà soċjali.

13      Fir-rigward tal-Kawża C‑26/14, din il-qorti tesponi li l-emenda Nru 83, tal-24 ta’ April 2006, għall-ftehim kollettiv nazzjonali tal-furnara u tal-furnara-dolċiera (impriżi artiġjanali) stabbilixxiet sistema ta’ rimbors kumplimentari tal-ispejjeż għall-kura tas-saħħa għall-ħaddiema impjegati kollha tal-qasam tal-attività kkonċernata, abbażi ta’ mutwalizzazzjoni tar-riskji koperti u tal-adeżjoni obbligatorja tal-persuni li jimpjegaw.

14      L-Artikolu 6 tal-emenda Nru 100 għall-istess ftehim kollettiv jinnomina lil AG2R Prévoyance, istituzzjoni ta’ sigurtà soċjali, bħala l-uniku organiżmu assiguratur ta’ din is-sistema. Il-benefiċċji u l-kontribuzzjonijiet relatati mas-sistema msemmija wkoll huma ffisati permezz ta’ emenda għal dan il-ftehim kollettiv.

15      B’digriet tal-Ministru għax-Xogħol, għall-Impjieg u għas-Saħħa tat-23 ta’ Diċembru 2011, l-imsemmija emenda Nru 100 saret obbligatorja għall-ħaddiema u għall-persuni li jimpjegaw kollha f’dan il-qasam tal-attività.

16      B’riferiment espliċitu għall-punti 59 sa 65 tas-sentenza AG2R Prévoyance (C‑437/09, EU:C:2011:112), li kienu jħallu din il-kwistjoni għall-evalwazzjoni tal-qrati nazzjonali, il-qorti tar-rinviju tqis li AG2R Prévoyance, għalkemm ma għandhiex għan ta’ profitt u għalkemm taġixxi abbażi tal-prinċipju ta’ solidarjetà, intgħażlet liberament mill-imsieħba soċjali, wara negozjati li jirrigwardaw b’mod partikolari l-metodi tan-nomina tagħha, minn fost l-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali, is-soċjetajiet mutwali u l-impriżi ta’ assigurazzjonijiet li jistgħu jiġu nnominati biex jiżguraw it-tmexxija ta’ sistema kumplimentari bħal dik ikkonċernata. Għalhekk, din l-istituzzjoni ta’ sigurtà soċjali għandha titqies bħala impriża li teżerċita attività ekonomika, li ntgħażlet mill-imsieħba soċjali minn fost impriżi oħrajn li din tinsab f’kompetizzjoni magħhom fis-suq tas-servizzi ta’ sigurtà soċjali.

17      Madankollu, dejjem fil-kuntest tal-istess riferenza impliċita għas-sentenza AG2R Prévoyance (C‑437/09, EU:C:2011:112), il-qorti tar-rinviju għandha tadotta l-evalwazzjoni magħmula fil-punti 66 sa 81 ta’ din is-sentenza u, konsegwentement, għandha tqis li la l-emenda kkonċernata u lanqas id-digriet ta’ estensjoni ma huma irregolari fid-dawl tal-Artikoli 102 TFUE u 106 TFUE. Barra minn hekk, din għandha tiċħad bħala mingħajr rabta ma’ dawn l-artikoli l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ sejħa għall-kompetizzjoni qabel in-nomina tal-organu ta’ assigurazzjoni.

18      Min-naħa l-oħra, il-Conseil d’État isemmi, fiż-żewġ deċiżjonijiet tar-rinviju, is-sentenza Sporting Exchange (C‑203/08, EU:C:2010:307), dwar l-għoti ta’ dritt esklussiv li jiġi operat logħob tal-ażżard. Dan jirrileva li, konformement mal-punt 47 ta’ din is-sentenza, l-obbligu ta’ trasparenza huwa prekundizzjoni obbligatorja tad-dritt ta’ Stat Membru li jattribwixxi lil operatur ekonomiku d-dritt esklużiv li jwettaq attività ekonomika, ikun xi jkun il-mod ta’ kif jintgħażel dan l-operatur.

19      F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi ruħha dwar il-punt jekk l-osservanza ta’ dan l-obbligu tikkostitwixxix ukoll prekundizzjoni obbligatorja għall-estensjoni, minn Stat Membru, fil-konfront tal-impriżi kollha ta’ fergħa ta’ attività, ta’ ftehim kollettiv li jagħti lil operatur ta’ assigurazzjoni uniku, magħżul mill-imsieħba soċjali, it-tmexxija ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali kumplimentari favur l-impjegati ta’ din il-fergħa?

20      Konsegwentement, fiż-żewġ kawżi prinċipali, il-Conseil d’État ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jistaqsi lill-Qorti tal‑Ġustizzja, f’kull waħda minnhom, l-istess domanda, imfassla fit-termini segwenti:

“L-osservanza tal-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta mill-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea hija kundizzjoni minn qabel obbligatorja għall-estensjoni, minn Stat Membru, fil-konfront tal-impriżi kollha ta’ fergħa, ta’ ftehim kollettiv li jagħti lil operatur uniku, magħżul mill-imsieħba soċjali, il-ġestjoni ta’ sistema ta’ previdenza kumplementari obbligatorja stabbilita favur l-impjegati?”

21      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Jannar 2014, il-Kawżi C-25/14 u C-26/14 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

22      Permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ April 2015, il-Confédération nationale de la boulangerie et boulangerie-pâtisserie française talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali. Din tosserva, essenzjalment, li xi argumenti, ippreżentati bħala essenzjali fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ma ġewx diskussi bejn il-partijiet interessati. Essenzjalment, dawn jikkonsistu fil-punt jekk is-suq inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippreżentax interess transkonfinali ċert fir-rigward tal-karatteristiċi kif ukoll tal-konsegwenzi marbuta kemm man-natura awtoregolata tas-sistema kumplimentari inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑26/14 kif ukoll mal-metodi ta’ konklużjoni ta’ ftehim kollettiv u dwar is-setgħat li għandu l-ministru kompetenti fir-rigward tal-estensjoni ta’ tali ftehim f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni li għandha ssir fir-rigward tal-eżistenza ta’ eventwali restrizzjoni għall-provvista libera tas-servizzi u għall-ġustifikazzjoni possibbli għal tali restrizzjoni.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’, f’kull mument, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk din tqis li ma hijiex suffiċjentement informata jew meta l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet jew il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

24      F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tikkunsidra li għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex twieġeb id-domanda magħmula u li dawn l-elementi kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet bejn il-partijiet.

25      Għalhekk, it-talba tal-Confédération nationale de la boulangerie et boulangerie-pâtisserie française għandha tiġi miċħuda.

 Fuq id-domandi preliminari

26      Bid-domanda tiegħu f’kull waħda mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-Conseil d’État essenzjalment jistaqsi jekk l-obbligu ta’ trasparenza, li jirriżulta mill-Artikolu 56 TFUE, japplikax għall-estensjoni, minn Stat Membru, lill-impjegati u lill-ħaddiema kollha ta’ qasam ta’ attività, ta’ ftehim kollettiv konkluż mill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni li jimpjegaw u tal-ħaddiema għal qasam ta’ attività, li jikkonferixxi lil operatur ekonomiku uniku, magħżul mill-imsieħba soċjali, it-tmexxija ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali kumplimentari obbligatorja stabbilita favur l-impjegati.

27      Preliminarjament, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi li jinvolvu intervent tal-awtoritajiet nazzjonali, bħall-għoti ta’ konċessjoni tas-servizz, l-obbligu ta’ trasparenza ma japplikax għal kull operazzjoni, iżda biss għal dawk li għandhom interess transkonfinali ċert, minħabba li dawn jistgħu oġġettivament jinteressaw lil operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri differenti minn dak fejn tinsab l-awtorità li tattribwixxihom (ara b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza SECAP u Santorso, C‑147/06 u C‑148/06, EU:C:2008:277, punt 24).

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ma kkonstatatx l-elementi neċessarji li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika jekk, fil-kawżi prinċipali, jeżistix interess transkonfinali ċert. Issa, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun tista’ ssib fit-talba għal deċiżjoni preliminari espożizzjoni tal-fatti li fuqhom id-domandi jkunu bbażati kif ukoll tar-rabta li teżisti b’mod partikolari bejn dawn il-fatti u dawn id-domandi. Għalhekk, il-konstatazzjoni tal-elementi neċessarji għall-verifika tal-eżistenza ta’ xi interess transkonfinali ċert, kif ukoll, b’mod ġenerali, il-konstatazzjonijiet kollha li t-twettiq tagħhom jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-qrati nazzjonali u li minnhom tiddependi l-applikabbiltà ta’ att ta’ leġiżlazzjoni sekondarja jew ta’ leġiżlazzjoni primarja tal-Unjoni, għandha ssir qabel it-talba lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza Azienda sanitaria locale n. 5 “Spezzino” et, C‑113/13, EU:C:2014:2440, punt 47).

29      Madankollu, fid-dawl tal-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jipprevali fir-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura tad-domandi preliminari, l-assenza ta’ dawn l-osservazzjonijiet preliminari mill-qorti tar-rinviju dwar l-eżistenza ta’ xi interess possibbli transkonfinali ċert mhux bilfors twassal għall-inammissibbiltà tat-talba jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mill-proċess, tqis li tkun tista’ tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju. Dan ikun partikolarment il-każ meta d-deċiżjoni tar-rinviju jkollha elementi rilevanti suffiċjenti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza eventwali ta’ tali interess (sentenza Enterprise Focused Solutions, C‑278/14, EU:C:2015:228, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      L-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert għandha tiġi evalwata abbażi tal-kriterji rilevanti kollha, bħall-importanza ekonomika tal-kuntratt, il-post ġeografiku tal-eżekuzzjoni tiegħu jew l-aspetti tekniċi tiegħu, b’attenzjoni għall-karatteristiċi speċifiċi tal-kuntratt ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Belgacom, C‑221/12, EU:C:2013:736, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert, għandu jiġi rrilevat li l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati juru diverġenzi fl-opinjonijiet fuq din il-kwistjoni.

32      Konsegwentement, ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika biss jekk il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tikkonstata interess transkonfinali ċert fil-kawża prinċipali (sentenza Enterprise Focused Solutions, C‑278/14, EU:C:2015:228, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet segwenti jissemmew bil-kundizzjoni li l-għoti tad-dritt li jiġu amministrati s-sistemi ta’ sigurtà soċjali kumplimentari kollha inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-persuni li jimpjegaw u għall-ħaddiema kollha li jifformaw parti mill-oqsma ta’ attività kkonċernati ikollu interess transkonfinali ċert, liema ħaġa madankollu għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

33      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, meta awtorità pubblika tagħmel obbligatorju għall-persuni li jimpjegaw u għall-ħaddiema kollha ta’ qasam ta’ attività ftehim kollettiv li jinnomina lil organu uniku inkarigat bit-tmexxija ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali kumplimentari obbligatorja matul perijodu determinat, din id-deċiżjoni torbot ukoll lil dawk li, peress li ma humiex membri ta’ organizzazzjoni firmatarja, ma ġewx irrappreżentati matul in-negozjar u l-konklużjoni tal-ftehim ikkonċernat.

34      It-tielet nett, huwa permezz tad-deċiżjoni msemmija li jitwieled dritt esklussiv f’dan l-organiżmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Albany, C‑67/96, EU:C:1999:430, punt 90). Din id-deċiżjoni ta’ estensjoni għandha effett ta’ esklużjoni fir-rigward tal-operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra u li huma potenzjalment interessati mill-eżerċizzju ta’ din l-attività ta’ tmexxija (ara, b’analoġija, is-sentenza Sporting Exchange, C‑203/08, EU:C:2010:307, punt 47).

35      Ir-raba’ nett, il-ħolqien ta’ dritt esklussiv mill-awtorità pubblika jimplika, fil-prinċipju, l-osservanza tal-obbligu ta’ trasparenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sporting Exchange, C‑203/08, EU:C:2010:307, punt 47). Għaldaqstant, l-eżerċizzju, minn din l-awtorità, tas-setgħa tagħha li testendi n-natura vinkolanti ta’ ftehim kollettiv li jinnomina lil organu uniku għat-tmexxija ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali kumplimentari, jeħtieġ li l-operaturi potenzjalment interessati differenti minn dak li ġie nnominat kellhom l-okkażjoni li jesprimu l-interess tagħhom biex jiżguraw tali tmexxija u li n-nomina tal-operatur innominat għat-tmexxija ta’ sin is-sistema kumplimentari tkun saret b’imparzjalità sħiħa.

36      Fir-rigward tad-domanda magħmula, jidher li, f’mekkaniżmu bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa l-intervent ta’ awtorità pubblika li jwassal għall-ħolqien ta’ dritt esklussiv u li b’hekk għandu, fil-prinċipju, josserva l-obbligi ta’ trasparenza li jirriżultaw mill-Artikolu 56 TFUE.

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-suġġett tad-deċiżjoni ta’ estensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri ftehim konkluż wara negozjati kollettivi bejn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil persuni li jimpjegaw u u lill-impjegati ta’ qasam ta’ attività, ma għandux il-konsegwenza li jneħħi minn din id-deċiżjoni r-rekwiżiti ta’ trasparenza li jirriżultaw mill-Artikoli 56 TFUE.

38      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-obbligu ta’ trasparenza jirriżulta mill-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE teżiġi l-osservanza tagħhom. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ kull trasparenza, l-għoti lil impriża li tinsab fl-Istat Membru fejn isseħħ il-proċedura ta’ għoti jikkostitwixxi differenza fit-trattament li l-effetti tagħha jseħħu essenzjalment kontra l-interessi tal-impriżi potenzjalment interessati li jinsabu fi Stati Membri oħra, peress li dawn ma kellhom ebda possibbiltà reali li jimmanifestaw l-interess tagħhom, u din id-differenza fit-trattament tikkostitwixxi, fil-prinċipju, diskriminazzjoni indiretta abbażi tan-nazzjonalità, ipprojbita, fil-prinċipju, bl-applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 56 TFUE (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Coname, C‑231/03, EU:C:2005:487, punti 17 sa 19, kif ukoll Belgacom, C‑221/12, EU:C:2013:736, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Mingħajr ma jimponi neċessarjament li ssir sejħa għal offerti, l-obbligu ta’ trasparenza jimplika livell ta’ reklamar xieraq li jippermetti, minn naħa, ftuh għall-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, il-kontroll tal-imparzjalità tal-proċedura ta’ għoti (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Engelmann, C‑64/08, EU:C:2010:506, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Għandu jitfakkar li d-domanda magħmula f’kull waħda miż-żewġ kawżi tikkonċerna biss id-deċiżjoni li biha awtorità pubblika tiddeċiedi li testendi ftehim kollettiv lill-persuni li jimpjegaw u lill-ħaddiema kollha ta’ qasam ta’ attività. Barra minn hekk, id-drittijiet tal-persuni li jimpjegaw li ma pparteċipawx għall-konklużjoni ta’ dan il-ftehim huma affettwati biss minn din l-estensjoni.

41      Għaldaqstant, fil-prinċipju, Stat Membru jista’ biss joħloq dritt esklussiv favur operatur ekonomiku billi jagħmel obbligatorju għall-persuni li jimpjegaw u għall-ħaddiema kollha ta’ qasam ta’ attività ftehim kollettiv li jikkonferixxi lil dan l-operatur, magħżul mill-imsieħba soċjali, it-tmexxija ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali kumplimentari obbligatorja stabbilita favur l-impjegati ta’ dan il-qasam jekk id-deċiżjoni ta’ estensjoni tal-ftehim kollettiv li jinnomina lil organu amministratur uniku tittieħed biss bil-kundizzjoni li jiġi osservat l-obbligu ta’ trasparenza.

42      Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li la l-qorti tar-rinviju u lanqas il-Gvern Franċiż ma invokaw ġustifikazzjonijiet possibbli għall-fatt li d-dritt esklussiv ta’ amministrazzjoni ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali kumplimentari jingħata mingħajr ebda forma ta’ reklamar.

43      F’dan il-każ, il-Gvern Franċiż isostni li l-metodi bħal dawk adottati għall-adozzjoni tas-sentenzi ta’ estensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfaw l-osservanza tal-obbligu ta’ trasparenza.

44      Hekk kif tfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, mingħajr ma huwa neċessarjament implikat obbligu li ssir sejħa għall-offerti, dan l-obbligu jimplika livell ta’ reklamar xieraq li jippermetti, minn naħa, ftuh għall-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, il-kontroll tal-imparzjalità tal-proċedura ta’ għoti.

45      Issa, la l-fatt li l-ftehimiet kollettivi kif ukoll l-emendi għalihom ġew iddepożitati ma’ awtorità amministrattiva u jistgħu jiġu kkonsultati fuq l-internet, la l-pubblikazzjoni f’ġurnal uffiċjali ta’ avviż li jgħid li hija prevista proċedura ta’ estensjoni ta’ tali emenda, u lanqas il-possibbiltà għal kull persuna interessata li tesprimi l-osservazzjonijiet tagħha wara din il-pubblikazzjoni ma għandhom, anki flimkien, livell ta’ reklamar xieraq, li jippermetti li jiġi żgurat li l-operaturi interessati jistgħu, konformement mal-għanijiet tal-obbligu ta’ trasparenza, jesprimu l-interess tagħhom fir-rigward tal-amministrazzjoni tas-sistema ta’ sigurtà soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali qabel ma tittieħed id-deċiżjoni ta’ estensjoni b’imparzjalità sħiħa. Fil-fatt, il-persuni interessati għandhom biss terminu ta’ ħmistax-il jum biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, liema terminu huwa ferm inqas mit-termini previsti, ħlief f’każijiet urġenti, fl-Artikoli 38, 59 u 65 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132, u rettifika ĠU 2004, L 351, p. 44), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1251/2011, tat-30 ta’ Novembru 2011 (ĠU L 319, p. 43), li ma tapplikax f’dan il-każ, iżda tista’ sservi bħala qafas ta’ referenza f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, skont l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Franċiż waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-ministru kompetenti jillimita ruħu għal sempliċi kontroll tal-legalità. B’hekk jidher li l-eżistenza ta’ offerta iktar vantaġġuża li persuna interessata tinforma biha lill-imsemmi ministru ma tistax tipprekludi l-estensjoni ta’ dan il-ftehim, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

46      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda li saret f’kull waħda għandha tkun li l-obbligu ta’ trasparenza, li jirriżulta mill-Artikolu 56 TFUE, jipprekludi l-estensjoni, minn Stat Membru, għall-persuni li jimpjegaw u għall-ħaddiema kollha ta’ qasam ta’ attività, ta’ ftehim kollettiv, konkluż mill-organi li jirrappreżentaw lill-persuni li jimpjegaw u lill-ħaddiema għal qasam ta’ attività, li jikkonferixxi lil operatur uniku, magħżul mill-imsieħba soċjali, l-amministrazzjoni ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali kumplimentari obbligatorja stabbilita favur il-ħaddiema, mingħajr ma l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi reklamar xieraq li jippermetti lill-awtorità pubblika kompetenti li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ l-informazzjoni ppreżentata, fir-rigward tal-eżistenza ta’ offerta iktar vantaġġuża.

 Fuq il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza

47      Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Franċiż jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tillimita l-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza fil-każ li din tqis li miżuri ta’ reklamar bħal dawk relatati mal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ estensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-obbligu ta’ trasparenza. Din il-limitazzjoni għandha tippermetti li dawn id-deċiżjonijiet ta’ estensjoni ikunu jistgħu ikomplu jipproduċu l-effetti tagħhom sa meta jintemm il-perijodu kurrenti, hekk kif stabbilit mis-sistemi kkonċernati, u li l-effetti ta’ din is-sentenza jkunu japplikaw biss għall-ftehimiet kollettivi simili estiżi warajha.

48      Dan il-gvern josserva, minn naħa, li t-tqegħid indiskussjoni tal-obbligu ġeneralizzat ta’ sħubija f’kuntratt ma’ organu amministrattiv uniku nnominat mill-imsieħba soċjali fil-kuntest ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali kumplimentari eżistenti ikollu konsegwenzi serji, għaliex, lil hinn mill-142 000 u 117 476 ħaddiem tal-oqsma tal-proprjetà immobbli u tal-furnara-dolċiera, din taffettwa lil madwar 2 400 000 ħaddiem, fl-oqsma professjonali kollha differenti. Fil-fatt, minn dan jirriżulta ksur tal-prinċipju ta’ mutwalizzazzjoni tar-riskji hekk kif ġie implementat, li huwa partikolarment kbir fil-kuntest ta’ dawn is-sistemi li huma kkaratterizzati minn livell għoli ta’ solidarjetà, liema ħaġa taffettwa kemm il-bilanċ finanzjarju tagħhom u l-garanziji previsti minnhom. Konsegwentement, dan it-tqegħid indiskussjoni jippreġudika l-kopertura li attwalment għandhom il-ħaddiema kkonċernati fil-kuntest ta’ dawn is-sistemi. Barra minn hekk, dan jista’ joħloq ħafna kawżi quddiem il-qrati nazzjonali.

49      Min-naħa l-oħra, il-persuni kkonċernati aġixxew bona fide, b’osservanza stretta tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligu ta’ eżami mill-ġdid perijodiku, sa massimu kull ħames snin, tal-ftehimiet li jinnominaw lil organu amministrattiv u mingħajr ma kienu jafu li l-obbligu ta’ trasparenza kien miksur.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss, skont ġurisprudenza stabbilita, tintalab b’mod għal kollox eċċezzjonali biex tillimita l-possibbiltà għal kull persuna interessata li tinvoka dispożizzjoni li din interpretat bil-għan li tpoġġi indiskussjoni relazzjonijiet legali stabbiliti f’bona fide (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Transportes Jordi Besora, C‑82/12, EU:C:2014:108, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza fil-kuntest tal-kawżi prinċipali teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi speċifiċi tal-liġi tal-kuntratti pubbliċi kif ukoll in-natura ferm partikolari tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

51      Fil-fatt, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, l-Artikoli 2(d) u 2(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246), kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU L 335, p. 31), moqrija fid-dawl tal-premessi 25 sa 27 tad-Direttiva 2007/66, jippermettu lill-Istati Membri li jillimitaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-possibbiltà li jippreżentaw rikorsi kontra kuntratti konklużi bi ksur tad‑dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza MedEval, C‑166/14, EU:C:2015:779, punti 34 u 35). Minn dan jirriżulta li, f’ċerti ċirkustanzi, l-interess li tiġi evitata inċertezza legali jista’ jiġġustifika li tiġi ppreferuta l-istabbiltà tas-sitwazzjonijiet kuntrattwali diġà implementati fuq l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

52      F’dan il-każ, iż-żamma tal-effetti tad-deċiżjonijiet ta’ estensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata, fuq kollox, fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-persuni li jimpjegaw u tal-ħaddiema li ssieħbu, abbażi tal-ftehimiet kollettivi estiżi inkwistjoni, f’kuntratt ta’ sigurtà soċjali kumplimentari li jidħol f’kuntest soċjali partikolarment sensittiv. Peress li dawn il-persuni li jimpjegaw u dawn il-ħaddiema ma ġewx direttament involuti fil-proċedura ta’ estensjoni, għandu jiġi kkonstatat li dawn ikkonkludew impenji kuntrattwali li jagħtuhom garanziji ta’ sigurtà soċjali kumplimentari abbażi ta’ sitwazzjoni legali li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat biss, f’dak li jikkonċerna l-portata konkreta tal-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta mill-Artikolu 56 TFUE, f’din is-sentenza.

53      Fil-kundizzjonijiet partikolari għall-każijiet fil-kawżi prinċipali, għandu jitqies li l-effetti ta’ din is-sentenza ma għandhomx jikkonċernaw lill-ftehimiet kollettivi li jinnominaw lil organu uniku għall-amministrazzjoni ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali kumplimentari li saru obbligatorji permezz ta’ awtorità pubblika għall-persuni li jimpjegaw u għall-impjegati kollha ta’ qasam ta’ attività qabel id-data tal-pronunzja ta’ din is-sentenza, mingħajr preġudizzju għar-rikorsi ġudizzjarji ppreżentati qabel din id-data.

 Fuq l-ispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-obbligu ta’ trasparenza, li jirriżulta mill-Artikolu 56 TFUE, jipprekludi l-estensjoni, minn Stat Membru, għall-persuni li jimpjegaw u għall-ħaddiema kollha ta’ qasam ta’ attività, ta’ ftehim kollettiv, konkluż mill-organi li jirrappreżentaw lill-persuni li jimpjegaw u lill-ħaddiema għal qasam ta’ attività, li jikkonferixxi lil operatur uniku, magħżul mill-imsieħba soċjali, l-amministrazzjoni ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali kumplimentari obbligatorja stabbilita favur il-ħaddiema, mingħajr ma l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi reklamar xieraq li jippermetti lill-awtorità pubblika kompetenti li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ l-informazzjoni ppreżentata, fir-rigward tal-eżistenza ta’ offerta iktar vantaġġuża.

L-effetti ta’ din is-sentenza ma għandhomx jikkonċernaw lill-ftehimiet kollettivi li jinnominaw lil organu uniku għall-amministrazzjoni ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali kumplimentari li saru obbligatorji permezz ta’ awtorità pubblika għall-persuni li jimpjegaw u għall-impjegati kollha ta’ qasam ta’ attività qabel id-data tal-pronunzja ta’ din is-sentenza, mingħajr preġudizzju għar-rikorsi ġudizzjarji ppreżentati qabel din id-data.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.