Language of document : ECLI:EU:C:2018:845

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

18 ta’ Ottubru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 168 u 173 – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Tranżazzjonijiet ta’ xiri bin-nifs ta’ vetturi – Oġġetti u servizzi użati fl-istess ħin għal tranżazzjonijiet taxxabbli u għal tranżazzjonijiet eżenti – Tnissil u portata tad-dritt għal tnaqqis – Proporzjon li jista’ jitnaqqas”

Fil-Kawża C‑153/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Marzu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Marzu 2017, fil-proċedura

Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs,

vs

Volkswagen Financial Services (UK) Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Ħames Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, C. G. Fernlund (Relatur), u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Frar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Volkswagen Financial Services (UK) Ltd, minn N. Shaw, QC, u M. Jones, barrister, mandatés minn A. Brown, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, bħala aġent, assistit minn O. Thomas, QC, u de A. Mannion, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Gossement u R. Lyal, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 168 u 173 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Volkswagen Financial Services (UK) Ltd (iktar ’il quddiem “VWFS”) u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (l-Amministrazzjoni tat-Taxxa u tad-Dwana, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”) fir-rigward tal-metodu applikabbli għad-determinazzjoni taxxa rekuperabbli fuq il-valur miżjud (VAT) tal-input imħallsa minn din il-kumpannija fil-kuntest ta’ attività li tikkonsisti b’mod partikolari fil-provvista ta’ servizzi ta’ leasing ta’ vetturi bil-mutur.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-VAT jiddisponu:

“Il-prinċipju tas-sistema komuni ta’ VAT tinvolvi l-applikazzjoni ta’ taxxa ġenerali fuq il-konsum fuq merkanzija u servizzi li hi eżattament proporzjonali għall-prezz tal-merkanzija u s-servizzi, ikunu kemm ikunu t-transazzjonijet li jkunu saru fil-proċess ta’ produzzjoni u distribuzzjoni qabel l-istadju li fih hi imposta t-taxxa.

“Fuq kull transazzjoni, il-VAT, kalkulata fuq il-prezz tal-merkanzija [oġġetti] jew tas-servizzi bir-rata applikabbli għat-tali merkanzija jew servizzi, għandha tkun imposta wara t-tnaqqis ta’ l-ammont tal-VAT li qed jinġarr direttament mid-diversi komponenti tal-prezz.””

4        Mill-Artikolu 135(1)(b) ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jeżentaw “l-għoti jew in-negozjar ta’ kreditu u l-immaniġġjar tal-kreditu mill-persuna li tagħtih”.

5        L-Artikolu 168 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mill-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

(a)      il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

(b)      il-VAT dovuta rigward transazzjonijiet trattati bħala provvisti ta’ merkanzija jew servizzi skond l-Artikolu 18(a) u l-Artikolu 27;

(ċ)      il-VAT dovuta rigward akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija skond l-Artikolu 2(1)(b)(i);

(d)      il-VAT dovuta fuq transazzjonijiet trattati bħala akkwisti intra-Komunitarji skond l-Artikoli 21 u 22;

(e)      taxxa fuq il-valur miżjud dovut jew imħallas għal merkanzija importata f’dak l-Istat Membru.”

6        L-Artikolu 173 ta’ din l-istess direttiva jipprevedi:

“1.      Fil-każ ta’ merkanzija jew servizzi użati minn persuna taxxabbli kemm għal transazzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-VAT tista’ titnaqqas skont l-Artikoli 168, 169 u 170, u għal transazzjonijiet li fir–rigward tagħhom il-VAT ma titnaqqasx, it-tali proporzjon biss tal-VAT li hi attribwibbli għat-transazzjonijiet ta’ qabel għandha l-possibbiltà li tiġi mnaqqsa.

Il–proporzjon li jista’ jitnaqqas għandu jkun stabbilit, skond l-Artikoli 174 u 175, għat-transazzjonijiet taxxabbli kollha mwettqa mill-persuna taxxabbli.

2.      L-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri li ġejjin:

(a)      jawtorizzaw lill-persuna taxxabbli biex tistabbilixxi proporzjon għal kull settur tan-negozju tagħha, sakemm kontijiet separati huma miżmuma għal kull settur;

(b)      jeħtieġu li l-persuna taxxabbli tiddetermina proporzjon għal kull settur tan-negozju tiegħu u biex iżżomm kontijiet separati għal kull settur;

(ċ)      jawtorizzaw jew iġiegħlu l-persuna taxxabbli biex tagħmel it-tnaqqis fuq il-bażi ta’ l-użu ta’ kollha jew parti mill-oġġetti u s-servizzi;

(d)      jawtorizzaw jew jeħtieġu li l-persuna taxxabbli tagħmel it-tnaqqis skond ir-regola stabbilita fl–ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, fir-rigward tal-merkanzija u s-servizzi kollha użati għat-transazzjonijiet kollha msemmija hemmhekk;

(e)      jipprovdu li il-VAT li m’hix imnaqqsa mill-persuna taxxabbli hi insinifikanti, hi għandha tkun trattata bħala xejn.”

 Id-dritt tar-Renju Unit

7        Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward tat-tnaqqis tal-VAT tal-input ġew trasposti fid-dritt tar-Renju Unit fl-Artikolu 26 tal-Value Added Tax Act 1994 (il-Liġi tal-1994 dwar il-VAT) u mill-Artikoli 101 u 102 tal-Value Added Tax Regulations 1995 (Regolamenti tal-1995 dwar il-VAT). L-Artikolu 101(2)(d), ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-metodu normali ta’ determinazzjoni tad-dritt għal tnaqqis.

8        Deroga minn dan il-metodu normali hija prevista fl-Artikolu 102 ta’ dan ir-regolament, li tippermetti l-amministrazzjoni tat-taxxa biex tadotta metodu speċjali biex jiġi determinat il-proporzjon deduċibbli tal-VAT tal-input imħallsa.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        VWFS hija kumpannija finanzjarja ikkontrollata 100 % minn Volkswagen Financial Services AG, li hija membru tal-Grupp Volkswagen AG. Dan il-grupp mibni u jbigħ vetturi bil-mutur taħt diversi trade marks, bħal Volkswagen, Audi u Škoda.

10      Il-finanzjamenti proposti minn VWFS jintużaw biss għax-xiri ta’ vetturi tat-trade marks tal-imsemmi grupp.Barra l-offerti ta’ finanzjament, din il-kumpannija tikkontribwixxi għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn it-trade marks permezz tat-taħriġ tal-persunal inkarigat mill-bejgħ, tad-distributuri.Madankollu, l-ispejjeż marbuta ma’ dan il-kontribut ġeneralment huma amortizzati fuq il-baġit kollu ta’ VWFS u ma humiex iffatturati fuq impriżi oħra tal-grupp li, filwaqt li jifformaw parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji, ma ngħaqdux ma’ VWFS għal skema tal-issuġġettar tal-grupp għall-VAT.

11      L-attivitajiet ta’ VWFS huma maqsuma f’diversi setturi, inkluż is-settur tal-bejgħ bl-imnut. F’dan is-settur, din il-kumpannija tipproponi tliet tipi ta’ prodotti, kemm lin-negozjanti kif ukoll lill-individwi, b’leasing ta’ vetturi bil-mutur. Meta tikkonkludi kuntratt ta’ leasing, VWFS tixtri vettura mingħand id-distributur u tqegħedha għad-dispożizzjoni tal-klijent, abbażi ta’ dan il-kuntratt il-proprjetà tal-vettura ma tiġix ittrasferita lill-klijent sakemm il-pagamenti kollha dovuti skont il-kuntratt ma jkunux saru.

12      Skont ir-regoli applikabbli fir-Renju Unit, VWFS, meta tikkonkludi kuntratt bħal dan, titqies bħala l-fornitur tal-vettura kkonċernata bl-imsemmi kuntratt, li għandu jinkludi fih kundizzjoni li din il-vettura tkun ta’ kwalità sodisfaċenti. B’hekk, is-servizz li tipprovdi din il-kumpannija ma jillimitax ruħu biss għall-għoti ta’ kreditu, iżda jinkludi assistenza dwar il-vettura nnifisha, bħalma huma l-ġestjoni tal-ilmenti dwar il-kwalità tagħha.

13      Skont it-termini ta’ dan il-ftehim ta’ leasing, il-prezz imħallas lil VWFS għall-akkwist tal-vettura jikkorrispondi mal-prezz imħallas lid-distributur minn VWFS, mingħajr marġini ta’ profitt. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-iffissar tar-rata ta’ interess dwar “finanzjament” tat-tranżazzjoni, VWFS iżżid mal-ispejjeż tagħha ta’ finanzjament, marġni għall-ispejjeż ġenerali, marġni ta’ profitt u allokazzjoni għal debiti dubjużi. Għaldaqstant, skont is-sistema ta’ rikonoxximent li VWFS tuża għal dan it-tip ta’ tranżazzjoni, il-parti tar-rimborsi li tikkorrispondi għall-interessi hija inkluża fid-dħul mill-bejgħ, kuntrarjament għall-parti li tikkorrispondi għar-rimbors tal-prezz tax-xiri tal-vettura.

14      Huwa stabbilit bejn il-partijiet li, filwaqt li tikkostitwixxi tranżazzjoni kummerċjali, kuntratt ta’ leasing jinkludi, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni dwar il-VAT tar-Renju Unit, diversi prestazzjonijiet distinti, inkluż, minn naħa, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ vettura, tranżazzjoni taxxabbli, u, min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ kreditu, tranżazzjoni eżentata.

15      Fir-rigward tal-VAT tal-input imħallsa minn VWFS fuq l-attivitajiet kollha tagħha, parti minnha tiffoka esklussivament fuq tranżazzjonijiet taxxabbli jew tranżazzjonijiet eżenti u l-parti l-oħra tirrigwarda tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt żewġ tipi. Din tal-aħħar hija kklassifikata bħala “residwa” fir-Renju Unit. B’mod konkret, dawn l-ispejjeż ġenerali tal-amministrazzjoni ta’ kuljum, bħal dawk relatati mat-taħriġ u r-reklutaġġ tal-persunal, ikel u xorb, il-manutenzjoni u t-titjib tal-infrastruttura informatika kif ukoll dawk marbuta mal-bini u kartolerija. Fid-dawl tal-istatus ta’ operatur parzjalment eżentat ta’ VWFS, il-partijiet ma jaqblux fir-rigward tal-kwistjoni dwar sa fejn VWFS tista’ tnaqqas din il-VAT residwa.

16      Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ taxxa tal-input li hija setgħet tnaqqas, VWFS qablet mal-amministrazzjoni fiskali dwar il-“metodu speċjali ta’ eżenzjoni parzjali”. Skont dan il-metodu, it-taxxa tal-input imħallsa fuq l-ispejjeż sostnuti biss għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli tista’ titnaqqas, filwaqt li t-taxxa fuq l-ispejjeż sostnuti biss għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet eżenti ma tistax titnaqqas.

17      Fit-2 ta’ Frar 2007, VWFS kitbet lill-amministrazzjoni fiskali sabiex tipproponi li, fil-qafas ta’ din il-proċedura speċjali, il-VAT tal-input residwa li tinqasam bejn is-setturi ta’ attività, b’mod partikolari, skont id-dħul mill-bejgħ ta’ kull settur, li madankollu kien ikkalkulat mingħajr ma jitqies il-valur tal-vetturi mibjugħa mill-ġdid fil-kuntest tal-kuntratti ta’ leasing. Imbagħad, jiġi applikat metodu partikolari sabiex jikkwantifika l-VAT residwa li tista’ titnaqqas għal kull settur.

18      It-tilwima bejn l-amministrazzjoni fiskali u VWFS tirrigwarda l-kwistjoni dwar sa fejn il-VAT residwa hekk relatata mas-settur tal-bejgħ bl-imnut għandha titqies, skont tali metodu partikolari, bħala “użat jew għall-użu” minn VWFS sabiex jitwettqu tranżazzjonijiet taxxabbli f’dan is-settur.

19      F’dan ir-rigward, VWFS ipproponiet li wieħed jibbaża ruħu fuq ir-relazzjoni bejn in-numru ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli u l-għadd totali ta’ tranżazzjonijiet f’dak is-settur. Skont il-metodoloġija tagħha, it-tranżazzjonijiet ta’ leasing għandhom jitqiesu bħala żewġ tranżazzjonijiet distinti, waħda taxxabbli u l-oħra eżenti, u l-għadd ta’ tranżazzjonijiet ma jikkorrispondix għan-numru ta’ kuntratti iżda għan-numru ta’ pagamenti, normalment kull xahar, skont dawn il-kuntratti.

20      L-amministrazzjoni fiskali tqis, min-naħa tagħha, li kull ammont ta’ VAT residwa allokat għall-kuntratti ta’ leasing għandu jkun maqsum bejn tranżazzjonijiet taxxabbli u tranżazzjonijiet eżenti skont il-valur ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, iżda bl-esklużjoni tal-valur inizjali tal-vettura meta ġiet ikkonsenjata. Peress li l-valur tat-tranżazzjoni ta’ leasing ikun fil-biċċa l-kbira tiegħu attribwit għall-għoti tal-finanzjament, li hija prestazzjoni eżentata, hija biss rekuperabbli dik il-parti tal-VAT residwa relatata mal-valur ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli oħra magħmula fil-kuntest ta’ dawn il-kuntratti, bħalma huma miżati tat-tranżazzjoni antiċipati u l-ispejjeż ta’ eżerċizzju tal-għażla tax-xiri.

21      Fis-16 ta’ Ġunju 2008, l-amministrazzjoni fiskali ħarġet avviż ta’ tassazzjoni għall-VAT dovuta minn VWFS, abbażi tal-interpretazzjoni tagħha tad-dritt għal tnaqqis. Imbagħad, fit-30 ta’ Settembru 2008, l-amministrazzjoni fiskali adottat deċiżjoni li tistabbilixxi l-bażi taxxabbli.

22      VWFS ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) [il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla Fiskali), ir-Renju Unit], li laqgħet ir-rikors tagħha permezz ta’ sentenza mogħtija fit-18 ta’ Awwissu 2011.

23      L-Amministrazzjoni Fiskali appellat quddiem l-Upper Tribunal (Tax Chamber) [il-Qorti Superjuri (Awla tat-Taxxa), ir-Renju Unit]. Fit-12 ta’ Novembru 2012, din il-qorti tat deċiżjoni fejn laqgħet dan ir-rikors.

24      L-appell ippreżentat minn VWFS quddiem il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, ir-Renju Unit) intlaqa’ minn din tal-aħħar, permezz ta’ sentenza mogħtija fit-28 ta’ Lulju 2015.

25      Il-qorti tar-rinviju, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), awtorizzat lill-amministrazzjoni tat-taxxa tippreżenta rikors fit-23 ta’ Diċembru 2015 u eżaminat dan tal-aħħar fit-3 ta’ Novembru 2016.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Fejn spejjeż ġenerali attribwiti lil tranżazzjonijiet ta’ xiri bin-nifs (li jikkonsistu minn provvisti eżentati ta’ finanzi u provvisti taxxabbli ta’ karozzi), ġew inkorporati biss fil-prezz tal-provvisti eżentati ta’ finanzi tal-persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha d-dritt tnaqqas xi taxxa tal-input fuq dawk l-ispejjeż?

2)      X’inhi l-interpretazzjoni xierqa tal-punt 31 tas-Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2000, C-93/98, Midland Bank [(EU:C:2000:300)], u speċifikament id-dikjarazzjoni li l-ispejjeż ‘huma parti mill-ispejjeż ġenerali tal-persuna taxxabbli u huma, bħala tali, komponenti tal-prezz tal-prodotti ta’ impriża’ [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B’mod partikolari:?

a)      Din is-silta għandha tiġi interpretata li tfisser li Stat Membru għandu dejjem jattribwixxi xi taxxa tal-input lil kull provvista fi kwalunkwe metodu speċjali adottat taħt l-Artikolu 173(2)(ċ) tad-Direttiva [tal-VAT]?

b)      Dan huwa l-każ anki jekk iċ-ċirkustanzi fattwali huma li l-ispejjeż ma humiex inkorporati fil-prezz tal-provvisti taxxabbli magħmulin mill-impriża?

3)      Il-fatt li l-ispejjeż intużaw attwalment, għall-inqas sa ċertu punt, fil-produzzjoni ta’ provvisti taxxabbli ta’ karozzi,

a)      jimplika li ċertu proporzjon tat-taxxa tal-input fuq dawk l-ispejjeż għandu jkun deduċibbli?

b)      Dan huwa l-każ anki jekk iċ-ċirkustanzi fattwali huma li l-ispejjeż ma humiex inkorporati fil-prezz tal-provvisti taxxabbli ta’ karozzi?

4)      Jista’ jkun leġittimu fil-prinċipju li l-provvisti taxxabbli ta’ karozzi (jew il-valur tagħhom) jiġu injorati sabiex wieħed jasal għal metodu speċjali taħt l-Artikolu 173(2)(ċ) tad-Direttiva [tal-VAT]?”

 Fuq id-domandi preliminari

27      Permezz tal-erba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 168 u l-Artikolu 173(2)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, anki jekk l-ispejjeż ġenerali relatati ma’ servizzi ta’ leasing ta’ oġġett mobbli, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jiġu riflessi mhux fl-ammont dovut mill-klijent skont id-disponibbiltà ta’ dak l-oġġett ikkonċernat, jew il-parti taxxabbli tat-tranżazzjoni, iżda fl-ammont ta’ interessi dovuti taħt il-parti “finanzjament” tat-tranżazzjoni jew il-parti eżentata tagħha, dawn l-ispejjeż ġenerali għandhom jiġu kkunsidrati, għall-finijiet tal-VAT, bħala element kostituttiv tal-prezz ta’ dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri jistgħu japplikaw metodu ta’ tqassim li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-valur oriġinali tal-oġġett ikkonċernat fil-mument tal-kunsinna tiegħu.

 Osservazzjonijiet preliminari

28      Preliminarjament, għandu jiġi ddeterminat jekk, mill-perspettiva tal-VAT, id-diversi attivitajiet marbuta ma’ servizzi ta’ leasing, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-għoti ta’ finanzjament u d-disponibbiltà ta’ vetturi, għandhom jiġu ttrattati bħala tranżazzjonijiet distinti taxxabbli b’mod separat jew bħala tranżazzjonijiet kumplessi uniċi komposti minn diversi elementi.

29      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta tranżazzjoni tkun ikkostitwita minn sensiela ta’ elementi u ta’ azzjonijiet, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li fihom isseħħ it-tranżazzjoni inkwistjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk din it-tranżazzjoni tagħtix lok, għall-finijiet tal-VAT, għal żewġ jew diversi provvisti distinti jew provvista unika (is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2018, Stadion Amsterdam, C-463/16, EU:C:2018:22, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, minn naħa, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-VAT jirriżulta li kull tranżazzjoni għandha normalment tiġi kkunsidrata bħala distinta u indipendenti u li min-naħa l-oħra, it-tranżazzjoni kkostitwita minn servizz uniku mill-perspettiva ekonomika ma għandhiex tiġi diviża b’mod artifiċjali sabiex ma tinbidilx il-funzjonalità tas-sistema tal-VAT. Hemm lok li jiġi kkunsidrat li teżisti provvista waħda meta żewġ elementi jew atti jew iktar mogħtija mill-persuna taxxabbli lill-klijent ikunu daqstant strettament marbuta li jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda indissoċjabbli li d-diviżjoni tagħha tkun artifiċjali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ April 2016, Gabarel, C‑555/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:272, punt 44, u s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2017, Federal Express Europe, C-273/16, EU:C:2017:733, punti 37 u 38, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31      Barra minn hekk, ikun hemm provvista waħda meta element jew diversi elementi għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu l-provvista prinċipali, filwaqt li, bil-kontra, elementi oħra għandhom jitqiesu bħala provvista jew numru ta’ provvisti aċċessorji li għalihom japplika l-istess trattament fiskali li japplika għall-provvista prinċipali. B’mod partikolari, provvista għandha titqies bħala aċċessorja għal provvista prinċipali meta għall-klijentela ma tikkostitwixxix finalità fiha nnifisha, iżda mod kif jibbenefikaw taħt l-aqwa kundizzjonijiet mis-servizz prinċipali tal-fornitur (is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2018, Stadion Amsterdam, C-463/16, EU:C:2018:22, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita skont l-Artikolu 267 TFUE, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw jekk dan huwiex il-każ fil-kawża partikolari u li jressqu l-evalwazzjonijiet definittivi kollha ta’ fatt f’dak ir-rigward (is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog et, C‑497/09, C-499/09, C-501/09 u C‑502/09, EU:C:2011:135, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk tranżazzjoni kummerċjali tikkostitwixxix diversi provvisti indipendenti jew provvista waħda għall-finijiet tal-VAT, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tfittex l-elementi karatteristiċi tat-tranżazzjoni kkonċernata, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-għan ekonomiku ta’ din it-tranżazzjoni u l-interess tad-destinatarji tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Stock ‘94, C-208/15, EU:C:2016:936, 28 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li kull kuntratt ta’ leasing ta’ karozzi huwa magħmul minn diversi servizzi distinti, jiġifieri, minn naħa, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ vettura u, min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ kreditu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ma jirriżultax la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja li dik il-klassifikazzjoni ma ġietx imwettqa skont il-kriterji msemmija iktar ’il fuq.

35      B’mod partikolari, kif sostna l-Gvern tar-Renju Unit, dan il-proċess ta’ dekompożizzjoni tat-tranżazzjoni ta’ leasing jidher konsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 135 tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati b’mod strett, xorta jibqa’ l-fatt li, fin-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-identità tal-kreditur jew tad-debitur, “għoti u negozjar ta’ krediti”, fis-sens tal-paragrafu 1(b) ta’ dan l-artikolu, ma jistax ikopri self u krediti mogħtija minn istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji.

36      Għaldaqstant, ħlas iddifferit tal-prezz tax-xiri ta’ proprjetà bi ħlas ta’ interessi, jista’ jitqies bħala għoti ta’ kreditu, li jikkostitwixxi tranżazzjoni eżenti skont din id-dispożizzjoni, sakemm il-ħlas ta’ interessi ma jikkostitwixxix element tal-korrispettiv miksub għall-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi, iżda r-rimunerazzjoni ta’ dan il-kreditu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1993, Muys’ en De Winter’s Bouw- en Aannemingsbedrijf, C-281/91, EU:C:1993:855, punti 12, 13 u 19).

 Fuq il-metodu ta’ kalkolu tal-proporzjon ta’ tnaqqis tal-VAT

37      Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, kif ifformulati mill-ġdid fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-ħolqien u l-portata tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT.

38      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jirriżulta mill-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT li persuna taxxabbli għandha, fil-prinċipju, id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa meta jkun stabbilit li l-oġġetti jew is-servizzi invokati bħala bażi ta’ dan id-dritt għandhom jintużaw downstram mill-persuna taxxabbli għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha stess u li, upstream, dawn l-oġġetti jew servizzi għandhom jiġu pprovduti minn persuna taxxabbli oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Gemeente Woerden, C-267/15, EU:C:2016:466, punti 34 u 35).

39      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-persuni taxxabbli, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, b’tali mod li dan id-dritt jagħmel parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u bħala prinċipju ma jistax jiġi limitat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Gemeente Woerden, C‑267/15, EU:C:2016:466, punti 30 u 31, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40      Fil-fatt, is-sistema għat-tnaqqis hija intiża sabiex ittaffi kompletament lill-imprenditur mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi kollha tiegħu. Is-sistema komuni tal-VAT, konsegwentement, tiggarantixxi newtralità perfetta f’dak li jirrigwarda l-intaxxar tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, ikunu liema jkunu l-iskopijiet jew ir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu fihom innifishom suġġetti għall-VAT (is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Gemeente Woerden, C‑267/15, EU:C:2016:466, punt 32).

41      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata bejn tranżazzjoni partikolari tal-input u tranżazzjoni jew numru ta’ tranżazzjonijiet tal-output li jagħtu dritt għal tnaqqis bħala prinċipju hija neċessarja sabiex dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input jiġi rrikonoxxut fil-konfront tal-persuna taxxabbli u sabiex tiġi stabbilita l-portata ta’ dan id-dritt. Id-dritt għal tnaqqis tal-VAT li kienet imposta bħala taxxa tal-input fuq l-akkwist ta’ oġġetti jew ta’ servizzi jippresupponi li l-ispejjeż inkorsi fl-akkwist ta’ dawn l-oġġetti jew is-servizzi huma parti mill-elementi kostituttivi tal-prezz tat-tranżazzjonijiet intaxxati bħala taxxa tal-output li huma eliġibbli għal tnaqqis (is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Iberdrola Inmobiliaria Real Estate Investments, C-132/16, EU:C:2017:683, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Madankollu dritt għal tnaqqis huwa aċċettat ukoll favur il-persuna taxxabbli, anki fl-assenza ta’ rabta diretta u immedjata bejn tranżazzjoni tal-input partikolari u tranżazzjoni waħda jew iktar tal-output li jagħtu dritt għal tnaqqis, meta l-ispejjeż tas-servizzi inkwistjoni jagħmlu parti mill-ispejjeż ġenerali ta’ din tal-aħħar u jkunu, bħala tali, elementi li jikkostitwixxu l-prezz tal-oġġetti jew tas-servizzi li din il-persuna tipprovdi. Dawn l-ispejjeż, għandhom, fil-fatt, rabta diretta u immedjata mal-attività ekonomika kollha tal-persuna taxxabbli (is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Iberdrola Inmobiliaria Real Estate Investments, C-132/16, EU:C:2017:683, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ispejjeż ġenerali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom rabta diretta u immedjata mal-attivitajiet kollha ta’ VWFS, u mhux biss ma’ wħud minnhom. F’dan ir-rigward, il-fatt li VWFS iddeċiediet li ma tinkorporax dawn l-ispejjeż fil-prezz tat-tranżazzjonijiet taxxabbli, iżda biss fil-prezz ta’ tranżazzjonijiet eżenti, ma jistax ikollu xi impatt kwalunkwe fuq tali konstatazzjoni ta’ fatt.

44      Għalhekk, sa fejn dawn l-ispejjeż ġenerali ġew effettivament sostnuti, tal-inqas sa ċertu punt, bil-għan ta’ disponibbiltà ta’ vetturi, li huma tranżazzjonijiet taxxabbli, l-imsemmija spejjeż huma parti, bħala tali, mill-elementi kostituttivi tal-prezz ta’ dawn it-tranżazzjonijiet. Għalhekk, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT li, jinkiseb, fil-prinċipju, konformement mal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 38 sa 42 ta’ din is-sentenza.

45      F’dak li għandu x’jaqsam mal-fatt li l-ispejjeż ġenerali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex riflessi b’mod prominenti fil-prezz tat-tranżazzjonijiet intaxxati ta’ vetturi, għandu jitfakkar li r-riżultat ta’ dawn it-tranżazzjonijiet ekonomiċi huwa irrilevanti fir-rigward tad-dritt għal tnaqqis, dejjem jekk l-attività hija nnifisha suġġetta għall-VAT (is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Gemeente Woerden, C-267/15, EU:C:2016:466, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Fil-fatt, kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jkun iggarantit id-dritt għal tnaqqis tal-VAT, mingħajr ma jkun issuġġettat għal kriterju li, b’mod partikolari, jirrigwarda r-riżultat tal-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT skont liema hija persuna taxxabbli “kkull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività”. (is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, Marle Participations, C‑320/17, EU:C:2018:537, punt 44).

47      Madankollu, il-portata ta’ dan id-dritt għal tnaqqis tvarja skont l-użu li għalih l-oġġetti u s-servizzi inkwistjoni huma intiżi. Fil-fatt, filwaqt li, għall-oġġetti u għas-servizzi ddestinati sabiex jintużaw esklużivament sabiex jitwettqu tranżazzjonijiet intaxxati, il-persuni taxxabbli huma awtorizzati jnaqqsu t-taxxa kollha imposta fuq l-akkwist jew il-provvista tagħhom, għall-oġġetti u għas-servizzi ddestinati għal użu mħallat, jirriżulta mill-Artikolu 173(1) tad-Direttiva tal-VAT li d-dritt għal tnaqqis huwa limitat għall-parti tal-VAT li hija proporzjonali għall-ammont relatat mat-tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis imwettaq permezz ta’ dawn l-oġġetti jew ta’ dawn is-servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Wolfgang und Dr. Wilfried Rey Grundstücksgemeinschaft, C-332/14, EU:C:2016:417, punt 25).

48      F’dan il-każ, peress li l-ispejjeż ġenerali allokati lis-settur tal-bejgħ bl-imnut ta’ VWFS huma relatati ma’ oġġetti u servizzi użati kemm għal tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis kif ukoll għal tranżazzjonijiet li ma jagħtux dritt għal tnaqqis, il-proporzjon ta’ tnaqqis għandu jiġi stabbilit, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva.

49      Bħala regola ġenerali, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 173(1) tad-Direttiva tal-VAT, il-proporzjon li jista’ jitnaqqas għandu jkun stabbilit, skont l-Artikoli 174 u 175 ta’ din id-direttiva, għall-attivitajiet kollha magħmula mill-persuna taxxabbli b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ.

50      Madankollu, skont il-kliem tal-Artikolu 173(2)(ċ) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri jistgħu jew jawtorizzaw jew iġiegħlu l-persuna taxxabbli biex tagħmel it-tnaqqis fuq il-bażi tal-użu ta’ kollha jew parti mill-oġġetti u s-servizzi.

51      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, is-Sitt Direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli japplikaw, fir-rigward ta’ tranżazzjoni partikolari, metodu jew kriterju ta’ tqassim differenti mill-metodu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ, sakemm il-metodu magħżul jiggarantixxi determinazzjoni tal-proporzjon tat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa li tkun iktar preċiża minn dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, BLC Baumarkt, C-511/10, EU:C:2012:689, punt 24).

52      B’hekk, kull Stat Membru li jiddeċiedi li jawtorizza jew jobbliga l-persuna taxxabbli biex tagħmel it-tnaqqis abbażi tal-użu tat-totalità jew ta’ parti mill-oġġetti u s-servizzi għandu jiżgura li modalitajiet ta’ kalkolu tad-dritt għal tnaqqis jippermettu li jiġi stabbilit bl-ikbar preċiżjoni l-parti tal-VAT għal tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ newtralità inerenti għas-sistema komuni tal-VAT, jeżiġi li l-modalitajiet ta’ kalkolu tat-tnaqqis jirriflettu oġġettivament il-parti ta’ allokazzjoni reali tal-ispejjeż iġġenerata mill-akkwist ta’ oġġetti u ta’ servizzi intiżi għal użu mħallat li jista’ jiġi imputat għal tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Banco Mais, C-183/13, EU:C:2014:2056, punti 30 u 31).

53      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat madankollu li l-metodu magħżul għandu neċessarjament ikun l-iktar preċiż possibbli, iżda li, kif jirriżulta mill-punt 51 ta’ din is-sentenza, huwa għandu jkun kapaċi jiggarantixxi riżultat iktar preċiż minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterju ta’ tqassim skont id-dħul mill-bejgħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Wolfgang und Dr. Wilfried Rey Grundstücksgemeinschaft, C-332/14, EU:C:2016:417, punt 33).

54      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 33 tas-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Banco Mais (C-183/13, EU:C:2014:2056), iddeċidiet, fir-rigward ta’ entità bankarja li twettaq tranżazzjonijiet ta’ leasing għas-settur tal-vetturi, li, suġġett għal verifika mill-qorti nazzjonali, jekk it-twettiq ta’ tali tranżazzjonijiet minn bank jista’ jirrikjedi l-użu ta’ ċerti oġġetti jew servizzi intiżi għal użu mħallat, bħal bini, il-konsum tal-elettriku jew ċerti servizzi trasversali, ħafna drabi, dan l-użu huwa qabelxejn ikkawżat mill-finanzjament u l-ġestjoni tal-kuntratti konklużi mill-persuna li tagħti b’leasing mal-klijenti tagħha u mhux permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-vetturi.

55      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi speċifiċi li, fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kalkolu tad-dritt għal tnaqqis permezz tal-applikazzjoni tal-metodu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ, li jieħu inkunsiderazzjoni l-ammonti kif huma attribwiti għall-parti tal-ħlasijiet tal-leasing li jħallsu l-klijenti u li jservu biex jikkumpensaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-vetturi, iwassal biex tiġi stabbilita proporzjon tat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa li tkun inqas preċiża minn dik li tirriżulta mill-metodu bbażat fuq l-unika parti tal-ħlasijiet tal-leasing li jikkorrispondu għall-interessi li jikkostitwixxu l-korrispettiv tal-ispejjeż marbuta mal-finanzjament u mal-ġestjoni tal-kuntratti sostnuti mill-persuna li tagħti leasing, peress li dawn l-aħħar żewġ attivitajiet jiġġeneraw l-essenzjali tal-użu tal-oġġetti u tas-servizzi intiżi għal użu mħallat, bil-għan li jwettqu tranżazzjonijiet ta’ leasing għas-settur tal-karozzi.

56      Madankollu, ma jistax jiġi dedott mir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta’ leasing inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Banco Mais (C-183/13, EU:C:2014:2056) li l-Artikolu 173(2)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT jippermetti lill-Istati Membri, b’mod ġenerali, japplikaw għat-tipi kollha ta’ tranżazzjonijiet simili għas-settur tal-karozzi, li t-tranżazzjonijiet ta’ leasing inkwistjoni fil-kawża prinċipali, metodu ta’ analiżi li ma jikkunsidrax il-valur tal-vettura mal-kunsinna tagħha.

57      B’mod partikolari, minħabba n-natura fundamentali tad-dritt għal tnaqqis, imfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, meta l-modalitajiet ta’ kalkolu tat-tnaqqis ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-effett reali u sostanzjali ta’ parti mill-ispejjeż ġenerali għal tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis, dawn l-arranġamenti ma jistgħux jitqiesu li jirriflettu oġġettivament il-parti ta’ allokazzjoni reali tal-ispejjeż iġġenerata mill-akkwist ta’ oġġetti u ta’ servizzi intiżi għal użu mħallat li jista’ jiġi imputat għal tranżazzjonijiet bħal dawn. Għaldaqstant, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu ta’ natura li jiggarantixxu tqassim iktar preċiż minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterju ta’ tqassim skont id-dħul mill-bejgħ.

58      B’hekk, f’dan il-każ, fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-proporzjon ta’ tnaqqis tal-VAT applikata mill-amministrazzjoni fiskali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li din il-metodoloġija tirrifletti l-użu reali u sostanzjali ta’ parti mill-ispejjeż ġenerali għal tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li, l-Artikolu 168 u l-Artikolu 173(2)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, anki jekk l-ispejjeż ġenerali relatati ma’ servizzi ta’ leasing ta’ oġġett mobbli, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġu riflessi mhux fl-ammont dovut mill-klijent skont id-disponibbiltà ta’ dak l-oġġett ikkonċernat, jew il-parti taxxabbli tat-tranżazzjoni, iżda fl-ammont ta’ interessi dovuti taħt il-parti “finanzjament” tat-tranżazzjoni jew il-parti eżentata tagħha, dawn l-ispejjeż ġenerali għandhom jiġu kkunsidrati, għall-finijiet tal-VAT, bħala element kostituttiv tal-prezz ta’ dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw metodu ta’ tqassim li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-valur oriġinali tal-oġġett ikkonċernat fil-mument tal-kunsinna tiegħu, peress li dan il-metodu ma jistax jiggarantixxi tqassim iktar preċiż minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterju ta’ tqassim skont id-dħul mill-bejgħ.

 Fuq l-ispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 168 u l-Artikolu 173(2)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, anki jekk l-ispejjeż ġenerali relatati ma’ servizzi ta’ leasing ta’ oġġett mobbli, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġu riflessi mhux fl-ammont dovut mill-klijent skont id-disponibbiltà ta’ dak l-oġġett ikkonċernat, jew il-parti taxxabbli tat-tranżazzjoni, iżda fl-ammont ta’ interessi dovuti taħt il-parti “finanzjament” tat-tranżazzjoni jew il-parti eżentata tagħha, dawn l-ispejjeż ġenerali għandhom jiġu kkunsidrati, għall-finijiet tal-VAT, bħala element kostituttiv tal-prezz ta’ dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw metodu ta’ tqassim li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-valur oriġinali tal-oġġett ikkonċernat fil-mument tal-kunsinna tiegħu, peress li dan il-metodu ma jistax jiggarantixxi tqassim iktar preċiż minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterju ta’ tqassim skont id-dħul mill-bejgħ.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.