Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fil-21 ta’ Diċembru 2023 – Finanzamt Österreich vs P GmbH

(Kawża C-794/23, Finanzamt Österreich)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Finanzamt Österreich

Konvenut: P GmbH

Domandi preliminari

1.    L-Artikoli 203 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, persuna taxxabbli li tkun ipprovdiet servizz u indikat fuq il-fattura tagħha ammont ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ikkalkolat b’rata żbaljata ma tkunx responsabbli għall-ħlas tal-parti mill-VAT li ġiet iffatturata ħażin meta s-servizz imsemmi fil-fattura inkwistjoni jkun ġie pprovdut lil persuna mhux taxxabbli, anki jekk tali persuna taxxabbli tkun ipprovdiet servizzi oħra tal-istess natura lil persuni taxxabbli oħra?

2.    L-espressjoni “konsumatur finali li ma jibbenefikax minn dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input”, fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Diċembru 2022 (C-378/21, Finanzamt Österreich) 1 , għandha tinftiehem bħala li tirreferi biss għal persuna mhux taxxabbli jew ukoll għal persuna taxxabbli li tagħmel użu mis-servizz inkwistjoni biss għal skopijiet privati (jew skopijiet oħra li ma jwasslux għad-dritt ta’ tnaqqis tat-taxxa) u li għalhekk ma għandhiex id-dritt tnaqqas il-VAT tal-input?

3.    Fil-każ ta’ fatturazzjoni ssemplifikata skont l-Artikolu 238 tad-Direttiva 2006/112/KE, skont liema kriterji għandu jiġi eżaminat (jekk ikun il-każ fil-kuntest ta’ stima) liema huma l-fatturi li fir-rigward tagħhom il-persuna taxxabbli ma tkunx responsabbli għall-ammont iffatturat ħażin sa fejn ma jkunx hemm riskju ta’ telf ta’ dħul mit-taxxa?

____________

1 ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.

1 ECLI:EU:C:2022:968.