Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Lulju 2011 - Preparados Alimenticios del Sur vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-402/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Preparados Alimenticios del Sur, SL (Murcia, Spanja) (rappreżentant: I. Acero Campos, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni li l-każ ta' remissjoni jintbagħat lid-dwana Spanjola.

tobbliga lill-Kummissjoni li tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal remissjoni ppreżentata minn Prealisur S.L. u li taffettwa direttament dik ippreżentata minn Zukan S.L.;

sabiex il-Kummissjoni tagħti deċiżjoni dwar l-imsemmija talba, li tiġi obbligata tadotta l-miżuri u twettaq il-passi neċessarji, inkluż li tieħu miżuri kontra l-Administración Aduanera de España, sabiex tikseb l-elementi neċessarji kollha sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-każ, fosthom id-dokumentazzjoni li ssostni li talbet lid-dwana Spanjola u li din ma pprovdietx.

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tad-29 ta' Ġunju 2011, li permezz tagħha jinbaghat il-każ ta' remissjoni lill-Administración Española, sabiex din tagħti deċiżjoni dwar it-talba ta' remissjoni ppreżentata mir-rikorrenti (Każ Nru 003-004-005-006-2009 RRPP-J Y REC 04/10) peress li ma għandhiex biżżejjed informzzajoni biex tagħti deċiżjoni hija stess dwar il-każ. L-Administración Aduanera Spanjola kienet preċedentement bagħtet l-imsemmi każ lill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 220(2)(b) tar-Regoalment tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta' artikoli speċifiċi tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/1993, tat-2 ta' Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3).

Qiegħed jiġi allegat, essenzjalment, ksur tal-Artikoli 872 u 873 peress li ma kkomunikatx lir-rikorrenti l-intenzjoni tagħha li tagħti deċiżjoni mhux favorevoli, sabiex hija tkun tista' tippreżenta osservazzjonijiet f'dan ir-rigward, u talli ma pprovdietx informazzjoni dwar it-talba għal informazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea lill-Administración española u l-proroga konsegwenti tat-terminu sabiex tagħti deċżjoni dwar it-talba għal remissjoni.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, peress li din id-dispożizzjoni ma tipprovdix li l-iżball tad-dwana għandu jkun wieħed attiv, kif qed issostni l-Kummisjsoni, li għalhekk bagħtet lura l-każ minħabba nuqqas ta' informazzjoni ta' min wettaq l-iżball, li ma hux għajr id-dwana Spanjola.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regoli ta' proċedura tal-Kummissjoni u b'mod konkret l-anness li fih jinsab il-Kodiċi dwar imġieba amministrattiva tajba għall-persunal tal-Kummissjoni Ewropea fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pubbliku.

F'dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata kisret il-prinċipji ġenerali ta' amministrazzjoni tajba, il-linji gwida għal imġieba amministrattiva tajba u d-dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet ta' persuni interessati. Skont ir-rikorrenti, il-Kummisjsoni lanqas ma pprovdiet dokument fost dawk mitluba, u lanqas ma wriet interess fir-rigward tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq ksur tal-Karta tad-Drittijiet Funamentali tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, ksur tal-Artikoli 41, 42, 47, 48 u 51 tal-imsemmija Karta.

____________