Language of document : ECLI:EU:T:2013:483





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-13 ta’ Settembru 2013 —
ClientEarth u PAN Europe vs EFSA

(Kawża T‑214/11)

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Isem tal-esperti li ppreżentaw osservazzjonijiet dwar abbozz ta’ gwida dwar id-dokumentazzjoni xjentifika li għandha tiġi mehmuża mat-talbiet għall-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u ta’ sustanzi attivi li jinsabu f’dawn il-prodotti — Rifjut ta’ aċċess — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu — Protezzjoni tad-data personali — Regolament (KE) Nru 45/2001 — Obbligu ta’ motivazzjoni”

1.                     Proċedura ġudizzjarja — Deċiżjoni jew regolament li jissostitwixxi, fil-mori tal-kawża, l-att ikkontestat — Element ġdid — Estensjoni tat-talbiet u tal-motivi inizjali (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2)) (ara l-punt 33)

2.                     Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu — Portata — Obbligu ta’ evalwazzjoni konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali — Applikabbiltà sħiħa tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 għal kull talba għal aċċess għal dokumenti li jinkludu data personali (Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001, Artikolu 8, u Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(b)) (ara l-punti 39, 40)

3.                     Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Ipproċessar ta’ din id-data mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni — Informazzjoni li tippermetti li jiġu identifikati l-awturi ta’ osservazzjonijiet dwar abbozz ta’ gwida — Data personali — Talba għal aċċess għall-imsemmija informazzjoni skont ir-Regolament Nru 1049/2001 — Obbligu li tiġi stabbilita n-neċessità tat-trasferiment tal-imsemmija data (Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001, Artikoli 2(a), 5(b) u 8(b), u Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(b)) (ara l-punti 46, 64)

4.                     Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata (Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001) (ara l-punti 62, 63)

Suġġett

Inizjalment, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EFSA, tal-10 ta’ Frar 2011, li tirrifjuta talba għal aċċess, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), għal ċerti dokumenti tax-xogħol li jikkonċernaw gwida, ippreparata mill-EFSA, għall-attenzjoni tal-awturi ta’ talbiet għall-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, u sussegwentement talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EFSA, tat-12 ta’ Diċembru 2011, li tirtira d-deċiżjoni preċedenti u li tagħti aċċess lir-rikorrenti għall-informazzjoni kollha mitluba, bl-eċċezzjoni ta’ isem l-esperti esterni li għamlu xi osservazzjonijiet dwar l-abbozz ta’ gwida.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

ClientEarth u Pesticide Action Network Europe (PAN Europe), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u l-Kummissjoni Ewropea għandhom, kull waħda minnhom, ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.