Language of document : ECLI:EU:T:1997:3

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

tat-22 ta' Jannar 1997 (*)

"Ftehim KEE/Awstrija - Ftehim ŻEE - GATT - Konċessjonijiet ta' tariffi"

Fil-kawża T-115/94,

Opel Austria GmbH, li qabel kienet magħrufa bħala General Motors Austria GmbH, kumpannija stabbilita taħt id-dritt Awstrijak, bl-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Vjenna, irrappreżentata minn Dirk Vandermeersch, avocat fl-avukatura ta' Brussell, u Till Müller-Ibold, Rechtsanwalt fi Frankfurt am Main, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-uffiċċji ta’ Arendt u Medernach, 8-10 Rue Mathias Hardt,

rikorrenti

sostnuta mir-

Repubblika ta’ l-Awstrija, inizjalment irrappreżentata minn Irène Janisch, Kommissärin fil-Ministeru Federali ta' l-Ekonomija, u mbagħad minn Beatrix Matousek-Horak, Rätin fl-istess Ministeru, bħala aġenti, assistiti minn Christian Kremer avocat fl-avukatura tal-Lussemburgu, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-Ambaxxata Awstrijaka, 3 Rue des Bains,

intervenjenti

vs

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn Bjarne Hoff-Nielsen, konsulent legali, bħala aġent, u Hans-Jürgen Rabe u Georg M. Berrisch, Rechtsanwälte f'Amburgu u Brussell, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu għand Bruno Eynard, Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Kwistjonijiet Legali tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment, 100 Boulevard Konrad Adenauer,

konvenut

sostnut mill-

Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn John Forman, konsulent legali, Eric White u Theofanis Christoforou, membri tas-Servizz Legali, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu għand Carlos Gómez de la Cruz, membru tas-Servizz Legali, Centre Wagner, Kirchberg,

intervenjenti

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3697/93, ta' l-20 ta’ Diċembru 1993, li jirtira konċessjonijiet ta’ tariffi skond l-Artikolu 23(2) u l-Artikolu 27(3)(a) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità u l-Awstrija (General Motors Austria) (ĠU 1993 L 343, p. 1),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President, P. Lindh u J. D. Cooke, Imħallfin,

Reġistratur: H. Jung

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara l-proċedura orali tad-19 ta' Settembru 1996,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Qafas Legali u l-fatti li wasslu għall-kawża

1        Dan ir-rikors huwa intiż għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3697/93, ta' l-20 ta’ Diċembru 1993, li jirtira konċessjonijiet ta’ tariffi skond l-Artikolu 23(2) u l-Artikolu 27(3)(a) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità u l-Awstrija (General Motors Austria) (ĠU 1993 L 343, p. 1; aktar 'il quddiem ir-'"regolament kontenzjuż"). Dan ir-regolament ġie adottat fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 113 tat-Trattat KE u tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2837/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972, dwar il-miżuri ta' salvagwardja previsti fil-Ftehim bejn l-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Awstrija (ĠU, L 300, p. 94, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 2837/72"), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 638/90 tal-5 ta’ Marzu 1990 (ĠU 1990 L 74, p. 1).

2        L-Artikolu 1 tar-regolament kontenzjuż jipprovdi li:

"Dazju ta’ 4.9% fuq l-importazzjoni ta' gearboxes F-15 għal karozzi, iffabbrikati minn General Motors Awstrija, li jaqgħu taħt il-kodiċi ex CN 8708 40 10 (kodiċi addizzjonali Taric 8996; oħrajn: kodiċi addizzjonali Taric 8997) u li joriġinaw fl-Awstrija skond it-tifsira tal-Protokoll Nru 3 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità u l-Awstrija, qiegħed jerġa' jiġi stabbilit.

Dan id-dazju ta’ 4.9% ser japplika sakemm il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jikkonkudi li l-għajnuna in kwistjoni m'għadx għandha l-effett li tfixkel il-kompetizzjoni u l-kummerċ, jew għal perijodu massimu ekwivalenti għall-perijodu medju tat-tnaqqis fil-valur fiskali" [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        Ir-rikorrenti, Opel Austria GmbH, li qabel kienet magħrufa bħala General Motors Austria GmbH, kumpannija mwaqqfa taħt il-liġijiet ta’ l-Awstrija, hija sussidjarja ta’ General Motors Corporation, Detroit, kumpannija mwaqqfa taħt il-liġi Amerikana. Hija l-produttur uniku gearboxes F-15. Hija ilha tesportahom lejn il-Komunità mill-1993.

4        Bejn l-1989 u 1990 il-grupp General Motors, li jinkludi r-rikorrenti, dehrlu illi kellu joħloq kapaċitajiet ta’ produzzjoni għal cylinder heads, cam shafts u gearboxes manwali biex jintużaw f’magni ġodda sabiex ikun jista' jissodisfa l-ħtiġijiet taċ-ċentri ta' produzzjoni tiegħu fl-Ewropa.

5        Matul il-proċess ta’ evalwazzjoni tas-sit industrijali, li matulu l-impjanti tal-General Motors fil-Ġappun, fil-Brazil, fl-Ungerija u fl-Awstrija kienu kkunsidrati, kif ukoll sit fiċ-Ċekoslovakkja, l-awtoritajiet Awstrijaċi indikaw illi huma kienu jipprevedu li jagħtu għajnuna pubblika lir-rikorrenti, sakemm l-investiment jissodisfa ċerti kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt Awstrijak.

6        F’Marzu 1991 ir-Repubblika ta’ l-Awstrija u r-rikorrenti informaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tal-Gvern Awstrijak li jagħti għajnuna lir-rikorrenti għal investimenti biex ikabbar il-produzzjoni ta’ gearboxes, cam shafts u cylinder heads fil-fabbrika tar-rikorrenti f’Aspern/Vjenna.

7        Fid-19 ta’ Marzu 1991 inżammet laqgħa informali fil-Kummissjoni bejn rappreżentanti tal-Gvern Awstrijak u tar-rikorrenti u uffiċjali tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni (DĠ IV). Matul din il-laqgħa, il-proġett ta' l-investiment tar-rikorrenti u ta' l-għajnuna li r-Repubblika ta’ l-Awstrija kienet qiegħda tipprevedi li tagħtiha ġew ippreżentati. L-uffiċjali tad-DĠ IV mbagħad għamlu numru ta’ mistoqsijiet lill-Gvern Awstrijak u lir-rikorrenti. Il-Gvern Awstrijak wieġeb għal dawn il-mistoqsijiet b’faks ta' l-20 ta’ Marzu 1991 u r-rikorrenti b’faks tal-21 ta’ Marzu 1991.

8        F’nofs April 1991 kien hemm xi konversazzjonijiet bit-telefon bejn id-DĠ IV u l-Gvern Awstrijak u bejn id-DĠ IV u r-rikorrenti.

9        Fis-26 ta’ April 1991, il-Gvern Awstrijak indika lir-rikorrenti li l-għajnuna kienet waslet biex tingħata u illi huwa kien jikkunsidra kompatibbli ma’ l-Artikoli 23 u 27 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Awstrija u l-Komunità (aktar 'il quddiem il-"FKL"), li ġie konkluż bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2836/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972, dwar il-konklużjoni ta' ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Awstrija u li adotta dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu (ĠU, L 300, p.1). Huwa awtorizza lir-rikorrenti tibda l-investiment minkejja li l-ftehim fuq l-għajnuna ma kienx għadu ġie formalment konkluż mal-Gvern.

10      Skond il-Kunsill, matul laqgħa tat-22 ta’ Lulju 1991 bejn il-Viċi President tal-Kummissjoni, Sir Leon Brittan, u rappreżentanti ta’ partit politiku Awstrijak, liema laqgħa kienet tikkonċerna s-sħubija tar-Repubblika ta’ l-Awstrija fl-Unjoni Ewropea, f'konversazzjoni ma' l-Ambaxxatur ta' l-Awstrija, Sir Leon Brittan semma l-għajnuna mogħtija lir-rikorrenti.

11      Ix-xogħolijiet fuq il-pedamenti ta' l-impjanti tar-rikorrenti f’Aspern/Vjenna bdew fis-27 ta’ Lulju 1991.

12      Il-Kummissjoni adottat l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni ta’ l-Awstrija għal sħubija [SEC (91) 1590 finali] fl-1 ta’ Awwissu 1991. F’din l-opinjoni, li kienet ippubblikata fil-Bulettin tal-Komunitajiet Ewropej - Suppliment Nru 4/92, il-Kummissjoni semmiet, fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat, illi għalkemm il-volum ta’ għajnuna mill-Istat Awstrijak kien naqas matul l-aħħar snin, l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji kellha tirriżulta f’bidla sinjifikanti fis-sistema fl-Awstrija. F’dan ir-rigward, hija qalet, b'mod partikolari, illi: "eżempji riċenti ta’ għajnuna lill-industrija tal-karozzi juru li, anki mingħajr skema ta' għajnuna settorjali favur din l-industrija, l-użu ta’ mezzi bħall-Financial Guarantee Act (General Motors) [... jagħmel] sorveljanza attenta ta’ l-impatt settorali ta’ l-għajnuna Awstrijaka neċessarja".

13      Fil-21 ta’ Lulju 1992, ir-rikorrenti kkonkludiet ftehim mal-Finanzierungsgarantiegesellschaft li, permezz tiegħu, ingħatat għajnuna ta' 10% sa massimu ta’ OS 450 miljun għal investiment totali massimu li hu eliġibbli għas-sussidju ta' OS 4.5 biljun. Fl-1 ta’ Diċembru 1992, ir-rikorrenti kkonkludiet ftehim simili mal-belt ta' Vjenna li bih ngħatat għajnuna supplementari ta’ 5% sa massimu ta’ OS 225 miljun.

14      Matul Ottubru 1992 il-Kummissjoni indikat bil-fomm lill-awtoritajiet Awstrijaċi li hija xtaqet tqajjem problema li kien hemm ir-riskju li l-proġett General Motors joħloq.

15      Fil-21 ta’ Diċembru 1992, id-Direttur Ġenerali tal-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Ekonomiċi Esterni (DĠ I) bagħat ittra lill-Ambaxxatur Awstrijak fi Brussel fejn informah illi, skond is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni, l-investiment minn General Motors f’Aspern ma kienx jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-FKĦ u staqsieh biex jistieden lill-awtoritajiet Awstrijaċi jieħdu pożizzjoni f’dak ir-rigward qabel mal-Kummissjoni tressaq formalment il-kwistjoni quddiem il-Kumitat Konġunt tal-FKĦ.

16      Il-Kummissjoni ressqet il-kwistjoni quddiem il-Kumitat Konġunt tal-FKĦ fil-laqgħa tiegħu tal-25 ta’ Frar 1993. F’din il-laqgħa hija kkomunikat lill-Gvern Awstrijak kwestjonarji ddatati 17 u 24 ta’ Frar 1993 u nota ta’ informazzjoni ddatata 17 ta’ Frar 1993 li tiġbor fil-qosor il-pożizzjoni tagħha dwar il-proġett ta’ General Motors f’Aspern.

17      Sussegwentament, inżammu laqgħat tekniċi bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika ta’ l-Awstrija fis-16 ta’ Marzu u fil-15 ta’ April 1993. Matul it-tieni laqgħa, rappreżentanti tar-rikorrenti, li ħadu sehem fiha fuq l-istedina tal-Gvern Awstrijak, ippreżentaw lill-Kummissjoni memorandum dwar il-kompattibbiltà ta’ l-għajnuna mogħtija mir-Repubblika ta’ l-Awstrija mal-FKĦ.

18      Matul laqgħa oħra bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika ta’ l-Awstrija fil-21 ta’ Ġunju 1993, il-Gvern Awstrijak ta lill-Kummissjoni memorandum tar-rikorrenti dwar l-intensità ta’ l-għajnuna.

19      Fid-29 ta’ Ġunju 1993 il-Kummissjoni ġabret fil-qosor il-pożizzjoni tagħha f’nota interna. Din in-nota ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti fid-29 ta’ Novembru 1993.

20      It-tielet memorandum tar-rikorrenti, li jesponi l-kunsiderazzjonijiet politiċi dwar l-għajnuna, ntbagħat lill-Kummissjoni fil-15 ta’ Lulju 1993.

21      Fit-22 ta’ Lulju 1993 il-Kummissjoni adottat il-proposta għar-regolament kontenzjuż.

22      Fit-22 ta’ Novembru 1993, inżammet laqgħa bejn l-uffiċjali tal-Kummissjoni u rappreżentanti tar-Repubblika ta’ l-Awstrija u tar-rikorrenti, dawn ta' l-aħħar ġew mistiedna mir-Repubblika ta’ l-Awstrija. Matul din il-laqgħa l-uffiċjali tal-Kummissjoni reġgħu kkonfermaw li, fil-fehma tagħhom, l-għajnuna la kienet iġġustifikata skond il-FKĦ u lanqas skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja. Minkejja dan, skond ir-rikorrenti, huma staqsew jekk parti mill-għajnuna kinitx ingħatat għall-iskopijiet tal-protezzjoni ta’ l-ambjent, tar-riċerka u ta' l-iżvilupp jew tat-taħriġ.

23      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 94/1/KEFA, KE, tat-13 ta' Diċembru 1993, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea bejn il-Komunitajiet Ewropej, l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika [ta' l-Iżlanda], il-Prinċipat ta' Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Renju ta' [l-Iżvezja] u l-Konfederazzjoni [Ż]vizzera (ĠU 1994 L 1, p. 1; aktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni 94/1") u d-Deċiżjoni 94/2/KEFA, KE tal-Kunsill u l-Kummissjoni, ta’ l-istess data, dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea bejn il-Komunitajiet Ewropej, l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika [ta' l-Iżlanda], il-Prinċipat ta' Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Renju ta' l-Iżvezja (ĠU 1994, L 1, p. 571; aktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni 94/2'"), il-Kunsill u l-Kummissjoni approvaw, għan-nom tal-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u Azzar, il-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (aktar 'il quddiem il-"Ftehim ŻEE jew "il-ftehim") u l-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim ŻEE, (aktar 'il quddiem "il-protokoll ta’ aġġustament"). Fl-istess jum, il-Komunitajiet, bħala l-aħħar partijiet kontraenti, ddepożitaw l-istrumenti ta’ approvazzjoni tagħhom (ara l-informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE u tal-Protokoll ta’ Aġġustament tal-Ftehim ŻEE, ĠU 1994 L 1, p. 606).

24      B’ittra ta' l-14 ta’ Diċembru 1993 ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni memorandum dwar il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ta’ l-ambjent, ir-riċerka u l-iżvilupp u t-taħriġ mar-regoli interni tal-Komunità. Fil-15 ta’ Diċembru 1993, il-Kummissjoni ppreparat nota ta' informazzjoni li kienet tinkludi kummenti fuq l-imsemmi memorandum. Din in-nota ntbagħtet lir-rikorrenti b’ittra ta' l-1 ta’ Frar 1994.

25      Fl-20 ta’ Diċembru 1993 il-Kunsill adotta r-regolament kontenzjuż.

26      Il-Ftehim ŻEE daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994

 Proċedura

27      Permezz ta’ rikors irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-21 ta’ Marzu 1994, ir-rikorrenti ppreżentat din il-kawża.

28      Il-President tal-Qorti tal-Prim'istanza assenja l-kawża lit-Tieni Awla. Fis-7 ta’ Lulju 1994, il-Qorti tal-Prim'istanza ddeċidiet li tirrinvija l-kawża lil Awla komposta minn tliet imħallfin. Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 1995, il-kawża ġiet assenjata lir-Raba’ Awla.

29      Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-12 ta’ Awwissu 1994, il-Kummissjoni talbet sabiex tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-konvenut. Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-26 ta’ Awwissu 1994, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija talbet sabiex tintervjeni in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. L-interventi tal-Kummissjoni u tar-Repubblika ta’ l-Awstrija ġew ammessi b’digrieti tal-President tat-Tieni Awla tas-7 ta’ Ottubru 1994 u l-20 ta’ Ottubru 1994, rispettivament.

30      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (ir-Raba' Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali mingħajr ma jittieħdu miżuri ta' istruzzjoni preliminari. Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-Kunsill u lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitàjiet Ewropej (aktar 'il quddiem "l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet"). Dawn ta' l-aħħar wieġbu b’ittri li ġew iddepożitati fir-Reġistru fl-20 ta’ Awwissu 1996 u fis-26 ta’ Lulju 1996 rispettivament.

31      Is-seduta nżammet fid-19 ta’ Settembru 1996. Instemgħet it-trattazzjoni tar-rappreżentanti tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet orali li saru mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

  Talbiet tal-partijiet

32      Opel Austria GmbH, ir-rikorrenti, titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tannulla r-regolament kontenzjuż kollu kemm hu ;

–        alternattivament, tannullah safejn dan japplika għar-rikorrenti jew safejn id-dazji jaqbżu l-1.23%;

–         tordna lill-Kunsill tbati l-ispejjeż.

33      Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, parti intervenjenti, titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tilqa' t-talbiet tar-rikorrenti;

–        tordna l-Kunsill ibati l-ispejjeż tar-Repubblika ta’ l-Awstrija skond it-tienu subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura jew, alternattivament, tordna l-Kunsill ibati l-ispejjeż imġarrba mir-Repubblika ta' l-Awstrija li saru jew li għandhom x’jaqsmu maż-żmien qabel ma din saret Stat Membru.

34      Il-Kunsill, il-konvenut, jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex ha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna r-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

35      Il-Kummissjoni, parti intervenjenti, titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tiċħad ir-rikors.

 Fuq il-mertu

36      Ir-rikorrenti tqajjem għaxar motivi in sostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament, ibbażati essenzjalment fuq:

–        ksur ta’ l-Artikoli 10, 26 u 62 tal-Ftehim ŻEE;

–        ksur tal-ftehim interim li jipprepara għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE u ta’ l-obbligu skond id-dritt pubbliku internazzjonali li trattat ma jiċċaħħadx mill-iskop u mill-għan tiegħu qabel ma jidħol fis-seħħ;

–        użu ħażin tal-poter minħabba li l-Kunsill applika proċeduri tal-FTĦ sabiex jirtira konċessjonijiet ta’ tariffi li ngħataw skond il-Ftehim ŻEE;

–        ksur ta’ l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar Tariffi u Negozju (aktar 'il quddiem il-"GATT") u l-Ftehim dwar l-Interpretazzjoni u l-Applikazzjoni ta’ l-Artikoli VI, XVI u XXIII tal-Ftehim Ġenerali dwar Tariffi u Negozju (li ġie konkluż f’Ġinevra fit-12 ta’ April 1979; BISD, Supplement Nru 26 (1980), p. 56);

–        ksur tal-proċeduri ta’ konsultazzjoni u ta' riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet tal-FKĦ u l-applikazzjoni in mala fede tal-FKĦ;

–        ksur ta’ l-Artikoli 23 u 27 tal-FKĦ;

–        ksur tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2423/88, tal-11 ta’ Lulju 1988, dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta' dumping jew li jkunu sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1988 L 209, p. 1) u tar-Regolament Nru 2837/72;

–        ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti;

–        il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna ma’ l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat KE;

–        nuqqas ta' motivazzjoni tar-regolament kontenzjuż jew żbalji ovvji ta' evalwazzjoni.

37      Peress li l-ewwel motiv u t-tieni parti tat-tieni motiv huma relatati, dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien.

 L-ewwel motiv u tieni parti tat-tieni motiv flimkien: ksur ta’ l-Artikoli 10, 26 u 62 tal-Ftehim ŻEE u ta’ l-obbligu skond id-dritt pubbliku internazzjonali li trattat ma jiċċaħħadx mill-iskop u mill-għan tiegħu qabel ma jidħol fis-seħħ

38      Dawn il-motivi, meħuda flimkien, jinkludu diversi partijiet. Skond l-ewwel parti, il-Kunsill deliberatament ta data b’lura lill-edizzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej li fiha ġie ppubblikat ir-regolament kontenzjuż. It-tieni, it-tielet u r-raba partijiet jirrigwardaw ksur ta’ l-Artikoli 10, 26 u 62, rispettivament, tal-Ftehim ŻEE. Il-ħames parti hija bbażata fuq ksur ta’ l-obbligu, taħt id-dritt pubbliku internazzjonali, li trattat ma jiċċaħħadx mill-iskop u mill-għan tiegħu qabel ma jidħol fis-seħħ.

 L-argumenti tal-partijiet

39      B’mod ġenerali, ir-rikorrenti u r-Repubblika ta’ l-Awstrija jsostnu illi r-regolament kontenzjuż daħal fis-seħħ wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE (ara l-punti 41 u 42 aktar 'il quddiem) u, għaldaqstant, huwa għandu jkun kompatibbli ma’ dan il-Ftehim. Ir-rikorrenti tallega li, peress li huwa inkompatibbli mal-Ftehim ŻEE, huwa għandu jkun iddikjarat null ab initio.

40      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jasserixxu illi d-data deċiżiva sabiex tiġi evalwata l-validità tar-regolament kontenzjuż hija d-data ta’ l-adozzjoni tiegħu. Peress li r-regolament kien adottat qabel maż-ŻEE daħal fis-seħħ, dan il-ftehim ta’ l-aħħar ma jistax ikun applikabbli għal din il-kawża.

–        L-allegat tqegħid ta’ data b’lura lill-edizzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali li fiha ġie ppubblikat ir-regolament kontenzjuż

41      Ir-rikorrenti tosserva li l-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż jippreċiża li dan għandu jidħol fis-seħħ "fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Filwaqt li tirreferi għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta' Marzu 1977, Société pour l'Exportation des Sucres vs Il-Kummissjoni (88/97, Ġabra p. 709, punt 14 et seq.), u tal-25 ta' Jannar 1979, Racke (98/78, Ġabra p. 69, punt 15), hija tosserva li l-Ġurnal Uffiċjali jitqies li ġie ppubblikat fid-data li jġib, iżda li l-partijiet jistgħu jippruvaw li dan fil-fatt kien ippubblikat f’data aktar tard.

42      Għalkemm l-edizzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali li fiha kien ippubblikat ir-regolament kontenzjuż (ĠU L 343) iġġib id-data tal-31 ta’ Diċembru 1993, din kienet fil-fatt ippubblikata fil-11 jew it-12 ta’ Jannar 1994. Sabiex issostni din l-asserzjoni, ir-rikorrenti tinvoka ittra mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet u l-konstatazzjonijiet formali ta’ marixxall tal-qrati tal-Lussemburgu. Għaldaqstant, l-aktar data kmieni meta r-regolament daħal fis-seħħ hija l-11 ta’ Jannar 1994.

43      Ir-rikorrenti tammetti li, sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat illi l-iżbalji dwar id-data ta’ pubblikazzjoni stampata fuq il-Ġurnal Uffiċjali ma tirrendix il-miżura ppubblikata fih nulla (ara s-sentenzi Société pour l'Exportation des Sucres vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 14 et seq., u Racke, iċċitat aktar 'il fuq, punt 15). Madankollu, dawk is-sentenzi kienu jikkonċernaw biss żbalji li jinvolvu jum wieħed ta' xogħol biss u li kienu mwettqa mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, peress li, f'din il-kawża, il-Kunsill deliberatament ta data b’lura lill-edizzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali li fiha ppubblika r-regolament kontenzjuż, il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha tannullah sempliċement għal din ir-raġuni. Fil-fatt, peress illi l-azzjoni tal-Kunsill kienet intiża li toħloq l-impressjoni li r-regolament kien daħal fis-seħħ qabel il-Ftehim ŻEE, din tmur kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tippreġudika l-fiduċja tal-pubbliku fl-awtentiċità tal-Ġurnal Uffiċjali. Azzjoni bħal din hija partikolarment mhux xierqa minħabba li l-qafas legali eżiztenti fil-31 ta’ Diċembru 1993 kien assolutament differenti minn dak tal-11 ta’ Jannar 1994. Il-Kunsill bagħat il-verżjoni oriġinali tar-regolament kontenzjuż lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet f’Jannar 1994, iżda huwa xorta waħda tah l-istruzzjoni sabiex jippubblikah fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-edizzjoni ta' l-1993.

44      Ir-rikorrenti tasserixxi wkoll illi l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kunsill li d-dewmien kien dovut għal xogħol b'lura fl-aħħar tas-sena ma teżentax l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet mill-obbligu tiegħu illi jindika b’mod korrett id-data attwali tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali. Minbarra dan, il-proċedura użata mill-Kunsill la hija normali u lanqas neċessarja. Ġew ippubblikati tliet miżuri oħra, adottati f’Diċembru 1993, fil-Ġurnal Uffiċjali fl-1994. Il-Kunsill għaldaqstant deliberatament ipprova jippubblika r-regolament kontenzjuż fil-Ġurnal Uffiċjali fl-edizzjoni ta’ l-1993.

45      Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tikkunsidra li, irrispettivament minn jekk il-Ġurnal Uffiċjali ngħatax deliberatament data b’lura, ir-rispett tal-kundizzjonijiet għall-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali hija rekwiżit proċedurali essenzjali. Hija żżid illi d-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament kontenzjuż għandha rwol fl-istħarriġ tal-legalità tiegħu, peress illi l-Ftehim ŻEE jipprojbixxi l-introduzzjoni ta’ dazji doganali ġodda wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

46      Il-Kunsill jikkonferma li r-regolament kontenzjuż ġie ppubblikat fil-11 ta’ Jannar 1994, fl-edizzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali ddatata 31 ta’ Diċembru 1993 u li r-regolament kontenzjuż għaldaqstant daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Jannar 1994. Madankollu, dan ma jirrendix ir-regolament null. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Société pour l'Exportation des Sucres vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 14 et seq., u Racke, iċċitat aktar 'il fuq, punt 15), żball rigward id-data tal-pubblikazzjoni stampata fuq il-Ġurnal Uffiċjali ma jagħmilx att Komunitarju null. Il-fatt li titqiegħed data b'lura kemm jekk b’mod deliberu jew b’mod aċċidentali fuq edizzjoni tal- -Ġurnal Uffiċjali jista’ biss iwassal għan-nullità ta' att Kommunitarju safejn id-dħul fis-seħħ ta’ l-att jista' jkollu rwol fil-legalità tiegħu, li mhux il-każ f’din il-kawża.

47      Il-Kunsill ma jikkontestax l-asserzjoni li huwa deliberatament ta data lill-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali b'lura. Ir-raġuni għaliex il-Ġurnal Uffiċjali L 343 kien disponibbli tard hija li, fl-aħħar ta' kull sena, jeħtieġ li numru sostanzjali ta’ atti adottati mill-istituzzjonijiet fl-aħħar ta’ Diċembru jiġu ppubblikati. Minbarra dan, il-Kunsill qatt ma allega li r-regolament kontenzjuż daħal fis-seħħ qabel id-data attwali tal-pubblikazzjoni tiegħu.

–        L-allegat ksur ta’ l-Artikolu 10 tal-Ftehim tal-ŻEE

48      Ir-rikorrenti ssostni li, billi tipprovdi li "dazju ta’ 4.9% […] qiegħed jerġa' jiġi stabbilit", ir-regolament kontenzjuż kiser l-Artikolu 10 tal-Ftehim ŻEE peress illi dan il-Ftehim daħal fis-seħħ.

49      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE jikkostitwixxu parti integrali mis-sistema legali Komunitarja (ara l-kawża tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' April 1974, Haegeman, 181/73, Ġabra p. 449, punti 3 sa 5). L-Artikolu 10 tal-Ftehim, li jipprojbixxi d-dazji fuq l-importazzjonijiet u t-taxxi kollha li għandhom effett ekwivalenti bejn il-Partijiet Kontraenti, jikkorrispondi għall-Artikoli 12, 13, 16 u 17 tat-Trattat KE. Huwa essenzjalment identiku għad-dritt Komunitarja intern u għandu għaldaqsant ikun analizzat, skond l-Artikolu 6 tal-Ftehim ŻEE, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE li huma identiċi fis-sustanza tagħhom.

50      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 12 tat-Trattat KE huwa d-dispożizzjoni li tikkorrispondi għall-Artikolu 10 tal-Ftehim ŻEE f'dak li jirrigwarda d-dazji fuq l-importazzjoni. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 12 tat-Trattat KE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi "d-dazji doganali huma pprojbiti rrispettivament minn kull kunsiderazzjoni ta’ l-għan li għalihom ġew stabbiliti u d-destinazzjoni tad-dħul li jsir minnhom" (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-1 ta' Lulju 1969, Sociaal Fonds voor de Diamantarbeiders vs Brachfeld, 2/69 u 3/69, Ġabra p. 211, punt 13; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Frar 1963, Van Gend en Loos, 26/62, Ġabra p. 1). Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat illi din id-diżpożizzjoni kellha rwol ċentrali fil-ġabra ta' regoli intiżi li jistabbilixxu l-moviment liberu tal-merkanzija. Dan il-moviment liberu mhuwiex biss wieħed mill-għanijiet ċentrali tat-Trattat KE, iżda huwa wkoll wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Ftehim ŻEE. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest Komunitarju, kull eċċezzjoni għal din ir-regola essenzjali għandha tkun speċifikata b’mod ċar fit-Trattat u għandha tingħata interpretazzjoni stretta (ara l-kawżi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Novembru 1964, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu u L-Belġju, 90/63 u 91/63. Ġabra p. 1217, u ta' l-20 ta' April 1978, Commissionnaires Réunis, 80/77 u 81/77 Ġabra p. 927).

51      Ir-rikorrenti tikkonkludi li, skond l-Artikolu 6 tal-Ftehim ŻEE, l-Artikolu 10 għandu jiġi interpretatat fis-sens illi "d-dazji doganali huma pprojbiti rrispettivament minn kull kunsiderazzjoni ta’ l-għan li għalihom ġew stabbiliti", jiġifieri bħala li jistabbilixxi projbizzjoni ġenerali u assoluta.

52      Il-Ftehim ŻEE jipprojbixxi ż-żamma ta' dazji doganali u, a fortiori, l-introduzzjoni ta’ dazji bħal dawn. Bl-adozzjoni tar-r-regolament kontenzjuż, il-Komunità ħolqot dazju doganali ġdid li sar effettiv wara li l-Ftehim ŻEE daħal fis-seħħ.

53      Fir-rigward tad-differenzi bejn it-Trattat KE u l-Ftehim ŻEE invokati mill-Kunsill sabiex juri li l-Artikolu 20 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi interpretat b’mod differenti mill-Artikolu 12 tat-Trattat KE, ir-rikorrenti josserva li dawn id-differenzi kienu magħrufa minn dawk li ħejjew il-Ftehim ŻEE, u li dawn xorta waħda adottaw l-Artikolu 6 tal-Ftehim ŻEE.

54      L-importanza ta’ interpretazzjoni konsistenti tar-regoli tal-Ftehim ŻEE u tar-regoli Komunitarji toħroġ mill-ftehim innifsu, partikolarment mill-Artikolu 1 tiegħu u mir-raba u l-15-il paragrafu tal-preamblu tiegħu.

55      Fir-rigward ta’ l-argument tal-Kunsill illi l-KE hija unjoni doganali u ż-ŻEE hija żona ta' kummerċ liberu, ir-rikorrenti tenfasizza li din id-differenza m’għandha ebda impatt fuq il-ħelsien mid-dazju ta’ prodotti li joriġinaw fil-Partijiet Kontraenti.

56      Bl-istess mod, b'risposta għall-argument tal-Kunsill illi l-klawsoli ta' salvagwardja previsti fil-Ftehim ŻEE m'għandhomx klawsoli korrespondenti fit-Trattat KE, ir-rikorrenti josserva li, matul il-perijodu ta' tranżizzjoni, kien hemm klawsoli bħal dawn fid-dritt Komunitarju, u li fis-sentenza Sociaal Fonds voor de Diamantarbeiders, kienu preċiżament dazji miġbura matul il-perijodu ta' tranżizzjoni li ġew iddikjarati illegali mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti għaldaqstant stabilixxiet projbizzjoni mingħajr kundizzjonijiet tad-dazji doganali minkejja d-dritt ta’ l-Istati Membri li jirrikorru għal miżuri ta’ salvagwardja f’ċerti ċirkustanzi.

57      Fir-rigward ta’ l-argument tal-Kummissjoni li l-Artikolu 10 tal-Ftehim ŻEE u d-dispożizzjonijiet ekwivalenti tat-Trattat KE mhumiex identiċi fis-sustanza tagħhom, ir-rikorrenti tosserva li l-Ftehim ŻEE jipprovdi għal xi eċċezzjonijiet rari għall-abolizzjoni tad-dazji kollha, iżda li kull eċċezzjoni tingħata definizzjoni stretta u, minbarra dan, hija akkumpanjata minn klawsola espressa li tipprojbixxi li din l-eċċezzjoni tkun estiża lil hinn minn dak li hu espressament previst minnha. Għaldaqstant, hija tosserva li t-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 10 tal-Ftehim tipprovdi li dazji doganali huma pprojbiti, bl-eċċezzjoni ta' dawk imsemmija fil-Protokoll 5, u li l-Artikolu 26 tal-Ftehim jipprovdi li dazji kompensatorji u miżuri oħra ta’ politika kummerċjali huma pprojbiti, bl-eċċezzjoni ta' dawk permessi bis-saħħa tal-Protokoll 13. Bl-istess mod, dazji adottati skond l-Artikolu 64 tal-Ftehim jistgħu jkunu adottati peress illi dak l-artikolu huwa eċċezzjoni għall-Artikolu 10 tal-Ftehim.

58      Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-argument tal-Kummissjoni li l-FKĦ tibqa’ l-unika liġi applikabbli, minħabba li l-Ftehim ŻEE mhuwiex intiż illi jirrimedja l-effetti ta’ distorejoni tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ kkawżati minn għajnuna eżistenti tat-tip in kwistjoni f'din il-kawża, mhuwiex relevanti għal din il-kawża. Il-projbizzjoni ta’ dazji doganali hija rrregolata mill-Ftehim ŻEE rrispettivament minn jekk ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat japplikawx jew le.

59      Ir-rikorrenti tiċħad ukoll l-argument tal-Kunsill illi d–dazju doganali li ġie stabbilit mill-ġdid mir-regolament kontenzjuż huwa dazju sui generis. Hija tosserva li l-Ftehim ŻEE fih projbizzjoni ġenerali tad-dazji doganali b'numru żgħir ta' eċċezzjonijiet strettament iddefiniti. Għaldaqstant ma jista' jkun hemm ebda eċċezzjoni oħra, li la hija miktuba u lanqas ippreċiżata, għal din ir-regola għal dazji sui generis peress li, skond il-prinċipji ta’ interpretazzjoni li huma ġeneralment aċċettati, l-eċċezzjonijiet għar-regoli ġenerali għandhom ikunu bbażati fuq dispożizzjonijiet tal-liġi espressi, liema dispożizzjonijiet, għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Ir-rikorrenti żżid li, anke kieku d-dazju stabbilit mir-regolament kontenzjuż kellu jiġi distint minn dazji doganali oħra fuq il-bażi li dan jikkostitwixxi l-irtirar ta’ vantaġġ mogħti skond il-FKĦ, dan ma jbiddilx in-natura tiegħu. Id-dazji doganali jibqgħu dazji doganali rrispettivament mir-raġuni għalfejn il-Kunsill stabbilixxihom.

60      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li, bis-saħħa ta' l-Artikolu 120 tiegħu, il-Ftehim ŻEE, jipprevali fuq il-FKĦ, peress li l-Ftehim ŻEE jirrigwarda qasam ġenerali u peress li, fil-qasam ikkonċernat f’din il-kawża, iż-żewġ ftehim ikopru l-"istess suġġett". Huwa ovvju illi l-Ftehim ŻEE jittrata t-tneħħija ta’ dazji doganali fuq il-prodotti industrijali fost il-partijiet, ir-restrizzjonijiet fuq l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat u l-kundizzjonijiet preliminari għall-adozzjoni ta’ miżuri prottetivi. Minbarra dan, l-għanijiet tal-Ftehim ŻEE huma aktar wesgħin minn dawk tal-FKĦ.

61      Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ssostni li, skond l-Artikolu 6 tal-Ftehim ŻEE, l-Artikolu 10 ta’ dak il-Ftehim għandu jkun analizzat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu tat-Trattat KE. Fir-rigward tad-differenzi bejn it-Trattat KE u l-Ftehim ŻEE, hija tosserva li, minkejja dawn id-differenzi, il-Qorti ta' l-EFTA, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Diċembru 1994 fil-kawża Restamark (E-1/94, Rapport tal-Qorti ta’ l-EFTA, 1 ta' Jannar 1994 - 30 ta' Ġunju 1995, p. 15, punti 32 sa 34, 46, 56, 63 u 64), impliċitament ddeċidiet li dawk l-artikoli tal-Ftehim ŻEE li huma, fis-sustanza tagħhom, identiċi, għandhom jiġu interpretati skond il-ġurisprudenza relevanti tal-qrati Komunitarji. Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ssostni wkoll illi kemm il-Ftehim ŻEE u l-FKĦ jipprovdu għall-eżenzjoni mid-dazju fuq il-prodotti industrijali, inkluż il-prodott in kwistjoni f'din il-kawża u li, bis-saħħa ta' l-Artikolu 120 tal-Ftehim ŻEE, mill-1 ta’ Jannar 1994, il-FKĦ ma baqax applikabbli.

62      Il-Kunsill isostni li r-regolament kontenzjuż huwa kompatibbli ma’ l-Artikolu 10 tal-Ftehim ŻEE. F’dan ir-rigward, huwa jargumenta li, għalkemm skond l-Artikolu 6 tal-Ftehim ŻEE, l-Artikolu 10 għandu, fil-prinċipju, ikun interpretat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijet li jikkorrispondu tat-Trattat KE u, b'mod partikolari,l-Artikolu 12 tiegħu, dan l-obbligu ma jistax jiġi interpretat illi jfisser illi "d-dazji doganali huma pprojbiti rrispettivament minn kull kunsiderazzjoni ta’ l-għan li għalihom ġew stabbiliti" (sentenza Sociaal Fonds voor de Diamantarbeiders vs Brachfeld, iċċitata aktar 'il fuq, punt 13). Fil-fehma tal-Kunsill, hemm differenzi kbar bejn it-Trattat KE u l-Ftehim ŻEE (ara l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ta' l-14 ta' Diċembru 1991, dwar il-Ftehim ŻEE, Opinjoni 1/91, Ġabra p. I-6079, punti 13 sa 22), differenzi li jeżiġu interpretazzjoni differenti ta' l-Artikolu 10 ta' l-imsemmi Ftehim. Għaldaqstant, il-Ftehim ŻEE mhuwiex intiż li jistabbilixxi suq uniku mingħajr fruntieri interni u d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-moviment liberu tal-merkanzija japplikaw biss għall-prodotti li joriġinaw mill-Partijiet Kontraenti. It-Trattat KE, min-naħa tiegħu, jikkostitwixxi karta kostituzzjonali u joħloq sistema legali ġdida, u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-moviment liberu u l-kompetizzjoni mhumiex għan fihom infushom, imma mezzi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ l-integrazzjoni ekonomika li twassal għat-twaqqif ta’ suq intern u ta' unjoni ekonomika u monetarja bl-għan li jikkontribwixxu għall-progress konkret ta' l-Unjoni Ewropea.

63      Minbarra dan, b'differenza mit-Trattat KE li, fi tmiem il-perijodu ta' tranżizzjoni ma jippermettix lill-Istati Membri li jadottaw miżuri ta’ salvagwardja, l-Artikolu 64 tal-Ftehim ŻEE fih dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Partijiet Kontraenti li jadottaw miżuri sabiex jirrimedjaw għad-distorsjoni fil-kompetizzjoni li tirriżulta minn għajnuniet mill-Istat mogħtija minn Parti Kontraenti jew minn monopolji ta’ l-Istat u l-Artikolu 26, flimkien mal-Protokoll 13, fih dispożizzjonijiet li jawtorizzaw l-impożizzjoni ta’ dazji kompensatorji fil-każijiet fejn l-acquis communautaire ma jkunx totalment integrat fil-ftehim. B'differenza mill-klawsoli tal-Ftehim ŻEE l-klawsoli ta’ salvagwardja tat-Trattat KE li ġew invokati mir-rikorrenti ma jippermettux l-adozzjoni ta’ miżuri awtonomi iżda jipprovdu għall-adozzjoni ta’ miżuri mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru wara awtorizzazzjoni speċifika mill-Kummissjoni.

64      B'risposta għall-argument tar-rikorrenti li l-fatt illi l-KE hija unjoni doganali u ż-ŻEE hija żona ta' kummerċ ħieles m'għandu l-ebda impatt fuq l-eżenzjoni mid-dazji doganali għall-prodotti li joriġinaw mill-Partijiet Kontraenti, il-Kunsill jenfasizza li, fil-Komunità, ma għadx hemm kontroll mal-fruntieri fuq il-prodotti li joriġinaw mill-Istati Membri jew il-prodotti li joriġinaw minn pajjiżi terzi li qegħdin jiċċirkulaw b’mod liberu. Kuntrarjament għal dan, fiż-ŻEE, anke l-prodotti li joriġinaw mill-Partijiet Kontraenti jibqgħu suġġetti għal kontrolli mal-fruntieri jew mill-Komunità inkella mill-Partijiet Kontraenti l-oħra.

65      Il-Kunsill jikkonkludi li l-Partijiet Kontraenti jistgħu, sa ċertu punt, jimponu u/jew iżommu dazji, bħala miżuri ta' salvagwardja li huma intiżi li jirrimedjaw għal ċerti distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jaffettwaw il-kummerċ tagħhom.

66      Huwa jżid illi d-dazju stabbilit mill-ġdid mir-regolament kontenzjuż mhuwiex dazju normali, iżda miżura ta' salvagwardja adottata skond id-dispożizzjonijiet tal-FKĦ. Bħala dazju sui generis, dan ma jaqax fl-ambitu ta’ l-Artikolu 10 tal-Ftehim ŻEE, anke kieku dan l-Artikolu kellu jiġi interpretat kif qiegħed jissuġerixxi r-rikorrenti. L-ewwel nett, ir-regolament kontenzjuż ma jimponix dazju, iżda jirtira konċessjoni tad-dwana permezz ta’ l-istabbiliment ta’ dazju mill-ġdid. It-tieni nett, dan id-dazju m'għandux effett ġeneral, peress li japplika biss għal tip speċifiku ta’ gearboxes manifatturati minn manifattur speċifiku f’pajjiż speċifiku. It-tielet nett, id-dazju ġie stabbilit mill-ġdid b'għan speċifiku, jiġifieri sabiex jirrimedja għad-distorsjonijiet ikkawżati mill-għajnuna mogħtija mir-Repubblika ta’ l-Awstrija, liema effetti baqgħu jeżistu meta l-Ftehim ŻEE daħal fis-seħħ. Ir-raba' nett, id-dazju ġie stabbilit mill-ġdid għal perijodu preċiż u limitat.

67      Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 120 tal-Ftehim ŻEE, id-dazji doganali bejn il-Komunità u r-Repubblika ta’ l-Awstrija tneħħew mill-Artikolu 3 tal-FKĦ. Il-Ftehim ŻEE sempliċement żamm dawn il-konċessjonijiet ta' tariffi li ngħataw bis-saħħa tal-FKĦ, iżda ma jipprovdix verament għal konċessjonijiet ta' tariffi. Id-dispożizzjonijiet tal-FKĦ dwar konċessjonijiet ta' tariffi għaldaqstant ma waqfux milli japplikaw u, skond l-Artikolu 120 tal-Ftehim ŻEE, dazji doganali li ġew legalment introdotti bis-saħħa tal-FKĦ setgħu b'hekk jinżammu wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE, kemm jekk huma konformi ma' l-Artikolu 10 tal-Ftehim u kemm jekk le. Is-sitwazzjoni hija differenti sewwa minn dik li kienet tapplika meta l-Awstrija ngħaqdet ma’ l-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, ir-regolament hemmhekk waqaf japplika minħabba li l-FKĦ ukoll waqaf japplika.

68      IL-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 10 tal-Ftehim ŻEE u d-dispożizzjonijiet ekwivalenti tat-Trattat KE mhumiex identiċi fis-sustanza tagħhom, u li l-Artikolu 6 tal-Ftehim għaldaqstant mhuwiex applikabbli. Mill-Artikolu 10 jirriżulta li d-dazji doganali ta' natura fiskali mhumiex ikkunsidrati li jagħmlu parti, ex officio, mill-kunċett ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni u ta' taxxi b'effett ekwivalenti. Is-sitwazzjoni hija l-istess fir-rigward tad-dazji doganali ta’ natura li jissalvagwardjaw, peress illi dawn ukoll ma jiffurmawx parti mill-politika ġenerali fil-qasam tad-dazji doganali, iżda għandhom għan partikolari għalihom. Kieku l-Artikolu 10 kellu jkun interpretat bil-mod kif tixtieq ir-rikorrenti, ikun impossibli li l-Artikolu 64 tat-Trattat jiġi applikat. Minbarra dan, f'dan il-każ, l-Artikolu 26 tal-Ftehim ma jkunx neċessarju. Peress li l-Ftehim ŻEE mhuwiex intiż li jipprovdi rimedju għall-effetti ta' distorsjoni fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ ikkawżati minn għajnuniet eżistenti tat-tip ta' l-għajnuna involuta f’dan il-każ, il-FKĦ jibqa’ l-unika liġi applikabbli. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Artikolu 120 tal-Ftehim ŻEE jipprovdi li dan jipprevali biss fuq il-FKĦ safejn ikopri l-istess suġġett. Konsegwentament, huwa tippermeti li jibqgħu jkunu applikati ċerti dispożizzjonijiet tal-FKĦ bħal dawk li l-Komunità applikat f’dan il-każ.

–        Fuq l-allegat ksur ta’ l-Artikolu 26 tal-Ftehim ŻEE

69      Ir-rikorrenti ssostni li l-miżura introdotta mir-regolament tikkostitwixxi dazju kompensatorju u, in sostenn ta' din l-asserzjoni, hija tinvoka,, b'mod partikolari, id-definizzjoni fl-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu VI(3) tal-GATT, li tipprovdi li dazju kompensatorju huwa "dazju speċjali li jinġabar bl-iskop li jġib fix-xejn kull bonus jew sussidju li jingħata, direttament jew indirettament, fuq il-fabbrikazzjoni, il-produzzjoni jew l-esportazzjoni ta’ xi prodott'. Konsegwentament, ir-regolament kontenzjuż jikser ukoll l-Artikolu 26 tal-Ftehim ŻEE, li, billi jikonferma speċifikament il-prinċipju ġenerali stabbilit fl-Artikolu 10 tal-Ftehim, jipprojbixxi dazji kompensatorji bejn il-Partijiet Kontraenti, salv jekk ikun speċifikat mod ieħor fil-Ftehim.

70      Mid-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 13 tal-Ftehim, dwar in-nonapplikazzjoni tal-miżuri kontra d-dumping u ta' miżuri kompensatorji jirriżulta li, sabiex ikun hemm eċċezzjoni, f’dan il-każ, għall-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 26, ikun neċessarju li l-acquis communautaire fir-rigward tal-kummerċ fil-partijiet tal-karozzi ma jkunx integrat bis-sħiħ fil-Ftehim ŻEE, li mhuwiex il-każ. Ir-regoli kollha dwar l-għajnuna mill-Istat li huma applikabbli għas-settur tal-karozzi huma espressament imsemmija fl-Anness XV tal-Ftehim ŻEE. Il-prodotti mmanifaturati mir-rikorrenti huma ta’ oriġini Awstrijaka u jaqgħu fl-ambitu tal-Kapitoli 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata tad-Deskrizzjoni u tal-Kodifikazzjoni ta’ l-Oġġetti (ara l-Artikolu 8(2) u (3)(a) tal-Ftehim ŻEE).

71      Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ssostni li r-regolament kontenzjuż huwa kuntrarju għall-Artikolu 26 tal-Ftehim ŻEE. It-titolu mogħti mill-Kunsill lid-dazju in kwistjoni huwa rrelevanti; huma l-iskop veru u l-effett veru tad-dazju li jiddeterminaw in-natura tiegħu, jiġifieri dik ta' dazju kompensatorju.

72      Il-Kunsill jargumenta li r-regolament kontenzjuż ma jimponix dazju kompensatorju, iżda, fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 23 u 27(3)(a) tal-FKĦ, jirtira konċessjoni ta’ tariffi li kienet ingħatat lir-Repubblika ta’ l-Awstrija skond dan il-Ftehim. Għaldaqstant huwa ma jistax jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 26 tal-Ftehim ŻEE.

73      Il-Kummissjoni ssostni li r-regolament kontenzjuż ma jistabbilixxix dazju kompensatorju, iżda jikkostitwixxi miżura ta’ salvagwardja sui generis, billi jirtira konċessjoni ta’ tariffi skond l-Artikolu 113 tat-trattat KE, miżura li hija espressament prevista mill-FKĦ fil-każ ta’ kwistjoni li mhijiex riżolta dwar regoli ta’ għajnuna mill-istat li jinsabu f'dan il-ftehim.

–        Fuq il-ksur allegat ta’ l-Artikolu 62 tal-Ftehim ŻEE

74      Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 62 tal-Ftehim ŻEE jindika b’mod ċar illi, fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat, il-kompetenza tal-Komunità hija limitata għall-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri tagħha. Għaldaqstant hija tikkunsidra li, fl-1 ta’ Jannar 1994, il-Komunità tilfet il-kompetenza tagħha fir-rigward ta’ l-għajnuna mill-Istat fil-pajjiżi EFTA. Konsegwentament, id-dħul fis-seħħ tar-regolament kontenzjuż wara din id-data huwa inkomptibbli ma’ l-Artikolu 62 tal-Ftehim ŻEE. Billi jargumenta li huwa seta' jadotta r-regolament kontenzjuż bħala miżura ta’ salvagwardja fuq il-bażi ta' l-Artikolu 64 tal-Ftehim ŻEE, il-Kunsill qiegħed jammetti li huwa ma segwiex il-proċeduri previsti minn dan l-Artikolu.

75      Il-Kunsill qabel kollox josserva li r-regolament kontenzjuż ma kienx adottat skond il-Ftehim ŻEE iżda skond il-FKĦ. It-tieni nett, huwa ma kienx iddikjara l-għajnuna nulla jew inkompatibbli mat-tħaddim tal-Ftehim ŻEE, xi ħaga li, fil-fatt, setgħet issir biss mill-Awtorita ta’ Sorveljanza EFTA. Fil-kuntest tal-Ftehim ŻEE, il-miżura ta’ salvagwardja adottata mill-Kunsill kienet tkun ta’ tip kompatibbli ma’ l-Artikolu 64 ta’ dan il-Ftehim.

–        Fuq il-ksur allegat ta’ l-obbligu skond id-dritt pubbliku internazzjonali lili trattat ma jiċċaħħadx mill-iskop u mill-għan tiegħu qabel ma jidħol fis-seħħ

76      Ir-rikorrenti tfakkar illi l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-Liġi tat-Trattati tat-23 ta’ Mejju 1969 (Sensiela tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 788, p. 354; aktar 'il quddiem "L-Ewwel Konvenzjoni ta’ Vjenna"), u l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati bejn Stati u Organizzazzjonijiet Internazzjonali jew bejn l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali tal-21 ta’ Marzu 1986 (Dokumenti ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti A/Conf. 129/15 ta' l-20 ta’ Marzu 1986; aktar 'il quddiem "it-Tieni Konvenzjoni ta’ Vjenna") jipprojbixxu lill-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha li jevitaw in-natura li torbot tal-ftehim internazzjonali permezz ta’ atti li jkunu inkompatibbli mal-prinċipji fundamentali ta' ftehim, li jiġu adottati eżattament qabel mad-dħul fis-seħħ ta' tali ftehim. Hija ssostni li dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu, b’mod partikolari, illi matul il-perijodu bejn l-iffirmar ta' ftehim internazzjonali u d-dħul fis-seħħ tiegħu, Stat "huwa obbligat illi ma jadottax atti li jċaħħdu [lil dan il-ftehim] mill-iskop u mill-għan tiegħu".

77      Huwa ġeneralment rikonoxxut illi l-Ewwel Konvenzjoni ta’ Vjenna tikkodifika uħud mir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirriżultaw mill-użanzi u li jorbtu b’mod universali u li, għaldaqstant, il-Komunità hija marbuta minn dawn ir-regoli li ġew ikkodifikati mill-Konvenzjoni. Dan huwa kkonfermat mill-fatt illi, f’diversi okkażjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja invokat dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni fl-interpretazzjoni tagħha ta' ftehim internazzjonali konklużi mill-Komunità, inkluż il-FKĦ (ara, b'mod partikolari, l-Opinjoni 1/91, iċċitata aktar 'il fuq, punt 14, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-1 ta' Lulju 1993, Metalsa, C-312/91 Ġabra, p. I-3751, punt 12).

78      Minbarra dan, l-Artikolu 18 ta’ l-Ewwel Konvenzjoni ta’ Vjenna u l-Artikolu 18 tat-Tieni Konvenzjoni ta’ Vjenna jikkostitwixxu l-espressjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi fid-dritt pubbliku internazzjonali, bis-saħħa ta' liema prinċipju, suġġett tad-dritt internazzjonali jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, ikun marbut mill-aspettattivi li nħolqu mill-atti tiegħu f’suġġetti oħra tad-dritt internazzjonali.

79      Ir-rikorrenti tiċħad l-argument tal-Kunsill li l-Artikolu 18 ta’ l-Ewwel Konvenzjoni ta’ Vjenna ma jistax jagħti lill-individwi drittijiet li huma jistgħu jinvokaw quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. L-ewwel nett, l-argument ibbażat fuq nuqqas ta’ effett dirett mhuwiex relevanti fi proċeduri miġjuba skond l-Artikolu 173 tat-Trattat KE. Il-ftehim internazzjonali huma parti integrali mis-sistema legali Komunitarja u l-istituzzjonijiet, inklużi l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim'Istanza jridu jiżguraw li huma osservati. Il-fatt li xi ftehim internazzjonali mhumiex direttament applikabbli m'għandu l-ebda effett fuq l-obbligu tal- Komunità li tiżgura li huma osservati (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Lulju 1984, STS vs Il-Kummissjoni, 126/83 Ġabra, p. 2769; tat-22 ta' Ġunju 1989, Fediol vs Il-Kummissjoni, 70/87, Ġabra p. 1781, punt 20; Nakajima vs Il-Kunsill, C-69/89, Ġabra p. I-2069, punt 31 kif ukoll il-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Lenz dwar din is-sentenza, punt 53, u l-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Gulmann fil-kawża tal-5 ta' Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-280/93, Ġabra p. I-4973, punti 135 u 137). It-tieni nett, l-Artikolu 18 ta’ l-Ewwel Konvenzjoni ta’ Vjenna fih projbizzjoni, li la hija ambigwu u lanqas ma fiha kundizzjonijiet, ta’ atti li mhumiex kompatibbli ma’ l-iskop u l-għan ta’ ftehim internazzjonali.

80      Minn dan jirriżulta li, bejn id-data li fiha ġie ffirmat il-Ftehim ŻEE u d-dħul fis-seħħ tiegħu, il-Komunità kienet obbligata ma tieħux miżuri li jistgħu jfixklu l-kisba ta’ l-iskop u ta' l-għan tal-Ftehim. Dan l-obbligu kellu jkollu rwol aktar importanti wara li r-ratifika mill-Partijiet Kontraenti kollha tal-Ftehim.

81      F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li l-proċess ta’ ratifika spiċċa fit-13 ta’ Diċembru 1993, meta l-Kunsill u l-Kummissjoni flimkien adottaw id-Deċiżjoni 94/1 u li l-kopji awtentikati ta’ l-istrumenti ta’ ratifikazzjoni flimkien man-notifika li l-Ftehim ŻEE kien ser jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994 intbagħtu lill-Partijiet Kontraenti. Meta r-regolament kontenzjuż ġie adottat fl-20 ta’ Diċembru 1993, il-Kunsill kien għaldaqstant jaf sewwa li l-Ftehim ŻEE kien ser jidħol fis-seħħ ftit jiem wara. Peress li t-tneħħija ta’ dazji doganali bejn il-Partijiet Kontraenti hija waħda mill-għanijiet prinċipali tal-Ftehim ŻEE, meta adottat ir-regolament kontenzjuż wara t-tmiem tal-perijodu ta’ ratifikazzjoni, il-Komunità ppreġudikat il-kisba ta’ l-iskop u l-għan tal-Ftehim ŻEE.

82      Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tasserixxi li, billi adottat ir-regolament kontenzjuż qabel mal-Ftehim ŻEE daħal fis-seħħ iżda wara li dan ġie rratifikat mill-Partijiet Kontraenti kollha, il-Kunsill kiser id-drittijiet tar-Repubblika ta’ l-Awstrija u taċ-ċittadini tagħha. Il-Kunsill aġixxa bi ksur ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt li huwa komuni għall-Istati Membri, jiġifieri l-obbligu reċiproku ta' bona fides fost il-Partijiet Kontraenti qabel id-dħul fis-seħħ ta' ftehim, li huwa rikonoxxut bħala prinċipju tad-dritt pubbliku internazzjonali mill-Artikolu 18 ta’ l-Ewwel Konvenzjoni ta’ Vjenna.

83      Minbarra dan, filwaqt li tagħmel riferiment għal-liġi Taljana, Ġermaniża, Belġjana, Spanjola u Ingliża, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ssostni li hemm ukoll prinċipju ġenerali tad-dritt, li hu komuni għas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri, li parti f'kuntratt li jkun jinkludi obbligi, għandha taġixxi in bona fides sabiex tħares l-interessi tal-partijiet l-oħra jew tal-benefiċċjarji tal-kuntratt matul perijodu li fih l-eżekuzzjoni tal-ftehim tkun sospiża. l-imsemmi prinċipju huwa l-korollarju tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi. Il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha għaldaqstant tirrikonoxxieh bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Dan il-prinċipju ġie wkoll miksur bl-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż. Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tikkunsidra li r-rikorrenti, bħala benefiċċjarja tal-Ftehim ŻEE, għandha tkun tista' tinvoka l-imsemmi prinċipju.

84      Il-Kunsill ma jikkontestax l-asserzjoni tar-rikorrenti li l-Artikolu 18 ta’ l-Ewwel Konvenzjoni ta’ Vjenna u l-Artikolu 18 tat-Tieni Konvenzjoni ta' Vjenna ljikkodifikaw mir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirriżultaw mill-użanzi u li jorbtu lill-Komunità.

85      Madankollu, huwa jsostni, fl-ewwel lok, illi huwa ma kisirx dawn ir-regoli, peress li r-regolament kontenzjuż huwa totalment kompatibbli mal-Ftehim ŻEE. Għaldaqstant huwa la jikkostitwixxi att illi jiċħad il-ftehim mill-iskop u mill-għan tiegħu u lanqas ma jikser l-aspettattivi leġittimi tar-Repubblika ta’ l-Awstrija.

86      It-tieni nett, huwa jsostni li r-regoli invokati mir-rikorrenti jifformaw parti mil-liġi tat-trattati, qasam tad-dritt internazzjonali li jikkonċerna biss id-drittijiet ta’ l-Istati sovrani u ta' l-organizzazjonijiet internazzjonali u r-relazzjonijiet bejniethom. Regoli bħal dawn ma jistgħux jagħtu lill-individwi drittijiet li huma jistgħu jinvokaw quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Minbarra dan, id-dispożizzjoni kkonċernata mhijiex preċiża biżejjed sabiex tkun direttament applikabbli, u dan huwa saħansitra anqas u anqas il-każ tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

87      Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament skond l-Artikolu 173 tat-Trattat, il-legalità tal-miżura kkontestata għandha tiġi evalwata fuq il-bażi ta' l-elementi fattwali u legali li kienu jeżistu fil-mument meta l-miżura ġiet adottata (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza, SNCF u British Railways vs Il-Kummissjoni, T-79/95 u T-80/95, Ġabra p. II-1491, punt 48).

88      L-argument tar-rikorrenti li l-legalità’ tar-regolament kontenzjuż għandha tkun evalwata fiż-żmien meta dan daħal fis-seħħ għandu għaldaqstant ikun imwarrab

89      Ir-rikorrenti tallega wkoll illi l-Ftehim ŻEE kien jagħmel parti mill-elementi fattwali u legali li kienu jeżistu fil-mument meta r-regolament kontenzjuż ġie adottat fl-20 ta’ Diċembru 1993 u li, billi adotta dan ir-regolament ftit jiem qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE, il-Kunsill kiser il-prinċipju tad-dritt pubbliku internazzjonali, magħruf bħala l-"prinċipju ta' bona fides", li skondu, sakemm jidħol fis-seħħ ftehim internazzjonali, il-partijiet li jiffirmaw ftehim internazzjonali ma jistgħux jadottaw miżuri li jċaħħduh mill-iskop u mill-għan tiegħu.

90      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-prinċipju ta’ bona fides huwa regola ta’ konswetudni tad-dritt internazzjoni li l-eżistenza tagħha ġiet rikonoxxuta mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tal-25 ta’ Mejju 1926, Interessi Ġermaniżi fis-Sileżja Pollakka ta' Fuq, CPJI, Serje A, Nru 7, p. 30 u 39) u li, għaldaqstant, huwa jorbot il-Komunità.

91      Dak il-prinċipju ġie kkodifikat mill-Artikolu 18 ta’ l-Ewwel Konvenzjoni ta’ Vjenna li jipprovdi dan li ġej:

"Stat huwa obbligat illi jonqos milli jieħu atti li jċaħħdu trattat mill-iskop u mill-għan tiegħu meta:

(a) huwa ffirma t-trattat jew skambja l-istrumenti li jikkostitwixxu t-trattat suġġett għal ratifikazzjoni, aċċettazzjoni jew approvazzjoni, sakemm huma ma weriex l-intenzjoni tiegħu li mhux ser isir parti mit-trattat; jew

(b) huwa esprima l-kunsens tiegħu li jkun marbut mit-trattat, sakemm ma jidħol fis-seħħ it-trattat u sakemm dan id-dħul fis-seħħ ma jidawwarx indebitament"

[Traduzzjoni mhux uffiċjali]

92      F’dan il-każ, il-Kunsill adotta r-regolament kontenzjuż fl-20 ta’ Diċembru 1993, jiġifieri, sebat ijiem wara li l-Komunitajiet, bħala l-aħħar Partijiet Kontraenti, approvaw il-Ftehim ŻEE u ddepożitaw l-istrumenti ta’ approvazzjoni tagħhom (ara aktar 'il fuq, punt 23). F'dawn iċ-ċirkustanzi, sa mit-13 ta’ Diċembru 1993 il-Komunitajiet kienu jafu bid-data li fiha l-Ftehim ŻEE kien ser jidħol fis-seħħ. Fil-fatt, mill-Artikolu 129(3) tal-Ftehim ŻEE, kif sostitwit mill-Artikolu 6 tal-Protokoll ta’ Aġġustament, u mill-Artikoli 1(1) u 22(3) tal-Protokoll ta' Aġġustament, jirriżulta li l-Ftehim ŻEE kellu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara l-aħħar depożitu ta’ ratifika jew approvazzjoni.

93      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-prinċipju ta’ bona fides huwa l-korollarju, fid-dritt pubbliku internazzjonali, tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi li, skond il-ġurisprudenza, jifforma parti mis-sistema legali Komunitarja (ara s-sentenza tat-3 ta' Mejju 1978, Töpfer vs Il-Kummissjoni, 112/77 Ġabra p. 1019, punt 19). Kull operatur ekonomiku li jkun ingħata tamiet iġġustifikati minn xi istituzzjoni jista’ jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Lulju 1995, O'Dwyer et vs Il-Kunsill, T-466/93, T-469/93, T-473/93, T-474/93 u T-477/93, Ġabra p. II-2071, punt 48).

94      F’sitwazzjoni fejn il-Komunitajiet iddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta’ approvazzjoni ta’ ftehim internazzjonali u fejn id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dak il-ftehim hija magħrufa, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jibbażaw rwieħhom fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi sabiex jikkontestaw l-adozzjoni mill-istituzzjonijiet, matul il-perijodu li jippreċedi d-dħul fis-seħħ ta’ dak il-ftehim, ta’ kull miżura li hija kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim u li ser ikollha effett dirett fuqhom wara li l-istess ftehim jidħol fis-seħħ.

95      Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha d-dritt li tirrikjedi l-eżami tal-legalità tar-regolament kontenzjuż fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE li, wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ta' l-aħħar, ikollhom effett dirett.

96      Madankollu, qabel ma jittieħdu in kunsiderazzjoni d-diversi argumenti li tqajmu mir-rikorrenti f’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi vverifikat jekk u safejn id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE jieħdu post id-dispożizzjonijiet tal-FKĦ u jekk il-Ftehim ŻEE huwiex applikabbli għall-prodotti in kwistjoni f’dan il-każ.

97      Għandu jiġi osservat li l-FKĦ, li kien applikabbli meta seħħew il-fatti u li kien il-bażi li fuqha r-regolament kontenzjuż ġie adottat, la ġie imħassar u lanqas sospiż meta l-Ftehim ŻEE daħal fis-seħħ. Madankollu, skond l-Artikolu 120 tal-Ftehim ŻEE, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim jipprevalu fuq dik tad-dispożizzjonijiet tal-FKĦ "safejn dawn ikopru l-istess suġġett" bħall-Ftehim ŻEE. Id-dispożizzjonijiet kkonċernati f'din il-kawża tal-Ftehim ŻEE jirregolaw l-istess suġġett bħall-artikoli relevanti tal-FKĦ. L-Artikolu 10 tal-Ftehim ŻEE jirregola l-istess suġġett bħall-Artikolu 3 u 6 tal-FKĦ, jiġifieri d-drittijiet doganali fuq l-importazzjoni u t-taxxi b'effett ekwivalenti. L-Artikolu 61 tal-Ftehim ŻEE, dwar l-għajnuna mill-Istat, huwa aktar speċifiku minn, u għandu skop wiesa' daqs l-Artikolu 23(1)(iii) tal-FKĦ; huwa kważi identiku għall-Artikolu 92 tat-Trattat KE. Minbarra dan, id-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-għajnuna mill-Istat fil-Komunità jinsabu fl-Anness XV tal-Ftehim ŻEE. Fir-rigward tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 27(2) u (3)(a) tal-FKĦ, għandu jiġi mfakkar illi, skond l-Artikolu 108 tal-Ftehim ŻEE, l-Istati ta' l-EFTA għandhom jistabbilixxu l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA u l-Qorti EFTA. Dawn iż-żewġ istituzzjonijiet għandhom, b’mod partikolari fl-oqsma tal-kompetizzjoni u ta' l-għajnuna mill-Istat, kompetenzi u proċeduri analogi għal dawk li jeżistu fil-Komunità f'dawn l-istess oqsma. L-allokazzjoni tal-kompetenzi u l-kooperazzjoni bejn l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA u l-Kummissjoni fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat huma rregolati mill-Artikolu 62 tal-Ftehim ŻEE. Konsegwentament, wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE, l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tal-ftehim tipprevali fuq dik tad-dispożizzjonijiet relevanti tal-FKĦ.

98      F’dan il-kuntest, mingħajr ma tieħu deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mogħtija mir-Repubblika ta’ l-Awstrija mal-ftehim FKĦ jew mal-Ftehim ŻEE, il-Qorti tal-Prim'Istanza tinnota li l-Kunsill iffinalizza l-proċedura prevista mid-dispożizzjonijiet tal-FKĦ dwar l-għajnuna mill-Istat qabel ma adotta r-regolament kontenzjuż. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt preċedenti, mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim dwar l-għajnuna mill-Istat jiġi qabel l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu tal-FKĦ. F’dan ir-rigward, il-Ftehim ŻEE fih ir-regoli u l-proċeduri tiegħu li jippermettu lill-Partijiet Kontraenti li jneħħu għajnuna mill-Istat li mhijiex kompatibbli mat-tħaddim tal-Ftehim.

99      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Ftehim huwiex applikabbli għall-prodotti msemmija fir-regolament kontenzjuż, mhuwiex ikkontestat illi dawn il-prodotti joriġinaw fil-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim ŻEE u li jaqgħu taħt Kapitoli 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata tad-Deskrizzjoni u tal-Kodifikazzjoni ta’ l-Oġġetti. Konsegwentament, minħabba l-Artikolu 8(2) u (3)(a) tal-Ftehim ŻEE, dan l-istess ftehim huwa applikabbli għal dawn il-prodotti mid-dħul fis-seħħ tiegħu.

100    It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk, wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE, l-Artikolu 10 tiegħu jistax ikollu effett dirett.

101    Mill-Artikolu 228(7) tat-Trattat KE, jirriżulta li l-ftehim internazzjonali konklużi mill-Komunità skond it-Trattat jorbtu l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri. Skond ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bħal dan jifformaw parti integrali mis-sistema legali Komunitarja minn meta l-ftehim jidħol fis-seħħ (ara s-sentenza Haegeman, iċċitata aktar 'il fuq, punt 5). Hija wkoll ġurisprundenza stabbilita li d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bħal dan jistgħu joħolqu effett dirett jekk ikunu bla kundizzjoni u preċiżi biżejjed (ara, per eżempju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Frar 1976, Bresciani, 87/75, Ġabra p. 129, punt 25, u tas-26 ta' Ottubru 1982, Kupferberg, 104/81, Ġabra p. 3641, punt 23).

102    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li m'hemm xejn fil-proċess li jissuġġerixxi li l-Ftehim ŻEE, li ġie konkluż mill-Komunità fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 238 tat-Trattat KE, ma ġiex konkluż skond it-Trattat. Konsegwentement, mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim fl-1 ta’ Jannar 1994, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim jiffurmaw parti integrali mis-sistema legali Komunitarja. Għandu jiġi wkoll imfakkar illi l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 10 tal-Ftehim ŻEE tipprovdi li d-dazji doganali fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni, kif ukoll it-taxxi kollha b'effett ekwivalenti, huma pprojbiti bejn Partijiet Kontraenti. It-tieni sentenza ta’ l-istess artikolu tippreċiża li, bla ħsara għall-arranġamenti previsti fil-Protokoll 5 tal-Ftehim, din il-projbizzjoni tapplika wkoll għad-dazji doganali ta’ natura fiskali. Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 10 b’hekk jistabbilixxi regola bla kundizzjonijiet u preċiża, suġġetta għal eċċezzjoni waħda li hija wkoll bla kundizzjonijiet u preċiża. Minn dan isegwi li, minn meta l-Ftehim ŻEE daħal fis-seħħ, l-Artikolu 10 kellu effett dirett.

103    It-tielet nett, għandu jiġi vverifikat jekk, billi jipprovdi għall-istabbiliment mill-ġdid ta’ dazju ta' 4.9%, ir-regolament kontenzjuż jiksirx l-Artikolu 10 tal-Ftehim ŻEE.

104    L-Artikolu 6 tal-Ftehim ŻEE jipprovdi li:

"Bla ħsara għall-iżvilupp futur tal-ġurisprudenza, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, safejn huma identiċi fis-sustanza għar-regoli li jikkorrispondu tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Trattat li jwaqqaf l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u għall-atti adottati fl-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Trattati, għandhom, fl-implementazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom, ikunu interpretati skond is-sentenzi relevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej mogħtija qabel id-data ta’ l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim."

105    Il-Kunsill isostni li, minkejja dik id-dispożizzjoni, l-Artikolu 10 tal-Ftehim ŻEE ma għandux ikun interpretat bl-istess mod bħad-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu tat-Trattat KE, għaliex hemm differenzi kbar bejn it-Trattat KE u l-Ftehim ŻEE (ara l-punt 62 aktar 'il fuq).

106    Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex ikun iddeterminat jekk l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni li tinsab fit-Trattat KE għandhiex tiġi estiża għal dispożizzjoni identika li tinsab fi ftehim bħall-Ftehim ŻEE, dik id-dispożizzjoni għandha tkun analizzata kemm fid-dawl ta’ l-għan u ta' l-iskop tal-Ftehim kif ukoll fil-kuntest tiegħu (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Frar 1982, Polydor, 270/80 Ġabra p. 329, punt 8, u tas-16 ta' Lulju 1992, Legros et, C-163/90, Ġabra p. I-4625, punt 23). Skond l-Artikolu 1(1) tal-Ftehim ŻEE, l-għan ta’ dan il-ftehim huwa li jiffavorixxi tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn il-Partijiet Kontraenti, f’kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni u fir-rispett ta’ l-istess regoli, bl-iskop li tinħoloq ŻEE omoġenja. Għal dan il-għan, il-Partijiet Kontraenti ddeċidew li jeliminaw l-ostakoli għal kważi l-kummerċ totali tagħhom kollu, skond id-dispożizzjonijiet tal-GATT dwar it-twaqqif ta’ żoni ta' kummerċ liberu.

107    F’dan il-kuntest, il-Ftehim ŻEE jinvolvi grad għoli ta’ integrazzjoni, b’oġġettivi li jmorru lil hinn minn dawk ta’ sempliċi ftehim ta' kummerċ liberu. Għaldaqstant, mill-Artikolu 1(2) jirriżulta li ż-ŻEE tinvolvi, b'mod partikolari, il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital kif ukoll it-twaqqif ta’ sistema li tiżgura li kompetizzjoni ma tkunx imfixkla u li r-regoli li għandhom x’jaqsmu magħha jkunu rispettati b’mod ugwali. Ir-regoli li japplikaw għar-relazzjonijiet bejn il-Partijiet Kontraenti fl-oqsma koperti mill-Ftehim huma essenzjalment dawk tad-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu tat-Trattati KE u KEFA u l-miżuri adottati skond dawn it-trattati. Il-Ftehim ŻEE għandu wkoll l-iskop illi jestendi għaż-ŻEE d-dritt Komunitarju futur fl-oqsma koperti mill-ftehim meta dan jinħoloq, jiżviluppa jew jinbidel u hija pprovduta proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għal dan il-għan. Il-Ftehim jipprovdi wkoll illi l-Istati EFTA għandhom iwaqqfu awtorità ta’ sorveljanza, l-Awtorità ta' Sorveljanza EFTA, b’poteri ekwivalenti u funzjonijiet simili għal dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll qorti tal-ġustizzja, il-Qorti EFTA. L-Artikolu 109 tal-Ftehim ŻEE jippreċiża li, l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, minn naħa, u l-Kummissjoni, li taġixxi skond it-Trattat KE, it-Trattat KEFA u l-Ftehim ŻEE, min-naħa l-oħra, għandhom jassiguraw ir-rispett ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim ŻEE. Skond l-Artikolu 108(2) tal-Ftehim ŻEE u l-Ftehim bejn l-Istati EFTA, tat-2 ta’ Mejju 1992, dwar it-twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta' Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 1994 L 344, p. 1; aktar 'il quddiem "il-ftehim ta' Sorveljanza EFTA"), il-Qorti EFTA għandha kompetenzi simili għal dawk tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

108    Għaldaqstant, bit-twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA u ta' Qorti EFTA, b’poteri u kompetenzi simili għal dawk tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja, ġiet maħluqa sistema fuq żewġ pilastri li fiha l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA u l-Qorti EFTA jħarsu l-applikazzjoni tal-ftehim min-naħa ta’ l-Istati EFTA, filwaqt illi l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim'Istanza jassiguraw l-applikazzjoni ta' l-istess ftehim min-naħa tal-Komunità. Din is-sistema hija msaħħa min-numru kbir ta’ fatturi li huma intiżi li jiżguraw l-omoġeneità tagħha. Fost dawn il-fatturi jinsabu, flimkien ma' similarità fil-kliem użat fid-dispożizzjonijiet differenti tal-Ftehim u tat-Trattati KE u KEFA, ir-raba' u l-15-il premessa tal-preamblu u l-Artikolu 6 tal-Ftehim ŻEE, kif ukoll, b'mod partikolari, l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Sorveljanza EFTA. B’mod partikolari, bis-saħħa tar-raba' premessa tal-preamblu, l-għan tal-Partijiet Kontraenti huwa li "jistabbilixxu Żona Ekonomika Ewropea li hija dinamika u omoġenja, ibbażata fuq regoli komuni u kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni, li jkollha l-mezzi, fosthom dawk ġudizzjarji, meħtieġa għall-implementazzjoni tagħha u li hija bbażata fuq l-ugwaljanza, ir-reċiproċità u l-bilanċ ġenerali tal-vantaġġi, tad-drittijiet u ta' l-obbligi tal-Partijiet Kontraenti". Il-15-il premessa tal-preamblu, miżjuda mill-Partijiet Kontraenti wara li l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-Opinjoni 1/91 tagħha, iċċitata aktar 'il fuq, kienet ikkostatat illi s-sistema ġudizzjarja fl-ewwel verżjoni tal-Ftehim, li kienet tipprovdi għal Qorti ŻEE, kienet inkompatibbli mat-Trattat KEE, tippreċiża wkoll illi "b’rispett sħiħ għall-indipendenza tal-qrati, l-għan tal-Partijiet Kontraenti huwa li jiksbu u jżommu interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi ta’ dan il-ftehim u ta' dawk id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li huma riprodotti fis-sustanza tagħhom f’dan il-Ftehim u li jaslu għal trattament ugwali ta’ l-individwi u ta' l-operaturi ekonomiċi fir-rigward ta’ l-erba’ libertajiet u tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni". Kif fakkret il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 104 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 6 tal-Ftehim ŻEE jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE li huma identiċi, fis-sustanza tagħhom, għar-regoli Komunitarji għandhom ikunu interpretati skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza mogħtija qabel id-data ta’ l-iffirmar tal-Ftehim. Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 3(2) tal-Ftehim ta’ Sorveljanza EFTA jirriżulta li, fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE, l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA u l-Qorti EFTA għandhom iqisu debitament il-prinċipji stabbiliti mis-sentenzi relevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza mogħtija wara d-data ta’ l-iffirmar tal-Ftehim ŻEE (ara s-sentenzi tal-Qorti EFTA, Restamark, iċċitata aktar 'il fuq, punti 24, 33 u 34, u tal-21 ta' Marzu 1995, Scottish Salmon Growers Association vs l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, E-2/94, Rapport tal-Qorti EFTA, 1 ta’ Jannar 1994–30 ta’ Ġunju 1995, p. 59, punti 11 u 13).

109    Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kunsill, is-sinifikanza ta' l-għan tal-Partijiet Kontraenti li joħolqu ŻEE dinamika u omoġenja fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim ma ġietx imnaqqsa mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/91 tagħha, li ġiet iċċitatata aktar 'il fuq. Meta l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat illi d-differenzi li jeżistu bejn l-għanijiet u l-kuntest tal-Ftehim, minn naħa, u l-għanijiet u l-kuntest tad-dritt Komunitarju, min-naħa l-oħra, ifixklu l-kisba ta’ l-għan ta’ omoġeneità fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt fiż-ŻEE, hija kienet qed tikkunsidra s-sistema ġudizzjarja kkontemplata mill-Ftehim ŻEE għall-iskop illi tivverifika jekk dik is-sistema tistax tippreġudika l-awtonomija tas-sistema legali Komunitarja fil-kisba ta' għanijiet tagħha u mhux fil-kuntest ta' eżami ta' każ speċifiku fejn irid jiġi ddeterminat jekk dispożizzjoni tal-Ftehim ŻEE, li hija identika, fis-sustanza tagħha, għal dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, għandhiex tkun interpretata skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

110    Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li l-Artikolu 6 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta dispożizzjoni tal-Ftehim ŻEE tkun identika fis-sustanza tagħha għar-regoli li jikkorrispondu tat-Trattati KE u KEFE u ta' l-atti adottati fl-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ trattati, din għandha tiġi interpretata skond il-ġurisprudenza relevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' qabel id-data ta’ l-iffirmar tal-Ftehim ŻEE.

111    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata wkoll illi l-Artikolu 10 tal-Ftehim ŻEE huwa identiku fis-sustanza tiegħu għall-Artikoli 12, 13, 16 u 17 tat-Trattat KE li, minn tmiem il-perijodu ta' tranżizzjoni, jipprojbixxu d-dazji doganali fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni u kull taxxa b'effett ekwivalenti bejn Stati Membri. Konsegwentament, bis-saħħa ta' l-Artikolu 6 tal-Ftehim ŻEE, l-Artikolu 10 għandu jiġi interpretat skond il-ġurisprudenza relevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim'Istanza ta' qabel id-data ta’ l-iffirmar tal-Ftehim.

112    F’dan ir-rigward jeħtieġ, l-ewwel nett, illi jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li, peress li mill-Artikolu 10 tal-Ftehim ŻEE jirriżulta li dazji doganali ta’ natura fiskali mhumiex meqjusa li jagħmlu parti ex officio mill-kunċett ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni u taxxi b'effett ekwivalenti, dan l-Artikolu u d-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu tat-Trattat KE mhumiex identiċi fis-sustanza tagħhom. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li t-Trattat KE fih dispożizzjoni li tikkorrispondi, li hija l-Artikolu 17 tat-Trattat, li jippreċiża li l-projbizzjonijiet ta' l-Artikolu 9 tat-Trattat għandhom japplikaw anke meta dazji doganali jkunu ta’ natura fiskali, u huwa intiż sabiex jiżgura li l-projbizzjoni ta' dazji doganali fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni kif ukoll tat-taxxi kollha b'effett ekwivalenti ma tkunx evitata (ara s-sentenza Sociaal Fonds voor de Diamantarbeiders, iċċitata aktar 'il fuq, punti 8 u 9).

113    It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 10 tal-Ftehim ŻEE proposta mir-rikorrenti ma tagħmilx l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 64 tal-Ftehim ŻEE impossibbli. Fil-fatt, fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat, l-Artikolu 64 jawtorizza l-awtorità kompetenti tal-Parti Kontraenti affettwata minn distorsjoni fil-kompetizzjoni li tadotta miżuri sabiex tikkumpensa għall-effetti tad-distorjoni. Peress li huwa eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Ftehim ŻEE, l-Artikolu 64 jista’ għaldaqstant jiġi applikat minkejja d- dispożizzjonijiet l-oħra tal-ftehim. Madankollu, qabel ma jkunu adottati tali miżuri, trid titwettaq il-proċedura prevista mill-Artikolu 64 tal-Ftehim ŻEE u jridu jkunu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet li jinsabu f'dan l-Artikolu.

114    It-tielet nett, id-diversi klawsoli ta’ salvagwardja fil-Ftehim ŻEE, li jippermettu l-Partijiet jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta' dan ta' l-aħħar, jistgħu biss jintużaw f’ċirkustanzi stabbiliti u, bħala regola ġenerali, wara li jiġu kkunsidrati l-argumenti favur u kontra fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Minbarra sitwazzjonijiet speċifiċi li jistgħu jagħtu lok għall-applikazzjoni tagħhom, dawk il-klawsoli la għandhom impatt fuq l-għan ta' l-Artikolu 10 fil-kuntest tal-Ftehim ŻEE u lanqas, konsegwentament, fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil imsemmi artikolu. Din il-konklużjoni hija kkorroborata, b’mod partikolari, mill-fatt li, sakemm it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea daħal fis-seħħ, l-Artikolu 115 tat-Trattat KEE kien jippermetti lill-Istati Membri stess li jieħdu l-miżuri neċessarji f’każ ta’ urġenza matul il-perijodu ta' tranżizzjoni u li, kif ir-rikorrenti ġustament osservat, fis-sentenza Sociaal Fonds voor de Diamantarbeiders, iċċitata aktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikament iddikjarat illegali ħlasijiet pekunjarji miġbura matul il-perijodu ta' tranżizzjoni.

115    Ir-raba' nett, l-argument tal-Kummissjoni li, kieku l-Artikolu 10 kellu jiġi interpretat skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja l-Artikolu 26 tal-Ftehim ŻEE jkun bla bżonn, għandu wkoll ikun imwarrab. Fil-fatt, l-Artikolu 26 tal-Ftehim ŻEE jipprovdi li l-miżuri kontra d-dumping, id-dazji kompensatorji u l-miżuri kontra prattiċi kummerċjali illegali li jistgħu jiġu attribwiti għal pajjiżi terzi ma japplikawx għar-relazzjonijiet bejn il-Pajjiżi Kontraenti, ħlief jekk ikun hemm xi dispożizzjoni mod ieħor fil-Ftehim ŻEE. L-ewwel paragrafu tal-Protokoll 13 jistipula li l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 26 hija limitata għall-oqsma koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim u li, fil-każ tagħhom, l-acquis communautaire huwa totalment integrat fil-ftehim. Mit-tieni paragrafu ta’ l-istess protokoll jirriżulta li l-Artikolu 26 ma japplikax f'sitwazzjonijiet fejn Parti Kontraenti ddaħħal miżuri diretti lejn pajjiżi terzi li huma intiżi sabiex jipprevjenu l-evażjoni ta' miżuri kontra d-dumping, ta' dazji kompensatorji jew ta' miżuri kontra prattiċi kummerċjali illegali li jistgħu jkunu attribwiti lil pajjiżi terzi.

116    L-Artikolu 26, flimkien mal-Protokoll 13 tal-Ftehim, għandu għaldaqstant ikun interpretat fis-sens li jirregola sitwazzjonijiet li fihom miżuri kontra d-dumping, dazji kumpensatorji jew miżuri kontra prattiċi kummerċjali illegali, li jistgħu jkunu attribwiti għal pajjiżi terzi, jistgħu jkunu introdotti mill-Partijiet Kontraenti fosthom, minkejja d-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Ftehim ŻEE. Minbarra dan, l-Artikolu 26 japplika mhux biss għall-miżuri adottati f’forma ta’ dazji iżda wkoll għall-miżuri l-oħra kollha, tkun xi tkun il-forma tagħhom, inklużi l-impenni aċċettati minn deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dumping. Konsegwentament, l-Artikolu 26 tal-Ftehim ŻEE għandu l-ġustifikazzjoni tiegħu stess, li hija indipendenti minn dik ta’ l-Artikolu 10 tal-Ftehim ŻEE.

117    Finalment, ir-regolament kontenzjuż ma kienx adottat sabiex jipprevjeni l-evażjoni ta’ miżuri kontra d-dumping, dazji kumpensatorji jew miżuri kontra prattiċi kummerċjali illegali attribwibbli għal pajjiżi terzi. Apparti minn dan, il-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat jaqa’ taħt l-Artikoli 61 sa 64 tal-Ftehim ŻEE. Minbarra dan, l-acquis communautaire kollu f’dan il-qasam, partikolarment il-Qafas Komunitarju ta' l-Għajnuna mill-Istat lill-Industrija tal-Vetturi bil-Mutur (89/C 123/03; ĠU 1989 C 123, tat-18 ta' Mejju 1989, p. 3) ġie integrat fil-Ftehim. Konsegwentament, miżuri bħal dawn ma jistgħux ikunu awtorizzati fuq il-bażi ta' l-Artikolu 26 tal-Ftehim ŻEE u mhuwiex neċessarju illi tingħata deċiżjoni dwar jekk il-miżuri stabbiliti mir-regolament kontenzjuż għandhomx jitqiesu bħala dazji kumpensatorji.

118    Għandu jiġi wkoll innutat, sabiex wieħed ikollu l-istampa ġenerali, illi fir-rigward tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-pajjiżi EFTA, li għandhom suġġett ħafna aktar limitat minn dak tal-Ftehim ŻEE, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Legros et iċċitata aktar 'il fuq (punt 26), li kienet tikkonċerna l-Artikolu 6 tal-Ftehim bejn il-Komunità u r-Renju ta’ l-Iżvezja [Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2838/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972, dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju ta’ l-Iżvezja (ĠU L 300, p. 96)], dwar taxxi b'effett ekwivalenti, ddeċidiet li, fil-kuntest ta’ l-għan li jkunu eliminati l-ostakoli għall-kummerċ, l-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni hija ta' importanza primarja, bħalma hija l-eliminazzjoni tat-taxxi b'effett ekwivalenti li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma marbuta mill-qrib mad-dazji doganali stricto sensu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Diċembru 1973, Sociaal Fonds voor de Diamantarbeiders, 37/73 u 38/73 Ġabra p. 1609, punti 12 u 13, u tat-12 ta' Frar 1992, Leplat, C-260/90, Ġabra p. I-643, punt 15). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-ftehim ta’ kummerċ ħieles ikun imċaħħad mill-biċċa l-kbir ta' l-effettività tiegħu kieku l-kunċett ta' taxxa b'effett ekwivalenti, li jinsab fl-Artikolu 6 tiegħu, kellu jkun interpretat bħala li għandu skop aktar limitat minn dak ta' l-istess kunċett li jinsab fit-Trattat KEE.

119    Minħabba dawn il-fatturi kollha, huwa għaldaqstant neċessarju li jiġi eżaminat jekk, wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE, ir-regolament kontenzjuż huwiex kuntrarju għall-Artikolu 10 ta’ dak il-ftehim meta interpretat, bis-saħħa ta' l-Artikolu 6, skond s-sentenzi relevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza mogħtija qabel id-data ta’ l-iffirmar tal-Ftehim ŻEE.

120    F’dak ir-rigward huwa neċessarju illi jiġi miċħud l-argument tal-Kunsill illi l-miżura introdotta mir-regolament kontenzjuż ma tikkostitwixxix dazju iżda miżura ta’ salvagwardja sui generis illi, fiha nfisha, ma taqax taħt l-Artikolu 10 tal-Ftehim ŻEE. Fil-fatt, skond it-titolu tiegħu stess, ir-regolament kontenzjuż iwassal għall-"irtirar ta’ konċessjonijiet ta’ tariffi". Minbarra dan, l-Artikolu 1 tar-regolament jipprovdi li "[d]azju ta’ 4.9% fuq l-importazzjoni ta' gearboxes F-15 għal karozzi, iffabbrikati minn General Motors Awstrija […] qiegħed jerġa' jiġi stabbilit" u li t-23 premessa tirreferi għall-"istabbiliment ta' dazji f’livell ugwali għal-livell tad-dazji li kienu jkunu applikabbli kieku l-[FKĦ] ma daħalx fis-seħħ". Fl-aħħar nett, matul is-seduta, ir-rappreżentant tal-Kunsill, b'risposta għal mistoqsija li saritlu mill-Qorti tal-Prim'Istanza, ammetta li l-kwalifika ta' miżura hija ta’ ftit importanza, peress li effett tagħha hu identiku jekk tkun ikkwalifikata bħala dazju kontra d-dumping, bħala dazju kompensatorju, bħala l-irtirar ta’ konċessjonijiet ta’ tariffi, bħala l-introduzzjoni ta’ dazju jew bħala miżura ta’ salvagwardja sui generis.

121    Minbarra dan, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, "kull ħlas pekunjarju, anke jekk ikun minimu, ikun xi jkun imsejjaħ u jkun xi jkun il-mod kif jiġi applikat, li huwa impost unilateralment fuq prodotti nazzjonali jew barranin minħabba li dawn jaqsmu fruntiera, meta ma jkunx dazju doganali fis-sens strett tal-kelma, jikkostitwixxi taxxa b'effett ekwivalenti fis-sens ta’ l-Artikoli 9 u 12 tat-Trattat, anke jekk dan il-ħlas ma jinġabarx għall-benefiċċju ta’ l-Istat, ma jkollux effett diskriminatorju jew protettiv u l-prodott suġġett għal tali ħlas ma jkunx qiegħed jikkompeti ma’ xi prodott domestiku" (sentenza ta' l-1 ta' Lulju 1969, Sociaal Fonds voor de Diamantarbeiders, iċċitata aktar 'il fuq, punt 18).

122    Il-miżura introdotta mir-regolament kontenzjuż tikkostitwixxi ħlas pekunjarju impost unilateralment mill-Komunità fuq gearboxes F-15 minħabba li dawn jaqsmu fruntiera. Konsegwentament, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi stabbilit jekk din il-miżura għandhiex titqies bħala dazju doganali fuq l-importazzjoni fis-sens strett tal-kelma, għandu jiġi kkonstatat illi hija tikkostitwixxi, ta’ l-anqas, taxxa b'effett ekwivalenti fis-sens ta' l-Artikolu 10 tal-FtehimŻEE. Minn dan jirriżulta li, wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE, ir-regolament kontenzjuż kien kuntrarju għal dan l-artikolu.

123    Minn dan jirriżulta li, billi adotta r-regolament kontenzjuż fil-perijodu li ppreċeda d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE u wara li l-Komunitajiet kienu ddepożitaw l-istrumenti ta’ aprovazzjoni tagħhom, il-Kunsill kiser l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti.

124    Minbarra dan, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Komunitarja għandha tkun ċerta u l-applikazzjoni tagħha għandha tkun previżibbli mill-individwi. Il-prinċipju taċ-ċertezza legali jeżiġi li kull miżura ta’ l-istituzzjonijiet li jkollha effetti legali tkun ċara u preċiża u li l-persuna kkonċernata għandha tkun mgħarrfa biha b’tali mod illi tista’ tkun taf b'ċertezza minn meta din il-miżura tibda teżisti u minn meta jibdew l-effetti legali tagħha. Dan ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali għandu jkun osservat b’mod aktar strett fil-każ ta’ miżura li x’aktarx ser ikollha konsegwenzi finanzjarji sabiex dawk ikkonċernati jistgħu jkunu jafu b’mod preċiż il-medda ta' l-obbligi li timponi fuqhom (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Lulju 1981, Gondrand Frères u Garancini, 169/80, Ġabra p. 1931, punt 17; tat-22 ta' Frar 1984, Kloppenburg, 70/83, Ġabra p. 1075, punt 11; tal-15 ta' Diċembru 1987, Irlanda vs Il-Kummissjoni, 325/85, Ġabra p. 5041, punt 18; u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Frar 1991, Tagaras vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-18/89 u T-24/89, Ġabra p. II-53, punt 40).

125    Billi adotta r-regolament kontenzjuż fl-20 ta’ Diċembru 1993, meta kien jaf b’ċertezza li l-Ftehim ŻEE kien ser jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994, il-Kunsill xjentement ħoloq sitwazzjoni li fiha, b’effett minn Jannar 1994, kienu ser jeżistu flimkien żewġ regoli legali li jmorru kontra xulxin, jiġifieri, minn naħa, ir-regolament kontenzjuż, li huwa direttament applikabbli fis-sistemi legali nazzjonali u li jistabbilixxi mill-ġdid dazju ta’ 4.9% fuq l-importazzjoni ta’ gearboxes F-15 iffabbrikati mir-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 10 tal-Ftehim ŻEE, li għandu effett dirett u li jipprojbixxi d-dazji doganali fuq l-importazzjoni u kull taxxa b'effett ekwivalenti. Konsegwentament, ir-regolament kontenzjuż ma jistax jitqies bħala leġiżlazzjoni Komunitarja li hija ċerta u l- applikazjoni tagħha ma tistax titqies prevedibbli minn dawk li huma suġġetti għaliha. Minn dan jirriżulta li l-Kunsill kiser ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

126    Minkejja li dawn iż-żewġ vjolazzjonijiet ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt għandhom jitqiesu li huma fihom infushom serji biżejjed biex iwasslu għall-annullament tar-regolament kontenzjuż, għandu jiġi wkoll stabbilit jekk, kif ir-rikorrenti jallega, il-Kunsill, b’mod deliberat, ta data b'lura lill-edizzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali li fiha ġie ppubblikat ir-Regolament.

127    L-edizzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali li fiha kien ippubblikat ir-regolament kontenzjuż iġġib id-data tal-31 ta’ Diċembru 1993. Skond l-Artikolu 2 tiegħu, ir-regolament kellu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali. Madankollu, mir-risposti bil-miktub ta' l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza jirriżulta li l-Ġurnal Uffiċjali tal-31 ta’ Diċembru 1993 kien biss disponibbli għall-pubbliku, mis-sede ta’ l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Komunità, fil-11 ta’ Jannar 1994 fl-4.45 ta' wara nofsinhar. Skond il-ġurisprudenza, għalkemm hemm preżunzjoni li d-data tal-pubblikazzjoni hija d-data li attwalment tidher fuq kull edizzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali, jekk ikun hemm evidenza li turi l-kuntrarju wieħed jqis id-data attwali ta’ pubblikazzjoni (ara s-sentenza Racke, iċċitata aktar 'il fuq, punt 15). Minn dan jirriżulta li d-data attwali tal-pubblikazzjoni ta' l-edizzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali in kwistjoni f'din il-kawża hija l-11 ta’ Jannar 1994 u li r-regolament daħal biss fis-seħħ f'din l-aħħar data.

128    Minbarra dan, mid-dokumenti tal-proċess, mid-dokumenti prodotti mill-Kunsill fuq talba tal-Qorti tal-Prim'Istanza u mir-risposti bil-miktub tal-Kunsill u ta' l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza, jirriżulta li l-Kunsill bagħat ir-regolament kontenzjuż lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet fit-3 jew fl-4 ta’ Jannar 1994; illi nota li ntbagħtet flimkien miegħu tat istruzzjonijiet lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet sabiex jippubblika r-regolament fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-1993; illi l-Kunsill ikkonferma din l-istruzzjoni meta saritlu telefonata mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet u illi dan ta’ l-aħħar irċieva r-regolament sħiħ b’faks fis-6 ta’ Jannar 1994.

129    Matul is-seduta, b’risposta għall-mistoqsijiet li saru tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kunsill spjega li huwa qatt ma allega li r-regolament in kwistjoni kellu jidħol fis-seħħ qabel il-pubblikazzjoni tiegħu. Dak iż-żmien, anke jekk kienet taf bil-ġurisprudenza dwar id-data attwali ta’ pubblikazzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali (ara aktar 'il fuq, punt 127), l-amministrazzjoni tal-Kunsill kellha d-drawwa li tagħti istruzzjonijiet lill-Uffiċju tal-Pubblikazzjonijiet sabiex jippubblika l-miżuri adottati f’sena partikolari fl-edizzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali ta' dik is-sena. Din id-drawwa madankollu nbidlet minn dak iż-żmien 'l hawn.

130    Madankollu, mingħajr ma tagħti deċiżjoni dwar il-legalità ta’ din id-drawwa, li għandha titqies bħala, ta’ l-anqas, dubbjuża, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li, kuntrarjament għal din l-istess drawwa, diversi miżuri adottati mill-Kunsill f’Diċembru 1993 ġew ippubblikati fl-edizzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali ta' l-1994. Dawn il-miżuri jinkludi, b'mod partikolari, id-Deċiżjonijiet 94/1 u 94/2, li kienu adottati fit-13 ta’ Diċembru 1993 iżda ġew ippubblikati fl-ĠU 1994, L 1, bid-data tat-3 ta’ Jannar 1994, kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 5/94, tat-22 ta’ Diċembru 1993, dwar is-sospensjoni ta’ miżuri kontra d-dumping kontra l-pajjiżi EFTA, li ġie ppubblikat fl-ĠU 1994, L 3, bid-data tal-5 ta’ Jannar 1994.

131    Konsegwentament, il-Kunsill deliberatament ta data b’lura lill-edizzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali li fiha ġie ppubblikat ir-regolament kontenzjuż.

132    Billi aġixxa b’dan il-mod, huwa reġa' kiser il-prinċipju ta’ ċertezza legali li, skond il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 124 aktar 'il fuq, teżiġi li kull miżura ta’ l-istituzzjonijiet li jkollha effetti legali tkun, mhux biss ċara u preċiża, iżda li tinġieb wkoll għall-għarfien tal-persuna kkonċernata b’tali mod illi din tista' tkun taf b'ċertezza l-mument minn meta l-imsemmija miżura tibda teżisti u jibda jkollha effetti legali.

133    L-imġiba ta’ l-amministrazzjoni tal-Kunsill għandha titqies li hija partikolarment serja peress li tmur kontra l-istruzzjonijiet formali tal-Kunsill stess lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet u li huma "intiżi li jiżguraw illi d-data ta’ pubblikazzjoni fuq kull edizzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali tikkorrispondi mad-data li fiha dik l-edizzjoni tkun fil-fatt disponibbli għall-pubbliku fil-lingwi kollha fl-imsemmi uffiċċju" (ara s-sentenza Racke, iċċitata aktar 'il fuq, punt 15). Minbarra dan, hekk kif ir-rikorrenti ġustament tosserva, il-qafas legali li kien jeżisti fil-31 ta’ Diċembru 1993 kien differenti minn dak li kien jeżisti wara l-1 ta’ Jannar 1994, id-data li fiha daħal fis-seħħ il-Ftehim ŻEE.

134    Minn dak kollu li għadu kemm intqal jirriżulta li l-ewwel motiv u t-tieni parti tat-tieni motiv, ikkunsidrati flimkien, huma fondati.

135    F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-regolament kontenzjuż għandu jiġi annullat, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-argumenti u l-motivi l-oħra li tqajmu mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

136    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tkun ordnata tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kunsill tilef, huwa għandu jkun ordnat ibati l-ispejjeż tiegħu, flimkien ma' dawk tar-rikorrenti, kif mitlub mill-istess rikorrenti.

137    L-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

138    Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, li ġiet ammessa sabiex tintervjeni, mhux skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 37 ta’ l-Istatut (KE) tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda skond l-impenn tal-Komunità, li jinsab fid-Dikjarazzjoni "fuq id-drittijiet ta’ l-Istati EFTA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-KE", li hija annessa mal-Ftehim ŻEE, u li hija intiża li tiftaħ għall-Istati EFTA u l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA xi possibbiltajiet ta' intervent quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bis-saħħa ta' l-Artikolu 37 ta’ l-Istatut ta' l-istess Qorti "sabiex tiġi msaħħa l-omoġeneità legali fi ħdan iż-ŻEE’ (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta’ Ottubru 1994, Opel Austria vs Il-Kunsill, T-115/94, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra). Din id-dikjarazzjoni għandha tkun interpretata fis-sens li l-Komunità impenjat ruħha li testendi l-istess possibiltajiet ta' intervent lill-Istati EFTA u lill-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA bħal dawk li għandhom l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji. Minn dan jirriżulta li dawn għandhom igawdu l-istess drittijiet u jkunu suġġetti għall-istess obbligi. L-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdu li l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

taqta' u tiddeciedi li:

1)      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3697/93, ta' l-20 ta’ Diċembru 1993, li jirtira konċessjonijiet ta’ tariffi skond l-Artikolu 23(2) u l-Artikolu 27(3)(a) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità u l-Awstrija (General Motors Austria) huwa annullat.

2)      Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu flimkien ma' dawk tar-rikorrenti;

3)      Il-Kummissjoni u r-Repubblika ta’ l-Awstrija għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Lenaerts

Lindh

Cooke

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-22 ta' Jannar 1997.

      

H. Jung

 

      K. Lenaerts

Reġistratur

 

      President      


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.