Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta̕ Jannar 2013 - Rose Vision u Seseña vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-45/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Rose Vision, SL (Seseña, Spanja) u Julián Seseña (Pozuelo de Alarcón, Spanja) (rappreżentanti: M. Muñiz Bernuy u Á. Alonso Villa, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjonijiet ta' sospensjoni ta' ħlasijiet miftehma;

tneħħi lil Rose Vision, S.L. minn fuq ir-Reġistru ta' Esklużjonijiet u mis-Sistema ta' Twissija Bikrija (EWS);

tikkundanna lill-konvenuta tħallas EUR 5 000 624 għad-danni.

Motivi u argumenti prinċipali

Waħda mir-rikorrenti, impriża ddedikata prinċipalment għat-telekomunikazzjonijiet, għar-riċerka u l-iżvilupp (R + Ż) u għas-servizzi ta' konsulenza fit-telekomunikazzjoni, fl-investigazzjoni u fl-innovazzjoni, ħadmet f'diversi proġetti mal-Kummissjoni mill-2002.

Dan ir-rikors huwa bbażat fuq żewġ verifiki mwettqa bejn Frar u April tal-2011 fl-impriża rikorrenti. F'dawn ir-rapporti ta' verifika l-impriża rikorrenti hija imputata b'numru ta' nuqqasijiet u ta' irregolaritajiet li mmotivaw is-sospensjoni ta' ħlasijiet pendenti.

Ir-rikorrenti jallegaw li dawn l-imputazzjonijiet ma jikkorrispondux mar-realtà. Fil-fatt qari fid-dettall ta' wieħed miż-żewġ rapporti ta' verifika msemmija iktar 'il fuq jippermetti li jiġi identifikat, skont ir-rikorrenti, li l-għan tiegħu huwa attakk mhux ġustifikat kontrihom, bil-għan li huma jiġu skwalifikati. B'dan il-mod, dan ir-rapport ta' verifika huwa bbażat iktar fuq informazzjoni mhux ikkontrastata. Dan l-atteġġjament tal-Kummissjoni jikkorrispondi iktar ma' atteġġjament investigattiv, ta' kontroll jew ta' spezzjoni milli ma' atteġġjament ta' verifika, li għandu jikkontrasta informazzjoni u jiżgua li s-sorsi huma affidabbli.

Dan kollu kkawża lill-impriża rikorrenti dannu gravi, mhux biss ta' natura ekonomika, iżda wkoll għar-reputazzjoni professjonali u fuq livell tal-kredibbiltà.

____________