Language of document : ECLI:EU:T:2018:124


 


 



Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tat-8 ta’ Marzu 2018 –
Rose Vision vs Il-Kummissjoni

(Kawżi T-45/13 RENV u T-587/15)

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Is-Seba’ Programm Kwadru għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007–2013) – Ftehimiet ta’ sussidji relattivi għall-proġetti FIRST, FutureNEM, sISI, 4NEM u SFERA – Terminu għall-komunikazzjoni tar-rapport finali ta’ awditu finanzjarju – Awditi finanzjarji li jikkonstataw irregolaritajiet fl-implimentazzjoni tal-proġetti – Sospensjoni tal-ħlasijiet – Kunfidenzjalità tal-verifiki finanzjarji – Eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Rimbors tas-somom imħallsa – Dannu kkawżata mir-reġistrazzjoni fis-sistema ta’ twissija bikrija”

1.      Proċedura ġudizzjarja – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li torbot lill-Qorti Ġenerali – Kundizzjonijiet – Rinviju konsegwenti għal appell – Punti ta’ liġi maqtugħin definittivament mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell – Res judicata – Portata

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53, u 61; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 215)

(ara l-punt 45)

2.      Proċedura ġudizzjarja – Suġġett tat-tilwima – Modifika fil-mori tal-kawża – Projbizzjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 76(1)(d), u 84(2))

(ara l-punt 57)

3.      Rikors għal annullament – Rikors dirett kontra deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv – Deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata abbażi tal-Artikolu 263 TFUE – Ammissibbiltà – Motivi dwar id-dispożizzjonijiet kuntrattwali u d-dritt nazzjonali applikabbli – Inammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE, 288 TFUE u 299 TFUE)

(ara l-punti 69, 70)

4.      Proċedura ġudizzjarja – Eċċezzjoni ta' lis alibi pendens – Identiċità tal-partijiet, tas-suġġett u tal-motivi taż-żewġ rikorsi – Inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat fit-tieni lok

(ara l-punt 88)

5.      Baġit tal-Unjoni Ewropea – Għajnuna finanzjarja mill-Unjoni – Obbligu tal-benefiċjarju li josserva l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna – Finanzjament fir-rigward biss tal-ispejjeż effettivament magħmula – Ġustifikazzjoni tar-realtà tal-infiq iddikjarat – Assenza – Infiq mhux eliġibbli – Eżekuzzjoni teknika tajba tal-proġetti suġġetti għal għajnuna finanzjarja tal-Unjoni – Assenza ta’ effett

(Artikolu 317 TFUE)

(ara l-punt 95)

6.      Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Motivi – Ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali – Motiv ineffettiv – Ċaħda

(Artikolu 272 TFUE)

(ara l-punt 110)

7.      Baġit tal-Unjoni Ewropea – Għajnuna finanzjarja mill-Unjoni – Obbligu tal-benefiċjarju li josserva l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna – Ġustifikazzjoni tal-infiq espost – Proċedura mibdija mill-Kummissjoni għall-irkupru tal-ħlasijiet magħmula – Tqassim tal-oneru tal-prova

(Artikoli 272 TFUE u 317 TFUE)

(ara l-punti 163, 166)

8.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Kundizzjonijiet kumulattivi – Obbligu għall-qorti li teżaminahom f’ordni determinat – Assenza – Assenza ta’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet – Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

(ara l-punti 203-207)

9.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Dannu – Dannu li jista’ jiġi kkumpensat – Dannu subit minħabba s-sospensjoni tal-ħlasijiet lir-rikorrenti abbażi tal-ftehimiet ta’ sussidju minħabba r-reġistrazzjoni ta’ isimha fis-sistema ta’ twissija bikrija għall-użu tal-uffiċjal tal-Kummissjoni li jawtorizza u tal-aġenziji eżekuttivi – Esklużjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

(ara l-punt 210)

Suġġett

Fil-Kawża T‑45/13 RENV, l-ewwel nett, talba abbażi tal-Artikolu 272 TFUE u intiża għall-konstatazzjoni tal-ksur tal-klawżoli kuntrattwali applikabbli għall-proġett FutureNEM, it-tieni nett, talba abbażi tal-Artikolu 272 TFUE u intiża għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament sofriet b’konsegwenza tal-ksur ta’ dawn il-klawżoli kuntrattwali mill-Kummissjoni, it-tielet nett, talba abbażi tal-Artikolu 268 TFUE u intiża għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament sofriet b’konsegwenza tar-reġistrazzjoni ta’ isimha fis-sistema ta’ twissija bikrija (STB) u, ir-raba nett, talba abbażi tal-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni relattiva għar-reġistrazzjoni ta’ isem ir-rikorrenti fis-STB u, fil-Kawża T‑587/15, l-ewwel nett, essenzjalment, talba abbażi tal-Artikolu 272 TFUE u intiża għall-konstatazzjoni tal-ksur tal-klawżoli kuntrattwali applikabbli għall-proġetti FIRST, FutureNEM, sISI, 4NEM u SFERA, it-tieni nett, talba abbażi tal-Artikolu 272 TFUE u intiża għall-konstatazzjoni li r-rikorrenti ma hijiex debitriċi tal-Kummissjoni għall-ammont mitlub mingħandha, għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament sofriet b’konsegwenza tal-ksur tal-klawżoli kuntrattwali mill-Kummissjoni kif ukoll biex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas ammonti dovuti abbażi tal-parteċipazzjoni tagħha f’dawn il-proġetti, it-tielet nett, talba abbażi tal-Artikolu 268 TFUE u intiża għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu b’konsegwenza tar-reġistrazzjoni ta’ isem ir-rikorrenti fis-STB u, u, ir-raba’ nett, talba abbażi tal-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 5449 finali, tat-28 ta’ Lulju 2015, dwar l-irkupru ta’ ammont totali ta’ EUR 535 613.20, flimkien mal-interessi, dovut mir-rikorrenti.

Dispożittiv

1)

Il-Kawżi T‑45/13 RENV u T‑587/15 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)

Ir-rikorsi huma miċħuda.

3)

Rose Vision, SL għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk esposti mill-Kummissjoni Ewropea, inklużi, fir-rigward tal-Kawża T‑45/13 RENV, dawk esposti fil-kuntest tal-proċedura inizjali quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑45/13, tal-proċedura ta’ appell fil-Kawża C‑224/15 P u fil-proċedura tar-rinviju.