KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
TANCHEV
ippreżentati fl-14 ta’ Mejju 2020 (1)
Kawża C‑663/18
B. S.,
C. A.
fil-preżenza ta’:
Ministère public,
Conseil national de l’Ordre des pharmaciens
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appel d’Aix-en-Provence (il‑Qorti tal-Appell ta’ Aix-en-Provence, Franza))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-merkanzija – Organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-qanneb – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-importazzjoni tal-qanneb, minn Stat Membru ieħor, għall-fibri u ż-żrieragħ biss”
1. Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-kummerċjalizzazzjoni fi Franza ta’ sigarett elettroniku li l-likwidu tiegħu fih il-kannabidiol (CBD), molekula estratta mill-pjanta tal-qanneb iżda li, b’differenza mit-tetraidrokannabinol (THC), estratt wkoll mill-qanneb, ma għandhiex, għall-inqas fl-istat attwali tal-għarfien xjentifiku, effetti psikotropiċi. B. S. u C. A., id-diretturi tal-kumpannija li tikkummerċjalizza dan is-sigarett elettroniku taħt l-isem Kanavape, kienu suġġetti għal kundanna kriminali mit-tribunal correctionnel de Marseille (il-Qorti Kriminali ta’ Marseille, Franza), minħabba li ż-żejt taċ-CBD li jinsab fil-kontenituri tiegħu kien estratt mill-pjanta tal-qanneb kollha kemm hi, il-weraq u l-fjuri inklużi. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni Franċiża tillimita l-kultivazzjoni, l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-użu industrijali u kummerċjali tal-qanneb għall-fibri u ż-żrieragħ tiegħu biss.
2. Sa fejn iż-żejt taċ-CBD li jinsab fil-Kanavape kien, f’dan il-każ, importat mir-Repubblika Ċeka, fejn kienet ikkultivata l-pjanta tal-qanneb u fejn kienet saret l-estrazzjoni taċ-CBD, il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-cour d’appel d’Aix-en-Provence (il-Qorti tal-Appell ta’ Aix-en-Provence, Franza), tistaqsi dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni Franċiża mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fuq il-moviment liberu tal-merkanzija, kif ukoll mat-testi tad-dritt sekondarju adottati fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, u speċifikament ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 (2) u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (3).
3. Għaldaqstant, din il-kawża ser tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni biex tiddeċiedi dwar il-konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-importazzjoni ta’ sustanza li tirriżulta mill-qanneb, jiġifieri ż-żejt taċ-CBD, li l-partijiet isostnu li qed ikollha popolarità li qiegħda dejjem tikber, mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 36 TFUE, li jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-importazzjonijiet għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni.
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. It-Trattat FUE
4. L-Artikolu 38 TFUE jipprevedi:
“1. L-Unjoni għandha tiddefinixxi u timplimenta politika komuni ta’ l-agrikoltura u s-sajd.
Is-suq intern jikkomprendi l-agrikoltura u l-kummerċ fi prodotti agrikoli u tas-sajd. ‘Prodotti agrikoli’ għandhom ifissru l-prodotti ta’ l-art, tat-trobbija ta’ l-annimali u tas-sajd kif ukoll ta’ l-ewwel proċessar konness direttament ma’ dawn il-prodotti. Ir-referenzi għall-politika agrikola komuni jew għall-agrikoltura u l-użu tat-terminu ‘agrikola’, għandhom jinftiehmu bħala li jirriferu wkoll għas-sajd, b’kont meħud tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ dan is-settur.
[…]
3. Il-Prodotti suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 39 sa 44 huma elenkati fl-Anness I.
[…]”
5. L-Anness I tat-Trattati, intitolat “Lista prevista fl-Artikolu 38 [TFUE]”, jirreferi għall-intestatura 57.01 tan-“nomenklatura ta’ Brussell” (4), li tirreferi għall-“[q]anneb veru (Cannabis sativa), nej jew ipproċessat imma mhux bin-newl; stoppa u skart ta’ qanneb vera (inklużi ċraret u ħbula miġbuda jew iggarnettjati)”. Dan l-anness jirreferi wkoll għall-Kapitolu 12 tan-Nomenklatura ta’ Brussell, dwar “Żrieragħ taż-żejt u frott oleaġinuż; qmuħ varji, żrieragħ u frott diversi pjanti industrijali u mediċinali; tiben u għalf ta’ l-annimali”.
2. Ir-Regolament Nru 1307/2013
6. L-Artikolu 32(6) tar-Regolament (KE) Nru 1307/2013 jgħid kif ġej:
“L-erjas użati għall-produzzjoni tal-qanneb għandhom ikunu biss ettari eliġibbli jekk il-varjetajiet użati jkollhom kontenut ta’ tetraidrokannabinol ta’ mhux aktar minn 0,2 %.”
3. Ir-Regolament Nru 1308/2013
7. L-Artikolu 189 tar-Regolament Nru 1308/2013 jgħid:
“1. Il-prodotti li ġejjin jistgħu jiġu importati fl-Unjoni, biss jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) qanneb veru, mhux maħdum, tal-Kodiċi NM 5302 10 00 li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(6) u fl-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;
[…]
2. Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għal regoli aktar restrittivi adottati mill-Istati Membri f’konformità mat-TFUE u mal-obbligi skont il-Ftehim tad-WTO dwar l-Agrikoltura.”
B. Id-dritt Franċiż
8. L-Artikolu R. 5132-86 tal-Code de la santé publique (il-Kodiċi dwar is-Saħħa Pubblika) jistabbilixxi:
“I. — Għandhom ikunu pprojbiti l-produzzjoni, il-manifattura, it-trasport, l-importazzjoni, l-esportazzjoni, iż-żamma, l-offerta, it-trasferiment, l-akkwist jew l-użu:
1°Tal-kannabis, tal-pjanta u tar-raża tagħha, prodotti li fihom dawn jew dawk miksuba mill-kannabis, mill-pjanta jew mir-raża tagħha;
2°Tat-tetraidrokannabinols, bl-eċċezzjoni tad-delta 9‑tetraidrokannabinol, tal-esteri tagħhom, eteri, melħ kif ukoll tal-melħ tad-derivattivi ċċitati iktar ’il fuq u tal-prodotti li fihom dawn id-derivati.
II. — Jistgħu jingħataw derogi mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq għall-finijiet ta’ riċerka u ta’ kontroll kif ukoll għall-manifattura ta’ derivati awtorizzati mid-Direttur Ġenerali tal-Agence nationale de sécurité du médicament et des produits de santé [l-Aġenzija Nazzjonali tas-Sigurtà tal-Prodotti Mediċinali u tal-Prodotti tas-Saħħa].
Il-kultivazzjoni, l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-użu industrijali u kummerċjali ta’ varjetajiet ta’ kannabis mingħajr proprjetajiet narkotiċi jew prodotti li fihom tali varjetajiet jistgħu jiġu awtorizzati, fuq proposta tad-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija, permezz ta’ digriet tal-ministri responsabbli mill-agrikoltura, mid-dwana, mill-industrija u mis-saħħa.
[…]”
9. Abbażi tad-derogi previsti mill-Artikolu R. 5132‑86 tal-Kodiċi dwar is-Saħħa Pubblika kien ġie adottat id-Digriet tat-22 ta’ Awwissu 1990 li japplika l-Artikolu R. 5181 (illum l-Artikolu R. 5132‑86) tal-Kodiċi dwar is-Saħħa Pubblika għall-kannabis (5), emendat fl-2004 (6) (iktar ’il quddiem id-“Digriet tat-22 ta’ Awwissu 1990”).
10. L-Artikolu 1 tad-Digriet tat-22 ta’ Awwissu 1990 jipprovdi:
“Skont l-Artikolu R. 5181 tal-kodiċi msemmi iktar ’il fuq, huma awtorizzati l-kultivazzjoni, l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-użu industrijali u kummerċjali (fibri u żrieragħ) tal-varjetajiet ta’ Cannabis sativa L. li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:
– il-kontenut ta’ delta‑9‑tetraidrokannabinol ta’ dawn il-varjetajiet ma jkunx iktar minn 0.20 %;
– id-determinazzjoni tal-kontenut ta’ delta‑9‑tetraidrokannabinol u t-teħid ta’ kampjuni għall-finijiet ta’ din id-determinazzjoni għandhom isiru skont il-metodu Komunitarju previst fl-Anness.
[…]”
11. Permezz ta’ ċirkulari tat-23 ta’ Lulju 2018 (7), il-Ministru tal-Ġustizzja stieden lill-prosekuturi sabiex ikomplu jressqu quddiem il-ġustizzja u jissanzjonaw “b’mod partikolarment ferm” il-ksur li seta’ jiġi kkonstatat fir-rigward tal-bejgħ lill-pubbliku tal-prodotti li joriġinaw mill-kannabis. Il-punt 2.2 ta’ din iċ-ċirkulari jindika li “għandu jiġi ppreċiżat li l-kannabidiol jinsab prinċipalment fil-weraq u fil-fjuri tal-pjanta, u mhux fil-fibri u ż-żrieragħ. Għaldaqstant, fl-istat tal-leġiżlazzjoni applikabbli, l-estrazzjoni tal-kannabidiol taħt kundizzjonijiet konformi mal-code de la santé publique ma tidhirx possibbli.”
II. Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
12. Kif indikat fil-punt 1 iktar ’il fuq, il-kumpannija SAS Catlab, stabbilita f’Marseille (Franza) u li għandha bħala diretturi B. S. u C. A., tikkummerċjalizza sigarett elettroniku, il-Kanavape, li l-likwidu tiegħu fih iċ-CBD. Iċ-CBD hija molekula estratta mill-qanneb, b’mod iktar preċiż mill-Cannabis sativa L. Għalkemm iċ-CBD għandha, skont ir-riklamar tal-Korvape, karatteristiċi rilassanti, madankollu ma għandha l-ebda effett psikotropiku magħruf, b’differenza mit-THC.
13. F’Diċembru 2014, Catlab għamlet kampanja pubbliċitarja għat-tnedija tal-Kanavape. Wara din il-kampanja, il-Prosekutur tar-Repubblika tat-tribunal de grande instance de Marseille (France) (il-Qorti Reġjonali ta’ Marseille, Franza) ordna investigazzjoni. Dan stabbilixxa li ż-żejt taċ-CBD użat għall-Kanavape kien ġej minn pjanti kkultivati fir-Repubblika Ċeka, fejn kienet issir ukoll l-estrazzjoni ta’ dan iż-żejt. Minn din l-investigazzjoni jirriżulta wkoll li l-pjanta tal-qanneb kollha, il-weraq u l-fjuri inklużi, intużat għall-produzzjoni taż-żejt taċ-CBD. Dan iż-żejt kien sussegwentement importat fi Franza minn Catlab, li kienet tippakkjah f’kontenituri għall-Kanavape (8).
14. Permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ Jannar 2018 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tat-tribunal correctionnel de Marseille (il-Qorti Kriminali ta’ Marseille)”), it-tribunal correctionnel de Marseille (il-Qorti Kriminali ta’ Marseille) iddikjarat lil B. S. u C. A. ħatja, b’mod partikolari, tal-kap tal-ksur tar-regoli dwar il-kummerċ tal-pjanti velenużi. Dan il-ksur huwa previst fl-Artikolu L. 5432‑1 I, 1°, tal-Kodiċi dwar is-Saħħa Pubblika, li jinkrimina l-fatt li ma jiġux osservati d-dispożizzjonijiet adottati skont l-Artikolu L. 5132‑8 tal-istess kodiċi, bħad-Digriet tat-22 ta’ Awwissu 1990. It-tribunal correctionnel de Marseille (il-Qorti Kriminali ta’ Marseille) irrilevat, b’mod partikolari, li skont dan id-digriet, il-produzzjoni taż-żejt tal-qanneb intiż sabiex jiġi injettat fil-Kanavape kien “legali biss meta [kien jinkiseb] permezz ta’ tagħsir taż-żrieragħ”, filwaqt li “l-introduzzjoni f’dan il-prodott ta’ weraq, brakti, jew fjuri [kien] biżżejjed sabiex irrendi illegali l-użu tal-pjanta ta’ kannabis għal finijiet industrijali jew kummerċjali”. Peress li l-pjanta tal-qanneb kollha kemm hi, weraq u fjuri inklużi, kienet intużat sabiex jiġi ppreparat iż-żejt taċ-CBD injettat fil-Kanavape, kien seħħ il-ksur. It-tribunal correctionnel de Marseille (il-Qorti Kriminali ta’ Marseille) għalhekk ikkundannat lil B. S. għal piena sospiża ta’ tmintax-il xahar ta’ priġunerija u għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 10 000. Min-naħa tiegħu, C. A. ġie kkundannat għal piena sospiża ta’ ħmistax-il xahar priġunerija u għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 10 000.
15. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li ma kinux saru proċeduri kontra B. S. u C. A talli kkummerċjalizzaw prodott b’rata ta’ THC ogħla mil-limitu legali ta’ 0.20 %, peress li analiżi mwettqa mill-Agence nationale de sécurité du médicament et des produits de santé (l-Aġenzija Nazzjonali għas-Sigurtà tal-Prodotti Mediċinali u tal-Prodotti tas-Saħħa) kienet stabbilixxiet li dan il-limitu ma kienx intlaħaq.
16. B. S. u C. A. appellaw mis-sentenza tat-tribunal correctionnel de Marseille (il-Qorti Kriminali ta’ Marseille) quddiem il-Cour d’appel d’Aix-en-Provence (il‑Qorti tal-Appell ta’ Aix-en-Provence). Din tistaqsi dwar il-konformità tad-Digriet tat-22 ta’ Awwissu 1990 mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija, peress li din id-deċiżjoni tillimita l-importazzjoni ta’ prodott li ma jistax, minħabba kontenut ta’ THC inqas mil-limitu legali ta’ 0.20 %, jiġi kkunsidrat bħala droga narkotika. Hija tistaqsi wkoll dwar il-konformità tad-Digriet tat-22 ta’ Awwissu 1990 mar-Regolamenti Nru 1307/2013 u Nru 1308/2013, li jawtorizzaw il-kultivazzjoni u l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ qanneb li l-kontenut tiegħu ta’ THC huwa inqas minn 0.20 %.
17. Għaldaqstant, il-cour d’appel d’Aix-en-Provence (il-Qorti tal-Appell ta’ Aix-en-Provence) issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija adita b’talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 28, 29, 30 u 32 tat-TFUE, tar-Regolamenti 1307/2013 u 1308/2013 kif ukoll tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija, billi qegħda ssirilha d-domanda dwar jekk dawn it-testi għandhomx jiġu interpretati b’mod li d-dispożizzjonijiet derogatorji stabbiliti permezz tad-Digriet tat-22 ta’ Awwissu 1990 jimponu, billi jillimitaw il-kultivazzjoni tal-qanneb, l-industrijalizzazzjoni tiegħu u l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, għall-fibri u ż-żerriegħa biss, restrizzjoni li ma hijiex konformi mad-dritt [tal- Unjoni]?”
18. Id-domanda preliminari kienet is-suġġett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub min-naħa ta’ B. S., ta’ C. A., tal-Gvern Franċiż u dak Elleniku kif ukoll tal-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet instemgħu waqt is-seduta tat-23 ta’ Ottubru 2019.
III. Analiżi
19. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, minn naħa, ir-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013, min-naħa l-oħra, il-“prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija” għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżura bħad-Digriet tat-22 ta’ Awwissu 1990, li tillimita l-kultivazzjoni, l-importazzjoni u l-użu industrijali u kummerċjali tal-qanneb għall-fibri u ż-żrieragħ tal-pjanta biss, bl-esklużjoni tal-weraq u tal-fjuri.
20. Preliminarjament, nixtieq nagħmel żewġ rimarki dwar is-suġġett tad-domanda preliminari.
A. Kunsiderazzjonijiet preliminari fuq is-suġġett tad-domanda preliminari
21. Fl-ewwel lok, ir-riferiment, mill-qorti tar-rinviju, għall-“prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija”, għandu, kif issostni l-Kummissjoni, jinftiehem bħala riferiment għall-Artikoli 34 u 36 TFUE, dwar ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u l-miżuri li għandhom effett ekwivalenti bejn l-Istati Membri. Ftit jimporta li l-qorti tar-rinviju tagħmel, fil-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju, riferiment għall-Artikoli 28, 29, 30 u 32 TFUE. Fil-fatt, dawn l-artikoli jirrigwardaw il-projbizzjoni tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni u tat-taxxi li għandhom effett ekwivalenti. Issa, id-Digriet tat-22 ta’ Awwissu 1990, għalkemm jillimita, b’mod partikolari, l-importazzjoni tal-qanneb għal ċerti partijiet tal-pjanta, ma fih ebda dispożizzjoni dwar id-dazji doganali jew dwar taxxi li għandhom effett ekwivalenti. Huwa għalhekk fid-dawl biss tal-Artikoli 34 u 36 TFUE li għandha tiġi evalwata l-konformità ta’ miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-“prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija” imsemmi mill-qorti tar-rinviju.
22. Fit-tieni lok, ma naqbilx mal-opinjoni ta’ B. S. li, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jitwessa’ s-suġġett tad-domanda preliminari.
23. Fl-opinjoni ta’ B. S., il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevalwa l-konformità mad-dritt tal-Unjoni, mhux biss tal-projbizzjoni li jiġu kkummerċjalizzati l-weraq u l-fjuri tal-qanneb, iżda wkoll ta’ tliet kundizzjonijiet oħra li għalihom il-leġiżlazzjoni Franċiża tissuġġetta l-kummerċjalizzazzjoni tal-qanneb, jiġifieri, l-ewwel nett, il-fatt li l-pjanta inkwistjoni tappartjeni għal ċerti varjetajiet ta’ Cannabis sativa L. elenkati b’mod limitat, it-tieni nett, li l-kontenut ta’ din il-pjanta f’THC ma jkunx iktar minn 0.20 % u, it-tielet nett, li l-kontenut ta’ THC tal-prodott finali jkun żero (9). Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħmel tali eżami. Il-kwistjoni dwar jekk dawn l-aħħar tliet kundizzjonijiet humiex konformi mal-Artikoli 34 u 36 TFUE hija fil-fatt mingħajr rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali, sa fejn, skont il-qorti tar-rinviju, B. S. u C. A. ġew ikkundannati “minħabba l-użu għall-manifattura tal-prodott kontenzjuż tal-pjanta sħiħa tal-qanneb, il-weraq u l-fjuri inklużi”, mhux minħabba l-fatt li ż-żejt taċ-CBD użat kien ġie estratt minn varjetà tal-qanneb mhux koperta mid-Digriet tat-22 ta’ Awwissu 1990, jew minħabba l-fatt li l-kontenut ta’ THC f’dan iż-żejt, għalkemm inqas minn 0.20 %, ma kienx żero.
24. Barra minn hekk, skont B. S., il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina wkoll jekk il-Kanavape jistax jiġi assimilat ma’ prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem, fis-sens tad-Direttiva 2001/83/KE (10). Huwa minnu li din id-domanda għandha x’taqsam mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, B. S. u C. A. kienu ġew ikkundannati mit-tribunal correctionnel de Marseille (il-Qorti Kriminali ta’ Marseille), mhux biss għal ksur tar-regoli dwar il-kummerċ tal-pjanti velenużi, imma wkoll għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott mediċinali (għall-preżentazzjoni, mhux għall-funzjoni) peress li ma kinitx inkisbet awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq. Xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fil-fehma tiegħi, tipproċedi għall-eżami propost minn B. S, peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, risposta għal domandi addizzjonali msemmija mill-partijiet tkun inkompatibbli mal-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippermetti, konformement mal-Artikolu 23 tal-Istatut tagħha, lill-Gvernijiet tal-Istati Membri jippreżentaw osservazzjonijiet, peress li hija biss id-deċiżjoni tar-rinviju li tiġi nnotifikata lill-partijiet ikkonċernati (11). Għall-istess raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ B. S., teżamina l-konformità ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikoli 15, 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li għalihom it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tirreferi fl-ebda mument.
25. Minn dan nikkonkludi li l-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun limitat għall-evalwazzjoni tal-konformità mar-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013, kif ukoll mal-Artikoli 34 u 36 TFUE, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-importazzjoni, minn Stat Membru ieħor, tal-qanneb għall-fibri u ż-żrieragħ tiegħu biss.
26. Għalhekk ser neżamina iktar ’l isfel, fl-ewwel lok, il-konformità ta’ tali leġiżlazzjoni ma’ dawn ir-regolamenti u, fit-tieni lok, il-konformità tagħha mal-Artikoli 34 u 36 TFUE.
B. Fuq l-interpretazzjoni tar-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013
27. Nenfasizza li f’dan il-każ, filwaqt li l-kultivazzjoni tal-qanneb kif ukoll l-estrazzjoni taċ-CBD isseħħ fir-Repubblika Ċeka, il-prodott importat minn B. S. u C. A. huwa żejt taċ-CBD (12). Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk ir-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013 jipprekludux li Stat Membru jipprojbixxi l-importazzjoni, minn Stat Membru ieħor, ta’ żejt taċ-CBD meta dan jiġi estratt mill-pjanta tal-qanneb kollha kemm hi u mhux mill-fibri u ż-żrieragħ tagħha biss.
28. F’dan ir-rigward, B. S. isostni li ċ-CBD hija prodott agrikolu fis-sens tal-Artikolu 38(1) TFUE u li taqa’, f’dan ir-rigward, taħt ir-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013, li jipprekludu li Stat Membru jillimita l-użu tal-pjanta tal-qanneb għall-fibri u ż-żrieragħ tiegħu. Bl-istess mod, C. A. isostni li r-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013 huma applikabbli għall-pjanta tal-qanneb kollha kemm hi, u għalhekk għaċ-CBD li tirriżulta mill-fjuri u mill-weraq tagħha, u li d-Digriet tat-22 ta’ Awwissu 1990 jippreġudika l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-qanneb.
29. Għall-kuntrarju, il-Gvern Franċiż isostni li r-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013 ma humiex applikabbli, peress li l-ewwel wieħed jittratta l-kultivazzjoni tal-qanneb, mhux il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, u li t-tieni wieħed ma jkoprix il-weraq u l-fjuri tal-qanneb, iżda biss iz-zkuk u ż-żrieragħ. Fi kwalunkwe każ, l-unika dispożizzjoni rilevanti ta’ dawn ir-regolamenti, jiġifieri l-Artikolu 189 tar-Regolament Nru 1308/2013, ma tipprekludix miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
30. Il-Gvern Grieg indika matul is-seduta li ċ-CBD ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tenfasizza li ċ-CBD hija prodott kimiku organiku li ma jistax, f’dan ir-rigward, jaqa’ taħt dawn ir-regolamenti.
31. Fil-fehma tiegħi, ir-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013 ma jipprekludux li Stat Membru jipprojbixxi l-importazzjoni, minn Stat Membru ieħor, ta’ żejt taċ-CBD meta dan jiġi estratt mill-pjanta tal-qanneb kollha kemm hi. Fil-fatt, iż-żejt taċ-CBD ma jidhirx, fil-fehma tiegħi, fost il-prodotti li għalihom japplikaw ir-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013. Fi kwalunkwe każ, dawn ir-regolamenti, jekk jitqiesu li huma applikabbli, ma jipprojbixxux lil Stat Membru milli jadotta leġiżlazzjoni bħal dik deskritta fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sakemm din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.
32. Iktar ’il quddiem ser neżamina l-applikabbiltà tar-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013, imbagħad, sussidjarjament, l-applikazzjoni tagħhom.
1. Fuq l-applikabbiltà tar-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013
33. Nirrileva li r-Regolament Nru 1307/2013 jiddefinixxi, fl-Artikolu 4(1)(d) tiegħu, il-“prodotti agrikoli” li għalihom japplika bħala “l-prodotti, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-sajd, elenkati fl-Anness I għat-Trattati kif ukoll il-qoton”. Bl-istess mod, ir-Regolament 1308/2013 jipprovdi, fl-Artikolu 1(1) tiegħu li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq għall-“prodotti agrikoli, li tfisser il-prodotti kollha elenkati fl-Anness I għat-Trattati bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura kif definit fl-atti leġislattivi tal-Unjoni dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura”. Fir-rigward tal-qanneb, l-Anness I tat-Trattati jsemmi, minn naħa, l-intestatura 57.01 tan-nomenklatura ta’ Brussell, jiġifieri l-“[q]anneb veru (Cannabis sativa), nej jew ipproċessat imma mhux bin-newl; stoppa u skart ta’ qanneb vera (inklużi ċraret u ħbula miġbuda jew iggarnettjati)” u, min-naħa l-oħra, il-Kapitolu 12 tan-Nomenklatura ta’ Brussell, jiġifieri “[ż]rieragħ taż-żejt u frott oleaġinuż; qmuħ varji, żrieragħ u frott diversi pjanti industrijali u mediċinali; tiben u għalf ta’ l-annimali”, inklużi ż-żrieragħ tal-qanneb.
34. Hawnhekk għandu jsir riferiment għan-Noti ta’ Spjega tas-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija (13). Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, dawn jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji, mingħajr madankollu ma huma legalment vinkolanti (14). Issa, in-Nota ta’ Spjega tas-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija dwar l-intestatura 5302 tipprovdi li din tkopri (15) “1) il-qanneb mhux maħdum, kif jiġi maqlugħ mill-għeruq, imfesdaq jew le; 2) il-qanneb imrattab, li l-fibri tiegħu, parzjalment maqtugħin mill-bqija, ikunu għandhom imwaħħlin miegħu; 3) il-qanneb separat, jiġifieri l-istoppa weħidha, li tikkonsisti minn għenieqed ta’ fibri (filamenti tat-tessuti) li xi drabi jaqbżu 2 m fit-tul; (4) l-istoppa tal-qanneb mimxuta jew ittrattata mod ieħor għall-għażil (iżda mhux magħżul), ġeneralment fil-forma ta’ żigarelli jew fili” (16) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
35. Iż-żejt taċ-CBD, inkwistjoni f’din il-kawża, huwa estratt mill-pjanta tal-qanneb permezz ta’ żieda ta’ diossidu tal-karbonju, taħt pressjoni għolja u f’temperatura baxxa. Iż-żejt taċ-CBD ma jistax, għalhekk, jitqies bħala qanneb mhux maħdum, li huwa ddefinit bħala l-qanneb “kif jiġi maqlugħ mill-għeruq”. Dan lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat bħala qanneb imrattab jew separat, u lanqas bħala stoppa, peress li l-proċess ta’ estrazzjoni taċ-CBD ma jinvolvix li l-fibri jiġu sseparati mill-bqija tal-pjanta.
36. Iż-żejt taċ-CBD għalhekk ma huwiex prodott imsemmi fl-Anness I tat-Trattati. Minn dan isegwi li ż-żejt taċ-CBD ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013, peress li l-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament Nru 1307/2013 u l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 jipprovdu li dawn japplikaw għall-prodotti “elenkati fl-Anness I għat-Trattati”.
37. Insostenn ta’ din il-konklużjoni, nenfasizza, l-ewwel nett, li bl-eċċezzjoni tal-qoton, espressament imsemmi fl-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament Nru 1307/2013, la din id-dispożizzjoni u lanqas l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1308/2013 ma jipprevedu li dawn japplikaw għal prodotti li ma humiex dawk imsemmija fl-Anness I tat-Trattati. L-inklużjoni espressa tal-qoton fl-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament Nru 1307/2013, kif ukoll l-esklużjoni espressa tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li wħud minnhom huma madankollu msemmija fl-Anness I tat-Trattati, fl-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament Nru 1307/2013 u fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1308/2013, jikkonfermaw in-natura eżawrjenti tar-riferiment għall-prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattati.
38. It-tieni nett, nirrileva li l-Anness I tar-Regolament Nru 1308/2013, li jelenka, skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, “il-prodotti agrikoli kif iddefiniti fil-paragrafu 1”, isemmi, fir-rigward tal-qanneb, l-intestatura 5302 u s-subintestatura 1207 99 91 tan-Nomenklatura Magħquda, li jikkorrispondu għall-intestaturi tan-Nomenklatura ta’ Brussell imsemmija fl-Anness I tat-Trattati. L-Anness I tar-Regolament Nru 1308/2013 ma jirrigwarda għalhekk, fil-konfront tal-qanneb, ebda intestatura li ma hijiex imsemmija diġà fl-Anness I tat-Trattati. B’mod partikolari, l-Anness I tar-Regolament Nru 1308/2013 ma jsemmix iż-żejt taċ-CBD, u lanqas iċ-CBD.
39. It-tielet nett, ma jistax jitqies li ż-żejt taċ-CBD jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nri 1307/2013 u 1308/2013 bħala prodott tal-ewwel ipproċessar tal-qanneb fis-sens tal-Artikolu 38(1) TFUE.
40. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-“prodotti agrikoli” huma ddefiniti fl-Artikolu 38(1) TFUE bħala “prodotti ta’ l-art, tat-trobbija ta’ l-annimali u tas-sajd kif ukoll ta’ l-ewwel proċessar konness direttament ma’ dawn il-prodotti”. Skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “l-ewwel ipproċessar” jimplika interdipendenza ekonomika manifesta bejn il-prodotti bażiċi u l-prodotti li jirriżultaw minn proċess produttiv, indipendentement min-numru ta’ operazzjonijiet li dan jinvolvi (17). Madankollu, it-tieni definizzjoni ta’ prodotti agrikoli tinsab fl-Artikolu 38(3) TFUE. Skont din id-dispożizzjoni, il-prodotti li jidhru fil-lista li hija s-suġġett tal-Anness I tat-Trattati huma prodotti agrikoli. Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li dawn iż-żewġ definizzjonijiet huma biss waħda, b’tali mod li prodott li jissodisfa d-definizzjoni tal-prodott agrikolu stabbilita fl-Artikolu 38(1) TFUE, iżda li ma huwiex elenkat fl-Anness I tat-Trattati, ma jistax jitqies li huwa prodott agrikolu (18) u għalhekk ma jistax jiġi suġġett, b’mod partikolari, għall-Artikolu 43 TFUE, li huwa l-bażi legali tar-regolamenti dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq. Fi kliem ieħor, il-lista li tinsab fl-Anness I tat-Trattati hija eżawrjenti.
41. Issa, minn naħa, niddubita kemm iż-żejt taċ-CBD jista’ jiġi kkunsidrat bħala prodott tal-ewwel ipproċessar tal-qanneb. F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment għall-osservazzjonijiet tal-Gvern Elleniku u tal-Kummissjoni li ż-żejt taċ-CBD, li huwa estratt mill-pjanta tal-qanneb permezz ta’ proċess kumpless u għali, ma huwiex “konness direttament” ma’ din il-pjanta, kif jeżiġi l-Artikolu 38(1) TFUE.
42. Min-naħa l-oħra, anki jekk wieħed jassumi li ż-żejt taċ-CBD jista’ jiġi kkunsidrat bħala prodott tal-ewwel ipproċessar tal-qanneb, dan madankollu ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013.
43. Fil-fatt, ma huwiex biżżejjed, sabiex iż-żejt ta’ CBD jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti, li jiġi kklassifikat bħala prodott tal-ewwel ipproċessar fis-sens tal-Artikolu 38(1) TFUE. Fil-fatt, kif esponejt fil-punti 36 sa 38 iktar ’il fuq, ir-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013 jipprovdu espressament li dawn ma japplikawx għall-prodotti agrikoli fis-sens tal-Artikolu 38(1) TFUE, inklużi l-prodotti tal-ewwel ipproċessar, iżda japplikaw biss għall-prodotti agrikoli elenkati fl-Anness I tat-Trattati. Tali interpretazzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza dwar in-natura eżawrjenti tal-lista li tinsab fl-Anness I tat-Trattati, iċċitata fil-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
44. Lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat li ż-żejt taċ-CBD jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013 bħala prodott tal-ewwel ipproċessar ta’ prodott imsemmi fl-Anness I tat-Trattati, jiġifieri l-qanneb mhux maħdum. Tali interpretazzjoni tmur kontra l-istess ġurisprudenza.
45. Minn dan nikkonkludi li ż-żejt taċ-CBD ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013. Madankollu, fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tal-fehma li r-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013 huma applikabbli għaż-żejt taċ-CBD, ser niddetermina issa jekk dawn jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
2. Fuq l-applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013
46. Kif indikat fil-punt 31 iktar ’il fuq, anki jekk wieħed jassumi li r-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013 huma applikabbli għaż-żejt tal-qanneb, dawn ma jipprekludux, fil-fehma tiegħi, li Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bil-kundizzjoni li din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.
47. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, li taqa’ taħt kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom setgħa leġiżlattiva li tippermettilhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom sa fejn l-Unjoni ma eżerċitatx tagħha. Għaldaqstant, fil-preżenza ta’ regolament dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq f’settur speċifiku, l-Istati Membri għandhom jastjenu minn kull miżura li tkun tali li tidderoga mill-imsemmi regolament, li tippreġudikah jew li tostakola l-funzjonament tajjeb tiegħu. Madankollu, l-istabbiliment ta’ organizzazzjoni komuni tas-swieq ma jipprekludix lill-Istati Membri milli japplikaw regoli nazzjonali li jsegwu għan ta’ interess ġenerali differenti minn dawk koperti minn din l-organizzazzjoni komuni tas-swieq, anki jekk dawn ir-regoli għandhom mnejn ikollhom effett fuq il-funzjonament tas-suq intern fis-settur ikkonċernat (19).
48. F’dan il-każ, jidhirli li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-importazzjoni, minn Stat Membru ieħor, ta’ żejt taċ-CBD meta dan jiġi estratt mill-pjanta sħiħa, ma tidderoga minn ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 1307/2013 u 1308/2013 dwar il-qanneb, u lanqas ma tippreġudika dawn id-dispożizzjonijiet.
49. Fil-fatt, l-Artikolu 32(6) tar-Regolament Nru 1307/2013, li tirreferi għalih il-qorti tar-rinviju, jipprovdi li ż-żoni użati għall-produzzjoni tal-qanneb meta l-varjetà kkultivata jkollha kontenut ta’ THC ta’ iktar minn 0.20 % ma jistgħux jikkostitwixxu ettari eliġibbli u għalhekk ma jistgħux jagħtu lok għal pagamenti diretti lill-bdiewa. L-Artikolu 32(6) tar-Regolament Nru 1307/2013 jirrigwarda għalhekk il-kultivazzjoni tal-qanneb, mhux l-importazzjoni tiegħu minn Stat Membru ieħor, inkwistjoni f’din il-kawża. Huwa wkoll irrilevanti l-Artikolu 35(3) ta’ dan ir-regolament, li huwa wkoll imsemmi mill-qorti tar-rinviju, peress li din id-dispożizzjoni sempliċement tawtorizza lill-Kummissjoni tadotta atti ddelegati intiżi sabiex jistabbilixxu, b’mod partikolari, il-proċedura għall-verifika tal-kontenut ta’ THC prevista fl-Artikolu 32(6) tal-istess regolament. Fir-rigward tar-Regolament Nru 1308/2013, għalkemm l-Artikolu 189(1) tiegħu, imsemmi wkoll mill-qorti tar-rinviju, jipprojbixxi l-importazzjoni tal-qanneb mhux maħdum meta l-kontenut tiegħu ta’ THC ikun iktar minn 0.20 %, din hija l-importazzjoni “fl-Unjoni” ta’ qanneb minn Stat terz, mhux l-importazzjoni tal-qanneb minn Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, l-Artikolu 189 tar-Regolament Nru 1308/2013 qiegħed fit-Parti III ta’ dan ir-regolament, intitolata “Kummerċ ma’ pajjiżi terzi”, mhux fil-Parti II tiegħu, intitolata “Suq intern”.
50. Madankollu, jista’ jiġi kkunsidrat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-importazzjoni, minn Stat Membru ieħor, ta’ żejt taċ-CBD meta dan jiġi estratt mill-pjanta sħiħa, tostakola l-funzjonament tajjeb tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-qanneb, irregolata mir-Regolament Nru 1308/2013, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 iktar ’il fuq. Fil-fatt hija ġurisprudenza stabbilita li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jipprojbixxu kull restrizzjoni kwantitattiva jew miżura ta’ effett ekwivalenti huma parti integrali tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur inkwistjoni (20). Il-miżuri kollha ta’ Stat Membru li jistgħu jfixklu, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni Ewropea għandhom jitqiesu li huma miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 34 TFUE (21). Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ żejt taċ-CBD meta jiġi estratt mill-pjanta tal-qanneb kollha kemm hi, u partikolarment mill-weraq u l-fjuri tagħha, għandu jitqies bħala miżura b’effett ekwivalenti fit-tifsira tal-Artikolu 34 TFUE. Fil-fatt tali leġiżlazzjoni tirrendi impossibbli l-importazzjoni taż-żejt taċ-CBD fi Franza, peress li, kif indika l-Gvern Franċiż waqt is-seduta, huwa teknikament diffiċli ħafna u ekonomikament mhux vijabbli li tiġi prodotta ċ-CBD minn fibri u żrieragħ tal-qanneb.
51. Nippreċiża li fil-fehma tiegħi, l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza tagħha b’mod eżawrjenti fil-qasam tal-moviment liberu tal-prodotti koperti mir-Regolament Nru 1308/2013 (22). F’dan ir-rigward, ma huwiex importanti li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1308/2013 ma tipprevedi espressament il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi u ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti, peress li tali projbizzjoni, anki fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa, hija parti integrali mir-Regolament dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur ikkonċernat (23). Ftit jimporta wkoll li l-Artikolu 189(2) tar-Regolament Nru 1308/2013 jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw “regoli aktar restrittivi” minn dawk previsti fil-paragrafu 1 tiegħu u deskritti fil-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, l-Artikolu 189(2) tar-Regolament Nru 1308/2013 jipprevedi li tali dispożizzjonijiet għandhom jittieħdu mill-Istati Membri “b’konformità mat-Trattat [FUE]”, għalhekk, b’mod partikolari, mal-Artikolu 34 TFUE. Għaldaqstant, l-Artikolu 189(2) tar-Regolament Nru 1308/2013 ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lil Stat Membru jipprojbixxi l-importazzjoni, minn Stat Membru ieħor, ta’ żejt tal-qanneb.
52. Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 iktar ’il fuq jirriżulta li r-Regolament Nru 1308/2013 jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jadottaw leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-importazzjoni, minn Stat Membru ieħor, ta’ żejt taċ-CBD meta dan jiġi estratt mill-pjanta kollha, sakemm din il-leġiżlazzjoni ma ssegwix għan ta’ interess ġenerali differenti minn dawk koperti minn dan ir-regolament.
53. F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż indika li qed isegwi, permezz tad-Digriet tat-22 ta’ Awwissu 1990, għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni.
54. Issa, fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi kkunsidrat li r-riskji għas-saħħa tal-persuni li jippreżentaw, jew jistgħu jippreżentaw il-qanneb u s-sustanzi estratti minnu huma koperti b’mod eżawrjenti mir-Regolament Nru 1308/2013 (24).
55. Ċertament, mis-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2003, Hammarsten (C‑462/01, EU:C:2003:33, punti 34 u 35) jirriżulta li r-riskji għas-saħħa għal persuni li jinvolvi l-użu tad-drogi narkotiċi kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-qanneb. Għaldaqstant, jista’ jiġi kkunsidrat li r-riskji li jippreżenta l-qanneb għas-saħħa tal-persuni ttieħdu inkunsiderazzjoni b’mod eżawrjenti mir-Regolament Nru 1308/2013, kemm fir-rigward tar-riskji maħluqa mit-THC jew, jekk ikun il-każ, tar-riskji maħluqa miċ-CBD.
56. Madankollu, nirrileva li, b’differenza mill-ewwel u t-tieni premessa tar-Regolament (KEE) Nru 1430/82 (25), inkwistjoni fis-sentenza ċċitata fil-punt preċedenti, ir-Regolament Nru 1308/2013 ma jirreferix espressament, fir-rigward tal-kultivazzjoni tal-qanneb, għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Fil-fatt, il-premessa 154 tar-Regolament Nru 1308/2013 tindika li huwa biex “għelejjel illegali ma jitħallewx ifixklu s-suq” li l-kontenut massimu ta’ THC huwa ddefinit għall-qanneb importat fl-Unjoni (26).
57. Nirrileva wkoll li atti oħra tad-dritt tal-Unjoni li għandhom bħala għan il-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni jistgħu japplikaw għall-qanneb u, b’mod partikolari, għaċ-CBD li huwa estratt minnhom.
58. Għalhekk, mill-osservazzjonijiet ta’ C. A. u tal-Kummissjoni jirriżulta li ċ-CBD tintuża fil-prodotti kożmetiċi, li jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk il-persuna responsabbli tiggarantixxi li huma siguri għas-saħħa tal-bniedem u tagħmel rapport dwar is-sigurtà tagħhom. Jekk prodott jippreżenta riskju għas-saħħa tal-bniedem, din il-persuna għandha tinforma immedjatament lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (27).
59. Mill-osservazzjonijiet ta’ C. A., tal-Gvern Elleniku u tal-Kummissjoni jirriżulta wkoll li ċ-CBD tista’ tiġi kkunsidrata bħala ikel ġdid fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/2283 (28). Fil-fatt, talba f’dan is-sens tressqet quddiem il-Kummissjoni. Attwalment, din għadha pendenti. Jekk iċ-CBD tikkostitwixxi ikel ġdid fis-sens tar-Regolament 2015/2283, it-tqegħid tagħha fis-suq għandu jkun is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni u ta’ inklużjoni fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat, li ma huwiex possibbli ħlief jekk dan l-ikel “abbażi tal-evidenza xjentifika disponibbli, l-ikel ma jkun joħloq l-ebda riskju ta’ sikurezza għas-saħħa tal-bniedem” (29).
60. Fl-aħħar nett, prodott mediċinali abbażi taċ-CBD reċentement kien is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq tiegħu (30), skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 726/2004 (31).
61. Ir-riskji għas-saħħa tal-persuni li jippreżentaw il-qanneb u s-sustanzi estratti minnu għalhekk ma humiex koperti b’mod eżawrjenti mir-Regolament Nru 1308/2013. Minn dan isegwi li Stat Membru jista’ jadotta leġiżlazzjoni li għandha bħala għan il-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni kontra r-riskji li għandha ċ-CBD, bil-kundizzjoni li, kif teħtieġ il-ġurisprudenza (32), din il-leġiżlazzjoni tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ tali għan u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq. L-eżami tan-neċessità u tal-proporzjonalità ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali ser issir iktar ’il quddiem, fil-kuntest tat-Taqsima C.
C. Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 u 36 TFUE
62. Iktar ’il quddiem ser neżamina jekk l-Artikoli 34 u 36 TFUE jipprekludux li Stat Membru jipprojbixxi l-importazzjoni, minn Stat Membru ieħor, ta’ żejt taċ-CBD meta dan jiġi estratt mill-pjanta tal-qanneb kollha kemm hi, minħabba li tali leġiżlazzjoni għandha bħala għan il-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni. Għandu jiġi ddeterminat ukoll, minn qabel, jekk l-Artikoli 34 u 36 TFUE humiex applikabbli għal leġiżlazzjoni nazzjonali dwar iż-żejt taċ-CBD, jew jekk, peress li din għandha titqies bħala droga narkotika u ma hijiex użata għal finijiet mediċi jew xjentifiċi, hijiex merkanzija “extra commercium”.
63. B. S. isostni li l-Kanavape ma jistax jitqies bħala droga narkotika u li l-Artikoli 34 u 36 TFUE huma għalhekk applikabbli għalih. Dawn jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tillimita l-importazzjoni tal-Kanavape filwaqt li ma ġie ppuvat ebda riskju għas-saħħa. C. A. huwa wkoll tal-opinjoni li l-likwidi għas-sigaretti elettroniċi li fihom iċ-CBD jaqgħu taħt l-Artikoli 34 u 36 TFUE, li jipprekludu d-Digriet tat-22 ta’ Awwissu 1990. Il-Gvern Grieg iqis li dan id-digriet ma huwiex konformi mal-Artikoli 34 u 36 TFUE.
64. Għall-kuntrarju, il-Gvern Franċiż isostni li d-Digriet tat-22 ta’ Awwissu 1990, anki jekk jitqies li jmur kontra l-Artikolu 34 TFUE, huwa ġġustifikat mill-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni fis-sens tal-Artikolu 36 TFUE, peress li, b’mod partikolari, huwa sempliċement jipprojbixxi l-importazzjoni tal-weraq u tal-fjuri tal-qanneb, mhux tal-pjanta sħiħa, li huwa konformi mal-impenji internazzjonali tar-Repubblika Franċiża.
65. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Artikoli 34 u 36 TFUE huma applikabbli għaċ-CBD. Hija tqis li l-Artikolu 34 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex xierqa sabiex tipproteġi s-saħħa u l-ħajja tal-persuni u jekk hijiex proporzjonata, fis-sens tal-Artikolu 36 TFUE.
66. Qabel kollox ngħid li l-Artikoli 34 u 36 TFUE huma, fil-fehma tiegħi, applikabbli u li jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik deskritta fil-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet, peress li ż-żejt taċ-CBD jidher li ma għandux effetti psikotropiċi u li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għalhekk ma hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li ebda riskju marbut ma’ effetti dannużi eventwali, b’mod partikolari minbarra dawk psikotropiċi, ma jinħoloq mill-użu taż-żejt taċ-CBD u, jekk jeżisti tali riskju, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni.
67. Għalhekk ser nindirizza iktar ’il quddiem, fl-ewwel lok, l-applikabbiltà u, fit-tieni lok, l-applikazzjoni tal-Artikoli 34 u 36 TFUE.
1. Fuq l-applikabbiltà tal-Artikoli 34 u 36 TFUE
68. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, peress li l-ħsara tad-drogi narkotiċi hija ġeneralment irrikonoxxuta, il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom hija pprojbita fl-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni ta’ kummerċ strettament ikkontrollat fid-dawl ta’ użu għal finijiet mediċi u xjentifiċi (33). Għaldaqstant, id-drogi narkotiċi li, bħall-kannabis mibjugħa fil-coffee-shops Olandiżi, ma jaqgħux taħt ċirkuwitu ssorveljat strettament mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jintużaw għal finijiet mediċi u xjentifiċi, ma jibbenefikawx mil-libertà ta’ moviment tal-merkanzija (34). Min-naħa l-oħra, id-drogi narkotiċi li, bħad-dijamorfina, idderivata mil-loppju użata bħala analġeżiku fil-kuntest ta’ trattamenti mediċi, jaqgħu taħt tali ċirkuwitu jibbenefikaw mill-moviment liberu tal-merkanzija (35).
69. Iż-żejt taċ-CBD inkwistjoni f’din il-kawża ma huwiex ikkummerċjalizzat fil-kuntest ta’ ċirkuwitu strettament issorveljat mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jintuża għal finijiet mediċi u xjentifiċi. Għaldaqstant, kieku ż-żejt taċ-CBD kellu jiġi kkunsidrat bħala droga narkotika, dan ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 34 u 36 TFUE.
70. Fl-opinjoni tiegħi, dan ma huwiex il-każ.
71. F’dan ir-rigward, nirrileva li mill-osservazzjonijiet ta’ C. A. u tal-Kummissjoni jirriżulta li fid-dritt Franċiż, iċ-CBD, b’differenza mit-THC, ma hijiex ikklassifikat bħala droga narkotika.
72. Nirrileva wkoll li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat darbtejn li prodotti abbażi tal-kannabis ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, l-ebda waħda minn dawn il-kawżi ma kienet tikkonċerna ċ-CBD. Dawn kienu, fl-ewwel kawża, il-ħaxixa, il-konċentrat tar-raża tal-kannabis (36), u, fit-tieni kawża, il-kannabis mibjugħa fil-coffee-shops Olandiżi u li għalhekk kellhom, ċertament, kontenut qawwi ta’ THC (37).
73. Fl-aħħar nett, ninnota li ċ-CBD ma hijiex ikkunsidrata bħala droga narkotika mill-konvenzjonijiet internazzjonali li tagħhom huma partijiet l-Istati Membri, jiġifieri l-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkotiċi, konkluża fi New York fit-30 ta’ Marzu 1961, emendata bil-Protokoll tal-1972 li jemenda l-Konvenzjoni Unika tal-1961 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Unika”) (38), u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sustanzi Psikotropiċi, konkluża fi Vjenna fil-21 ta’ Frar 1971 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi”) (39).
74. Fil-fatt, l-Artikolu 1(1)(j) tal-Konvenzjoni Unika jiddefinixxi bħala “droga narkotika” kull sustanza inkluża fit-Tabella I u II annessi ma’ din il-konvenzjoni. Fit-Tabella I annessa mal-Konvenzjoni Unika hemm l-entrata li ġejja: “Kannabis, raża tal-kannabis, estratti u tinturi tal-kannabis”. Ċertament, iċ-CBD tista’ tiġi kkunsidrata bħala “estratt tal-kannabis”, peress li din hija estratta prinċipalment mill-weraq u mill-fjuri tal-kannabis (40) u li, skont l-Artikolu 1(1)(b) tal-Konvenzjoni Unika, “it-terminu ‘kannabis’ ifisser il-parti ta’ fuq li tagħmel il-fjuri jew il-frott tal-pjanta tal-kannabis (minbarra ż-żrieragħ u l-weraq li ma humiex akkumpanjati mill-parti ta’ fuq)”. Madankollu, minn naħa, jirriżulta mill-Artikolu 28(2) tal-Konvenzjoni Unika li dan ma japplikax għall-kultivazzjoni tal-pjanta ta’ kannabis “esklużivament għal skopijiet industrijali (fibri u żrieragħ) jew għal skopijiet ortikulturali”, min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-kummentarji għall-Konvenzjoni Unika ppubblikati min-Nazzjonijiet Uniti (41) li l-kultivazzjoni ta’ din il-pjanta “għal kull skop ieħor [minbarra l-produzzjoni tal-kannabis u tar-raża tal-kannabis], u mhux biss għall-finijiet [industrijali jew għal finijiet ortokulturali]” ma taqax taħt is-sistema ta’ kontroll prevista fl-Artikolu 23 ta’ din il-konvenzjoni. Fi kliem ieħor, il-kultivazzjoni tal-pjanta tal-qanneb ma hijiex suġġetta għal kontroll meta ma jkollhiex bħala għan il-produzzjoni ta’ droga narkotika. Issa, għalkemm il-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tikkunsidra t-THC bħala sustanza psikotropika (42), hija ma tikkunsidrax iċ-CBD bħala tali.
75. Fl-aħħar nett, nirrileva li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa rrakkomandat lin-Nazzjonijiet Uniti jemendaw it-Tabella I annessa mal-Konvenzjoni Unika sabiex jiċċaraw li ċ-CBD ma hijiex droga narkotika, minn naħa, billi jitħassar, f’din it-tabella, ir-riferiment għall-“estratti u tinturi tal-kannabis” u, min-naħa l-oħra, billi tiddaħħal nota ta’ qiegħ il-paġna li tindika li “il-preparazzjonijiet li fihom prinċipalment iċ-[CBD] u li l-kontenut tagħhom ta’ [THC] ma jaqbiżx 0.20 % ma humiex suġġetti għal kontroll internazzjonali” (43). Il-fatt, imsemmi mill-Gvern Franċiż waqt is-seduta, li l-Konvenzjoni Unika ma kinitx diġà ġiet emendata skont ir-rakkomandazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ma jistabbilixxix, fil-fehma tiegħi, li ċ-CBD għandha tiġi kkunsidrata bħala droga narkotika fis-sens ta’ din il-konvenzjoni, peress li attwalment, ma tidhirx fost is-sustanzi psikotropiċi elenkati mill-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.
76. Isegwi li ż-żejt taċ-CBD jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 34 u 36 TFUE.
2. Fuq l-applikazzjoni tal-Artikoli 34 u 36 TFUE
77. Mill-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ żejt taċ-CBD meta dan jiġi estratt mill-pjanta tal-qanneb kollha kemm hi, għandha titqies bħala miżura li għandha effett ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE.
78. Madankollu, miżura nazzjonali li tirrestrinġi l-moviment liberu tal-merkanzija tista’ tiġi ġġustifikata, b’mod partikolari, minn raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, fis-sens tal-Artikolu 36 TFUE. F’dan ir-rigward, nirrileva li, għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu fuq il-livell li fih iridu jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, xorta jibqa’ l-fatt li leġiżlazzjoni li hija ta’ natura li tirrestrinġi libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE, bħall-moviment liberu tal-merkanzija, ma tistax tiġi ġġustifikata minn raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, fis-sens tal-Artikolu 36 TFUE, ħlief jekk din il-miżura tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (44).
79. Il-Gvern Franċiż isostni li d-Digriet tat-22 ta’ Awwissu 1990 huwa ġġustifikat minn raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni, imsemmija fl-Artikolu 36 TFUE. Huwa jsostni li, għalkemm in-natura tossika u perikoluża taċ-CBD ma hijiex, fil-preżent, stabbilita, studji xjentifiċi reċenti, riprodotti fi studju taċ-Centre d’évaluation et d’information sur la pharmacodépendance et l’addictovigilance (Ċentru ta’ Evalwazzjoni u ta’ Informazzjoni dwar il-Farmakodipendenza u l-Viġilanza kontra l-Vizzju) ta’ Pariġi tal-2018, kienu semmew ċerti effetti mhux mixtieqa taċ-CBD, bħas-sonnolenza, il-letarġija, l-atasija, problemi psikjatriċi jew problemi tal-fwied. Fil-preżenza ta’ tali inċertezza xjentifika fir-rigward tal-ħsara taċ-CBD, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jawtorizza, skont il-Gvern Franċiż, lill-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
80. F’dan il-każ, minn naħa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li fl-istat attwali tal-għarfien xjentifiku, iċ-CBD ma għandhiex effetti psikotropiċi, kif jikkonferma l-fatt, irrilevat fil-punti 74 u 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li ċ-CBD ma taqax taħt il-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. Min-naħa l-oħra, ninnota li l-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tal-Gvern Franċiż li jeżisti riskju li ż-żejt taċ-CBD għandu effetti dannużi oħra minbarra psikotropiċi.
81. Il-Gvern Franċiż jallega, madankollu, li jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni sabiex jipprojbixxi l-importazzjoni taż-żejt taċ-CBD.
82. Skont il-ġurisprudenza, fil-preżenza ta’ inċertezza xjentifika dwar l-eżistenza jew il-portata ta’ riskji reali għas-saħħa pubblika, Stat Membru jista’, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, jieħu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkollu għalfejn jistenna li r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jintwerew kompletament. Fil-fatt applikazzjoni korretta tal-prinċipju ta’ prekawzjoni tippreżumi, fl-ewwel lok, l-identifikazzjoni tal-konsegwenzi potenzjalment negattivi għas-saħħa tas-sustanzi jew tal-prodotti tal-ikel ikkonċernati u, fit-tieni lok, stima komprensiva tar-riskju għas-saħħa bbażata fuq l-iktar data xjentifika affidabbli disponibbli u fuq l-iktar riżultati reċenti tar-riċerka internazzjonali (45).
83. Issa, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja, jidhirli li huwa diffiċli li jiġi kkunsidrat li l-Gvern Franċiż identifika b’mod ċar l-effetti dannużi, b’mod partikolari psikotropiċi, li jinvolvi l-użu ta’ żejt taċ-CBD f’sigaretti elettroniċi u wisq inqas li wettaq evalwazzjoni eżawrjenti tar-riskju għas-saħħa bbażata fuq l-iktar tagħrif xjentifiku affidabbli disponibbli u fuq l-iktar riżultati reċenti tar-riċerka internazzjonali.
84. Madankollu, fid-dawl tal-ftit informazzjoni preċiża pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-użu taż-żejt taċ-CBD fis-sigaretti elettroniċi jinvolvix riskji għas-saħħa tal-persuni u, b’mod partikolari, jekk iż-żejt taċ-CBD għandux effetti dannużi oħra minbarra dawk psikotropiċi. Jekk dan huwa l-każ, hija għandha tiddetermina wkoll jekk id-Digriet tat-22 ta’ Awwissu 1990 imurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni, peress li dan id-digriet jipprojbixxi purament u sempliċement l-importazzjoni ta’ żejt taċ-CBD estratt mill-weraq u mill-fjuri tal-qanneb, fejn jista’ jkun possibbli li jiġi previst kontenut massimu taċ-CBD, bħal limitu ta’ 0.20 % stabbilit għat-THC.
85. Minn dan nikkonkludi li l-Artikoli 34 u 36 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ żejt taċ-CBD meta dan jiġi estratt mill-pjanta tal-qanneb kollha kemm hi, peress li, fl-istat attwali tal-għarfien xjentifiku, ma huwiex stabbilit li ż-żejt taċ-CBD għandu effetti psikotropiċi. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li ebda riskju marbut, b’mod partikolari, mal-effetti mhux psikotropiċi taċ-CBD ma ġie identifikat u ma kien is-suġġett ta’ evalwazzjoni xjentifika eżawrjenti u, jekk ikollha tikkonkludi li jeżisti tali riskju u tali evalwazzjoni, hija għandha tiżgura li tiġi adottata miżura alternattiva inqas restrittiva għall-moviment liberu tal-merkanzija, bħall-iffissar ta’ kontenut massimu taċ-CBD.
IV. Konklużjoni
86. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi bil-mod li ġej għad-domandi magħmula mill-cour d’appel d’Aix-en-Provence (France) (il-Qorti tal-Appell ta’ d’Aix-en-Provence, Franza):
1) La r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 u lanqas ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 ma huma applikabbli għaż-żejt tal-kannabidiol;
2) L-Artikoli 34 u 36 TFUE jipprekludu li Stat Membru jipprojbixxi l-importazzjoni, minn Stat Membru ieħor, ta’ żejt tal-kannabidiol meta dan jiġi estratt mill-pjanta tal-qanneb kollha kemm hi, u mhux mill-fibri u ż-żrieragħ tagħha biss, peress li, fl-istat attwali ta’ għarfien xjentifiku, ma huwiex stabbilit li ż-żejt tal-kannabidiol għandu effetti psikotropiċi. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li ebda riskju marbut, b’mod partikolari, mal-effetti mhux psikotropiċi tal-kannabidiol ma jkun ġie identifikat u ma jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni xjentifika eżawrjenti u, jekk ikollha tikkonkludi li jeżisti tali riskju u tali evalwazzjoni, hija għandha tiżgura li tiġi adottata miżura alternattiva inqas restrittiva għall-moviment liberu tal-merkanzija, bħall-iffissar ta’ kontenut massimu ta’ kannabidiol.