KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SAUGMANDSGAARD ØE
ippreżentati fis-26 ta’ Mejju 2016 (1)
Kawża C‑230/15
Brite Strike Technologies Inc.
vs
Brite Strike Technologies SA
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag (tribunal ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 71 – Applikabbiltà ta’ konvenzjoni dwar qasam partikolari – Konvenzjoni Benelux dwar il-proprjetà intellettwali – Konvenzjoni li daħlet fis-seħħ wara dan ir-regolament iżda li tirriproduċi l-kontenut ta’ trattati preċedenti – Regolament Nru 44/2001 – Artikolu 22(4) – Kawża dwar trade mark Benelux – Ġurisdizzjoni tal-qrati tat-tliet Stati tal-Benelux jew ta’ wieħed minnhom – Kriterji li għandhom jiġu applikati għall-identifikazzjoni tiegħu”
I – Introduzzjoni
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(4) u tal-Artikolu 71 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2), normalment imsejjaħ, ir-“Regolament Brussell I”.
2. Din it-talba saret fil-kuntest ta’ proċedura pendenti quddiem l-imsemmija qorti Olandiża, li tagħti lok għal problema ta’ identifikazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni ratione loci sabiex tiddeċiedi dwar proċeduri li tressqu minn kumpannija Amerikana sabiex tikseb l-annullament ta’ trade mark Benelux ta’ kumpannija Lussemburgiża.
3. Peress li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni dwar il-kawżi transkonfinali bejn individwi fir-rigward tal-validità ta’ trade mark jinsabu kemm fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll fl-Artikolu 4.6 tal-Konvenzjoni Benelux dwar il-proprjetà intellettwali (trade marks u disinni) tal-25 ta’ Frar 2005 (3) (iktar ’il quddiem il-“KBPI”), il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-mod li bih għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ strumenti f’każ ta’ kompetizzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae, territorjali u ratione temporis tagħhom.
4. Skont l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, id-dħul fis-seħħ tiegħu ma affettwax l-applikabbiltà ta’ konvenzjonijiet li diġà jorbtu lill-Istati Membru tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw il-ġurisdizzjoni f’oqsma partikolari. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiddeċiedi dwar jekk għandhiex tingħata supremazija lill-KBPI f’dan il-każ, peress li din daħlet fis-seħħ wara l-imsemmi regolament, iżda tirriproduċi, fl-Artikolu 4.6 tagħha biss, il-kontenut tat-Trattati Benelux preċedenti.
5. F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 44/2001 għandhom jipprevalu fuq dawk tal-KBPI, il-qorti tar-rinviju titlob għalhekk li jiġi ddeterminat jekk mill-Artikolu 22(4) ta’ dan ir-regolament jirriżultax li l-qrati tat-tliet Stati Membri tal-Benelux għandhomx l-istess ġurisdizzjoni internazzjonali fil-każ ta’ kawża bħall-kawża prinċipali, jew jekk dan ma huwiex il-każ, li jiġi speċifikat liema huma l-kriterji li jippermettu li jintgħażel l-Istat Membru fost dawn l-Istati Membri li l-qrati tiegħu biss għandhom ġurisdizzjoni, possibbilment b’applikazzjoni tal-Artikolu 4.6 tal-KBPI fuq dan il-livell.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Ir-Regolament Nru 44/2001
6. L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi r-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni li tipprovdi li, “[b]la preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.
7. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22(4) tal-imsemmi regolament, li jinsab fis-Sezzjoni 6 tal-Kapitolu II tiegħu intitolat “Ġurisdizzjoni esklussiva”, jipprovdi li “[d]awn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju[,] fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ patenti, trade marks, disinnji, jew drittijiet oħra simili meħtieġa sabiex jiġu depożitati jew reġistrati, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għad-depożitu jew ir-reġistrazzjoni, ikun seħħ jew ikunu taħt it-termini ta’ strument tal-Komunità jew ta’ konvenzjoni internazzjoni huwa meqjus li jkun seħħ”.
8. It-tieni subparagrafu tal-imsemmi paragrafu 4 jippreċiża li, “[b]la ħsara għal ġurisdizzjoni ta’ l-Uffiċju Ewropew tal-Patenti skond il‑Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Patenti Ewropew, iffirmata f’Munich fil-5 ta’ Ottubru 1973” (4), “il-qrati ta’ kull Stat Membru għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju, fi proċedimenti li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ xi privattiva Ewopea mogħtija għal dak l-Istat” (5).
9. L-Artikolu 71 tal-istess regolament, li jinsab fil-Kapitolu VII tiegħu, intitolat “Relazzjonijiet ma’ strumenti oħra”, jipprovdi:
“1. Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa xi konvenzjoni li dwar[ha] l-Istati Membri jkunu parti u li b’relazzjoni għal materji partikolari, [t]irregola l-ġurisdizzjoni jew ir-[r]ikonoxximent jew eżekuzzjoni ta’ sentenzi.
2. Bil-għan ta’ l-interpretazzjoni uniformi tiegħu, paragrafu 1 għandu jiġi applikat b’dan il-mod:
(a) dan ir-Regolament m’għandux ifixkel qorti ta’ Stat Membru, li jkun parti mill-konvenzjoni dwar materja partikolari, milli jassumi ġurisdizzjoni skond dik il-konvenzjoni, anki meta l-konvenut ikun domiċiljat fi Stat Membru ieħor li ma jkunx partu minn dik il-konvenzjoni. Il-qorti li [t]kun [t]isma’ l-azzjoni għand[ha], fi kwalunkwe każ, tapplika l-Artikolu 26 ta’ dan ir-Regolament;
[…]” (6).
10. Ir-Regolament Nru 44/2001 tħassar mir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (7), normalment imsejjaħ ir-“Regolament Brussell Ia”, iżda dan ma japplikax għal azzjonijiet ġudizzjarji li, bħal fil-kawża prinċipali, tressqu qabel l‑10 ta’ Jannar 2015 (8). Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 2(1), fl-Artikolu 22(4) u fl‑Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 ġew riprodotti fl-Artikolu 4(1), fl-Artikolu 24(4) u fl-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1215/2012, b’numru ta’ addattamenti li ma jaffettwawx il-kontenut ġenerali ta’ dawn l-ewwel dispożizzjonijiet (9). Ir-Regolament (UE) Nru 542/2014 (10) emenda b’mod iktar sostanzjali dan l-aħħar regolament, billi żied l-Artikoli 71a sa 71d, sabiex jirregola r-relazzjonijiet eżistenti (11) bejnu u bejn kemm il-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi (12) kif ukoll it-Trattat dwar il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux (13).
B – Il-KBPI
11. Skont l-Artikolu 5.2 tagħha, il-KBPI ħassret b’effett mill-1 ta’ Settembru 2006, minn naħa, il-Konvenzjoni Benelux dwar it-trade marks tal-prodotti ffirmata fi Brussell fid-19 ta’ Marzu 1962 (14), li magħha kien hemm annessa l-Liġi Uniformi Benelux dwar it-trade marks (15), u min-naħa l-oħra, il-Konvenzjoni Benelux dwar id-disinni ffirmata fi Brussell fil-25 ta’ Ottubru 1966 (16), li magħha kien hemm annessa l-Liġi Uniformi Benelux dwar id-disinni (17).
12. Skont il-preambolu tagħha, il-KBPI għandha l-għan, b’mod partikolari, li:
– “tissostitwixxi l-konvenzjonijiet, il-liġijiet uniformi u l‑protokolli emendatorji dwar it-trade marks u d-disinni Benelux b’konvenzjoni waħda li tirregola kemm id-dritt tat‑trade marks kif ukoll id-dritt tad-disinni b’mod sistematiku u trasparenti”;
– “tipprovdi proċeduri rapidi u effiċjenti […] għall-adattament tal-leġiżlazzjoni Benelux għal-leġiżlazzjoni Komunitarja u għat‑trattati internazzjonali diġa rratifikati mit-tliet Partijiet Kontraenti l-Kbar”; u
– “tissostitwixxi l-Uffiċju Benelux tat-Trade Marks u l-Uffiċju Benelux tad-Disinni bl-Organizzazzjoni Benelux tal-Proprjetà Intellettwali (trade marks, disinni) billi twettaq il-missjoni tagħha permezz ta’ korpi ta’ deċiżjoni u ta’ eżekuzzjoni li għandhom ġurisdizzjoni u poteri addizzjonali oħra tagħhom stess” (18).
13. Billi essenzjalment irriproduċa l-Artikolu 37 tal-LBT (19) u l-Artikolu 29 tal-LBD (20), l-Artikolu 4.6 tal-KBPI, intitolat “Ġurisdizzjoni territorjali”, jistabbilixxi, fir-rigward tal-kawżi bejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi (21):
“1. Sakemm ma jkunx hemm speċifikat il-ġurisdizzjoni territorjali f’kuntratt, din għandha tkun iddeterminata, fil-qasam tat-trade marks u disinni, mid-domiċilju tal-konvenut jew mill-post fejn tnissel l-obbligu kkontestat, jew fejn ġie jew għandu jiġi eżerċitat. Il-post tal-preżentazzjoni u tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark jew ta’ disinn f’ebda każ ma jista’ jikkostitwixxi l-unika bażi sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni.
2. Meta l-kriterji stabbiliti hawn fuq ikunu insuffiċjenti sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni territorjali, l-applikant jista’ jressaq il-każ quddiem il-qorti tad-domiċilju jew tar-residenza tiegħu, jew jekk ma għandux domiċilju jew residenza fit-territorju Benelux, quddiem il-qorti tal-għażla tiegħu, fi Brussell, f’Den Haag jew fil-Lussemburgu.
3. Il-qrati għandhom japplikaw ex officio r-regoli stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 u għandhom jikkonfermaw il-ġurisdizzjoni tagħhom.
[…]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]
III – Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
14. Fl-4 ta’ Frar 2010, Brite Strike Technologies SA, li s-sede tagħha tinsab fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), applikat għas‑sinjal verbali “Brite Strike” sabiex jiġi rreġistrat bħala trade mark Benelux mill-UBPI, li huwa stabbilit f’Den Haag.
15. Fil-21 ta’ Settembru 2012, Brite Strike Technologies Inc., kumpannija Amerikana li l-prodotti tagħha kienu tqassmu b’mod partikolari minn Brite Strike Technologies SA, ippreżentat rikors kontra din tal-aħħar quddiem ir-rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag) sabiex tikseb l-annullament tal-imsemmija trade mark, abbażi tal-Artikoli 2.4 (22) u 2.28 (23) tal-KBPI, billi allegat li l-konvenuta rreġistratha b’mala fide u kisret id-drittijiet tagħha bħala l-ewwel utent magħruf tas-sinjal ikkonċernat fit-territorju Benelux.
16. Brite Strike Technologies SA invokat eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali, billi sostniet li r-rikors kellu jiġi ppreżentat fil‑Lussemburgu, fejn jinsab l-istabbiliment tagħha peress li hija l-konvenuta, u mhux f’Den Haag, fejn ġiet irreġistrata t-trade mark inkwistjoni.
17. Skont il-qorti tar-rinviju, sabiex tiġi deċiża din il-kwistjoni proċedurali, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI, li minnha jirriżulta li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma’ din il-kawża (24), għandhiex tipprevali fuq ir-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001, li min-naħa l-oħra tagħtiha ġurisdizzjoni.
18. F’dan ir-rigward, ir-rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag) iċċitat sentenza tal-Gerechtshof Den Haag (qorti tal-appell ta’ Den Haag) tas-26 ta’ Novembru 2013 (25), li fiha din l-aħħar qorti kkunsidrat li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 44/2001 kellhom jipprevalu fuq dawk tal-KBPI għar-raġuni li “anki jekk din il-konvenzjoni hija essenzjalment estensjoni tat-testi Benelux preċedenti u anki jekk ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni korrispondenti huma identiċi”, din il-konvenzjoni hija “ex post d-dħul fis-seħħ tal-[imsemmi] regolament”, “b’tali mod li l-Artikolu 4.6 tagħha ma jistax jitqies bħala leġiżlazzjoni speċifika fis-sens tal-Artikolu 71 [tagħha]” (26).
19. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li jeżistu madankollu inċertezzi dwar is-sinjifikattiv li għandu jingħata lill-imsemmi Artikolu 71 kif ukoll dwar il-modalitajiet ta’ applikazzjoni, jekk ikun il-każ, tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 fil-kuntest ta’ kawża bħall-kawża prinċipali dwar il-validità ta’ trade mark Benelux.
20. F’dan il-kuntest, permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2015, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Mejju 2015, ir-rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Il-BCIP […] għandha (għar-raġunijiet indikati fil-punti 28-34 tas‑sentenza ta’ Gerechtshof Den Haag tas-26 ta’ Novembru 2013 jew għal oħrajn) tiġi kkunsidrata bħala konvenzjoni li saret wara, hekk li l-Artikolu 4.6 tagħha ma jistax jitqies bħala regola partikolari fis-sens tal-Artikolu 71 tar‑Regolament [Nru 44/2001]?
Fil-każ ta’ risposta affermattiva għal din id-domanda:
2) Jirriżulta mill-Artikolu 22(4) tar-Regolament [Nru 44/2001] li kemm il-qorti Belġjana kif ukoll il-qorti [Olandiża] u l-qorti Lussemburgiża għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża?
3) Jekk dan ma huwiex il-każ, kif għandu jiġi stabbilit, f’kawża bħal din, jekk hijiex il-qorti Belġjana jew dik [Olandiża] jew il-qorti Lussemburgiza li għandha ġurisdizzjoni internazzjonali? Huwa possibbli li (madankollu) jiġi applikat l-Artikolu 4.6 tal-BCIP sabiex tiġi stabbilita (b’mod iktar preċiż) il-ġurisdizzjoni internazzjonali?”
21. Il-Kummissjoni Ewropea biss ippreżentat osservazzjonijiet bil‑miktub. Ma nżammitx seduta għas-sottomissjonijiet orali.
IV – Analiżi
A – Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001
1. Fuq l-għan tal-ewwel domanda preliminari
22. Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi b’liema mod ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI u dawk stabbiliti fir-Regolament Nru 44/2001 għandhom japplikaw fid-dawl tal-Artikolu 71 ta’ dan tal-aħħar, f’każijiet meta l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ strumenti, li ma jikkoinċidux kompletament, ikunu jikkoinċidu fuq livell kemm territorjali, kif ukoll ratione temporis u ratione materiae.
23. Peress li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-validità ta’ trade mark Benelux, l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li huwa d-dispożizzjoni li l-qorti tar-rinviju tipprevedi speċifikament li tapplika fil-każ ineżami sabiex tiġġustifika l-ġurisdizzjoni tagħha, filwaqt li jiġi nnotat li jekk, għall-kuntrarju, jiġi applikat l-Artikolu 4.6 tal-KBPI, il-qrati ta’ Stat Membru differenti jista’ jkollhom ġurisdizzjoni. Madankollu, hija fformulat l-ewwel domanda tagħha b’tali mod li tinkludi d-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 44/2001. Barra minn hekk, jiena nikkunsidra li l-problema tar-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ strumenti internazzjonali ma tqumx biss mill-perspettiva tal-imsemmi Artikolu 22(4). Fil-fatt, huwa possibbli li, f’każijiet differenti, regoli ta’ ġurisdizzjoni differenti stabbiliti minn dan ir-regolament jikkompetu ma’ dawk tal-Artikolu 4.6 tal-KBPI fil-każ ta’ proċedura ġudizzjarja dwar il-protezzjoni tat-trade marks jew disinni (27). Għaldaqstant, din l-eventwalità ma għandhiex tiġi injorata matul l-eżami tal-ewwel domanda magħmula f’din il-kawża u għandha tingħata risposta li tkun tista’ tapplika b’mod ġenerali.
24. L-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu l-għan li jirriżerva l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fil-konvenzjonijiet iffirmati mill-Istati Membri, bejniethom jew flimkien ma’ terzi, li jirrigwardaw “materji partikolari” (28). Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-KBPI huwa ta’ natura speċjali meta mqabbel mal-imsemmi regolament. F’dan ir-rigward, nippreċiża li, għall-kuntrarju ta’ dak li jista’ jimplika t-titolu qasir tagħha, il-portata tal-KBPI ma testendix għad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali kollha, iżda hija limitata għat-“trade marks u disinni” (29). Min-naħa tiegħu, ir-Regolament Nru 44/2001, u b’mod partikolari l‑Artikolu 22(4) tiegħu, jinkludi varjazzjoni iktar wiesgħa ta’ titoli ta’ proprjetà intellettwali (30). Għaldaqstant, mir-riżerva pprovduta fl-imsemmi Artikolu 71 normalment għandu jirriżulta li huma r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI li għandhom japplikaw fir-rigward tal-kawża prinċipali, u mhux ir-regola stabbilita fl-Artikolu 22(4) ta’ dan ir-regolament.
25. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 71 fis-sens li “ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni […] previsti mill-konvenzjonijiet speċjali li l-Istati Membri kienu diġà parti kontraenti fihom fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, fil-prinċipju, għandhom l-effett li jeskludu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li jittrattaw l-istess materja”, meta l-kawża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali konvenzjoni (31). Hija bbażat din l-interpretazzjoni restrittiva fuq il-konstatazzjoni li, bid-differenza għall-imsemmi artikolu 71 li juża l-kliem “jkunu parti”, l-Artikolu 57 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li minnha jidderiva l-Artikolu 71, kien juża l-kliem “huma jew ser ikunu partijiet” u tippreċiża li din il-konvenzjoni ma tipprekludix, għall-kuntrarju tar-Regolament Nru 44/2001, l-applikazzjoni ta’ regoli oħra ta’ ġurisdizzjoni li għalihom l-Istati Membri kontraenti jistgħu jkunu suġġetti, anki fil-futur, billi jikkonkludu konvenzjonijiet speċjali (32).
26. Ir-rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-mod li bih għandhom jiġu implementati dawn il-prinċipji ta’ interazzjoni f’dan il-każ, fi-dawl tal-fatt li huwa minnu li l-KBPI ġiet iffirmata wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 44/2001 (33), iżda li essenzjalment kellha l-għan li tikkonsolida dawn iż‑żewġ konvenzjonijiet Benelux li, min-naħa tagħhom, ġew iffirmati qabel din id-data (34). Fi kliem ieħor, hija tistaqsi jekk il-KBPI għandhiex tiġi kklassifikata bħala konvenzjoni “ex post” ir-regolament, li minn hekk jirriżulta, kif ikkunsidrat il-Gerechtshof Den Haag (qorti tal-appell ta’ Den Haag) f’kawża oħra (35), li huma d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar strument, u mhux dawk tal-Konvenzjoni, li għandhom japplikaw fil-kawża prinċipali.
27. Il-Kummissjoni tipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li, minħabba d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, il-KBPI ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-riżerva prevista fl-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 u li għalhekk, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fl-Artikolu 4.6 ta’ din il-konvenzjoni ma jistgħux jipprevalu fuq dawk tal-imsemmi regolament. Min-naħa tiegħi, nikkunsidra li minkejja li l-KBPI hija formalment ex post ir-Regolament Nru 44/2001, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni partikolari li hija tinkludi essenzjalment jippreċedu dawk stabbiliti minn dan ir-regolament u għandhom għalhekk jipprevalu fuq dawn tal-aħħar, għar-raġunijiet segwenti.
2. Fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 71 tar‑Regolament Nru 44/2001 fir-rigward tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mill-KBPI
a) Fuq il-portata tal-prinċipju ta’ supremazija tal-konvenzjonijiet speċjali preċedenti stabbiliti fl-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001
28. Il-premessa 25 tar-Regolament Nru 44/2001 tistabbilixxi li s-supremazija mogħtija mill-Artikolu 71 tiegħu lill-konvenzjonijiet ta’ natura speċjali hija ġġustifikata mir-“[r]ispett għall-impennji internazzjonali li kienu daħlu għalihom l-Istati Membri”. Kif tindika l-Kummissjoni, il-preokkupazzjoni espressa f’din il-premessa tirreferi prinċipalment għall-ftehim konklużi ma’ Stati terzi (36). Madankollu, ma huwiex ikkontestat li r-riżerva inkluża f’dan l-Artikolu 71 tkopri wkoll il-konvenzjonijiet konklużi bejn Stati Membri, bħal fil-każ tal-konvenzjonijiet Benelux.
29. F’dan ir-rigward, nenfasizza li, għall-kuntrarju ta’ ħafna regolamenti oħra relatati wkoll mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, ir-Regolament Nru 44/2001 ma jinkludix dispożizzjonijiet li jipprovdu li huwa “[jipprevali] fuq konvenzjonijiet konklużi esklussivament bejn tnejn jew aktar minnhom sa fejn tali konvenzjonijiet jikkonċernaw materji regolati minn [dan] ir-Regolament” (37), formulazzjoni li twassal għall-esklużjoni ta’ ftehim bejn Stati Membri – għall-kuntrarju ta’ dawk konklużi ma’ Stati terzi – anki jekk huma kemm speċjali kif ukoll preċedenti meta mqabbla mar-regolament ikkonċernat.
30. Din il-partikolarità tar-Regolament Nru 44/2001 hija iktar u iktar notevoli minħabba l-fatt li dan ir-regolament kien is-suġġett ta’ riforma sħiħa fl-2012 u li, minkejja li d-diffikultajiet prattiċi li kien hemm fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-portata tal-imsemmi Artikolu 71 (38), il-leġiżlatur tal-Unjoni ma emendax il-kontenut ta’ dan tal-aħħar (39). L-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jissostitwixxi r-Regolament Nru 44/2001, kien ċertament issupplementat b’mod sinjifikattiv mir-Regolament Nru 542/2014 (40), iżda mingħajr ma kien ristrett il-prinċipju li jipprovdi li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mill‑konvenzjonijiet ta’ natura speċjali, anki dawk konklużi esklużivament bejn Stati Membri, jippermettu deroga minn dawk li issa huma stabbiliti fir-Regolament Nru 1215/2012.
31. It-tieni għan previst mill-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, li fl-opinjoni tiegħi għandu jilgħab rwol prinċipali f’din il-kawża, huwa li tingħata kunsiderazzjoni debita lill-fatt li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti minn konvenzjonijiet speċjali ġew stabbiliti billi ttieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tal-oqsma kkonċernati u li dawn ir-regoli huma għalhekk ta’ utilità li għandha tiġi ppreżervata (41). Dan jirrigwarda b’mod iktar partikolari r-regoli ta’ ġurisdizzjoni adottati għall-proprjetà intellettwali li jinsabu f’konvenzjonijiet internazzjonali, li l-awturi ta’ dan ir-regolament ma kellhomx l-intenzjoni li jeskludu (42).
32. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, niddeduċi li l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 kien maħsub sabiex jippreżerva l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu f’konvenzjonijiet ta’ natura speċjali konklużi mill-Istati Membri qabel d-dħul fis-seħħ tiegħu, sa fejn dawn ir-regoli għandhom kontenut iktar addattat għall-qasam ikkonċernat u dan, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm dawn ikunu konformi mal-prinċipji li jirregolaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea (43). Jiena nikkunsidra li dan l-approċċ favorevoli għandu jiġi segwit, b’mod partikolari, fir-rigward tal-Artikolu 4.6 tal-KBPI, fid-dawl tal-kontenut sostantiv tiegħu.
b) Fuq ir-riproduzzjoni fil-KBPI ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu f’konvenzjonijiet speċjali li jippreċedu d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 44/2001
33. Kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li l-KBPI ssostitwixxiet konvenzjonijiet li kienu fis-seħħ fit-tliet Stati Membri li jiffurmaw il-Benelux, b’effett mill-1971 għat-trade marks u mill-1975 għad-disinni, mingħajr ma għamlet emendi sostanzjali fuq il-livell tal-kontenut tagħhom. B’mod partikolari, l-Artikolu 4.6 tal‑KBPI, li huwa l-unika dispożizzjoni rilevanti f’din il-kawża (44), jirriproduċi b’mod identiku r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu f’dawn iż-żewġ strumenti qodma, billi sempliċement jadatta t-terminoloġija li kienet neċessarja minħabba l-fatt li dan it-test ġdid jirrigwarda kemm it-trade marks kif ukoll id-disinni (45).
34. Il-Kummissjoni ssostni li huwa madankollu irrilevanti, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, li d-dispożizzjonijiet tal-KBPI jkunu simili wkoll għal dawk tal-konvenzjonijiet ta’ Benelux li hija ssostitwixxiet. Għall-kuntrarju, jiena tal-opinjoni li huwa essenzjali li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li billi adottaw l-imsemmi Artikolu 4.6, it-tliet Stati Membri partijiet tal-KBPI kkonservaw sempliċement il-kontenut tad-dispożizzjonijiet speċjali li kienu diġà applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 44/2001, mingħajr ebda tibdil sostantiv.
35. Peress li wieħed mill-iskopijiet tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa li jippermetti l-applikazzjoni tar-regoli iktar addattati għall-partikolarità tal-qasam inkwistjoni (46), jidhirli li din il-kunsiderazzjoni tiġġustifika li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni riprodotti fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI jipprevalu fuq dawk previsti minn dan ir-regolament. Kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni, il-KBPI hija intiża, b’mod partikolari, tistabbilixxi regoli partikolari li jieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tat-trade mark Benelux, jiġifieri trade mark unika li la hija diviża bejn l-Istati Membri kkonċernati u lanqas marbuta ma’ wieħed minn dawn l-Istati b’mod partikolari. Fil-fatt, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni riprodotti fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI huma, fl-opinjoni tiegħi, iktar addattati għat-trattament ta’ kawża li tirrigwarda trade mark Benelux milli huma r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 44/2001.
36. L-istess japplika, b’mod partikolari, għar-regola stabbilita fl-Artikolu 22(4) ta’ dan ir-regolament li, għad-differenza tal-Artikolu 4.6 tal-KBPI, ma kinitx intiża għall-kawżi bħal dik prinċipali. Jiena ser nindirizza iktar ’il quddiem il-limiti ta’ applikazzjoni possibbli tal-imsemmi Artikolu 22(4) għal din il-kawża, iżda ser insemmi preżentement ir-raġunijiet prinċipali ta’ din il-konstatazzjoni negattiva. F’dan ir-rigward, nenfasizza, minn naħa, li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tippermettix li jiġi identifikat direttament liema hija l-qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi kawża ta’ dan it-tip (47), filwaqt li l-Artikolu 4.6 tal-KBPI jistabbilixxi serje ta’ kriterji ta’ ġurisdizzjoni iktar preċiżi (48). Min-naħa l-oħra, dan l-aħħar artikolu jeskludi – għall-kuntrarju tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 – li l-post tal-preżentazzjoni jew tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark iservi waħdu bħala fattur determinanti għall-ġurisdizzjoni, sabiex tiġi evitata konċentrazzjoni ta’ ġurisdizzjoni f’wieħed mill-Istati Benelux (49). Fl-aħħar nett, nirrileva li l-leġiżlatur tal-Unjoni stess ried jiżgura li jiġu adottati regoli ta’ ġurisdizzjoni li jidderogaw mir-Regolament Nru 44/2001 meta d-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali ta’ din in-natura, li għandhom effett unitarju f’diversi Stati Membri, ikunu ġew stabbiliti fuq livell Komunitarju (50).
37. Barra minn hekk, jiena nikkunsidra li l-applikazzjoni f’dan il-każ tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI b’ebda mod ma tippreġudika, anzi pjuttost il-kuntrarju, il-prinċipji essenzjali li fuqhom hija bbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri f’materji ċivili u kummerċjali, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservazzjoni tagħhom f’każ ta’ applikazzjoni f’dan il-qasam ta’ regoli inklużi f’konvenzjonijiet internazzjonali ta’ natura speċjali (51). Fid-dawl tal-partikolarità tagħhom, b’mod partikolari peress li jistabbilixxu l-qorti li tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddeċiedi kawża dwar il-validità ta’ trade mark Benelux, b’mod iktar preċiż u bbilanċjat minn dak possibbli taħt l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 (52), ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI jissodisfaw, fil-fehma tiegħi, dawn l-imsemmija prinċipji li huma rilevanti għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni (53).
38. Barra minn hekk, jiena ma naqbilx mal-perspettiva tal-Kummissjoni li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 4.6 tal-KBPI għandu jipprevali fuq id-dispożizzjonijiet kompetittivi tar-Regolament Nru 44/2001, dan ikun jikkontradixxi r-regola, stabbilita fl-Artikolu 3(3) TFUE u spjegata f’iktar dettall fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Istati Membri ma jibqgħux liberi li jikkonkludu konvenzjonijiet bejniethom li jistgħu “jaffettwaw regoli komuni”, bħal dawk previsti mir-Regolament Nru 44/2001, “jew li jibdlu l-portata”, għaliex l-Unjoni jkollha ġurisdizzjoni esklużiva f’dan il-qasam (54). Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll, fir-rigward ta’ konvenzjoni konkluża ma’ Stati terzi, iżda madankollu mingħajr ma llimitat ruħha espressament għal dan il-każ, li l-Artikolu 71(1) ta’ dan ir-regolament “ma jagħtix lill-Istati Membri l-possibbiltà li jintroduċu, permezz tal-konklużjoni ta’ konvenzjonijiet speċjali jew l-emenda ta’ konvenzjonijiet li huma diġà fis-seħħ, regoli li jkollhom supremazija fuq ir-Regolament Nru 44/2001” (55).
39. Madankollu, jiena nikkunsidra li, filwaqt li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI jirriproduċu biss dispożizzjonijiet tal-KBT u tal-KBD li kienu jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 44/200, u b’hekk ikkonsolidaw dawn it-testi, la jista’ jitqies li l-adozzjoni tal-KBPI tista’ taffettwa d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jew tibdel il-portata tagħhom, u lanqas li l-KBPI tikkostitwixxi “konvenzjoni ġdida speċjali” jew konvenzjoni li “temenda konvenzjonijiet diġà fis-seħħ”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.
40. F’dan il-kuntest partikolari fejn żewġ konvenzjonijiet Benelux li jippreċedu r-Regolament Nru 44/2001 kienu s-suġġett ta’ sempliċi riformulazzjoni fil-kuntest ta’ konvenzjoni Benelux oħra li kienet iffirmata u rratifikata wara dan ir-regolament, il-prinċipju ta’ supremazija tal-konvenzjonijiet speċjali stabbilit fl-Artikolu 71 tiegħu għandu, fl-opinjoni tiegħi, jipprevali fuq kunsiderazzjonijiet intiżi li jagħtu iktar importanza lill-forma milli lill-kontenut. Il-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni għandha bħala riżultat kontestabbli li tipprekludi lill-Istati Membri milli jipproċedu b’tibdil li jikkonċerna sempliċement l-abbozzar jew purament il-forma, li fl-opinjoni tiegħi għandu jkun distint minn emendi ta’ natura sostanzjali li huma pprojbiti mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.
41. L-interpretazzjoni tiegħi tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, ta’ natura mhux formalista, hija fl-opinjoni tiegħi kkorroborata minn kunsiderazzjonijiet iktar ġenerali, ibbażati fuq id-dritt primarju tal-Unjoni. Fil-fatt, mill-Artikolu 350 TFUE (56) jirriżulta li l-ftehim reġjonali speċifiku li jiġi konkluż fil-kuntest tal-Benelux għandu jkun ippreżervat peress li jippermetti li jintlaħqu aħjar l-għanijiet previsti minn dan tal-aħħar milli d‑dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u sa fejn huma indispensabbli sabiex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-sistema Benelux (57). F’dan il-każ, jiena tal-opinjoni li huwa effettivament xieraq, u anki indispensabbli, li t-tliet Stati tal-Benelux iżommu fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali li huma kienu adottaw minn qabel sabiex jiżguraw funzjonament armonjuż u bbilanċjat tas-sistema tat-trade mark uniformi eżistenti bejniethom (58). Din l-opinjoni hija bbażata fuq il-fatt li, minn naħa, din is-sistema, li ssostitwixxiet totalment il-leġiżlazzjonijiet ta’ dawn l-Istati f’dan il-qasam (59), sal-lum għad ma għandhiex ekwivalenti tagħha fid-dritt tal-Unjoni (60), u min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 ma toffrix riżultat sodisfaċenti daqs dak tal-imsemmi Artikolu 4.6, f’dan il-kuntest partikolari.
42. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, il-KBPI għandha tiġi kklassifikata bħala konvenzjoni dwar qasam partikolari li huma partijiet tagħha Stati Membri fis-sens tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 u li għalhekk, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fl-Artikolu 4.6 tal-imsemmija konvenzjoni għandhom jipprevalu fuq dawk stabbiliti minn dan ir-regolament fil-każ fejn il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jikkoinċidi. Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li dan l-Artikolu 71 għandu jiġi interpretat fis-sens li f’każ fejn kawża transkonfinali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istess regolament u f’dak tal-KBPI, Stat Membru jista’, skont l-Artikolu 71(1), japplika r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 4.6 ta’ din il-konvenzjoni.
B – Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001
1. Fuq l-għan tat-tieni u t-tielet domandi preliminari
43. It-tieni u t-tielet domandi saru mill-qorti tar-rinviju b’mod sussidjarju biss, fil-każ li, b’risposta għall-ewwel domanda magħmula, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jipprevalu fuq ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI. Jiena nqis li dan ma għandux ikun il-każ. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 71 tal-imsemmi regolament li jiena qed nipproponi, allura ma jkunx hemm lok li tingħata risposta għal dawn iż-żewġ domandi. Madankollu, sabiex inkun eżawrjenti, ser nagħmel l-osservazzjonijiet segwenti f’dan ir-rigward.
44. Qabelxejn, nippreċiża li, fid-dawl tal-konnessjoni eżistenti bejn dawn id-domandi, li fl-opinjoni tiegħi t-tnejn jirrigwardaw is-sens u l-portata li għandha tingħata lill-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 fil-kuntest ta’ kawża bħal dik prinċipali, hemm lok li dawn jiġu eżaminati flimkien, sa fejn għandha tingħata risposta għalihom.
45. Skont il-qorti tar-rinviju, jekk jitqies li r-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita f’dan l-Artikolu 22(4) għandha tapplika f’kawża li, bħal f’dan il-każ, tirrigwarda n-nullità possibbli ta’ trade mark Benelux, jeżisti dubju fir-rigward tat-tifsira li għandha tingħata, f’dan il-kuntest partikolari, lill-espressjoni “il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għad-depożitu jew ir-reġistrazzjoni”, li tikkostitwixxi l-kriterju ta’ konnessjoni rilevanti, skont din id-dispożizzjoni, fil-qasam tal-validità tat-trade marks.
46. Sabiex tiġġustifika t-tieni domanda tagħha, hija tindika essenzjalment, li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Benelux tapplika b’mod uniformi għat-territorju Benelux kollu, b’tali mod li l-qrati ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li jifformaw lil din tal-aħħar – għalhekk kemm il-qrati Belġjani kif ukoll dawk Lussemburgiżi u Olandiżi – jista’ jkollhom ġurisdizzjoni konġunta fid-dawl tal-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 22(4).
47. Fil-każ li din l-interpretazzjoni ma tintlaqax mill-Qorti tar-rinviju titlobha għalhekk, permezz tat-tielet domanda tagħha, tippreċiża, minn naħa, liema wieħed minn dawn it-tliet Stati Membri huwa l-uniku wieħed li għandu ġurisdizzjoni internazzjonali f’dan il-qasam, u min-naħa l-oħra, jekk il-fatturi ta’ ġurisdizzjoni territorjali previsti fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI jistgħux jintużaw f’dan l-istadju sabiex jiġi identifikat l-Istat inkwistjoni.
48. Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tirrakkomanda, fl-opinjoni tiegħi ġustament, li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li “l-Artikolu 22(4) tar-Regolament [Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’kawża dwar ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ trade mark Benelux, kemm il-qorti Belġjana kif ukoll il-qorti Olandiża u [l-qorti] Lussemburgiża għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jiddeċiedu l-kawża”. Il-Kummissjoni ma tesprimix ruħha dwar it-tielet domanda. Min-naħa tiegħi, ser nagħmel numru ta’ rimarki f’dan ir-rigward.
2. Fuq il-qrati kompetenti sabiex jiddeċiedu kawża dwar il-validità ta’ trade mark Benelux fil-każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001
a) Dwar il-kontenut tar-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001
49. Infakkar li, kif jindika l-Artikolu 22 ab initio tar-Regolament Nru 44/2001, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni kollha stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-artikolu għandhom partikolaritajiet komuni li japplikaw indipendentement mid-domiċilju tal-partijiet (61) u li jistabbilixxu ġurisdizzjoni ta’ natura esklużiva u mandatorja li l-applikazzjoni tagħha torbot b’mod speċifiku kemm lill-partijiet kif ukoll lill-qorti (62). Peress li b’hekk dawn jidderogaw mhux biss mir-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament li tiffavorixxi lill-konvenut, iżda wkoll mill-possibbiltajiet ta’ proroga volontarja tal-ġurisdizzjoni li fil-prinċipju huma offruti lill-partijiet (63), dawn id-dispożizzjonijiet speċjali għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta (64).
50. Għall-kuntrarju ta’ dak li jindikaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni (65), l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001, li jirreferi kollettivament għall- “qrati [ta’] Stat Membru”, sempliċement jindika l-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni ratione materiae skont din id-dispożizzjoni, mingħajr madankollu ma jqassam il-kompetenzi fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja (66).
51. L-ewwel paragrafu tal-imsemmi Artikolu 22(4) jipprovdi li meta kawża transkonfinali tirrigwarda r-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali li jagħti lok għal depożitu jew reġistrazzjoni, bħal trade mark, il-ġurisdizzjoni internazzjonali tingħata esklużivament lill-“qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għad-depożitu jew ir-reġistrazzjoni, ikun seħħ jew ikunu taħt it-termini ta’ strument tal-Komunità jew ta’ konvenzjoni internazzjoni huwa meqjus li jkun seħħ”. It-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu 4 jżid li, fil-qasam partikolari tal-privattiva Ewropea irregolat mill-Konvenzjoni ta’ Munich, “il-qrati ta’ kull Stat Membru għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni esklussiva […] fi proċedimenti li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ xi patent Ewopew mogħti għal dak l-Istat” (67).
52. Tali allokazzjoni ta’ ġurisdizzjoni esklużiva, prevista f’dawn iż-żewġ paragrafi, għall-Istat Membru direttament ikkonċernat mill-għoti tad-dritt inkwistjoni għandha raġuni preċiża. Din hija riflessjoni tal-volontà tal-leġiżlatur li jikkonforma mal-għanijiet ta’ rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni u tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li jissemmew, bħala ġustifikazzjonijiet għall-eċċezzjonijiet tal-ġurisdizzjoni tal-prinċipju tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut, fil-premessa 12 tar-Regolament Nru 44/2001.
53. Fil-fatt, il-qrati tal-Istat fejn dan it-titolu jkollu effetti legali jitqiesu li jinsabu “fl-aħjar pożizzjoni” (68) sabiex jiddeċiedu dwar ir-reġistrazzjoni jew dwar il-validità tagħha fid-dawl tad-dritt applikabbli għaliha, jiġifieri ġeneralment il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-istess Stat li fit-territorju tiegħu għandha tkun żgurata l-protezzjoni tad-dritt (69). Kif tenfażizza l-Kummissjoni, teżisti tradizzjonalment rabta qawwija bejn is-salvagwardja tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali u s-sovranità nazzjonali (70). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfażizzat ukoll li l-għoti ta’ drittijiet bħal privattivi jimplika l-intervent tal-amministrazzjoni nazzjonali u li l-kontenżjuz marbut miegħu huwa rriżervat għall-qrati speċjalizzati f’diversi Stati Membri (71).
54. Huwa fid-dawl ta’ dan il-fatturi kemm testwali kif ukoll ġurisprudenzjali, u filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet notevoli li jippreżenta d-dritt ta’ proprjetà intellettwali fil-kawża prinċipali, li għandu jiġi eżaminat b’liema mod id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom eventwalment jiġu implementati f’dan il-każ.
b) Fuq l-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 fil-każ ineżami
55. Qabelxejn nippreċiża li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi – għall-kuntrarju ta’ dak li jiena nipproponi li għandha tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari – li r-Regolament Nru 44/2001 għandu japplika f’kawża bħal dik prinċipali, jidhirli li huwa ċar mill-formulazzjoni tiegħu, li hija r-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 22(4) u mhux dawk li jinsabu f’dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament (72), li għandha tiddetermina l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-“validità” tat-trade mark Benelux inkwistjoni.
56. Il-fattur determinanti ta’ tqassim tal-ġurisdizzjoni għall-kawżi li għalihom japplika l-Artikolu 22(4), huwa r-rabta stretta li għandha teżisti bejn id-dritt ta’ proprjetà intellettwali inkwistjoni u t-territorju li fih dan id-dritt igawdi minn protezzjoni (73). Fil-każ partikolari ta’ dritt b’effett unitarju li tikkostitwixxi t-trade mark Benelux, peress li din hija valida fit-tliet Stati tal-Benelux li fihom tgawdi protezzjoni uniformi (74), jiena nqis li l-kunċett ta’ “territorju” li għalih jirreferi l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22(4) għandu jinftiehem bħala riferiment f’dan il-każ għat-territorju Benelux kollu (75), li huwa assimilat għal territorju ta’ Stat Membru, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’kuntesti analogi (76). Għalhekk, inqis li fil-kuntest partikolari tat-trade mark Benelux, it-territorji ta’ dawn it-tliet Stati huwa indikat b’mod kollettiv u l-qrati ta’ kull wieħed minnhom għandhom potenzjalment ġurisdizzjoni, peress li kollha jistgħu jitqiesu bħala li jinsabu “fl-aħjar pożizzjoni” sabiex japplikaw is-sistema uniformi adottata mill-imsemmija Stati fir-rigward ta’ din it-trade mark.
57. Nenfasizza li r-regola li tipprovdi tqassim nazzjonali tal-ġurisdizzjoni li hija espressament stabbilita għall-privattiva Ewropea, fit-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 22(4), ma tistax tiġi trasposta għat-trade mark Benelux, peress li s-sistemi inkwistjoni huma fundamentalment distinti (77). Fil-fatt, il-privattiva Ewropea hija differenti mit-trade mark Benelux, peress li ma tikkostitwixxix dritt unitarju iżda tikkorrispondi għal grupp ta’ privattivi nazzjonali separati (78). Kif indikat il-Kummizzjoni, “essenzjalment, legalment dawn jibqgħu privattivi differenti li jibqgħu marbuta, individwalment, mat-territorju nazzjonali kkonċernat”. Dan jiġġustifika li l-kompetenza ġudizzjarja tibqa’ għalhekk marbuta ma’ kull Stat li fit-territorju tiegħu tintalab protezzjoni ta’ privattiva Ewropea, bħal ma huwa l-każ ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali strettament nazzjonali.
58. Huwa preċiżament b’kunsiderazzjoni għall-fatt li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mill-Konvenzjoni ta’ Brussell u riprodotti fir-Regolament Nru 44/2001 ma humiex adattati għall-partikolaritajiet ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali ta’ natura unitarja li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċifiċi ġew adottati għad-drittijiet ta’ dan it-tip li nħolqu fuq il-livell tal-Komunità Ewropea u mbagħad tal-Unjoni Ewropea. Dan kien il-każ għad-“disinni Komunitarji” (79), għat-“trade mark Komunitarja” li reċentement saret “trade mark tal-Unjoni Ewropea” (80), kif ukoll għall-“privattiva Ewropea b’effett unitarju” (81).
59. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tiddikjara li dawn is-“sistemi derogatorji ma għandhomx madankollu l-effett li l-qorti kompetenti tista’ tkun dik ta’ Stat Membru li fih id-dritt ta’ proprjetà intellettwali ma huwiex validu” (82). Fl-opinjoni tiegħi, jiena nenfasizza li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni, u b’mod partikolari dawk relatati mal-validità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, iwasslu għall-esklużjoni totali tar-regola stabbilita fl-Artikolu 22(4) ta’ dan ir-regolament, peress li jipprovdu li għandu jkun uffiċċju ċentralizzat li jkollu ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar talbiet ta’ nullità ppreżentati prinċipalment, u qrati speċjalizzati li għandhom jiddeċiedu dwar kontrotalbiet ta’ nullità – b’mod partikolari fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ vjolazzjoni –, qrati li fil-prinċipju huma dawk tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut (83).
60. Bħall-Kummissjoni, jiena naqbel li, peress li twassal lill-qrati tat-tliet Stati Membri li jinsabu fl-istess pożizzjoni li jkollhom ġurisdizzjoni f’azzjoni għall-invalidità ta’ trade mark Benelux, l-interpretazzjoni stretta tal-imsemmi Artikolu 22(4) li qiegħda tiġi proposta hawnhekk toffri riżultat li ma jidhirx “ottimu” fid-dawl tal-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001 (84). Madankollu, fil-każ li dan ir-regolament jitqies li huwa applikabbli għal tali azzjoni, din l-interpretazzjoni ssir inevitabbli fl-opinjoni tiegħi, fid-dawl kemm tal-formulazzjoni kif ukoll tal-bażi tal-Artikolu 22(4) tiegħu, u minħabba l-karatteristiċi partikolari tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali inkwistjoni f’dan il-każ (85).
61. Fl-aħħar nett, inqis li din il-konstatazzjoni negattiva għandha tiġi kkwalifikata, għaliex huwa probabbli li fil-prattika, hija ħafna drabi r-rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag) li – bħal fil-kawża prinċipali – li quddiemha jitressqu azzjonijiet b’riferiment għall-post tad-depożitu u/jew tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Benelux ikkonċernata (86). Jidhirli li l-fatt li l-applikant jista’ jagħżel li jressaq l-azzjoni quddiem kwalunkwe wieħed minn dawn it-tliet Stati jista’ ċertament jobbliga lill-konvenut jeċepixxi b’lingwa li huwa ma għandux għarfien sod tagħha u jwassal għal riskju ta’ forum shopping. Madankollu, din il-possibbiltà ta’ għażla għandha konsegwenzi prattiċi li huma inqas sinjifikattivi fil-kuntest partikolari tat-trade mark Benelux milli f’dak tar-regola ġenerali, peress li s-sistema legali applikabbli għaliha kienet armonizzata b’mod sħiħ bejn dawn l-Istati Membri u hija interpretata b’mod uniformi (87).
c) Fuq l-impossibbiltà li jsir rikors suppplementari għall-Artikolu 4.6 tal-KBPI
62. Sabiex jiġu evitati l-limiti li jqumu bl-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 għal kawża dwar dritt ta’ proprjetà intellettwali b’effett unitarju bħat-trade mark Benelux (88), il-qorti tar-rinviju tipprevedi l-possibbiltà li tirrikorri, mid-dehra b’mod addizzjonali, għal serje ta’ regoli ta’ “ġurisdizzjoni territorjali” li jinsabu fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI, sabiex jiġi ddeterminat liema mit-tliet Stati tal-Benelux eżattament għandu ġurisdizzjoni f’dan il-qasam (89).
63. Preliminarjament, nenfasizza li l-Artikolu 4.6 tal-KBPI jistabbilixxi regoli ta’ ġurisdizzjoni f’sekwenza (90) li, min-naħa sostantiva tagħhom, huma fundamentalment differenti mir-regola ta’ ġurisdizzjoni ta’ natura esklużiva li tinsab fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001. Jiena nsostni wkoll li hija ġurisprudenza stabbilita li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 bħall-Artikolu 22(4) tiegħu għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni awtonoma, u mhux b’riferiment għad-dritt tal-Istati Membri (91).
64. Qabelxejn, inqis li kull riferiment, anki riferiment supplementari, għal din id-dispożizzjoni tal-KBPI, għandu jiġi eskluż fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li din għandha tkun eskluża mir-Regolament Nru 44/2001 skont l-Artikolu 71 ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, ikunu biss d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 li jkunu applikabbli sabiex jiġu solvuti kunflitti ta’ ġurisdizzjoni jew anki kunflitti ta’ proċeduri li jistgħu jirriżultaw minn kawża bħal dik prinċipali.
65. Il-fatt li l-qrati ta’ wieħed mill-Istati tal-Benelux jistgħu, fl-opinjoni tiegħi, jkunu aditi b’mod indifferenti mill-applikant, fil-każ li l-Artikolu 22(4) tal-imsemmi regolament ikollu jiġi applikat għal tali kawża, dan iwassal għal diffikultajiet li madankollu ma humiex insurmontabbli, peress li dan ir-regolament stess jinkludi soluzzjonijiet li jippermettu li jiġu solvuti. Għaldaqstant fil-każ ta’ proċeduri simultanji, il-ġurisdizzjoni internazzjonali tiġi allokata bejn tliet Stati skont ir-regola li tagħti prijorità lill-“ewwel qorti li jkollha quddiemha l-każ” li hija stabbilita fl-Artikoli 27 sa 30 ta’ dan l-istess regolament, li jirregolaw il-każijiet ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati li jistgħu jqumu bejn il-qrati tal-Istati Membri (92), u dan fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-imsemmija artikoli (93).
66. Għaldaqstant, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis neċessarju li tiddeċiedi dwar it-tieni u t-tielet domandi preliminari, ikun hemm lok, fl-opinjoni tiegħi, li jiġi deċiż li l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex tiġi deċiża kawża transkonfinali dwar ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ trade mark Benelux, għandhom ġurisdizzjoni l-qrati ta’ kull wieħed mit-tliet Stati Membri li fit-territorju tagħhom dan id-dritt ta’ proprjetà intellettwali jkollu l-effetti tiegħu u għandu jiġi protett b’mod uniformi, jiġifieri r-Renju tal-Belġju, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.
V – Konklużjoni
67. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għad-domandi preliminari magħmula mill-rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi):
L-Artikolu 71 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 5ta’ Diċembru 2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li l-kawża transkonfinali tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni kemm ta’ dan ir-regolament kif ukoll tal-Konvenzjoni Benelux fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (trade marks u disinni), iffirmata f’Den Haag fil-25 ta’ Frar 2005, Stat Membru jista’, skont l-Artikolu 71(1) tal-imsemmi regolament, japplika r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 4.6 ta’ din il-konvenzjoni.