Language of document : ECLI:EU:C:2016:175

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Marzu 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/38/KE – Deċiżjoni li ttemm permess ta’ residenza – Prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Ammissibbiltà ta’ aggravji ta’ kassazzjoni – Motiv ta’ ordni pubbliku”

Fil-Kawża C‑161/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (qorti tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Marzu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ April 2015, fil-proċedura

Abdelhafid Bensada Benallal

vs

L-Istat Belġjan,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, A. Arabadjiev, C. G. Fernlund, S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Novembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A. Bensada Benallal, minn R.‑M. Sukennik u R. Fonteyn, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn S. Vanrie, L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn S. Cornelis, P. Lejeune u D. Matray, avukati,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, D. Colas u F.‑X. Bréchot, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u C. Tufvesson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Jannar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn A. Bensada Benallal u l-Istat Belġjan dwar rikors għal annullament ta’ deċiżjoni li ttemm il-permess mogħti lil A. Bensada Benallal li jirrisjedi fit-territorju Belġjan u li tordnalu jitlaq minn dan tal-aħħar.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46) jipprevedi:

“1. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

2. Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta' prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.

3. Sabiex ikun aċċertat jekk il-persuna kkonċernata tirrappreżentax periklu għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika, fil-ħruġ taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni, mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data tal-waslien tal-persuna kkonċernata fit-territorju jew mid-data tar-rappurtaġġ tal-preżenza tagħha fit-territorju, kif previst fl-Artikolu 5(5), jew fil-mument li tinħareġ il-karta ta’ residenza, l-Istat Membru ospitanti jista’, jekk dan jitqies bħala essenzali, jitlob lill-Istat Membru ta’ oriġini u, jekk hemm il-bżonn lill-Istati Membri oħra, biex jipprovdu informazzjoni dwar rekordji tal-pulizija preċedenti li jista’ jkollha l-persuna kkonċernata. Dan l-istħarriġ m’għandux isir b’mod sistematiku. L-Istat Membru kkonsultat jista’ jagħti r-risposta tiegħu fi żmien xahrejn.

4. L-Istat Membru li ħareġ il-passaport jew il-karta ta’ l-identità għandu jħalli lit-titolar tad-dokument li tkeċċa minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika minn Stat Membru ieħor biex jerġa’ jidħol fit-territorju tiegħu mingħajr xi formalità anke jekk id-dokument m’għadux validu aktar jew jekk iċ-ċittadinanza tat-titolar qed tiġi kkontestata.”

4        L-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1. Qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba politika pubblika [ordni pubbliku] jew sigurtà pubblika, l-Istat Membru ospitanti għandu jqis l-konsiderazzjonijiet bħat-tul tar-residenza ta’ l-individwu kkonċernat fit-territorju tiegħu, l-età, l-istat ta’ saħħa, is-sitwazzjoni familjari u dik ekonomika, integrazzjoni soċjali u kulturali fl-Istat Membru ospitanti u l-limitu tar-rabtiet tiegħu mal-pajjiż ta’ oriġini.

2. L-Istat Membru ospitanti ma jistax jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li għandhom id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tiegħu, ħlief minħabba raġunijiet serji ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.

3. Deċiżjoni ta’ tkeċċija m’għandhiex tittieħed kontra ċittadini ta’ l-Unjoni, ħlief meta d-deċiżjoni hi bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, kif imfissra mill-Istati Membri, jekk dawn:

(a)       għexu fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti; jew

(b)       huma minorenni, ħlief jekk it-tkeċċija hi neċessarja għall-aħjar interessi tat-tifel/tifla, kif previst mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal ta’ l-20 ta’ Novembru 1989.”

5        Skont l-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva:

“1. Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu avżati bil-miktub bi kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skond l-Artikolu 27(1), b’tali mod li jkunu jistgħu jifhmu l-kontenut tagħha u l-implikazzjonijiet għalihom.

2.       Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu nformati, preċiżament u bi sħiħ, dwar ir-raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika li fuqhom qed tittieħed id-deċiżjoni fil-każ tagħhom, sakemm dan imur kontra l-interessi tas-sigurtà Statali.

3.       In-notifika għandha tispeċifika l-awtorità amministrattiva u dik ta’ ġurisprudenza li magħha l-persuna kkonċernata tista’ tiddepożita appell, il-limitu ta’ żmien għall-appell u, fejn applikabbli, iż-żmien permess għall-persuna biex titlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru. Ħlief għal każijiet debitament issostanzjati ta’ urġenza, iż-żmien permess biex il-persuna titlaq mit-territorju m’għandux ikun inqas minn xahar mid-data ta’ notifika.”

6        L-Artikolu 31 tal-istess direttiva jipprovdi dan li ġej:

“1.       Il-persuni kkonċernati għandhom ikollhom aċċess għal proċeduri ġudizzjarji u, fejn approprjat, amministrattivi ta’ kumpens fl-Istat Membru ospitanti biex jappellaw kontra jew ifittxu reviżjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħudha kontrihom minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

2.       Meta l-applikazzjoni għall-appell kontra jew għar-reviżjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija hi akkumpanjata minn applikazzjoni għal ordni temporanja biex jiġi sospiż l-infurzar ta' dik id-deċiżjoni, m’għandiex isseħħ it-tneħħija proprja mit-territorju sakemm tittieħed id-deċiżjoni dwar l-ordni temporanja, ħlief:

–        fejn id-deċiżjoni ta’ tkeċċija hi bbażata fuq deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti; jew

–        fejn il-persuni kkonċernati kellhom aċċess preċedenti għal reviżjoni ġudizzjarja; jew

–        fejn id-deċiżjoni ta’ tkeċċija hi bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà politika skond l-Artikolu 28(3).

3.       Il-proċeduri ta’ riżarċiment għandhom jinkludu eżami tal-legalità tad-deċiżjoni, kif ukoll tal-fatti u taċ-ċirkostanzi li fuqhom ġiet ibbażata l-miżura proposta. Għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni mhiex disproporzjonata, b’mod partikolari minħabba l-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 28.

4.      L-Istati Membri jistgħu jeskludu l-individwu kkonċernat mit-territorju tagħhom matul il-proċeduri ta’ riżarċiment, imma ma jistgħux jostakolaw milli l-individwu jippreżenta d-difiża tiegħu personalment, ħlief meta l-apparenza tiegħu tista’ toħloq inkonvenjenza serja għall-politika pubblika u għas-sigurtà pubblika jew meta l-appell jew ir-reviżjoni ġudizzjarja tikkonċerna t-tiċħid tad-dħul fit-territorju.”

7        Skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw il-miżuri neċessarji biex jirrifjutaw, itemmu jew jirrevokaw kwalunkwe dritt mogħti b’din id-Direttiva f’każ ta' abbuż jew frodi, bħal żwiġijiet ta’ konvenjenza. Kwalunkwe miżura bħal din għandha tkun proporzjonata u bla ħsara għall-garanziji proċedurali previsti fl-Artikoli 30 u 31.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        A. Bensada Benallal, ta’ nazzjonalità Spanjola, wasal fil-Belġju fl-24 ta’ Mejju 2012. Sussegwentement għal talba mressqa fil-31 ta’ Mejju 2012, huwa ngħata l-permess, permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2012, jirrisjedi f’dan l-Isat Membru bħala ħaddiem impjegat

9        Fis-26 ta’ Settembru 2013, l-Istat Belġjan, permezz tal-uffiċċju tal-barranin, temm il-permess ta’ residenza ta’ A. Bensada Benallal u ordnalu jitlaq mit-territorju Belġjan. Din id-deċiżjoni b’mod partikolari tindika li:

“Jidher li l-persuna kkonċernata tat informazzjoni qarrieqa li kienet determinanti biex jiġi rikonoxxut lilha d-dritt ta’ residenza tagħha mill-amministrazzjoni tal-komun ta’ Berchem-Sainte-Agathe [(il-Belġju)]. Fil-fatt, [ġie konkluż] li l-persuni kollha ddikjarati mill-kumpannija ma għandhomx ikunu suġġetti [...] għas-sistema ġenerali tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema impjegati: ‘Diversi elementi preċiżi u konkordanti juru b’mod suffiċjenti fid-dritt in-nuqqas ta’ xogħol bħala ħaddiema impjegati tal-[imsemmija] kumpannija [...] u, konsegwentement, in-nuqqas ta’ kuntratt ta’ xogħol bejn il-persuni ddikjarati [...] u l-kumpannija’.”

10      Fit-2 ta’ Jannar 2014, A. Bensada Benallal ippreżenta rikors għal annullament quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (qorti tal-kawżi tal-barranin) kontra d-deċiżjoni msemmija.

11      Insostenn tar-rikors tiegħu A. Bensada Benallal invoka motiv uniku bbażat, b’mod partikolari, fuq ksur ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva dwar il-motivazzjoni formali tal-atti amministrattivi, fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-prinċipji ta’ prudenza u ta’ preċiżjoni, tal-prinċipju ta’ ġestjoni kuxjenzjuża, tal-prinċipju li l-amministrazzjoni hija marbuta li tiddeċiedi billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-kawża kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38.

12      Fl-argument tiegħu intiż sabiex jispjega l-motiv invokat, A. Bensada Benallal sostna, fost affarijiet oħra, li d-deċiżjoni tal-uffiċċju tal-barranin kienet ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. Huwa sostna, f’dan ir-rigward, li r-rapport li fuqu kienet ibbażata d-deċiżjoni tiegħu, la kien ġie mehmuż ma’ din tal-aħħar, la ntbagħat lil A. Bensada Benallal qabel in-notifika ta’ din id-deċiżjoni u lanqas ma ġie riprodott fis-sustanza tiegħu fiha, b’mod li huwa ma kienx f’pożizzjoni li jifhem il-motivi tad-deċiżjoni meħuda kontrih.

13      Dan ir-rikors kien ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Conseil du contentieux des étrangers (qorti tal-kawżi tal-barranin) tat-30 ta’ April 2014. Fis-sentenza tiegħu, dan tal-aħħar irrileva b’mod partikolari dan li ġej:

“F’kull każ, il-Conseil [du contentieux des étrangers (qorti tal-kawżi tal-barranin)] ikkonstata li għaddiet kważi sena bejn meta [A. Bensada Benallal] ipproduċa l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu mal-kumpannija [...] u r-rapport [...] li wassal għat-teħid tad-deċiżjoni kkontestata, perijodu li matulu [A. Bensada Benallal] ma bagħat jew wassal ebda informazzjoni lill-[uffiċċju tal-barranin] dwar il-problemi invokati fir-rikors u li huwa kien iltaqa’ magħhom fil-kuntest tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu mal-imsemmija kumpannija.

Issa, jekk [A. Bensada Benallal] deherlu li seta’ jinvoka l-elementi li jxekklu l-irtirar tal-permess ta’ residenza tiegħu, huwa kellu l-obbligu li jġibhom għall-konjizzjoni tal-[uffiċċju tal-barranin], u mhux li dan tal-aħħar joqgħod jistieden [lil A. Bensada Benallal] sabiex jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward. Il-Conseil ifakkar fil-fatt li l-obbligu huwa tar-rikorrent li jġib il-provi li huwa kien jissodisfa l-kundizzjonijiet inerenti għad-dritt li huwa kien qiegħed isostni jew biex iżomm dak id-dritt. Sa fejn [A. Bensada Benallal] ressaq talba biex tiġi attestata r-reġistrazzjoni tiegħu fil-Belġju bħala ħaddiem impjegat, huwa seta’/kellu leġittimament jistenna li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu (anki jekk dan ikun indipendentement minnu) iwassal għal konsegwenzi fuq ir-residenza tiegħu u jkun jaf li kien meħtieġ li jibgħat minn jeddu din l-informazzjoni lill-[uffiċċju tal-barranin], tal-inqas għall-fajl amministrattiv.

Fir-rigward tal-fatt li [A. Bensada Benallal] ‘ma rċieva ebda avviż kif ġie affermat fl-investigazzjoni u li huwa ma kellux il-possibbiltà ta’ smigħ’, dan ma jxejjinx din il-konstatazzjoni peress li l-akkuża indirizzata [lil A. Bensada Benallal] tikkontempla s-smigħ tiegħu mill-ispettur soċjali […] (liema smigħ, fil-fatt, ma huwiex ibbażat biss fuq dikjarazzjonijiet imma wkoll fuq konstatazzjonijiet oġġettivi li ebda waħda minnhom ma hija kkontestata [minn A. Bensada Benallal]) u ma tirrigwardax direttament id-deċiżjoni [kkontestata].”

14      A. Bensada Benallal ippreżenta appell ta’ kassazzjoni amministrattiv kontra din is-sentenza tal-Conseil du contentieux des étrangers (qorti tal-kawżi tal-barranin) quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Conseil d’État (qorti tal-Istat). Dan l-appell jinvolvi b’mod partikolari aggravju wieħed li permezz tiegħu A. Bensada Benallal isostni li l-awtorità amministrattiva, jiġifieri l-uffiċċju tal-barranin, kien imissha semgħetu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha tas-26 ta’ Settembru 2013. Huwa jqis ukoll li l-Conseil du contentieux des étrangers (qorti tal-kawżi tal-barranin) kien imissu qies li l-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti kieku huwa seta’ jsostni aħjar il-motivi ta’ difiża tiegħu. Insostenn ta’ dan l-aggravju, A. Bensada Benallal jallega mhux biss ksur, minn naħa, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Belġjan ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u ta’ kontradittorju kif ukoll, min-naħa l-oħra tad-dritt għal smigħ (“audi alteram partem”), iżda wkoll tal-Artikoli 41 u 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

15      L-Istat Belġjan jeċepixxi l-inammissibbiltà ta’ dan l-aggravju, peress li dan tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-qorti tar-rinviju, fl-istadju tal-kassazzjoni u peress li dan ma huwiex ibbażat fuq ksur ta’ dispożizzjoni ta’ ordni pubbliku. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jippreċiżax kif ġie miksur l-Artikolu 51 tal-Karta u lanqas ma jipproduċi l-iċken prova li tippermetti li jiġi evalwat jekk il-proċedura amministrattiva setgħetx twassal għal riżultat ieħor kieku huwa ġie mismugħ qabel id-deċiżjoni amministrattiva inkwistjoni.

16      Fir-rigward tal-mertu, l-Istat Belġjan isostni li d-dritt għal smigħ imsemmi fl-Artikolu 41 tal-Karta ma jimponix li tinbeda diskussjoni mal-persuna kkonċernata dwar iċ-ċirkustanzi li hija tinvoka. Fil-fatt huwa biżżejjed li din tal-aħħar kellha l-okkażjoni li tagħti l-opinjoni tagħha, kif kien il-każ f’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mis-sentenza mogħtija mill-Conseil du contentieux des étrangers (qorti tal-kawżi tal-barranin).

17      L-imħallef li kien qiegħed jisma’ l-każ quddiem il-qorti tar-rinviju kkonstata, fl-opinjoni tiegħu tas-16 ta’ Ottubru 2014, li l-motiv uniku invokat quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (qorti tal-kawżi tal-barranin) ma kienx ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 41 u 51 tal-Karta, lanqas fuq ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u ta’ kontradittorju u lanqas fuq ksur tad-dritt għal smigħ (“audi alteram partem”). Fid-dawl tar-rekwiżiti tad-dritt proċedurali Belġjan f’dan ir-rigward, l-opinjoni tal-imħallef kienet li A. Bensada Benallal ma setax jinvoka, għall-ewwel darba quddiem il-qorti tar-rinviju li qed tiddeċiedi fil-kassazzjoni, ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u ta’ dawn il-prinċipji ġenerali tad-dritt, peress li dawn ma kinux kwistjonijiet ta’ ordni pubbliku.

18      Fin-nota tiegħu ppreżentata wara din l-opinjoni, A. Bensada Benallal sostna li l-aggravju bbażat fuq ksur ta’ drittijiet fundamentali huwa motiv ta’ ordni pubbliku, sa fejn mill-Artikolu 41 tal-Karta u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt għal smigħ jikkostitwixxi t-traspożizzjoni tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, li l-ksur tiegħu jista’ jitqajjem ex officio.

19      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-aggravju invokat minn A. Bensada Benallal, sa fejn dan huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ imsemmi fl-Artikolu 41 tal-Karta, ma ġiex invokat minn dan tal-aħħar quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (qorti tal-kawżi tal-barranin). Issa, skont id-dritt Belġjan, l-ammissibbiltà ta’ tali aggravju tista’ tiġi aċċettata għall-ewwel darba quddiem il-qorti ta’ kassazzjoni biss jekk dan l-aggravju huwa motiv ta’ ordni pubbliku.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (qorti tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-[U]njoni [Ewropea] li [jikkonċerna] r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, inkluż id-dritt għal persuna li tinstema’ minn awtorità nazzjonali, qabel l-adozzjoni mill-awtorità ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffetwa b’mod negattiv l-interessi tal-persuna kkonċernata, [bħal] deċiżjoni [li] ttemm il-permess ta’ residenza tiegħu, [għandu l-istess importanza] fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea daqs dak [li għandhom] normi ta’ ordni pubbliku tad-dritt Belġjan [fid-dritt intern] u l-prinċipju tal-ekwivalenza jeħtieġ li l-motiv [ibbażat fuq] ksur tal-prinċipju ġenerali tal-Unjoni Ewropea ta’ rispett għad-drittijiet tad-difiża, jista’ jiġi [mqajjem] għall-ewwel darba quddiem il-[Conseil d’État (qorti tal-kawżi tal-barranin)], li [j]iddeċiedi f’kassazzjoni, kif huwa permess taħt [id-dritt intern] [fir-rigward tal-motivi] ta’ ordni pubbliku?”

 Fuq id-domanda preliminari

21      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tipprova ssir taf jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, aggravju bbażat fuq ksur tad-dritt nazzjonali invokat għall-ewwel darba quddiem il-qorti nazzjonali li tkun qed tiddeċiedi fil-kassazzjoni jkun ammissibbli biss jekk dan l-aggravju jkun motiv ta’ ordni pubbliku, aggravju bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, hekk kif iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, invokat għall-ewwel darba quddiem din l-istess qorti, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

22      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, hemm l-ewwel nett lok li jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, is-sitwazzjoni fattwali li tat lok għall-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dak tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, din tal-aħħar tirrigwarda, fost affarijiet oħra, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri kif ukoll il-limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. Din id-direttiva tapplika fir-rigward ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq jew li jirrisjedi fi Stat Membru li ma huwiex dak li tiegħu huwa ċittadin.

23      Għalkemm din id-direttiva tipprevedi ċertu numru ta’ regoli li l-Istati Membri għandhom josservaw bil-għan ta’ limitazzjoni eventwali tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni, jiġifieri b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikoli 30 u 31 tagħha, għall-kuntrarju din ma tinkludix dispożizzjonijiet dwar il-modalitajiet li jirregolaw il-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji dwar deċiżjoni li ttemm permess ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni.

24      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni fil-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi tali regoli, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza), u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Eturas et, C‑74/14, EU:C:2016:42, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Minn dan jirriżulta li żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandhom jiġu ssodisfatti sabiex Stat Membru jkun jista’ jinvoka l-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali f’sitwazzjonijiet li huma rregolati mid-dritt tal-Unjoni.

26      F’dan il-każ u hekk kif tosserva l-qorti tar-rinviju, l-aggravju ta’ kassazzjoni invokat minn A. Bensada Benallal, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ mill-awtorità nazzjonali li adottat id-deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju, hekk kif iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, imur kontra, fir-rigward tal-ammissibbiltà tiegħu, ir-regoli tad-dritt proċedurali nazzjonali dwar l-aggravji li jistgħu jiġu invokati għall-ewwel darba fil-kassazzjoni.

27      Hekk kif jirriżulta mill-punt 24 ta’ din is-sentenza, id-dritt tal-Unjoni, bħala prinċipju, ma jipprekludix li l-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, jillimitaw jew jissuġġettaw għal ċertu kundizzjonijiet l-aggravji li jistgħu jiġu invokati fil-proċeduri ta’ kassazzjoni, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.

28      Hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 41 u 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kawża prinċipali, tqum il-kwistjoni relatata mal-osservanza mhux tal-prinċipju ta’ effettività, iżda biss tal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

29      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeħtieġ li r-regola nazzjonali inkwistjoni tkun tapplika bl-istess mod għall-azzjonijiet ibbażati fuq id-drittijiet li għandhom il-partijiet f’kawża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali li jkollhom suġġett u kawża simili (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 39). L-osservanza ta’ dan il-prinċipju timplika għaldaqstant trattament ugwali tal-azzjonijiet ibbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali u ta’ dawk, simili, ibbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 34).

30      Applikata fir-rigward ta’ sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kundizzjoni relatata mal-osservanza ta’ dan il-prinċipju ta’ ekwivalenza teħtieġ għaldaqstant li, meta d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali relatati mar-regoli proċedurali fil-qasam ta’ appelli fil-kassazzjoni jikkonferixxu lil qorti li tkun qed tiddeċiedi f’din il-kapaċità l-obbligu li tilqa’ jew li tqajjem ex officio aggravju bbażat fuq ksur tad-dritt nazzjonali, dan l-istess obbligu għandu jipprevali bl-istess mod fir-rigward ta’ aggravju tal-istess natura, ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni.

31      Għaldaqstant, meta qorti nazzjonali li qed tiddeċiedi fil-kassazzjoni tqis li l-aggravju bbażat fuq in-nuqqas ta’ rispett tad-dritt għal smigħ huwa motiv ta’ ordni pubbliku nazzjonali li jista’ jiġi invokat għall-ewwel darba quddiemha fil-kuntest ta’ tilwima rregolata mid-dritt nazzjonali, il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeżiġi li, fil-kuntest tal-istess tilwima, aggravju simili bbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ wkoll jitqajjem għall-ewwel darba quddiem din l-istess qorti, fl-istadju tal-kassazzjoni.

32      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax b’mod ċar li d-dritt għal smigħ, hekk kif iggarantit mid-dritt Belġjan, jikkostitwixxi, fih innifsu, prinċipju ġenerali tad-dritt Belġjan li jirriżulta, b’dan il-mod, mill-ordni pubbliku nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru. Madankollu, f’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li r-regoli ta’ ordni pubbliku huma dawk li għandhom importanza fundamentali fl-ordinament ġuridiku Belġjan, bħalma huma r-regoli dwar il-kompetenzi tal-awtoritajiet amministrattivi, dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati, dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jew ukoll dawk li jikkonċernaw drittijiet fundamentali oħra.

33      F’dan ir-rigward, sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddetermina jekk l-aggravju bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ fid-dritt tal-Unjoni huwiex tal-istess natura bħal aggravju bbażat fuq ksur ta’ tali dritt fl-ordinament ġuridiku Belġjan, hemm lok li jitfakkar li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Ġunju 2005, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑287/02, EU:C:2005:368, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċeduri mressqa kontra persuna u li jistgħu jwasslu għal att li jikkawżalha preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi żgurat anke fl-assenza ta’ kull leġiżlazzjoni li tirregola l-proċeduri. Dan il-prinċipju jeħtieġ li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet, li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod sinjifikattiv, jiġu mogħtija l-opportunità li jagħtu l-opinjoni tagħhom.

34      Hija l-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni li għandha teżamina jekk il-kundizzjoni relatata mal-prinċipju ta’ ekwivalenza hijiex stabbilita fil-kawża mressqa quddiemha. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kawża prinċipali, hija għandha tiddetermina jekk id-dritt għal smigħ, hekk kif iggarantit mid-dritt nazzjonali, jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa mid-dritt nazzjonali sabiex jiġi kklassifikat bħala motiv ta’ ordni pubbliku.

35      Għaldaqstant, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, aggravju bbażat fuq ksur tad-dritt nazzjonali invokat għall-ewwel darba quddiem il-qorti nazzjonali li tkun qed tiddeċiedi fil-kassazzjoni jkun ammissibbli biss jekk dan l-aggravju jkun motiv ta’ ordni pubbliku, aggravju bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, hekk kif iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, invokat għall-ewwel darba quddiem din l-istess qorti, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli, jekk dan id-dritt, hekk kif iggarantit mid-dritt nazzjonali, jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa minn dan id-dritt sabiex jiġi kklassifikat bħala motiv ta’ ordni pubbliku, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

36      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, aggravju bbażat fuq ksur tad-dritt nazzjonali invokat għall-ewwel darba quddiem il-qorti nazzjonali li tkun qed tiddeċiedi fil-kassazzjoni jkun ammissibbli biss jekk dan l-aggravju jkun motiv ta’ ordni pubbliku, aggravju bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, hekk kif iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, invokat għall-ewwel darba quddiem din l-istess qorti, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli, jekk dan id-dritt, hekk kif iggarantit mid-dritt nazzjonali, jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa minn dan id-dritt sabiex jiġi kklassifikat bħala motiv ta’ ordni pubbliku, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.