Language of document :

Appell ippreżentat fit-3 ta’ Frar 2022 minn Grupa Azoty S.A., Azomureș SA, Lipasmata Kavalas LTD Ypokatastima Allodapis mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fid-29 ta’ Novembru 2021 fil-Kawża T-726/20, Grupa Azoty et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-73/22 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Grupa Azoty S.A., Azomureș SA, Lipasmata Kavalas LTD Ypokatastima Allodapis (rappreżentanti: D. Haverbeke, L. Ruessmann u P. Sellar, avocats)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat; u

tiddikjara li r-rikors tal-appellanti ppreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE u intiż għall-annullament parzjali tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Settembru 2020 intitolata “Linji Gwida dwar ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat fil-kuntest tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal wara l-2021” 1 huwa ammissibbli; jew

sussidjarjament, tannulla d-digriet appellat għar-raġuni li l-Qorti Ġenerali kien imissha rriżervat id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà sakemm tevalwa l-mertu tas-sustanza tar-rikors; u

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa r-rikors fuq il-mertu; u

tiddeċiedi favur l-appellanti fir-rigward tal-ispejjeż ta’ din il-kawża; u

tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sal-konklużjoni tal-evalwazzjoni sħiħa tagħha tar-rikors.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju: motivazzjoni inadegwata.

Il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tagħti motivazzjoni adegwata. L-ewwel, fil-punti 34 sa 48 u 49 sa 51 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali naqset milli tindirizza l-argumenti mressqa quddiemha mill-appellanti u milli tistabbilixxi l-fatti tal-kawża quddiemha. It-tieni, hija naqset milli tispjega għaliex huma biss id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati bħala parti minn leġiżlazzjoni sekondarja speċifika li jistgħu jkunu ta’ interess dirett għall-appellanti. Dan jikkonċerna l-punt 38 tad-digriet appellat.

It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-appellanti ma kinux direttament ikkonċernati.

Il-Qorti Ġenerali tirreferi għal ġurisprudenza stabbilita sabiex tesponi t-test ta’ interess dirett fil-punti 26 sa 30 tad-digriet appellat. Bħala parti minn dan it-test ta’ interess dirett, il-Qorti Ġenerali għandha tevalwa l-kontenut, in-natura, l-għan u s-sustanza tal-att li jkun qiegħed jiġi kkontestat, kif ukoll il-kuntest fattwali u legali tiegħu. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tar-rekwiżit ta’ “interess dirett” previst fl-Artikolu 263 TFUE billi naqset milli tagħmel dan. Dan jikkonċerna l-punti 34 sa 48 tad-digriet appellat. Il-Qorti Ġenerali ħolqot sitwazzjoni fejn l-appellanti tħallew mingħajr ebda rimedju ġuridiku. Billi naqset milli ssegwi u milli tapplika kif suppost it-test għall-evalwazzjoni tal-interess dirett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

Sussidjarjament, il-Qorti Ġenerali kien imissha rriżervat id-deċiżjoni tagħha dwar l-ammissibbiltà għal wara l-evalwazzjoni tar-rikors fuq il-mertu.

L-Artikolu 130(7) u (8) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jeħtieġ li l-Qorti Ġenerali tirriżerva d-deċiżjoni tagħha dwar eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà sakemm tiddeċiedi dwar is-sustanza tal-kawża meta dan ikun iġġustifikat minħabba ċirkustanzi partikolari u għandha mbagħad tistabbilixxi termini ġodda għat-tkomplija tal-istanza. Skont ġurisprudenza stabbilita, ikun hemm tali ċirkustanzi partikolari meta tali riżerva tkun meħtieġa għal amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet meħtieġa tevalwa n-natura, il-kontenut u l-kuntest tal-att ikkontestat sabiex tiddetermina jekk kienx jikkonċerna direttament lill-appellanti. Sabiex tagħmel din l-evalwazzjoni hija kellha tħares lejn is-sustanza tal-att u jekk jimponix obbligi legali indipendenti fuq l-Istati Membri. Din l-evalwazzjoni tikkoinċidi mal-ewwel motiv fuq il-mertu li jikkonċerna n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li tadotta l-Anness I tal-att ikkontestat. Billi naqset milli tirriżerva d-deċiżjoni tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni sakemm tkun semgħet l-argumenti fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 130(7) u (8) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

____________

1     ĠU 2020, C 317, p. 5