Language of document : ECLI:EU:T:2007:148

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

22 ta’ Mejju 2007(*)

“Ħarsien tas-saff ta’ l-ożonu – Importazzjoni ta’ methyl bromide fl-Unjoni Ewropea – Rifjut ta’ allokazzjoni ta’ kwota ta’ importazzjoni għal użu kritiku għas-sena 2005 – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Implementazzjoni ta’ l-Artikoli 3, 4, 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000 – Aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali”

Fil-kawża T-216/05,

Mebrom NV, stabbilita f’Rieme-Ertvelde (il-Belġju), irrappreżentata minn C. Mereu u K. Van Maldegem, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn U. Wölker u X. Lewis, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament ta’ allegata deċiżjoni, li tinsab fl-ittra tal-Kummissjoni tal-11 ta’ April 2005, indirizzata lir-rikorrenti u li tirrigwarda l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ importazzjoni ta’ methyl bromide għas-sena 2005,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, N. J. Forwood u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Novembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku u fattwali

1.     Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna u l-Protokoll ta’ Montreal

1        Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/540/KEE, ta’ l-14 ta’ Ottubru 1988, dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna għall-ħarsien tas-saff ta’ l-ożonu u l-Protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jdgħajfu [jnaqqsu] s-saff ta’ l-ożonu (ĠU L 297, p. 8), il-Komunità Ewropea saret parti fil-konvenzjoni ta’ Vjenna għall-ħarsien tas-saff ta’ l-ożonu (iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni ta’ Vjenna”) u fil-protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jdgħajfu [jnaqqsu] s-saff ta’ l-ożonu (iktar ’il quddiem il-“protokoll ta’ Montreal”).

2        Il-methyl bromide jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protokoll ta’ Montreal. Dan huwa pestiċida li jiġi applikat permezz ta’ fumigazzjoni u li jintuża essenzjalment fl-agrikoltura, peress li jippenetra faċilment il-ħamrija u huwa effettiv kontra numru kbir ta’ elementi li jikkawżaw ħsara. Id-degradazzjoni rapida tiegħu tipprekludi l-kontaminazzjoni tal-katina ta’ l-ikel u ta’ l-ilma ta’ taħt l-art. Għal dawn ir-raġunijiet, il-methyl bromide kien wieħed mill-ħames pestiċidi l-iżjed użati fid-dinja. Min-naħa l-oħra, huwa għandu l-iżvantaġġ li jnaqqas is-saff ta’ l-ożonu.

3        Fl-1997, il-partijiet fil-protokoll ta’ Montreal qablu li jnaqqsu, fi stadji suċċessivi, il-produzzjoni u l-importazzjoni ta’ methyl bromide fil-pajjiżi żviluppati sal-31 ta’ Diċembru 2004 u li jipprojbixxu, mill-1 ta’ Jannar 2005, il-produzzjoni u l-importazzjoni ta’ methyl bromide fil-pajjiżi żviluppati, ħlief għal użu meqjus imsejjaħ “kritiku”.

4        Skond id-Deċiżjoni IX/6 tal-partijiet fil-protokoll ta’ Montreal (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni IX/6”), użu tal-methyl bromide huwa meqjus bħala “kritiku” biss jekk il-parti li titlob deroga għal tali użu tiddetermina, minn naħa, li n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-methyl bromide għall-użu kkonċernat joħloq diżekwilibriju importanti fis-suq u, min-naħa l-oħra, li ma teżistix soluzzjoni alternattiva teknikament jew ekonomikament possibbli u lanqas prodott ta’ sostituzzjoni li huwa aċċettabbli għall-utent mil-lat ambjentali jew tas-saħħa, jew li huwa adattat għall-uċuħ tar-raba’ u għall-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw id-domanda.

5        Id-deċiżjoni IX/6 teħtieġ, barra minn hekk, li l-produzzjoni u l-konsum tal-methyl bromide għal użu kritiku jiġu awtorizzati biss jekk:

–        ikunu ttieħdu l-miżuri kollha teknikament u ekonomikament possibbli sabiex jitnaqqsu għall-minimu l-użu kritiku u kwalunkwe emissjoni marbuta mal-methyl bromide;

–        il-methyl bromide mhuwiex disponibbli fi kwantità u fi kwalità suffiċjenti fil-ħażniet eżistenti ta’ materjal maħżun jew irriċiklat;

–        jiġi ppruvat li ġew adottati l-miżuri xierqa sabiex jiġu evalwati s-soluzzjonijiet alternattivi u l-prodotti ta’ sostituzzjoni u sabiex tinkiseb l-approvazzjoni skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

2.     Ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000

6        L-obbligi li jirriżultaw mill-konvenzjoni ta’ Vjenna u mill-protokoll ta’ Montreal ġew attwalment implementati fis-sistema legali Komunitarja mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 2037/2000, tad-29 ta’ Ġunju 2000, dwar sostanzi li jnaqqsu [jdgħajfu] s-saff ta’ l-ożonu (ĠU L 244, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”). Dan it-test jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-produzzjoni, għall-importazzjoni, għall-esportazzjoni u għall-użu ta’ ċerti sustanzi li jdgħajfu s-saff ta’ l-ożonu, fosthom il-methyl bromide.

7        L-Artikolu 2 tar-Regolament jiddefinixxi l-impriża fis-sens tar-Regolament bħala “kull persuna [fiżika] jew [ġuridika] li tipproduċi, tirriċikla biex tqiegħed fuq is-suq jew tuża sostanzi kontrollati għal skopijiet industrijali jew kummerċjali fil-Komunità, li tirrilaxxa dawk is-sostanzi imp[o]rtati għal ċirkolazzjoni libera fil-Komunità, jew li tesporta dawk is-sostanzi mill-Komunità għal skopijiet industrijali jew kummerċjali”. Huwa jiddefinixxi wkoll it-“tqegħid fis-suq” bħala “il-fornitura jew li jkun provdut lil partijiet terzi, kontra pagament jew mingħajr ħlas, ta’ sostanzi kontrollati jew prodotti li jkun fihom sostanzi kontrollati koperti b’dan ir-Regolament”.

8        L-Artikolu 3(2)(i)(d) tar-Regolament jipprojbixxi l-produzzjoni ta’ methyl bromide wara l-31 ta’ Diċembru 2004, ħlief, b’mod partikolari, għal użu kritiku, skond l-Artikolu 3(2)(ii) tiegħu, u mal-kriterji ddefiniti fid-deċiżjoni IX/6.

9        L-Artikolu 3(2)(ii) tar-Regolament jipprovdi:

“Fid-dawl tal-proposti magħmula mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha […] tapplika l-kriterji imniżżla fid-Deċiżjoni IX/6 tal-Partijiet, flimkien mal-kriterji l-oħra relevanti mifthiema mill-partijiet, sabiex ikun determinat kull sena l-użu kritiku li għalih il-produzzjoni, l-importazzjoni u l-użu ta’ [methyl bromide] jista’ jkun permess fil-Komunità wara l-31 ta’ Diċembru 2004, il-kwantitajiet u l-użu li għandu jkun permess u l-utenti li jistgħu jieħdu vantaġġ ta’ l-eżenzjoni kritika. Din il-produzzjoni u l-importazzjoni għandha titħalla biss jekk l-ebda alternattiva adegwata jew [methyl bromide] riċiklat jew reklamat ma jkunx disponibbli minn xi wieħed mill-Partijiet […]”

10      L-Artikolu 3(4) tar-Regolament jipprovdi li l-Kummissjoni għandha toħroġ il-liċenzji lill-utenti identifikati skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 3(2)(ii), u għandha tinnotifikahom bl-użu li għalih ikunu ngħataw awtorizzazzjoni, is-sustanzi u l-kwantità ta’ dawn is-sustanzi li huma awtorizzati li jużaw.

11      Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2)(i)(a) sa (ċ) tar-Regolament jipprovdi li kull produttur jew importatur għandu jara li huwa ma jqigħedx fis-suq u ma jużax għalih innifsu, bejn l-1 ta’ Jannar 1999 u l-31 ta’ Diċembru 2004, il-methyl bromide fi kwantità li taqbeż ċertu perċentwali tal-kwantità ta’ methyl bromide li huwa qiegħed fis-suq jew li uża għalih innifsu fl-1991.

12      Wara l-31 ta’ Diċembru 2004, kull produttur jew importatur għandu jara li, skond l-Artikolu 4(2)(i)(d) tar-Regolament u suġġett għall-paragrafi 4 u 5 tiegħu, ma jqigħedx fis-suq jew juża għalih innifsu methyl bromide.

13      Din il-projbizzjoni ma tapplikax, skond l-Artikolu 4(4) tar-Regolament, b’mod partikolari, għat-tqegħid fis-suq jew għall-użu ta’ sustanzi rregolati meta huma jintużaw sabiex jissoddisfaw it-talbiet li fir-rigward tagħhom ingħatat liċenza għall-finijiet ta’ użu kritiku mill-utenti stabbiliti b’mod konformi ma’ l-Artikolu 3(2) tar-Regolament.

14      Barra minn hekk, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament jipprovdi li kull produttur jew importatur li huwa awtorizzat li jqiegħed fis-suq jew li juża għalih innifsu s-sustanzi rregolati msemmija f’dan l-Artikolu jista’ jittrasferixxi dan id-dritt, għall-kwantità kollha jew parti minn dan il-grupp ta’ sustanzi stabbiliti b’mod konformi ma’ l-imsemmi artikolu, lil kwalunkwe produttur jew importatur ieħor ta’ dan il-grupp ta’ sustanzi fil-Komunità.

15      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament jipprovdi li:

“Ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera fil-Komunità jew il-proċessar [attiv] ta’ sostanzi kontrollati għandu jkun soġġett għall-preżentazzjoni ta’ liċenzja ta’ importazzjoni. Dawn il-liċenzji għandhom jinħarġu mill-Kummissjoni wara verifika ta’ twettiq ma’ l-Artikoli 6, 7, 8 u 13.”

16      L-Artikolu 6(3) u (4) tar-Regolament jiddefinixxi l-elementi li talba għal liċenzja ta’ importazzjoni għandha tinkludi u jipprovdi li l-Kummissjoni tista’ teżiġi ċertifikat li jafferma n-natura tas-sustanza li se tiġi importata. L-Artikolu 8 tar-Regolament jipprojbixxi l-importazzjoni ta’ sustanzi rregolati minn Stati li mhumiex parti mill-protokoll ta’ Montreal. L-Artikolu 13 tar-Regolament jippermetti derogi taħt ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari għall-projbizzjoni ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament.

17      L-Artikolu 7 tar-Regolament jipprovdi kif ġej:

“Ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera fil-Komunità ta’ sostanzi [irregolati] importati minn pajjiżi terzi għandu jkun suġġett għal limiti kwantitattivi. Dawk il-limiti għandhom ikunu determinati u l-kwoti allokati lill-intrapriżi għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 1999 u għal kull perijodu ta’ wara ta’ 12-il xahar bi qbil mal-proċedura riferita fl-Artikolu 18(2). Dawn għandhom ikunu allokati biss:

(a) għal sustanzi [rregolati] ta[l-]gruppi VI u VIII kif riferit fl-Anness I;

(b) għal sostanzi [regolati] jekk ikunu użati għal użu essenzjali jew kritiku jew għal applikazzjoni ta’ kwarantina u t-trattament ta’ qabel jiġu trasportati;

[…]”

18      L-Artikolu 17 tar-Regolament jirrigwarda l-prevenzjoni tal-ħruġ ta’ sustanzi rregolati u jipprovdi, b’mod partikolari, fil-paragrafu 2, li l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu ir-rekwiżiti professjonali minimi tal-persunal involut fil-fumigazzjoni tal-methyl bromide.

19      Skond l-Artikolu 18 tar-Regolament, il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat li fir-rigward tiegħu japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, p. 23).

3.     Applikazzjoni ta’ l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament: tibdil li sar fl-1 ta’ Jannar 2005

20      L-informazzjoni li ġejja, li tikkonċerna t-tibdil li sar fl-1 ta’ Jannar 2005 fl-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 3, 4, 6 u 7 tar-Regolament, tirriżulta min-noti tal-partijiet kif ukoll mir-risposti tagħhom bil-miktub għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

21      Sal-31 ta’ Diċembru 2004, is-sistema ta’ liċenzji u ta’ kwoti konċessi taħt l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament kienet taħdem b’dan il-mod: kull sena, ġeneralment f’Settembru, l-importaturi kienu jressqu quddiem il-Kummissjoni talba għal kwota ta’ importazzjoni għas-sena ta’ wara permezz ta’ formola ta’ applikazzjoni standard imfassla speċifikament mill-Kummissjoni għal dan il-għan. Il-kwoti normalment kienu jiġu allokati permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, f’Jannar jew fi Frar tas-sena ta’ wara, u li kienu jinkludu lista nominattiva u eżawrjenti ta’ l-importaturi li t-talbiet tagħhom ġew aċċettati mill-Kummissjoni, u li kienet tinkludi l-kwoti individwali preċiżi tagħhom. Fir-rigward tal-methyl bromide, l-ammont tal-kwota individwali ġiet ikkalkulata fuq il-bażi tas-sehem storiku mis-suq fl-1991 tat-tmien importaturi li kellhom dritt għal kwoti ta’ importazzjoni għal użu rregolat ta’ methyl bromide.

22      Mill-1 ta’ Jannar 2005, il-kwantità u l-użu awtorizzat, kif ukoll l-impriżi li setgħu jibbenefikaw minn derogi għal użu kritiku ta’ methyl bromide, għandhom jiġu stabbiliti kull sena mill-Kummissjoni b’mod konformi mal-proċedura ddefinita mill-Artikolu 18(2), tar-regolament, mal-kriterji stabbiliti fid-deċiżjoni IX/6 u ma’ kull kriterju ieħor aċċettat mill-partijiet fil-protokoll ta’ Montreal.

23      Fix-xahar ta’ Marzu tas-sena preċedenti, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri sabiex jippreżentaw it-talbiet tagħhom għal użu kritiku ta’ methyl bromide qabel it-30 ta’ Ġunju. Il-Kummissjoni teżamina t-talbiet, ġeneralment assistita minn esperti esterni, u tistabbilixxi l-kwantità awtorizzata li għandha tintuża għal użu kritiku għall-uċuħ u għall-Istati Membri.

24      Imbagħad, il-Kummissjoni tippublika opinjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea għall-applikazzjonijiet kollha li jdgħajfu s-saff ta’ l-ożonu, fejn tindika li se jiġu stabbiliti l-kwoti li jillimitaw il-kwantità totali ta’ methyl bromide li jista’ jitqiegħed fis-suq għal finijiet ta’ użu kritiku. Wara, hija thejji deċiżjoni li tistabbilixxi l-kwantità ta’ methyl bromide awtorizzat għal użu kritiku.

25      L-Istati Membri jibagħatu lill-Kummissjoni l-figuri li jikkorrispondu mal-ħażniet ta’ methyl bromide disponibbli għal użu kritiku u jipprovdu l-ismijiet u l-indirizzi ta’ kull fumigatur jew impriża ta’ fumigazzjoni li huma attivi, il-kwota għal kull wiċċ tar-raba’ u għal kull fumigatur, pjan li jiddeskrivi l-mod li bih il-methyl bromide se jintuża b’mod konformi mar-Regolament u l-ħażniet għal kull impriża ta’ fumigazzjoni u għal kull użu. Huma l-Istati Membri li għandhom iqassmu l-kwota totali bejn il-fumigaturi skond il-kriterji rispettivi tagħhom.

26      Il-Kummissjoni stabbilixxiet sistema elettronika ta’ tmexxija u ta’ allokazzjoni tal-kwoti permezz ta’ sit Internet intiż għas-sustanzi li jdgħajfu s-saff ta’ l-ożonu (Ozone Depleting Substances, iktar ’il quddiem is-“sit ODS”). Il-kwoti u l-ħażniet ta’ kull fumigatur huma mdaħħla fuq dan is-sit. Kull fumigatur għandu jirreġistra ruħu permezz ta’ l-Istat Membru tiegħu u huwa jirċievi kodiċi ta’ aċċess għas-sit ODS, fejn huwa jista’ jitlob liċenzja sabiex jimporta jew jipproduċi methyl bromide meta l-ħażniet jispiċċaw. Is-sistema hija mfassla b’tali mod li l-ħażniet jitnaqqsu mill-kwoti ta’ produzzjoni jew ta’ importazzjoni. Il-fumigatur jirċievi liċenzja li tawtorizzah sabiex jieħu ċerti kwantitajiet mill-ħażniet permezz tas-sit ODS. Meta l-ħażniet jispiċċaw, il-fumigatur jista’ jitlob liċenza għal importazzjoni jew għal produzzjoni. Huwa jista’ jikseb liċenzja biss bl-użu tas-sit ODS.

27      Wara li jingħata kwota, il-fumigatur jista’ jagħżel importatur irreġistrat fis-sit ODS u jinkarigah sabiex jimporta l-kwantità meħtieġa ta’ methyl bromide. It-talba għal kwantità fil-kuntest tal-kwota allokata għandha tidentifika l-importatur. Il-Kummissjoni tindika permezz ta’ messaġġ elettroniku lill-fumigatur jekk hija tilqa’ jew tirrifjuta t-talba. Jekk it-talba tintlaqa’, il-Kummissjoni “tagħlaq” it-talba u tinforma lill-Istat Membru kkonċernat. Sabiex huwa jkun jista’ jimporta u sabiex il-prodott jgħaddi mid-dwana, l-importatur għandu mbagħad, f’isem il-fumigatur, jitlob u jikseb liċenzja għal importazzjoni, iffirmata mis-servizzi tal-Kummissjoni, speċifika għat-talba tal-fumigatur f’dak li jikkonċerna l-kwantità, il-wiċċ tar-raba’ u l-Istat Membru Importatur jista’ jgħaqqad flimkien numru ta’ talbiet għal importazzjoni sabiex jikseb methyl bromide suffiċjenti biex jissoddisfa numru ta’ talbiet b’liċenzja għal importazzjoni waħda. Għaldaqstant huwa l-importatur li għandu jipprovdi l-kwantità korretta ta’ methyl bromide lill-fumigatur.

28      L-Istati Membri huma mistiedna jippreżentaw rapport annwali fuq l-użu kritiku ta’ methyl bromide, u dan iservi bħala kontro-verifika li l-kwantità prevista għall-kull kategorija ta’ użu ma tinqabiżx.

4.     Avviż lill-importaturi ta’ l-2004

29      Fit-22 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni ppubblikat avviż lill-impriżi li huma importaturi fl-Unjoni Europea fl-2005 ta’ sustanzi rregolati li jdgħajfu s-saff ta’ l-ożonu, rigward ir-Regolament (ĠU C 187, p. 11, iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ l-2004”) (ara wkoll il-punt 24 iktar ’il fuq).

30      Skond il-punt I tiegħu, l-avviż ta’ l-2004 huwa indirizzat lill-impriżi li biħsiebom jimportaw fil-Komunità, fl-2005, sustanzi li ġejjin minn pajjiżi terzi, fosthom il-methyl bromide.

31      Fil-punt II ta’ l-avviż ta’ l-2004, il-Kummissjoni tinforma lil dawn l-impriżi li l-Artikolu 7 tar-Regolament jipprovdi għall-impożizzjoni ta’ limiti kwantitattivi u l-allokazzjoni ta’ kwoti lill-produtturi u lill-importaturi fost l-oħrajn, għall-methyl bromide. Barra minn hekk, huwa jindika:

“Dawn il-kwoti huma allokati għall-:

a)      methyl bromide, użat għal finijiet ta’ kwarantina u ta’ trattament qabel ma jintbagħat skond id-definizzjoni tal-partijiet fil-protokoll ta’ Montreal, u użat għal finijiet kritiċi b’mod konformi mad-deċiżjonijiet IX/6, ExI/3 u ExI/4, għal kull kriterju ieħor rilevanti maqbul bejn il-partijiet fil-protokoll ta’ Montreal u ma’ l-Artikolu 3(2)(ii) tar-Regolament; l-użu għal finijiet ta’ kwarantina u ta’ trattament kif ukoll l-użu kritiku huma approvati mill-Kummissjoni, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 18 tar-Regolament;

[…]”

32      Fil-punt VII ta’ l-avviż ta’ l-2004, il-Kummissjoni tinnotifika lill-impriżi li mhumiex fil-pussess ta’ kwota ta’ importazzjoni għal sustanzi rregolati għall-2004 u li jixtiequ jagħmlu talba għal dan il-għan għas-sena 2005 li huma għandhom jippreżentaw ruħhom quddiem is-servizzi tagħha mhux iktar tard mit-3 ta’ Settembru 2004.

33      Fil-punt VIII ta’ l-avviż ta’ l-2004, il-Kummissjoni tinforma lill-impriżi li għandom kwota għal importazzjoni ta’ sustanzi rregolati għas-sena 2004 li huma għandhom jagħmlu dikjarazzjoni billi jikkompletaw u jibagħtu l-formoli xierqa li jinsabu fis-sit ODS u li “[h]uma biss it-talbiet li jaslu għandha […] sat 3 ta’ Settembru 2004 li se jittieħdu in kunsiderazzjoni”.

34      Fil-punt IX ta’ l-avviż ta’ l-2004, il-Kummissjoni tindika li hija se teżamina t-talbiet u tistabbilixxi l-kwoti għal importazzjoni għal kull importatur u għal kull produttur. Il-kwoti allokati jiġu indikati fuq is-sit ODS u l-applikanti kollha jiġu informati dwar id-deċiżjoni permezz ta’ messaġġ elettroniku.

5.     It-talba tar-rikorrenti

35      Ir-rikorrenti ilha timporta methyl bromide fl-Unjoni Ewropea mill-1996, f’isimha u f’isem żewġ importaturi oħra fuq il-bażi ta’ trasferiment ta’ kwoti ta’ importazzjoni. Hija ġiet allokata kwoti ta’ importazzjoni bejn l-1996 u l-2004. Fl-2004, hija ġiet allokata 37.46 % mill-kwota totali ta’ l-Unjoni Ewropea.

36      Wara l-pubblikazzjoni ta’ l-avviż ta’ l-2004, ir-rikorrenti ppreżentat dikjarazzjoni lill-Kummissjoni, fit-30 ta’ Awwissu 2004, sabiex tikseb, b’mod partikolari, kwota ta’ methyl bromide għal finijiet ta’ użu kritiku għas-sena 2005. Hija talbet l-allokazzjoni ta’ kwota ta’ 4 500 000 kilo, li tirrappreżenta 2 700 000 kilo ta’ potenzjal ta’ dgħajfien tas-saff ta’ l-ożonu (PDSO).

37      Fl-10 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti rċeviet messaġġ elettroniku, mibgħuta mill-Kummissjoni lill-utenti kollha tas-sit ODS, li kienet tinformaha li “[i]l-kwota għall-2005 [kienet] ser tkun disponibbli fuq is-sit Internet [tagħha] […] fit-13 ta’ Diċembru 2004”. Ġie ppreċiżat li d-“deċiżjoni ta’ importazzjoni” kienet qed tiġi mfassla u li kienet se tiġi nnotifikata lil kull importatur malli din tiġi adottata. Il-Kummissjoni żiedet li l-importazzjonijiet kollha li saru wara l-1 ta’ Jannar 2005 kienu se jiġu attribwiti lill-kwota ta’ l-2005.

38      Fl-1 ta’ Marzu 2005, fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni rigward kwota ta’ importazzjoni għall-2005, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni sabiex tinnotifikaha, skond l-Artikolu 7 tar-Regolament u skond l-avviż ta’ l-2004, id-deċiżjoni li talloka fir-rigward tagħha kwota għall-importazzjoni ta’ methyl bromide għall-finijiet ta’ użu kritiku fl-2005 fl-Unjoni Ewropea. Fit-talba hija tindika li hija għandha d-dritt li tikseb tali kwota, inkwantu hija bagħtet, fit-30 ta’ Awwissu 2004, it-talba mitluba mill-Kummissjoni fl-avviż ta’ l-2004. Ir-rikorrenti ssemmi l-messaġġ elettroniku tal-Kummissjoni ta’ l-10 ta’ Diċembru 2004 u tfakkar li hija ma rċeviet l-ebda informazzjoni addizzjonali minn dak iż-żmien, li l-kwota tagħha ta’ importazzjoni ma ġietx allokata lilha u li hija ma kisbet l-ebda tweġiba għat-talba tagħha tat-30 ta’ Awwissu 2004.

6.     L-att ikkontestat

39      Il-Kummissjoni wieġbet għal din it-talba b’ittra tal-11 ta’ April 2005 (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”), li fiha hija tinforma lir-rikorrenti li, bis-saħħa tar-Regolament, l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ importazzjoni lir-rikorrenti mhijiex iktar possibbli. Hija tfakkar f’dan ir-rigward li l-ammont ta’ methyl bromide awtorizzat għal użu kritiku individwali twaqqaf wara l-proċedura prevista fl-Artikolu 3(2)(ii) tar-Regolament u b’mod konformi ma’ l-Artikolu 18 tar-Regolament.

40      Fl-att ikkontestat, il-Kummissjoni ssostni li l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3(2)(ii) tar-Regolament teżiġi l-identifikazzjoni ta’ l-utenti u l-indikazzjoni tal-kwantitajiet awtorizzati għall-finijiet ta’ użu kritiku. B’hekk hija identifikat l-impriżi li jipprattikaw il-fumigazzjoni bħala l-utenti, għaliex, minn naħa, l-Artikolu 17(2) tar-Regolament jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiddefinixxu l-livell ta’ rekwiżiti professjonali minimi meħtieġa mill-persunal ikkonċernat mill-użu ta’ methyl bromide u, min-naħa l-oħra, il-fumigazzjoni hija l-unika applikazzjoni possibbli ta’ din is-sustanza. Il-Kummissjoni tindika li l-impriżi li jipprattikaw il-fumigazzjoni għandhom, minn issa ‘l quddiem, jitolbu l-awtorizzazzjoni sabiex jimportaw jew jipproduċu l-methyl bromide, bil-kundizzjoni li l-ebda waħda mill-partijiet fil-protokoll ta’ Montreal ma jkollha ħażniet ta’ methyl bromide irriċiklat jew irkuprat.

41      Il-Kummissjoni tispjega wkoll li, skond l-Artikolu 4(2)(i)(d) tar-Regolament, it-tmien importaturi li kellhom id-dritt għal kwoti ta’ importazzjoni għal użu rregolat ta’ methyl bromide, fejn l-ammont ta’ kull kwota huwa kkalkulat skond is-sehem storiku tas-suq fl-1991, ma jistgħux jibqgħu jibbenefikaw minn kwoti għal użu rregolat ta’ methyl bromide wara l-1 ta’ Jannar 2005.

42      Imbagħad il-Kummissjoni tindika li l-’grace period’ previst mill-Artikolu 4(2)(ii) tar-Regolament ma japplikax f’dan il-każ, bis-saħħa tal-paragrafi 4 u 5 ta’ l-istess Artikolu. Fil-fatt, hija tqis li skond l-istruttura ta’ l-Artikolu 4, il-paragrafu (4)(i)(b) huwa prevalenti. Skond il-Kummissjoni, dan ta’ l-aħħar jipprovdi li t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ methyl bromide minn impriżi li mhumiex dawk tal-produtturi u ta’ l-importaturi kienu ser jiġu awtorizzati wara l-31 ta’ Diċembru 2004, peress li t-talbiet li fir-rigward tagħhom ingħatat liċenza għall-finijiet ta’ użu kritiku, ser isiru effettivi mill-1 ta’ Jannar 2005. B’hekk, skond il-Kummissjoni, l-ishma storiċi tas-suq miżmuma mill-importaturi m’għadhomx jikkostitwixxu l-bażi legali li tippermetti l-istabbiliment ta’ l-importazzjonijiet ta’ methyl bromide għall-finijiet ta’ użu kritiku.

43      Il-Kummissjoni tikkonkludi billi tindika li l-kwoti ta’ importazzjoni ġew issostitwiti bi kwoti strettament irregolati għall-finijiet ta’ użu kritiku li ser jiġu allokati lill-impriżi ta’ fumigazzjoni u li s-suq Ewropew huwa miftuħ għal kull impriża li tixtieq timporta methyl bromide, taħt il-kundizzjoni li din tinsab fil-pussess ta’ liċenzja valida li tawtorizzaha timporta methyl bromide għal użu kritiku.

7.     Id-Deċiżjoni 2005/625/KE

44      Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/625/KE, tat-23 ta’ Awwissu 2005, li tiddetermina l-kwantitajiet ta’ methyl bromide li huma permessi għal użu kritiku fil-Komunità Ewropea mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru ta’ l-2005 skond ir-Regolament (ĠU L 219, p. 47) (ara wkoll punt 24 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni stabbilixxiet bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(2)(ii) tar-Regolament u skond il-kriterji li jinsabu fid-deċiżjoni IX/6, il-kwantità ta’ methyl bromide awtorizzata għal użu kritiku fil-Komunità bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2005.

 Il-proċedura

45      B’applikazzjoni ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-31 ta’ Mejju 2005, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

46      B’att separat ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skond l-Artikolu 114 (1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fis-16 ta’ Settembru 2005. B’digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza (it-Tieni Awla) tal-15 ta’ Mejju 2006, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ġiet magħquda ma’ l-argumenti fuq il-mertu u l-ispejjeż ġew irriżervati.

47      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet domandi bil-miktub lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni. Il-partijiet wieġbu għal dawn id-domandi fit-terminu stabbilit.

48      B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-26 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha.

49      B’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 47(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li skambju ieħor ta’ noti ma kienx neċessarju. Il-proċedura bil-miktub ġiet magħluqa fil-5 ta’ Lulju 2006.

50      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Novembru 2006.

 It-talbiet tal-partijiet

51      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tiċħad l-argumenti mressqa fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;

–        tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli u fondat jew, sussidjarjament, li tgħaqqad il-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-ammissibbiltà ma’ l-eżami fuq il-mertu tal-kawża jew, sussidjarjament, li tissospendi d-deċiżjoni tagħha fuq il-kompetenza li taġixxi sakemm tingħata sentenza fil-kawża prinċipali;

–        tannulla l-att ikkontestat;

–        tordna lill-Kummissjoni sabiex talloka lir-rikorrenti kwota għal perijodu ta’ tnax-il xahar bis-saħħa ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

52      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq l-ammissibbiltà

53      Il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li biha hija ssostni li t-talba għal ordni rigward l-allokazzjoni ta’ kwota ta’ importazzjoni lir-rikorrenti u r-rikors għal annullament huma inammissibbli.

 Fuq it-talba ta’ ordni lill-Kummissjoni li talloka kwota ta’ importazzjoni lir-rikorrenti

 L-argumenti tal-partijiet

54      Il-Kummissjoni tqis li, skond il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandhiex il-kompetenza li tagħti ordnijiet lill-Kummissjoni fl-ambitu ta’ kawża pendenti fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE u, għaldaqstant, it-talba għal ordni hija inammissibbli.

55      Ir-rikorrenti tirreferi għall-Artikolu 233 KE u tosserva li, fil-każ ta’ annullament ta’ l-att ikkontestat, l-unika possibbiltà li jkollha l-Kummissjoni li tikkonforma ruħha mas-sentenza hija li talloka lir-rikorrenti kwota ta’ tnax-il xahar. Ir-rikorrenti ssostni li t-talba tagħha għandha tiġi kkunsidrata f’dan il-kuntest.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

56      Għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Komunitarja hija ristretta għall-istħarriġ tal-legalità ta’ l-att ikkontestat u li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax, fl-eżerċizzju tal--kompetenzi tagħha, toħroġ ordni fil-konfront ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, DSM vs Il-Kummissjoni, C‑5/93 P, Ġabra p. I‑4695, punt 36, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Frar 2000, ADT Projekt vs Il-Kummissjoni, T‑145/98, Ġabra p. II‑387, punt 83). Fil-każ li jiġi annullat l-att ikkontestat, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tadotta, skond l-Artikolu 233 KE, il-miżuri sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza ta’ annullament (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, T‑67/94, Ġabra p. II‑1, punt 200, u ADT Projekt vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84).

57      Għaldaqstant, il-punt tat-talbiet intiż sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tagħti ordni lill-Kummissjoni sabiex tagħti kwota ta’ importazzjoni lir-rikorrenti għandu jiġu miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq ir-rikors għal annullament

 L-argumenti tal-partijiet

58      Il-Kummissjoni ssostni li l-att ikkontestat mhuwiex att li jipproduċi effetti ġuridiċi vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti u li, għaldaqstant, ir-rikors għal annullament huwa inammissibbli.

59      Ir-rikorrenti tqis li r-rikors huwa ammissibbli, iżda titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex teżamina l-merti tal-kawża qabel ma tagħti deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tar-rikors. Hija tikkunsidra li l-ammissibbiltà ta’ din il-kawża ma tistax tiġi evalwata b’mod sħiħ mingħajr eżami preċedenti fuq il-merti tal-kawża.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

60      Fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li huwa xieraq, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża in kwistjoni, li tiddeċiedi fuq il-merti qabel ma teżamina il-kwistjonijiet ta’ ammissibbiltà (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1984, Tradax vs Il-Kummissjoni, 64/82, Ġabra p. 1359, punt 12, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-1 ta’ Diċembru 1999, Boehringer vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑125/96 u T‑152/96, Ġabra p. II‑3427, punt 58, ikkonfermata taħt appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, Ġabra p. I‑1873, punt 52).

2.     Fuq il-merti

61      In sostenn tar-rikors tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tressaq erba’ motivi. Hija ssostni, permezz ta’ l-ewwel motiv tagħha, li l-Kummissjoni ma applikatx korrettement il-kuntest ġuridiku stabbilit fir-Regolament u, permezz tat-tieni motiv tagħha, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 7 tar-Regolament. Dawn iż-żewġ motivi għandhom jiġu eżaminati flimkien. Ir-rikorrenti mbagħad issostni, permezz tat-tielet motiv tagħha, li l-Kummissjoni qabżet il-qafas ġuridiku ddefinit fl-Artikolu 7 tar-Regolament u qabżet il-mandat li kienu fdawlha l-Parlament u l-Kunsill permezz tar-Regolament. Fl-aħħar nett, hija tressaq, l-argument, permezz tar-raba’ motiv tagħha, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi.

 Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati fuq implementazzjoni inkorretta tal-qafas ġuridiku applikabbli u fuq ksur ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament

 L-argumenti tal-partijiet

62      Fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, billi ma allokatx kwoti lill-importaturi, il-Kummissjoni ma applikatx korrettement il-qafas ġuridiku stabbilit fir-Regolament. Billi sostniet li, sa mill-1 ta’ Jannar 2005, il-fumigaturi biss jistgħu jitolbu l-awtorizzazzjoni sabiex jimportaw il-methyl bromide u li l-importaturi ma setgħux jibqgħu jibbenefikaw minn kwoti, il-Kummissjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament relatati mal-kwoti approvati u l-proċedura għall-kalkolu ta’ l-ammont tagħhom u d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri relatati ma’ l-identità ta’ l-impriżi awtorizzati sabiex jimportaw l-ammonti hekk stabbiliti.

63      Ir-rikorrenti tqis, iżjed preċiżament, li, skond l-Artikolu 3(2)(ii) tar-Regolament, l-ammont tal-kwota għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni skond il-proċedura ddefinita fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament u skond il-kriterji stabbiliti fid-deċiżjoni IX/6. B’dan il-mod, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-ammont tal-kwoti awtorizzati mill-1 ta’ Jannar 2005 ma għadux jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-volumi storiċi ta’ produzzjoni tat-tmien importaturi.

64      Dan ma jfissirx madankollu, fil-fehma tagħha, li l-importaturi li kellhom id-dritt, qabel l-1 ta’ Jannar 2005, għal kwoti ta’ importazzjoni għal użu rregolat ta’ methyl bromide jistgħu jiġu pprojbiti milli jkomplu bl-attività tagħhom. Interpretazzjoni bħal din hija inkompatibbli ma’ l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament, li jagħtu lill-importaturi, u mhux lill-utenti, id-dritt li jiksbu liċenzja għal importazzjoni u kwota għal perijodu ta’ tnax-il xahar. Barra minn hekk, l-importaturi huma awtorizzati ukoll mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament li jittrasferixxu d-dritt tagħhom lil importatur ieħor.

65      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni timplika li l-importaturi eżistenti f’dak iż-żmien għandhom iwaqqfu l-attività tagħhom, għaliex huma esklużi mis-sistema l-ġdida ta’ importazzjoni ppjanata mill-Kummissjoni. Dan jippreġudika l-prinċipju ta’ eżerċizzju ħieles ta’ attività professjonali, li, skond ir-rikorrenti, huwa parti mill-patrimonju ġuridiku komuni tal-ġurisdizzjonijiet ta’ l-Istati Membri kollha u tagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

66      Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, u mhux għall-ftuħ tagħha, ladarba hija tipprojbixxi lill-importaturi milli jikkompetu ma’ l-utenti fis-suq ta’ l-importazzjoni u tal-bejgħ tal-methyl bromide.

67      Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tqis li l-Artikolu 7 tar-Regolament jobbliga espliċitament lill-Kummissjoni li tissuġġetta r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fil-Komunità ta’ sustanzi rregolati, fosthom il-methyl bromide, għal kwoti allokati direttament lill-importaturi għal kull perijodu ta’ tnax-il xahar mill-31 ta’ Diċembru 1999.

68      Fil-punt IX ta’ l-avviż ta’ l-2004, il-Kummissjoni ammettiet, skond ir-rikorrenti, li hija kienet marbuta li talloka kwoti lill-importaturi. Barra minn hekk, il-korrispondenza skambjata sussegwentement tikkonferma li l-Kummissjoni kienet taf u ammettiet li r-rikorrenti kellha dritt individwali li tikseb kwota personali ta’ tnax-il xahar għall-2005. Ir-rikorrenti tqis li għaldaqstant m’hemmx dubju li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li talloka fir-rigward tagħha kwota b’applikazzjoni tal-liġi sekondarja. Skond l-avviż ta’ l-2004, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni, fit-30 ta’ Awwissu 2004, id-dikjarazzjoni tagħha sabiex tkun tista’ timporta l-methyl bromide fl-2005.

69      Ir-rikorrenti tindika li l-Kummissjoni ma semmietx, fl-att ikkontestat, l-Artikolu 7 tar-Regolament, minkejja li hija bbażat espliċitament it-talba tagħha fuq din id-dispożizzjoni fl-ittra tagħha ta’ l-4 ta’ Marzu 2005. Il-Kummissjoni tindika sempliċement li l-fumigaturi għandhom il-possibbiltà li jiksbu kwoti ta’ importazzjoni, u dan mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti. Ir-rikorrenti tikkontesta madankollu l-konklużjoni li, minn naħa, l-importaturi li kellhom id-dritt għal kwoti ta’ importazzjoni f’dak iż-żmien ma jistgħux jibqgħu jibbenefikaw minn dan id-dritt wara l-1 ta’ Jannar 2005 u, min-naħa l-oħra, il-kwoti ta’ l-importaturi ġew issostitwiti bi kwoti allokati lill-impriżi ta’ fumigazzjoni. Hija tqis li affermazzjoni bħal din tikser l-Artikolu 7 tar-Regolament u li hija tikser id-drittijiet tar-rikorrenti għall-kwoti ta’ importazzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni.

70      Fir-rigward ta’ l-ewwel motiv, il-Kummissjoni ssostni li s-sistema legali applikabbli għall-importazzjoni ta’ methyl bromide inbidlet fl-1 ta’ Jannar 2005 bis-saħħa ta’ l-Artikolu 4(2)(ii) tar-Regolament. Il-Kummissjoni tindika li l-Komunità kienet marbuta li tipprojbixxi f’din id-data l-użu ta’ methyl bromide, ħlief, b’mod partikolari, fil-każ ta’ użu kritiku. Is-sistema legali fis-seħħ bis-saħħa ta’ l-Artikolu 4(2)(i) tar-Regolament ma tistax tibqa’ sservi bħala bażi għall-għoti tal-liċenzji ta’ importazzjoni wara l-31 ta’ Diċembru 2004, b’mod konformi mad-deċiżjoni IX/6 u ma’ l-Artikolu 3(2)(ii) tar-Regolament. Wara l-1 ta’ Jannar 2005, huma l-fumigaturi li għandhom jitolbu din il-liċenzja, qabel ma jitolbu lill- importaturi bħar-rikorrenti sabiex jimportaw il-kwantità ta’ methyl bromide li għaliha ngħatat il-liċenzja. Il-Kummissjoni tqis li l-bdil fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti jirriżulta direttament mill-Artikolu 3(2)(ii) tar-Regolament, li ġab fi tmiemha l-allokazzjoni ta’ kwoti kkalkulati fuq il-bażi tal-kwantità storika. Madankollu, dan il-bdil bl-ebda mod ma jimplika, skond il-Kummissjoni, li kumpanniji bħar-rikorrenti għandhom iwaqqfu l-attività tagħhom.

71      Fir-rigward tat-tieni motiv, il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 7 tar-Regolament jipprovdi li għandhom jiġu allokati kwoti lill-impriżi. Minħabba li l-Artikolu 7(b) tar-Regolament jirreferi għall-użu kritiku, il-Kummissjoni ssostni li huwa għandu jinqara u jinftiehem fid-dawl ta’ l-Artikolu 3(2) tar-Regolament sabiex jiġi stabbilit eżattament fil-konfront ta’ liema impriżi għandhom jiġu allokati, mill-1 ta’ Jannar 2005, il-kwoti għal użu kritiku ta’ methyl bromide. Għaldaqstant, l-impriżi li għandhom jiġu allokati l-kwoti huma l-fumigaturi u mhux l-importaturi. Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 7 tar-Regolament jirriżulta loġikament mill-Artikolu 6, li jiddefinixxi l-prinċipju li jgħid li l-importazzjoni ta’ methyl bromide mhijiex ħielsa, iżda hija suġġetta għall-ksib u l-preżentazzjoni ta’ liċenzja valida ta’ importazzjoni. Dawn iż-żewġ Artikoli jikkumplimentaw lil xulxin.

72      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-avviż ta’ l-2004 u l-messaġġ elettroniku tagħha ta’ l-10 ta’ Diċembru 2004 huma ta’ natura ġenerali, jikkonċernaw is-sustanzi kollha li jdgħajfu s-saff ta’ l-ożonu u ma jindikawx espliċitament li ser jiġu allokati kwoti lill-importaturi għall-użu kritiku ta’ methyl bromide fl-2005. Bil-kontra, il-Kummissjoni tenfasizza li l-punt II (a), ta’ l-avviż ta’ l-2004 jirreferi għall-Artikolu 3(2)(ii) tar-Regolament u jindika għaldaqstant li l-kwoti jiġu allokati b’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni esponiet fis-seduta li l-avviż ta’ l-2004 huwa differenti mill-avviż ta’ l-2003 minħabba din ir-riferenza.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

73      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li s-sistema stabbilita mill-Kummissjoni fl-1 ta’ Jannar 2005 hija kkaratterizzata mill-fatt li hija ddefinixxiet l-utenti fis-sens ta’ l-Artikolu 3(2)(ii) tar-Regolament li jistgħu jibbenefikaw mid-deroga għal użu kritiku bħala l-fumigaturi. Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament, li l-importaturi m’għadhomx jibbenefikaw minn kwoti ta’ importazzjoni, iżda li l-kwoti, fl-2005, huma allokati lill-fumigaturi in kwantu utenti. Is-sistema tipprovdi wkoll li operazzjoni ta’ importazzjoni teżiġi l-għotja ta’ liċenzja lill-fumigatur u, barra minn hekk, l-għotja ta’ liċenzja lill-importatur. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ddeċidiet, fil-kuntest tas-sistema l-ġdida, li tillimita l-importazzjoni tal-methyl bromide mill-importaturi fuq bażi individwali, inkwantu l-liċenzji jingħataw biss safejn il-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq imsemmija fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(4)(i)(b) tar-Regolament jiġu ssodisfati B’hekk, l-importaturi ma baqagħlhomx il-possibbiltà li jaħżnu methyl bromide intiż għall-bejgħ lill-utenti.

74      Fir-rigward ta’ l-allegat ksur ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament u ta’ l-affermazzjoni tar-rikorenti li s-sistema stabbilita mill-Kummissjoni fl-1 ta’ Jannar 2005 ma tikkostitwixxix applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament, l-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li l-kliem ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament, li jirregola mhux biss l-importazzjoni tal-methyl bromide, iżda wkoll dik tas-sustanzi kollha rregolati li ġejjin minn pajjiżi terzi, ma jispeċifikax li għandhom jiġu attribwiti kwoti ta’ importazzjoni lill-importaturi, iżda jipprovdi li dawn għandhom jiġu allokati lill-impriżi, u dan it-terminu jinkludi, skond id-definizzjoni prevista fl-Artikolu 2 tar-Regolament, il-produtturi, min jirriċikla, l-utenti, l-importaturi u l-esportaturi ta’ sustanzi rregolati. Għaldaqstant, il-kliem ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament iħalli l-għażla f’idejn il-Kummissjoni dwar liema kategoriji ta’ impriżi fost dawk imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament, fosthom il-fumigaturi u l-utenti, huma l-benefiċjarji ta’ kwoti taħt din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, l-Artikolu 7 ma jimponix fuq il-Kummissjoni l-obbligu li talloka kwoti ta’ importazzjoni lill-importaturi.

75      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 3 tar-Regolament jipprojbixxi, skond il-paragrafu 2(i)(d) tiegħu, il-produzzjoni tal-methyl bromide wara l-31 ta’ Diċembru 2004. Barra minn hekk huwa jipprovdi, fil-paragrafu 2(ii), li l-Kummissjoni għandha tapplika l-kriterji stabbiliti fid-deċiżjoni IX/6 sabiex tistabbilixxi kull sena l-użu kritiku li għalih il-produzzjoni, l-importazzjoni u l-użu ta’ methyl bromide jistgħu jiġu awtorizzati fil-Komunità wara l-31 ta’ Diċembru 2004, il-kwantità u l-użu li għandhom jiġu awtorizzati u l-utenti li jistgħu jibbenefikaw mid-deroga għal użu kritiku. L-Artikolu 3(2)(ii) tar-Regolament jipprovdi wkoll li l-produzzjoni u l-importazzjoni għandhom jiġu awtorizzati biss jekk mhuwiex possibbli li jinkiseb prodott ta’ sostituzzjoni xieraq jew methyl bromide irriċiklat jew irkuprat mingħand wieħed mill-partijiet fil-protokoll ta’ Montreal.

76      Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-Artikolu 4 tar-Regolament jipprojbixxi, fil-paragrafu 2(i)(d), it-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi rregolati wara l-31 ta’ Diċembru 2004, mingħajr ħsara għall-paragrafi 4 u 5. It-tieni inċiż tal-paragrafu 4(i)(b), jipprovdi li l-projbizzjoni tal-paragrafu 2(i)(d) ma tapplikax għat-tqegħid fis-suq u lanqas għall-użu ta’ methyl bromide meta huwa jiġi użat sabiex jiġu ssodisfati t-talbiet li għalihom ingħatat liċenzja għall-finijiet ta’ użu kritiku ta’ l-utenti identifikati b’mod konformi ma’ l-Artikolu 3(2) tar-Regolament.

77      Għaldaqstant, skond iż-żewġ Artikoli tar-Regolament, l-użu u t-tqegħid fis-suq tal-methyl bromide fl-2005 huma strettament ristretti għall-użu kritiku. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-methyl bromide għandu jkun disponibbli fil-Komunità biss fil-każ ta’ ħtieġa specifica ta’ użu kritiku.

78      It-tielet nett, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament jipprovdi li l-importazzjoni ta’ methyl bromide fil-Komunità hija suġġetta għall-ksib ta’ liċenzji ta’ importazzjoni, iżda huwa ma jispeċifikax il-benefiċjarji tagħhom u lanqas in-numru ta’ liċenzji li għandhom jiġu allokati għal kull operazzjoni ta’ importazzjoni. Għaldaqstant, l-għoti ta’ żewġ liċenzji għal kull importazzjoni, fl-ewwel lok lill-utent u mbagħad lill-importatur, previst mis-sistema stabilita mill-Kummissjoni fl-1 ta’ Jannar 2005 hija konformi ma’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament huma dispożizzjonijiet komplementari, fis-sens li ż-żewġ Artikoli huma intiżi, flimkien, għall-kontroll u l-limitazzjoni tal-kwantitajiet ta’ sustanzi rregolati importati fil-Komunità.

79      Għaldaqstant, fid-dawl tar-restrizzjonijiet għall-produzzjoni, għall-użu u għat-tqegħid fis-suq tal-methyl bromide previsti mill-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament, jirriżulta mill-istruttura tar-Regolament li l-Artikoli 6 u 7 tiegħu għandhom l-għan li jiżguraw li l-importazzjoni ta’ methyl bromide ma taqbiżx dak li huwa strettament neċessajru għal użu kritiku identifikat speċifikament.

80      L-interpretazzjoni li l-Kummissjoni adottat ta’ l-Artikoli 3, 4, 6 u 7 tar-Regolament, billi ma tibqax talloka kwoti ta’ importazzjoni lill-importaturi u billi tillimita l-importazzjoni ta’ methyl bromide fuq bażi individwali, u għaldaqstant billi tipprekludi l-kostituzzjoni ta’ ħażniet mill-importaturi, tagħti għaldaqstant effett utli lil dawn id-dispożizzjonijiet u tiżgura li huma jiġu applikati b’mod koerenti u li jikkorrispondi ma’ l-istruttura u ma’ l-għanijiet tar-Regolament, li huwa intiż sabiex jillimita, b’mod partikolari, il-produzzjoni u l-użu tal-methyl bromide għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saff ta’ l-ożonu.

81      Din l-analiżi mhijiex ikkontestata mill-fatt li l-Artikolu 7 tar-Regolament ma jipprovdix espliċitament għal emenda, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2005, fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu fir-rigward tal-methyl bromide. Minn dak li ġie espost fil-punti 74 sa 80 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma tfixklitx, kif issostni r-rikorrenti, żewġ sistemi distinti, jiġifieri, minn naħa, dik ta’ l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament u, min-naħa l-oħra, dik ta’ l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament, iżda li hija adottat, ġustament, interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kollha li tikkorrispondi ma’ l-istruttura tar-Regolament.

82      Bl-istess mod, fir-rigward ta’ l-argument ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament, li jippermetti lil kull importatur li huwa awtorizzat li jqiegħed fis-suq is-sustanzi rregolati li jittrasferixxi dan id-dritt lil importaturi oħra li huma awtorizzati bl-istess mod fil-Komunità, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 4(2)(i)(d) tar-Regolament, il-produtturi u l-importaturi m’għadhomx awtorizzati, wara l-31 ta’ Diċembru 2004, li jqiegħdu fis-suq il-methyl bromide, bl-eċċezzjoni tal-kwantità awtorizzata fuq bażi individwali bis-saħħa tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(4)(i)(b) u l-Artikolu 3(2)(ii) tar-Regolament. Għaldaqstant, minn naħa, id-dritt ta’ trasferiment li l-importaturi għandhom, fl-2005, taħt l-Artikolu 4(5) tar-Regolament huwa ristrett għall-kwantitajiet awtorizzati fuq bażi individwali u, min-naħa l-oħra, li l-importaturi jistgħu jeżerċitaw dan it-dritt ta’ trasferiment limitat mingħajr ma jkollhom kwota ta’ importazzjoni, bħal ma rrikonoxxiet ir-rikorrenti fis-seduta. Għaldaqstant, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament ma jobbligax lill-Kummissjoni li tagħti kwoti ta’ importazzjoni lill-importaturi.

83      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni mhijiex marbuta, taħt ir-Regolament, li tagħti fl-2005 kwota ta’ importazzjoni lir-rikorrenti inkwantu importatur u li s-sistema l-ġdida stabbilita mill-Kummissjoni mill-1 ta’ Jannar 2005 hija applikazzjoni legali ta’ l-Artikoli 3, 4, 6, u 7 tar-Regolament li hija kompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex meħtieġ li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx taġixxi b’mod differenti meta kompliet, wara l-31 ta’ Diċembru 2004, talloka kwoti ta’ importazzjoni lill-importaturi.

84      Fir-rigward tar-riferenza għall-avviż ta’ l-2004 li tagħmel ir-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni speċifikat, fil-punt II ta’ dan l-avviż, li l-kwoti ta’ importazzjoni previsti fl-Artikolu 7 tar-Regolament kellhom jiġu allokati, fl-2005, għall-methyl bromide użat għal finijiet ta’ użu kritiku, b’mod konformi mad-deċiżjoni IX/6 u ma’ l-Artikolu 3(2)(ii) tar-Regolament, li jipprovdi li l-produzzjoni u l-importazzjoni huma awtorizzati biss jekk mhuwiex possibbli li jinkiseb prodott xieraq ta’ sostituzzjoni jew methyl bromide irriċiklat jew irkuprat mingħand waħda mill-partijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat fis-seduta li l-avviż ta’ l-2004 huwa differenti minħabba din ir-riferenza għad-deċiżjoni IX/6 u għall-Artikolu 3(2)(ii) tar-Regolament mit-test ta’ l-avviż korrsipondenti ta’ l-2003 li ma kienx jinkludi riferenza bħal din. Minn dan jirriżulta li qarrej avżat, bħal ma hija r-rikorrenti, seta’ jikkonkludi mill-avviż ta’ l-2004 li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li ma tapplikax iżjed, fl-2005, l-Artikolu 7 tar-Regolament bl-istess mod bħall-2004, iżda li l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ importazzjoni ser issir, fl-2005, b’mod konformi mad-deċiżjoni IX/6 u ma’ l-Artikolu 3(2)(ii) tar-Regolament. Fl-aħħar nett, il-kliem tal-punti II u IX ta’ l-avviż ta’ l-2004, inkwantu huwa jirreferi għall-produtturi u għall-importaturi u mhux għall-fumigaturi, huwa spjegat mill-fatt li l-avviż ta’ l-2004 jikkonċerna s-sustanzi kollha li jdgħajfu s-saff ta’ l-ożonu, bħalma ssostni l-Kummissjoni, u li l-każ speċifiku tal-methyl bromide mhuwiex suġġett għal trattament speċjali. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-avviż ta’ l-2004 ma jikkontestax id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tallokax, fl-2005, kwota ta’ importazzjoni lir-rikorrenti.

85      Imbagħad, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-messaġġ elettroniku ta’ l-10 ta’ Diċembru 2004 futura jistax jintlaqa’. Għandu jiġi mfakkar li dan mhuwiex messaġġ elettroniku personali, mibgħut lir-rikorrenti sabiex jassiguraha li hija ser tiġi allokata kwota individwali ta’ methyl bromide għal użu kritiku, iżda messaġġ elettroniku mibgħut lill-utenti kollha tas-sit ODS, li jħabbar il-pubblikazzjoni tal-kwoti kollha, għas-sustanzi kollha rregolati u għall-użi kollha tagħhom. Għaldaqstant il-messaġġ elettroniku ma jqiegħedx fid-dubju l-interpretazzjoni tar-Regolament adottata mill-Kummissjoni.

86      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-interpretazzjoni tar-Regolament adottata mill-Kummissjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala waħda li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq. Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-importaturi mhumiex preklużi milli jidħlu f’kompetizzjoni mal-fumigaturi fis-suq ta’ l-importazzjoni u tal-bejgħ ta’ methyl bromide. B’hekk, kif issostni l-Kummissjoni, il-bidla li seħħet fl-1 ta’ Jannar 2005 bl-ebda mod ma timplika li kumpanniji bħar-rikorrenti għandhom iwaqqfu l-attività tagħhom. Hija tfisser biss li dawn l-operaturi ma fadlilhomx il-possibbiltà li jitolbu liċenzji ta’ importazzjoni bil-għan li jibnu ħażna ta’ dan il-prodott li sussegwentement huma jbiegħu mill-ġdid lill-utenti effettivi.

87      Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt għall-eżerċizzju ħieles ta’ l-attività professjonali mhuwiex prerogattiva assoluta, iżda għandu jiġi kkunsidrat fid-dawl tal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà. Għaldaqstant, jistgħu isiru restrizzjonijiet, taħt il-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali li għandha l-Kummissjoni u li ma jikkostitwixxux, fir-rigward ta’ l-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jkun ta’ ħsara għas-sustanza nfisha tad-drittijiet hekk iggarantiti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1989, Wachauf, 5/88, Ġabra p. 2609, punti 17 u 18, u tat-30 ta’ Ġunju 2005, Alessandrini et vs Il-Kummissjoni, C-295/03 P, Ġabra P. I-5673, punt 86).

88      F’dan il-każ, is-sistema l-ġdida introdotta mill-Kummissjoni fl-1 ta’ Jannar 2005 biddlet biss iċ-ċirkustanzi ta’ l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet ta’ importazzjoni tal-methyl bromide u ma timplikax li r-rikorrenti għandha twaqqaf l-attività tagħha. Jekk wieħed iqis li din tista’ tiġi kkunsidrata bħala restrizzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-interess ġenerali segwit mill-Komunità huwa, f’dan il-każ, dak tal-ħarsien tas-saff ta’ l-ożonu u tikkunsidra li r-restrizzjoni eventwali hija, f’kull każ, iġġustifikata mill-fatt li hija imposta b’applikazzjoni tar-Regolament, li hija konformi miegħu (punti 74 sa 83 iktar ’il fuq), li ma tistax titqies bħala sproporzjonata jew intollerabbli, u lanqas bħala theddida għas-sustanza nfisha ta’ dan id-dritt, ladarba r-rikorrenti tista’ tkompli teżerċita l-attivitajiet ekonomiċi preċedenti tagħha.

89      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel u t-tieni motivi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza (att ultra vires)

 L-argumenti tal-partijiet

90      Ir-rikorrenti tqis li, billi ma ġietx allokata kwota fil-konfront tagħha sabiex timporta l-methyl bromide fl-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni qabżet il-limiti tal-qafas ġuridiku ddefinit fl-Artikolu 7 tar-Regolament u b’hekk aġixxiet barra mill-ambitu tal-mandat li l-Parlament u l-Kunsill fdawlha permezz tar-Regolament.

91      Fil-fehma tagħha, hija ġurisprudenza stabbilita li att ta’ implementazzjoni li ġie adottat b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ regolament bażiku għandu jiġi annullat meta huwa jemenda, mingħajr l-użu tal-proċedura leġiżlattiva mitluba mit-Trattat, il-portata ta’ l-obbligi imposti. Meta att ta’ implementazzjoni jirriżulta li huwa deroga inkwantu huwa jistabbilixxi kriterji differenti minn dawk mitluba mill-att bażiku, huwa ma jistax jiġi adottat mingħajr konsultazzjoni minn qabel mal-Parlament.

92      Bl-istess mod, f’dan il-każ, l-Artikolu 7 tar-Regolament jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li talloka kwoti ta’ importazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera ta’ methyl bromide fil-Komunità. Huwa biss il-leġiżlatur Komunitarju li huwa kompetenti li jiddeċiedi li m’għandhomx jibqgħu jiġu allokati kwoti ta’ importazzjoni lill-importaturi wara l-31 ta’ Diċembru 2004. Sakemm tiġi adottata deċiżjoni bħal din, il-Kummissjoni għandha tkompli talloka l-kwoti ta’ importazzjoni, u kull rifjut tagħha li tagħmel dan huwa illegali.

93      Il-Kummissjoni tqis li t-tielet motiv huwa ripetizzjoni tat-tieni motiv u tirreferi għall-kunsiderazzjonijiet li hija esponiet f’dan ir-rigward. Hija tenfasizza madankollu li fil-fatt hija stabbilixxiet il-kwoti ta’ methyl bromide intiżi għall-użu kritiku permezz tad-Deċiżjoni 2005/625 u tindika li r-rikorrenti rċeviet liċenzji għal importazzjoni u setgħet teżerċita l-attività tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

94      Għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-ewwel u t-tieni motivi, li l-Artikolu 7 tar-Regolament ma kienx jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li talloka lir-rikorrenti kwota ta’ importazzjoni għas-sena 2005 u li l-implementazzjoni tar-Regolament mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-sistema l-ġdida stabbilita fl-1 ta’ Jannar 2005 hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament. Safejn l-att ikkontestat jinforma lir-rikorrenti li, bis-saħħa tas-sistema l-ġdida, hija ma tistax tibqa’ tgawdi minn kwota ta’ importazzjoni, huwa jikkostitwixxi miżura adottata mill-Kummissjoni li tibbaża ruħha validament fuq ir-Regolament u ma jikkostitwixxix att ultra vires. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma ndaħlitx, permezz ta’ l-att ikkontestat, fil-kompetenzi tal-Kunsill u lanqas f’dawk tal-Parlament.

95      Għaldaqstant it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali

 L-argumenti tal-partijiet

–       L-argumenti tar-rikorrenti

96      Ir-rikorrenti ssostni li, billi ma rrikonoxxietx id-dritt tagħha li tikseb kwota ta’ importazzjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament, ta’ l-avviż ta’ l-2004 u ta’ l-messaġġi elettroniċi mibgħuta sussegwentement, il-Kummissjoni kisret l-aspettattivi leġittimi li r-rikorrenti kellha li tikseb kwota ta’ importazzjoni u kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

97      Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jimplika, skond ir-rikorrenti, li l-persuni suġġetti għal-liġi ma jitqegħdux f’sitwazzjoni ta’ inċertezza fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom, li r-regoli Komunitarji jiddefinixxu b’ċertezza u mingħajr l-ebda ambigwità d-drittijiet tal-persuni li dawn jaffetwaw u li jiġu adottati miżuri sabiex jiġi ggarantit li s-sitwazzjonijiet u r-relazzjonijiet ġuridiċi rregolati mill-imsemmija regoli jibqgħu prevedibbli. F’dan il-każ, ir-rifjut tal-Kummissjoni li talloka kwota ta’ importazzjoni lir-rikorrenti u d-deċiżjoni tagħha li tissostitwixxi l-kwoti ta’ l-importaturi bi kwoti allokati lill-utenti jirrendi s-sistema kollha ta’ importazzjoni ta’ methyl bromide fl-Unjoni Ewropea imprevedibbli u waħda li tmur kontra r-Regolament.

98      Il-kunċett ta’ l-aspettattivi leġittimi huwa, skond ir-rikorrenti, korollarju importanti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u jeżiġi li l-aspettattivi ta’ dawk li jaġixxu bona fede fuq il-bażi tal-liġi, kif inhi jew kif tidher li hija, m’għandhomx jiġu ddiżappuntati. Il-ġurisprudenza tikkonferma li sempliċi prassi jew tolleranza amministrattiva, li ma tmurx kontra l-leġiżlazzjoni fis-seħħ u li ma timplikax l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali tista’ tnissel aspettattivi leġittimi fi ħdan il-persuni kkonċernati, mingħajr ma din tkun neċessarjament ibbażata fuq komunikazzjoni ta’ portata ġenerali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-1 ta’ Ottubru 1987, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, 84/85, Ġabra p. 3765, u d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Ġunju 1988, Sofrimport vs Il-Kummissjoni, C-152/88 R, Ġabra p. 2931; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni, T‑310/00, Ġabra p. II‑3253, punt 112).51

99      L-aspettattivi leġittimi li r-rikorrenti kellha li tikseb kwota sabiex timporta methyl bromide matul is-sena 2005 jirriżultaw mill-kliem preċiż ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament u mid-dikjarazzjonijiet miktuba tal-Kummissjoni, fosthom l-avviż ta’ l-2004 u d-diversi messaġġi elettroniċi mibgħuta lir-rikorrenti. Ir-rikorrenti tindika li, fuq il-bażi ta’ din l-aspettattiva, hija ppreżentat id-dikjarazzjoni tagħha ta’ l-2004 u stenniet leġittimament l-għoti ta’ kwota ta’ importazzjoni għas-sena 2005. Billi rrifjutat milli talloka lir-rikorrenti kwota sabiex timporta methyl bromide matul is-sena 2005, il-Kummissjoni kisret l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti.

–       L-argumenti tal-konvenuta

100    Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma rċevietx assigurazzjonijiet preċiżi rigward il-fatt li hija ser tingħata kwota għall-finijiet tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera ta’ methyl bromide fl-2005. Hija tqis ukoll li operatur ekonomiku prudenti u avżat bħar-rikorrenti kien jaf jew kellu jkun jaf li, mill-1 ta’ Jannar 2005, huwa kien ipprojbit milli juża jew milli jqiegħed fis-suq methyl bromide f’ismu; din il-projbizzjoni hija msemmija fl-Artikolu 4(2)(i),(d), tar-Regolament. Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti kienet taf ukoll li huwa biss l-użu kritiku ta’ methyl bromide li seta’ jiġi awtorizzat wara din id-data, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 4(4)(i),(b), tar-Regolament. Għaldaqstant, skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti kienet taf li s-sistema stabbilita bis-saħħa ta’ l-Artikolu 4(2)(i),(a), sa (ċ) tar-Regolament, li jgħid li kwoti kienu allokati lill-importaturi rreġistrati fuq il-bażi tal-kwantitajiet ta’ riferenza għas-sena 1991, ma setgħetx tibqa’ tiġi applikata mill-1 ta’ Jannar 2005. Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti stenniet li s-sistema tal-kwoti u l-metodi ta’ attribuzzjoni tagħhom għall-użu kritiku ta’ methyl bromide kienu ser jinbidlu minn din id-data.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

101    Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ħarsien ta’ l-aspettattivi leġittimi, l-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 7 tar-Regolament, li jirreferi biss għall-impriżi, u mhux għall-importaturi, ma jassigurax lil dawn ta’ l-aħħar li huma ser jirċievu kwoti u li aspettattiva leġittima bħal dik allegata mir-rikorrenti lanqas ma tirriżulta mill-Artikoli 3, 4 u 6 tar-Regolament.

102    Imbagħad, ġie osservat fil-punt 84 iktar ’il fuq li r-riferenza, għall-punt II ta’ l-avviż ta’ l-2004, għad-deċiżjoni IX/6 u għall-Artikolu 3(2)(ii) tar-Regolament tindika li l-għoti tal-kwoti ta’ importazzjoni ser isir, wara l-1 ta’ Jannar 2005, b’mod konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, ġie deċiż fil-punt 84 iktar ’il fuq li l-avviż ta’ l-2004 kien differenti minħabba din ir-riferenza għat-test ta’ l-avviż korrispondenti ta’ l-2003 u li kien jirriżulta minn dan li qarrej avżat, bħalma hija r-rikorrenti, seta’ jikkonkludi mill-avviż ta’ l-2004 li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li temenda, fl-2005, il-prassi preċedenti tagħha. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-avviż ta’ l-2004 ma jassigurax lill-importaturi l-għoti ta’ kwoti ta’ importazzjoni.

103    Għandu jiġi osservat li jirriżulta mill-ġurisprudenza, bħal ma ssostni l-Kummissjoni, li operatur ekonomiku prudenti u avżat li jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura Komunitarja li tista’ taffettwa l-interessi tiegħu ma jistax jinvoka l-benefiċċju tal-prinċipju tal-ħarsien ta’ l-aspettattivi leġittimi jekk din il-miżura tiġi adottata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 et C‑217/03, Ġabra p. I‑5479, punt 147, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Ottubru 1996, Efisol vs Il-Kummissjoni, T‑336/94, Ġabra p. II‑1343, punt 31). F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti hija waħda mit-tmien importaturi li waħedhom kienu awtorizzati, sa l-2004, li jimportaw methyl bromide fil-Komunità u li kull bdil fis-sistema applikabbli għall-methyl bromide huwa ta’ importanza ekonomika kbira għall-attivitajiet tagħha ta’ importazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li impriża diliġenti fil-pożizzjoni tagħha kellha titlob informazzjoni preċiża dwar il-bdil li kellu jseħħ, F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti rrikonoxxiet li stenniet emendi fis-sistema applikabbli għall-methyl bromide, mill-1 ta’ Jannar 2005, bis-saħħa ta’ l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament.

104    Għaldaqstant, hija kellha tali obbligu ta’ diliġenza fiċ-ċirkustanzi in kwistjoni.

105    Għandu jiġi mfakkar ukoll li, skond il-ġurisprudenza, ħadd ma jista’ jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ħarsien ta’ l-aspettattivi leġittimi fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li jkunu ġew ipprovduti lilu mill-amministrazzjoni (sentenzi Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 147, u Efisol vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31). F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni, ġustament, li hija ma tatx assigurazzjonijiet preċiżi lir-rikorrenti.

106    Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li prassi amministrattiva preċedenti tal-Kummissjoni li ġiet mgħarrfa lill-pubbliku tista’, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet bil-kontra, tnissel aspettattiva leġittima ta’ l-applikazzjoni ta’ l-istess regoli, b’mod partikolari meta l-komunikazzjonijiet ta’ l-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata mhumiex differenti minn dawk preċedenti (sentenza MCI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 112; ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 9 sa 27; id-digriet Sofrimport vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 17 sa 23). Madankollu, dawn il-prinċipji ma jistgħux jiġu applikati f’dan il-każ. Fil-fatt, f’din il-kawża, il-punt II ta’ l-avviż ta’ l-2004 huwa differenti minħabba r-riferenza għad-deċiżjoni IX/6 u għall-Artikolu 3(2)(ii) tar-Regolament, li minnhom jirriżulta li, fl-2005, il-kwoti ta’ importazzjoni ma kinux ser jibqgħu jingħataw skond il-prassi preċedenti tal-Kummissjoni, iżda b’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

107    Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li l-messaġġ elettroniku tal-Kummissjoni ta’ l-10 ta’ Diċembru 2004 intbagħat lill-utenti kollha tas-sit ODS u li huwa kien iħabbar il-pubblikazzjoni tal-kwoti kollha, għas-sustanzi kollha rregolati u għall-użi kollha tagħhom. Għaldaqstant huwa bl-ebda mod ma kien jipprovdi assigurazzjoni lir-rikorrenti dwar l-għoti ta’ kwota individwali ta’ methyl bromide għal użu kritiku. Safejn ir-rikorrenti tirreferi wkoll għall-messaġġi elettroniċi l-oħra tal-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li hija ma tipprovdi l-ebda prova f’dan ir-rigward fil-kuntest ta’ din il-kawża u lanqas ma tidentifika l-messaġġi elettroniċi li għalihom qiegħda tirreferi.

108    Fir-rigward, fit-tieni lok, ta’ l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza li dan il-prinċipju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li jeżiġi, b’mod partikolari, li liġi tkun ċara u preċiża, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jaċċertaw ruħhom mid-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jieħdu azzjonijiet konsegwentement. Madankollu, meta ċertu livell ta’ inċertezza dwar it-tifsira u l-portata ta’ regola ġuridika huwa inerenti fiha, għandu jiġi eżaminat jekk ir-regola ġuridika in kwistjoni hijiex daqstant ambigwa li tostakola lill-individwi milli jeliminaw, b’ċertezza suffiċjenti, dubji li jista’ jkollhom dwar il-portata jew it-tifsira ta’ din ir-regola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑110/03, Ġabra p. I‑2801, punti 30 u 31).

109    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl, prinċipalment, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (ara l-punti 74 sa 83 iktar ’il fuq), kif ukoll tat-test ta’ l-avviż ta’ l-2004 (ara l-punti 84 u 102 iktar ’il fuq), la r-rifjut ta’ l-għoti ta’ kwota ta’ importazzjoni li tippretendi r-rikorrenti u lanqas is-sostituzzjoni tal-kwoti ta’ importazzjoni allokati lill-importaturi bi kwoti allokati lill-utenti ma kienu imprevedibbli għall-importaturi fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti. Għaldaqstant la r-Regolament u lanqas l-avviż ta’ l-2004 ma jostakolaw lill-individwi milli jeliminaw b’ċertezza sufficienti dubji li jistgħu jinqalgħu dwar il-portata jew it-tifsira ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament.

110    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

111    Peress li l-erba’ motivi invokati mir-rikorrenti in sostenn tat-talba tagħha għal annullament ta’ l-att ikkontestat ġew miċħuda, din id-domanda għandha tiġi ddikjarata infondata, mingħajr il-bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

112    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

113    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

Pirrung

Forwood

Papasavvas

Sentenza mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Mejju 2007

Reġistratur

 

      President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku u fattwali

1.  Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna u l-Protokoll ta’ Montreal

2.  Ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000

3.  Applikazzjoni ta’ l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament: tibdil li sar fl-1 ta’ Jannar 2005

4.  Avviż lill-importaturi ta’ l-2004

5.  It-talba tar-rikorrenti

6.  L-att ikkontestat

7.  Id-Deċiżjoni 2005/625/KE

Il-proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-ammissibbiltà

Fuq it-talba ta’ ordni lill-Kummissjoni li talloka kwota ta’ importazzjoni lir-rikorrenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq ir-rikors għal annullament

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  Fuq il-merti

Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati fuq implementazzjoni inkorretta tal-qafas ġuridiku applikabbli u fuq ksur ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza (att ultra vires)

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali

L-argumenti tal-partijiet

–  L-argumenti tar-rikorrenti

–  L-argumenti tal-konvenuta

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.