Language of document : ECLI:EU:C:2021:595

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ Lulju 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Ċittadinanza tal-Unjoni – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 3(1)(a) – Benefiċċji tal-mard – Kunċett – Artikolu 4 u Artikolu 11(3)(e) – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 7(1)(b) – Dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur – Kundizzjoni li wieħed ikollu assigurazzjoni għall-mard komprensiva – Artikolu 24 – Ugwaljanza fit-trattament – Ċittadin ta’ Stat Membru ekonomikament inattiv li jirrisjedi legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor – Rifjut tal-Istat Membru ospitanti li jaffilja lil din il-persuna mas-sistema pubblika tiegħu ta’ assigurazzjoni għall-mard”

Fil-Kawża C‑535/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

A

fil-preżenza ta’:

Latvijas Republikas Veselības ministrija,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, A. Prechal, N. Piçarra u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Safjan, D. Šváby, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe (Relatriċi), C. Lycourgos u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Settembru 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A, minn L. Liepa, advokāts,

–        għal-Latvijas Republikas Veselības ministrija, inizjalment minn I. Vinkele u R. Osis, sussegwentement minn R. Osis,

–        għall-Gvern Latvjan, inizjalment minn V. Soņeca, V. Kalniņa u K. Pommere, sussegwentement minn K. Pommere, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin, E. Montaguti u I. Rubene, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE, tal-Artikolu 20(1) TFUE u tal-Artikolu 21 TFUE, tal-Artikolu 3(1)(a), tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 284, p. 43) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”), kif ukoll tal-Artikolu 7(1)(b) u tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn A u l-Latvijas Republikas Veselības ministrija (il-Ministeru għas-Saħħa tar-Repubblika tal-Latvja) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jaffilja lil A mas-sistema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard u li joħroġlu karta Ewropea tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 883/2004

3        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Persuni koperti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandhu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom.”

4        Skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Oqsma koperti”:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

(a)      benefiċċji marbutin mal-mard;

[…]

5.      Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

(a)      assistenza soċjali u medika jew

[…]”

5        L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, dwar it-“[t]rattament ugwali”, huwa redatt kif ġej:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

6        L-Artikolu 11 tal-istess regolament jistabbilixxi r-“[r]egoli ġenerali” dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Dan l-artikolu huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.

[…]

3.      Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

(a)      persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

(b)      persuna impjegata maċ-ċivil għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li għalih hija suġġetta l-amministrazzjoni li timpjegah jew li timpjegaha;

(ċ)      persuna li tirċievi benefiċċji minħabba li ma taħdimx skond l-Artikolu 65 taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha, għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

(d)      persuna msejħa jew imsejħa mill-ġdid biex isservi fil-forzi armati jew biex tagħmel servizz maċ-ċivil fi Stat Membru, għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

(e)      kull persuna oħra li għaliha ma japplikawx is-subparagrafi (a) sa (d) għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha: dan iżda mingħajr ħsara għal disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament li jiggarantixxu benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stati Membri oħra.

[…]”

 Id-Direttiva 2004/38

7        Il-premessa 10 tad-Direttiva 2004/38 tiddikjara:

“Dawk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx, madankollu, ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu inizjali ta’ residenza. Għalhekk, id-dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom għal perjodi li jaqbżu t-tliet xhur għandu jkun bla ħsara għal kondizzjonijiet.”

8        Skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, li jinsab taħt it-Titolu III tagħha, intitolat “Dritt ta’ residenza”:

“Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

[…]

(b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti […]

[…]”

9        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.”

10      Skont l-Artikolu 16(1) tal-istess direttiva:

“Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.”

11      L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi:

“1.      Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat [FUE] u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2.      B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.”

 Id-dritt Latvjan

12      L-Artikolu 17 tal-Ārstniecības likums (il-Liġi dwar il-Kura Medika, Latvijas Vēstnesis, 1997, Nru 167/168), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kura Medika”), jipprovdi:

“1.      Il-kura medika ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Istat u mir-riżorsi tal-benefiċjarju tal-kura, skont il-modalitajiet iddefiniti fil-Kunsill tal-Ministri, tingħata lill-persuni li ġejjin:

-      iċ-ċittadini Latvjani;

-      il-persuni mhux ċittadini Latvjani;

-      iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, tal-Istati taż-Żona Ekonomika Ewropea u tal-Konfederazzjoni Svizzera, li jirrisjedu fil-Latvja minħabba impjieg jew l-eżerċizzju ta’ attività indipendenti, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom;

-      il-barranin awtorizzati biex jirrisjedu b’mod permanenti fil-Latvja;

-      ir-refuġjati u l-persuni mogħtija protezzjoni sussidjarja;

-      il-persuni arrestati, miżmuma u kkundannati għal piena li ċċaħħad il-libertà.

[…]

3.      Il-persuni li huma konjuġi ta’ ċittadini Latvjani u ta’ persuni mhux ċittadini Latvjani u li huma detenturi ta’ permess ta’ residenza għal żmien limitat fil-Latvja għandhom id-dritt, skont il-modalitajiet iddefiniti fil-Kunsill tal-Ministri, li jibbenefikaw mingħajr ħlas mill-kura ostetrika ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Istat u mir-riżorsi tal-benefiċjarji tal-kura.

[…]

5.      Il-persuni li ma humiex imsemmija fil-paragrafi 1, 3 u 4 ta’ dan l-artikolu jirċievu kura medika bi ħlas.”

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      Fl-aħħar tas-sena 2015 jew f’Jannar 2016, A, ċittadin Taljan, telaq mill-Italja u stabbilixxa ruħu fil-Latvja sabiex hemmhekk jingħaqad mal-konjuġi tiegħu, ta’ nazzjonalità Latvjana, u maż-żewġt itfal minuri tagħhom, ta’ nazzjonalità Latvjana u Taljana.

14      Qabel it-tluq tiegħu, A informa lill-awtoritajiet Taljani kompetenti dwar iċ-ċaqliq tiegħu lejn il-Latvja. Għaldaqstant, huwa ġie rreġistrat fir-reġistru taċ-ċittadini Taljani residenti barra mill-pajjiż. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, f’din il-kwalità, huwa ma jistax jibqa’ jibbenefika fl-Italja minn kura medika mħallsa mis-sistema ta’ kura tas-saħħa ffinanzjata minn dan l-Istat Membru.

15      Fit-22 ta’ Jannar 2016, A talab lil-Latvijas Nacionālais Veselības dienests (is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa tal-Latvja) sabiex jirreġistrah fir-reġistru tal-benefiċjarji tal-kura tas-saħħa u sabiex joħroġlu karta Ewropea tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, ir-reġistrazzjoni f’dan ir-reġistru tikkorrispondi għall-affiljazzjoni ma’ sistema pubblika obbligatorja ta’ assigurazzjoni għall-mard, li l-finanzjament tagħha huwa essenzjalment pubbliku u li tippermetti lill-benefiċjarji tagħha jiksbu kura medika ffinanzjata mill-Istat bħala servizzi in natura (iktar ’il quddiem is-“sistema ta’ kura medika ffinanzjata mill-Istat”).

16      Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2016, is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa tal-Latvja ċaħad din it-talba.

17      Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministeru għas-Saħħa tar-Repubblika tal-Latvja, tat-8 ta’ Lulju 2016, minħabba li A ma kien jaqa’ taħt ebda waħda mill-kategoriji ta’ benefiċjarji tal-kura medika ffinanzjata mill-Istat imsemmija fl-Artikolu 17(1), (3) jew (4) tal-Liġi dwar il-Kura Medika, peress li huwa la kien impjegat u lanqas ħaddiem li jaħdem għal rasu fil-Latvja, iżda kien jirrisjedi hemmhekk abbażi ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni. Għaldaqstant, skont din id-deċiżjoni, huwa jista’ jibbenefika biss minn servizzi tas-saħħa bi ħlas, skont l-Artikolu 17(5) ta’ din il-liġi.

18      A, li ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni, tilef kemm fl-ewwel istanza quddiem l-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja) kif ukoll fl-appell, permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Jannar 2018 tal-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja).

19      Dawn iż-żewġ qrati qiesu, essenzjalment, li differenza fit-trattament bejn, minn naħa, A, li kien jirrisjedi legalment fil-Latvja abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 u li seta’ jinvoka l-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, iċ-ċittadini Latvjani ekonomikament inattivi, setgħet tiġi ġġustifikata minn għan leġittimu ta’ protezzjoni tal-finanzi pubbliċi u kienet proporzjonata. Fil-fatt, skont l-imsemmija qrati, A huwa intitolat għal għajnuna medika urġenti, il-primjums tal-assigurazzjoni għall-mard ma humiex sproporzjonati u, hekk kif jikseb dritt ta’ residenza permanenti, A ser ikun jista’ jibbenefika minn kura medika ffinanzjata mill-Istat.

20      A ppreżenta appell quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja) kontra s-sentenza tal-5 ta’ Jannar 2018 tal-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali).

21      Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 17 tal-Liġi dwar il-Kura Medika huwa intiż li jittrasponi fid-dritt Latvjan l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, li hija applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Hija għandha dubju, għall-kuntrarju, dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 883/2004. Minn naħa, il-kura medika ffinanzjata mill-Istat tista’ tiġi kklassifikata bħala “benefiċċji tas-sigurtà soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, peress li l-aċċess għas-sistema ta’ kura medika ffinanzjata mill-Istat jingħata fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi u peress li din il-kura tista’ tikkostitwixxi “benefiċċji marbutin mal-mard”, fis-sens tal-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, tqum madankollu l-kwistjoni ta’ jekk din is-sistema hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament skont l-Artikolu 3(5)(a) tiegħu.

22      Fil-każ li r-Regolament Nru 883/2004 ma jkunx applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-Liġi dwar il-Kura Medika mal-Artikoli 18 u 21 TFUE.

23      Fil-każ li, għall-kuntrarju, ir-Regolament Nru 883/2004 jkun applikabbli għal din it-tilwima, ikollha tiġi ddeterminata l-portata tal-Artikolu 11(3)(e) ta’ dan ir-regolament. Skont il-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni għandha, b’mod partikolari, l-għan li tipprekludi li l-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament jiġu mċaħħda mill-protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali minħabba l-assenza ta’ leġiżlazzjoni li tkun applikabbli għalihom. Issa, A qiegħed f’sitwazzjoni fejn ġie rrifjutat aċċess għas-sistema ta’ kura medika ffinanzjata mill-Istat kemm fl-Italja kif ukoll fil-Latvja u b’hekk globalment qiegħed jiġi mċaħħad minn aċċess għal tali protezzjoni.

24      Il-qorti tar-rinviju għandha dubju wkoll dwar l-interazzjoni bejn ir-Regolament Nru 883/2004 u d-Direttiva 2004/38 fid-dawl tal-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565). F’dan il-kuntest, hija tixtieq li tingħata kjarifika dwar l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif espress b’mod partikolari fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament u fl-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva. Fil-fehma tagħha, id-differenza fit-trattament bejn, minn naħa, ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv, bħal A, u, min-naħa l-oħra, iċ-ċittadini Latvjani kif ukoll iċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament attivi, tista’ tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-għan leġittimu li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi tar-Repubblika tal-Latvja. Skont l-istess qorti, għandu jiġi ddeterminat jekk l-awtoritajiet Latvjani kellhomx iwettqu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi individwali li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni partikolari ta’ A, evalwazzjoni globali tal-piż li effettivament kien ser jirrappreżenta l-għoti, lil A, ta’ aċċess għas-sistema ta’ kura medika ffinanzjata mill-Istat fuq is-sistema nazzjonali kollha ta’ għajnuna soċjali. Il-fatt li A għandu rabtiet personali mill-qrib mal-Latvja jista’ jwassal sabiex ma jkunx permess li jiġi rrifjutat awtomatikament dan l-aċċess.

25      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont il-ġurisprudenza li toħroġ, b’mod partikolari, mis-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2014, Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358), ċittadin tal-Unjoni jista’ jinvoka ugwaljanza fit-trattament bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 fil-każ biss li r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru tosserva l-kundizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Issa, A jissodisfa l-kundizzjonijiet tar-residenza legali stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmija direttiva. Tqum għalhekk il-kwistjoni ta’ jekk il-fatt li ċittadin tal-Unjoni, bħal A, għandu assigurazzjoni għall-mard komprensiva huwiex ta’ natura li jiġġustifika r-rifjut li jingħata aċċess għas-sistema ta’ kura medika ffinanzjata mill-Istat.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kura tas-saħħa pubblika għandha titqies bħala inkluża fil-‘benefiċċji marbutin mal-mard’ fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, jistgħu l-Istati Membri, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, sabiex jiġu evitati t-talbiet sproporzjonati ta’ benefiċċji soċjali intiżi sabiex jiżguraw il-kura tas-saħħa, jirrifjutaw li tali benefiċċji, li jingħataw liċ-ċittadini tagħhom u lill-membri tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni li jkollu l-istatus ta’ ħaddiem li jinsabu fl-istess sitwazzjoni, jingħataw ukoll liċ-ċittadini tal-Unjoni li dak iż-żmien ma jkollhomx l-istatus ta’ ħaddiem?

3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Istati Membri jistgħu, skont l-Artikoli 18 u 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, sabiex jevitaw talbiet sproporzjonati għal benefiċċji soċjali intiżi sabiex jiżguraw il-kura tas-saħħa, jirrifjutaw li tali benefiċċji, li jingħataw liċ-ċittadini tagħhom u lill-membri tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni li jkollu l-istatus ta’ ħaddiem li jinsabu fl-istess sitwazzjoni, jingħataw ukoll liċ-ċittadini tal-Unjoni li dak iż-żmien ma jkollhomx l-istatus ta’ ħaddiem?

4)      Sitwazzjoni li fiha ċittadin tal-Unjoni Ewropea, li jeżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu, jiġi rrifjutat id-dritt li jirċievi servizzi ta’ kura tas-saħħa pubblika ffinanzjati mill-Istat fl-Istati Membri kollha involuti fil-każ preżenti hija konformi mal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004?

5)      Sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni Ewropea, li jeżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu, jiġi rrifjutat id-dritt li jirċievi servizzi ta’ kura tas-saħħa pubblika ffinanzjati mill-Istat fl-Istati Membri kollha involuti fil-każ preżenti hija konformi mal-Artikoli 18, 20(1) u 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea?

6)      Il-legalità tar-residenza, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, għandha tinftiehem bħala li tagħti lil persuna d-dritt ta’ aċċess għas-sistema tas-sigurtà soċjali kif ukoll fis-sens li tista’ tkun raġuni sabiex hija tiġi eskluża mis-sigurtà soċjali? B’mod partikolari, fil-każ preżenti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li l-fatt li r-rikorrent għandu assigurazzjoni għall-mard kompleta, li tikkostitwixxi waħda mill-prerekwiżiti għal-legalità tar-residenza skont id-Direttiva 2004/38, jista’ jiġġustifika r-rifjut li jiġi inkluż fis-sistema tal-kura tas-saħħa ffinanzjata mill-Istat?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

27      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li benefiċċji ta’ kura medika, iffinanzjati mill-Istat, li jingħataw, mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, lill-persuni li jaqgħu fil-kategoriji ta’ benefiċjarji ddefiniti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jikkostitwixxux “benefiċċji marbuta mal-mard”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, jew jekk jikkostitwixxux benefiċċji ta’ “assistenza soċjali u medika” li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament bis-saħħa tal-Artikolu 3(5)(a) tiegħu.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-distinzjoni bejn il-benefiċċji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u dawk li huma esklużi minnu hija bbażata essenzjalment fuq l-elementi li jikkostitwixxu kull benefiċċju, b’mod partikolari l-finalitajiet u l-kundizzjonijiet għall-għoti tiegħu, u mhux fuq jekk benefiċċju huwiex ikklassifikat jew le bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, C‑433/13, EU:C:2015:602, punt 70, u tal-25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà), C‑679/16, EU:C:2018:601, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29      B’hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja joħroġ li benefiċċju jista’ jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali sa fejn, minn naħa, il-benefiċċju jingħata lill-benefiċjarji, irrispettivament minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment u sa fejn, min-naħa l-oħra, ikun relatat ma’ wieħed mir-riskji indikati espressament fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà), C‑679/16, EU:C:2018:601, punti 32 u 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt preċedenti, għandu jitfakkar li din tkun issodisfatta meta l-għoti ta’ benefiċċju jitwettaq fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi li, ladarba jkunu ssodisfatti, jagħtu d-dritt għall-benefiċċju b’mod li l-awtorità kompetenti ma tkunx tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi personali oħra (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà), C‑679/16, EU:C:2018:601, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, li tipprovdi li l-benefiċċju inkwistjoni għandu jkun relatat ma’ wieħed mir-riskji elenkati espressament fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004, għandu jitfakkar li l-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni jsemmi espliċitament il-“benefiċċji marbuta mal-mard”.

32      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-“benefiċċji marbuta mal-mard”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom bħala għan essenzjali l-fejqan tal-persuna marida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 1972, Heinze, 14/72, EU:C:1972:98, punt 8), bil-provvista tal-kura meħtieġa mill-istat tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Gaumain-Cerri u Barth, C‑502/01 u C‑31/02, EU:C:2004:413, punt 21), u jkopru, għalhekk, ir-riskju marbut ma’ stat patoloġiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2011, Stewart, C‑503/09, EU:C:2011:500, punt 37, u tal-5 ta’ Marzu 2020, Pensionsversicherungsanstalt (Allowance għar-riabilitazzjoni), C‑135/19, EU:C:2020:177, punt 32).

33      Għall-kuntrarju, benefiċċju jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “assistenza soċjali u medika”, li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 skont l-Artikolu 3(5)(a) tiegħu, meta l-għoti tiegħu jiddependi minn evalwazzjoni individwali tal-ħtiġijiet personali tal-applikant għal dan il-benefiċċju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 1992, Hughes, C‑78/91, EU:C:1992:331, punt 17).

34      F’dan il-każ, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 40 u 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-benefiċċji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfaw l-ewwel kundizzjoni sabiex jitqiesu bħala benefiċċji tas-sigurtà soċjali, imfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, il-kura medika hija ggarantita lil kull persuna residenti fil-Latvja li taqa’ taħt waħda mill-kategoriji ta’ benefiċjarji tal-kura medika ddefiniti, b’mod oġġettiv, fil-Liġi dwar il-Kura Medika, filwaqt li huwa ppreċiżat li l-awtorità nazzjonali kompetenti ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi personali oħra.

35      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, imfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-benefiċċji ta’ kura medika inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma benefiċċji in natura li jikkonsistu fl-għoti ta’ kura medika, li hija kura intiża għall-fejqan tal-persuni morda. Tali benefiċċji huma għalhekk relatati mar-riskju li jirriżulta minn marda, li huwa riskju msemmi espressament fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004.

36      Peress li ż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza jidhru li huma ssodisfatti, benefiċċji ta’ kura medika bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kklassifikati bħala “benefiċċji tas-sigurtà soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004, u għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

37      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-metodu ta’ finanzjament ta’ tali benefiċċji ta’ kura medika. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-metodu ta’ finanzjament ta’ benefiċċju huwa irrilevanti għall-klassifikazzjoni tiegħu bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Hughes, C‑78/91, EU:C:1992:331, punt 21, u tal-21 ta’ Ġunju 2017, Martinez Silva, C‑449/16, EU:C:2017:485, punt 21).

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li benefiċċji ta’ kura medika, iffinanzjati mill-Istat, li jingħataw, mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, lill-persuni li jaqgħu fil-kategoriji ta’ benefiċjarji ddefiniti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jikkostitwixxu “benefiċċji marbuta mal-mard”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

 Fuq it-tieni u r-raba’ sas-sitt domanda

39      Preliminarjament, sa fejn it-tieni u r-raba’ sas-sitt domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri tal-Artikolu 18 TFUE, tal-Artikolu 20(1) TFUE u tal-Artikolu 21 TFUE, tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 kif ukoll tal-Artikolu 7(1)(b) u tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, għandhom jiġu ddeterminati dawk li l-interpretazzjoni tagħhom hija neċessarja sabiex tingħata risposta utli għal dawn id-domandi.

40      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità fil-qasam tal-applikazzjoni tat-Trattati u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari previsti fit-Trattati, huwa intiż li japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat FUE ma jipprevedix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, TÜV Rheinland LGA Products u Allianz IARD, C‑581/18, EU:C:2020:453, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, dan il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni huwa ppreċiżat fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni li, bħal A, jeżerċitaw il-libertà tagħhom ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑75/11, EU:C:2012:605, punt 49). Dan il-prinċipju huwa ppreċiżat ukoll fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni li, bħal A, jinvokaw, fl-Istat Membru ospitanti, il-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, li jinkludu, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, benefiċċji ta’ kura medika bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

41      Sussegwentement, l-Artikolu 20(1) TFUE jagħti lil kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31, u tal-21 ta’ Frar 2013, N., C‑46/12, EU:C:2013:97, punt 27). It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2) TFUE jippreċiża, espressament, li d-drittijiet mogħtija minn dan l-artikolu liċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom jiġu eżerċitati “skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom”.

42      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 21(1) TFUE wkoll jissuġġetta d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għal moviment liberu u għal residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri għall-osservanza tal-“limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq”.

43      Issa, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi tali limitazzjonijiet u kundizzjonijiet fir-rigward ta’ dan id-dritt.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-tieni u r-raba’ sas-sitt domanda jiġu fformulati mill-ġdid fis-sens li, permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4 u l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 kif ukoll l-Artikolu 7(1)(b) u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mid-dritt ta’ affiljazzjoni mas-sistema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat Membru ospitanti, li tippermetti li wieħed jibbenefika minn benefiċċji ta’ kura medika ffinanzjati minn dan l-Istat, liċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi li jkunu ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, li jaqgħu, skont l-Artikolu 11(3)(e) ta’ dan ir-regolament, taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti u li jkunu qegħdin jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fit-territorju ta’ dan tal-aħħar konformement mal-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva.

45      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 jistabbilixxi “regola dwar l-għażla tal-liġi” intiża sabiex tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-eliġibbiltà għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, li jinkludu l-benefiċċji marbuta mal-mard, li għalihom jistgħu jkunu intitolati l-persuni kollha minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 11(3)(a) sa (d) tal-imsemmi regolament, jiġifieri, b’mod partikolari, il-persuni ekonomikament inattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑308/14, EU:C:2016:436, punt 63, kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2019, Inspecteur van de Belastingdienst, C‑631/17, EU:C:2019:381, punti 35 u 40). Minn dan jirriżulta li dawn tal-aħħar jaqgħu, bħala prinċipju, taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.

46      L-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 ma għandux biss l-għan li tiġi evitata l-applikazzjoni simultanja ta’ numru ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali għal sitwazzjoni speċifika u li jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn dan, iżda għandu wkoll l-għan li jipprekludi li l-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jiġu mċaħħda minn protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali minħabba l-assenza ta’ leġiżlazzjoni applikabbli għalihom (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑308/14, EU:C:2016:436, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Bħala tali, din id-dispożizzjoni ma għandhiex l-għan li tiddetermina l-kundizzjonijiet sostantivi għall-eżistenza tad-dritt għall-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali. Bħala prinċipju, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina dawn il-kundizzjonijiet (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑308/14, EU:C:2016:436, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Madankollu, meta jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-eżistenza tad-dritt ta’ affiljazzjoni ma’ sistema ta’ sigurtà soċjali, l-Istati Membri huma obbligati josservaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fis-seħħ. B’mod partikolari, l-Istati Membri huma marbuta b’mod imperattiv mir-regoli dwar l-għażla tal-liġi previsti fir-Regolament Nru 883/2004 u għaldaqstant ma għandhomx il-possibbiltà jiddeterminaw sa fejn tapplika l-leġiżlazzjoni tagħhom stess jew dik ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2018, Walltopia, C‑451/17, EU:C:2018:861, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-5 ta’ Marzu 2020, Pensionsversicherungsanstalt (Allowance għar-riabilitazzjoni), C‑135/19, EU:C:2020:177, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Konsegwentement, il-kundizzjonijiet għall-eżistenza tad-dritt ta’ affiljazzjoni ma’ sistema ta’ sigurtà soċjali ma jistax ikollhom l-effett li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni lill-persuni li għalihom tapplika, skont ir-Regolament Nru 883/2004, din il-leġiżlazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2018, Walltopia, C‑451/17, EU:C:2018:861, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata, tal-5 ta’ Marzu 2020, Pensionsversicherungsanstalt (Allowance għar-riabilitazzjoni) C‑135/19, EU:C:2020:177, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Minn dan isegwi li Stat Membru ma jistax, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, jirrifjuta li jaffilja mas-sistema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard tiegħu ċittadin tal-Unjoni li, skont l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, jaqa’ taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru.

51      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li A huwa ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv u li ma jistax jibqa’ jibbenefika, fl-Italja, minn affiljazzjoni mas-sistema tas-saħħa pubblika. Minn dan isegwi li, skont l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, A jaqa’ taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tiegħu, jiġifieri taħt il-leġiżlazzjoni Latvjana. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl ukoll tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, din id-dispożizzjoni teħtieġ li tali ċittadin tal-Unjoni għandu jkun jista’ jiġi affiljat mas-sistema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard ta’ dan l-Istat Membru, bħalma hija s-sistema ta’ kura medika ffinanzjata mill-Istat.

52      B’dan premess, fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li dawn id-domandi jikkonċernaw is-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru, li ma huwiex dak li tiegħu huwa ċittadin, għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur, iżda inqas minn ħames snin, u li għalhekk għadu ma jibbenefikax minn dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38.

53      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, moqri fid-dawl tal-premessa 10 tagħha, jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li ċittadini tal-Unjoni, li jkunu ċittadini ta’ Stat Membru ieħor u li jkunu jixtiequ jibbenefikaw mid-dritt li jirrisjedu fit-territorju tagħhom għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur mingħajr ma jeżerċitaw attività ekonomika, għandu jkollhom, għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom, assigurazzjoni għall-mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u riżorsi suffiċjenti sabiex ma jsirux piż fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali ta’ dan l-Istat Membru matul il-perjodu ta’ residenza tagħhom (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey, C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/38, id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, abbażi tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, jinżamm biss sakemm dawn iċ-ċittadini u l-membri tal-familji tagħhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2019, Bajratari, C‑93/18, EU:C:2019:809, punt 40).

55      B’hekk, mill-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, moqri flimkien mal-Artikolu 14(2) tagħha, jirriżulta li, matul il-perijodu kollu ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ta’ iktar minn tliet xhur u inqas minn ħames snin, iċ-ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv għandu jkollu, b’mod partikolari, għalih u għall-membri tal-familja tiegħu, assigurazzjoni għall-mard komprensiva sabiex ma jsirx piż irraġonevoli għall-finanzi pubbliċi ta’ dan l-Istat Membru.

56      Issa, din il-kundizzjoni li r-residenza tkun konformi mad-Direttiva 2004/38 tiġi mċaħħda minn kull effett utli jekk jitqies li l-Istat Membru ospitanti huwa obbligat jagħti, lil ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv li jirrisjedi fit-territorju tiegħu abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, affiljazzjoni mingħajr ħlas mas-sistema pubblika tiegħu ta’ assigurazzjoni għall-mard.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fit-tielet lok, għandu jiġi ddeterminat b’liema mod ir-rekwiżiti stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 u fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 huma marbuta bejniethom.

58      F’dan ir-rigward, għalkemm, kif jirriżulta mill-punt 50 ta’ din is-sentenza, l-Istat Membru ospitanti ta’ ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv li jirrisjedi fit-territorju tiegħu konformement mad-Direttiva 2004/38 huwa obbligat li jaffilja lil dan iċ-ċittadin mas-sistema pubblika tiegħu ta’ assigurazzjoni għall-mard meta l-imsemmi ċittadin jaqa’ taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, skont l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, dan l-Istat Membru jista’ jipprevedi li l-aċċess għal din is-sistema ma għandux ikun mingħajr ħlas sabiex jiġi evitat li l-istess ċittadin isir piż irraġonevoli għall-finanzi pubbliċi tal-imsemmi Stat Membru.

59      F’dan ir-rigward, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 124 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Istat Membru ospitanti jista’ jissuġġetta l-affiljazzjoni mas-sistema pubblika tiegħu ta’ assigurazzjoni għall-mard ta’ ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv, li jirrisjedi fit-territorju tiegħu abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, għal kundizzjonijiet intiżi sabiex dan iċ-ċittadin ma jsirx piż irraġonevoli għall-finanzi pubbliċi tal-imsemmi Stat Membru, bħall-konklużjoni jew iż-żamma, mill-imsemmi ċittadin, ta’ assigurazzjoni għall-mard komprensiva privata, li tippermetti r-rimbors lill-imsemmi Stat Membru tal-ispejjeż tas-saħħa sostnuti minn dan tal-aħħar favur dan iċ-ċittadin, jew il-ħlas, mill-imsemmi ċittadin, ta’ kontribuzzjoni għas-sistema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard ta’ dan l-Istat Membru. F’dan il-kuntest, madankollu, l-Istat Membru ospitanti għandu jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u għalhekk għandu jiżgura li għall-imsemmi ċittadin ma jkunx eċċessivament diffiċli li josserva tali kundizzjonijiet.

60      Għandu jingħad ukoll li ebda konklużjoni differenti ma tista’ tinsilet b’mod validu mill-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 u mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004.

61      Huwa minnu li ċittadin tal-Unjoni li jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 jibbenefika mid-dritt għal ugwaljanza fit-trattament imsemmi fl-Artikolu 24(1) tagħha. Sa fejn jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, tali ċittadin tal-Unjoni jgawdi wkoll mid-dritt għal ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

62      Madankollu, peress li l-konformità mad-Direttiva 2004/38 tar-residenza ta’ tali ċittadin tal-Unjoni għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur u inqas minn ħames snin hija suġġetta, b’mod partikolari, għall-kundizzjoni li huwa jkollu assigurazzjoni għall-mard komprensiva sabiex ma jsirx piż irraġonevoli għall-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti, dan iċ-ċittadin tal-Unjoni ma jistax jinvoka d-dritt għal ugwaljanza fit-trattament sabiex jitlob aċċess mingħajr ħlas għas-sistema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard, għaliex inkella l-imsemmija kundizzjoni tiġi mċaħħda minn kull effett utli, kif ġie kkonstatat fil-punt 56 ta’ din is-sentenza. Għalhekk, l-eventwali inugwaljanza fit-trattament li tista’ tirriżulta, għad-detriment ta’ tali ċittadin tal-Unjoni, minn aċċess mhux mingħajr ħlas għal din is-sistema hija l-konsegwenza inevitabbli tar-rekwiżit, previst fl-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmija direttiva, li dan iċ-ċittadin għandu jkollu assigurazzjoni għall-mard komprensiva.

63      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għar-raba’ sas-sitt domanda hija li:

–        l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mid-dritt ta’ affiljazzjoni mas-sistema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat Membru ospitanti, li tippermetti li wieħed jibbenefika minn benefiċċji ta’ kura medika ffinanzjati minn dan l-Istat, liċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi, li jkunu ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, li jaqgħu, skont l-Artikolu 11(3)(e) ta’ dan ir-regolament, taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti u li jeżerċitaw id-dritt ta’ residenza tagħhom fit-territorju ta’ dan tal-aħħar konformement mal-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva;

–        l-Artikolu 4 u l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 kif ukoll l-Artikolu 7(1)(b) u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, għall-kuntrarju, ma jipprekludux li l-affiljazzjoni ta’ tali ċittadini tal-Unjoni ma’ din is-sistema ma tkunx mingħajr ħlas, sabiex jiġi evitat li l-imsemmija ċittadini jsiru piż irraġonevoli għall-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti.

 Fuq it-tielet domanda

64      Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

65      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li benefiċċji ta’ kura medika, iffinanzjati mill-Istat, li jingħataw, mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, lill-persuni li jaqgħu fil-kategoriji ta’ benefiċjarji ddefiniti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jikkostitwixxu “benefiċċji marbuta mal-mard”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 988/2009.

2)      L-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 988/2009, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mid-dritt ta’ affiljazzjoni mas-sistema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat Membru ospitanti, li tippermetti li wieħed jibbenefika minn benefiċċji ta’ kura medika ffinanzjati minn dan l-Istat, liċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi, li jkunu ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, li jaqgħu, skont l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 988/2009, taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti u li jeżerċitaw id-dritt ta’ residenza tagħhom fit-territorju ta’ dan tal-aħħar konformement mal-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva.

L-Artikolu 4 u l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 988/2009, kif ukoll l-Artikolu 7(1)(b) u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, għall-kuntrarju, ma jipprekludux li l-affiljazzjoni ta’ tali ċittadini tal-Unjoni ma’ din is-sistema ma tkunx mingħajr ħlas, sabiex jiġi evitat li l-imsemmija ċittadini jsiru piż irraġonevoli għall-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.