Language of document : ECLI:EU:T:2004:247

Ordonnance du Tribunal

ORDNI TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tieni Sezzjoni)

« Trade Mark Komunitarja – Proċedura ġurisdizzjonali – Assunzjoni ta' l-atti tal-kawża minflok waħda mill-partijiet – Trasferiment tat-titolu ta' proprjetà ta' trade mark preċedenti »

Fil-kawża T-131/03,

Gerolsteiner Brunnen GmbH & Co., stabbilita f'Gerolstein (il-Ġermanja), rappreżentata minn A. Ebert-Weidenfeller, avocat,

rikorrent

vs

L'Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u diżinji) (OHIM) rappreżentat minn U. Pfleghar u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem l-Bord ta’ l-Appell ta’ l-OHIM, intervenjenti quddiem il-Qorti tal- Prim’Istanza, li hija

Kerry Group plc, stabbilita fi Tralee (l-Irlanda), rappreżentata minn P. Neuwald, avocat,

li għandu bħala għan rikors mressaq kontra d-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell ta' l-OHIM tat-13 ta' Frar 2003 (Kawża R275/2002-1), dwar proċedura ta' opposizzjoni bejn Gerolsteiner Brunnen GmbH & Co. u Kerry Group plc,



IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ
(it-Tieni Sezzjoni),



magħmula minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u S. S. Papasavvas, Mħallfin,

Reġistratur : H. Jung,

tagħti l-preżenti



Ordni



1
Fit-3 ta' Jannar 1997, Kerry Group plc (iktar 'l isfel «l-intervenjent ») ippreżentat, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-Trade Mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, pġ. 1), kif emendat, talba għal trade mark komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u diżinji) (OHIM).

2
Fit-12 ta' Ġunju 1998, Gerolsteiner Brunnen GmbH & Co. ressaq opposizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba. B'deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Opposizzjoni ta' l-OHIM tad-29 ta' Jannar 2002, l-opposizzjoni ġiet miċħuda, u b'deċiżjoni tal-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-OHIM fit- 13 ta' Frar 2003, l-appell imressaq kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud wkoll.

3
B' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-17 ta' April 2003, Gerolsteiner Brunnen GmbH & Co. (iktar 'l isfel « ir-rikorrent » jew « Gerolsteiner Brunnen ») talab lill-Qorti tal-Prim'Istanza tannulla d-deċiżjoni ta' l-aħħar u tikkundanna l-OHIM iħallas l-ispejjeż.

4
B'ittra depożitata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-5 ta' Diċembru 2003, ir-rappreżentant tar-rikorrent informa lill-Qorti tal-Prim'Istanza li kien ittrasferixxa lil Sinziger Mineralbrunnen GmbH it-trade mark li fuqha qabel kienet ġiet ibbażata l-opposizzjoni. Huwa indika wkoll li din il-kumpanija kienet awtorizzatu jirrappreżentaha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u li, bħhala l-proprjetarja l-ġdida tat-trade mark, kienet qed titlob li tiġi awtorizzata tassumi l-atti tal-kawża minflok Gerolsteiner Brunnen bħala parti rikorrenti fil-Kawża preżenti.

5
B'ittra tal-10 ta' Dicembru 2003, il-partijiet fil-kawża ġew mitluba jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-talba ta' Sinziger Mineralbrunnen.

6
B'ittri depożitati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza rispettivament fis-17 u fit-23 ta' Dicembru 2003, il-konvenut u l-intervenjent indikaw li ma kellhom l-ebda oġġezzjoni li tiġi awtorizzata l-assunzjoni ta' l-atti tal-kawża tar-rikorrent minn Sinziger Mineralbrunnen.

7
B'ittra depożitata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' Jannar 2004, ir-rikorrent wera li jaqbel li hu jiġi sostitwit minn Sinziger Mineralbrunnen.

8
Kif deċiż mill-Qorti tal-Prim'Istanza fl-Ordni tagħha tal-5 ta' Marzu 2004, Boss vs OHIM – Delta Holding (BOSS) (T-94/02, li għadu mhux ippubblikat fil-Ġabra), f'każ ta' ċessjoni ta' titolu ta' proprjeta' intellettwali involuta fil-kawża, il-proprjetarju l-ġdid ta' dan it-titolu, li huwa parti fil-kawża quddiem il-Bord ta' l-Appell, jista' permezz ta' ordni jiġi awtoriżżat jassumi l-atti tal-kawża minflok min kien hemm qablu fi ħdan il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, sakemm il-proprjetarju preċedenti ma jsibx oġġezzjoni u l-Qorti tal-Prim'Istanza, wara li tkun semgħet il-partijiet l-oħra fil-kawża, jidhrilha li dan huwa opportun.

9
Fl-assenza ta' disposizzjonijiet fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u fir-Regolamenti ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li jirregolaw espliċitament l-assunzjoni ta' l-atti fil-kawża minflok parti oħra, wieħed għandu japplika, b'analoġija, id-disposizzjonijiet proċedurali ta' l-Artikoli 115 u 116 tar-Regolamenti ta' Proċedura. B'mod partikolari, l-intitolat għandu jaċċetta l-kawża fl-istat li din tinsab fil-mument ta' l-assunzjoni ta' l-atti.

10
Fil-kawża preżenti, Gerolsteiner Brunnen, il-proprjetarju preċedenti tat-titolu ta' proprjeta' intellettwali li hija l-bażi ta' l-opposizzjoni għat-talba tat-trade mark komunitarja, iddikjara li jaqbel mas-sostituzzjoni u la l-OHIM u lanqas l-intervenjent ma qajjmu oġġezzjonijiet f'dan ir-rigward. F'din iċ-ċirkostanza, hemm lok li Sinziger Mineralbrunnen tiġi awtoriżżata tassumi l-atti tal-kawża minflok Gerolsteiner Brunnen bħala parti rikorrenti fil-kawża preżenti.


Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

tordna:

1)
Sinziger Mineralbrunnen GmbH hija awtorizzata tassumi l-atti tal-kawża minflok Gerolsteiner Brunnen GmbH & Co. bħala parti rikorrenti.

2)
L'ispejjez jiġu deċiżi fi stadju ulterjuri.

Magħmul illum, is-27 ta' Lulju, 2004, fil-Lussemburgu

Reġistratur

President

H. Jung

J. Pirrung


1
Lingwa tal-kawża  : il-Ġermaniż.