Language of document : ECLI:EU:C:2021:366

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fis‑6 ta’ Mejju 2021 (1)

Kawża C791/19

IlKummissjoni Ewropea

vs

IrRepubblika talPolonja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Miżuri nazzjonali li jistabbilixxu sistema dixxiplinari għall-imħallfin – Tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – L-Istat tad-dritt – Indipendenza ġudizzjarja – Definizzjoni ta’ ksur dixxiplinari – Eżami minn qorti indipendenti u imparzjali stabbilita mil-liġi – Żmien raġonevoli – Drittijiet tad-difiża – Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea – Artikolu 267 TFEU – Impediment għad-dritt tal-qrati nazzjonali li jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari”






I.      Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proċeduri kontra r‑Repubblika tal-Polonja taħt l-Artikolu 258 TFUE talli naqset li twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u t-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE minħabba miżuri nazzjonali li jistabbilixxu sistema dixxiplinari ġdida għall-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Qorti Suprema”) u l-qrati ordinarji stabbiliti permezz ta’ leġiżlazzjoni adottata fl‑2017 (2).

2.        B’mod speċifiku, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li r-Repubblika tal-Polonja kisret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE b’erba’ raġunijiet dwar: l-ewwel, il-klassifikazzjoni tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji bħala ksur dixxiplinari; it-tieni, in-nuqqas ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-Izba Dyscyplinarna Sądu Nawyższego (l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema, il-Polonja, iktar ’il quddiem l-“Awla Dixxiplinari”); it-tielet, is-setgħa diskrezzjonali tal-president ta’ din l-awla li jagħżel il-qorti kompetenti, li jipprevjeni li kawżi dixxiplinari jiġu deċiżi minn qorti stabbilita mil-liġi; u, ir-raba’, in-nuqqas li jiġu żgurati l-eżami tal-kawżi dixxiplinari fi żmien raġonevoli u d-drittijiet tad-difiża tal-imħallfin akkużati, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

3.        Il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-Repubblika tal-Polonja kisret it-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE peress li d-dritt ta’ qrati nazzjonali li jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa limitat bil-possibbiltà li jinfetħu proċeduri dixxiplinari kontra mħallfin li jeżerċitaw dan id-dritt.

4.        Din il-kawża tinsab fil-kuntest tan-numru dejjem jikber ta’ kawżi li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-bidliet leġiżlattivi li jaffettwaw l-indipendenza ġudizzjarja fil-Polonja (3), inkluż l-indipendenza tal-Awla Dixxiplinari, li rriżultat fis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (4), flimkien ma’ aspetti oħra li jinfluwenzaw is-sistema dixxiplinari l-ġdida għall-imħallfin, kif enfasizzat fis-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (5). Kif huwa magħruf sewwa, dawn il-bidliet attiraw kritika internazzjonali ġenerali (6), u skattaw l-Opinjoni motivata tal-Kummissjoni, maħruġa taħt l-Artikolu 7(1) TUE, dwar l-Istat tad-dritt fil-Polonja (7).

5.        Fil-fatt, din il-kawża hija t-tielet azzjoni ppreżentata mill-Kummissjoni kontra r-Repubblika tal-Polonja taħt l-Artikolu 258 TFUE dwar l-allegat ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE minħabba dawn it-tibdiliet (8). Permezz tal-ewwel żewġ sentenzi tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (9), u tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (10), il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddeċidiet, bi qbil mal-konklużjonijiet tiegħi f’dawn il-kawżi, li miżuri li jnaqqsu l-età tal-irtirar għall-imħallfin tal-Qorti Suprema u l-qrati ordinarji u li jagħtu lill-President tar-Repubblika tal-Polonja (iktar ’il quddiem il-“President tar-Repubblika”) u lill-Ministeru għall-Ġustizzja setgħa diskrezzjonali li jestendu l-mandat attiv ta’ dawn l-imħallfin huma inkompatibbli mal-obbligi tar-Repubblika tal-Polonja taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, peress li huma kuntrarji għall-prinċipji ta’ indipendenza ġudizzjarja u li l-Imħallfin ma jistgħux jitneħħew żgurati minn din id-dispożizzjoni.

6.        Bla dubju, din il-kawża hija ta’ importanza fundamentali għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. B’mod ġenerali, sistema dixxiplinari għall-imħallfin tinkludi sensiela ta’ regoli li jippermettu li l-imħallfin jinżammu responsabbli għal forom serji ta’ nuqqasijiet u għalhekk tikkontribwixxi sabiex ittejjeb il-fiduċja pubblika fil-qrati (11). Madankollu għandu jkun hemm biżżejjed protezzjonijiet stabbiliti sabiex l-indipendenza ġudizzjarja ma tiġix imminata mit-theddida jew l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet li jistgħu jittieħdu kontrihom. Sistema bħal din, għaldaqstant, hija marbuta mal-Istat tad-dritt u, imbagħad, mal-funzjonament u mal-futur tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni mibnija fuq il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali.

7.        Konsegwentement, din il-kawża tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-opportunità li tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha fuq il-kompatibbiltà ta’ miżuri meħuda minn Stat Membru dwar l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja tiegħu, u b’mod partikolari s-sistema dixxiplinari għall-imħallfin, mar-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għall-iżgurar ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u r-rispett għall-Istat tad-dritt fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Din il-kawża tqajjem ukoll ċerti kwistjonijiet importanti dwar ir-relazzjoni bejn it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta f’dan il-kuntest.

8.        F’dawn il-konklużjonijiet, sejjer nistabbilixxi r-raġunijiet li minħabba fihom nikkunsidra li dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jiġi milqugħ.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

9.        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.”

10.      It-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jistabbilixxu:

“Meta l-kwistjoni titqajjem quddiem xi qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru, dik il-Qorti jew tribunal jistgħu, jekk ikun jidhrilhom li deċiżjoni fuq dik il-kwistjoni tkun meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza, jitolbu lill-Qorti sabiex tagħti deċiżjoni dwarha.

Meta l-kwistjoni titqajjem f’każ pendenti quddiem xi qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, dik il-qorti jew dak it-tribunal, għandhom jirreferu l-kwistjoni lill-Qorti.”

B.      Id-dritt Pollakk

1.      Il-Liġi dwar il-Qorti Suprema

11.      Il-bidliet fid-dritt Pollakk dwar is-sistema dixxiplinari l-ġdida għall-imħallfin tal-Qorti Suprema u l-qrati ordinarji inkwistjoni f’din il-kawża ġew introdotti mill-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 5, kif emendata, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qorti Suprema”), li daħlet fis-seħħ fit‑3 ta’ April 2018.

12.      Skont l-Artikolu 3(4) u (5) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, din il-liġi rispettivament stabbilixxiet żewġ awli ġodda fi ħdan il-Qorti Suprema msejħa l-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema, iktar ’il quddiem l-“Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi”) u l-Awla Dixxiplinari (iktar ’il quddiem l-“Awla Dixxiplinari”).

13.      L-Artikolu 27 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jistabbilixxi:

“1.      Il-każijiet segwenti għandhom jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Awla Dixxiplinari:

1)      proċeduri dixxiplinari;

a)      li jinvolvu l-imħallfin tal-Qorti Suprema;

b)      eżaminati mill-Qorti Suprema inkonnessjoni mal-proċeduri dixxiplinari taħt il-liġijiet li ġejjin:

[…]

–        l-ustawa z dnia 27 lipca 2001 r. – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi tas‑27 ta’ Lulju 2001 dwar is-Sistema tal-Qrati Ordinarji);

[…]”

14.      L-Artikolu 73 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jipprevedi:

“1.      Il-qrati dixxiplinari fil-kawżi dixxiplinari li jikkonċernaw l-imħallfin tal-Qorti Suprema huma:

(1)      fl-ewwel istanza: is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), bħala kulleġġ ġudikanti ta’ żewġ Imħallfin tal-Awla Dixxiplinari u ta’ ġurat tal-Qorti Suprema;

(2)      fl-appell: il-Qorti Suprema, bħala kulleġġ ġudikanti ta’ tliet Imħallfin tal-Awla Dixxiplinari u ta’ żewġ ġurati tal-Qorti Suprema.”

15.      L-Artikolu 97 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jistabbilixxi:

“1.      Il-Qorti Suprema, jekk tikkonstata ksur manifest tar-regoli waqt l-eżami ta’ kawża – indipendentement mill-prerogattivi l-oħra tagħha – għandha tindirizza l-konstatazzjoni ta’ żball lill-qorti kkonċernata. Qabel ma tindirizza l-konstatazzjoni ta’ żball, hija għandha tinforma lill-Imħallef jew lill-Imħallfin li jifformaw parti mill-kulleġġ ġudikanti bil-possibbiltà li jippreżentaw spjegazzjonijiet bil-miktub f’terminu ta’ 7 ijiem. L-iskoperta u l-konstatazzjoni ta’ żball ma jaffettwawx l-eżitu tal-kawża.

[…]

3.      Il-Qorti Suprema, meta tindirizza konstatazzjoni ta’ żball, tista’ tressaq talba għall-eżami ta’ kawża dixxiplinari quddiem qorti dixxiplinari. Il-qorti dixxiplinari tal-ewwel istanza hija l-Qorti Suprema.”

2.      Il-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji

16.      Is-sistema dixxiplinari għall-imħallfin tal-qrati ordinarji hija wkoll irregolata mill-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar is-Sistema tal-Qrati Ordinarji) tas‑27 ta’ Lulju 2001 (Dz. U. tal-2001, No 98, pożizzjoni 1070, kif emendata, b’mod partikolari, bil-Liġi dwar il-Qorti Suprema; iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qrati Ordinarji”).

17.      L-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, fil-verżjoni applikabbli fil-punt ta’ żmien rilevanti (12), jistabbilixxi:

“Imħallef għandu jkun responsabbli għal azzjoni dixxiplinari għal kondotta ħażina professjonali, inkluż ksur manifest u flagranti tal-liġi u ksur tad-dinjità tal-kariga tiegħu (ksur dixxiplinari).”

18.      L-Artikolu 110(3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jistabbilixxi:

“Il-qorti dixxiplinari li fil-ġurisdizzjoni tagħha l-imħallef li huwa s-suġġett tal-proċedura dixxiplinari jeżerċita l-kariga tiegħu ma hijiex ammessa li tieħu konjizzjoni tal-kawżi msemmija fil-punt (1)(a) tal-paragrafu 1. Il-qorti dixxiplinari kompetenti sabiex tisma’ l-kawża għandha tinħatar mill-President [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li jidderieġi l-ħidma tal-Awla Dixxiplinari fuq it-talba tal-Uffiċjal Dixxiplinari.”

19.      L-Artikolu 112b tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jistabbilixxi:

“1.      Il-Ministru għall-Ġustizzja jista’ jaħtar Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja biex imexxi każ partikolari li jikkonċerna mħallef. Il-ħatra ta’ Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja għandha tipprekludi lil kull uffiċjal ieħor milli jaġixxi f’dan il-każ.

2.      L-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja għandu jinħatar minn fost l-imħallfin tal-qrati ordinarji jew imħallfin tal-Qorti Suprema. Fil-każ ta’ reati dixxiplinari li għandhom il-karatteristiċi ta’ reati intenzjonati li jistgħu jiġu ppersegwiti mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, l-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja jista’ wkoll jinħatar minn fost il-prosekuturi pubbliċi indikati mill-Prosekutur Ġenerali Pubbliku Nazzjonali. F’każijiet iġġustifikati, b’mod partikolari fil-każ tal-mewt tal-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja jew ostakli fit-tul għall-qadi tal-funzjonijiet tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja għandu jaħtar floku mħallef ieħor jew, fil-każ ta’ reat dixxiplinari li jkollu l-karatteristiċi ta’ reat intenzjonat li jista’ jiġi ppersegwit mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, imħallef jew prosekutur pubbliku.

3.      L-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja jista’ jibda l-proċeduri fuq talba tal-Ministru għall-Ġustizzja jew jingħaqad fi proċeduri li jkunu għaddejjin.

4.      Il-ħatra tal-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja hija ekwivalenti għal talba biex jinbdew proċeduri investigattivi jew dixxiplinari.

5.      Il-funzjoni tal-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja għandha tiskadi malli ssir finali deċiżjoni ġudizzjarja li tiċħad il-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, li twaqqaf proċeduri dixxiplinari jew li tagħlaq proċeduri dixxiplinari. L-iskadenza tal-funzjoni tal-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja ma għandhiex tipprekludi l-ħatra mill-ġdid mill-Ministru għall-Ġustizzja tal-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja fl-istess kawża.”

20.      L-Artikolu 113a tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jistabbilixxi li:

“Attivitajiet relatati mal-ħatra ta’ avukat ex officio u l-patroċinju tad-difiża min-naħa tiegħu ma għandux ikollhom effett sospensiv fuq l-iżvolġiment tal-proċedura.”

21.      L-Artikolu 114(7) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jistabbilixxi li:

“Man-notifika tal-akkużi dixxiplinari, l-Uffiċjal Dixxiplinari għandu jitlob lill‑President [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li jidderieġi l-ħidma tal-Awla Dixxiplinari sabiex jinnomina l-qorti dixxiplinari inkarigata mill-eżami tal-kawża fl-ewwel istanza. Il-President tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li jidderieġi l-ħidma tal-Awla Dixxiplinari għandu jinnomina lil din il-qorti fi żmien sebat ijiem minn meta jirċievi t-talba.”

22.      L-Artikolu 115a(3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jistabbilixxi li:

“Il-qorti dixxiplinari għandha tmexxi l-proċeduri minkejja l-assenza ġġustifikata tal-akkużat innotifikat jew tal-avukat difensur tiegħu, sakemm dan ma jmurx kontra t-tmexxija tajba tal-proċedura dixxiplinari.”

3.      Il-Liġi dwar il-KRS

23.      Il-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il‑Polonja; iktar ’il quddiem il-“KRS”) huwa rregolat mill-ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura) tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. tal‑2011, No 126, pożizzjoni 714), kif emendata, b’mod partikolari bl-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 3, il-“Liġi dwar il-KRS”), li daħlet fis-seħħ fis‑17 ta’ Jannar 2018.

24.      L-Artikolu 9a tal-Liġi dwar il-KRS jistabbilixxi:

“1.      [Is-Sejm (il-Parlament)] għandu jeleġġi minn fost l-imħallfin [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], tal-qrati ordinarji, tal-qrati amministrattivi u tal-qrati militari ħmistax-il membru tal-[KRS] għal mandat konġunt ta’ erba’ snin.

2.      Fit-twettiq tal-elezzjoni li tissemma fil-paragrafu 1, [is-Sejm (il-Parlament)] għandu, sa fejn ikun possibbli, jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonn ta’ rappreżentanza fil-[KRS] ta’ mħallfin minn tipi u livelli differenti ta’ qrati.

3.      Il-mandat konġunt ta’ membri ġodda tal-[KRS] eletti minn fost l-imħallfin għandu jibda l-għada tal-ġurnata tal-elezzjoni tagħhom. Il-membri tal-[KRS] tal-mandat preċedenti għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom sal-ġurnata li fiha jibda l-mandat konġunt tal-membri l-ġodda tal-[KRS].”

III. Il-proċedura prekontenzjuża

25.      Fit‑3 ta’ April 2019, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Polonja ittra ta’ intimazzjoni, skont l-Artikolu 258 TFUE, dwar il-konformità tas-sistema dixxiplinari l-ġdida għall-imħallfin tal-Qorti Suprema u tal-qrati ordinarji – kif stabbilit fil-Liġi dwar il-Qorti Suprema, il-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji u l-Liġi dwar il-KRS (flimkien iktar ’il quddiem, “il-miżuri kkontestati”) – mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u t-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, u stednitha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien xahrejn.

26.      Fl‑1 ta’ Ġunju 2019, ir-Repubblika tal-Polonja wieġbet għall-ittra ta’ intimazzjoni u kkontestat l-argumenti tal-Kummissjoni.

27.      Fis‑17 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Polonja, fejn allegat li s-sistema dixxiplinari inkwistjoni tikser id-dispożizzjonijiet tat-Trattat imsemmija fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u stednitha tikkonforma ma’ din l-opinjoni motivata fi żmien xahrejn mill-irċevuta tagħha.

28.      Fis‑17 ta’ Settembru 2019, ir-Repubblika tal-Polonja wieġbet għall-opinjoni motivata, billi sostniet li l-ksur allegat kien infondat.

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

29.      Permezz tar-rikors tagħha ppreżentat fil‑25 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE. Hija talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

(1)      tiddikjara li r-Repubblika tal-Polonja naqset mill-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE:

–        billi tippermetti li l-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji jista’ jiġi kklassifikat bħala ksur dixxiplinari li jikkonċerna l-imħallfin tal-qrati ordinarji;

–        billi ma tiggarantixxix l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari, li għandha ġurisdizzjoni għall-istħarriġ ta’ deċiżjonijiet mogħtija fi proċeduri dixxiplinari kontra mħallfin;

–        billi tagħti lill-President tal-Awla Dixxiplinari s-setgħa diskrezzjonali li jinnomina l-Qorti Dixxiplinari kompetenti fl-ewwel istanza fil-kawżi kontra l-Imħallfin tal-qrati ordinarji u, b’dan il-mod, ma tiggarantixxix li l-kawżi dixxiplinari jiġu eżaminati minn qorti stabbilita mil-liġi;

–        billi tagħti lill-Ministru għall-Ġustizzja s-setgħa li jinnomina Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja u, b’dan il-mod, ma tiggarantixxix li l-kawżi dixxiplinari kontra l-Imħallfin tal-qrati ordinarji jiġu eżaminati fi żmien raġonevoli, b’mod li jipprevedu li l-atti marbuta man-nomina ta’ avukat u l-aċċettazzjoni tal-patroċinju tal-każ minnu ma jkollhomx effett sospensiv fuq l-iżvolġiment tal-proċedura dixxiplinari u li l-Qorti Dixxiplinari tmexxi l-proċedura anki fil-każ ta’ assenza ġġustifikata tal-Imħallef inkwistjoni, informat, jew tal-avukat tiegħu u, b’dan il-mod, ma tiżgurax id-drittijiet tad-difiża tal-Imħallfin tal-qrati ordinarji inkwistjoni;

(2)      tiddikjara li r-Repubblika tal-Polonja naqset mill-obbligi tagħha taħt it-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE billi tippermetti li d-dritt tal-qrati li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talbiet għal domandi preliminari jiġi limitat bil-possibbiltà li tinfetaħ proċedura dixxiplinari; u

(3)      tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

30.      Fir-risposta tagħha ppreżentata fid‑9 ta’ Jannar 2020, ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

(1)      tiċħad dan ir-rikors fl-intier tiegħu bħala infondat; u

(2)      tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31.      Il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja ppreżentaw ukoll replika u kontroreplika fil‑21 ta’ Frar 2020 u fis‑6 ta’ Mejju 2020, rispettivament.

32.      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Novembru 2019, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad it-talba tal-Kummissjoni li din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura mħaffa u taha trattament ta’ prijorità taħt l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

33.      Permezz ta’ att separat ippreżentat fit‑23 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni ppreżentat rikors għal miżuri provviżorji, fejn talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna lir-Repubblika tal-Polonja sabiex: l-ewwel, tissospendi l-applikazzjoni tal-Artikoli 3(5), 27 u 73(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, li jiffurmaw il-bażi tal-ġurisdizzjoni tal-Awla Dixxiplinari sabiex tiddeċiedi, fl-ewwel istanza u fl-appell, kawżi dixxiplinari li jikkonċernaw l-imħallfin; it-tieni, li l-kawżi pendenti quddiem l-Awla Dixxiplinari ma jiġux suġġetti għal awla li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza kif iddefiniti, inter alia, fis-sentenza A. K. et; u, it-tielet, li tikkomunika lill-Kummissjoni, mhux iktar tard minn xahar wara n-notifika tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri adottati sabiex tikkonforma ruħha bis-sħiħ ma’ dan id-digriet.

34.      Permezz ta’ digrieti tal‑11, tad-19 u tal-20 ta’ Frar 2020, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta lir-Renju tal-Belġju, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika tal-Finlandja, lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u lir-Renju tal-Isvezja d-dritt ta’ intervent f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

35.      Permezz ta’ digriet tat‑8 ta’ April 2020 (13), il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet kompletament it-talba tal-Kummissjoni għal miżuri provviżorji sakemm tagħti s-sentenza finali fil-kawża preżenti.

36.      Inżammet seduta fl‑1 ta’ Diċembru 2020 fejn il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju tal-Isvezja ppreżentaw argument orali.

V.      Sommarju tal-argumenti tal-partijiet

A.      L-ilmenti dwar il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE

1.      L-applikabbiltà u l-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE

37.      Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa applikabbli għal din il-kawża, peress li l-Qorti Suprema u l-qrati ordinarji jiddeċiedu dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fehma tagħha, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (14), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jinkludi l-garanziji kollha li jirriżultaw mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, inkluż id-dritt għal qorti stabbilita mil-liġi, id-dritt li l-kawża tinstema’ fi żmien raġonevoli u d-drittijiet tad-difiża, peress li huma intiżi sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-miżuri dixxiplinari jintużaw bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.

38.      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li dawn id-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta ma jirriżultawx mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, b’tali mod li t-tielet u r-raba’ lment ma jistgħux jiġu aċċettati. Meħud inkunsiderazzjoni l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta fir-rigward tal-Istati Membri kif stabbilit fl-Artikolu 51(1) tagħha, dawn id-drittijiet ma japplikawx għal kawżi dixxiplinari mmexxija fuq il-bażi tal-miżuri kkontestati, peress li huma ta’ natura interna u l-qorti dixxiplinari f’kawżi bħal dawn ma tapplikax id-dritt tal-Unjoni.

39.      Skont ir-Renju tal-Belġju u r-Renju tal-Isvezja, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa applikabbli għal din il-kawża. Ir-Renju tal-Belġju jindika li, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-garanziji sostantivi li għalihom hija suġġetta l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fuq il-bażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta huma l-istess.

2.      L-ewwel ilment, dwar it-trattament tal-kontenut ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji bħala ksur dixxiplinari

40.      Permezz tal-ewwel ilment, il-Kummissjoni targumenta li, fuq il-bażi tal-formulazzjoni tagħhom, l-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji u l-Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jiksru t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE minħabba li jippermettu lill-organi nazzjonali kompetenti f’kawżi dixxiplinari li jinvolvu lill-imħallfin tal-qrati ordinarji sabiex jinterpretaw il-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà dixxiplinari b’mod li l-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji jista’ jiġi kkwalifikat bħala ksur dixxiplinari. Dan jagħmilha possibbli sabiex is-sistema dixxiplinari tintuża bħala mezz sabiex jiġi eżerċitat kontroll politiku fuq imħallfin tal-qrati ordinarji kuntrarjament għall-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja protett minn din id-dispożizzjoni. Anki jekk id-definizzjoni ta’ ksur dixxiplinari u speċifikament il-kategorija ta’ ksur manifest u serju tal-liġi fl-Artikolu 107(1) ta’ din il-liġi ma ġietx emendata bil-leġiżlazzjoni ppromulgata fl‑2017, l-interpretazzjoni tagħha hija fdata lill-Awla Dixxiplinari, li ma hijiex indipendenti, kif iddettaljat fit-tieni lment, u ma hijiex marbuta mill-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti Suprema li tinterpretaha b’mod strett (15).

41.      Il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni li tgħid li l-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jkopri l-kontenut ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji hija ssostanzjata fil-prattika minn miżuri meħuda mill-Uffiċjal Dixxiplinari għall-Imħallfin tal-Qrati Ordinarji u ż-żewġ deputati tiegħu, maħtura mill-Ministru għall-Ġustizzja fl‑2018, li jaġixxu bħala prosekuturi kontra l-imħallfin taħt is-sistema dixxiplinari l-ġdida. Fid‑29 ta’ Novembru 2018, infetħu investigazzjonijiet sabiex jiġi ddeterminat jekk tliet imħallfin wettqux ksur dixxiplinari b’rabta mar-rinviji fil-Kawżi C‑558/18, C‑563/18 u C‑623/18, fejn ġew ordnati jippreżentaw spjegazzjonijiet dwar “eċċess ġudizzjarju” possibbli minħabba l-fatt li għamlu l-imsemmija rinviji (16). Fit‑3 ta’ Settembru 2019, saret investigazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imħallef li ppreżenta r-rinviji fil-Kawżi C‑748/19 sa C‑754/19, li jirrigwardaw, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti tal-indipendenza ġudizzjarja dwar qorti li l-kompożizzjoni tagħha tinkludi mħallef issekondat mill-Ministru għall-Ġustizzja, wettaqx ksur dixxiplinari (17). Fis‑6 ta’ Diċembru 2019, tressqu proċeduri dixxiplinari kontra dan l-imħallef talli, inter alia, iddubita mill-indipendenza tal-imħallef ikkonċernat u talli illegalment għamel ir-rinviji (18).

42.      Il-Kummissjoni tinvoka eżempji addizzjonali, li seħħew wara l-preżentata ta’ din il-kawża. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Frar 2020 (19), l-Awla Dixxiplinari ssospendiet mill-kariga mħallef li kontrih kienu nfetħu proċeduri dixxiplinari fid‑29 ta’ Novembru 2019 li jikkonċernaw id-deċiżjoni ta’ dan l-imħallef li jivverifika l-istatus ġuridiku ta’ mħallef fid-dawl tal-bidliet leġiżlattivi fil-kompożizzjoni tal-KRS (20). F’din id-deċiżjoni, l-Awla Dixxiplinari ddikjarat, inter alia, li l-aġir tal-imħallef ikkostitwixxa ksur manifest u serju tal-liġi u ksur tad-dinjità tal-kariga skont l-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji u li l-illegalità tad-deċiżjoni tal-imħallef ma kinitx f’dubju. Infetħu wkoll proċeduri dixxiplinari kontra tliet imħallfin li ddubitaw l-istatus ġuridiku ta’ mħallfin minħabba dawn il-bidliet (21).

43.      Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jsaħħaħ l-effetti ġuridiċi tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji minħabba li tgħaqqad il-possibbiltà li l-Qorti Suprema tindirizza konstatazzjoni ta’ żball lil qorti, li jikkonsisti minn ksur manifest ta’ liġi, mal-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari kontra mħallef. Dan japplika fil-kuntest tal-proċedura straordinarja tal-appell ġdida, li tinvolvi stħarriġ mill-ġdid ta’ sentenzi tal-qrati ordinarji li jmorru lura diversi snin, mill-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, li, bħall-Awla Dixxiplinari, hija awla ġdida tal-Qorti Suprema komposta minn imħallfin proposti mill-KRS kif reċentement ikkostitwit.

44.      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li ma nfetħet l-ebda proċedura dixxiplinari bbażata fuq il-kontenut ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji kontra l-imħallfin u li ma jeżistix “effett dissważiv”. Id-definizzjoni ta’ ksur dixxiplinari ilha fis-seħħ mingħajr problema, kif muri mill-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti Suprema (22). L-eżempji ċċitati mill-Kummissjoni huma irrilevanti, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża għandha tkun relatata mas-sitwazzjoni li teżisti fi tmiem il-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata. L-Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema japplika f’kuntest differenti, u l-Qorti Suprema titlob biss il-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari.

45.      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja enfasizzaw fis-seduta diversi rapporti ta’ organi nazzjonali u internazzjonali li jikkritikaw l-investigazzjonijiet u l-proċeduri dixxiplinari miftuħa kontra l-imħallfin u d-definizzjoni wiesgħa ta’ ksur dixxiplinari. Fl-opinjoni tar-Repubblika tal-Finlandja, tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju tal-Isvezja, dan għandu “effett dissważiv” fuq l-imħallfin. Ir-Renju tad-Danimarka iżid li l-kombinazzjoni ma’ bidliet oħra żżid ir-riskju li l-miżuri dixxiplinari jistgħu jintużaw sabiex tiġi eżerċitata pressjoni fuq l-imħallfin.

3.      It-tieni lment, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari

46.      Permezz tat-tieni lment, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikoli 3(5), 27 u 73(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema flimkien mal-Artikolu 9a tal-Liġi dwar il-KRS ma jiżgurawx l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari. Skont l-Artikoli 3(5), 27 u 73(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, l-Awla Dixxiplinari tikkostitwixxi, fir-rigward tal-imħallfin tal-qrati ordinarji, il-qorti dixxiplinari tat-tieni istanza u, f’ċerti każijiet, tal-ewwel istanza, u, fir-rigward tal-imħallfin tal-Qorti Suprema, il-qorti dixxiplinari tal-ewwel u tat-tieni istanza. L-Artikolu 9a tal-Liġi dwar il-KRS jibdel il-metodu tal-ħatra tal-membri tal-ġudikatura tal-KRS, l-organu kostituzzjonali li l-funzjonijiet tiegħu jinkludu l-proposta ta’ mħallfin għall-ħatra mill-President tar-Repubblika.

47.      Il-Kummissjoni ssostni li diversi elementi kkunsidrati flimkien u li kienu simultanjament inklużi fid-dritt Pollakk jirriflettu “ksur strutturali”, li jqajjem dubji dwar l-impermeabbiltà tal-Awla Dixxiplinari għal fatturi esterni u n-newtralità tagħha għal interessi kunfliġġenti. Dawn l-element jinkludu: (i) hija nħolqot ex nihilo fi ħdan il-Qorti Suprema; (ii) hija kompetenti biex tiddeċiedi dwar proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin; (iii) hija kkaratterizzata minn livell għoli ta’ awtonomija organizzattiva u finanzjarja mill-awli l-oħra tal-Qorti Suprema; (iv) hija komposta minn imħallfin maħtura wara l-ħolqien tagħha fuq proposta tal-KRS ikkostitwit reċentement mhux permezz ta’ trasferiment ta’ mħallfin diġà fil-kariga f’awli oħra tal-Qorti Suprema; u (v) il-mandati tal-membri tal-KRS intemmu b’mod prematur u r-regoli li jirregolaw il-mod ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura tal-KRS ġew mibdula, u dan wassal għall-politiċizzazzjoni tal-KRS bi 23 minn 25 membru maħtura jew irrappreżentati mill-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi u għal influwenza ikbar ta’ dawn l-awtoritajiet fuq il-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari. Hija tinvoka s-sentenza f’A. K. et u l-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema li tapplika l-kriterji f’dik is-sentenza.

48.      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-proċedura għall-ħatra tal-imħallfin skont id-dritt Pollakk ma hijiex differenti mill-approċċi adottati fi Stati Membri oħra, u t-tibdiliet għall-metodu tal-ħatra tal-membri tal-ġudikatura tal-KRS isaħħu r-rappreżentanza tagħhom. Fil-fehma tagħha, l-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari jibbenefikaw minn sistema elaborata ta’ garanziji marbuta, inter alia, mal-fatt li ma jistgħux jitneħħew, mal-immunità u mar-remunerazzjoni tagħhom, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (23). Il-livell għoli ta’ awtonomija organizzattiva u finanzjarja tagħha jsaħħaħ l-indipendenza tagħha, u l-imħallfin ta’ din l-awla jirċievu 40 % iktar remunerazzjoni sabiex jiġu kkumpensati talli ma jidħlux għal ċerti attivitajiet imħallsa. Il-ġurisprudenza tal-Awla Dixxiplinari tixhed l-indipendenza tagħha, kif muri mill-ħarsa ġenerali annessa mas-sottomissjonijiet. Is-sentenza f’A. K. et tistabbilixxi l-konformità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati mad-dritt tal-Unjoni, u l-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema msemmija mill-Kummissjoni hija irrilevanti.

49.      Ir-Renju tal-Belġju jsostni li n-nuqqas tal-indipendenza tal-Awla Dixxiplinari huwa sostnut minn linji gwida maħruġa minn organi internazzjonali dwar l-indipendenza ġudizzjarja. Għar-Renju tad-Danimarka u għar-Repubblika tal-Finlandja, dan huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluża s-sentenza f’A. K. et.

4.      It-tielet ilment, dwar is-setgħa tal-President tal-Awla Dixxiplinari li jinnomina lill-qorti dixxiplinari

50.      Permezz tat-tielet ilment, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikoli 110(3) u 114(7) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, li jagħtu lill-President tal-Awla Dixxiplinari prattikament setgħa bla limitu li jaħtar il-qorti dixxiplinari kompetenti tal-ewwel istanza f’kawżi li jinvolvu lill-imħallfin tal-qrati ordinarji, ma jiżgurawx li dawn il-kawżi jiġu eżaminati minn qorti stabbilita mil-liġi u għalhekk huma kuntrarji għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) fuq l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Peress li l-Awla Dixxiplinari ma hijiex indipendenti, l-attribuzzjoni ta’ setgħa bħal din lill-president ta’ din l-awla ma tistax tikkostitwixxi garanzija effettiva ta’ indipendenza ġudizzjarja, u l-kulleġġ ġudikanti li għandu jiddeċiedi l-kawża jinħatar billi jittella’ bix-xorti minn fost l-imħallfin ta’ qorti partikolari li huma, min-naħa tagħhom, maħtura mill-Ministru għall-Ġustizzja.

51.      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li kwalunkwe qorti dixxiplinari tal-ewwel istanza hija qorti stabbilita mil-liġi li l-karigi tagħha ġew mimlija skont il-liġi. Il-President tal-Awla Dixxiplinari jaħtar waħda mill-qrati dixxiplinari stabbiliti mil-liġi, filwaqt li l-kulleġġ ġudikanti speċifiku jinħatar billi jittella’ bix-xorti minn lista tal-imħallfin kollha ta’ din il-qorti, li jipprevjeni influwenza indebita.

52.      Skont ir-Renju tad-Danimarka, l-ilment huwa msaħħaħ min-nuqqas ta’ indipendenza tal-Awla Dixxiplinari. Għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, dan huwa kkorroborat mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB.

5.      Ir-raba’ lment, dwar in-nuqqas ta’ osservanza tad-drittijiet proċedurali tal-imħallfin

53.      Permezz tar-raba’ lment, li huwa maqsum f’żewġ fergħat, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikoli 112b, 113a u 115a(3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji huma inkompatibbli mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE minħabba li jonqsu milli jiżguraw kemm li kawżi dixxiplinari kontra mħallfin tal-qrati ordinarji jinstemgħu fi żmien raġonevoli kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tal-imħallfin akkużati.

54.      Rigward l-ewwel fergħa, il-Kummissjoni ssostni li, permezz tal-Artikolu 112b tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, il-Ministru għall-Ġustizzja għandu l-possibbiltà li jżomm b’mod permanenti akkużi kontra mħallef billi jaħtar Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja, li jista’ jiftaħ proċeduri fuq it-talba tal-Ministru għall-Ġustizzja, jintervjeni fil-proċeduri fi kwalunkwe stadju u jiftaħ mill-ġdid il-proċeduri fl-istess kawża, anki wara li tkun ingħalqet. Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB fuq il-fergħa kriminali tal-Artikolu 6(1) KEDB (24), ir-rekwiżit taż-żmien raġonevoli ma huwiex żgurat. Argumenti bbażati fuq il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jieħdux inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni ċara ta’ din id-dispożizzjoni, u l-Artikolu 112b(2) tal-istess liġi jirregola sitwazzjonijiet fejn il-funzjoni tal-uffiċjal tiġi tterminata għal raġunijiet oħra.

55.      Rigward it-tieni fergħa, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 113a tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, li jipprevedi l-kontinwazzjoni tal-proċeduri anki fl-assenza tal-ħatra ta’ avukat ex officio jew fejn dan l-avukat ikun għadu ma assumiex il-patroċinju tad-difiża, jikser id-drittijiet tad-difiża, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB fuq l-Artikolu 6(3)(c) KEDB (25) dwar id-dritt ta’ aċċess għal avukat. Hija tikkontesta li din id-dispożizzjoni hija intiża biss li tippermetti lill-qorti dixxiplinari taħtar lil avukat ex officio, peress li dan huwa rregolat mill-Artikolu 113(2) u (3) tal-istess liġi. Fil-fehma tagħha, l-Artikolu 115a(3) ta’ din il-liġi, li jipprevedi li l-qorti dixxiplinari tista’ tmexxi l-proċeduri minkejja l-assenza ġġustifikata tal-imħallef akkużat jew tal-avukat tiegħu jew tagħha, tikser il-prinċipju audiatur et altera pars, li huwa parti mid-drittijiet tad-difiża. L-interessi tal-proċeduri ma humiex l-istess bħal dawk tal-imħallef, u l-possibbiltà li evidenza u spjegazzjonijiet bil-miktub jiġu prodotti fl-istadji preċedenti ma tikkumpensax għall-parteċipazzjoni f’dawn il-proċeduri.

56.      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, rigward l-ewwel fergħa, li l-Kummissjoni ma ppreżentat l-ebda argument li jikkontesta l-istituzzjoni tal-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja prevista fl-Artikolu 112b tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji u, rigward l-Artikolu 112b(5) tagħha, li ma pproduċietx evidenza suffiċjenti skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (26) sabiex turi prattika nazzjonali li tikser ir-rekwiżit ta’ żmien raġonevoli. L-Artikolu 112b(5) ta’ din il-liġi japplika biss għal proċeduri li ma kinux is-suġġett ta’ deċiżjoni finali u li fihom l-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja ma jistax ikompli jwettaq id-dmirijiet tiegħu jew tagħha għal raġunijiet oħra, bħall-mewt jew terminazzjoni tal-impjieg. Peress li d-deċiżjoni finali tikkonkludi l-proċeduri, il-ftuħ ta’ proċeduri ġodda jwassal għal ċaħda taħt il-prinċipju ta’ ne bis in idem, u, bl-istess mod, il-prinċipju ta’ res judicata jipprekludi ż-żamma indefinita ta’ akkużi kontra mħallef li l-kawża tiegħu ngħalqet. Ma hemm l-ebda rabta bejn it-tul tal-proċeduri u l-fatt li jistgħu jitmexxew mill-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja, li huwa suġġett għall-istess limiti ta’ żmien bħall-Uffiċjal Dixxiplinari għall-Imħallfin tal-Qrati Ordinarji u d-deputati tiegħu għall-istadji varji tal-proċeduri.

57.      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, rigward it-tieni fergħa, li l-Artikolu 113a tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jikkonċerna biss il-ħatra ta’ avukat ex officio, li hija sitwazzjoni eċċezzjonali rregolata mill-Artikolu 113(2), (3) u (4) ta’ din il-liġi. Fir-rigward tal-Artikolu 115a(3) tagħha, l-interessi tal-proċeduri jikkoinċidu ma’ dawk tal-imħallef u jiġu evalwati minn qorti indipendenti. Id-dritt tal-imħallef li jinstema’ huwa żgurat diġà fi stadji preċedenti.

B.      L-ilment dwar il-ksur tat-tieni u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE

58.      Permezz tal-ħames ilment, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji u l-Artikolu 97(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jippermettu li l-imħallfin jiġu suġġetti għal proċeduri dixxiplinari talli jagħmlu rinviju, kif muri mill-erba’ eżempji fil-kuntest tal-ewwel ilment stabbilit fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet. In-nuqqas li jkun hemm salvagwardji li jipproteġu lill-imħallfin kontra t-theddida ta’ responsabbiltà dixxiplinari meta jagħmlu rinviju jikser l-Artikolu 267 TFUE u għandu “effett dissważiv” fuq l-imħallfin.

59.      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li ebda proċedura dixxiplinari ma nfetħet kontra mħallef talli għamel rinviju u l-eżempji invokati mill-Kummissjoni ma jipprovawx mod ieħor. Investigazzjonijiet li jitwettqu fuq bażi eċċezzjonali u li ma jirriżultawx neċessarjament fi proċeduri dixxiplinari ma jiksrux l-indipendenza ġudizzjarja, u ma jeżistix “effett dissważiv”.

60.      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja jsostnu li, kif ikkonfermat mis-sentenza f’Miasto Łowicz, il-preżentata ta’ rinviju ma tistax twassal għal proċeduri dixxiplinari. Għar-Repubblika tal-Finlandja u għar-Renju tal-Isvezja, l-“effett dissważiv” fuq l-imħallfin għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

VI.    Analiżi

61.      L-analiżi tiegħi hija strutturata fi tliet partijiet prinċipali. Nibda billi nindirizza l-oġġezzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja dwar l-applikabbiltà u l-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE fil-kuntest tat-tielet u tar-raba’ lment (taqsima A). Imbagħad, sejjer neżamina l-merti tal-ilmenti li jikkonċernaw il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (taqsima B) u t-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE (taqsima C).

62.      Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, wasalt għall-konklużjoni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jinkludi d-dritt għal qorti stabbilita mil-liġi, id-dritt li kawża tiġi eżaminata fi żmien raġonevoli u d-drittijiet tad-difiża, u li l-ilmenti bbażati fuq din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 267 TFUE huma fondati.

A.      L-applikabbiltà u l-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu talArtikolu 19(1) TUE

63.      Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet konsistentement, l-Artikolu 19 TUE, li jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE, jagħti lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja l-kompitu li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-partijiet fil-kawża jiksbu minn dan id-dritt (27). Għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja taqa’, bħala prinċipju, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn għandhom, meta jeżerċitaw din il-kompetenza, jirrispettaw l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni b’mod partikolari, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (28). Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi, bħall-“qrati” fis-sens kif iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, li huma parti mis-sistema ġudizzjarja tagħhom fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (29).

64.      Huwa stabbilit ukoll li, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għall-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, indipendentement minn jekk l-Istati Membri humiex qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (30). Isegwi li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa applikabbli fir-rigward ta’ kull qorti nazzjonali kull darba li tiddeċiedi dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk jaqgħu taħt l-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (31).

65.      F’din il-kawża, huwa stabbilit li l-Qorti Suprema u l-qrati ordinarji fil-Polonja jiddeċiedu dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u jaqgħu għaldaqstant fi ħdan l-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (32). B’konsegwenza ta’ dan, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa applikabbli għal dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jikkontesta l-kompatibbiltà ma’ din id-dispożizzjoni ta’ miżuri nazzjonali relatati mal-arranġamenti dixxiplinari għall-imħallfin ta’ dawn il-qrati. Il-fatt li kawżi dixxiplinari mmexxija fuq il-bażi tal-miżuri kkontestati ma jinvolvux l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huwa irrilevanti, l-istess bħalma huwa l-fatt li l-Unjoni ma għandhiex kompetenza ġenerali dwar ir-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin.

66.      Ma huwiex ikkontestat li l-obbligu li jiġi żgurat l-aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) u għalhekk ikopri l-evalwazzjoni tal-miżuri kkontestati fuq dawn ir-raġunijiet. Madankollu, din il-kawża tqajjem id-domanda jekk l-imsemmija dispożizzjoni tinkludix garanziji oħra stabbiliti fl-Artikolu 47 u 48 tal-Karta, jiġifieri, id-dritt għal qorti stabbilita mil-liġi, id-dritt li kawża tiġi eżaminata fi żmien raġonevoli u d-drittijiet tad-difiża, fir-rigward ta’ dawn il-miżuri (33).

67.      Fil-fehma tiegħi, din id-domanda għandha tingħata risposta pożittiva.

68.      Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja (34), il-garanziji tal-indipendenza ġudizzjarja li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jinkludu, fil-kuntest ta’ sistema dixxiplinari għall-imħallfin, regoli li “jipprevedu l-intervent ta’ qorti indipendenti konformement ma’ proċedura li tiggarantixxi b’mod sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża”. Isegwi li r-rekwiżit għall-istabbiliment ta’ sistema dixxiplinari li tiżgura d-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

69.      Din l-analiżi hija konsistenti wkoll mal-ġurisprudenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rabtet il-garanziji tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE mal-Artikolu 47 tal-Karta. Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li “t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq l-Istati Membri kollha li jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 47 tal-Karta […], b’tali mod li din id-dispożizzjoni tal-aħħar ikollha tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE” (35). Dan jista’ jiġi kkunsidrat li jirriżulta mill-fatt li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jagħmel riferiment għalih it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 KEDB u li huwa issa affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta (36). Fil-fatt, kif espress fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża A. K. et (37), jeżisti “pont kostituzzjonali” bejn it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta u l-ġurisprudenza li tikkonċernahom li inevitabbilment jiltaqgħu, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jaqsmu sorsi ġuridiċi komuni. Għalhekk, id-drittijiet koperti minn kull wieħed minnhom bilfors li ser jissovrapponu ruħhom, u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jinkludi l-obbligu, iżda ma huwiex limitat għalih, li jkun hemm qrati indipendenti u imparzjali.

70.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrikonoxxut li d-dritt għal qorti stabbilita mil-liġi huwa direttament marbut mal-indipendenza ġudizzjarja (38), u li huwa wkoll wieħed mir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex tiġi kkostitwita “qorti jew tribunal” fis-sens d-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 267 TFUE (39). Huwa ċar mill-ġurisprudenza li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta r-rekwiżit tal-indipendenza ġudizzjarja fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE fid-dawl ta’ dak stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (40). Jidher għaldaqstant li dan japplika għal dan ir-rekwiżit ukoll.

71.      Flimkien mal-indipendenza ġudizzjarja, id-dritt għal qorti stabbilita mil-liġi, id-dritt li kawża tinstema’ fi żmien raġonevoli u d-drittijiet tad-difiża jiffurmaw parti mid-dritt għal smigħ xieraq protett mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, flimkien mal-Artikolu 48(2) tagħha dwar id-drittijiet tad-difiża. Dan jimmilita favur l-inklużjoni ta’ dawn id-drittijiet fi ħdan il-garanziji koperti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, minħabba l-assoċjazzjoni tagħhom mal-indipendenza ġudizzjarja li flimkien magħha jiffurmaw elementi prinċipali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u d-dritt fundamentali għal smigħ xieraq.

72.      Jiena għalhekk tal-fehma li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jinkludi d-dritt għal qorti stabbilita mil-liġi, id-dritt li kawża tiġi eżaminata fi żmien raġonevoli u d-drittijiet tad-difiża, kif stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta. Għalhekk, l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta japplikaw għal miżuri nazzjonali dwar arranġamenti dixxiplinari għall-imħallfin li jiġu adottati minn Stat Membru sabiex jagħti effett lit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, bħall-miżuri inkwistjoni. Isegwi li l-oġġezzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja li drittijiet bħal dawn ma jirriżultawx minn din id-dispożizzjoni għall-għanijiet tat-tielet u tar-raba’ lment għandhom jiġu miċħuda.

B.      L-ilmenti dwar il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE

1.      L-ewwel ilment, dwar it-trattament tal-kontenut ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji bħala ksur dixxiplinari

73.      Il-Kummissjoni tallega li l-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji u l-Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jiksru l-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja minħabba li jippermettu li l-kontenut ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji jiġi ttrattat bħala ksur dixxiplinari. Hija tibbaża dan l-ilment fuq il-formulazzjoni tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji u b’mod partikolari l-kategorija ta’ ksur dixxiplinari li tikkonsisti fi ksur manifest u serju tal-liġi, fid-dawl tal-applikazzjoni tagħha u l-kuntest iktar wiesa’, inkluż il-mekkaniżmu ta’ konstatazzjoni ta’ żball previst fl-Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema.

74.      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Kummissjoni ma wrietx li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru dan il-prinċipju, b’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-formulazzjoni u tal-interpretazzjoni stabbilita tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji u l-kuntest differenti tal-Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema.

75.      Għandu jitfakkar mill-bidu li l-Istati Membri ma humiex obbligati jadottaw mudell partikolari ta’ sistema dixxiplinari għall-imħallfin skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Li huwa importanti huwa li r-regoli li jirregolaw din is-sistema “ikollhom il-garanziji meħtieġa sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ użu ta’ tali sistema bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji” (41). B’mod partikolari, regoli li jiddefinixxu l-aġir li jikkostitwixxi ksur dixxiplinari huma parti minn dawn il-garanziji (42).

76.      Għandu jiġi osservat ukoll li r-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin hija parti mill-garanziji tal-indipendenza ġudizzjarja f’linji gwida maħruġa minn organi internazzjonali dwar l-indipendenza ġudizzjarja (43). F’dan ir-rigward, għandha tittieħed azzjoni dixxiplinari kontra mħallef għall-iktar forom serji ta’ kondotta ħażina professjonali, u mhux minħabba l-kontenut ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li ġeneralment jinvolvu l-evalwazzjoni ta’ fatti, l-evalwazzjoni ta’ evidenza u l-interpretazzjoni tal-liġi (44). Madankollu, ma hemm ebda approċċ uniformi fir-rigward tal-kundizzjonijiet materjali għar-responsabbiltà dixxiplinari u, f’diversi Stati, id-definizzjoni ta’ ksur dixxiplinari sikwit tkun ifformulata f’termini ġenerali (45).

77.      Dan jimmilita favur l-importanza li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-qafas ġuridiku u l-kuntest iktar wiesa’ li fih tiġi interpretata u applikata d-definizzjoni partikolari ta’ ksur dixxiplinari (46). Fil-fatt, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja, il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi approċċ ġenerali, li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha relatati mal-kuntest u l-applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni u l-effetti kumulattivi tagħhom (47). Bħala riżultat, anki jekk miżura nazzjonali, ikkunsidrata b’mod iżolat, tista’ ma tkunx kapaċi tikser dan il-prinċipju, dan jista’ ma jkunx minnu jekk id-diversi fatturi jiġu kkunsidrati flimkien (48).

78.      F’din il-kawża, nikkunsidra li l-Kummissjoni wriet biżżejjed li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru l-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja, li l-osservanza tiegħu hija meħtieġa sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

79.      Għandu jiġi nnotat li, kif muri fil-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jistabbilixxi, fil-mument rilevanti (49), definizzjoni ta’ ksur dixxiplinari, li tikkonsisti minn ksur manifest u serju tal-liġi u ksur tad-dinjità tal-kariga, li hija espressa f’termini ġenerali. Nirrikonoxxi li din id-dispożizzjoni u b’mod partikolari l-kategorija ta’ ksur manifest u serju tal-liġi x’aktarx ma tiksirx, fiha nnifisha, il-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni tippermetti li l-kontenut ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji jiġi eventwalment ittrattat bħala ksur dixxiplinari u għalhekk ma tikkostitwixxix garanzija effettiva kontra interferenza fl-indipendenza ġudizzjarja, meħud inkunsiderazzjoni l-kuntest iktar wiesa’ u l-applikazzjoni prattika tiegħu fil-Polonja, li ma hijiex komparabbli mas-sitwazzjonijiet li jeżistu fi Stati Membri oħra.

80.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jinsab fi ħdan il-bidliet leġiżlattivi tas-sistema ġudizzjarja Pollakka u b’mod partikolari s-sistema dixxiplinari l-ġdida għall-imħallfin, li jżidu mar-riskju li proċeduri jew miżuri dixxiplinari skont din id-dispożizzjoni jittieħdu sabiex tiġi eżerċitata pressjoni politika fuq imħallfin għall-kontenut tad-deċiżjonijiet tagħhom. B’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni definittiva tiegħu hija fdata lill-Awla Dixxiplinari li l-indipendenza tagħha ġiet iddubitata kif sejjer jiġi diskuss iktar ’il quddiem fit-tieni lment u li diġà tat interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni bħala li tkopri l-kontenut ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji (ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Kif indikat mir-Renju tal-Belġju, mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika tal-Finlandja u mir-Renju tal-Isvezja, hemm diversi rapporti maħruġa minn organi internazzjonali (50), li jenfasizzaw l-impatt detrimentali tas-sistema dixxiplinari l-ġdida u b’mod partikolari r-riskji ppreżentati mid-definizzjoni fformulata b’mod wiesa’ ta’ ksur dixxiplinari fid-dritt Pollakk dwar l-indipendenza ġudizzjarja.

81.      Il-possibbiltà li l-imħallfin jinkorru responsabbiltà għall-kontenut tad-deċiżjonijiet tagħhom jidhirli li hija msaħħa bl-Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, li jippermetti li l-Qorti Suprema titlob il-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari kontra mħallef jekk tikkonstata ksur manifest tad-dritt fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha ta’ kawża għall-konstatazzjoni ta’ żball. Anki jekk, kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, il-kunċett ta’ ksur manifest tad-dritt taħt din id-dispożizzjoni jinsab f’kuntest differenti minn dak ta’ ksur manifest u serju tad-dritt fl-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, ma jistax jiġi eskluż li l-mod li bih din d-dispożizzjoni hija artikolata mal-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji fil-kuntest tas-sistema dixxiplinari l-ġdida ma jipprovdix garanziji suffiċjenti għall-protezzjoni tal-imħallfin.

82.      Isegwi mill-Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema li l-Awla Dixxiplinari hija l-qorti dixxiplinari tal-ewwel istanza, inklużi kawżi li jinvolvu l-imħallfin tal-qrati ordinarji. Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata mill-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi – maħluqa wkoll mil-Liġi dwar il-Qorti Suprema u komposta minn imħallfin proposti mill-KRS ikkostitwit reċentement – fil-kuntest tal-proċedura straordinarja tal-appell il-ġdida, li tippermetti lil din l-Awla li tistħarreġ deċiżjonijiet finali tal-qrati ordinarji li jmorru lura sal‑1997 (51). Filwaqt li din l-awla u din il-proċedura ma ġewx ikkontestati f’din il-kawża, dawn xorta jiffurmaw parti mill-kuntest li fih jinsabu d-dispożizzjonijiet ikkontestati. Kif indika r-Renju tad-Danimarka, ir-rabta bejn il-kunsiderazzjoni tal-appelli, inklużi l-appelli straordinarji, u l-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari tikkontribwixxi għat-tqegħid ta’ pressjoni fuq l-imħallfin fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom.

83.      Iktar minn hekk, kif muri fil-punti 41 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni pproduċiet provi dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji fil-prattika, li fil-fehma tiegħi turi t-trattament tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji bħala ksur dixxiplinari. L-argumenti sostnuti mir-Repubblika tal-Polonja li jikkontestaw ir-rilevanza tal-eżempji msemmija mill-Kummissjoni ma humiex konvinċenti. B’mod partikolari, huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jkun evalwat fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, li f’din il-kawża huwa s‑17 ta’ Settembru 2019, u li l-bidliet li jkunu seħħew sussegwentement ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (52). Madankollu, kif indikat mill-Kummissjoni, filwaqt li wħud minn dawn l-eżempji jikkonċernaw avvenimenti sussegwenti, dawn iservu sabiex jikkonfermaw l-argumenti u l-provi esposti fir-rikors tagħha relatati ma’ dan il-perijodu u għalhekk huma rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża (53).

84.      Anki jekk, kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, ċerti eżempji ma jikkonċernawx ksur manifest u serju tal-liġi, dawn xorta jissostanzjaw il-fatt li d-definizzjoni ta’ ksur dixxiplinari prevista fl-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji tista’ fil-fatt tintuża sabiex tkopri l-kontenut ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u li ma tinkludix garanziji suffiċjenti għall-protezzjoni tal-imħallfin. L-eżempji invokati mill-Kummissjoni jindikaw proċeduri jew miżuri dixxiplinari meħuda kontra mħallfin minħabba deċiżjonijiet li taw b’rabta mal-bidliet fis-sistema tal-ġustizzja Pollakka u l-indipendenza tal-imħallfin Pollakki (54). Il-fatt li l-investigazzjonijiet ma wasslux għal akkużi dixxiplinari kontra l-imħallfin ikkonċernati jew li l-evalwazzjoni tal-Uffiċjal Dixxiplinari ma hijiex vinkolanti fuq il-qrati dixxiplinari huwa irrilevanti, peress li dawn il-miżuri x’aktarx jeżerċitaw pressjoni fuq l-imħallfin. Is-sempliċi possibbiltà li proċeduri jew miżuri dixxiplinari jistgħu jittieħdu kontra mħallfin minħabba l-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji tagħhom bla dubju joħloq “effett dissważiv” mhux biss fuq dawn l-imħallfin, iżda wkoll fuq imħallfin oħra fil-futur, li huwa inkompatibbli mal-indipendenza ġudizzjarja.

85.      Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, l-ewwel ilment imqajjem mill-Kummissjoni huwa fondat.

2.      It-tieni lment, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari

86.      Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikoli 3(5), 27 u 73(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, moqrija flimkien mal-Artikolu 9a tal-Liġi dwar il-KRS, ma jiżgurawx l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari. Hija tibbaża d-dikjarazzjoni tagħha fuq numru ta’ elementi, flimkien mas-sentenza f’A. K. et u l-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema li tapplika din is-sentenza.

87.      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li ma twettaq l-ebda ksur tal-indipendenza ġudizzjarja, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-proċedura għall-ħatra tal-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari u tal-garanziji mogħtija lilhom taħt id-dritt Pollakk.

88.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li r-regoli dwar is-sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin jikkontribwixxu sabiex tiġi żgurata l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati sabiex jitneħħew kwalunkwe dubji raġonevoli, fl-imħuħ tas-suġġetti tad-dritt, dwar l-impermeabbiltà ta’ tali qorti għal fatturi esterni, b’mod partikolari, l-influwenza diretta jew indiretta tal-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi, u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi quddiemha. Għaldaqstant, kwalunkwe nuqqas ta’ apparenza ta’ imparzjalità tal-qorti li jippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja f’soċjetà demokratika tispira fis-suġġetti tad-dritt ma jistax jiġi permess (55).

89.      Fis-sentenza f’A. K. et (56), il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-indipendenza u tal-imparzjalità fil-kuntest tal-istabbiliment tal-Awla Dixxiplinari. Hija osservat li s-sempliċi fatt li l-imħallfin ta’ din l-awla nħatru mill-President tar-Repubblika ma huwiex ta’ natura li joħloq dubji dwar l-imparzjalità tagħhom jekk, ladarba maħtura, ma jirċevux istruzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat diversi fatturi li, ikkunsidrati flimkien, jistgħu jqiegħdu dan f’dubju.

90.      F’dik is-sentenza (57), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, fir-rigward tal-indipendenza tal-KRS, li hija rilevanti fil-konstatazzjoni ta’ jekk l-imħallfin li dan jagħżel humiex kompetenti sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-indipendenza u tal-imparzjalità, dawn l-elementi jinkludu, b’mod partikolari l-fatt li l-KRS ikkostitwit reċentement ġie fformat bit-tnaqqis tal-mandat ta’ erba’ snin tal-membri preċedenti tiegħu u li l-ħmistax‑il membru ġudikanti tal-KRS, preċedentement eletti mill-membri tal-ġudikatura kollegi tagħhom, huma llum eletti mill-awtoritajiet leġiżlattivi. Dwar l-elementi li direttament jikkaratterizzaw l-Awla Dixxiplinari, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat: l-ewwel, li hija għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tiddeċiedi kawżi li jirrigwardaw miżuri li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat, fis-sentenza tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (58), li kienu inkompatibbli mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; it-tieni, li hija kkostitwita minn imħallfin maħtura reċentement, bl-esklużjoni ta’ mħallfin li diġà jservu fil-Qorti Suprema; u, it-tielet, hija tgawdi livell partikolarment għoli ta’ awtonomija meta mqabbla mal-awli l-oħra tal-imsemmija qorti.

91.      Permezz ta’ sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019 (59), il-Qorti Suprema (li ddeċidiet bil-kulleġġ ġudikanti tal-Awla tad-Dritt tax-Xogħol u tas-Sigurtà Soċjali fuq waħda mill-kawżi li wasslet għas-sentenza f’A. K. et) iddeċidiet – fuq il-bażi tas-sentenza f’A. K. et – li l-KRS ma huwiex, fil-kompożizzjoni attwali tiegħu, organu indipendenti u li l-Awla Dixxiplinari ma hijiex qorti għall-għanijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta, l-Artikolu 6 KEDB u l-Artikolu 45(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka. Fir-rigward tal-KRS, dik is-sentenza semmiet, inter alia, difetti fil-proċess tal-elezzjoni tal-membri tiegħu, is-sottomissjoni tiegħu għall-awtoritajiet politiċi u l-attivitajiet tiegħu li jmorru kontra l-indipendenza ġudizzjarja. Dwar l-Awla Dixxiplinari, dik is-sentenza indikat, b’mod partikolari, li l-imħallfin kollha maħtura f’din l-awla għandhom rabtiet qawwija mal-awtoritajiet leġiżlattivi jew eżekuttivi; li l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni għall-ħatra ta’ dawn l-imħallfin inbidlu matul il-proċeduri; li l-Qorti Suprema ma pparteċipatx fil-proċess tal-ħatra ta’ dawn l-imħallfin; li l-attivitajiet tal-Awla Dixxiplinari kienu intiżi għall-irtirar ta’ rinviji għal deċiżjonijiet preliminari; u li l-kawżi dixxiplinari deċiżi mill-Awla Dixxiplinari wrew li mħallef jista’ jiġi akkużat bi ksur dixxiplinari bħala riżultat tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, filwaqt li dan ma kienx il-każ preċedentement.

92.      Permezz ta’ digrieti tal‑15 ta’ Jannar 2020 (60), il-Qorti Suprema (li ddeċidiet bl-istess kulleġġ ġudikanti dwar il-kawżi l-oħra li wasslu għas-sentenza f’A. K. et) iddeċidiet għal raġunijiet simili li l-Awla Dixxiplinari ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali minħabba l-kundizzjonijiet dwar l-istabbiliment, is-setgħat u l-kompożizzjoni tagħha, flimkien mal-involviment tal-KRS fl-għażla tal-membri tagħha.

93.      Permezz ta’ riżoluzzjoni tat‑23 ta’ Jannar 2020 (61), il-Qorti Suprema (li ddeċidiet bl-istess kulleġġ ġudikanti tal-Awla Ċivili, l-Awla Kriminali u l-Awla tad-Dritt tax-Xogħol u tas-Sigurtà Soċjali konġunti) qablet mas-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019 li l-KRS u l-Awla Dixxiplinari ma humiex organi indipendenti. B’mod partikolari, din ir-riżoluzzjoni ddikjarat li l-KRS huwa ssubordinat għall-awtoritajiet politiċi, li jfisser li l-kompetizzjonijiet għall-kariga ta’ mħallef imwettqa minnu huma difettużi, li għalhekk joħloq dubji fundamentali dwar il-motivazzjonijiet għall-ħatra ta’ persuni għall-kariga ta’ mħallef. Bl-istess mod, minħabba l-organizzazzjoni, is-sistema, il-proċedura tal-ħatra u l-awtonomija tagħha, sentenzi mogħtija minn kulleġġi ġudikanti ta’ mħallfin tal-Awla Dixxiplinari ma humiex sentenzi mogħtija minn qorti debitament maħtura. Konsegwentement, skont din ir-riżoluzzjoni, il-kulleġġi ġudikanti tal-qrati ġew komposti illegalment meta taw deċiżjonijiet bil-parteċipazzjoni ta’ mħallfin magħżula mill-KRS ikkostitwit reċentement.

94.      F’din il-kawża, il-Kummissjoni wriet b’mod suffiċjenti li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jiżgurawx l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari u għaldaqstant imorru kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

95.      Għandu jiġi indikat li s-sentenza f’A. K. et hija rilevanti għal din il-kawża. Filwaqt li l-konstatazzjonijiet ikkonċernaw l-Artikolu 47 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja innotat li dawn kienu jkunu l-istess fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (62). Kuntrarjament għall-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja, din is-sentenza ma tistabbilixxix il-konformità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati mad-dritt tal-Unjoni. Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddikjaratx li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw il-KRS u l-Awla Dixxiplinari kienu inkompatibbli mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE joriġina mill-kompetenzi tagħha taħt l-Artikolu 267 TFUE (63). Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, is-sentenza f’A. K. et tipprovdi appoġġ b’saħħtu għall-konstatazzjoni li, fuq il-bażi tal-kombinazzjoni tal-elementi invokati mill-Kummissjoni u li ġew eżaminati f’din is-sentenza, l-Awla Dixxiplinari ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-indipendenza u tal-imparzjalità skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TFUE. Kif ikkonkludejt fil-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (64), il-mandati tal-membri preċedenti tal-KRS ġew mitmuma b’mod prematur u l-bidliet għall-metodu tal-ħatra tal-membri tal-ġudikatura jfisser li 23 minn 25 membru tal-KRS ġejjin mill-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi, li, ikkunsidrati flimkien, jixhdu nuqqasijiet li jikkompromettu l-indipendenza tal-KRS.

96.      Iktar minn hekk, fid-dawl tas-sentenza f’A. K et u l-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (65), hemm diversi elementi relatati mal-karatteristiċi tal-Awla Dixxiplinari li, ikkunsidrati flimkien, iqajmu dubji leġittimi dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ din l-awla: l-ewwel, hija nħolqot bħala parti mill-miżuri leġiżlattivi tas-sistema tal-ġustizzja Pollakka u ġiet inkarigata sabiex tiddeċiedi kawżi li jikkonċernaw l-istatus ta’ mħallfin, b’mod partikolari, kawżi dixxiplinari, li huma aspetti kkonċernati b’dawn il-miżuri: it-tieni, hija komposta minn imħallfin maħtura reċentement, proposti mill-KRS ikkostitwit reċentement, u għalhekk bl-esklużjoni tal-imħallfin tal-Qorti Suprema li qegħdin attwalment iservu; u, it-tielet, hija għandha livell għoli ta’ awtonomija organizzattiva u finanzjarja meta mqabbla ma’ awli oħra ta’ din il-qorti.

97.      Fid-deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema msemmija fil-punti 91 sa 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dik il-qorti stess irrikonoxxiet in-nuqqas ta’ indipendenza tal-KRS u tal-Awla Dixxiplinari. Kuntrarjament għal dak sostnut mir-Repubblika tal-Polonja, dawn is-sentenzi jindirizzaw l-istess elementi msemmija mill-Kummissjoni u għaldaqstant huma rilevanti għal din il-kawża. Il-fatt li, kif indikat minn dan l-Istat Membru, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) iddeċidiet li r-riżoluzzjoni tal-Qorti Suprema tat‑23 ta’ Jannar 2020 hija antikostituzzjonali (66), jew li l-bidliet leġiżlattivi li jikkonċernaw il-kompożizzjoni tal-KRS ġew ikkonfermati minn dik il-qorti (67), ma għandux rilevanza fuq ir-rekwiżiti tal-indipendenza ġudizzjarja li din l-awla għandha tissodisfa skont id-dritt tal-Unjoni.

98.      L-argumenti sostnuti mir-Repubblika tal-Polonja li l-livell għoli ta’ awtonomija organizzattiva u finanzjarja tal-Awla Dixxiplinari jsaħħaħ l-indipendenza ta’ din l-awla ma jikkonvinċunix meta meqjusa flimkien ma’ dawn l-elementi u l-kuntest iktar wiesa’. Il-fatt li l-imħallfin ta’ din l-awla biss jirċievu 40 % iktar remunerazzjoni minn imħallfin oħra tal-Qorti Suprema mingħajr ebda korrelazzjoni evidenti mal-attività speċifika kkonċernata jew mal-volum tax-xogħol ta’ din l-awla x’aktarx, fil-fehma tiegħi, iqajjem dubji leġittimi dwar jekk benefiċċji bħal dawn humiex motivati minn għanijiet oħra. Dubji simili jitqajmu: mill-fatt li l-President tal-Awla Dixxiplinari jeżerċita, fir-rigward tal-imsemmija Awla, ċerti funzjonijiet normalment mogħtija lill-Ewwel President tal-Qorti Suprema; mill-fatt li d-dħul u l-infiq tal-Awla Dixxiplinari jiġu adottati mingħajr id-dritt ta’ stħarriġ minn dan l-ewwel President tal-Qorti Suprema; u l-fatt li l-President tal-Awla Dixxiplinari ngħata s-setgħat tal-ministru kompetenti għall-għanijiet tal-eżekuzzjoni tal-baġit relatat mal-funzjonament ta’ din l-awla, peress li huwa diffiċli li wieħed jara kif dawn l-elementi huma marbuta mal-għan evidenti tal-protezzjoni tal-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari mir-riskji tal-kolleġjalità.

99.      Iktar minn hekk, l-argumenti dwar il-prerogattiva kostituzzjonali tal-President tar-Repubblika li jaħtar lill-imħallfin, il-garanziji formali tal-indipendenza applikabbli għall-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari u l-istatistiċi li jikkonċernaw id-deċiżjonijiet ta’ din l-awla ma jidhirlix li huma suffiċjenti sabiex ineħħu d-dubji leġittimi dwar in-nuqqas ta’ apparenza tal-indipendenza ta’ din l-awla meta kkunsidrati fid-dawl tal-qafas ġuridiku sħiħ u bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha stabbiliti fil-punti 95 sa 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

100. Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, it-tieni lment imqajjem mill-Kummissjoni huwa fondat.

3.      It-tielet ilment, dwar is-setgħa tal-President tal-Awla Dixxiplinari li jaħtar l-awla dixxiplinari

101. Il-Kummissjoni ssostni li, bl-għoti tas-setgħa diskrezzjonali lill-President tal-Awla Dixxiplinari sabiex jaħtar il-qorti dixxiplinari kompetenti tal-ewwel istanza f’kawżi li jinvolvu lill-imħallfin tal-qrati ordinarji, l-Artikoli 110(3) u 114(7) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jiksru r-rekwiżit li tali qorti għandha tkun stabbilita mil-liġi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti EDB.

102. Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Kummissjoni ma wrietx li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru dan ir-rekwiżit, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-garanziji tal-indipendenza li jgawdu minnha qrati dixxiplinari.

103. Fuq il-bażi tal-analiżi invokata fil-punti 67 sa 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jinkludi d-dritt għal qorti stabbilita mil-liġi, li huwa stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Għalhekk, it-tifsira u l-portata ta’ dan il-kunċett għandhom jiġu żviluppati bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 6(1) KEDB li fid-dawl tiegħu għandu jiġi interpretat dan l-artikolu tal-Karta (68).

104. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja (69) rrikonoxxiet, il-kunċett ta’ qorti “mwaqq[fa] b’liġi” fl-Artikolu 6(1) KEDB jikkonċerna mhux biss il-bażi legali tal-eżistenza stess tal-qorti, iżda wkoll il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti f’kull kawża kif ukoll kull dispożizzjoni oħra tad-dritt intern li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jirrendi irregolari l-parteċipazzjoni ta’ mħallef wieħed jew iktar fl-eżami tal-kawża. Fil-ġurisprudenza tagħha (70), il-Qorti EDB enfasizzat li r-rekwiżit taħt l-Artikolu 6(1) KEDB li qorti għandha tkun dejjem “[i]mwaqq[fa] b’liġi” jiżgura li l-organizzazzjoni tal-ġustizzja tkun ibbażata fuq ir-regoli li joriġinaw mill-fergħa leġiżlattiva u għalhekk la tkun dipendenti fuq id-diskrezzjoni tal-fergħa eżekuttiva u lanqas dik tal-awtoritajiet ġudizzjarji nnifishom, minkejja li dan ma jfissirx li l-qrati ma jkollhomx ċertu marġni għall-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

105. B’mod partikolari, fis-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2016, Miracle Europe Kft. vs L‑Ungerija (71), il-Qorti EDB ikkonstatat li, fejn l-allokazzjoni ta’ kawża hija diskrezzjonali fis-sens li l-modalitajiet tagħha ma humiex irregolati mil-liġi, din is-sitwazzjoni tqiegħed f’riskju l-apparenza tal-imparzjalità billi tippermetti l-ispekulazzjoni dwar l-influwenza ta’ setgħat politiċi jew oħra fuq il-qorti allokata. Fuq din il-bażi, il-Qorti EDB iddeċidiet li huwa kuntrarju għall-Artikolu 6(1) KEDB li miżura nazzjonali tagħti lill-President stabbilit reċentement tal-Uffiċċju Ġudizzjarju Nazzjonali (li għandu setgħat estensivi fuq kwistjonijiet amministrattivi u sa ċertu punt fuq l-istatus personali tal-imħallfin) is-setgħa diskrezzjonali li jalloka mill-ġdid kawża lil qorti oħra minħabba li l-kriterji għal allokazzjoni mill-ġdid bħal din ma kinux stabbiliti fir-regoli applikabbli. Ma kinitx l-eżistenza legali ta’ qorti li kienet inkwistjoni, iżda l-legalità tal-allokazzjoni ta’ kawża lil dik il-qorti. Skont il-Qorti EDB, in-natura diskrezzjonali tal-allokazzjoni mill-ġdid immanifestat ruħha fil-fatt li la kien hemm raġunijiet aċċertabbli u lanqas kriterji dwar liema kawżi kellhom jiġu ttrasferiti.

106. F’din il-kawża, il-Kummissjoni wriet biżżejjed li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru d-dritt għal qorti stabbilita mil-liġi li l-osservanza tiegħu hija neċessarja sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

107. Fil-fehma tiegħi, l-argumenti invokati mir-Repubblika tal-Polonja, fis-sens li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jikkonċernawx l-eżistenza u l-kompożizzjoni tal-qrati dixxiplinari, li huma stabbiliti bil-liġi, iżda biss il-ħatra mill-President tal-Awla Dixxiplinari tal-qorti bil-ġurisdizzjoni territorjali għandhom jiġu miċħuda. Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 6(1) KEDB imsemmija fil-punti 104 u 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-assenza ta’ indikazzjonijiet fid-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-kriterji li skonthom il-President tal-Awla Dixxiplinari huwa intitolat jaħtar il-qorti dixxiplinari kompetenti, apparti mill-qorti li fiha hemm l-imħallef akkużat, tqajjem riskju li din is-setgħa diskrezzjonali tista’ tiġi eżerċitata b’mod li timmina l-istatus tal-qrati dixxiplinari bħala qrati stabbiliti mil-liġi.

108. Dan ir-riskju jidher li huwa msaħħaħ b’elementi addizzjonali relatati mal-kuntest iktar wiesa’ tas-sistema dixxiplinari l-ġdida. B’mod partikolari, in-nuqqas ta’ indipendenza tal-Awla Dixxiplinari, li huwa s-suġġett tat-tieni lment, jista’ jiġi kkunsidrat li jikkontribwixxi għal dubji leġittimi dwar l-indipendenza tal-president ta’ din l-awla. Huwa wkoll paċifiku li, fir-rigward tal-imħallfin tal-qrati ordinarji, din is-sistema stabbilixxiet qrati dixxiplinari permanenti marbuta mal-qrati tal-appell u li l-persunal tagħhom huma l-imħallfin maħtura mill-Ministru għall-Ġustizzja, fuq il-proposta tal-KRS – li l-indipendenza tagħhom hija wkoll iddubitata kif diskuss fit-tieni lment – għal terminu ta’ sitt snin. Dan ifisser li filwaqt li l-kulleġġ tal-imħallfin li għandu jisma’ kawża partikolari jiġi maħtur billi jittellgħu bix-xorti minn lista tal-imħallfin ta’ qorti dixxiplinari partikolari, l-imħallfin li sejrin jiddeċiedu l-kawża ntgħażlu mill-Ministru għall-Ġustizzja, flimkien mal-fatt li l-Ministru għall-Ġustizzja jiddeċiedi dwar in-numru ta’ mħallfin f’kull awla dixxiplinari. Dan iżid ir-riskju li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jistgħu jintużaw sabiex tiġi allokata kawża partikolari lil qorti partikolari sabiex jinkiseb riżultat partikolari, kuntrarjament għar-rekwiżit li qorti għandha dejjem tkun stabbilita mil-liġi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

109. Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, it-tielet ilment imqajjem mill-Kummissjoni huwa fondat.

4.      Ir-raba’ lment, dwar in-nuqqas ta’ osservanza tad-drittijiet proċedurali tal-imħallfin

110. Il-Kummissjoni tallega, l-ewwel, li billi jagħti lill-Ministru għall-Ġustizzja l-possibbiltà li jżomm b’mod permanenti akkużi kontra mħallfin tal-qrati ordinarji permezz tal-ħatra ta’ Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja, l-Artikolu 112b tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jikser id-dritt li kawża tiġi eżaminata fi żmien raġonevoli u, it-tieni, li, billi jipprevedu li l-attivitajiet relatati mal-ħatra ta’ avukat ex officio ma jinterrompux il-proċeduri u li dawn il-proċeduri jistgħu jitmexxew fl-assenza tal-imħallef jew tal-avukat tiegħu jew tagħha, l-Artikoli 113a u 115a(3) ta’ din il-liġi jiksru d-drittijiet tad-difiża, drittijiet li joriġinaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Hija tibbaża l-ilment tagħha fuq il-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB fuq l-Artikolu 6 KEDB.

111. Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li ma ntwera ebda ksur bħal dan, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-garanziji li d-dritt Pollakk jagħti lill-imħallfin.

112. Għandu jitfakkar mill-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet li r-regoli li jirregolaw is-sistema dixxiplinari għall-imħallfin, inklużi dawk li “jipprevedu l-intervent ta’ qorti indipendenti konformement ma’ proċedura li tiggarantixxi b’mod sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża” huma fost il-garanziji essenzjali tal-indipendenza ġudizzjarja skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Isegwi li l-istandards tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta japplikaw għall-proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni (72).

113. Dan huwa rifless f’linji gwida maħruġa minn organi internazzjonali dwar l-indipendenza ġudizzjarja, li skonthom proċeduri bħal dawn għandhom jiġu ddeterminati minn organu indipendenti li jopera skont proċedura li tipprovdi l-garanziji ta’ smigħ xieraq u d-drittijiet sħaħ tad-difiża (73).

114. Speċifikament, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jiżgura d-dritt għal smigħ xieraq, li huwa magħmul minn diversi elementi, fosthom, b’mod partikolari, id-dritt li kawża tinstema’ fi żmien raġonevoli, id-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, kif ukoll id-dritt li persuna tieħu parir, li jkollha difiża u li tkun irrappreżentata (74). L-osservanza tad-drittijiet tad-difiża għal kull min huwa akkużat hija żgurata wkoll mill-Artikolu 48(2) tal-Karta. Skont l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) KEDB u l-Artikolu 48 tal-Karta huwa l-istess bħall-Artikolu 6(2) u (3) KEDB, jiġifieri dawn l-artikoli tal-Karta għandhom jirċievu interpretazzjoni li ma taqax taħt l-istandards tal-Artikolu 6 KEDB kif interpretat mill-Qorti EDB (75).

115. Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (76), ir-rekwiżit taż-żmien raġonevoli għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-kawża, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-importanza tagħha għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tagħha u l-aġir tal-awtoritajiet kompetenti u tal-partijiet, u, iktar minn hekk, fil-qasam kriminali, l-imsemmi rekwiżit ma għandux jiġi rrispettat biss fil-kuntest ta’ din il-proċedura iżda wkoll matul il-fażi tal-investigazzjoni preliminari, sa mill-mument li fih il-persuna kkonċernata tkun is-suġġett ta’ akkuża. Bl-istess mod, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ partikolari, b’mod partikolari tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (77). F’dan ir-rigward, id-drittijiet tad-difiża jinkludu, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ kontradittorju u ta’ audiatur et altera pars (magħrufa wkoll bħala audi alteram partem), li essenzjalment jiżguraw li l-partijiet ikunu jafu u jkunu jistgħu jiddiskutu b’mod kontradittorju kemm il-punti ta’ fatt u kif ukoll il-punti ta’ liġi li jkunu deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura (78), filwaqt li l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali tal-partijiet jiżgura li kull parti tingħata l-possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-każ tagħha, inkluż il-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jqegħduhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ sostanzjali meta mqabbla mal-avversarju tagħha (79).

116. B’mod simili, fil-ġurisprudenza tagħha (80), il-Qorti EDB irrikonoxxiet ir-rekwiżit taż-żmien raġonevoli, il-prinċipju ta’ kontradittorju u l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali bħala elementi prinċipali ta’ smigħ xieraq protetti taħt il-fergħat ċivili u kriminali tal-Artikolu 6(1) KEDB. F’dan ir-rigward, il-Qorti EDB teżamina r-raġonevolezza tat-tul tal-proċeduri fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża b’riferiment għall-kumplessità tagħha, l-aġir tar-rikorrent u tal-awtoritajiet rilevanti, u dak li huwa inkwistjoni għar-rikorrent (81). Il-perijodu ġeneralment jibda jiddekorri minn meta jinfetħu l-proċeduri fil-kawżi ċivili (82), jew meta l-persuna tiġi akkużata jew fi kull każ sostanzjalment affettwata mill-miżuri meħuda fil-kuntest ta’ kawżi kriminali (83), u jkopri t-totalità tal-proċeduri inkwistjoni (84), li għalhekk itemm l-inċertezza dwar il-pożizzjoni ġuridika tal-persuna (85). Iktar minn hekk, f’kawżi kriminali, l-Artikolu 6(3) KEDB jinkludi garanziji speċifiċi li huma aspetti partikolari tad-drittijiet tad-difiża protetti mill-Artikolu 6(1) KEDB (86). Dan jinkludi d-dritt ta’ aċċess għal avukat skont l-Artikolu 6(3)(c) KEDB, li jiżgura li l-proċeduri kontra l-akkużat ma jsirux mingħajr rappreżentanza adegwata f’kull stadju u jista’ japplika fil-fażi prekontenzjuża skont iċ-ċirkustanzi (87).

117. Għandu jiġi nnotat li, fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 6 KEDB (88), il-Qorti EDB innotat l-importanza dejjem ikbar mogħtija minn qrati internazzjonali u minn organi oħra lill-ġustizzja proċedurali f’kawżi li jinvolvu t-tneħħija jew it-tkeċċija tal-imħallfin. F’dan ir-rigward, il-Qorti EDB enfasizzat li, anki jekk sanzjonijiet dixxiplinari ma jaqgħux fi ħdan il-fergħa kriminali tal-Artikolu 6 KEDB, dawn xorta waħda jinvolvu konsegwenzi serji għall-ħajjiet u għall-karrieri tal-imħallfin. Konsegwentement, l-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq għandu jkun xieraq għas-suġġett tat-tilwima, u dan japplika saħansitra iktar għal proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin, li għandhom igawdu r-rispett li huwa neċessarju għat-twettiq tad-doveri tagħhom. Meta Stat Membru jiftaħ proċeduri bħal dawn, ikunu f’riskju l-kunfidenza pubblika fil-funzjonament u fl-indipendenza tal-ġudikatura; fi Stat demokratiku, din il-kunfidenza tiżgura l-eżistenza stess tal-Istat tad-dritt (89).

118. F’din il-kawża, il-Kummissjoni wriet biżżejjed li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru d-dritt li kawża tiġi eżaminata fi żmien raġonevoli u d-drittijiet tad-difiża, li huma rekwiżiti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

119. Rigward l-ewwel fergħa tar-raba’ lment, il-Kummissjoni tallega li l-Artikolu 112b tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jikser ir-rekwiżit ta’ żmien raġonevoli peress li jagħti lill-Ministru għall-Ġustizzja l-possibbiltà li jaħtar Uffiċjal Dixxiplinari ad hoc tal-Ministru għall-Ġustizzja sabiex imexxi kawża dixxiplinari speċifika kontra mħallef, anki fil-każ ta’ proċeduri li ġew magħluqa permezz ta’ deċiżjoni finali, kif indikat mill-Artikolu 112b(5) ta’ din il-liġi. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, huwa evidenti li dan l-ilment huwa bbażat fuq il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u mhux l-implimentazzjoni tagħha, b’tali mod li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (90) dwar l-evidenza sabiex tiġi ssostanzjata allegata prattika nazzjonali ma tapplikax.

120. Huwa stabbilit li l-Artikolu 112b tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jippermetti li l-Ministru għall-Ġustizzja jaħtar Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja, li huwa istituzzjoni ġdida stabbilita taħt din id-dispożizzjoni, fi kwalunkwe kawża dixxiplinari li tikkonċerna mħallef tal-qrati ordinarji. Skont l-Artikolu 112b(3) ta’ din il-liġi, dan l-uffiċjal jista’ jiftaħ jew jingħaqad fi proċeduri li jkunu għaddejjin u, skont l-Artikolu 112b(4) tagħha, il-ħatra ta’ dan l-uffiċjal hija ekwivalenti għal talba għal ftuħ ta’ proċeduri investigattivi jew dixxiplinari. Iktar minn hekk, skont l-Artikolu 112b(5) ta’ din l-istess liġi, filwaqt li r-rwol tal-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja jiskadi meta deċiżjoni li tiċħad il-ftuħ, li twaqqaf jew li tikkonkludi l-proċeduri dixxiplinari ssir finali, dan ma jipprekludix lill-Ministru għall-Ġustizzja milli jaħtar mill-ġdid lil dan l-uffiċjal fl-istess kawża. Minkejja l-prinċipji ta’ ne bis in idem u ta’ res judicata fid-dritt Pollakk, għandu jiġi osservat li l-formulazzjoni espressa ta’ din id-dispożizzjoni tindika l-possibbiltà tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri fl-istess kawża li tikkonċerna l-istess imħallef wara li dawn ikunu ġew magħluqa b’deċiżjoni finali. Din id-dispożizzjoni għaldaqstant tippreżenta r-riskju li tibqa’ teżisti sitwazzjoni ta’ inċertezza għal imħallef tal-qrati ordinarji u għalhekk li d-dritt tal-imħallef għal deċiżjoni finali fil-proċeduri fi żmien raġonevoli ma jistax jiġi żgurat.

121. Bil-kontra ta’ dak li tallega r-Repubblika tal-Polonja, u kif indikat mill-kummissjoni, in-nuqqas ta’ salvagwardji adegwati kontra l-possibbiltà li l-proċeduri jittawlu jew jinfetħu mill-ġdid skont din id-dispożizzjoni ma huwiex ibbilanċjat mit-termini speċifiċi għal ċerti stadji tal-proċeduri, peress li jidher li ma hemmx limiti ta’ żmien għall-istabbiliment ta’ akkużi dixxiplinari kontra l-imħallfin. L-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja li l-Artikolu 112b(5) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji japplika biss għal proċeduri li ma kinux is-suġġett ta’ deċiżjoni finali u li fihom l-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja ma jistax iktar iwettaq id-dmirijiet tiegħu jew tagħha għal raġunijiet oħra ma jikkonvinċunix, peress li din is-sitwazzjoni hija ttrattata fl-Artikolu 112b(2) ta’ din il-liġi.

122. Għandu jiżdied li r-riskju li l-proċeduri jittawlu jew jinfetħu mill-ġdid permezz tal-ħatra tal-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja skont l-Artikolu 112b tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jista’ jiġi msaħħaħ mill-kuntest iktar wiesa’ tas-sistema dixxiplinari l-ġdida. B’mod partikolari, huwa evidenti li din id-dispożizzjoni ssaħħaħ il-kontroll tal-Ministru għall-Ġustizzja fuq il-proċeduri investigattivi u dixxiplinari kontra l-imħallfin tal-qrati ordinarji billi tippermetti li l-Ministru għall-Ġustizzja jaħtar lill-uffiċjal speċifiku tiegħu jew tagħha għal kawżi li jikkonċernaw lil imħallfin speċifiċi. Dan iqajjem dubji raġonevoli dwar jistax jiġi żgurat żmien raġonevoli, li fih il-proċeduri dixxiplinari kontra mħallef jiġu finalment deċiżi.

123. Dwar it-tieni fergħa tar-raba’ lment, mill-Artikolu 113a tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jsegwi li l-attivitajiet relatati mal-ħatra ta’ avukat ex officio għall-imħallef akkużat u t-tmexxija tad-difiża minn dak l-avukat ma għandhomx effett sospensiv fuq il-proċeduri dixxiplinari. Din id-dispożizzjoni tippermetti l-possibbiltà li kwistjonijiet proċedurali jew sostantivi, rilevanti għall-eżitu tal-kawża, jistgħu jiġu deċiżi qabel ma jinħatar avukat ex officio jew qabel ma dan l-avukat ikun kapaċi jifformula d-difiża, u għalhekk jiġi limitat id-dritt tal-aċċess għal avukat u l-prinċipju ta’ kontradittorju. Din id-dispożizzjoni għaldaqstant għandha tiġi kkunsidrata li tikser id-drittijiet tad-difiża skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 u 48 tal-Karta.

124. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 115a(3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, il-qorti dixxiplinari tista’ tkompli l-proċeduri fl-assenza ġġustifikata tal-imħallef akkużat jew tal-avukat tiegħu jew tagħha, ħlief fejn dan ikun kuntrarju għall-interessi tal-proċeduri dixxiplinari. Isegwi li l-qorti dixxiplinari tista’ tisma’ biss il-kawża tal-Uffiċjal Dixxiplinari anki jekk l-assenza tal-imħallef jew tal-avukat tiegħu jew tagħha kienet iġġustifikata. Il-fatt li mħallef jista’ jipprovdi l-evidenza u spjegazzjonijiet bil-miktub fi stadji preċedenti tal-proċedura ma jikkumpensax, fil-fehma tiegħi, għan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-imħallef jew tal-avukat tiegħu jew tagħha fil-proċeduri quddiem il-qorti dixxiplinari. Din id-dispożizzjoni, ukoll, tillimita b’mod sinjifikattiv id-drittijiet tad-difiża u l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali kuntrarjament għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta. Dan huwa minnu, speċjalment meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest iktar wiesa’ tas-sistema dixxiplinari l-ġdida. B’mod partikolari, sabiex infakkar mill-punt 108 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja jaħtar l-imħallfin tal-qrati dixxiplinari, li jinterpretaw u japplikaw din id-dispożizzjoni, inkluża l-eċċezzjoni dwar l-interessi tal-proċeduri, b’appell quddiem l-Awla Dixxiplinari li l-indipendenza tagħha hija dubjuża kif diskuss fit-tieni lment.

125. Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, ir-raba’ lment imqajjem mill-Kummissjoni huwa fondat.

C.      L-ilment dwar il-ksur tat-tieni u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE

126. Il-Kummissjoni ssostni li, billi jippermetti li d-dritt ta’ qrati nazzjonali li jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi limitat mill-ftuħ possibbli ta’ proċeduri dixxiplinari, l-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji u l-Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jiksru t-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, b’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni preċedenti.

127. Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li ma seħħ ebda ksur, peress li ebda proċedura dixxiplinari ma nfetħet kontra mħallfin talli għamlu rinviji u li ma jeżistix “effett dissważiv”.

128. Għandu jitfakkar li t-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE rispettivament jagħtu lill-qrati nazzjonali d-diskrezzjoni u, skont il-każ, l-obbligu li jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari meta jikkunsidraw li kawża li tinsab quddiemhom tirrigwarda punti li jinvolvu l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għas-soluzzjoni tal-kawża (91). Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza f’Miasto Łowicz (92), il-miżuri nazzjonali li jesponu lill-imħallfin nazzjonali għal proċeduri dixxiplinari minħabba li għamlu rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jistgħux jiġu permessi. Fil-fatt, is-sempliċi possibbiltà li jkunu suġġetti għal tali proċeduri bħala riżultat talli jagħmlu rinviju x’aktarx timmina l-eżerċizzju effettiv mill-imħallfin ikkonċernati tad-diskrezzjoni u tal-funzjonijiet fdati lilhom skont l-Artikolu 267 TFUE. Għal dawn l-imħallfin, il-fatt li ma jiġux esposti għal proċeduri jew miżuri dixxiplinari talli eżerċitaw id-dritt tagħhom li jagħmlu rinviju jikkostitwixxi garanzija li hija essenzjali għall-indipendenza ġudizzjarja u għall-funzjonament tal-proċedura tad-deċiżjoni preliminari.

129. Għandu jiġi indikat ukoll li, fis-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin għall-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, EU:C:2020:1053 (93), il-Qorti tal-Ġustizzja stess irrikonoxxiet li l-awtoritajiet Pollakki mmultiplikaw l-inizjattivi intiżi li jwaqqfu r-rinviji lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni tal-indipendenza tal-qrati fil-Polonja jew sabiex jikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-qrati Pollakki li għamlu tali rinviji.

130. F’din il-kawża, il-Kummissjoni wriet biżżejjed li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru t-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, peress li ma jipprovdux biżżejjed garanziji li jipproteġu lill-imħallfin kontra l-possibbiltà ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari talli jagħmlu rinviji.

131. Skont l-analiżi magħmula fil-punti 79 sa 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet, filwaqt li d-dispożizzjonijiet ikkontestati kkunsidrati b’mod iżolat ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jiksru l-Artikolu 267 TFUE, hemm raġunijiet raġonevoli sabiex jiġi kkunsidrat li jistgħu jiġu interpretati b’mod li l-imħallfin nazzjonali jistgħu jiġu suġġetti għal proċeduri jew miżuri dixxiplinari talli jagħmlu rinviju, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest iktar wiesa’ u l-applikazzjoni fil-prattika. Kuntrarjament għall-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja, l-eżempji msemmija mill-Kummissjoni fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet jindikaw li l-imħallfin ġew suġġetti għal investigazzjonijiet u proċeduri dixxiplinari b’rabta mad-deċiżjonijiet tagħhom li jagħmlu rinviji lill-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod speċifiku, tliet imħallfin kienu s-suġġett ta’ investigazzjonijiet relatati, b’mod partikolari, mas-suspett ta’ “eċċess tas-setgħat ġudizzjarji” possibbli minħabba l-fatt li għamlu r-rinviji (94), u r-raba’ kawża involviet proċeduri dixxiplinari mressqa kontra l-imħallef ikkonċernat, inter alia, minħabba li allegatament għamel domandi preliminari illegali dwar l-indipendenza ġudizzjarja. Il-fatt li dawn l-investigazzjonijiet ingħalqu, li l-investigazzjonijiet isiru fuq bażi evidentement eċċezzjonali jew li l-investigazzjonijiet u l-proċeduri dixxiplinari kkonċernaw ksur li ma kienx ksur manifest u serju tal-liġi ma jikkonvinċunix.

132. Dak li huwa deċiżiv f’din il-kawża huwa li, kif ikkonfermat fis-sentenza f’Miasto Łowicz, miżuri nazzjonali li b’xi mod jipprevjenu jew jostakolaw lill-qrati nazzjonali milli jagħmlu użu mid-diskrezzjoni jew l-obbligu tagħhom li jagħmlu rinviju jiksru l-Artikolu 267 TFUE. Il-fatt li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jippermettu l-possibbiltà li proċeduri dixxiplinari jittieħdu kontra mħallfin nazzjonali b’rabta mad-deċiżjonijiet tagħhom li jagħmlu rinviji lill-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss jimmina l-funzjonament tal-proċedura ta’ deċiżjoni preliminari, iżda x’aktarx jinfluwenza wkoll id-deċiżjonijiet ta’ mħallfin nazzjonali oħra fil-futur dwar jekk għandhomx jagħmlu rinviju, li għalhekk jirriżulta f’“effett dissważiv”. Fil-fehma tiegħi, is-sempliċi possibbiltà li mħallef nazzjonali jista’ jiġi suġġett għal proċeduri jew miżuri dixxiplinari talli għamel rinviju jippreġudika l-qalba tal-proċedura rregolata mill-Artikolu 267 TFUE u magħha, is-sisien innifishom tal-Unjoni stess.

133. Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, il-ħames ilment imqajjem mill-Kummissjoni huwa fondat.

VII. Spejjeż

134. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 140(1) tagħhom, l-Istati Membri li intervjenew fil-proċedura jbatu l-ispejjeż tagħhom stess. Għalhekk, peress li l-Kummissjoni talbet l-ispejjeż u r-Repubblika tal-Polonja tilfet, din għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Finlandja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

VIII. Konklużjoni

135. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

(1)      tiddikjara li billi tippermetti, skont l-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji u l-Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, li l-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji jista’ jiġi ttrattat bħala ksur dixxiplinari; billi ma tiggarantixxix, skont l-Artikoli 3(5), 27 u 73(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema u l-Artikolu 9a tal-Liġi dwar il-KRS, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari; billi tagħti, skont l-Artikoli 110(3) u 114(7) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, lill-President tal-Awla Dixxiplinari s-setgħa li jinnomina l-qorti dixxiplinari kompetenti fl-ewwel istanza fil-kawżi kontra l-imħallfin tal-qrati ordinarji; billi tagħti, skont l-Artikolu 112b tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, lill-Ministru għall-Ġustizzja s-setgħa li jinnomina Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja u billi tipprevedi, skont l-Artikolu 113a tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, li l-attivitajiet marbuta mal-ħatra ta’ avukat u l-aċċettazzjoni tal-patroċinju tal-każ minnu ma għandhomx effett sospensiv fuq l-iżvolġiment tal-proċedura u, skont l-Artikolu 115a(3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, li l-qorti dixxiplinari tmexxi l-proċedura anki fil-każ ta’ assenza ġġustifikata tal-akkużat innotifikat, jew tal-avukat tiegħu, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE;

(2)      tiddikjara li, billi tippermetti li d-dritt tal-qrati li jagħmlu rinviji għal domandi preliminari jiġi limitat bil-possibbiltà li tinfetaħ proċedura dixxiplinari, ir-Repubblika tal-Polonja naqset mill-obbligi tagħha taħt it-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE;

(3)      tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż tagħha stess u għal dawk tal-Kummissjoni; u

(4)      tikkundanna lir-Renju tal-Belġju, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika tal-Finlandja, lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż tagħhom stess.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Il-qrati ordinarji huma diviżi fi qrati distrettwali, reġjonali u tal-appell, b’numru ta’ madwar 10 000 imħallef skont informazzjoni reċenti.


3      Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586); tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033) u tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin għall-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, EU:C:2021:153); u n-noti ta’ qiegħ il-paġna 4, 5, 9 u 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


4      C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982 (iktar ’il quddiem is-“sentenza f’A. K. et”).


5      C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234 (iktar ’il quddiem is-“sentenza f’Miasto Łowicz”). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rinviji magħmula mill-imħallfin ikkonċernati (ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet) kienu inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ rabta sostantiva bejn il-proċeduri prinċipali u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.


6      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:551 (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet f’A. K. et”), nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ punt 1).


7      Ara l-Kummissjoni, Proposta Motivata skont l-Artikolu 7(1) TUE dwar l-Istat tad-dritt fil-Polonja, COM(2017) 835 final, 20 ta’ Diċembru 2017.


8      Il-Kummissjoni bdiet ir-raba’ azzjoni ta’ ksur kontra r-Repubblika tal-Polonja dwar is-sistema dixxiplinari l-ġdida (ara l-istqarrija għall-istampa, 27 ta’ Jannar 2021, IP/21/224). Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


9      C‑619/18, EU:C:2019:531. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:325).


10      C‑192/18, EU:C:2019:924. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:529).


11      Għal ħarsa ġenerali, ara Devlin, R. u Wildeman, S. (edituri), Disciplining Judges: Contemporary Challenges and Controversies, Edward Elgar, 2021.


12      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13      Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277).


14      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għas-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531).


15      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment, inter alia, għas-sentenza tal-Qorti Suprema tad‑29 ta’ Ottubru 2003 (SNO 48/03).


16      Komunikazzjonijiet tad-Deputat Uffiċjal Dixxiplinari għal Imħallfin tal-Qrati Ordinarji, tad‑29 ta’ Novembru 2018, lill-Imħallfin tal-Qorti Reġjonali f’Łódź, tal-Qorti Reġjonali f’Varsavja u tal-Qorti Reġjonali f’Gorzów Wielkopolski; il-Komunikazzjoni tal-Uffiċjal Dixxiplinari għall-Imħallfin tal-Qrati Ordinarji, tas‑17 ta’ Diċembru 2018, dwar l-investigazzjonijiet b’rabta mar-rinviji għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.


17      Komunikazzjoni tal-Uffiċjal Dixxiplinari għall-Imħallfin tal-Qrati Ordinarji, tat‑3 ta’ Settembru 2019, dwar Imħallef tal-Qorti Reġjonali f’Varsavja.


18      Komunikazzjoni tal-Uffiċjal Dixxiplinari għall-Imħallfin tal-Qrati Ordinarji, tas‑6 ta’ Diċembru 2019, dwar Imħallef tal-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja.


19      Deċiżjoni tal-Awla Dixxiplinari tal‑4 ta’ Frar 2020 (II DO 1/20).


20      Komunikazzjoni tal-Uffiċjal Dixxiplinari għall-Imħallfin tal-Qrati Ordinarji, tad‑29 ta’ Novembru 2019, dwar Imħallef tal-Qorti Distrettwali f’Olsztyn.


21      Komunikazzjoni tal-Uffiċjal Dixxiplinari għall-Imħallfin tal-Qrati Ordinarji, tal‑15 ta’ Diċembru 2019, dwar Imħallfin tal-Qorti tal-Appell f’Katowice; Komunikazzjoni tad-Deputat Uffiċjal Dixxiplinari għall-Imħallfin tal-Qrati Ordinarji, tal‑14 ta’ Frar 2020, dwar Imħallef tal-Qorti Reġjonali f’Jelenia Góra.


22      Ir-Repubblika tal-Polonja tagħmel riferiment, inter alia, għas-sentenzi tal-Qorti Suprema tad‑29 ta’ Ottubru 2003 (SNO 48/03), u tas‑17 ta’ Ottubru 2006 (SNO 59/06).


23      Ir-Repubblika tal-Polonja tagħmel riferiment għas-sentenzi f’A. K. et, u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535).


24      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għas-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2004, Pedersen u Baadsgaard vs Id‑Danimarka (CE:ECHR:2004:1217JUD004901799).


25      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għas-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2009, Pishchalnikov vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2009:0924JUD000702504).


26      Ir-Repubblika tal-Polonja tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għas-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑287/03, EU:C:2005:282).


27      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 47).


28      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 102).


29      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 55).


30      Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin għall-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 111).


31      Ara s-sentenza f’Miasto Łowicz (punt 34).


32      Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 56), u tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 104).


33      B’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta, hemm pożizzjonijiet diverġenti fil-letteratura; ara, pereżempju, Rizcallah, C. u Davio, V., “L’article 19 du Traité sur l’Union européenne: sésame de l’Union de droit”, Revue trimestrielle des droits de l’homme, 2020, vol. 31, p. 155‑185, f’p. 178‑181; Torres Pérez, A., “From Portugal to Poland: The Court of Justice of the European Union as watchdog of judicial independence”, Maastricht Journal of European and Comparative Law, vol. 27, 2020, p. 105‑119, f’p. 111‑112.


34      Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 77), u tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 114).


35      Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin għall-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 143, ċitazzjonijiet imħollija barra); ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Protezzjoni ġudizzjarja kontra talbiet għal informazzjoni fid-dritt fiskali) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 47), u tal-20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 45).


36      Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin għall-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 110).


37      Ara l-konklużjonijiet f’A. K. et (punt 85). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan f’Repubblika (C‑896/19, EU:C:2020:1055, punti 45 sa 47).


38      Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson u HG vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 75); is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 231 sa 234). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’W.Ż. (l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Nominazzjonijiet) (C‑487/19, EU:C:2021:289), u fil-kawża Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Nominazzjonijiet)_(C‑508/19, EU:C:2021:290).


39      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2016, MT Højgaard u Züblin (C‑396/14, EU:C:2016:347, punt 23).


40      Ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 43); tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander (C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 56); u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-giudici di pace Taljani) (C‑658/18, EU:C:2020:572, punt 45).


41      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 77); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, EU:C:2020:746, punt 265).


42      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 77).


43      Ara, pereżempju, il-Kunsill tal-Ewropa, il-Karta Ewropea dwar l-Istatus tal-Imħallfin, tal-10 ta’ Lulju 1998, punt 5; il-Prinċipji Bażiċi tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Indipendenza tal-Ġudikatura, 1985, punti 17 sa 20.


44      Ara, pereżempju, ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)12, tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-imħallfin: indipendenza, effiċjenza u responsabbiltajiet, 17 ta’ Novembru 2010, punti 66; il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, Rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar miżuri dixxiplinari kontra l-imħallfin (A/75/172), 17 ta’ Lulju 2020, punt 21.


45      Ara, pereżempju, Kunsill Konsultattiv tal-Imħallfin Ewropej (CCJE), Opinjoni Nru 3 (2002) dwar il-prinċipji u r-regoli li jirregolaw il-kondotta professjonali tal-imħallfin, b’mod partikolari l-etika, aġir mhux kompatibbli u imparzjalità, 19 ta’ Novembru 2002, punti 63 sa 65; ir-Rapport tan-Nazzjonijiet Uniti, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, punt 22.


46      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2013, Volkov vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2013:0109JUD002172211, punti 175 sa 185). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fi Statul Român – Ministerul Finanţelor Publice (C‑397/19, EU:C:2020:747, punti 100 u 101).


47      Ara s-sentenzi f’A. K. et (punt 142), u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 57).


48      Ara s-sentenza f’A. K. et (punt 152).


49      Din id-dispożizzjoni ġiet emendata b’leġiżlazzjoni nazzjonali (imsemmija fil-midja bħala l-“liġi tas-sarima”) li daħlet fis-seħħ fl‑14 ta’ Frar 2020. Din il-leġiżlazzjoni, inter alia, żiedet ċerti kategoriji ta’ ksur dixxiplinari, filwaqt li żammet essenzjalment dawk inkwistjoni f’din il-kawża. Din hija s-suġġett tar-raba’ azzjoni ta’ ksur tal-Kummissjoni miftuħa kontra r-Repubblika tal-Polonja (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


50      Ara, inter alia, il-Kummissjoni ta’ Venezia u d-Direttorat Ġenerali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istat tad-Dritt (DGI) tal-Kunsill tal-Ewropa, Opinjoni Nru 977/2020 AD(2020)017), 22 ta’ Ġunju 2020, punt 44; l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, Riżoluzzjoni 2316 dwar il-Funzjonament ta’ Istituzzjonijiet Demokratiċi fil-Polonja, 28 ta’ Jannar 2020, 28 ta’ Jannar 2020, punt 11; il-Grupp tal-Istati kontra l-Korruzzjoni (GRECO), ir-Raba’ Sensiela ta’ Evalwazzjoni, it-Tieni Addendum għat-Tieni Rapport ta’ Konformità (GrecoRC4(2019)23), 6 ta’ Diċembru 2019, b’mod partikolari l-punti 58 u 66.


51      Kif indikat mill-Kummissjoni, din il-proċedura ġiet ikkritikata, inter alia, fl-Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezia Nru 904/2017 (CDL-AD(2017)031), 11 ta’ Diċembru 2017, punti 53 sa 63.


52      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 30). Hawn, xahrejn mill-irċevuta tal-opinjoni motivata fis‑17 ta’ Lulju 2019 (ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


53      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑390/07, mhux ippubblikata, EU:C:2009:765, punti 59 u 63).


54      Dawn l-eżempji jissemmew f’diversi rapporti maħruġa minn organi nazzjonali u internazzjonali dwar proċeduri u miżuri dixxiplinari meħuda kontra mħallfin Pollakki. Ara, inter alia, Amnesty International, Poland: Free Courts, Free People, Lulju 2019; Helsinki Foundation for Human Rights, Disciplinary Proceedings Against Judges and Prosecutors, Frar 2019; Themis Association of Judges, Response of the Polish authorities to the CJEU judgment of 19 November 2019, aġġornata sal-31 ta’ Diċembru 2020. Kif indikat fil-punt 69 tal-Opinjoni Nru 3 taċ-CCJE (2002), iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet, miżuri dixxiplinari jinkludu kwalunkwe miżura li taffettwa b’mod negattiv l-istatus jew il-karriera ta’ mħallef.


55      Ara s-sentenza f’A. K. et (b’mod partikolari l-punti 123 sa 129 u 153).


56      Ara s-sentenza f’A. K. et (punti 133 u 134).


57      Ara s-sentenza f’A. K. et (punti 137 sa 151). Rigward il-KRS, ara wkoll is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin għall-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 130 sa 135), u l-konklużjonijiet tiegħi f’A.B. et (Ħatra tal-imħallfin għall-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, EU:C:2020:1053, punti 116 sa 126).


58      C‑619/18, EU:C:2019:531.


59      Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019 (III PO 7/18), b’mod partikolari l-punti 38 sa 81.


60      Digrieti tal‑15 ta’ Jannar 2020 (III PO 8/18 u III PO 9/18).


61      Riżoluzzjoni tat‑23 ta’ Jannar 2020 (BSA I‑4110‑1/20), b’mod partikolari l-punti 31 sa 45. Din ir-riżoluzzjoni għandha s-saħħa tal-liġi (ara l-punti 2 u 3).


62      Ara s-sentenza f’A. K. et, punti 167 sa 169.


63      Ara s-sentenza f’A. K. et, punt 132.


64      Ara l-konklużjonijiet f’A. K. et (punti 131 sa 137).


65      Ara l-konklużjonijiet f’A. K. et (punti 138 u 139).


66      Sentenza tal‑20 ta’ April 2020 (U 2/20).


67      Sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2019 (K 12/18).


68      Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson u HG vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 72).


69      Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson u HG vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 73).


70      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Savino et vs L‑Italja (CE:ECHR:2009:0428JUD001721405, punt 94).


71      CE:ECHR:2016:0112JUD005777413, punti 57 sa 63 u 67.


72      Ara l-punti 67 sa 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, EU:C:2020:746, punt 265).


73      Ara, pereżempju, il-Karta Ewropea, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, punt 5.1; Opinjoni Nru 3 taċ-CCJE (2002), iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet, punti 69, 71 u 77; il-Prinċipji Bażiċi tan-Nazzjonijiet Uniti, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, punti 17, 19 u 20.


74      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 48).


75      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka (C‑38/18, EU:C:2019:628, punt 39).


76      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C‑612/15, EU:C:2018:392, punti 71 u 72).


77      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 97).


78      Ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punti 29 u 30), u tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ (C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 55).


79      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary (C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 61).


80      Għal rikors li jinvolvi proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin, ara s-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2009, Olujić vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2009:0205JUD002233005, punti 77 sa 91) (konstatazzjoni ta’ ksur tar-rekwiżit ta’ żmien raġonevoli u opportunitajiet ugwali).


81      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2019, Virgiliu Tănase vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2019:0625JUD004172013, punt 209).


82      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2010, Rangdell vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2010:0119JUD002317208, punt 36). Madankollu, dan il-perijodu jista’ jkopri stadji preliminari mandatorji fil-proċedura: ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 1978, Konig vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:1978:0628JUD000623273, punt 98).


83      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2006, Mamič vs Is‑Slovenja (nru 2) (CE:ECHR:2006:0727JUD007577801, punti 23 u 24).


84      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 1978, Konig vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:1978:0628JUD000623273, punt 98).


85      Ara, f’dan ir-rigward, van Dijk, P. et (editur), Theory and Practice of the European Convention on Human Rights, il-ħames edizzjoni, Intersentia, 2018, p. 588‑592.


86      Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Novembru 2010, Sakhnovskiy vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2010:1102JUD002127203, punt 94).


87      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Ibrahim et vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2016:0913JUD005054108, punt 253).


88      Ara s-sentenzi tat‑23 ta’ Ġunju 2016, Baka vs L‑Ungerija (CE:ECHR:2016:0623JUD002026112, punt 121), u tat‑23 ta’ Mejju 2017, Paluda vs Is‑Slovakkja (CE:ECHR:2017:0523JUD003339212, punt 45).


89      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho e Sá vs Il‑Portugall (CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punt 196).


90      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 113).


91      Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 88), u tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin għall-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 91 sa 92).


92      Ara s-sentenza f’Miasto Łowicz (punti 58 u 59). Ara wkoll is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov (C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 25); id-digriet tat‑12 ta’ Frar 2019, RH (C‑8/19 PPU, EU:C:2019:110, punt 47).


93      C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 100.


94      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin għall-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 101).