Language of document : ECLI:EU:C:2018:910

Kawża C619/18

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja

“Proċedura mħaffa”

Sommarju – Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Novembru 2018

Proċedura ġudizzjarja – Proċedura mħaffa – Kundizzjonijiet – Ċirkustanzi li jiġġustifikaw trattament rapidu – Dubji fuq l-indipendenza tal-istanza tal-Qorti Suprema ta’ Stat Membru  – Ammissibbiltà ta’ rikors għal din il-proċedura

(Artikolu 2 TUE; Artikolu 267 TFUE; Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 133(1))

Fil-kuntest ta’ talba għal proċedura mħaffa, imressqa fil-kuntest ta’ rikors għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu insegwitu għad-dubji tal-Kummissjoni dwar il-kapaċità stess ta’ Qorti Suprema ta’ Stat Membru, insegwitu tal-bidliet leġiżlattivi relatati mat-tnaqqis tal-età li l-membri tal-imsemmija Qorti Suprema qegħdin jirtiraw u l-kundizzjonijiet li taħthom dawn l-imħallfin jistgħu, fejn applikabbli, lil hinn minn din l-età, jitħallew ikomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, li tkompli tiddeċiedi f’konformità mad-dritt fundamentali ta’ kull persuna li jkollha aċċess għal tribunal jew qorti indipendenti, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali sa fejn jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet fil-kawża jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni u l-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, u b’mod partikolari tal-valur tal-Istat tad-dritt.

Barra minn hekk, l-inċertezzi relatati mad-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati jistgħu wkoll ikollhom effett fuq il-funzjonament tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja inerenti għall-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, li hija l-pedament tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea, li l-indipendenza tal-qrati nazzjonali, u b’mod partikolari dik tal-qrati li jiddeċiedu fl-aħħar istanza, huwa essenzjali.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja li tintervjeni fil-qasir żmien hija ta’ natura, għall-finijiet taċ-ċertezza legali, fl-interess kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-Istat Membru kkonċernat, biex jitneħħew l-inċertezzi li jirrigwardaw kwistjonijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u li jirrigwardaw b’mod partikolari l-eżistenza ta’ eventwali interferenzi f’ċerti drittijiet fundamentali li tiggarantixxi dan u l-impatt li l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt jista’ jkollha fir-rigward tal-kompożizzjoni u l-operazzjoni tal-ogħla qorti ta’ dak l-Istat Membru.

(ara l-punti 19-22, 25)