Language of document : ECLI:EU:T:2004:346

SENTENZA TAT-30.11.04 – KAWŻA T-168/02

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (il-Ħames Awla Estiża)

30 ta’ Novembru 2004 (*)

“Rikors għal annullament – Aċċess għad-dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Artikolu 4(5) – Nuqqas ta’ żvelar ta’ dokument li ġej minn Stat Membru mingħajr il-ftehim minn qabel ta’ dan l-Istat”

Fil-kawża T-168/02,

IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds gGmbH, li qabel kienet Internationaler Tierschutz-Fonds (IFAW) GmbH, stabbilita f’Hamburg (Il-Germanja), irrappreżentata minn S. Crosby, solicitor,

rikorrenti,

sostnuta

mir-Renju ta' l-Olanda, irrappreżentat minn H. Sevenster, S. Terstal, N. Bel u C. Wissels, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

mir-Renju ta' l-Iżvezja, irrappreżentat minn A. Kruse u K. Wistrand, bhala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

u

mir-Renju tad-Danimarka, inizjalment irrappreżentat minn J. Bering Liisberg, imbagħad minn J. Molde, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Docksey u P. Aalto, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta

mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda du Nord, irrappreżentat minn R. Caudwell, bħala aġent, u M. Hoskins, barrister, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Marzu 2002 li tiċħad lir-rikorrenti, skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1049/2001, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43), l-aċċess għal ċerti dokumenti relatati mad-dekommissjonament ta’ sit protett,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn P. Lindh, President, R. García-Valdecasas, J. D. Cooke, P. Mengozzi u M. E. Martins Ribeiro, Imħallfin,

Reġistratur: D. Christensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-1 ta’ April 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 255 KE jipprovdi li:

“1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu [jkollhom] id-dritt għall-aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, suġġett għall-prinċipji u l-kundizzjonijiet kif definiti skond il-paragrafi 2 u 3.

2. Il-prinċipji ġenerali u l-limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta’ l-aċċess għal dokumenti jiġu stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251, fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam.

[...]”

2        Id-Dikjarazzjoni Nru 35 annessa ma’ l-Att Finali tat-Trattat ta’ Amsterdam (aktar 'il quddiem id-“Dikjarazzjoni Nru 35) tippreċiża:

“Il-Konferenza taqbel li l-prinċipji u l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 191a(1) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea jippermetti lill-Stat Membru li jitlob lil-Kummissjoni jew lill-Kunsill li ma jikkomunikax ma' partijiet terzi dokument li joriġina minn dak l-Istat mingħajr il-qbil preċedenti tiegħu."

3        Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1049/2001 tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43, aktar 'il quddiem ir-“Regolament”) jiddeffinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet previst fl-Artikolu 255 KE. Dan ir-Regolament ilu applikabbli mit-3 ta’ Diċembru 2001.

4        L-Artikolu 2 tar-Regolament jipprovdi li:

“1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kundizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.

[...]

3. Dan ir-Regolament għandu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċeviet fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.

[...]”

5        L-Artikolu 3 tar-Regolament jipprovdi li:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

a) ‘dokument’ tfisser kull kontenut, ikun liema jkun il-medju tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviżiv) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni;

b) ‘parti terza’ tfisser kull persuna naturali jew legali, jew kull entità barra mill-istituzzjoni involuta, inklużi l-Istati Membri, korpi Komunitarji oħrajn, istituzzjonijiet oħra mhux Komunitarji u korpi u pajjiżi terzi.”

6        L-Artikolu 4 tar-Regolament, li jiddeffinixxi l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess imsemmi aktar 'il fuq, isemmi dan li ġej:

“1. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta:

a) l-interess pubbliku fir-rigward ta’:

–        is-sigurtà pubblika,

–        kwistjonijiet militari u ta’ difiża,

–        relazzjonijiet internazzjonali,

–        il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Komunità jew ta’ Stat Membru;

b) il-privatezza u l-integrità ta’ l-individwu, b’mod partikolari skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ta’ data personali.

2. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–        interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

–        proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

–        l-iskop ta’ ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki,

jekk ma jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[...]

4. Fir-rigward ta’ dokumenti ta’ partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, jekk ikun ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.

5. Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel.

[...]

7. L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perijodu mhux itwal minn 30 sena. Fil-każ ta’ dokumenti koperti mill-eċċezzjonijiet dwar privatezza jew interessi kummerċjali u fil-każ ta’ dokumenti sensittivi, l-eċċezzjonijiet jistgħu, jekk meħtieġ, jibqgħu japplikaw wara dan il-perijodu.”

7        L-Artikolu 9 tar-Regolament, dwar it-trattament ta’ dokumenti sensittivi jipprovdi li:

“1. Dokumenti sensittivi huma dokumenti li ġejjin mill-istituzzjonijiet jew mill-aġenziji mwaqqfa minnhom, mill-Istati Membri, pajjiżi terzi jew Organizzazzjonijiet Internazzjonali, klassifikati bħala “TRÉS SECRET/TOP SECRET”, “SECRET” jew “CONFIDENTIEL” skond ir-regoli ta’ l-istituzzjoni rilevanti, li jħarsu l-interessi essenzjali ta’ l-Unjoni Ewropea jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha fl-oqsma koperti mill-Artikolu 4(1)(a), partikolarment is-sigurtà pubblika, kwistjonijiet militari u tad-difiża.

2. Applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokumenti sensittivi taħt il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 għandhom jiġu pproċessati biss minn persuni li għandhom dritt isiru jafu dwar dawk id-dokumenti. Dawn il-persuni għandhom ukoll, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(2), jagħmlu stima dwar liema referenzi għal dokumenti sensittivi jistgħu jsiru fir-reġistru pubbliku.

3. Dokumenti sensittivi għandhom jiġu reġistrati fir-reġistru jew żvelati biss bil-kunsens ta’ minn għand min ġejjin.

[...]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        Ir-rikorrenti hija organizzazzjoni mhux governattiva li taħdem fil-qasam tal-preservazzjoni tal-benesseri ta’ l-annimali u l-protezzjoni tan-natura.

9        Fid-19 ta’ April 2000, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni li tawtorizza r-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tiddikommissjona s-sit ta’ Mühlenberger Loch (aktar 'il quddiem l-“opinjoni”), żona protetta skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u tal-flora selvaġġa (ĠU L 206, p. 7).

10      Bejn il-11 ta’ Mejju u s-7 ta’ Settembru 2001, ir-rikorrenti skambjat korrispondenza mal-Kummissjoni sabiex tikseb l-aċċess għal ċerti dokumenti dwar proġett li jikkonċerna s-sit ta’ Mühlengerger Loch, li kien jikkonsisti fit-tkabbir tal-fabbrika ta’ Daimler Chrysler Aerospace Airbus GmbH u fir-reklamazzjoni ta’ parti mill-estwarju għat-titwil ta’ runway (aktar 'il quddiem il-“proġett”). Dan l-iskambju ta’ korrispondenza sar fil-kuntest tar-regoli ta’ aċċess għad-dokumenti stabbiliti mid-deċiżjoni 94/90/KEFA, KE, Euratom tal-Kummissjoni, tat-8 ta’ Frar 1994, dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 46 p. 58) li dak iż-żmien kienu fis-seħħ.

11      Fil-kuntest ta’ dan l-iskambju ta’ korrispondenza, il-Kummissjoni kkomunikat xi dokumenti lir-rikorrenti.

12      Permezz ta’ ittra ta’ l-20 ta’ Diċembru 2001, ir-rikorrenti talbet li jkollha aċċess għal sensiela ta’ dokumenti addizzjonali skond ir-Regolament. Ir-rikorrenti kklassifikat id-dokumenti mitluba, fl-Anness III ta’ l-imsemmija ittra, fi tliet kategoriji, jiġifieri l-kategorija “A”, li kienet tikkonċerna nota indirizzata mid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Ambjent” lis-servizz legali tal-Kummissjoni fit-12 ta’ Novembru 1999, il-kategorija “B” li kienet tikkonċerna dokumenti li kienu ġejjin mill-awtoritajiet Ġermaniżi, u l-kategorija “C” li kienet tikkonċerna dokumenti li kienu ġejjin minn partijiet terzi oħra.

13      Permezz ta’ faks ta’ l-24 ta’ Jannar 2002, is-Sur Verstrynge, l-Aġent Direttur Ġenerali tad-DĠ “Ambjent” tal-Kummissjoni indika lir-rikorrenti li “l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tikseb il-kunsens ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi qabel ma tiżvela xi dokument li tkun irċeviet minn dawn ta' l-aħħar (ara l-Artikolu 4(5) [tar-Regolament]).”

14      Fid-29 ta’ Jannar 2002, ir-rikorrenti rrispondiet li hija ma kinitx taċċetta din l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament. Hija sostniet li “[l]-awtoritajiet Ġermaniżi [setgħu] jitolobu lill-Kummissjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dan l-Istat Membru jekk ma jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel” u li “[d]-deċiżjoni definittiva dwar l-iżvelar [kienet tal-] Kummissjoni u [kellha] tkun ibbażata fuq waħda mill-eċċezzjonijiet (Artikolu 4), meta ma jkunx hemm interess pubbliku fl-iżvelar tiegħu. ”

15      Fit-12 ta’ Frar 2002, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet lill-Kummissjoni biex ma tiżvelax il-korrispondenza li hija kienet skambjat mal-belt ta’ Hamburg dwar is-sit ta’ Mühlenberger Loch u l-proġett kif ukoll il-korrispondenza tal-Kanċillier Ġermaniż. Fit-13 ta’ Frar 2002, ir-rikorrenti rċeviet faks tas-Sur Verstrynge, li fiha huwa ta l-aċċess għad-dokumenti msemmija fil-kategoriji “A” u “C” (ara l-punt 12 aktar 'il fuq). F’din l-istess faks, is-Sur Verstrynge infurma lir-rikorrenti li d-dokumenti msemmija fil-kategorija “B”, jiġifieri dawk li huma ġejjin mill-awtoritajiet Ġermaniżi, ma setgħux jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha.

16      Fis-6 ta’ Marzu 2002, ir-rikorrenti indirizzat applikazzjoni konfermatorja lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament sabiex dan jeżamina mill-ġdid ir-rifjut li jiġu żvelati d-dokumenti tal-kategorija “B”. B’mod partikolari, ir-rikorrenti affermat mill-ġdid li hija kienet topponi l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament.

17      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Marzu 2002, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni indika lir-rikorrenti li huwa kien qiegħed jikkonferma d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ l-iżvelar tad-dokumenti li kienu ġejjin mill-awtoritajiet Ġermaniżi (aktar 'il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-paritjiet.

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Ġunju 2002, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

19      Permezz ta’ ittri rreġistrati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-9 ta’ Settembru, fit-30 ta’ Settembru u fit-2 ta’ Ottubru 2002 rispettivament,, ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Renju ta’ l-Iżvezja u r-Renju tad-Danimarka talbu sabiex jintervjenu f'dawn il-proċedimenti in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

20      Permezz ta’ ittra rreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-10 ta’ Ottubru 2002, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq talab sabiex jintervejni f'dawn il-proċedimenti in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

21      B’digriet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Novembru 2002, dawn it-talbiet għal intervent ġew milqugħa wara li nstemgħu l-partijiet prinċipali.

22      Permezz ta’ ittra ta’ l-24 ta’ Setttembru 2003, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza, skond l-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rinviju tal-kawża quddiem is-Seduta Plenarja jew quddiem l-Awla Manja. Il-Kummissjoni kkontestat tali rinviju.

23      Permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Diċembru 2003, il-Qorti tal-Prim’Istanza assenjat il-kawża lill-Ħames Awla Estiża, wara li nstemgħu l-partijiet intervenjenti.

24      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Ħames Awla Estiża) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

25      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu matul is-seduta li nżammet fl-1 ta’ April 2004.

26      Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Renju ta’ l-Iżvezja u r-Renju tad-Danimarka titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

27      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq, titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

28      Ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi in sostenn ta’ dan ir-rikors. L-ewwel motiv jikkonċerna ksur ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament. It-tieni motiv jikkonċerna ksur ta’ l-Artikolu 253 KE.

29      Bħala osservazzjoni ġenerali, ir-rikorrenti tosserva li jeżisti, f’dan il-każ, interess pubbliku evidenti għall-iżvelar tad-dokumenti fformulati mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Is-sit ta’ Mühlenberger Loch huwa riserva naturali ta’ importanza internazzjonali kif ukoll ir-rifuġju ta’ xi speċijiet ta’ flora u ta’ annimali protetti mid-dritt Komunitarju, fil-kuntest tan-netwerk Natura 2000, u minn konvenzjoni internazzjonali. Ir-rikorrrenti ssostni li l-Kummissjoni approvat id-dekommissjonament effettiv ta’ din iż-żona bl-uniku skop li tawtorizza l-qerda tas-sit ta’ Mühlengerber Loch sabiex tippermetti t-tkabbir ta’ fabbrika u r-reklamazzjoni ta’ parti mill-estwarju għat-titwil ta’ runway. Hija tosserva li, għalkemm l-opinjoni li tawtorizza l-qerda tas-sit ta’ Mühlenberger Loch kien ġie kkunsidrat bħala ġġustifikat minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku akbar, skond il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-informazzjoni essenzjali li fuqha hija bbażata din l-opinjoni, għandha tibqa’ kunfidenzjali.

30      Il-Kummissjoni tallega li żvelat il-biċċa l-kbira tad-dokumentazzjoni rilevanti li ġejja mis-servizzi tagħha stess jew li hija kienet irċeviet. Hija ssostni li l-faxxiklu kkomunikat lir-rikorrenti juri b’mod iddettaljat ħafna il-kuntest tat-teħid tad-deċiżjoni Komunitarja fil-kawża li wasslet għal din il-kwistjoni. Hija tenfasizza li dan il-faxxiklu jinkludi l-korrispondenza li hija indirizzat lill-awtoritajiet Ġermaniżi, inkluża dik indirizzata mill-President tal-Kummissjoni lill-Kanċillier Ġermaniż, u li huma biss id-dokumenti li joriġinaw mill-Istat Membru kkonċernat, li rrifjuta li jagħti kunsens għall-iżvelar tagħhom, li huma s-suġġett tal-kontestazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament

 L-argumenti tal-partijiet

31      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti, sostnuta mill-Gvern Olandiż, il-Gvern Svediż u l-Gvern Daniż, issostni li l-affermazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament huwa “obbligatorju” tistrieħ fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni. Hija tammetti li l-awtoritajiet Ġermaniżi jistgħu, skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament, jitolbu lill-Kummissjoni li ma tiżvelax il-korrispondenza ta’ dawn l-awtoritajiet, imma tqis li l-kelma “titlob” għandha sens differenti ħafna minn dak li l-Kummissjoni tipprova tagħtiha.

32      Ir-rikorrenti ssostni li “talba hija l-att jew il-fatt li titlob xi ħaġa”. Dan jimplika li l-parti li tkun ippreżentat talba tistenna risposta għaliha kif ukoll l-eżerċiżżju ta’ ċerta setgħa diskrezzjonali mill-parti li tirrispondi għaliha. Hija żżid tgħid li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament huwa dispożizzjoni derogatorja u li l-interpretazzjoni neċessarjament restrittiva li għandha tingħatalu teskludi li t-terminu “titlob” jinftiehem bħala li jfisser “tordna”.

33      Il-Gvern Olandiż u l-Gvern Daniż isostnu li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament ma jistax jiġi nterpretat bħala li jagħti lil Stat Membru “dritt ta’ veto”. Il-Gvern Svediż isostni li r-Regolament jistabbilixxi l-prinċipju li huwa d-detentur ta’ dokument li għandu jiddeċiedi jekk dan jistax jiġi kkomunikat jew le. Huwa jallega wkoll li l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tagħmel ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament, li tidderoga minn dan il-prinċipju, għandha tirriżulta espressament u mingħajr ekwivoku mit-test stess ta’ din id-dispożizzjoni.

34      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li hija ma kinitx ġiet infurmata dwar il-fatt li d-dokumenti mitluba kienu kunfidenzjali. Hija tosserva li, filwaqt li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament jindika li l-kunsens ta’ l-awtorità li minnha joriġinaw id-dokumenti huwa rekwiżit għall-iżvelar tad-dokumenti sensittivi, dan mhuwiex il-każ fir-rigward tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament. Skond il-Gvern Olandiż, kieku l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi dritt ta’ veto għall-iżvelar ta’ dokumenti mhux sensittivi fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament, huwa kien jagħżel kliem li hu simili għal dak ta’ l-Artikolu 9(3) tar-Regolament.

35      Ikun manifestament żbaljat li jiġi ssuġġerit li d-dokumenti mitluba f’dan il-każ għandhom jiġu kkunsidrati bħala suġġetti għal proċedura speċifika jew għal lex specialis minħabba li, skond it-termini tar-Regolament, huma jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni u l-prassi amministrattiva nazzjonali. Ir-rikorrenti tikkontesta, f’dan ir-rigward, l-affermazzjoni li l-Istati Membri jibbenefikaw mnn “sitwazzjoni privileġġata” taħt l-Artikolu 4(5) tar-Regolament. Skond il-Gvern Olandiż, fil-prinċipju, id-dokumenti kollha li l-istituzzjonijiet għandhom fil-pussess tagħhom għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku. Interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 4(5) li tagħti dritt ta’ veto lill-Istati Membri tippreġudika wisq id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti u ma tkunx kompatibbli ma’ l-għan tar-Regolament.

36      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament ma jistax jiġi interpretat mingħajr ma jiġu kkunsidrati dispożizzjonijiet oħra ta’ l-imsemmi Regolament.

37      Hija tippreċiża li t-talba ta’ l-awtoritajiet Ġermaniża li ma jiġux żvelati d-dokumenti li joriġinaw minnhom saret wara konsultazzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet mill-Kummissjoni fil-5 ta’ Frar 2002. Skond ir-rikorrenti, din il-konsultazzjoni ma setgħetx issir ħlief skond l-Artikolu 4(4) tar-Regolament, li jobbliga l-Kummissjoni li tikkonsulta partijiet terzi “bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, jekk ikun ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat”.

38      Ir-rikorrenti ssostni li din il-konsultazzjoni ma setgħat biss ikollha l-iskop li takkwista informazzjoni mill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex tippermetti lill-Kummissjoni li tiddetermina jekk eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) jew (2) tar-Regolament kinitx tapplika għad-dokumenti fformulati minnhom. Hija tenfasizza li t-termini ta’ l-Artikolu 4(4) tar-Regolament jindikaw li hija biss l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tipproċedi għal din l-evalwazzjoni. Il-parti kkonsultata tagħti l-opinjoni tagħha fuq l-applikabbiltà ta’ eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) jew (2) tar-Regolament, imma ma tistax tipproċedi sabiex tagħmel l-imsemmija evalwazzjoni f’isem il-Kummissjoni.

39      Ir-rikorrenti tirrileva li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament jintroduċi fih proċedura li tippermetti lill-awtoritajiet Ġermanizi li jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-oġġezzjonijiet tagħhom li jikkonċernaw l-iżvelar tad-dokumenti in kwistjoni taħt il-forma ta’ talba sabiex ma ma jiġux żvelati. Hija tenfasizza li, madankollu, l-opinjoni ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi mhijiex l-uniku fattur li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra meta hija tagħmel l-evalwzzjoni tagħha u mbagħad tiddeċiedi jekk tiżvelax id-dokumenti miktuba minn dawn l-awtoritjaiet jew le. Jista' jkun hemm regola, norma jew restrizzjoni akbar li tapplika għall-Kummissjoni bħal, per eżempju, interess pubbliku akbar għall-iżvelar.

40      Hija ssostni li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċes għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet ma jistax jiġi limitat ħlief minn rifjut iġġustifikat minn waħda mill-eċċezzjonijiet limitatament elenkati fl-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament. Hija tikkonstata li, meta l-eċċezzjonjiet huma applikabbli, huma għandhom jiġu interpretati restrittivament u bi prudenza, bħala ma huwa l-każ fir-rigward ta’ eċċezzjoni għal prinċipju ġenerali fundamentali [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2000, l-Olanda u Van der Wal vs Il-Kummissjoni, C-174/98 P u C-189/98 P, Ġabra p. I-1, punt 27, u s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Ottubru 1999, Bavarian Lager vs Il-Kummissjoni, T-309/97, Ġabra p. II-3217, punt 39; ta’ l-10 ta’ Ottubru 2001, British American Tobacco International (Investments) vs Il-Kummissjoni, T-111/00, Ġabra p. II-2997, punt 40, u tal-11 ta’ Diċembru 2001, Petrie et vs Il-Kummissjoni, T-191/99, Ġabra p. II-3677, punt 66]. Hija żżid tgħid li l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ l-Artikolu 4(6) tar-Regolament li jipprovdi li: “jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati”. Kull interpretazzjoni oħra tmur kontra l-kliem u l-istruttura ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament u tar-Regolament kollu kemm hu. L-Artikolu 4(5) tar-Regolament ma jagħmilx parti mil-lista ta’ l-eċċezzjonijiet għad-“dritt fundamentali ta’ aċċess”. Din l-interpretazzjoni hija msaħħa mill-fatt li l-Artikolu 4(7) tar-Regolament jikkonċerna biss eċċezzjonijiet li jinsabu fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ l-istess Artikolu u l-każ tad-dokumenti sensittivi.

41      Ir-rikorrenti ssostni li huwa kuntrarju għad-dritt Komunitarju li Stat Membru jingħata s-setgħa li jiddeċiedi li jagħti l-aċċess għal dokumenti jew le meta huwa ma huwa d-destinatarju la tat-talba ta’ aċċess u lanqas tar-Regolament. Hija tosserva li rikors jista’ jitressaq biss kontra d-destinatarju ta’ talba għal aċċess li rrifjuta li jiżvela d-dokument mitlub.

42      Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tipprova, fid-deċiżjoni kontenzjuża, tintroduċi mill-ġdid ir-“regola ta’ l-awtur” permezz ta’ manjiera oħra. L-applikanti jkunu jafu li l-Kummissjoni ma tistax tiċħad il-“veto ta’ Stat Membru”, fatt li obbligahom jindirizzaw it-talbiet ta’ aċċess tagħhom direttament lill-Istati Membri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jkunx hemm approċċ uniformi, minħabba li l-aċċess għad-dokumenti ta’ Stat Membru li jkunu ta' rilevanza għall-proċedura tat-teħid ta' deċiżjoni Komunitarja jkun ivarja minn Stat Membru għall-ieħor. Ir-rikorrenti tikkunsidra, f’dan ir-rigward, li l-argument tal-Kummissjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq it-trasparenza hija applikabbli għat-talba ta’ dokumenti msemmija f’dan il-każ mhuwiex aċċettabbli, minħabba li jwassal għal riżultat kaotiku, inkoerenti u assurd.

43      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Gvern tar-Renju Unit, tqis li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament joħloq, ġewwa l-leġiżlazzjoni Komunitarja fuq l-aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, proċedura speċifika li tirregola t-trattament tat-talbiet għal dokumenti li ġejjin minn Stat Membru. Hija tosserva li l-aċċess għal dawn id-dokumenti huwa rregolat mil-legiżlazzjonijiet u prassi nazzjonali u li l-leġiżlatur Komunitarju xtaq jieħu kunsiderazzjoni ta’ dan l-element fil-formulazzjoni ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament b’mod partikolari fid-dawl tad-Dikjarazzjoni Nru 35.

44      Il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 4(4) tar-Regola huwa jipprevedi l-“każ normali” tad-dokumenti li ġejjin minn partijiet terzi, filwaqt li l-Artikolu 4(5) ta’ l-istess Regolament jistabbilixxi l-“lex specialis” li tirregola s-sitwazzjoni speċifika tad-dokumenti “nazzjonali” li joriġinaw minn Stati Membri, li l-aċċess għalihom huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni u għall-prassi nazzjonali fil-każ tat-trasparenza. Fir-rigward ta’ l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni qed tipprova tintroduċi mill-ġdid ir-regola ta’ l-awtur (ara l-punt 42 aktar 'il fuq), il-Kummissjoni ssostni li s-sitwazzjonijiet preċedenti u sussegwenti għall-applikazzjoni tar-Regolament huma differenti ħafna waħda mill-oħra. Hija tallega li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament japplika l-obbligi previsti mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament għal kategorija ta’ partijiet terzi privileġġati preċiża ħafna, jiġifieri l-Istati Membri, u mhux għall-partijiet terzi kollha, u li huwa jawtorizzaha sabiex titratta d-dokumenti ta’ l-Istati Membri bil-mod li huwa jipprovdi, b'differenza mill-projbizzjoni ġenerali li titratta d-dokumenti minn partijiet terzi li kienet tapplika qabel.

45      Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 4(4) tar-Regolament jitratta t-talbiet li jirrigwardaw dokumenti li ġejjin mill-partijiet terzi kollha u essenzjalment jipprovdi li l-istituzzjoni għandha biss l-obbligu li tikkonsulta l-partijiet terzi kkonċernati jekk ma jkunx diġà ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.

46      Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament ma jipprovdix, b'differenza mill-Artikolu 4(2), li jiġi mwieżen l-interess pubbliku fl-iżvelar. Hija ssostni li, kuntrarjament għall-Artikolu 4(4) tar-Regolament, m'hemmx obbligu li tiżvela dokument fin-nuqqas ta’ dubju fuq l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament. L-Artikolu 4(5) tar-Regolament ma jillimitax ruħu sabiex jispeċifika li l-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Istat Membru, imma jipprovdi espressament li l-Istat Membru għandu d-dritt li jitlobha li ma tiżvelax id-dokument tiegħu mingħajr il-kunsens tiegħu. Hija ssostni li, meta talba bħal din tkun ġiet ippreżentata, id-dokument ma jistax jiġi żvelat.

47      Għal dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti msemmi fil-punt 34 aktar 'il fuq u relatat ma’ l-Artikolu 9(3) tar-Regolament, il-Kummissjoni tosserva li kunsiderazzjonijiet differenti ħafna kienu imponew l-abbozzar ta’ din l-aħħar dispożizzjoni u dik ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament. L-Artikolu 9(3) tar-Regolament jipprovdi li “dokumenti sensittivi għandhom jiġu reġistrati fir-reġistru jew żvelati biss bil-kunsens ta’ mingħand min ġejjin”. Hija ssostni li l-leġiżlatur ma setax kiteb din id-dispożizzjoni sabiex jirrikjedi biss il-kunsens ta’ mingħand min joriġinaw id-dokumenti għar-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru, imma mhux għall-għoti tad-dokumenti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkonstata li l-kunċett ta' awtorità “mingħand min ġejjin” imur lil hinn sew mill-Istati Membri biss, u li jinkludi l-istituzzjonijiet, l-aġenziji maħluqa minn dawn ta’ l-aħħar, l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Hija tenfasizza li m'hemmx lok li titħalla barra referenza għall-Istati Membri f’din il-lista.

48      Il-Kummissjoni ssostni li d-dritt mogħti lil Stat Membri li jirrifjuta li jagħti l-kunsens sabiex hija tiżvela dokument li huwa l-awtur tiegħu ma kienx intiż sabiex jirrestrinġi l-aċċess għal dan it-tip ta’ dokumenti b’mod assolut, imma skond ir-regoli Komunitarji biss. Hija tenfasizza li din ir-restrizzjoni hija intiża sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-istatus tad-dokument skond il-leġiżlazzjoni u l-prassi nazzjonali u għaldaqstant sabiex tevita d-diverġenzi bejn is-sistema Komunitarja u s-sistemi nazzjonali differenti ta’ aċċess għad-dokumenti. Hija tikkonstesta l-argument tar-rikorrenti li r-rifjut li jkun żvelat dokument “nazzjonali” ma jista’ jkun is-suġġett ta’ l-ebda rikors (ara l-punt 41 aktar 'il fuq). Hija tenfasizza li r-rifjut li tiġi permessa li tiżvela dan id-dokument ma jista' jkun is-suġġett ta' ebda rikors fid-dritt Komunitarju. Hija tosserva li, fil-każ kuntrarju, dokument “nazzjonali” jista’ jkun is-suġġett ta’ żvelar li jista’ jkun inkompatibbli mal-leġiżlazzjoni u l-prassi nazzjonali fil-qasam ta’ trasparenza. Il-Kummissjoni tirrifjuta fermament l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti esposti fil-punt 42 aktar 'il fuq u tqis li d-differenzi ġuridiċi jirriżultaw mid-dritt, kemm nazzjonali kif ukoll Komunitarju, u mhux mill-ġeografija jew mill-“kapriċċ” ta’ Stat Membru.

49      Il-Gvern tar-Renju Unit iqis li, kieku l-interpretazzjoni tar-Regolament magħmula mir-rikorrenti kellha tiġi aċċettata, din iċċaħħad lill-Artikolu 4(5) tar-Regolament minn kull effett, minħabba li din id-dispożizzjoni tkun għal kollox integrata fil-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li, kieku d-dritt Komunitarju kien jimponi fuq istituzzjoni Komunitarja li ma tikkunsidrax in-nuqqas ta’ kunsens ta’ Stat Membru, il-leġiżlatur Komunitarju fil-fatt ikollu s-setgħa li jġib fix-xejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali kollha li jimpedixxu l-iżvelar. Huwa jsostni li, fin-nuqqas ta’ regoli li jarmonizzaw il-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Istati Membri fil-qasam ta’ aċċess għad-dokumenti, dan ikun jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

50      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li, għalkemm Stat Membru li minnu jkun joriġina dokument jista’ jitlob lil istituzzjoni li żżomm dan id-dokument li ma tiżvelahx skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament, madankollu huwa m’għandux id-dritt ta’ veto f’dan ir-rigward, peress illi d-deċiżjoni finali hija ta' l-istituzzjoni.

51      Dan l-argument huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament u ma jistax jiġi aċċettat.

52      Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, previst fl-Artikolu 2 tar-Regolament, jikkonċerna d-dokumenti kollha miżmuma mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (aktar 'il quddiem l-“istituzzjonijiet”) [ara l-Artikolu 1(a) tar-Regolament], jiġifieri mitkuba jew irċevuti minnhom jew li huma fil-pussess tagħhom, skond il-paragrafu 3 ta’ l-istess Artikolu. Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet jistgħu jiġu mitluba, jekk ikun il-każ, sabiex jikkomunikaw dokumenti li ġejjin minn partijiet terzi, fosthom, b’mod partikolari, l-Istati Membri, skond id-definizzjoni tal-kunċett ta’ partijiet terzi li jinsab fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament.

53      Għandu mbagħad jiġi mfakkar li, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament, l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni kien irregolat mid-deċiżjoni 94/90. L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni kien jadotta formalment il-kodiċi ta’ kondotta approvat mill-Kunsill u l-Kummissjoni fis-6 ta’ Diċembru 1993 dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 1993, L 340, p. 41, aktar 'il quddiem il-“kodiċi ta’ kondotta”, anness magħha. Il-kodiċi ta’ kondotta kien jipprovdi, fit-taqsima intitolata “Trattament tat-talbiet inizjali”, li, “[m]eta d-dokument miżmum minn istituzzjoni [kellu] bħala awtur persuna fiżika jew ġuridika, Stat Membru, istituzzjoni oħra jew korp Komunitarju jew kull korp nazzjonali jew internazzjonali ieħor, it-talba [kellha] tiġi indirizzata direttament lill-awtur tad-dokument” (aktar 'il quddiem ir-“regola ta’ l-awtur”) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, skond ir-regola ta’ l-awtur, istituzzjoni ma kinitx awtorizzata tiżvela d-dokumenti ġejjin minn kategorija wiesgħa ta’ partijiet terzi, b’mod partikolari, l-Istati Membri, u li l-applikant għal aċċess kien obbligat, jekk ikun il-każ, li jindirizza t-talba tiegħu direttament lill-parti terza in kwistjoni.

54      Ir-regola ta’ l-awtur ma ddaħħlitx fir-Regolament, li jikkonferma li, fil-prinċipju, id-dokumenti kollha miżmuma mill-istituzzjonijiet għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku (premessa 11 tar-Regolament).

55      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ dokumenti li ġejjin minn partijiet terzi, l-Artikolu 4(4) tar-Regolament jobbliga l-istituzzjonijiet jikkonsultaw il-partijiet terzi kkonċernati, sabiex jiddeterminaw jekk eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) u (2) tar-regolament hija applikabbli, sakemm ma jkunx ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat. Minn dan iswegwi li l-istituzzjonijiet mhumiex obbligati li jikkonsultaw il-parti terza kkonċernata jekk jidher ċar li d-dokument għandu jiġi żvelat jew li m'għandux. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-istituzzjonijiet għandhom jikkonsultaw il-parti terza in kwistjoni. Għaldaqstant, il-konsultazzjoni tal-parti terza kkonċernata tikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, kundizzjoni minn qabel għad-determinazzjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjonjiet għall-aċċess previsti mill-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament fil-każ ta’ dokumenti li joriġinaw minn partijiet terzi.

56      Barra minn dan, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, l-obbligu impost fuq il-Kummissjoni li tikkonsulta l-partijiet terzi skond l-Artikolu 4(4) tar-Regolament ma jaffettwax is-setgħa tagħha li tiddeċiedi jekk waħda mill-eċċezzjonijiet previsti mill-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament hijiex applikabbli.

57      Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament jirriżulta li l-Istati Membri huma s-suġġett ta’ trattament partikolari. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istat Membru s-setgħa li jitlob lil istituzzjoni li ma tiżvelax dokumenti li ġejjin mingħandu mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu. Għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament jirrifletti d-Dikjarazzjoni Nru 35 li skondha l-Konferenza taqbel li l-prinċipji u kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 255 KE għandhom jippermettu lil Stat Membru li jitlob lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill li ma jikkomunikawx dokument li ġej minn dan l-Istat lil partijiet terzi mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu. Din is-setgħa li ngħatat lill-Istati Membri mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament hija spjegata mill-fatt li dan ir-Regolament la għandu l-għan u lanqas l-effett li jemenda l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam ta’ aċċess għad-dokumenti (ara l-premessa 15 tar-Regolament, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Settembru 2003, Messina vs Il-Kummissjoni, T-76/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 40 u 41).

58      L-Artikolu 4(5) tar-Regolament iqiegħed l-Istati Membri f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-partijiet terzi oħra, billi jistabbilixxi lex specialis f’dan ir-rigward. Skond din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru għandu s-setgħa li jitlob istituzzjoni li ma tiżvelax dokument li joriġina mingħandu, u l-istituzzjoni hija obbligata li ma tiżvelahx mingħajr il-“[ftehim] minn qabel” tiegħu. Dan l-obbligu, impost fuq l-istituzzjoni, li jkollu l-kunsens minn qabel mill-Istat Membru, li huwa stabbilit b’mod ċar fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament, jirriskja li jkun mingħajr effett jekk il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi li tiżvela dan id-dokument minkejja talba espliċita kuntrarja ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, talba ta’ l-Istat Membru skond din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi inġunzjoni lill-istituzzjoni li ma tiżvelax id-dokument in kwisjtoni.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Istat Membru m’għandux obbligu li jagħti raġuni għat-talba tiegħu skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament u li, ladarba huwa jkun ippreżenta tali talba, mhijiex kompetenza ta’ l-istituzzjoni li teżamina jekk in-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkontestat huwiex iġġustifikat skond, b’mod partikolari, l-interess pubbliku.

60      Sabiex tassigura għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament interpretazzjoni skond id-Dikjarazzjoni Nru 35 u sabiex tiffaċilita l-aċċess għad-dokument in kwistjoni billi tippermetti lill-Istat Membru, jekk ikun il-każ, li tagħti l-kunsens tiegħu għall-iżvelar tad-dokument, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta dan l-Istat Membru meta talba ta’ aċċes tirrigwarda dokument li ġej mingħandu. Jekk dan l-Istat Membru, wara li jkun ġie kkonsultat, ma jintroduċix talba skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament, l-istituzzjoni dejjem tibqa' obbligata li tevalwa, skond l-Artikolu 4(4) tar-Regolament, jekk id-dokument għandux jiġi żvelat jew le.

61      Hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, jekk l-aċċess għal dokument li fir-rigward tiegħu Stat Membru jkun għamel talba skond l-Artikolu 4(5) mhuwiex irregolat mir-Regolament, dan huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti ta’ l-Isati Membru kkonċernat, li mhumiex affettwati mill-adozzjoni tar-Regolament. Għaldaqstant, hija kompetenza ta’ l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali li jevalwaw, skond id-dritt nazzjonali, jekk l-aċċess għad-dokumenti li joriġinaw minn Stat Mebru għandu jingħata u jekk id-dritt ta’ rikors ta’ l-interessati se jkunx għaldaqstant iggarantit skond ir-regoli nazzjonali.

62      In kwantu għall-argument tar-rikorrenti espost fil-punt 34 aktar 'il fuq, ibbażat fuq il-kliem ta’ l-Artikolu 9(3) tar-Regolament, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 9 jipprovdi regoli speċifiċi għall-ipproċessar tad-dokumenti msejħa “sensittivi” li, b’mod partikolari, ġejjin mill-istituzzjonijiet, mill-Istati Membri, minn pajjiżi terzi jew minn organizzazzjonijeit internazzjonali fl-oqsma definiti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament, b’mod partikolari, is-sigurtà pubblika, id-difiża u l-kwistjonijiet militari. Dan l-Artikolu jsemmi, b’mod partikolari, il-persuni li huma awtorizzati li jitrattaw dawn id-dokumenti, u jipprovdi li d-dokumenti sensittivi huma biss irreġistrati fir-reġistru jew żvelati bil-kunsens ta’ l-awtorità mingħand min ġejjin. Fid-dawl ta’ l-ispeċifiċità tas-sitwazzjoni kkunsidrata minn dan l-Artikolu, jidher ċar li dan mhuwiex konness ma’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament u li l-kliem ta’ l-Artikolu 9(3) tar-Regolament ma jistgħux jiġu invokati b’mod utli sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 4(5).

63      F’dan il-każ, id-dokumenti li huma s-suġġett ta’ din il-kawża, kif jaqblu l-partijiet, jammontaw għal dokumenti li ġejjin minn Stat Membru skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament. Bl-istess mod, mhuwiex ikkontestat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet lill-Kummissjoni, fit-12 ta’ Frar 2002, li ma tiżvelax il-korrispondenza ta’ dan l-Istat Membru mal-belt ta’ Hamburg dwar Mühlenberger Loch u l-proġett kik ukoll il-korrispondenza tal-Kanċillier Ġermaniż.

64      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni, billi adottatat id-deċiżjoni kontenzjuża wara talba ta’ dan l-Istat Membru skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament, ma kisritx l-Artikolu 4 tar-Regolament.

65      Minn dan isegwi li l-ewwel motiv mhuwiex fondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 253 KE

 L-argumenti tal-partijiet

66      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kontenzjuża essenzjalment tirrepeti l-pożizzjoni ta' l-Aġent Direttur Ġenerali tad-DĠ “Ambjent”, jiġifieri li l-awtoritajiet Ġermaniżi talbu lill-Kummissjoni li ma tiżvelax id-dokumenti li ġejjin mingħandhom, mingħajr ma tispjega r-raġunijiet għar-rifjut. Hija tirrileva li hija ma tafx jekk id-deċiżjoni kontenzjuża hijiex ġuridikament fondata jew jekk hijiex arbitrarja u li hija kienet ġiet miċħuda mill-possibbiltà li teżamina l-bażi ġuridika tad-deċizjoni kontenzjuża (ara s-sentenza Petrie et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 77, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Ottubru 2000, JT’s Corporation vs Il-Kummissjoni, T-123/99, Ġabra p. II-3269, punt 63). Ir-rikorrenti ssostni li hija taf biss li l-awtoritajiet Ġermanizai ppreżentaw talba li ma jiġux żvelati d-dokumenti in kwistjoni u li l-Kummissjoni segwietha bħal persuna għamja.

67      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tteħdietx wara li ġie mwieżen l-interess tagħha li tikseb l-aċċess għad-dokumenti ma' l-interess tal-Kummissjoni sabiex titratta dawn id-dokumenti bħala dokumenti kunfidenzjali [sentenza British American Tobacco International (Investments) vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 53]. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni kienet taf l-importanza li kellhom għaliha d-dokumenti mitluba, imma li hija rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti fformulati mill-awtoritajiet Ġermaniżi mingħajr ma għamlet distinzjoni bejn id-dokumenti msemmija taħt seba’ titoli speċifiċi fit-talba inizjali. F’dan ir-rigward, hija ssostni li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tispjegax għalfejn, skond l-Artikolu 4(6) tar-Regolament, l-aċċess parzjali għall-imsemmija dokumenti kien ġie rifjutat lilha.

68      Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kontenzjuża tippreċiża b’mod ċar li hija kienet ikkonsultat l-awtoritajiet Ġermaniżi li kienu talbuha li ma tiżvelax il-korrispondenza tagħhom. Hija ssostni li, konsegwentement, hija sabet ruħha, skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament, fl-impossibbiltà li tiżvela din il-korrispondenza.

69      Hija ssostni li, fid-dawl ta’ l-analiżi magħmula fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv, din il-motivazzjoni kienet kompluta u kienet turi r-raġuni tar-rifjut ta’ aċċess. Hija ssostni li din il-motivazzjoni tikkorrispondi ma’ l-approċċ adottat mill-Aġent Direttur Ġenerali tad-DĠ “Ambjent” fil-faks tiegħu tat-13 ta’ Frar 2002 (ara punt 15 aktar 'il fuq).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

70      Għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu li tagħti motivazzjoni għal deċiżjoni individwali għandu l-għan li jipprovdi lill-interessat indikazzjoni suffiċjenti sabiex ikun jaf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata tajjeb jew jekk hijiex, eventwalment, vizzjata b'tali mod li dan ikun jista' jikkontestata l-validità tagħha u l-qorti Komunitarja tkun tista' tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni. Il-portata ta’ dan l-obbligu tiddependi min-natura ta’ l-att in kwistjoni u mill-kuntest li fih kien ġie adottat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ April 1996, Industrias Pesqueras Campos et vs Il-Kummissjoni, T-551/93, T-231/94 sa T-234/94, Ġabra p. II-247, punt 140; u tat-3 ta’ Frar 2000, CCRE vs Il-Kummissjoni, T-46/98 u T-151/98, Ġabra p. II-167, punt 46, u ta’ l-14 ta’ Mejju 2002, Associação Comercial de Aveiro vs Il-Kummissjoni, T-80/00, Ġabra p. II-2465, punt 35).

71      Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni mmotivat ir-rifjut tagħha li tikkomunika d-dokumenti ppreċiżati mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tas-6 ta’ Marzu 2002 billi għamlet riferiment għat-talba tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ma tiżvelhomx u billi affermat li, skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament, hija mhijiex awtorizzata sabiex tiżvela dokument li joriġina minn Stat Membru mingħajr il-ftehim minn qabel ta’ dan ta’ l-aħħar. Hija osservat li din id-dispożizzjoni kienet timponilha obbligu li ma tiżvelax u li hija ma kinitx suġġetta għal kriterju ta’ interess pubbliku. Tali motivazzjoni hija biżżejjed ċara sabiex tippermetti lir-rikorrenti tifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ma kinitx ikkomunikatilha d-dokumenti in kwistjoni u għall-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tagħmel l-isħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża.

72      Minbarra dan, anki jekk ir-restrizzjonijiet imposti f’dan il-każ għall-aċċess għad-dokumenti li ġejjin mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jaffettwawx id-dmir tal-Kummissjoni li tagħti motivazzjoni suffiċjenti għad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni mhijiex obbligata tispjega lir-rikorrenti r-raġunijiet li għalihom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanzja ressqet talba skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament, peress illi ebda obbligu ma huwa impost fuq l-Istati Membri sabiex jimmotivaw talba bħal din skond din id-dispożizzjoni (ara punt 59 aktar 'il fuq).

73      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

74      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

75      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li jiġi deċiż li hija tbati l-ispejjeż tal-Kummissjoni minbarra l-ispejjeż tagħha stess, skond it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

76      Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Renju ta’ l-Iżvezja, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Sezzjoni Estiża)

taqta’ u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

3)      Ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Renju ta’ l-Iżvezja, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Lindh

García-Valdecasas

Cooke

Mengozzi

 

       Martins Ribeiro

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-30 ta’ Novembru 2004.

Registratur

 

       Il-President

H. Jung

 

       P. Lindh


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.