Language of document : ECLI:EU:T:2004:360

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla Estiża)

14 ta' Diċembru 2004 (*)

"Politika kummerċjali komuni – Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) – Regolament (KE) Nru 3286/94 – Ostakoli għall-kummerċ – Mustarda ppreparata – Egħluq il-proċedura ta' eżami dwar l-ostakoli għall-kummerċ– Interess Komunitarju"

Fil-kawża T-317/02,

Fédération des industries condimentaires de France (FICF), stabbilita f'Pariġi (Franza),

Confédération générale des producteurs de lait de brebis et des industriels de Roquefort, stabbilita f'Millau (Franza),

Comité économique agricole régional 'fruits u légumes de la région Bretagne' (Cerafel), stabbilit f'Morlaix (Franza),

Comité national interprofessionnel des palmipèdes à foie gras (CIFOG), stabbilit f'Pariġi (Franza),

irrappreżentati minn O. Prost u M-J. Jacquot, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P-J. Kuijper u G. Boudot, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2002/604/KE tal-Kummissjoni, tad-9 ta' Lulju 2002, li tagħlaq il-proċedura ta' eżami dwar l-ostakoli għall-kummerċ skond ir-Regolament (KE) Nru 3286/94 tal-Kunsill dwar l-ostakoli għal-prattiċi ta' kummerċ miżmuma mill-Istati Uniti fil-kuntest ta' l-importazzjoni tal-mustarda ppreparata (ĠU L 195, p. 72),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn  B. Vesterdorf, President, P. Mengozzi,  M. E. Martins Ribeiro,  F. Dehousse u  I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur:  H. Jung,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-14 ta' Settembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 3286/94, tat-22 ta' Diċembru 1994, li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skond ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (ĠU L 349, p. 71) hekk kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 356/95 tal-Kunsill, ta' l-20 ta' Frar 1995 (ĠU L 41, p.3) (aktar 'il quddiem ir-Regolament Nru 3286/94), jipprovdi li:

"Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-[eżerċizzju] tad-drittijiet tal-Komunità taħt ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji [ta' l-]Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ li, soġġetti għall-konformità ma’ l-obbligi internazzjonali u proċedurali, huma mmirati lejn:

[…]

b) li jirrispondu għall-ostakoli għall-kummerċ li għandhom effett fuq is-suq ta’ pajjiż terz, bil-ħsieb li titneħħa l-ħsara għall-kummerċ li tirriżulta minnhom.

Dawn il-proċeduri jiġu applikati b’mod partikolari fil-bidu, matul u fit-tmiem ta’ proċeduri f’arranġamenti f’tilwim internazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ politika kummerċjali Komuni."

2        L-Artikolu 2 tar-Regolament jipprovdi li:

"1.      Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament 'ostakoli għall-kummerċ' huma kwalunkwe prattiċi tal-kummerċ addottati jew mantenuti minn pajjiż terz fejn ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ jistabbilixxu dritt għal azzjoni. Dritt għal azzjoni bħal dan jeżisti meta r-regoli internazzjonali tal-kummerċ jew jipprojbixxu l-prattiċi għal kollox, jew jagħtu lill-parti l-oħra affettwata bil-prattiċi, id-dritt li tfittex li telimina l-effett tal-prattiċi msemmija.

2.      Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament u soġġetti għall-paragrafu 8, id-drittijiet tal-Komunità huma dawk id-drittijiet internazzjonali tal-kummerċ li tista’ tagħmel użu minnhom taħt ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ. F’dan il-kuntest, "regolamenti internazzjonali tal-kummerċ" huma primarjament dawk stabbiliti taħt l-awspiċju tal-WTO u kif stabbilit mill-Annessi tal-Ftehi[…]m tal-WTO, iżda jistgħu ikunu wkoll dawk stabbiliti fi kwalunkwe ftehim ieħor, li l-Komunità tkun parti minnu, u li jkun fih regoli applikabbli għall-kummerċ bejn il-Komunità u pajjiżi terzi.

[…]

4.      Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, "effetti [negattivi] għall-kummerċ" huma dawk li ostaklu għal kummerċ jikkawża jew li jhedded li jikkawża, fir-rigward ta' prodott jew ta' servizz, lil intrapriżi tal-Komunità f'suq ta' pajjiż terz, u li għandhom impatt materjali fuq l-ekonomija tal-Komunità jew ta' reġjun tal-Komunità, jew fuq settur ta' attività ekonomika fiha. Il-fatt li l-kwerelant ibati minn dawn l-effetti [negattivi] ma għandux jitqies biżżejjed sabiex jiġġustifika, waħdu, li l-istituzzjonijiet tal-Komunità jipproċedu bi kwalunkwe azzjoni.

[…] "

3        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3286/94 jipprovdi li:

"1.      Kull intrapriża tal-Komunità, jew kull assoċjazzjoni li għandha jew li ma għandhiex personalità legali, li taġixxi f'isem intrapriż[a] waħda jew aktar tal-Komunità, li tikkonsidra li intrapriżi tal-Komunità bħal dawn sofrew effetti kummerċjali [negattivi] bħala riżultat ta' ostakoli għall-kummerċ li għandhom effett fuq is-suq ta' pajjiż terz tista’ tagħmel ilment bil-miktub. Iżda, ilment bħal dan, jista' jkun ammessibli biss jekk il-ħsara għall-kummerċ allegata fih, tkun is-suġġett għal dritt ta' azzjoni stabbilit[…] taħt ir-regoli kummerċjali internazzjonali kif stabbilit fi ftehim kummerċjali multilaterali jew plurilaterali.

2.      L-ilment għandu jkollu evidenza biżżejjed [ta' l-]eżistenza [ta' l-]ostakoli għall-kummerċ u [ta' l-]effetti kummerċjali ta' ħsara, li jirriżultaw minnhom. Fejn ikun applikabbli, għandha tingħata evidenza [ta' l-]effetti kummerċjali ta' ħsara fuq il-bażi tal-lista illustrattiva ta' fatturi indikati [fl-]Artikolu 10."

4        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3286/94 intitolat "Proċeduri ta’ lment" jiprovdi dan li ġej:

"1.      L-ilment għandu jiddaħħal għand il-Kummissjoni, li għandha tibgħat kopja tiegħu lill-Istati Membri.

2.      L-ilment jista’ jiġi rtirat, f’liema każ il-proċeduri jistgħu jiġu terminati sakemm terminazzjoni bħal din ma tkunx fl-interess tal-Komunità.

3.      Fejn wara konsultazzjoni, jidher li l-ilment ma jipprovdix biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni, allura dak li jagħmel l-ilment għandu jiġi informat b’dan.

4.      Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni kemm jista’ jkun malajr dwar il-ftuħ ta’ proċedura ta’ [eżami] tal-Komunità wara kwalunkwe ilment magħmul skond Artikoli 3 jew 4; normalment, id-deċiżjoni għandha tittieħed fi żmien 45 ġurnata mill-preżentazzjoni [ta' l-]ilment; dan il-perjodu jista’ jiġi diferit fuq talba, jew bi ftehim, ma’ dak li jagħmel l-ilment, sabiex tkun tista’ [tiġi] fornuta [i]nformazzjoni kumplimentari li jista’ ikun hemm bżonn tagħha [għal evalwazzjoni sħiħa tal-validità tal]-każ ta’ min jagħmel l-ilment."

5        L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 3286/94 jindika li:

"Għall-għan ta’ konsultazzjonijiet skond dan ir-Regolament, Kumitat Konsultattiv, li minn issa 'l quddiem issir riferenza għalih bħala l-["Kumitat"], huwa stabbilit b’dan il-mezz u għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ kull Stat Membru, b’rappreżentant tal-Kummissjoni bħala l-President".

6        L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3286/94 jipprovdi li:

"1. Fejn, wara konsultazzjoni, [i]l-Kummissjoni jidhrilha li hemm evidenza biżżejjed li tiġġustifika l-bidu ta' proċeduri ta' eżami u li [dan huwa] meħtieġ[…] fl-interess tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha taġixxi kif ġej[…]:

(a) għandha tħabbar il-bidu tal-proċeduri ta' eżami fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej; dan it-tħabbir għandu jindika l-prodott jew is-servizz u l-pajjiżi konċernati, jagħti sommarju tal-informazzjoni rċevut[a], u jipprovdi li l-informazzjoni rilevanti kollha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni; għandha tiddikjara l-perjodu li fih il-partijiet interessati jistgħu japplikaw sabiex jiġu mismugħin verbalment mill-Kummissjoni skond il-paragrafu 5;

(b) għandha uffiċjalment tinnotifika lir-rappreżentanti tal-pajjiż jew tal-pajjiżi li huma s-suġġett tal-proċedura, ma’ liema, fejn xieraq, għandhom jinżammu konsultazzjonijiet;

(ċ) għandha tmexxi l-[eżami] fuq livell tal-Komunità, billi taġixxi f’kooperazzjoni [ma' l]-Istati Membri.

[…]

4. a) Dawk li jagħmlu l-ilment u l-esportaturi u l-importaturi konċernati, kif ukoll ir-rappreżentanti tal-pajjiż jew pajjiżi konċernati, jistgħu jeżaminaw l-informazzjoni kollha magħmula disponibbli lill-Kummissjoni ħlief għal dokumenti [i]nterni għall-użu tal-Kummissjoni u l-amministrazzjoniet, sakemm informazzjoni bħal din tkun rilevanti għall-protezzjoni [ta' l]-interessi tagħhom, u ma tkunx kunfidenzjali fit-tifsira ta’ Artikolu 9 u li tiġi [u]żata mill-Kummissjoni fil-proċedura ta' [l-eżami] tagħha. Il-persuni konċernati għandhom jindirizzaw talba bil-miktub lill-Kummissjoni, li fiha jindikaw l-informazzjoni meħtieġa.

(b)      Dawk li jagħmlu l-ilment u l-esportaturi u l-importaturi konċernati u r-rappreżentanti tal-pajjiż jew tal-pajjiżi konċernati jistgħu jitolbu li jiġu [i]nformati dwar il-fatti u l-konsiderazzjonijiet prinċipali li jirriżultaw mill-proċedura ta’ [eżami].

5.      Il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet konċernati. Għandha tismagħhom jekk kemm-il darba, fil-perjodu ta’ żmien preskritt fl-avviż maħruġ fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, jagħmlu talba bil-miktub għal seduta fejn juru li huma parti primarjament konċernata mir-riżultat tal-proċedura.

[…]

8.      Meta tkun ikkonkludiet l-[eżami] tagħha l-Kummissjoni għandha tirraporta lill-Kumitat. Normalment, ir-rapport għandu jiġi ppreżentat fi żmien ħames x[h]ur mit-tħabbira tal-bidu tal-proċeduri, sakemm il-kumplessità [ta' l-]eżami ma tkunx tali li l-Kummissjoni testendi l-perjodu għal seba’ xhur."

7        L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 3286/94, dwar l-eżami ta' l-evidenza jipprovdi li:

" […]

4.      Fejn ikun hemm allegazzjonijiet ta’ effetti kummerċjali [negattivi], il-Kummissjoni għandha teżamina l-impatt ta’ dawn l-effetti ħżiena fuq l-ekonomija tal-Komunità jew ta’ reġjun tal-Komunità, jew fuq settur ta’ attività ekonomika fih. Għal dan il-għan il-Kummissjoni għandha tqis, fejn rilevanti, il-fatturi ta’ tip elenkat fil-paragrafi 1 u 2. Effetti kummerċjali [negattivi] jistgħu jseħħu, inter alia, f’sitwazzjonijiet li fihom iċ-ċirkolazzjoni tal-kummerċ li jikkonċernaw prodott jew servizz ma jitħallewx, jiġu mwaqqfa jew dirottati b’konsegwenza ta’ kwalunkwe ostaklu għall-kummerċ, jew minn sitwazzjonijiet fejn l-ostakoli għall-kummerċ ikunu affettwaw materjalment il-fornitura jew dħul (eż partijiet u komponenti jew materja prima) għall-intrapriżi tal-Komunità. Fejn ikun hemm allegazzjoni ta’ thed[d]ida ta’ effetti kummerċjali [negattivi], il-Kummissjoni għandha teżamina wkoll jekk jistax jiġi mbassar b’mod ċar li sitwazzjoni partikolari tista’ tiżviluppa fi ħsara attwali.

5.      Il-Kummissjoni għandha wkoll, fl-[eżami ta' l-]evidenza fuq [l-]effetti kummerċjali [negattivi], tikkonsidra d-dispożizzjonijiet, prinċipji [u] prattiċi li jirregolaw id-dritt ta’ azzjoni skond ir-regoli internazzjonali rilevanti li hemm riferenza għalihom [fl-]Artikolu 2(1).

[…]"

8        Skond l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3286/94:

"Meta jinstab b’konsegwenza tal-proċedura ta’ [eżami], li l-interessi tal-Komunità ma jeħtiġux li tittieħed xi azzjoni, il-proċedura għandha tiġi terminata skond [l-]Artikolu 14."

9        L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 3286/94 jipprovdi li:

1.      Fejn jinstab […] li b’konsegwenza tal-proċedura ta’ eżami, sakemm is-sitwazzjoni fattwali u legali tkun tali li ma jkunx hemm bżonn ta’ proċedura ta’ eżami[…] dik l-azzjoni hija neċessarja fl-interessi tal-Komunità sabiex tiżgura li jiġu eżerċitati d-drittijiet tal-Komunità skond ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, bil-ħsieb li titneħħa l-ħsara jew l-effetti kummerċjali [negattivi] li jirriżultaw minn ostakoli għall-kummerċ addottati jew mantenuti minn pajjiżi terzi, il-miżuri xierqa għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċeduri stabbilti [fl-]Artikolu 13.

[…] "

10      L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 3286/94 jipprovdi li:

"1.      Jekk issir referenza għall-proċedura li għaliha hemm provdut f’dan l-Artikolu, il-kwistjoni tiġi miġjuba quddiem il-Kumitat mill-President tiegħu.

2.      Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jgħaddi abbozz tad-deċiżjoni li għandha tittieħed lill-Kummissjoni. Il-Kumitat għandu jiddiskuti l-materja f’perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-President, skond l-urġenza tal-każ.

3.      Il-Kummissjoni għandha taddotta deċiżjoni li għandha tikkomunik[…]a lill-Istati Membri u li għandha tapplika wara perjodu ta’ [għaxart] ijiem jekk matul dan il-perjodu l-ebda Stat Membru ma jkun irrefera l-każ quddiem il-Kunsill.

4.      Il-Kunsill jista’, fuq talba ta’ Stat Membru u waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

5.      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tapplika wara perjodu ta’ 30 ġurnata jekk il-Kunsill ma jkunx ta deċiżjoni f’dan il-perjodu, ikkalkolat mill-ġurnata li l-każ kien ġie riferut lill-Kunsill."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

11      Bejn l-1981 u l-1996, il-Kunsill adotta numru ta' Direttivi fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-użu ta' ċerti sustanzi li għandhom effett ormonali fl-alimentazzjoni ta' l-annimali, bil-għan, b'mod partikolari, li jassigura l-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

12      L-Istati Uniti ta' l-Amerika (aktar 'il quddiem l-"Istati Uniti") ressqu proċeduri quddiem l-awtoritajiet tal-WTO għas-soluzzjoni ta’ tilwim bl-iskop li jikkontestaw il-konformità tad-dispożizzjonijiet Komunitarji mar-regoli ta' l-imsemmija organizzazzjoni.

13      Fit-18 ta' Awwissu 1997, il-Grupp Speċjali ddikjara li din il-leġiżlazzjoni Komunitarja tmur kontra r-regoli tal-WTO.

14      Fis-16 ta' Jannar 1998, il-Bord ta' l-Appell adotta rapport li jikkonferma din id-deċiżjoni.

15      Wara li dan ir-rapport ġie adottat mill-Bord għas-Soluzzjoni tat-Tilwim (aktar 'il quddiem "DSB"") fit-13 ta' Frar 1998, permezz ta' deċiżjoni ta' arbitraġġ, it-terminu sa meta l-leġiżlazzjoni Komunitarja kellha tiġi f'konformità mar-regoli tad-DSB, ġie ffissat għat-13 ta' Mejju 1999.

16      Fit-3 ta' Ġunju 1999, minħabba li l-Komunità Ewropea ma kinitx emendat il-leġiżlazzjoni tagħha fit-terminu mogħti, l-Istati Uniti talbu l-awtorizzazzjoni lid-DSB sabiex jissospendu l-konċessjonijiet tariffarji, skond l-Artikolu 22(2) tal-Memorandum ta' Ftehim dwar ir-Regoli u l-Proċeduri li jirregolaw is-Soluzzjoni tat-Tilwim, li hu anness mal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO, (aktar 'il quddiem il-"Memorandum ta' Ftehim"), għal ammont annwali ta' 202 miljun Dollaru Amerikan (USD). Fl-istess ħin, l-Istati Uniti pproduċew lista ta' prodotti li setgħu jiġu suġġetti għal sospensjoni ta' konċessjonijiet tariffarji, fosthom il-mustarda ppreparata.

17      Wara d-deċiżjoni ta' arbitraġġ tat-12 ta' Lulju 1999 dwar l-ammont totali tas-sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji, fis-26 ta' Lulju 1999, id-DSB awtorizzat lill-Istati Uniti sabiex jissospendu l-imsemmija konċessjonijiet għal ammont ta' USD 116.8 miljun fis-sena, u sabiex jimponu dazju doganali addizzjonali ta' 100% fuq xi prodotti li ġejjin mill-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, fosthom il-mustarda ppreparata. L-Istati Uniti madankollu ddeċidew li ma japplikawx is-sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji għall-prodotti li ġejjin mir-Renju Unit.

18      Fis-7 ta' Ġunju 2001 il-Fédération des industries condimentaires de France (Federazzjoni ta' l-industriji tat-taħwir ta' l-ikel ta' Franza (aktar 'il quddiem "FICF" jew il-"kwerelanta"), li tinkludi l-produtturi prinċipali Franċiżi tal-mustarda ppreparata, ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea konformement ma' l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3286/94.

19      Dan l-ilment jippreċiża, b'mod partikolari, li l-applikazzjoni selettiva tal-miżuri ta' ritaljazzjoni Amerikani kienet tmur kontra l-Artikolu 22 tal-Memorandum ta' Ftehim, fi-sens li l-miżuri ta' sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji awtorizzati mill-WTO setgħu biss jiġu applikati kontra l-"membru kkonċernat", li preċedentement kien ikkundannat, f'dan il-każ, il-Komunità Ewropea kollha, u mhux biss fir-rigward ta' ċerti Stati Membri. L-ilment kien jindika wkoll li l-ostakolu għall-kummerċ li nħoloq mill-Istati Uniti kkawża effetti kummerċjali negattivi, fis-sens tar-Regolament Nru 3286/94, fuq l-esportazzjonijiet ta' mustarda ppreparata minn membri tal-FICF, u li kien fl-interess tal-Komunità li tibda proċedura kontra l-miżuri Amerikani skond ir-Regolament Nru 3286/94.

20      Fid-dawl ta' dawn il-provi imressqa mill-kwerelanta, fl-1 ta' Awwissu 2001, il-Kummissjoni ppubblikat tħabbira ta' bidu ta' proċedura ta' eżami skond l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3286/94, fir-rigward ta' ostakolu għall-kummerċ li jikkonsisti fi prattiċi kummerċjali adottati mill-Istati Uniti fil-kuntest ta' l-importazzjoni ta' mustarda ppreparata (ĠU 2001, C 215, p. 2).

21      Fil-punt 2 tagħha, din it-tħabbira kienet tippreċiża li "l-eżami mibdi mill-Kummissjoni jista' jkopri wkoll prodotti oħra li huma apparentement affettwati bl-istess mod bħall-mustarda ppreparata u, b'mod partikolari, dawk il-prodotti li l-partijiet interessati, li jagħmlu lilhom infushom magħrufa f'perjodu ta' [tlitt ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni tat-tħabbira], jagħtu l-evidenza li l-prattiċi kkontestati jikkonċernawhom." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

22      Numru ta' organizzazzjonijiet professjonali għamlu lilhom infushom magħrufa lill-Kummissjoni fit-terminu mogħti, fosthom il-Comité national interprofessionnel des palmipèdes à foie gras, il-Confédération générale des producteurs de lait de brebis et des industriels de Roquefort u l-Comité économique agricole régional 'fruits et légumes de la région Bretagne'. Wara dawn il-manifestazzjonijiet ta' interess, il-Kummissjoni, skond il-punt 2 tat-tħabbira tal-bidu tal-proċedura, iddeċidiet li testendi l-proċedura ta' eżami għall-foie gras, għar-roquefort u għax-shallots (tip ta' basla).

23      Fis-6 ta' Marzu 2002, fi tmiem l-eżami tagħha, il-Kummissjoni infurmat lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3286/94 bil-konklużjonijiet ta' l-investigazzjoni tagħha, u wara, fis-27 ta' Marzu 2002, ittrasmettietlu rapport ta' eżami. Dan ir-rapport kien jipproponi t-terminazzjoni tal-proċedura.

24      Fit-23 ta' April 2002, il-Kummissjoni indirizzat verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport ta' eżami lill-avukati tal-FICF. Fl-ittra tagħha, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-kumitat imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3286/94 kien approva l-proposta ta' terminazzjoni tal-proċedura u, konsegwentement, deċiżjoni f'dan is-sens kienet ser tkun ippubblikata f'qasir żmien fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

25      Permezz ta' ittra tas-17 ta' Mejju 2002, wieħed mill-avukati tal-FICF għarraf li rċieva r-rapport ta' eżami. F'din l-ittra, huwa esprima stagħġib dwar iż-żmien meħud mill-Kummissjoni sabiex tibgħatlu dan ir-rapport u sabiex tadotta d-deċiżjoni f'dan ir-rigward. Fid-dawl ta' l-indikazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tat-23 ta' April 2002, li kienet ser tiġi adottata deċiżjoni fi żmien qasir, l-avukat tal-FICF ikkonkluda li l-Kummissjoni ma kinitx qed tagħti dritt ta' tweġiba lill-kwerelanta, prattika li kienet tidhirlu li tmur kontra r-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

26      Fit-tweġiba tagħha għal din l-ittra datata 4 ta' Ġunju 2002, il-Kummissjoni enfasizzat li hija kienet irrispettat kompletament ir-Regolament Nru 3286/94, u, b'mod partikolari, l-Artikolu 8(4) u (8) tiegħu. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat li l-kwerelanta qatt ma kienet indirizzatilha talba skond l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 3286/94. Il-Kummissjoni fakkret ukoll lill-kwerelanta li hija kienet żammitha regolarment infurmata bil-progress fil-każ u li hija kienet taf bir-riżultat tal-proċedura ta' eżami sew qabel id-data tat-trażmissjoni uffiċjali tar-rapport ta' eżami.

27      Fis-6 ta' Ġunju 2006, il-Comité économique agricole régional 'fruits et légumes de la région Bretagne' indirizza ittra lill-Kummissjoni li biha huwa, qabel kollox, esprima s-sorpriża tiegħu li ma rċeviex ir-rapport ta' eżami direttament liema rapport intbagħtlu mill-avukati tiegħu. Huwa mbagħad esprima n-nuqqas ta' qbil tiegħu mat-tħabbira dwar it-terminazzjoni tal-proċedura ta' eżami, u, fl-aħħarnett huwa kkunsidra li t-tħabbira ta' l-adozzjoni fi żmien qasir tad-deċiżjoni dwar it-terminazzjoni tal-proċedura ta' eżami ma kinitx tippermettilu jeżerċita d-dritt tiegħu li jwieġeb għall-konklużjonijiet li jinsabu fir-rapport ta' eżami.

28      Fis-7 ta' Ġunju 2002 il-Confédération générale des producteurs de lait de brebis et des industriels de Roquefort indirizzat ittra lill-Kummissjoni li kienet essenzjalment identika għal dik mibgħuta mill-Comité économique agricole régional 'fruits et légumes de la région Bretagne' .

29      Permezz ta' ittri ta' l-14 ta'Ġunju 2002, il-Kummissjoni bagħtet verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport ta' eżami lill-Confédération générale des producteurs de lait de brebis et des industriels de Roquefort u lill-Comité économique agricole régional 'fruits et légumes de la région Bretagne', filwaqt li fakkret li dawk l-organizzazzjonijiet professjonali kienu biss intervenew fil-proċedura ta' eżami bħala partijiet interessati, ir-raġuni li għaliha l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li ma kellhiex tibgħatilhom ir-rapport ta' eżami direttament, liema rapport, barra minn hekk, kien dokument pubbliku. Fl-ittri tagħha, il-Kummissjoni indikat ukoll li, f'kull każ, hija kienet irrispettat id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 3286/94 u li l-avukati taż-żewġ organizzazzjonijiet kienu ġew regolarment miżmuma infurmati bil-progress fil-kwistjoni, u li huma kienu jafu bir-riżultat tal-proċedura ta' eżami sew qabel id-data li fiha r-rapport ta' eżami uffiċjali ġie kkomunikat. Il-Kummissjoni fl-aħħarnett enfasizzat li d-deċiżjoni ta' terminazzjoni tal-proċedura ta' eżami kienet ser tiġi adottata f'qasir żmien.

30      Fid-9 ta' Lulju 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2002/604/KE li tittermina l-proċedura ta' eżami li tikkonċerna ostakoli għal prattiċi fis-sens tar-Regolament Nru 3286/94, li jikkonsistu fi prattiċi kummerċjali ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika fil-kuntest ta' l-importazzjoni tal-mustarda ppreparata (ĠU L 195, p.72) (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"). Id-deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fis-27 ta' Lulju 2002.

31      Fis-sitt premessa tad-Deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni osservat li:

"Il-proċedura ta' eżami wasslet għall-konklużjoni li ma kienx jidher li l-allegati effetti kummerċjali negattivi kienu jirriżultaw mill-ostakolu għall-kummerċ imsemmi fl-ilment, jiġifieri mit-terminazzjoni ta' konċessjonijiet, b'mod selettiv, kontra ċerti Stati Membri biss ("sanzjoni selettiva") mill-Istati Uniti ta' l-Amerika. Fil-fatt, l-investigazzjoni ma pprovdiet l-ebda evidenza li l-applikazzjoni tas-sospensjoni tal-konċessjonijiet lir-Renju Unit kienet tippermetti lill-kwerelanta tesporta aktar mustarda ppreparata lejn is-suq Amerikan. Konsegwentement, l-ebda effett kummerċjali negattiv, fis-sens tar-Regolament, ma jista' jiġi attribwit lill-ostakolu għall-kummerċ allegat mill-kwerelanta, bl-eċċezzjoni għall-effetti kummerċjali li jirriżultaw mis-sospensjoni tal-konċessjonijiet, awtorizzata u legalment applikata mill-Istati Uniti ta' l-Amerika fil-kuntest tal-ftehim tal-WTO. Konformement ma' l-Artikolu 11 tar-[Regolament Nru 3286/94], il-proċedura ta' eżami għaldaqstant uriet li ma kien hemm bżonn l-ebda azzjoni speċifika kontra l-allegat ostakolu għall-kummerċ fl-interess tal-Komunità." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

32      Konsegwentement, il-Kummissjoni, fl-uniku artikolu tad-deċiżjoni kkontestata, ddeċidiet li tittermina l-proċedura ta' eżami li nfetħet fl-1 ta' Awwissu 2001.

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

33      Permezz ta' rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-16 ta' Ottubru 2002, il-FICF, il-Confédération générale des producteurs de lait de brebis et des industriels de Roquefort, il-Comité national interprofessionnel des palmipèdes à foie gras u l-Comité économique agricole régional 'fruits et légumes de la région Bretagne' (aktar 'il quddiem ir-"rikorrenti") ressqu din il-kawża.

34      Skond l-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura u fuq proposta ta' l-Ewwel Awla, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, wara li semgħet il-partijiet skond l-Artikolu 51 ta' l-istess Regoli, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

35      Fuq ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (L-Ewwel Awla Estiża) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest ta' miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, hija stiednet lill-partijiet iwieġbu għal xi domandi u jippreżentaw xi dokumenti.

36      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu matul is-seduta ta' l-14 ta' Settembru 2004.

37       Ir-rikorrenti qegħdin jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

38      Il-Kummissjoni qiegħda titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna r-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

39      Għalkemm ma qajmitx raġuni ta' inammissibbiltà kontra dan ir-rikors, il-Kummissjoni madankollu llimitat it-talbiet tagħha għas-sitwazzjoni tal-FICF, l-unika organizzazzjoni li ppreżentat ilment quddiem il-Kummissjoni, konformement ma' l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3286/94, bl-esklużjoni tas-sitwazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet professjonali l-oħra, li intervenew fil-proċedura ta' eżami bħala partijiet interessati.

40      F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ressqu rikors wieħed biss. Minn ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta li, fil-każ ta' rikors wieħed biss, il-konstatazzjoni ta' l-ammissibbiltà fir-rigward ta' rikorrent wieħed teżenta min-neċessità li tiġi eżaminata l-locus standi tar-rikorrenti l-oħra, peress li huwa biżżejjed li għal ta' l-anqas wieħed mir-rikorrenti jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija mill-Artikolu 230 KE (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C-313-90, Ġabra p. I-1125, punt 31; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' April 1995, CCE de Vittel et vs Il-Kummissjoni, T-12/93, Ġabra p. II‑1247, punt 44, u tal-15 ta' Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T-374/94 , T-375/94 , T-384/94 u T-388/94, Ġabra. p. II‑3141, punt 61).

41      Għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3286/94 kien intiż sabiex jippermetti, b'mod partikolari, lil kull assoċjazzjoni li taġixxi f'isem ta' impriża jew numru ta' impriżi tal-Komunità, bħal, f'din il-kawża, il-FICF f'isem il-produtturi Franċiżi tal-mustardaippreparata ppreparata, li tinvoka d-dritt li tibbaża ruħha fuq ir-regoli kummerċjali internazzjonali, li jinsabu fi ftehim kummerċjali multilaterali jew plurilaterali, fl-ilment li hija tippreżenta lill-Kummissjoni, taħt il-kundizzjonijiet ippreċiżati mill-imsemmi Regolament, kif ukoll li tuża l-garanziji proċedurali previsti mid-dispożizzjonijiet ta' dan l-istess Regolament. Dawn il-garanziji kollha jimplikaw li kwerelant fis-sens ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3286/94, għandu d-dritt li jissottometti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim'Istanza deċiżjoni tal-Kummissjoni li tittermina proċedura ta' eżami mibdija wara li jkun ippreżenta l-ilment tiegħu.

42      Minn dak li intqal jirriżulta li l-FICF, li ressqet ilment lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3286/94, tista' tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u li, konsegwentement, minħabba li huwa rikors wieħed, m'hemmx lok li jiġi eżamina il-locus standi tar-rikorrenti l-oħra.

 Fuq il-mertu

43      Sabiex isostnu r-rikors tagħhom, ir-rikorrenti qegħdin iressqu tmien motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3286/94; it-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 3286/94; it-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 3286/94; ir-raba' motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3286/94; il-ħames motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata; is-sitt motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta' evalwazzjoni tal-fatti u fuq il-ksur ta' l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3286/94; is-seba' motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża; fl-aħħarnett, it-tmien motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 3286/94 u fuq id-dmir tal-Kummissjoni li taġixxi bid-diliġenza dovuta.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3286/94

 Argumenti tal-partijiet

44      Skond ir-rikorrenti, id-definizzjoni ta' "ostakoli għall-kummerċ", hekk kif tirriżulta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3286/94, hija bbażata fuq żewġ elementi nettament identifikabbli u li ma jistgħux jinfirdu, jiġifieri element materjali ("kwalunkwe prattiċi tal-kummerċ addottati jew mantenuti minn pajjiż terz") u "element ta' illegalità" ("dritt għal azzjoni" mogħti lill-Komunità Ewropea). Fl-opinjoni tar-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata llimitat din id-definizzjoni għall-element ta' l-illegalità biss, jiġifieri l-applikazzjoni "selettiva" mill-Istati Uniti tas-sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji. Skond ir-rikorrenti, l-approċċ adottat mill-Kummissjoni jikser mhux biss l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3286/94 imma jiżnatura wkoll il-portata ta' l-ilment imressaq mill-FICF u t-tħabbira tal-bidu tal-proċedura ta' eżami. Kuntrarjament għal dak li tidher li qiegħda tippretendi l-Kummissjoni, il-miżuri ta' sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji meħuda mill-Istati Uniti ma jistgħux jiġu sseparati f'dawk awtorizzati mid-DSB u applikati mill-Istati Uniti minn naħa u, min-naħa l-oħra, l-ostakolu għall-kummerċ allegat mill-kwerelanta, jiġifieri l-applikazzjoni selettiva ta' l-imsemmija miżuri. Skond ir-rikorrenti, il-fatt li d-DSB awtorizza l-adozzjoni tal-miżuri ta' ritaljazzjoni ma jfissirx li l-applikazzjoni tagħhom mill-Istati Uniti hija, kif tikkunsidraha l-Kummissjoni, "legali".

45      Il-Kummissjoni qabel kollox tfakkar li l-għan tar-Regolament Nru 3286/94 huwa li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, li għandhom jippermettu lill-Komunità li teżerċita d-drittijiet li l-WTO tirrikonoxxilha. Huwa f'dan is-sens li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3286/94 jiddefinixxi ostakolu għall-kummerċ bħala kwalunkwe prattiċi tal-kummerċ addottati jew mantenuti minn pajjiż terz fejn ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ jistabbilixxu dritt għal azzjoni.

46      Il-Kummissjoni mbagħad tikkuntesta l-interpretazzjoni mogħtija mir-rikorrenti ta' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3286/94 adottata. Skond il-Kummissjoni, mhuwiex biżżejjed li jkun hemm ostakolu għall-kummerċ sabiex tinbeda proċedura ta' soluzzjoni tat-tilwim. Huwa fuq kollox neċessarju li jiġu nnutati effetti kummerċjali negattivi. Għall-għan ta' l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 3286/94, il-kunċett ta' ostakolu għall-kummerċ ma jistax jiġi sseperat min dak ta' l-"effetti kummerċjali negattivi". Fi kliem ieħor, skond il-Kummissjoni, sabiex ikun hemm "ostakolu għall-kummerċ" fis-sens tar-Regolament Nru 3286/94 jeħtieġ li jkun hemm impriżi li juru li huma qegħdin isofru "effetti kummerċjali [negattivi]" skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 3286/94. Interpretazzjoni kuntrarja jkollha l-effett li tagħti lill-impriżi Komunitarji actio popolaris vera u proprja.

47      Skond il-Kummissjoni, hija din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta' "ostakolu għall-kummerċ" li ġiet applikata f'dan il-każ, kemm fil-kuntest tar-rapport ta' eżami kif ukoll meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, interpretazzjoni bħal din mhijiex ġdida għar-rikorrenti. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għad-deċiżjoni kkontestata li tipprovdi li l-investigazzjoni ma kinitx kapaċi turi li l-kwerelanta kienet sofriet effetti kummerċjali negattivi minħabba d-deċiżjoni ta' l-Istati Uniti li japplikaw is-sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji selettivament, bl-eċċezzjoni ta' l-effetti kummerċjali li jirriżultaw minn din is-sospensjoni, li ġiet "awtorizzata u legalment applikata mill-Istati Uniti ta' l-Amerika fil-kuntest tal-ftehim tal-WTO". Il-Kummissjoni minn dan tikkonkludi li, minn naħa, il-miżuri Amerikani kienu ġew adottati fir-rispett tal-prinċipji stabbiliti mill-WTO u li, min-naħa l-oħra, peress li l-ebda effett kummerċjali negattiv ma seta' jiġi ppruvat mill-kwerelanta, kuntrarjament għal dak li qed jallegaw ir-rikorrenti, ma jeżistix "ostakolu għall-kummerċ" fis-sens tar-Regolament Nru 3286/94.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

48      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, bis-saħħa tar-Regolament Nru 3286/94, sabiex il-Komunità tieħu azzjoni taħt ir-regoli internazzjonali kontra ostakolu għall-kummerċ, li ġie adottat jew miżmum minn pajjiż terz u li jkollu effett fuq is-suq ta' dan ta' l-aħħar, għandhom jiġi soddisfatti għal ta' l-anqas tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-eżistenza ta' ostakolu għall-kummerċ kif definit mir-Regolament, il-preżenza ta' effetti kummerċjali negattivi li jirriżultaw fl-imsemmi ostakolu u n-neċessità ta' l-azzjoni fl-interess tal-Komunità. Meta, fi tmiem il-proċedura ta' eżami mibdija skond ir-Regolament Nru 3286/94, il-Kummissjoni tikkonstata li waħda mill-kundizzjonijiet iċċitati aktar 'il fuq mhijiex sodisfatta, l-istituzzjonijiet tal-Komunità għandhom id-dritt li jikkunsidraw li m'hemmx lok li tinbeda azzjoni bħal din.

49      Dwar il-kunċett ta' ostakolu għall-kummerċ, hemm lok li jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3286/94:

"Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament 'ostakoli għall-kummerċ' huma kwalunkwe prattiċi tal-kummerċ addottati jew mantenuti minn pajjiż terz fejn ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ jistabbilixxu dritt għal azzjoni. Dritt għal azzjoni bħal dan jeżisti meta r-regoli internazzjonali tal-kummerċ jew jipprojbixxu l-prattiċi għal kollox, jew jagħtu lill-parti l-oħra affettwata bil-prattiċi, id-dritt li tfittex li telimina l-effett tal-prattiċi msemmija."

50      Fil-każ in kwistjoni, huwa stabbilit li l-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-FICF kienet qiegħda tilmenta dwar ostakolu għall-kummerċ magħmul mis-sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji mill-Istati Uniti kontra l-esportaturi tal-mustarda ppreparata mill-Stati Membri tal-Komunità, bl-esklużjoni tar-Renju Unit, sanzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikkwalifika bħala "selettiva."

51      Skond ir-rikorrenti, b'dan il-mod il-Kummissjoni interpretat ħażin id-definizzjoni ta' l-ostakolu għall-kummerċ imsemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3286/94, safejn, f'dan il-każ, hija kkunsidrat biss l-element ta' "illegalità" ta' l-imsemmija definizzjoni.

52      Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

53      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-elementi li jikkostitwixxu d-definizzjoni ta' ostakolu għall-kummerċ, fis-sens tar-Regolament Nru 3286/94, ma jistgħux jiġu artifiċjalment mifruda bħal ma qegħdin jissuġġerixxu r-rikorrenti. Fil-fatt, sabiex ikun hemm ostakolu għall-kummerċ li jkun jista' jiġi invokat għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 3286/94, għandu jkun hemm dritt għal azzjoni stabbilit mir-regoli kummerċjali internazzjonali. Din l-interpretazzjoni tirriżulta, b'mod partikolari, mir-referenza magħmula għall-Artikolu 1(1) ta' dan ir-regolament "għall-konformità ma’ l-obbligi internazzjonali u proċedurali [eżistenti]". Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mis-seba' premessa tar-Regolament Nru 3286/94, li tippreċiża li "l-mekkaniżmu [stabbilit mir-Regolament] għandu l-għan li jipprovdi l-mezzi ta' proċedura sabiex issir talba lill-istituzzjonijiet tal-Komunità biex jagħmlu reazzjoni għall-ostakoli fil-kummerċ addottat jew mantenut minn pajjiżi terzi […], sakemm ikun jeżisti d-dritt għal azzjoni, fir-rigward ta' ostakoli bħal dawn, taħt ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ applikabbli". Interpretazzjoni differenti jkollha l-effett li kull prattika kummerċjali adottata jew mantnuta minn pajjiż terz tkun tista' tiġi kkunsidrata bħala ostakolu għall-kummerċ, anke meta ma jkunx hemm dritt għal azzjoni taħt ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ.

54      Imbagħad, f'dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ma tqisx il-portata ta' l-ilment imressaq quddiem il-Kummissjoni mill-FICF, għandu jiġi nnutat li l-kwerelanta ma kinitx qiegħda tallega li, kuntrarjament għal dak li allegaw ir-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-miżuri Amerikani ta' sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji, għal ammont ta' USD 116.8 miljun, kontra ċerti prodotti li joriġinaw mill-Komunità kienu jaqgħu taħt id-definizzjoni ta' "ostakolu għall-kummerċ". Fil-fatt l-ilment kien jammetti li dawn il-miżuri kienu ġew awtorizzati mill-WTO fis-26 ta' Lulju 1999. Min-naħa l-oħra, fl-argumenti tagħha dwar il-kwalifika ta' "ostakolu għall-kummerċ", fis-sens tar-Regolament Nru 3286/94, tal-miżuri adottati mill-Istati Uniti (punt IV ta' l-ilment), il-kwerelanta kienet ikkunsidrat li kien hemm ksur tar-regoli tal-WTO, minħabba li "l-Istati Uniti ma setgħux legalment jagħżlu li japplikaw il-miżuri ta' ritaljazzjoni kontra uħud mill-Istati Membri tal-Komunità u mhux kontra oħrajn" (punt IV.2, p.8 ta' l-ilment) u li "l-applikazzjoni selettiva tal-miżuri ta' ritaljazzjoni magħmula mill-Istati Uniti kienet tippreġeduka l-istabbiliment ta' livell ta' sospensjoni tal-konċessjonijiet mill-arbitri" (punt IV.2, p.11 ta' l-ilment). Barra minn hekk, hija kienet ammettiet li "il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-grupp speċjali u tal-bord ta' l-appell kienu jirrigwardaw il-"Komunitajiet Ewropej’ [u li], għaldaqstant, l-Istati Uniti kellhom japplikaw il-miżuri tagħhom kontra l-"Komunitajiet Ewropej" mingħajr ma jkunu jistgħu jagħmlu distinzjoni bejn l-Istati Membri, li lkoll applikaw il-miżuri Komunitarji kkontestati" (p. 13 ta' l-ilment). Fl-aħħarnett, hija fakkret li "l-attitudni ta' l-Istati Uniti kellha l-effett li tiddekomunitizza l-politika kummerċjali prevista mit-Trattat" peress li l-miżuri ta' ritaljazzjoni kienu jirrigwardaw biss erbatax-il Stat Membru minn ħmistax (p. 14 ta' l-ilment).

55      Għaldaqstant l-ostakolu għall-kummerċ kkontestat fl-ilment kien jikkonsisti biss fl-applikazzjoni selettiva tal-miżuri Amerikani ta' sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji, mingħajr ma l-Kummissjoni ma kienet żnaturat il-portata ta' l-ilment. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li, f'dan il-każ, fid-dawl tad-definizzjoni ta' l-ostakolu għall-kummerċ ippreċiżata fil-punt 53 aktar 'il fuq, l-ostakolu għall-kummerċ fis-sens tar-Regolament Nru 3286/94 seta' biss jikkonsisti fl-applikazzjoni selettiva tal-miżuri Amerikani ta' sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji. Fil-fatt, billi huma biss l-ostakali għall-kummerċ li, fir-rigward tagħhom, jeżisti dritt ta' azzjoni stabbilit mir-regoli internazzjonali tal-kummerċ li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 3286/94, ma setgħatx tinbeda proċedura bis-saħħa ta' dan ir-Regolament kontra miżuri Amerikani ta' sospensjoni tal-konċessjonijiet li kienu ġew awtorizzati mill-WTO, safejn, fil-prinċipju, ma jeżisti l-ebda dritt ta' azzjoni tal-Komunità stabbilit mir-regoli internazzjonali tal-kummerċ fir-rigward ta' tali miżuri. Din hija r-raġuni għalfejn il-punt 4 tat-tħabbira tal-bidu tal-proċedura ta' eżami, iċċitat fil-punt 20 aktar 'il fuq, kien jindika li l-ostakolu għall-kummerċ allegat fl-ilment kien kostitwit miż-żamma tal-"miżuri kummerċjali [….] kontra numru ta' Stati Membri pjuttost milli kontra l-Komunità kollha kemm hi" [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li l-FICF kienet tikkunsidra, mingħajr ma l-ineżatezza ta' din l-evalwazzjoni ma ġiet ikkontestata quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li "l-prattika li jintalbu miżuri kontra l-Istati Membri kollha, filwaqt li wara jiġu applikati kontra wħud minnhom biss kienet ta' ħsara għall-prevedibbiltà tal-mekkaniżmu ta' soluzzjonijiet tat-tilwim". [traduzzjoni mhux uffiċjali] Barra minn hekk, għandu jiġi wkoll osservat li l-punt 1.4 tar-rapport ta' eżami magħmul mill-Kummissjoni, intitolat "The obstacle to trade" (L-ostakolu għall-kummerċ), jindika li:

"[…] huwa importanti li jiġi osservat li l-ostakolu għall-kummerċ in kwistjoni f'din l-investigazzjoni ma jikkonsistix fis-sospensjoni, mill-Istati Uniti ta' l-Amerika, tal-konċessjonijiet sussegwentment għall-kawża magħrufa bħala ta' l-"ormoni", imma fil-mod kif din is-sospensjoni ġiet implementata mill-Istati Uniti. B'hekk il-kwerelanta mhijiex qiegħda tikkontesta d-dritt ta' l-Istati Uniti li jissospendu l-konċessjonijiet msemmija aktar 'il fuq bis-saħħa tal-Memorandum ta' Ftehim fuq is-Soluzzjoni tat-Tilwim fil-kuntest tal-WTO imma biss id-dritt tagħhom li jissospenduhom fir-rigward ta' ċerti Stati Membri tal-Komunità filwaqt li jeskludu oħrajn." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

56      Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, billi kkunsidraw li l-ostakolu għall-kummerċ identifikat fl-ilment kien jikkonsisti fl-applikazzjoni selettiva tal-miżuri Amerikani kontra l-Istati Membri tal-Komunità, it-tielet u s-sitt premessi tad-deċiżjoni kkontestata huma konsistenti kemm mad-definizzjoni ta' l-"ostakolu għall-kummerċ" imsemmi fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3286/94 kif ukoll mal-kwalifika li kienet tirriżulta, f'dan il-każ, mill-ilment u li ġiet adottata mit-tħabbira tal-bidu tal-proċedura ta' eżami.

57      Minn dawn il-konsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li, f'dan il-każ, kuntrarjament għal dak li qegħdin jallegaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha biss għall-element ta' "illegalità" tad-definizzjoni ta' ostakolu għall-kummerċ, imma kkunsidrat l-elementi kollha li ma jistgħux jiġu mifruda mill-kunċett ta' ostakolu għall-kummerċ hekk kif definit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3286/94.

58      F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel motiv huwa miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 2(4) tar-Regolament 3286/94

 Argumenti tal-Partijiet

59      Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-approċċ restrittiv għall-kunċett ta' ostakolu għall-kummerċ, kif adottat mid-deċiżjoni kkontestata, iwassal ukoll – u neċessarjament – għal analiżi żbaljata ta' l-"effetti kummerċjali [negattivi], fis-sens ta' l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 3286/94, bi ksur ta' din id-dispożizzjoni. Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tanalizza l-effetti kummerċjali negattivi ta' l-impożizzjoni illegali, minn Lulju 1999, tad-dazji doganali addizzjonali ta' 100% ad valorem ikkontestati mir-rikorrenti, u mhux biss l-effetti ta' l-element li kien jivvizja l-miżuri Amerikani b'illegalità, jiġifieri l-applikazzjoni selettiva ta' l-imsemmija miżuri.

60      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkunsidraw li d-deċiżjoni kkontestata hija wkoll ivvizzjata bi żball manifest ta' evalwazzjoni tad-data li tinsab fir-rapport ta' eżami. Fil-fatt, il-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li dan ir-rapport ma pprovda "l-ebda evidenza li l-applikazzjoni tas-sospensjoni tal-konċessjonijiet [tariffarji] lir-Renju Unit kienet tippermetti lill-kwerelanta tesporta aktar mustarda ppreparata lejn is-suq Amerikan," hija kontradetta mill-qari tad-data dwar it-tnaqqis ta' l-importazzjonijiet tal-mustarda mill-Istati Membri, bl-esklużjoni mir-Renju Unit, flimkien mad-data dwar iż-żieda ta' l-importazzjonijiet li ġejjin minn dan l-aħħar Stat Membru li jidhru fir-rapport ta' eżami.

61      Il-Kummissjoni twieġeb li hija evalwat korrettament in-natura ta' l-effetti kummerċjali li jirriżultaw mis-sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji adottati mill-Istati Uniti fir-rigward tal-mustarda ppreparata.

62      Il-Kummissjoni tosserva li l-konklużjonijiet tar-rapport ta' eżami ma indikawx l-eżistenza ta' xi effett ta' "rabta diretta""" bejn, minn naħa, it-tnaqqis fl-esportazzjonijiet, mill-kwerelanta, lejn l-Istati Uniti, u min-naħa l-oħra, żieda sostanzjali u fit-tul fl-esportazzjonijiet Brittanniċi. Skond il-Kummissjoni, id-data li tinsab fir-rapport ta' eżami turi li d-deċiżjoni ta' l-Istati Uniti li jeskludu l-prodotti li ġejjin mir-Renju Unit mis-sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji ma ffavorixxietx l-esportazzjonijiet ta' mustarda Britannika lejn dan il-pajjiż u mhijiex is-sors ta' effetti kummerċjali negattivi għall-kwerelanta. Kien ikun biss kieku l-proċedura ta' eżami setgħat turi li n-natura selettiva tal-miżuri kellha konsegwenzi fit-tul u sinifikanti fuq is-suq Ewropew tal-mustarda ppreparata li kien ikun hemm effetti kummerċjali negattivi, fis-sens tar-Regolament Nru 3286/94, fir-rigward tal-kwerelanta. Madankollu l-Kummissjoni tfakkar ukoll li l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 3286/94 jagħti definizzjoni preċiża tal-kunċett ta' "effetti kummerċjali [negattivi]" billi jsemmi l-effetti kkawżati mill-ostakoli għall-kummerċ li għandhom impatt sinifikanti fuq l-ekonomija tal-Komunità jew ta’ reġjun jew ta' settur ta' attività ekonomika tal-Komunità. Skond il-Kummissjoni, il-fatt li l-"kwerelant ikun vittma ta' effetti negattivi mhuwiex ikkunsidrat bħala biżżejjed, minnu nnifsu, sabiex jiġġustifika li l-istituzzjonijiet tal-Komunità jieħdu azzjoni."

63      Finalment, skond il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata fil-fatt uriet li l-eżami ma setax jipprova li n-natura selettiva tal-miżuri ta' ritaljazzjoni Amerikani kellhom effetti kummerċjali negattivi li jissodisfaw il-kriterji tar-Regolament Nru 3286/94.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

64      Preliminarjament għandu jiġi mfakkar li skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 3286/94:

65      "Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, "effetti [negattivi] għall-kummerċ" huma dawk li ostaklu għal kummerċ jikkawża jew li jhedded li jikkawża, fir-rigward ta' prodott jew ta' servizz, lil intrapriżi tal-Komunità f'suq ta' pajjiż terz, u li għandhom impatt materjali fuq l-ekonomija tal-Komunità jew ta' reġjun tal-Komunità, jew fuq settur ta' attività ekonomika fiha. Il-fatt li l-kwerelant ibati minn dawn l-effetti [negattivi] ma għandux jitqies biżżejjed sabiex jiġġustifika, waħdu, li l-istituzzjonijiet tal-Komunità jipproċedu bi kwalunkwe azzjoni." Minn din id-definizzjoni jirriżulta li r-Regolament Nru 3286/94 kien intiż li jżomm l-eżistenza ta' rabta ta' kawżalità bejn l-effetti kummerċjali attwali ("jikkawża") jew potenzjali ("jhedded li jikkawża") u l-ostakolu għall-kummerċ hekk kif identifikat fiċ-ċirkustanzi partikolari ta' kull każ, fis-sens tar-Regolament Nru 3286/94. Din l-interpretazzjoni hija sostenuta mis-seba' premessa tar-Regolament Nru 3286/94, li tipprovdi li l-mekkaniżmu stabbilit minn dan ir-Regolament għandu l-għan li jippermetti li ssir talba lill-istituzzjonijiet tal-Komunità sabiex jirreaġixxu għall-ostakoli għall-kummerċ, stabbiliti minn pajjiżi terzi, li "jaffetwaw b'mod ħażin" il-kummerċ, kif ukoll mill-Artikolu 4(2) ta' l-imsemmi Regolament dwar il-kontenut ta' l-ilment, li jeżiġi li dan ta' l-aħħar għandu jinkludi evidenza biżżejjed rigward l-eżistenza ta' l-ostakoli għall-kummerċ u l-effetti kummerċjali negattivi "li jirriżultaw minnhom". Barra minn hekk l-effetti kummerċjali negattivi, fis-sens tar-Regolament Nru 3286/94, għandhom ukoll ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ekonomija tal-Komunità jew ta' reġjun jew settur ta' attività ekonomika tal-Komunità.

66      F'dan ir-rigward, rigward l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma kellhiex tillimita l-analiżi tagħha ta' l-effetti kummerċjali negattivi għal dawk ikkawżati mill-applikazzjoni selettiva tas-sospensjoni tat-konċessjonijiet tariffarji, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li, fid-dawl tat-tweġiba mogħtija aktar 'il fuq fil-każ ta' l-ewwel motiv u tar-rabta ta' kawżalità li għandha teżisti bejn "ostakolu għall-kummerċ" u l-"effetti kummerċjali [negattivi]", fis-sens tar-Regolament Nru 3286/94, dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, peress li l-"ostakolu għall-kummerċ", fis-sens tar-Regolament Nru 3286/94, allegat f'din il-kawża, huwa magħmul minn applikazzjoni selettiva tas-sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji fir-rigward ta' l-esportazzjonijiet ta' mustarda ppreparata lejn l-Istati Uniti, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tillimita l-analiżi tagħha ta' l-"effetti kummerċjali [negattivi]" għal dawk li kellhom rabta ta' kawżalità ma' l-imsemmi ostakolu.

67      Madankollu hemm lok li jiġi vverifikat jekk, kif isostnu wkoll ir-rikorrenti, il-Kummissjoni għamlitx żball manifest ta' evalwazzjoni tad-data li tirriżulta mir-rapport ta' eżami, meta, fis-sitt premessa tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonkludiet li "l-investigazzjoni ma pprovdiet l-ebda evidenza li l-applikazzjoni tas-sospensjoni tal-konċessjonijiet [tariffarji] lir-Renju Unit kienet tippermetti lill-kwerelanta tesporta aktar mustarda ppreparata lejn is-suq Amerikan."

68      F'dan ir-rigward għandha, qabel kollox, tiġi osservata differenza bejn il-mod kif inhi miktuba l-verżjoni Franċiża tas-silta mis-sitt premessa tad-deċiżjoni kkontestata li ġiet iċċitata aktar 'il fuq u l-maġġoranza l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta' l-istess test. Fil-fatt, kuntrarjament għat-test Franċiż li juża l-avverbju "davantage", il-maġġoranza l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra jagħmlu referenza għal "akbar" jew għal "opportunitajiet aħjar ta' esportazzjoni". Dan japplika għall-verżjonijiet tas-silta ċċitata aktar 'il fuq fil-lingwa Ingliża ("[…] would result in greater export opportunities […]"), Ġermaniża ("[…] für den Antragsteller zu besseren Ausfuhrmöglichkeiten für Senf […]"), Daniża ("[…] at klageren ville få større muligheder for at eksportere […]"), Spanjola ("[…] traería consigo majores oportunidades para el denunciante de exportar […]"), Finlandiża ("[…] valituksen tekijän […] viennin mahdollisuuksien laajenemiseen […]"), Taljana ("[…] comporterebbe per il denunziante maggiori opportunità di esportazione […]"), Portugiża ("[…] se traduziria, par o autor da denúncia, em maiores oportunidades de exportação [...]") u Żvediża ("[...] bättre utsiker för den klagande att exportera […]").

69      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-idea li qiegħda tiġi espressa minn dawn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tas-silta ċċitata aktar 'il fuq, li hija rilevanti għall-eżami ta' l-allegat żball manifest ta' evalwazzjoni, hija, minn naħa, dik ta' korrelazzjoni anqas kategorika minn dik espressa fil-verżjoni Franċiża bl-użu ta' l-avverbju "davantage" bejn it-tnaqqis ta' l-esportazzjonijiet lejn l-Istati Uniti tal-mustarda ppreparata li ġejja minn erbatax-il Stat Membru tal-Komunità u ż-żieda ta' l-esportazzjonijiet ta' dan il-prodott lejn l-Istati Uniti mir-Renju Unit u, min-naħa l-oħra, dik ta' effett fit-tul fuq il-livell ta' l-esportazzjonijiet lejn l-Istati Uniti tal-mustarda ppreparata.

70      Barra minn dan, għandu jiġi osservat ukoll li r-rikorrenti ma jikkontestawx id-data li tinsab fir-rapport ta' eżami dwar l-esportazzjonijiet ta' mustarda ppreparata lejn l-Istati Uniti mill-Istati Membri tal-Komunità, bl-esklużjoni tar-Renju Unit, u min-naħa l-oħra, minn dan l-aħħar Stat. Barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas ma jikkontestaw il-metodu li ġie adottat mir-rapport ta' eżami fil-għan li jiġu ddeterminati l-effetti kummerċjali negattivi kkawżati mill-ostakolu għall-kummerċ li hu identifikat fil-punt 1.4 tar-rapport ta'eżami u li hu mfakkar fil-punt 55 aktar 'il fuq.

71      F'dawn iċ-ċirkustanzi, kemm mid-data msemmija fir-rapport ta' eżami kif ukoll mill-analiżi li saret f'dan l-istess rapport, jirriżulta li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fis-sitt premessa tad-deċiżjoni kkontestata mhijiex manifestament żbaljata.

72      Fil-fatt hemm lok li jiġi osservat li, bejn il-livell medju ta' l-esportazzjonijiet matul is-snin 1996‑1998 u matul is-sena 2000, iż-żieda fl-esportazzjonijiet tal-mustarda ppreparata lejn l-Istat Uniti mir-Renju Unit, kemm fil-valur kif ukoll fil-volum, kienet tirrappreżenta parti u proporzjoni estremament żgħira meta mqabbla ma' l-esportazzjonijiet ta' mustarda ppreparata li ġejja mill-Istati Membri l-oħra tal-Komunità. Għalhekk, anke kieku l-esportaturi ta' l-Istati Membri l-oħra, barra dawk tar-Renju Unit, bbenefikaw minn din iż-żieda għaliex il-miżuri ta' ritaljazzjoni Amerikana ġew estiżi għall-mustarda ppreparata li ġejja mir-Renju Unit – fatt li ma ġiex ippruvat mir-rikorrenti –, huma xorta ma setgħux igawdu minn opportunitajiet akbar ta' esportazzjoni.

73      Barra minn hekk, mill-informazzjoni użata mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta' eżami jirriżulta li l-importaturi Amerikani ta' mustarda ppreparata fittxew fornituri alternattivi stabbiliti barra mill-Komunità, liema fornituri bbenefikaw konsiderevolment mis-sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji mill-awtoritajiet Amerikani kontra l-mustarda ppreparata li ġejja mill-Istati Membri.

74      Għaldaqstant it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 3286/94

 Argumenti tal-partijiet

75      Preliminarjament, ir-rikorrenti josservaw li l-verżjoni Franċiża ta' l-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 3286/94 fiha żball fil-punteġġatura. B'referenza għall-"verżjoni kkoreġuta" ta' din id-dispożizzjoni, ir-rikorrenti huma ta' l-opinjoni li l-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 3286/94 jirrikjedi li l-Kummissjoni tikkunsidra, fl-eżami tagħha ta' l-effetti kummerċjali negattivi, dispożizzjonijiet, prinċipji jew prattiċi li jirregolaw id-dritt għal azzjoni skond ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ li huma applikabbli. Skond ir-rikorrenti, minkejja li l-Kummissjoni, fl-istadju tar-rapport ta' eżami, evalwat il-kompatibbiltà tal-miżuri Amerikani fir-rigward tar-regoli tal-WTO, hija ma għamlet l-ebda analiżi komparabbli fid-deċiżjoni kkontestata, fatt li, f'dan il-każ, jikkostitwixxi ksur ta' l-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 3286/94. Barra minn hekk, fl-opinjoni tar-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija wkoll ivvizzjata minn nuqqas ta' motivazzjoni safejn il-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġunijiet għaliex l-analiżi legali, li hija għamlet fir-rapport ta' eżami tagħha ta' l-ostakolu kummerċajli li sar ilment dwaru, ma tidhirx fil-deċiżjoni kkontestata.

76      Mingħajr ma tikkontesta l-fatt li l-verżjoni Franċiża ta' l-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 3286/94 fiha żball manifest li ġie evidenzjat mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv mhuwiex fondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

77      Il-verżjoni Franċiża ta' l-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 3286/94 tipprovdi li: "[l]a Commission tient compte aussi, dans son examen, des éléments de preuve concernant les effets commerciaux défavorables, des dispositions, principes ou pratiques qui régissent le droit d'engager une action au titre des règles de commerce internationales applicables évoquées à l'article 2 paragraphe 1".

78      F'dan ir-rigward, hekk kif ir-rikorrenti sostnew ġustament fl-atti tagħhom mingħajr ma ġew ikkontestati mill-Kummissjoni fuq dan il-punt, din il-verżjoni fiha żball fis-sintassi minħabba li hemm virgola wara l-kelma "examen". Fil-fatt, kemm l-istruttura ta' l-Artikolu 10(5) tar-Regolament 3286/94, li, kieku din il-virgola kienet korretta, kienet tirrikjedi l-inserzjoni tal-konjugazzjoni ta' ko-ordinazzjoni "et" wara l-aġġettiv "défavorables", kif ukoll il-pożizzjoni ta' dan il-paragrafu fi ħdan l-Artikolu in kwistjoni, li jirrigwarda l-"examen des éléments de preuve", iwasslu sabiex l-virgola li tidher wara l-kelma "examen" titqies li m'għandha l-ebda skop. Barra minn hekk, il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta' l-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 3286/94 jirreferu, f'din l-istruttura, għall-"[eżami ta' l-]evidenza fuq [l-]effetti kummerċjali [negattivi] ".

79      Għaldaqstant hemm lok li l-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 3286/94 jinqara kif ġej: "Il-Kummissjoni għandha wkoll, fl-[eżami ta' l-]evidenza fuq [l-]effetti kummerċjali [negattivi], tikkonsidra d-dispożizzjonijiet, prinċipji [u] prattiċi li jirregolaw id-dritt ta’ azzjoni skond ir-regoli internazzjonali rilevanti li hemm riferenza għalihom [fl-]Artikolu 2(1). ".

80      Madankollu, billi sostnew li din id-dispożizzjoni kienet tobbliga l-Kummissjoni sabiex, fid-deċiżjoni kkontestata, tanalizza l-kompatibbiltà ta' l-ostakolu għall-kummerċ li sar ilment dwaru mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim adottati fil-kuntest tal-WTO, ir-rikorrenti jagħtu interpretazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 3286/94.

81      Fil-fatt, fid-dawl ta' dak li ġie indikat preliminarjament fil-punt 48 aktar 'il fuq, safejn, f'dan il-każ, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li peress l-evidenza ta' tip kwantitattiv analizzata fir-rapport ta' eżami tagħha ma kinitx tippermetti li tintlaħaq il-konklużjoni li kien hemm effetti kummerċjali negattivi, fis-sens tar-Regolament Nru 3286/94, hija ma kinitx obbligata tieħu in konsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet, prinċipji jew prattiċi li jirreoglaw id-dritt ta' azzjoni skond ir-regoli internazzjonali .

82      Fir-rigward ta' l-allegazzjoni dwar nuqqas ta' motivazzjoni li tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jiġi osservat li, peress li l-Kummissjoni ġustament ikkonstatat in-nuqqas ta' effetti kummerċjali negattivi fis-sens tar-Regolament Nru 3286/94, hija la kellha bżonn tipproċedi għall-eżami ta' l-elementi addizzjonali imsemmija fl-Artikolu 10(5) ta' l-imsemmi Regolament u lanqas timmotiva s-sentenza kkontestata f'dan ir-rigward.

83      Għaldaqstant it-tielet motiv huwa miċħud.

 Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq l-ksur ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3286/94

 Argumenti tal-partijiet

84      Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata għamlet konfużjoni bejn l-"interessi tal-Komunità" imsemmija fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3286/94 u l-interess tal-kwerelanta. Fl-opinjoni tar-rikorrenti, approċċ bħal dan ma jmurx biss kontra din id-dispożizzjoni iżda, f'dan il-każ, jinjora wkoll il-fatt li intervenew partijiet oħra matul il-proċedura ta' eżami u li, mit-tħabbira tal-bidu ta' din il-proċedura fl-1 ta' Awwissu 2001, il-Kummissjoni rrikonnoxxiet l-interess tal-Komunità "li tikkontesta l-prattiċi Amerikani li jistgħu jirrappreżentaw theddida sistematika għar-rwol tal-Komunità fi ħdan il-WTO u serjament jaffetwaw il-koeżjoni u s-solidarjetà tal-[Komunità] ġaladarba kull esklużjoni ta' Stat Membru mis-sospensjoni ta' konċessjonijiet inevitabilment timplika żieda fil-piż għall-Istati l-oħra kollha." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

85      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkunsidraw li r-rimarki magħmula mill-Kummissjoni, waqt il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li l-analiżi ta' l-interess tal-kwerelant hija kundizzjoni preliminari għall-analiżi ta' l-interessi tal-Komunità, jikkontradixxu d-deċiżjoni kkontestata, minħabba li, sabiex tiġi tterminata l-proċedura ta' eżami, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq in-nuqqas ta' interess tal-Komunità u mhux fuq in-nuqqas ta' interess tal-kwerelanta. F'kull każ, ir-rikorrenti jqisu li r-rikonoxximent mill-Kummissjoni, fil-fażi tal-proċedura bil-miktub, tad-distinzjoni bejn l-interess tal-kwerelants u dak tal-Komunità, isostni l-allegazzjoni tagħhom li d-deċiżjoni kkontestata, f'dan il-każ, kisret l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3286/94.

86      Il-Kummissjoni tosserva li r-Regolament Nru 3286/94 ma jiddefinixxix il-kunċett ta' "interessi tal-Komunità" u li, f'dan ir-rigward, hija għandha diskrezzjoni wiesgħa ħafna. Madankollu hija ssostni li, fid-dawl ta' l-istruttura ġenerali tar-Regolament 3286/94, dan il-kunċett xorta għandu rwol preċiż ħafna, li huwa dak li jeskludi li tinbeda azzjoni għall-prinċipju jew in abstracto. Fi kliem oħra, il-Kummissjoni tqis li kwerelant ma jkunx jista' juża r-Regolament Nru 3286/94 sabiex iħeġġeġ il-Komunità tibda' azzjoni ta' prinċipju sabiex tiddefendi l-interess ġenerali tal-Komunità, sakemm ma jkunx sofra huwa stess effetti kummerċjali negattivi. F'dan il-każ, peress li l-kwerelanta ma sofrietx effetti bħal dawn li huma aktar minn dawk l-effetti li l-miżuri ta' ritaljazzjoni setgħu (legalment) joħolqu, il-kundizzjoni preliminari għall-eżami ta' l-interessi tal-Komunità li tieħu azzjoni ma kinitx sodisfatta. Barra minn hekk, il-konklużjonijiet tar-rapport ta' eżami juru b'mod ċar li r-rikorrenti ma kellhom l-ebda interess li l-miżuri Amerikani jiġi applikati uniformement fir-rigward ta' l-Istati Membri kollha tal-Komunità.

87      Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni tippreċiża wkoll li hija ħadet in konsiderazzjoni l-interessi kollha in kwistjoni, inklużi dawk ta' l-intrapriżi li intervenew waqt il-proċedura ta' eżami, kif jirriżulta mir-rapport ta' eżami, il-konklużjonijiet ta' liema rapport kienu totalment irrispettati fid-deċiżjoni kkontestata. F'kull każ, in-natura selettiva tal-miżuri Amerikani taffettwa prinċipalment il-mustarda ppreparata, peress li, f' dan il-każ, kien biss dan il-prodott li kien esportat mir-Renju Unit, bl-eskluzjoni, għaldaqstant, tar-roquefort, tal-foie gras u tax-shallots.

88      Finalment, il-Kummissjoni kkunsidrat li hija qieset korrettament li, fid-dawl tal-konklużjonijiet tar-rapport ta' eżami, ma kienx fl-interess tal-Komunità li tkompli l-proċedura.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

–       Rimarki prelimiari

89      Għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 3286/94 la jagħti definizzjoni tal-kunċett ta' "interessi tal-Komunità" u lanqas ma jippreċiża r-regoli li jirregolaw l-eżami ta' dawk l-interessi. Madankollu, numru ta' dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 3286/94 jirreferu għal dan il-kunċett.

90      B'hekk, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 3286/94 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tibda l-proċedura ta' eżami, "[f]ejn, wara konsultazzjoni, [i]l-Kummissjoni jidhrilha li hemm evidenza biżżejjed li tiġġustifika l-bidu ta' proċeduri ta' eżami u li [dan huwa] meħtieġ[…] fl-interess tal-Komunità."

91      Barra minn hekk, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3286/94 jipprovdi li "[m]eta jinstab b’konsegwenza tal-proċedura ta’ [eżami], li l-interessi tal-Komunità ma jeħtieġux li tittieħed xi azzjoni, il-proċedura għandha tiġi terminata skond Artikolu 14."

92      Imbagħad l-Artikolu 12(1) tar-Regolament 3286/94 jipprovdi li, "[f]ejn jinstab […] li b’konsegwenza tal-proċedura ta’ eżami, sakemm is-sitwazzjoni fattwali u legali tkun tali li ma jkunx hemm bżonn ta’ proċedura ta’ eżami[…] dik l-azzjoni hija neċessarja fl-interessi tal-Komunità sabiex tiżgura li jiġu eżerċitati d-drittijiet tal-Komunità skond ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, bil-ħsieb li titneħħa l-ħsara jew l-effetti kummerċjali [negattivi] li jirriżultaw minn ostakoli għall-kummerċ addottati jew mantenuti minn pajjiżi terzi, il-miżuri xierqa għandhom jiġu stabbiliti."

93      Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jinqraw fid-dawl tal-ħmistax-il premessa tar-Regolament Nru 3286/94, li tipprovdi li "huwa d-dmir tal-Kummissjoni […] li [taġixxi] fir-rigward ta' ostakoli għall-kummerċ addottat jew mantenut minn pajjiżi terzi, fi ħdan l-istruttura tad-drittijiet u l-obbligi internazzjonali tal-Komunità, biss fejn l-interessi tal-Komunità jitolbu għal intervent, u billi, meta jiġu meqjusa interessi bħal dawn, il-Kummissjoni […] [għandha tagħti] ka[ż] xieraq għal fehmiet tal-partijiet kollha fil-proċeduri."

94      Il-kwistjoni dwar jekk l-interess tal-Komunità jeħtieġx li tittieħed azzjoni tinvolvi evalwazzjoni ta' sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi u l-istħarriġ ġudizzjarju fuq tali evalwazzjoni għandu jkun limitat għall-verifika tar-rispett tar-regoli ta' proċedura, ta' l-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati biex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta' żball manifest ta' evalwazzjoni ta' dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta' abbuż ta' poter (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Marzu 1992, Sharp Corporation vs Il-Kunsill, C-179/87, Ġabra p. I‑1635, punt 58, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ottubru 1998, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, T‑2/95, Ġabra p. II-3939, punt 292). Meta, quddiem qorti Komunitarja, jitressaq rikors għall-annullament ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni li tittermina proċedura ta' eżami fir-rigward ta' ostakoli għall-kummerċ minħabba raġunijiet ta' nuqqas ta' interess Komunitarju, bis-saħħa tar-Regolament Nru 3286/94, l-iskop tal-kontroll ġudizzjarju jinkludi wkoll l-eżami tan-nuqqas ta' żbalji ta' dritt (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 2003, Euroalliages et vs Il-Kummissjoni, T-132/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 49). Limitu għal stħarriġ ġudizzjarju bħal dan fil-kuntest ta' l-eżami tal-miżuri kontra d-dumping japplika, a fortiori, f'proċedura b'portata ġenerali ħafna, u li, skond iċ-ċirkustanzi, tista' tirriżulta fil-preżentazzjoni ta' ilment internazzjonali.

95      Huwa fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk, kif isostnu r-rikorrenti, minn naħa l-interess tal-Komunità li taġixxi kontra l-ostakolu għall-kummerċ msemmi fl-ilment ġiex diġà definittivament eżaminat u kkonstatat fl-istadju tat-tħabbira ta' bidu tal-proċedura ta' eżami, u, min-naħa l-oħra, jekk il-Kummissjoni assimilatx jew irriduċietx l-interessi tal-Komunità għall-interess individwali tal-kwerelanta mingħajr ma qieset l-interessi tal-partijiet l-oħra.

–       Fuq l-evalwazzjoni ta' l-interess tal-Komunità fl-istadju tat-tħabbira tal-bidu tal-proċedura ta' eżami

96      Fil-punt 6 tat-tħabbira tal-bidu tal-proċedura ta' eżami, il-Kummissjoni indikat li:

"Huwa fl-interess tal-Komunità li tikkontesta l-prattiċi Amerikani li jistgħu jirrappreżentaw theddida sistematika għar-rwol tal-Komunità fi ħdan il-WTO u serjament jaffetwaw il-koeżjoni u s-solidarjetà tal-[Komunità] ġaladarba kull esklużjoni ta' Stat Membru mis-sospensjoni ta' konċessjonijiet inevitabbilment timplika żieda fil-piż għall-Istati l-oħra kollha. Huwa għaldaqstant ikkunsidrat li huwa fl-interess tal-Komunità li tibda' proċedura ta' eżami." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

97      Hemm ġeneralment lok li jiġi kkunsidrat li l-evalwazzjoni ta' l-interess tal-Komunità, magħmula fl-istadju tal-ftuħ ta' proċedura ta' eżami, għandha, minnha nfisha, natura preparatorju. Hija ma tistax għaldaqstant tiġi assimilata ma' l-evalwazzjoni li għandha ssir fi stadju ulterjuri, jiġifieri fi tmiem il-proċedura ta' eżami, fil-mument meta għandu jiġi deċiż jekk azzjoni hijiex neċessarja fl-interess tal-Komunità.

98      Fil-fatt, interpretazzjoni differenti jkollha l-konsegwenza li meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda proċedura ta' eżami, hija tkun awtomatikament obbligata, fl-istadju tad-deċiżjoni dwar azzjoni eventwali tal-Komunità, li tikkunsidra din l-azzjoni bħala neċessarja, sakemm il-kundizzjonijiet legali l-oħra għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 3286/94 - jiġifieri l-eżistenza ta' ostakolu għall-kummerċ u l-eżistenza ta' l-effetti kummerċjali negattivi li jirriżultaw - ikunu sodisfatti, u b'hekk il-Kummissjoni tiċċaħħad mill-marġni ta' diskrezzjoni tagħha.

99      F'dan il-każ, il-mod ġenerali kif inhu fformulat il-punt 6 tat-tħabbira tal-bidu tal-proċedura ta' eżami seta' biss jiġi interpretat bħala li jfisser li l-Kummissjoni kienet abbandunat kull dritt li tikkonstata, fi tmiem il-proċedura ta' eżami, jekk l-interess tal-Komunità kienx jirrikjedi jew le li tittieħed azzjoni f'dan il-każ. Fil-fatt huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li kien fl-interess tal-Komunità li "tibda' proċedura ta' eżami."

100    Konsegwentement l-ewwel argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-assimilazzjoni jew ir-riduzzjoni ta' l-interess tal-Komunità għall-interess individwali tal-kwerelanta u n-nuqqas li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-interessi tal-partijiet l-interessati l-oħra

101    Dan l-argument huwa essenzjalment ibbażat fuq iż-żewġ ilmenti li ġejjin, jiġifieri, minn naħa, dak dwar in-nuqqas li jiġi kkunsidrat l-interess tal-partijiet interessati, barra minn dak tal-kwerelanta u, min-naħa l-oħra, dak ta' l-assimilazzjoni jew ir-riduzzjoni mill-Kummissjoni ta' l-interess tal-Komunità għall-interess tal-kwerelanta.

102    Dwar l-ewwel ilment, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata ma tagħmel l-ebda referenza għall-imsemmija partijiet.

103    Dan il-fatt ma jistax, madankollu, jikkostitwixxi ksur ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3286/94.

104    Hekk kif jirriżulta wkoll mill-qari tal-punti 91 u 93 meħuda flimkien aktar 'il fuq, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3286/94, hekk kif interpretat fid-dawl tal-ħmistax-il premessa ta' l-imsemmi regolament, jiggarantixxi li, fl-evalwazzjoni ta' l-interessi tal-Komunità fil-kuntest tal-proċedura ta' eżami, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fehmiet li jesprimu l-partijiet interessati kollha fil-proċeduri. Minn dan jirriżulta li l-evalwazzjoni ta' l-interess tal-Komunità jirrikjedi li jitwieżnu l-interessi tal-partijiet interessati differenti u l-interess ġenerali, b'mod partikolari, fil-kuntest tal-proċedura ta' eżami (ara, b'analoġija, Euroalliages et vs Il-Kummissjoni ċċitata aktar 'il fuq).

105    F'dan il-każ huwa stabbilit li, wara l-pubblikazzjoni tat-tħabbira tal-bidu tal-proċedura ta' eżami, il-partijiet interessati nnotifikaw lill-Kummissjoni bl-interess tagħhom li jkunu assoċjati fil-proċedura mibdija mill-kwerelanta kontra l-ostakolu għall-kummerċ li din ta' l-aħħar ilmentat dwaru, għal dak li jirrigwarda l-prodotti rispettivi tagħhom. Bħall-analiżi li saret fil-każ ta' l-esportazzjonijiet ta' mustarda ppreparata lejn l-Istati Uniti, ir-rapport ta' eżami evalwa, għal dak li jirrigwarda l-prodotti tal-partijiet interessati, jekk l-ostakolu għall-kummerċ li lmentat dwaru l-kwerelanta jiġġenerax effetti kummerċjali negattivi. Fi tmiem din l-evalwazzjoni, kif fil-każ tal-konklużjonijiet milħuqa mir-rapport ta' eżami dwar is-sitwazzjoni tal-kwerelanta, ir-rapport indika li l-miżuri selettivi Amerikani ma kinux is-sors ta' l-effetti kummerċjali li l-partijiet interessati kienu qed jsofru, liema partijiet ma kinux, barra minn hekk, suġġetti għall-kompetizzjoni fis-suq Amerikan mill-prodotti esportati mir-Renju Unit. Fl-aħħarnett, fil-kuntest ta' l-analiżi ta' l-interess tal-Komunità, ir-rapport ta' eżami, fil-punt 4 tiegħu, indika, b'mod partikolari, li, "kif ġie rrilevat preċedentement, il-bidu ta' proċedura quddiem il-bordijiet tal-WTO ma tistax telimina jew tnaqqas il-problemi ekonomiċi li qed jaffaċċjaw il-kwerelanti" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minkejja li din is-silta mill-punt 4 tar-rapport ta' eżami tirreferi b'mod żbaljat għall-partijiet kollha bħala kwerelanti, hija tindika li l-interess tal-partijiet interessati fil-proċedura ttieħed in kunsiderazzjoni meta l-interessi tal-Komunità ġew kkunsidrati fil-kuntest tar-rapport ta' eżami.

106    Barra minn hekk ir-rikorrenti fl-ebda mument waqt il-proċedura miktuba ma allegaw li l-partijiet interessati kellhom interessi differenti minn dawk tal-kwerelanta li ma ġewx ikkunsidrati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta' eżami.

107    Mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-seduta mill-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikorrenti indikaw li l-partijiet interessati m'għandhom l-ebda interess li jitolbu li l-miżuri ta' ritaljazzjoni Amerikani jiġu estiżi għar-Renju Unit, minħabba li huwa ċar li r-roquefort, il-foie gras u x-shallots mhumiex prodotti tar-Renju Unit, imma li, min-naħa l-oħra, huma għandhom interess li l-applikazzjoni selettiva tal-miżuri Amerikani titressaq mill-Komunità quddiem il-Bordijiet tal-WTO, fatt li, skond ir-rikorrenti, fil-każ ta' kundanna ta' l-Istati Uniti, jimplika li l-prodotti tagħhom jiġu rtirati mil-lista approvata tal-WTO. Madankollu, għandu jiġi osservat li, anke kieku tali interess kellu jkun differenti minn dak tal-kwerelant, il-Kummissjoni ħadet dan l-argument in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta' l-eżami tagħha, billi indikat il-karattru ipotetiku tal-possibbiltà evokata mir-rikorrenti, b'mod partikolari minħabba l-kompetenza esklussiva ta' l-awtoritajiet Amerikani fir-rigward tad-determinazzjoni tal-lista tal-prodotti suġġetti għas-sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji. Dan l-interess għaldaqstant attwalment ittieħed in konsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

108    Għaldaqstant il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma ssemmix dawk il-partijiet interessati, ħlief il-kwerelanta, li huma rikorrenti f'din il-kawża, ma jistax, bħala tali, jiġi interpretat bħala applikazzjoni ħażina ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3286/94 moqri fid-dawl tal-ħmistax-il premessa ta' dan ir-Regolament.

109    Għaldaqstant l-ilment dwar in-nuqqas li jiġi kkunsidrat l-interess tal-partijiet interessati, apparti dak tal-kwerelanta, għandu jiġi miċħud.

110    Fir-rigward ta' l-ilment dwar l-allegata assimilazzjoni ta' l-interess tal-Komunità ma' dak tal-kwerelanta għandha, qabel kollox, issir referenza għas-sitt u s-seba' premessi tad-deċiżjoni kkontestata.

111    Fis-sitt premessa tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, wara li indikat li "[f]il-fatt, l-investigazzjoni ma pprovdiet l-ebda evidenza li l-applikazzjoni tas-sospensjoni tal-konċessjonijiet lir-Renju Unit kienet tippermetti lill-kwerelanta tesporta aktar mustarda ppreparata lejn is-suq Amerikan", imbagħad ippreċiżat li "[k]onsegwentement, l-ebda effett kummerċjali negattiv, fis-sens tar-Regolament, ma jista' jiġi attribwit lill-ostakolu għall-kummerċ allegat mill-kwerelanta" u kkonkludiet li "[k]onformement ma' l-Artikolu 11 tar-[Regolament Nru 3286/94], il-proċedura ta' eżami għaldaqstant uriet li ma kien hemm bżonn l-ebda azzjoni speċifika kontra l-allegat ostakolu għall-kummerċ fl-interess tal-Komunità." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

112    Skond is-seba' premessa tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li "[i]l-proċedura ta' eżami ma pprovdietx evidenza suffiċjenti li turi li l-interessi tal-Komunità jirrikjedu azzjoni speċifika fil-kuntest tar-regolament" u li "[għ]aldaqstant hemm lok li l-proċedura ta' eżami tiġi tterminata." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

113    L-użu tal-konġunzjoni ta' koordinazzjoni "għaldaqstant" fl-aħħar sentenza tas-sitt premessa tad-deċiżjoni kkontestata jindika li, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, in-nuqqas ta' azzjoni, li hija neċessarja fl-interess tal-Komunità, jirriżulta, ta' l-anqas b'mod indirett, mill-konstatazzjoni li l-kwerelanta ma kellha l-ebda interess li s-sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji tiġi estiża għar-Renju Unit safejn hija ma kinitx qiegħda ssofri minn effetti kummerċjali negattivi li joriġinaw mill-applikazzjoni selettiva tal-miżuri Amerikani.

114    Hemm lok li jiġi rrilevat li l-bżonn li jintwera' minn qabel interess tal-kwerelanta sabiex ikun jista' jeżisti wkoll interess tal-Komunità ġie, barra minn dan, ikkonfermat mill-Kummissjoni fl-atti tagħha. Fil-fatt, din ta' l-aħħar iddefendiet l-idea li r-Regolament Nru 3286/94 ma jistax jiġi użat mill-kwerelanta sabiex tħeġġeġ il-Komunità sabiex tibda' azzjoni ta' prinċipju għad-difiża ta' l-interess ġenerali tal-Komunità mingħajr ma tkun hija stess sofriet effetti kummerċjali negattivi.

115    Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-argumenti żviluppati mill-Kummissjoni matul il-fażi tal-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza ma jmorrux kontra l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

116    Hemm lok li mbagħad issir referenza għas-siltiet rilevanti tar-rapport ta' eżami. Fil-punt 4 tar-rapport ta'eżami (intitolat "Interess tal-Komunità ") il-Kummissjoni indikat li:

"Ir-riżultati ta' l-investigazzjoni wrew li ma jeżistux effetti kummerċjali negattivi għall-kwerelanta li jirriżultaw mill-ostakolu għall-kummerċ allegat f'din il-kawża. Dawn ir-riżultati diġà jċaħħdu l-proċedura mill-kondizzjoni fundamentali sabiex titkompla din l-azzjoni aktar 'il quddiem, bis-saħħa tar-Regolament. Madankollu, il-Kumissjoni eżaminat jekk jeżistux possibiltajiet oħra għal azzjoni li l-Komunità tkun tista' tuża sabiex twieġeb għall-ksur u l-effetti kummerċjali potenzjali identifikati f'dan ir-rapport." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

117    Hija mbagħad fakkret li:

"Il-bidu ta' proċedura quddiem l-bordijiet tal-WTO ma jistax jelimina jew inaqqas il-problemi ekonomiċi li qed jaffaċċjaw il-kwerelanti. Min-naħa l-oħra, l-impatt ġuridiku u politiku tal-prattiċi Amerikani diffiċilment jista' jiġi sottovalutat. Fil-fatt, l-Istati Uniti jidhru li adottaw il-prattika tas-'sanzjonijiet selettivi' bħala arma kummerċjali bil-għan li jdgħajjfu l-għaqda interna tal-Komunità u, konsegwentement, jinfluwenzaw ir-relazzjonijiet tagħha mas-sħab kummerċjali prinċipali tagħha. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li l-aktar interessi importanti u fit-tul tal-Komunità jeżiġu azzjoni li jkollha l-għan li tevita li l-prattika Amerikana, li tikkonsisti fis-sospensjoni tal-konċessjonijiet fir-rigward ta' ċerti Stati Membri bl-esklużjoni ta' oħrajn (jiġifieri s-'sanzjonijiet selettivi'), iseħħu fil-futur. F'din il-perspettiva, l-Kummissjoni ser tkompli d-diskussjonijiet tagħha bil-għan li tintlaħaq soluzzjoni li tissodisfa lil kulħadd fil-kawża magħrufa bħala ta' l-ormoni u ser tiddiskuti ma' l-awtoritajiet Amerikani l-problemi ta' natura sistematika imqajma f'dan rapport." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

118    Fil-punt 6 tar-rapport ta' eżami, intitolat "Azzjonijiet Previsti", il-Kummissjoni, wara li fakkret it-tliet kundizzjonijiet neċessarji sabiex tittieħed azzjoni mill-Komunità [jiġifieri a) li jkun jeżisti dritt tal-Komunità skond ir-regoli li jirregolaw il-kummerċ internazzjonali, b) li jkun hemm effetti kummerċjali negattivi kkawżati mill-allegat ostakolu għall-kummerċ u c) li l-azzjoni tkun neċessarja fl-interess tal-Komunità], enfasizzat li, "[f]uq il-bażi ta' l-analiżi u tal-konklużjonijiet li jinsabu aktar 'il fuq, b'mod partikolari għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta' effetti kummerċjali negattivi, qiegħed jiġi propost li tiġi tterminata l-proċedura ta' eżami f'din il-kawża" u li "l-aktar mod approprjat li jiġu ttrattati l-problemi li qed taffaċċa l-kwerelanta huwa li jitkomplew id-diskussjonijiet ma' l-awtoritajiet Amerikani bil-għan li tinsab soluzzjoni li tissodisfa lill-kulħadd fil-kawża magħrufa bħala ta' l-ormoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

119    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li l-proċedura ta' eżami ma eskludietx li hemm interess ġenerali u fit-tul tal-Komunità li tieħu azzjoni fil-futur kontra l-ksur potenzjali analizzat fir-rapport ta' eżami; min-naħa l-oħra, safejn l-introduzzjoni ta' proċedura fil-kuntest tal-WTO ma kinitx tista' twassal għall-eliminazzjoni jew it-tnaqqis l-problemi ekonomiċi li kienu qed jaffaċċjaw il-kwerelanti, ġie propost li tiġi tterminata l-proċedura ta' eżami minħabba, b'mod partikolari, in-nuqqas ta' effetti kummerċjali negattivi skond ir-Regolament Nru 3286/94.

120    Il-Kummissjoni mhijiex qiegħda tinterpreta ħażin l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3286/94 meta teżiġi li l-azzjoni eventwali tal-Komunità tkun marbuta mal-fatti u r-raġunijiet legali li taw lok għall-proċedura ta' eżami u meta, minkejja li hemm interess ġenerali u fit-tul li tittieħed azzjoni kontra l-ksur potenzjali li jista' jirriżulta mill-prattika ta' "sanzjonijiet selettivi" adottata mill-Istati Uniti, bħal dawk li ġew identifikati fir-rapport ta' eżami, tiddeċiedi li tittermina l-proċedura ta' eżami.

121    Fil-fatt, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3286/94 għandu jinqara fid-dawl tas-sitt premessa tiegħu li tgħid li l-mekkaniżmu legali stabbilit mir-Regolament 3286/94 għandu "[j]iżgura li d-deċiżjoni li tinvoka d-drittijiet tal-Komunità taħt ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ tittieħed fuq il-bażi ta' informazzjoni fattwali eżatta u ta' analiżi legali". Għalhekk, jekk, fi tmiem il-proċedura ta' eżami, il-kuntest fattwali u legali li ta lok għall-imsemmija proċedura ma jkunx bażi suffiċjenti għal deċiżjoni eventwali li jiġu invokati d-drittijiet tal-Komunità, b'mod partikolari, minħabba n-nuqqas ta' waħda mill-kundizzjonijiet legali mitluba għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 3286/94, f'dan il-każ dik dwar in-nuqqas ta' effetti kummerċjali negattivi li jirriżultaw mill-allegat ostakolu għall-kummerċ, il-Kummissjoni tista' tikkonstata li l-kundizzjonijiet mitluba mir-Regolament Nru 3286/94 ma ġewx sodisfatti.

122    Din l-interpretazzjoni hija wkoll sostnuta mill-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 3286/94. Fil-fatt, hemm lok li jiġi mfakkar li, skond din id-dispożizzjoni, "[f]ejn jinstab […] li b’konsegwenza tal-proċedura ta’ eżami, […] dik l-azzjoni hija neċessarja fl-interessi tal-Komunità sabiex tiżgura li jiġu eżerċitati d-drittijiet tal-Komunità skond ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, bil-ħsieb li titneħħa l-ħsara jew l-effetti kummerċjali [negattivi] li jirriżultaw minn ostakoli għall-kummerċ addottati jew mantenuti minn pajjiżi terzi, il-miżuri xierqa għandhom jiġu stabbiliti […]." Mill-kliem użat fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 3286/94 jirriżulta b'mod ċar li l-azzjoni tal-Komunità għandu jkollha l-għan li ttemm l-effetti kummerċjali negattivi kkawżati minn ostakolu għall-kummerċ u li, għaldaqstant, din l-azzjoni ma tistax tinbeda jekk ma tippermettix li dan l-għan jiġi sodisfatt. Fi kliem oħra, bis-saħħa ta' l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 3286/94, ir-Regolament ma jistax jiġi invokat minn kwerelant sabiex iħeġġeġ il-Komunità tibda azzjoni sabiex tiddefendi l-interessi ġenerali tal-Komunità, jekk huwa stess ma jkunx sofra effetti kummerċjali negattivi. F'kull każ, anke f'dan il-każ, mhuwiex biżżejjed li jiġi kkonstatat li seħħ tali effett kummerċjali negattiv sabiex ikollha tinbeda azzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 3286/94 mill-Komunità, peress li l-Kummissjoni għandha poter diskrezzjonali wiesa' fl-evalwazzjoni ta' l-interessi kummerċjali kollha tal-Komunità.

123    F'dan il-każ, il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat utli għall-kompletezza, fil-kuntest tal-proċedura ta' eżami, li tevalwa jekk jistax eventwalment jeżisti interess aktar ġenerali u fit-tul tal-Komunità ma jistax ifisser li l-Kummissjoni kienet obbligata tikkonkludi li l-proċedura ta' eżami kellha tirriżulta f'azzjoni fl-interess tal-Komunità. Fil-fatt, pass bħal dan jirriżulta, b'mod partikolari, mill-bżonn li tingħata tweġiba għall-argumenti kollha imqajma mill-kwerelant u/jew il-partijiet interessati u huwa espressjoni tar-rispett tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba. Madankollu dan il-pass ma jistax jintuża kontra l-Kummissjoni sabiex jiġi kkonstatat li kisret l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3286/94.

124    Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni la llimitat l-interess tal-Komunità għal dak tal-kwerelanta u lanqas kisret l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3286/94.

125    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, hemm lok li r-raba' motiv kollu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

126    Dan il-motiv huwa maqsum f'żewġ partijiet, li jirriżultaw, minn naħa, min-nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward ta' l-analiżi ta' l-ostakolu għall-kummerċ u, min-naħa l-oħra, min-nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward ta' l-interess tal-Komunità li tibda azzjoni.

 Fuq l-ewwel parti tal-ħames motiv li tirriżulta min-nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward ta' l-analiżi ta' l-ostakolu għall-kummerċ

–       Argumenti tal-Partijiet

127    Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 253 KE minħabba li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija ma għamlitx analiżi legali ta' l-ostakolu għall-kummerċ allegat fl-ilment.

128    Il-Kummissjoni tfakkar il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza fir-rigward tal-motivazzjoni ta' l-atti ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji. Skondha, f'dan il-każ, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-ġurisprudenza. Fil-fatt, billi rrepetiet l-elementi essenzjali tal-konklużjonijiet tar-rapport ta' eżami, li ġew imsemmija espliċitament fis-sitt premessa tad-deċiżjoni kkontestata, hija ssodisfat totalment l-obbligu ta' motivazzjoni li għandha, aktar u aktar minħabba li r-rapport ta' eżami ġie ppreparat fit-tmiem ta' proċedura kontradittorja li matulha r-rikorrenti setgħu jesprimu l-perspettivi tagħhom. Ir-rikorrenti għaldaqstant kienu f'pożizzjoni li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u l-qorti Komunitarja hija f'pożizzjoni tagħmel l-istħarriġ tagħha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

129    Skond ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE trid turi, b'mod ċar u mhux ekwivoku, ir-raġunament ta' l-awtorità Komunitarja li adottat l-att ikkontestat, b'mod li l-persuni interessati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u l-qorti Komunitarja tkun tista' teżerċita l-kontroll tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Ġunju 1986, Nicolet Instrument, 203/85, Ġabra p. 2049, punt 10; tas-7 ta' Mejju 1987, NTN Toyo Bearing et vs Il-Kunsill, 240/84, Ġabra p. 1809, punt 3; Nachi Fujikoshi vs Il-Kunsill, 255/84, Ġabra p. 1861, punt 39, u tad- 9 ta' Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, C-76/00 P, Ġabra p. I‑79, punt 81). Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta' motivazzjoni għandu jiġi evalwat skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, b'mod partikolari, il-kontenut ta' l-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista' jkollhom li jirċievu xi spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta' fatt u ta' dritt li huma rilevanti, ġaladarba il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta' att tissodisfax r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-kontenut tagħha imma wkoll tal-kuntest tagħha, kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, punt 81). Konsegwentement, jekk l-att ikkontestat juri n-natura essenzjali ta' l-għan ta' l-istituzzjoni, ikun inutili li tkun rikjesta motivazzjoni speċifika għal kull waħda mill-għażliet tekniċi li hija tkun għamlet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Frar 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-122/94, Ġabra p. I‑881, punt 29).

130    F'dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, identifikat, minn naħa, l-ostakolu għall-kummerċ allegat fl-ilment, liema ostakolu "kien kostitwit mid-deċiżjoni meħuda mill-Istati Uniti ta' l-Amerika sussegwentement għall-'kawża ta' l-ormoni' li tissospendi l-konċessjonijiet kummerċjali applikati għall-mustarda ppreparata, biss kontra esportazzjonijiet li joriġinaw minn ċerti Stati Membri (bl-esklużjoni tar-Renju Unit)" (it-tielet premessa tad-deċiżjoni kkontestata, [traduzzjoni mhux uffiċjali]). Min-naħa l-oħra, fis-sitt premessa tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li "[i]l-proċedura ta' eżami wasslet għall-konklużjoni li ma kienx jidher li l-allegati effetti kummerċjali negattivi kienu jirriżultaw mill-ostakolu għall-kummerċ imsemmi fl-ilment, jiġifieri mit-terminazzjoni ta' konċessjonijiet, b'mod selettiv, kontra ċerti Stati Membri biss ("sanzjoni selettiva") mill-Istati Uniti ta' l-Amerika." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

131    Fid-dawl tal-kuntest ta' din il-kawża, indikazzjonijiet bħal dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 253 KE.

132    Fil-fatt, qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3286/94 jipprovdi li "[m]eta jinstab b’konsegwenza tal-proċedura ta’ [eżami], li l-interessi tal-Komunità ma jeħtieġux li tittieħed xi azzjoni, il-proċedura għandha tiġi terminata […]."Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li deċiżjoni li tittermina proċedura ta' eżami tista' tillimita l-motivazzjoni tagħha billi tfakkar il-konklużjonijiet prinċipali li jirriżultaw mir-rapport ta' eżami billi tagħmel riferiment għal dan ir-rapport, mingħajr ma jkun neċessarju, fid-dawl tal-kuntest tad-deċiżjoni, li hija tirrepeti l-elementi kollha ta' fatt u ta' dritt li ġew żviluppati f'dan ir-rapport.

133    Għandu mbagħad jiġi mfakkar li r-rapport ta' eżami, fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tiegħu, huwa dokument pubbliku u li, f'dan il-każ, huwa ġie mogħti lir-rikorrenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn ta' l-aħħar setgħu għaldaqstant ikunu jafu biżżejjed il-ġustifikazzjonijiet għad-deċiżjoni kkontestata u, b'mod partikolari r-raġunijiet għaliex, minkejja li r-rapport ta' eżami kien wera ċerti żoni li fihom l-ostakolu għall-kummerċ ilmentat kien enfasizza xi ħjiel ta' inkompatibbiltà ta' l-ostaklu li dwaru lmentat il-kwerelanta fid-dawl tar-regoli tal-ftehim adottati fil-kuntest tal-WTO, fid-deċiżjoni kkontestata ma kinitx neċessarja analiżi legali ta' l-ostakoli għall-kummerċ, minħabba n-nuqqas ta' rabta kawżali bejn dan l-ostakolu u l-effetti kummerċjali negattivi fis-sens tar-Regolament Nru 3286/94.

134    Fl-aħħarnett, l-eżami ta' l-ewwel u t-tieni motivi li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet aktar 'il fuq fil-punti 48 sa 59 u 64 sa 74 rispettivament wera li l-istħarriġ ġudizzjarju ma kienx ġie ostakolat.

135    Għaldaqstant hemm lok li l-ewwel parti tal-ħames motiv tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-ħames motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward ta' l-interess tal-Komunità li tibda azzjoni

–       Argumenti tal-partijiet

136    Fl-ewwel lok fl-opinjoni tar-rikorrenti, minħabba li l-Kummissjoni adottat il-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta' l-interess tal-Komunità b'referenza għall-interess tal-kwerelanta biss, id-deċiżjoni kkontestata ma tippermetti la lill-partijiet interessati li intervenew waqt il-proċedura ta' eżami, li huma stess huma rikorrenti f'din il-kawża, li jkunu jafu r-raġunijiet ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas lill-imħallef li jagħmel l-istħarriġ ġudizzjarju.

137    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-Kummissjoni ma weġbitx l-argumenti kollha imqajma fl-ilment fir-rigward ta' l-interess tal-Komunità li tibda' azzjoni. L-ewwelnett, ir-rikorrenti jinnutaw li d-deċiżjoni kkontestata ma tgħid xejn dwar l-interess tal-Komunità, imsemmi fir-rapport ta' eżami, li huwa dak li jkun evitat li l-Istati Uniti jippreġudikaw l-unità tal-politika kummerċjali komuni billi jużaw sanzjonijiet "selettivi", li huma applikabbli biss għal uħud mill-Itati Membri. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-ilment kien jindika li ma setax jiġi eskluż li, sussegwentement għal azzjoni tal-Komunità, l-Istati Uniti, filwaqt li jestendu l-miżuri ta' ritaljazzjoni tagħhom għall-Istati Membri kollha tal-Komunità, ineħħu l-mustarda ppreparata mil-lista tal-prodotti suġġetti għall-imsemmija miżuri. Fil-fatt, skondhom, minħabba li s-sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji ma setgħatx teċċedi l-ammont ta' USD 116.8 miljun fis-sena, l-Istati Uniti kien ikollhom ineħħu ċerti prodotti mil-lista fosthom, jekk ikun il-każ, il-mustarda ppreparata. Filwaqt li r-rikorrenti jammettu li dan il-punt ġie indirizzat fir-rapport ta' eżami, huma madankollu josservaw li d-deċiżjoni kkontestata ma tagħmel l-ebda referenza għal dan, fatt li, fl-opinjoni tagħhom, jikkostitwixxi nuqqas ta' motivazzjoni. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma weġbitx għall-argument imqajjem fl-ilment li l-Komunità kellha l-istess interess li tibda' azzjoni f'din il-kawża li kellha li tibda konsultazzjonijiet ma' l-Istati Uniti fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 306 tal-liġi Amerikana ta' l-1974 fuq il-kummerċ barrani. Fl-aħħarnett, fir-raba' lok, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni minħabba li fid-deċiżjoni kkontestata naqset milli tirrispondi għall-argument li madankollu kien ġie indirizzat fir-rapport ta' eżami, li kundanna ta' l-Istati Uniti quddiem il-WTO kienet tippermettilhom jitolbu r-rifużjoni tad-dazji doganali li ġew miġbura indebitament.

138    Fil-każ ta' dawn l-ilmenti kollha l-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-argumenti tagħha li hija żviluppat fil-kuntest ta' l-ewwel parti ta' dan il-motiv.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

139    Kif ġie imfakkar fil-punt 129 aktar 'il fuq, mhuwiex neċessarju li l-motivazzjoni ta' deċiżjoni tispeċifika l-elementi kollha ta' fatt u ta' dritt rilevanti sakemm jippermenttu lill-interessati sasakemm tali motivazzjoni tippermetti lill-interessati li jsiru jafu r-raġunijiet tal-miżura adottata sabiex jipproteġu d-drittijiet tagħhom u lill-imħallef Komunitarju li jagħmel l-istħarriġ tiegħu fid-dawl, b'mod partikolari, tal-kuntest ġuridiku u fattwali li fih ittieħdet din id-deċiżjoni.

140    Dwar l-ewwel argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix lill-partijiet interessati li intervenew waqt il-proċedura ta' eżami li jkunu jafu r-raġunijiet tat-terminazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li din għandha tiġi miċħuda.

141    Għandu ċertament jiġi osservat li l-Kummissjoni effettivament adottat id-deċiżjoni kkontestata biss b'riferiment għall-mustarda ppreparata.

142    Madankollu, fil-kuntest li fih ittieħdet din id-deċiżjoni, ċirkustanza bħal din ma tostakolax lir-rikorrenti kollha milli jsiru jafu r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ddeċidiet li tittermina l-proċedura ta' eżami li fiha kienu involuti l-partijiet interessati. Fil-fatt, mir-rapport ta' eżami, li ġie kkomunikat lir-rikorrenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta b'mod ċar li l-konklużjonijiet ta' dan ir-rapport huma applikabbli għal ta' l-anqas kemm għall-prodotti tagħhom kif ukoll għal dawk tal-kwerelanta. Barra min hekk, l-eżami wera li l-prodotti tal-partijiet interessati ma kienu suġġetti għal ebda kompetizzjoni minn prodotti identiċi li ġejjin mir-Renju Unit fis-suq Amerikan minħabba li dawn il-prodotti ma kinux esportati hemm, u li, għaldaqstant, l-ostakolu għall-kummerċ li sar l-ilment dwaru ma kien jikkawżalhom l-ebda effett kummerċjali negattiv fis-sens tar-Regolament Nru 3286/94.

143    Fl-aħħarnett, kieku il-Kummissjoni kellha, fir-rispett tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, tippreċiża b'mod aktar ċar is-sitwazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet apparti l-kwerelanta li intervenew matul il-proċedura ta' eżami, fid-dawl tal-kuntest tad-deċiżjoni, in-nuqqas ta' riferiment għall-prodotti ta' dawn ta' l-aħħar fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma jostakolax madankollu l-eżerċizzju ta' l-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Prim'Istanza..

144    Fir-rigward tat-tieni argument u l-aħħar tliet ilmenti imsemmija fil-punt 137 aktar 'il fuq, għandu jiġi ppreċiżat li r-rikorrenti jammettu li r-rapport ta' eżami analizza u ċaħad l-ilmenti kollha li huma jinvokaw. Mil-lat tal-motivazzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni ma kellhiex bżonn tagħti deċiżjoni, fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, fuq l-elementi ta' fatt u ta' dritt kollha imqajma mir-rikorrenti u lanqas fuq l-għażliet tekniċi kollha li għamlet il-Kummissjoni, sakemm l-għan essenzjali ta' l-istituzzjoni jirriżulta b'mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata. Is-silenzju tad-deċiżjoni kkontestata fuq dawn l-aħħar tliet ilmenti invokati mir-rikorrenti seta' għaldaqstant jinftiehem fil-kuntest ta' din il-kawża, bħala konferma tal-pożizzjoni espressa fir-rapport ta' eżami, li ġie kkomunikat lir-rikorrenti qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, u li għalih hija tagħmel referenza espliċita. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' riferiment, fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, għall-kunsiderazzjonijiet ipotetiċi li taw lok għat-tliet ilmenti imqajma mir-rikorrenti ma jostakolax l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant dawn it-tliet ilmenti għandhom jiġu miċħuda.

145    Fir-rigward ta' l-ilment dwar in-nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-interess sistematiku li l-Komunità għandha li tiddefendi l-unità tal-politika kummerċjali komuni, hemm lok li dan jiġi mwarrab ukoll. Fil-fatt, mir-rapport ta' eżami jirriżulta li, kif ġie enfasizzat fil-kuntest ta' l-eżami tar-raba' motiv aktar 'il fuq, minkejja li l-unità tal-politika kummerċjali komuni ġiet ċertament ikkunsidrata bħala interess ġenerali u fit-tul tal-Komunità, f'dan il-każ ma kinitx ikkunsidrata neċessarja azzjoni tal-Komunità għal din ir-raġuni, b'mod partikolari, minħabba n-nuqqas ta' waħda mill-kundizzjonijiet legali ta' applikabbiltà tar-Regolament Nru 3286/94. Konsegwentement, fil-kuntest ta' din il-kawża, ir-rikorrenti setgħu jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom l-azzjoni tal-Komunità ma setgħatx isseħħ f'dan il-każ u l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja li hija konċiża, tissodisfa wkoll ir-rekwiżit tal-possibbiltà ta' l-istħarriġ ġudizzjarju.

146    F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tal-ħames motiv - liema motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu - għandha tiġi miċħuda.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti u fuq ksur ta' l-Artikolu 2(4) u ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3286/94

147    Dan il-motiv huwa maqsum f'żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq żball manifest ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-possibbiltà li l-prodotti tar-rikorrenti jitneħħew mil-lista tal-merkanzija suġġetta għad-dazju addizzjonali Amerikan. It-tieni parti hija bbażata fuq żball manifest ta' evalwazzjoni dwar il-ħlas lura tad-dazju addizzjonali mħallas indebitament.

 Fuq l-ewwel parti tas-sitt motiv, ibbażata fuq żball manifest ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-possibbiltà li l-prodotti tar-rikorrenti jitneħħew mil-lista tal-merkanzija suġġetta għad-dazju addizzjonali Amerikan

–       Argumenti tal-partijiet

148    Ir-rikorrenti jippreċiżaw li, kieku l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha twarrab it-tieni ilment tagħhom imqajjem fil-kuntest tat-tieni parti tal-ħames ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni, ikun hemm lok li, f'kull każ, jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni, fir-rapport ta' eżami tagħha, għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni tal-fatti u kisret l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3286/94.

149    Skond ir-rikorrenti, huwa evidenti li, kieku r-Renju Unit kien ġie inkluż fil-lista ta' Stati suġġetti għas-sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji Amerikani, prodotti "żgħar" li ġejjin minn Stati Membri oħra, bħal dawk tar-rikorrenti, setgħu jkunu esklużi mill-qasam ta' applikazzjoni tal-miżuri Amerikani, minħabba l-limitu massimu ta' l-ammont tas-sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji stabbilit mid-deċiżjoni ta' arbitraġġ tal-bordijiet tal-WTO. Ir-rilevanza ta' aproċċ bħal dan ġie, barra minn hekk, rikonoxxut mill-Kummissjoni stess fit-tħabbira tagħha tal-bidu tal-proċedura ta' eżami. Il-Kummissjoni għaldaqstant kellha tanalizza aktar il-possibbiltà li l-prodotti tar-rikorrenti jiġu esklużi mil-lista stabbilita mill-awtoritajiet Amerikani. Ir-rikorrenti jqisu li l-inċertezza dwar is-suċċess ta' soluzzjoni tat-tilwimiet m'għandhiex twaqqaf azzjoni tal-Komunità meta teżisti tali possibbiltà. Din kienet il-pożizzjoni fil-każ in kwistjoni.

150    Il-Kummissjoni, filwaqt li ssostni li diġà kienet irrispondiet għal dan il-motiv fl-osservazzjonijiet tagħha dwar il-motivi preċedenti, tenfasizza madankollu li d-deċiżjoni kkontestata fl-ebda mument ma qabżet il-limiti inerenti fl-eżerċizzju tal-kompetenza diskrezzjonali tagħha, bħal ma huwa rikonoxxut mill-ġurisprudenza, fir-rigward ta' l-għażla tal-mezzi neċessarji għat-twettiq tal-politika kummerċjali komuni u ta' l-eżami ta' sitwazzjonijiet ekonomiċi ta' natura kumplessa.

151    F'dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li hija ma wettqet l-ebda żball manifest ta' evalwazzjoni tal-fatti, kif deskritti fir-rapport ta' eżami, kemm f'dak li jikkonċerna n-nuqqas ta' effetti negattivi kif ukoll f'dak li jikkonċerna n-nuqqas ta' interess tal-Komunità li tkompli bil-proċedura. Dan japplika, b'mod partikolari, għall-ispekulazzjonijiet tar-rikorrenti fir-rigward tat-tneħħija tal-mustarda ppreparata mil-lista tal-miżuri Amerikani.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

152    Hemm lok li qabel kollox jiġi mfakkar li, wara li kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda rabta kawżali bejn l-ostakolu għall-kummerċ allegat fl-ilment tal-FICF u l-effetti kummerċjali negattivi, il-Kummissjoni, fir-rapport ta' eżami, eżaminat l-argument imqajjem fl-ilment li, kieku l-Komunità kellha tikseb suċċess quddiem il-WTO, is-sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji mill-Istati Uniti jkollha tiġi estiża għar-Renju Unit, u dan inevitabbilment iwassal lill-Istati Uniti sabiex jimmodifikaw il-lista tal-prodotti msemmija minħabba li, inkella, l-ammont totali tas-sospensjoni jissupera l-ammont awtorizzat mid-DSB (USD 116.8  miljun). Skond ir-rikorrenti, il-mustarda ppreparata kif ukoll il-prodotti l-oħra suġġetti għall-proċedura ta' eżami jistgħu, b'dan il-mod, jiġu esklużi mil-lista ta' prodotti ppreżentata mill-awtoritajiet Amerikani lid-DSB.

153    Għandu mbagħad jiġi mfakkar li l-Kummissjoni, fir-rapport ta' eżami (punt 2.5, p. 32), wieġbet għal dan l-argument bil-mod li ġej:

"Madankollu, qabel kollox, ir-riżultat ta' kawża mressqa quddiem il-bordijiet tal-WTO mhuwiex ċert minħabba n-nuqqas ta' preċedenti fuq il-kwistjonijiet involuti. Barra minn hekk, il-kompożizzjoni tal-lista ta' prodotti li ġew suġġetti għal dazju addizzjonali ta' 100% taqa' taħt ir-responsabbiltà ta' l-awtoritajiet Amerikani. M'hemm l-ebda garanzija (dan jista' wkoll jitqies bħala improbabbli ħafna) li l-awtoritajiet Amerikani ser jeliminaw il-prodotti tal-kwerelanta mil-lista. Barra minn hekk, jekk il-miżura tiġi estiża għar-roquefort, il-foie gras jew għax-shallots li ġejjin mir-Renju Unit dan ma jkollu l-ebda effett fuq l-istatus quo minħabba li dawn il-prodotti mhumiex esportati mir-Renju Unit." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

154    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-analiżi li saret fir-rapport ta' eżami sabiex jiġi mwieġeb l-argument imqajjem mill-kwerelanta u mill-partijiet interessati mhuwiex ivvizzjat minn żball manifest ta' evalwazzjoni.

155    Qabel kollox, kif enfasizza r-rapport ta' eżami u kif fakkret il-Kummissjoni waqt is-seduta, anke kieku l-Komunità kienet ressqet b'suċċess azzjoni quddiem il-bordijiet tal-WTO, il-modifika eventwali tal-lista tal-prodotti suġġetti għas-sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji mill-Istati Uniti hija fil-kompetenza ta' l-awtoritajiet Amerikani. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li fid-deċiżjoni ta' arbitraġġ tat-12 ta' Lulju 1999 (WT/DS26/ARB), imsemmija fil-punt 17 aktar 'il fuq u kkonfermata mid-DSB, l-arbitri indikaw b'mod ċar li, abbażi tad-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 22 Memorandum ta' Ftehim, huma ma kellhomx il-kompetenza sabiex jiddeterminaw il-lista definittiva tal-prodotti li jistgħu jiġu suġġetti għas-sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji. Ir-rikorrenti la invokaw u, a fortiori, lanqas ma taw prova li l-Komunità setgħet ikollha kompetenza bħal din.

156    Imbagħad, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li l-inklużjoni tal-prodotti li joriġinaw fir-Renju Unit fil-lista Amerikan ma jfisser bl-ebda mod li l-prodotti tar-rikorrenti jitneħħew mil-lista. Fil-fatt, ikun ukoll raġonevolment possibbli li wieħed jimmaġina li prodotti oħra jew sottokategoriji tan-nomenklatura tariffarja jistgħu jiġu rtirati mil-lista filwaqt li jiġi rrispettat l-ammont massimu ta' USD 116.8 miljun awtorizzat mill-WTO.

157    Fl-aħħarnett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti m'huma qegħdin iressqu l-ebda prova li ssostni l-eżistenza ta' żball manifest ta' evalwazzjoni, imma qegħdin sempliċement jikkritikaw lill-Kummissjoni minħabba li naqset milli tbassar il-possibbiltà li l-prodotti tagħhom jiġi rtirati. Barra mill-fatt li din l-allegazzjoni mhijiex eżatta minħabba li r-rapport ta' eżami wieġeb għal dan l-ilment tal-FICF filwaqt li ċaħdu, l-analiżi li saret fir-rapport ta' eżami ma tista', fl-ebda każ, tikkostitwixxi żball manifest ta' evalwazzjoni mill-Kummissjoni fid-dawl tan-natura ipotetika tas-sitwazzjoni mbassra mir-rikorrenti.

158    Konsegwentement hemm lok li l-ewwel parti ta' dan il-motiv tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tas-sitt motiv, ibbażata fuq żball manifest ta' evalwazzjoni dwar ir-rifużjoni tad-dazju addizzjonali indebitament imħallas

–       Argumenti tal-partijiet

159    Fir-rigward tal-possibbiltà li tintalab ir-rifużjoni tad-dazji doganali miġbura mill-awtoritajiet Amerikani sal-mument ta' kundanna eventwali ta' l-Istati Uniti mill-WTO, ir-rikorrenti qabel kollox jistagħġbu li l-Kummissjoni, billi warrbet dan l-argument invokat fl-ilment minħabba li l-leġiżlazzjoni Amerikana ma tagħtix effett dirett lill-ftehim tal-WTO u teskludi r-rikorsi ta' l-individwi bbażati fuq dawn il-ftehim, adottat pożizzjoni fuq l-interpretazzjoni ta' leġiżlazzjoni barranija, fatt li jeċċedi l-kompetenzi tagħha. Ir-rikorrenti jqisu wkoll li l-leġiżlazzjoni Amerikana ma twaqqafx lill-individwi milli jippreżentaw talbiet amministrattivi intiżi sabiex jiksbu r-rifużjoni tad-drittijiet doganali indebitament miġbura. Ir-rikorrenti, f'dan ir-rigward, jinvokaw ir-rapport tal-grupp speċjali tal-15 ta' Lulju 2002 dwar l-Artikolu 129(C)(1) tal-liġi Amerikana fuq il-ftehim ta' l-Uruguay Round (Uruguay Round Agreements Act), lijtikkonferma li l-awtoritajiet Amerikani jistgħu jieħdu in kunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet mogħtija mill-Bordijiet tal-WTO. Konsegwentement, ir-rikorrenti jikkunsidraw li, bil-kontra dak li kkonkludiet il-Kummissjoni fir-rapport ta' eżami tagħha, rifużjoni tad-dazji doganali miġbura mill-awtoritajiet Amerikani hija possibbli.

160    Il-Kummissjoni essenzjalment tagħmel riferiment għall-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta' l-ewwel parti ta' dan il-motiv.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

161    Għandu jiġi osservat li l-premessa li fuqha hija bbażata il-parti hija nfisha bbażata fuq l-ipoteżi li, wara deċiżjoni eventwali tal-bordijiet tal-WTO li tagħti raġun lill-Komunità, l-Istati Uniti jestendu s-sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji għall-Istati Membri kollha, bir-riżultat li l-prodotti tar-rikorrenti jitneħħew mil-lista Amerikana, u li, b'konsegwenza ta' din it-tneħħija, ir-rikorrenti jkunu jistgħu jitolbu r-restituzzjoni tad-dazju addizzjonali mħallas sa dak iż-żmien lill-awtoritajiet Amerikani.

162    Din l-ipoteżi, safejn hija soggetta għal dik li ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Prim'Istanza fl-ewwel parti ta' dan il-motiv, hija nieqsa minn kull bażi.

163    Barra minn hekk, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi deċiża l-kwistjoni ta' l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-prattika Amerikani li saret mill-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li r-rapport ta' eżami warrab ukoll it-teżi tal-kwerelanta u tal-partijiet interessati minħabba li s-soluzzjoni tat-tilwim tal-WTO hija bbażata fuq il-prinċipju tal-konformità ex nunc mar-regoli tal-GATT ta' l-1994, liema prinċipju jirriżulta mill-Artikolu 19(1) tal-Memorandum ta' Ftehim. Minħabba li din l-evalwazzjoni mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti, hemm għaldaqstant lok li jiġi konkluż li, anke jekk jiġi kkonstatat żball ta' evalwazzjoni rigward il-possibbiltà li tintalab ir-rifużjoni tad-dażji doganali indebitament miġbura, dan l-iżball, f'kull każ, ma ppreġudikax il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minn naħa, dan l-iżball ma jaffettwax ir-rabta ta' kawżalità bejn l-ostakolu għall-kummerċ allegat u l-effetti kummerċjali negattivi li ġiet ikkonstatata mid-deċiżjoni kkontestata; min-naħa l-oħra, huwa mhuwiex ser jippreġudika l-evalwazzjoni ta' l-interess eventwali tal-Komunità li tibda' azzjoni fil-kuntest tal-WTO minħabba li azzjoni bħal din tkun mingħajr għan u ma jistax ikollha bħala effett ir-rifużjoni retroattiva tad-dazji doganali imħallsa lill-awtoritajiet ta' Stat terz minn impriżi Komunitarji li l-prodotti tagħhom huma suġġetti għal miżura ta' sospensjoni ta' konċessjonijiet tariffarji min dan l-Istat.

164    Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni parti tas-sitt motiv - liema motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu - tiġi miċħuda.

 Fuq is-seba' motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

 Argumenti tal-partijiet

165    Fil-kuntest ta' dan il-motiv, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ma ppermettietilhomx jesprimu l-perspettiva tagħhom dwar l-elementi fattwali u ġuridiċi li jinsabu fir-rapport ta' eżami qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

166    F'dan il-każ, ir-rikorrenti jfakkru li l-Kummissjoni bagħtitilhom ir-rapport ta' eżami filwaqt li indikatilhom li d-deċiżjoni kkontestata kienet ser tiġi adottata f'qasir żmien. Skond ir-rikorrenti, din il-pożizzjoni tħalli x'tifhem li, mat-trażmissjoni tar-rapport ta' eżami, id-deċiżjoni kkontestata kienet diġà ttieħdet fiż-żmien meta ntbagħat ir-rapport ta' eżami u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx qiegħda tagħtihom possibbiltà li jfissru l-pożizzjoni tagħhom fuq l-elementi inklużi fl-imsemmi rapport. Din il-pożizzjoni ġiet ikkonfermata mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha ta' l-4 ta' Ġunju 2002 indirizzata lill-avukati tar-rikorrenti. Minkejja li r-rikorrenti jammettu, minn naħa, li l-kwerelenta ġiet infurmata bir-riżultat tal-proċedura ta' eżami, u min-naħa l-oħra, li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 3286/94 ma tipprovdi li tintbagħat informazzjoni lill-partijiet interessati wara t-terminazzjoni tal-proċedura ta' eżami, huma jikkunsidraw madankollu li, bis-saħħa tal-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, hekk kif stabbilit, b'mod partikolari, fil-kuntest tal-kontenzjuż dwar l-anti-dumping, ­ il-Kummissjoni kellha tippermettilhom iwieġbu għall-argumenti imressqa fir-rapport ta' eżami. Il-fatt li r-rikorrenti kien kellhom xi "kuntatti" mad-dipartimenti tal-Kummissjoni ma jaffettwax din il-konklużjoni minħabba li r-rikorrenti jsostnu li huma ma setgħu jkunu jafu bi preċiżjoni l-bażi fattwali u ġuridika tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni fl-ebda mument qabel l-adozzjoni tar-rapport ta' eżami .

167    Il-Kummissjoni twieġeb li dawn l-argumenti kollha huma irrelevanti. Fil-fatt, skondha, f'dan il-każ, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3286/94 ġew rispettati perfettament. Anke kieku r-rikorrenti kellhom il-possibbiltà jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom waqt il-proċedura ta' eżami, il-fatt li, bħalma jsemmu r-rikorrenti, huma ma setgħux jużaw "dritt ta' risposta" qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3286/94.

168    Barra minn hekk, filwaqt tagħmel riferiment għall-ġurisprudenza żviluppata fil-kuntest tal-qasam ta' anti dumping, il-Kummissjoni tippreċiża li jeħtieġ li l-impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jagħmlu l-opinjoni tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċ-ċirkustanzi allegati, kif ukoll fuq l-provi ppreżentati, magħrufa. Fl-applikazzjoni ta' din il-ġurisprudenza għal dan il-każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li hija rrispettat id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Barra minn dan, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-kwerelanta kellha l-ħin kollu sabiex tikkomunika l-osservazzjonijiet tagħha bejn id-data li fiha r-rapport ta' eżami ntbagħilha, fit-23 ta' April 2002, u d-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri d-9 ta' Lulju 2002.

169    Barra minn hekk il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti ma eċċepewx l-illegalità ta' l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3286/94 minħabba l-ksur tal-prinċipju fundamentali tad-drittijiet tad-difiża.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

170    Qabel kollox għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il-Kummissjoni, 85/87, Ġabra p. 3137, punt 25; tas-27 ta' Ġunju 1991, Al-Jubail Fertilizer vs Il-Kunsill, C-49/88 Ġabra p. I-3187, punt 15, u tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Diċembru 1998, Ajinomoto u NutraSweet vs Il-Kunsill T-159/94 u T-160/94 Ġabra p. II-2461, punt 81).

171    Barra minn dan, fl-iskema ġenerali tar-Regolament Nru 3286/94, proċedura ta' eżami u l-eventwali azzjoni fl-interess tal-Komunità adottata fi tmiem il-proċedura, huma diretti biss kontra l-pajjiż terz li adotta jew żamm ostakolu għall-kummerċ. Impriża li tagħmel ilment skond ir-Regolament Nru 3286/94 tista' biss tibbaża ruħha fuq ir-rispett tad-drittijiet ta' difiża fil-kundizzjonijiet speċifikati f'dan ir-Regolament, sakemm dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux huma nfishom kkunsidrati li jmorru kontra l-prinċipju ġenerali li huma intiżi li jesprimu.

172    Għandu jiġi osservat, f'dan ir-rigward, li l-Artikolu 8(4)(a) tar-Regolament Nru 3286/94 jipprovdi li "[d]awk li jagħmlu l-ilment u l-esportaturi u l-importaturi konċernati, kif ukoll ir-rappreżentanti tal-pajjiż jew pajjiżi konċernati, jistgħu jeżaminaw l-informazzjoni kollha magħmula disponibbli lill-Kummissjoni ħlief għal dokumenti [i]nterni għall-użu tal-Kummissjoni u l-amministrazzjoniet, sakemm informazzjoni bħal din tkun rilevanti għall-protezzjoni [ta' l]-interessi tagħhom, u ma tkunx kunfidenzjali fit-tifsira ta’ Artikolu 9 u li tiġi [u]żata mill-Kummissjoni fil-proċedura tal-[eżami] tagħha" u li [i]l-persuni konċernati għandhom jindirizzaw talba bil-miktub lill-Kummissjoni, li fiha jindikaw l-informazzjoni meħtieġa." Barra minn hekk, l-Artikolu 8(4)(b) jipprovdi li "[d]awk li jagħmlu l-ilment u l-esportaturi u l-importaturi konċernati u r-rappreżentanti tal-pajjiż jew tal-pajjiżi konċernati jistgħu jitolbu li jiġu [i]nformati dwar il-fatti u l-konsiderazzjonijiet prinċipali li jirriżultaw mill-proċedura ta’ eżami." L-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 3286/94 jobbliga lill-Kummissjoni sabiex, fi tmiem l-eżami tagħha, tissottometti rapport lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament.

173    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li r-Regolament Nru 3286/94 jagħti lill-kwerelanti, lill-esportaturi u lill-importaturi kkonċernati kif ukoll lir-rappreżentanti tal-pajjiż jew tal-pajjiżi kkonċernati dritt għall-informazzjoni li huwa suġġett għall-kundizzjonijiet ippreċiżati fl-Artikolu 8(4)(a) u (b) tiegħu li, b'mod partikolari, għandu jaqbel ma' l-obbligu ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji li jirrispettaw il-kunfidenzjalità fin-negozju. Dawn l-istess persuni jistgħu jitolbu li jkunu infurmati bil-fatti prinċipali u bil-kunsiderazzjonijiet li jirriżultaw mill-proċedura ta' eżami.

174    F'dan il-każ, huwa stabbilit li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport ta' eżami ġiet trażmessa lir-rikorrenti wara l-opinjoni tal-kumitat konsultattiv u qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti setgħu esprimew l-opinjonijiet tagħhom f'din l-okkażjoni. Madankollu, ir-rikorrenti kkunsidraw li, billi l-Kummissjoni infurmathom fl-istess ħin li d-deċiżjoni kkontestata kienet ser tiġi adottata fi żmien qasir, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni kienet diġà stabbilita fil-mument tat-trażmissjoni ta' l-imsemmi rapport. Għaldaqstant, minn dan huma kkonkludew li l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom ma kien ser ikollhom l-ebda influwenza fuq il-pożizzjoni ta' l-istituzzjoni. Konsegwentement, ir-rikorrenti qegħdin isostnu essenzjalment li l-Kummissjoni kellha tibgħatilhom l-abbozz tar-rapport ta' eżami sabiex ikunu jistgħu effettivament jifformulaw xi osservazzjonijiet qabel ma jintbagħat lill-kumitat konsultattiv, jew, minn ta' l-anqas, li kellha tinformahom ex officio bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet prinċipali li rriżultaw mill-proċedura ta' eżami.

175    Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 3286/94 ma tobbliga lill-Kummissjoni li tibgħat lill-persuni imsemmija fl-Artikolu 8(4) ta dan ir-Regolament l-abbozz tar-rapport ta' eżami qabel ma tissottomettih lill-kumitat konsultattiv sabiex l-imsemmija persuni jkunu jistgħu jinfurmaw l-istituzzjoni bl-osservazzjonijiet li jistgħu jkollhom u lanqas li tinforma dawn il-persuni ex officio bil-fatti u bil-kunsiderazzjonijiet prinċipali li jirriżultaw mill-proċedura ta' eżami.

176    Bil-kuntrarju ta' dan, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 8(4)(a) u (b) tar-Regolament Nru 3286/94 jobbliga lill-persuni imsemmija f'din id-dispożizzjoni li jifformulaw talba ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni. Fil-każ ta' l-informazzjoni użata fil-proċedura ta' eżami [imsemmija fis-subparagrafu a)], din id-domanda għandha tiġi indirizzata bil-miktub lill-Kummissjoni u għandha tkun motivata filwaqt li tindika l-informazzjoni mixtieqa. Fil-każ li t-talba tkun tkopri l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet prinċipali li jirriżultaw mill-proċedura ta' eżami [imsemmija fis-subparagrafu (b)], ir-Regolament ma jimponi l-ebda forma jew kundizzjoni partikolari li din id-domanda għandha tissodisfa.

177    F'dan il-każ, ir-rikorrenti qatt ma allegaw li indirizzaw lill-Kummissjoni talba ta' informazzjoni fis-sens l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 3286/94 qabel ma ġie adottat ir-rapport ta' eżami. Barra minn hekk, kif ġustament osservat il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma eċċepewx l-illegalità tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 3286/94.

178    Għandu jiġi wkoll osservat li r-rikorrenti, fl-atti tagħhom, aċċettaw li kienu nżammu infurmati bl-evoluzzjoni u l-orjentazzjoni tal-proċedura ta' eżami, li huma setgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom, fir-rigward ta' dak li kellu jkun ir-riżultat, oralment, u li kienu ġew infurmati, qabel l-adozzjoni tar-rapport ta' eżami, li l-Kummissjoni kienet tqis li ma kienx hemm effett kummerċjali negattiv fis-sens tar-Regolament Nru 3286/94 f'dan il-każ. Għandu għaldaqstant jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kienu tqiegħdu f'pożizzjoni li jsostnu l-perspettiva tagħhom dwar l-evoluzzjoni u l-orjentament tal-proċedura ta' eżami u, għal ta' l-anqas, dwar wieħed mill-elementi fundamentali tagħha u li jiddefendu l-interessi tagħhom. Huwa minnu li, fil-kuntest tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti sostnew li din l-informazzjoni kienet ġenerali wisq sabiex tkun tista' tirrispetta d-drittijiet proċedurali tagħhom. Madankollu, mill-atti li jinsabu fil-proċess ma jirriżultax li r-rikorrenti, qabel tmiem il-proċedura ta' eżami, talbu lill-Kummissjoni sabiex tippreċiża din l-informazzjoni, jekk ikun il-każ, bil-miktub, b'mod partikolari fir-rigward tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet prinċipali, inklużi dawk legali, li kienu jirriżultaw mill-proċedura ta' eżami, konformement ma' l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 3286/94. F'dan il-każ, minħabba li l-Kummissjoni hija suġġetta għall-obbligu li twieġeb b'diliġenza għal din it-talba ta' informazzjoni, ir-rikorrenti kienu jkunu f'pożizzjoni li jsostnu effettivament l-opinjoni tagħhom fuq l-elementi li jinsabu fit-tweġiba tal-Kummissjoni. Peress li r-rikorrenti qatt ma allegaw li għamlu talba bħal din, huma ma jistgħux jilmentaw li l-Kummissjoni, fil-kuntest ta' dan ir-rikors, ma ppermettitilhomx jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-elementi fattwali u legali li kienu jirriżultaw mill-proċedura ta' eżami. Barra minn hekk, il-fatt li d-dritt li jiġu infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet prinċipali li jirriżultaw mill-proċedura ta' eżami huwa suġġett għall-kundizzjoni –l-unika kundizzjoni – li r-rikorrenti jagħmlu t-talba lill-Kummissjoni, ma jippreġudikax, bħala tali, id-difiża ta' l-interessi tagħhom, minħabba li, apparti minn dan, din it-talba mhijiex suġġetta għal xi forma partikolari.

179    Barra minn hekk, mir-rapport ta' eżami jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat l-argumenti differenti ppreżentati fl-ilment u weġbithom. Hija eżaminat ukoll is-sitwazzjoni tal-prodotti l-oħra barra mill-mustarda ppreparata, li, allegatament, kienu affettwati bl-istess mod mill-miżuri Amerikani, b'riżultat tal-parteċipazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet interessati fil-proċedura ta' eżami, liema organizzazzjonijiet, bħalma jirriżulta mir-rapport ta' eżami u li mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti, ikkollaboraw f'din il-proċedura.

180    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, is-seba' motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq l-allegat ksur ta' l-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 3286/94 u fuq il-ksur tad-dmir ta' diliġenza tal-Kummissjoni

181    Dan il-motiv jinqasam f'żewġ partijiet. L-ewwel parti tirrigwarda l-ksur tat-terminu previst fl-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 3286/94. It-tieni parti hija bbażata fuq il-ksur tad-dmir ta' diliġenza tal-Kummissjoni fir-rigward tal-perjodu li għadda bejn tmiem il-perjodu ta' konsultazzjoni tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3286/94 u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ewwel parti tat-tmien motiv, ibbażata fuq il-ksur tat-terminu previst fl-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 3286/94

–       Argumenti tal-partijiet

182    Ir-rikorrenti jfakkru li, skond l-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 3286/94, il-Kummissjoni għandha normalment tibgħat ir-rapport ta' eżami tagħha lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 7 ta' l-istess Regolament f'terminu ta' ħames xhur mit-tħabbira tal-bidu tal-proċedura, sakemm il-kumplessità ta' l-eżami ma twassalhiex sabiex testendi dan it-terminu għal seba’ xhur. Skond ir-rikorrenti, it-terminu ta' seba' xhur ma jista' jkun suġġett għal ebda deroga u huwa qiegħed hemm sabiex jiżgura li l-impriżi kwerelanti jirċievu risposta rapida fir-rigward tar-riżultat ta' l-applikazzjoni magħmula lill-Kummissjoni. Ir-rikorrenti jikkunsidraw li, safejn, f'dan il-każ, il-Kummissjoni effettivament ikkunsidrat li l-kumplessità ta' l-eżami kienet teħtieġ li t-terminu jiġi mtawwal għal seba' xhur u li l-kumitat ma rċeviex ir-rapport ta' eżami sas-27 ta' Marzu 2002, jiġifieri seba' xhur u sebgħa u għoxrin jum wara t-tħabbira tal-bidu tal-proċedura, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 3286/94.

183    Il-Kummissjoni tikkunsidra li, fid-dawl tal-kumplessità tal-qasam li fih ingħatat id-deċiżjoni kkontestata u tal-preokkupazzjoni tagħha li teżamina l-argumenti ta' l-intervenjenti differenti qabel it-terminazzjoni tal-proċedura, il-perjodu biex ittemm il-proċedura huwa wieħed raġonevoli. Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li hija mexxiet il-proċedura in kwistjoni fi spirtu ta' kooperazzjoni leali billi żammet il-partijiet kollha kkonċernati infurmati.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

184    Preliminarjament hemm lok li jiġi imfakkar lil-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3286/94 jipprovdi li:

"Meta tkun ikkonkludiet l-[eżami] tagħha l-Kummissjoni għandha tirraporta lill-Kumitat. Normalment, ir-rapport għandu jiġi ppreżentat fi żmien ħames x[h]ur mit-tħabbira tal-bidu tal-proċeduri, sakemm il-kumplessità [ta' l-]eżami ma tkunx tali li l-Kummissjoni testendi l-perjodu għal seba’ xhur."

185    F'dan il-każ, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-eżami li għamlet il-Kummissjoni kien wieħed kumpless u kien jeħtieġ li l-perjodu jiġi mtawwal għal seba' xhur. Huwa wkoll stabbilit li r-rapport ta' eżami ntbagħat lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3286/94 seba' xhur u sebgħa u għoxrin ġurnata wara t-tħabbira tal-bidu tal-proċedura ta' eżami. Għaldaqstant, il-perjodu ta' seba' xhur previst fl-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 3286/94 kien skada.

186    Madankollu, hemm lok li jiġi vverifikat jekk tali skadenza tal-perjodu previst mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3286/94 tistax tirriżulta fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

187    Qabel kollox għandu jiġi ppreċiżat li, filwaqt li, meta jinqabeż terminu ta' natura perentorja, dan iġib miegħu n-nullità ta' l-atti kollha adottati barra mit-terminu, il-qbiż ta' terminu li huwa ta' natura purament indikattiva ma jistax, fil-prinċipju, jwassal għall-annullament ta' l-att adottat wara li jiskadi t-terminu (ara, f'dan is-sens u b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-2 ta' Mejju 1995, NTN Corporation u Koyo Seiko vs Il-Kunsill, T-163/94 u T-165/94, Ġabra p. II-1381, punt 119, u l-ġurisprudenza ċċitata).

188    Imbagħad, fir-rigward tan-natura tat-terminu msemmi fl-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 3286/94, għandu jiġi kkonstatat li l-użu tal-kondizzjonal u ta' l-avverbju "normalment" fit-tieni sentenza ta' din id-dispożizzjoni jippermetti lil-perjodu ta' ħames xhur previsti għas-sottomissjoni tar-rapport ta' eżami jkun meqjus li huwa ta' natura indikattiva (ara, b'analoġija, is-sentenza NTN Corporation u Koyo Seiko vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, punt 119).

189    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li n-natura tat-terminu għas-sottomissjoni tar-rapport ta' eżami ma tistax tinbidel minħabba l-fatt li l-Kummissjoni tqis li l-kumplessità ta' l-eżami għandu jwassalha sabiex ittawwal dan it-terminu għal seba' xhur. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-perjodu ta' seba' xhur, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 3286/94, jikkostitwixxi biss, fil-każ ta' eżami magħruf bħala "kumpless", l-estensjoni tat-terminu inizjali ta' ħames xhur previst fil-każ ta' eżami magħruf bħala "sempliċi jew normali". It-tmiem tat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 3286/94 jindika, fil-fatt, li dak li huwa involut huwa "[estensjoni ta]l-perjodu għal seba’ xhur". Dan il-kliem jinsab ukoll fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tar-Regolament Nru 3286/94. Minn dan jirriżulta li, peress li t-terminu sabiex jintbagħat ir-rapport ta' eżami huwa ta' natura indikattiva biss fil-każ ta' eżami magħruf bħala "sempliċi jew normali", il-pożizzjoni fil-każ ta' l-eżami magħruf bħala "kumpless" m'għandhiex tinbidel, minħabba li dak kollu li hemm involut hija estensjoni tal-perjodu inizjali.

190    Minkejja dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni m'għandhiex iddewwem is-sottomissjoni tar-rapport ta' eżami għal aktar minn terminu raġonevoli (ara, b'analoġija, is-sentenza NTN Corporation u Koyo Seiko vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq), minħabba li din iċ-ċirkustanza tista' tikkontribwixxi għal dewmien fl-adozzjoni tad-deċiżjoni li tiġi tterminata l-proċedura ta' eżami.

191    Madankollu, f'dan il-każ, il-fatt li nqabeż b'sebgħa u għoxrin jum it-terminu indikattiv ta' seba' xhur previst mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3286/94 ma jikkostitwixxix ksur tat-terminu raġonevoli.

192    Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel parti tat-tmien motiv tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tat-tmien motiv, ibbażata fuq l-allegat ksur tad-dmir ta' diliġenza tal-Kummissjoni fir-rigward tal-perjodu li għadda bejn tmiem il-perjodu ta' konsultazzjoni tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3286/94 u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

–       Argumenti tal-partijiet

193    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset mid-dmir ta' diliġenza tagħha li kien jobbligaha tadotta d-deċiżjoni kkontestata aktar malajr milli għamlet, wara li tikkonsulta l-kumitat imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3286/94. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ġiet biss adottata tliet xhur wara t-terminazzjoni tal-proċedura ta' konsultazzjoni. Issa, fid-dawl ta' l-importanza tal-proċedura prevista mir-Regolament Nru 3286/94 għall-impriżi kkonċernati u tat-terminu diġà twil ħafna li għadda bejn it-tħabbira tal-bidu tal-proċedura ta' eżami u t-trażmissjoni tar-rapport ta' eżami lill-Kumitat, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu ta' diliġenza tagħha.

194    Il-Kummissjoni twieġeb li hija mxiet bid-diliġenza kollha possibbli f'każ b'konsegwenzi importanti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

195    Għandu jiġi osservat li, skond l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 3286/94, il-kumitat konsultattiv għandu tmint ijiem tax-xogħol sabiex jirrispondi għar-rapport ta' eżami mibgħut mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8(8) ta' l-imsemmi Regolament.

196    Skond l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3286/94, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tittermina proċedura ta' eżami għandha tiġi adottata skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 14 tar-Regolament. Skond l-Artikolu 14(2), "[i]r-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jgħaddi abbozz tad-deċiżjoni li għandha tittieħed" u li "[l]-Kumitat għandu jiddiskuti l-materja f’perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-President, skond l-urġenza tal-każ". L-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 3286/94 jipprovdi li "l-Kummissjoni għandha taddotta deċiżjoni li għandha tikkomunik[…]a lill-Istati Membri u li għandha tapplika wara perjodu ta’ [għaxart] ijiem jekk matul dan il-perjodu l-ebda Stat Membru ma jkun irrefera l-każ quddiem il-Kunsill".

197    Minn dan jirriżulta li r-Regolament Nru 3286/94 ma jipprovdi la terminu li fih il-Kummissjoni għandha tissottometti abbozz ta' deċiżjoni lill-Kumitat konsultattiv, wara l-proċedura ta' konsultazzjoni, u lanqas terminu bejn il-mument li fih il-kumitat konsultattiv ikun iddelibera fuq l-abbozz ta' deċiżjoni u dak li fih il-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni. Konsegwentement, ir-regolament ma jipprevedix terminu li fih deċiżjoni ta' terminazzjoni ta' proċedura ta' eżami, bħal dik, f'dan il-każ, tad-deċiżjoni kkontestata, għandha tittieħed sussegwentement għall-konsultazzjoni tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3286/94.

198    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li s-silenzju tar-Regolament Nru 3286/94 fuq din il-kwistjoni jista' jiġi interpretat bħala r-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju li jħalli lill-Kummissjoni marġni ta' diskrezzjoni fir-rigward tad-data li fiha għandha tiġi adottata d-deċiżjoni li tittermina proċedura ta' eżami, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta' kull każ, b'mod partikolari, kull pass li l-Kummissjoni tikkunsidra li għandha tieħu fir-rigward ta' l-awtoritajiet ta' l-Istat terz ikkonċernat, qabel ma tittermina proċedura ta' eżami.

199    Madankollu, ir-rikonoxximent ta' marġini ta' diskrezzjoni bħal din ma jistax ifisser li l-Kummissjoni għandha d-dritt li ddewwem l-adozzjoni ta' deċiżjoni meħuda bis-saħħa ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3286/94 għal aktar minn terminu raġonevoli, liema terminu għandu jkun evalwat skond iċ-ċirkustanzi partikolari ta' kull każ. Limitu bħal dan għandu l-għan, bħalma sostnew ir-rikorrenti, li jiżgura li jiġu rrispettati d-dmir ta' diliġenza u l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba li għandha l-Kummissjoni.

200    F'dan il-każ, hemm lok li jiġi osservat li għadda perjodu ta' xahrejn u erbgħa u għoxrin ġurnata bejn tmiem il-proċedura ta' konsultazzjoni tal-kumitat, fil-15 ta' April 2002, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fid-9 ta' Lulju 2002. Perjodu bħal dan huwa raġonevoli, meta jiġi kkunsidrat, b'mod partikolari, l-obbligu tal-Kummissjoni li tagħmel konsultazzjoni interna mad-dipartimenti varji fuq l-abbozz ta' deċiżjoni u li tikkonsulta l-Istati Membri fuq id-deċiżjoni, hekk kif impost mill-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 3286/94, kif ukoll li tagħti biżżejjed żmien għat-traduzzjoni tad-deċiżjoni għal-lingwi uffiċċjali kollha tal-Komunità.

201    Minn dan jirriżulta li t-tieni parti tat-tmien motiv - liema motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu - għandha tiġi miċħuda.

202    F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

203    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Procedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu gew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż skond it-talbiet tal-Kummissjoni f'dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta' u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud

2)      Ir-rikorrenti huma kkundannati jbatu l-ispejjeż.

B. Vesterdorf

P. Mengozzi

M. E. Martins Ribeiro

F. Dehousse

 

I. Labucka

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-14 ta' Diċembru 2004.

H. Jung

 

       B. Vesterdorf

Reġistratur

 

       Il-President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3286/94

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 2(4) tar-Regolament 3286/94

Argumenti tal-Partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 3286/94

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3286/94

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

– Rimarki prelimiari

– Fuq l-evalwazzjoni ta' l-interess tal-Komunità fl-istadju tat-tħabbira tal-bidu tal-proċedura ta' eżami

– Fuq l-assimilazzjoni jew ir-riduzzjoni ta' l-interess tal-Komunità għall-interess individwali tal-kwerelanta u n-nuqqas li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-interessi ta' partijiet oħra interessati

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ewwel parti tal-ħames motiv li tirriżulta min-nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward ta' l-analiżi ta' l-ostakolu għall-kummerċ

– Argumenti tal-Partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-tieni parti tal-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward ta' l-interess tal-Komunitŕ li tibda azzjoni

– Argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti u fuq ksur ta' l-Artikolu 2(4) u ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3286/94

Fuq l-ewwel parti tas-sitt motiv ibbażata fuq żball manifest ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-possibbiltŕ li l-prodotti tar-rikorrenti jitneħħew mil-lista tal-merkanzija suġġetta għad-dazju addizzjonali Amerikan

– Argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-tieni parti tas-sitt motiv, ibbażata fuq żball manifest ta' evalwazzjoni dwar ir-rifużjoni tad-dazju addizzjonali indebitament imħallas

– Argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq is-seba' motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet ta' difiża

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq l-allegat ksur ta' l-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 3286/94 u fuq il-ksur tad-dmir ta' diliġenza tal-Kummissjoni

Fuq l-ewwel parti tat-tmien motiv, ibbażata fuq il-ksur tat-terminu previst fl-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 3286/94

– Argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-tieni parti tat-tmien motiv, ibbażata fuq l-allegat ksur tad-dmir ta' diliġenza tal-Kummissjoni fir-rigward tal-perjodu li għadda bejn tmiem il-perjodu ta' konsultazzjoni tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3286/94 u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

– Argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.