Language of document : ECLI:EU:T:2004:361

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

14 ta' Diċembru 2004 (*)

"Unjoni doganali – Operazzjoni ta' tranżitu Komunitarju – Frodi – Kuntrabandu ta' sigaretti – Maħfra ta' dazji fuq l-importazzjoni – Regolament (KEE) Nru 1430/79 – Artikolu 13: klawżola ta' ekwità – Kunċett ta' 'sitwazzjoni partikolari'"

Fil-kawża T-332/02,

Nordspedizionieri di Danielis Livio & C. Snc, stabbilita fi Trieste (l-Italja),

Livio Danielis, residenti fi Trieste,

Domenico D'Alessandro, residenti fi Trieste,

irrappreżentati minn G. Leone, Avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn X. Lewis u R. Amorosi, bħala agenti, imbagħad mis-Sur Lewis, assistit minn G. Bambara, Avukat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni REM 14/01, tat-28 ta' Ġunju 2002, li tirrifjuta t-talba għal maħfra ta' dazji fuq l-importazzjoni favur ir-rikorrenti, ippreżentata mir-Repubblika Taljana, u, sussidjarjament, talba għal dikjarazzjoni tal-maħfra parzjali tad-dejn doganali li jikkorrispondi għall-imsemmija dazji,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn P. Lindh, President, R. García-Valdecasas u J. D. Cooke, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta' Ġunju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        It-tranżitu Komunitarju huwa skema doganali bil-għan li jiffaċilita l-moviment ta' merkanzija fi ħdan il-Komunità. Din l-iskema, li tinkludi proċedura ta' tranżitu Komunitarju estern u proċedura ta' tranżitu Komunitarju intern, tippermetti b'mod partikolari li l-merkanzija li tasal fit-territorju doganali tal-Komunità tiġi ttrasportata mill-post ta' dħul fil-Komunità sal-post ta' destinazzjoni, mingħajr ma jiġu ripetuti l-formalitajiet doganali meta hija tgħaddi minn Stat Membru għall-ieħor. Mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 222/77, tat-13 ta' Diċembru 1976, dwar it-tranżitu Komunitarju [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 38, 1977 p. 1), li kien applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti in kwistjoni jirriżulta li, essenzjalment, hija l-merkanzija minn pajjiżi terzi li mhijiex f'ċirkulazzjoni libera fl-Istati Membri tal-Komunità, fis-sens ta' l-Artikoli 9 u 10 tat-Trattat KE (li saru l-Artikoli 23 KE u 24 KE) li tiċċirkula taħt il-proċedura ta' tranżitu Komunitarju estern.

2        Skond l-Artikolu 12 ta' l-imsemmi Regolament, sabiex tiċċirkola taħt il-proċedura ta' tranżitu Komunitarju estern, il-merkanzija kollha għandha tkun koperta b'dikjarazzjoni T 1. Din id-dikjarazzjoni għandha tiġi ffirmata mill-persuna li titlob li twettaq l-operazzjoni jew mir-rappreżentant awtorizzat tagħha u għandha tiġi ppreżentata fl-uffiċċju ta' tluq f'almenu tliet kopji, flimkien mad-dokument ta' trasport u dokumenti supplementari oħra. Sabiex tiġi trasportata, il-merkanzija għandu jkollha magħha l-kopji tad-dokument T 1 maħruġa mill-uffiċċju ta' tluq lill-prinċipal jew lir-rappreżentant tiegħu (Artikolu 19(1)).

3        L-Artikolu 11(a) tar-Regolament Nru 222/77 jipprovdi li "prinċipal" tfisser il-persuna li, personalment jew jekk ikun il-każ permezz ta' rappreżentant awtorizzat, titlob, b'dikjarazzjoni konformi mal-formalitajiet doganali rikjesti, li twettaq operazzjoni ta' tranżitu Komunitarju u b'hekk issir responsabbli quddiem l-awtoritajiet kompetenti għall-eżekuzzjoni skond il-liġi ta' din l-operazzjoni. Il-prinċipal huwa marbut jipproduċi l-merkanzija intatta fl-uffiċċju ta' destinazzjoni fit-terminu stabbilit b'osservanza tal-miżuri ta' identifikazzjoni meħuda mill-awtoritajiet kompetenti u josserva d-dispożizzjonijiet relattivi għall-iskema tat-tranżitu Komunitarju u għat-tranżitu f'kull wieħed mill-Istati Membri li t-territorju tiegħu jintuża waqt it-trasport [Artikolu 13(a) u (b)].

4        L-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 222/77 jipprovdi li, meta jiġi kkonstatat li waqt jew fl-okkażjoni ta' operazzjoni ta' tranżitu Komunitarju jseħħ ksur jew irregolarità fi Stat Membru partikolari, l-irkupru tad-dazji u ta' taxxi oħra eventwalment eżiġibbli għandu jsir minn dan l-Istat Membru, skond id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tiegħu, bla ħsara għat-teħid ta' proċeduri kriminali.

5        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2144/87, tat-13 ta' Lulju 1987, dwar dejn doganali [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 201, p. 15), jistabbilixxi li dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors, fost l-oħrajn, bit-tneħħija ta' merkanzija suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni mis-sorveljanza doganali involuta fil-ħażna temporanja ta' din il-merkanzija jew bit-tqegħid tagħha taħt proċedura doganali li tinvolvi sorveljanza doganali.

6        L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1031/88, tat-18 ta' April 1988, li jistabbilixxi l-persuni responsabbli għall-ħlas ta' dejn doganali [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 102, p. 5) jipprovdi:

"1. Meta dejn doganali jiġi inkors taħt l-Artikolu 2(1)(c) tar-Regolament […] Nru 2144/87, il-persuna responsabbli għall-ħlas ta' dan id-dejn hija dik li neħħiet il-merkanzija mis-sorveljanza doganali.

Huma wkoll responsabbli in solidum għall-ħlas ta' dan id-dejn, skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri:

a)       il-persuni li ħadu sehem fit-tneħħija tal-merkanzija mis-sorveljanza doganali kif ukoll dawk li akkwistaw jew żammu l-merkanzija in kwistjoni;

b)       il-persuni l-oħra kollha li huma responsabbli minħabba din it-tneħħija.

2. Il-persuna li għandha tissodisfa l-obbligi involuti fil-ħażna temporanja ta' merkanzija li hija suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni jew fl-użu tal-proċedura doganali li taħtha tkun tqiegħdet din il-merkanzija hija wkoll responsabbli in solidum għall-ħlas tad-dejn doganali."[traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Il-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja tipprovdi l-possibbiltà ta' ħlas lura totali jew parzjali tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-importazzjoni mħallsa, jew ta' maħfra ta' ammont ta' dejn doganali. Il-kundizzjonijiet għall-maħfra tad-dazji applikabbli f'dan il-każ kienu stabbiliti fl-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1430/79, tat-2 ta' Lulju 1979, dwar il-ħlas lura jew il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 175, p. 1), fil-verżjoni tagħha kif tirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3069/86, tas-7 ta' Ottubru 1986, li jemenda r-Regolament Nru 1430/79 [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 286, p. 1). Din id-dispożizzjoni kienet tipprovdi:

"1. Id-dazji fuq l-importazzjoni jistgħu jitħallsu lura jew jinħafru f'sitwazzjonijiet partikolari […] li jirriżultaw minn ċirkustanzi li la jinvolvu qerq u lanqas negliġenza manifesta min-naħa tal-persuna kkonċernata.

[…] "[traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 2144/87 jipprovdi li, ħlief għal eċċezzjonijiet li mhumiex relatati ma' din il-kawża, id-dejn doganali jispiċċa bil-konfiska tal-merkanzija. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9        Ir-rikorrenti huma Nordspedizionieri di Danielis Livio & C. (iktar 'il quddiem "Nordspedizionieri"), soċjetà f'isem kollettiv li hija f'likwidazzjoni, magħmula minn aġenti doganali u li għandha s-sede tagħha fi Trieste (l-Italja), u tnejn mis-soċji tagħha, L. Danielis u D. D'Alessandro, li huma responsabbli mingħajr limitu u in solidum.

10      Fit-30 ta' Ottubru 1991, Nordspedizionieri, fuq it-talba ta' l-impriża Cumberland Ltd, għamlet dikjarazzjoni ta' tranżitu Komunitarju estern lill-uffiċċju doganali ta' Fernetti (l-Italja). Din id-dikjarazzjoni kienet tirrigwarda l-ispedizzjoni, lejn Spanja, ta' 1 400 pakkett, jiġifieri 12 620 kilogramm, ta' kaxxi tal-kartun għall-ippakkjar, mixtrija mill-kumpannija Slovena Proexim Export-Import. Fil-5 ta' Novembru 1991, Nordspedizionieri għamlet dikjarazzjoni ta' tranżitu Komunitarju estern identika għal dik tat-30 ta' Ottubru, ħlief għall-kwantità ta' pakketti ta' kaxxi tal-kartun għall-ippakkjar mibgħuta, li din id-darba kienet ta' 1 210, b'piż ta' 12 510 kilogramm. Fis-16 ta' Novembru 1991, din is-soċjetà għamlet it-tielet dikjarazzjoni ta' tranżitu, għal 1 500 pakkett ta' kaxxi tal-kartun għall-ippakkjar, jiġifieri 12 842 kilogramm. Fit-tliet operazzjonijiet, it-trasport sar permezz ta' trakk Sloven li jġib l-istess pjanċa tar-reġistrazzjoni.

11      Wara li saru l-formalitajiet doganali relattivi għat-tielet operazzjoni ċċitata iktar 'il fuq, it-trakk ġie awtorizzat ikompli triqtu. Ftit wara, id-Direttur ta' l-uffiċċju doganali ta' Fernetti talab lill-pulizija doganali tal-post għall-ipparkjar ta' din il-lokalità li teżamina t-tagħbija tat-trakk. It-trakk, li diġà kien telaq miż-żona doganali, ġie segwit u mwaqqaf mill-pulizija doganali ftit kilometri wara li qasam il-fruntiera. It-trakk mar lura taħt skorta fil-post tad-dwana ta' Fernetti sabiex jiġi eżaminat hemmhekk. L-eżami wera li l-kaxxi tal-kartun għall-ippakkjar ma kinux vojta, bħalma kienet tindika d-dikjarazzjoni ta' tranżitu, iżda mimlija bis-sigaretti. B'mod partikolari, instabet kwantità ta' 8 190 kilogramm ta' sigaretti barranin ta' oriġini extrakomunitarja, imqassma f'819-il pakkett. Ix-xufier tat-trakk, is-Sur C., ġie arrestat u t-trakk u t-tagħbija, kif ukoll id-dokumenti misjuba fil-pussess tax-xufier, ġew issekwestrati.

12      L-investigazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet doganali Taljani bil-kooperazzjoni ta' l-awtoritajiet Sloveni ppermettiet li jiġi stabbilit li s-Sur C. kien ħa sehem ukoll fi tliet operazzjonijiet oħra simili ta' kuntrabandu ta' sigaretti, billi uża d-dikjarazzjonijiet ta' tranżitu tat-30 ta' Ottubru u tal-5 ta' Novembru 1991 magħmula minn Nordspedizionieri, kif ukoll dikjarazzjoni ppreżentata fis-16 ta' Settembru 1991 mill-kumpannija Centralsped Srl. Rigward l-ispedizzjonijiet tat-30 ta' Ottubru u tal-5 ta' Novembru 1991, l-investigazzjoni wriet li, wara li ġew iddikjarati lill-awtoritajiet doganali Sloveni tagħbijiet magħmula prinċipalment minn tabakk maħdum, l-istess tagħbijiet iddaħħlu fl-Italja bħala tagħbijiet ta' kaxxi tal-kartun għall-ippakkjar. Wara li saru l-formalitajiet doganali fil-post tad-dwana ta' Fernetti, it-trakk kompla l-vjaġġ tiegħu lejn post ta' destinazzjoni differenti minn dak li jidher fuq id-dikjarazzjonijiet doganali, peress li t-tagħbijiet kienu nħattu b'mod klandestin fl-Italja.

13      Fil-kuntest ta' l-investigazzjoni tagħhom dwar l-operazzjonijiet ta' kuntrabandu in kwistjoni, l-awtoritajiet Taljani skoprew maħżen li jinsab f'Bareggio (Milan, l-Italja), li kien fih tabakk maħdum. Fit-8 ta' April 1992, waqt tfittxija f'dan il-maħżen, il-pulizija qabdet 801 kaxxa tal-kartun, jiġifieri 8 010 kilogramm, ta' sigaretti, li ġew issekwestrati.

14      Fis-16 ta' Ottubru 1992, ir-rikorrenti, fil-kwalità tagħhom ta' prinċipal tat-tranżitu Komunitarju għall-operazzjonijiet tat-30 ta' Ottubru u tal-5 ta' Novembru 1991, ġew ordnati mid-Dipartiment tat-Taxxi ta' l-Uffiċċju Ċentrali Doganali ta' Trieste jħallsu s-somma ta' 2 951 462 300 liri Taljani (ITL), kwantu għal 2 501 239 200 ITL dazji u 450 223 100 ITL imgħax, imposta fuq 1 700 kaxxa tal-kartun, jiġifieri 17 000 kilogramm, ta' tabakk barrani maħdum illegalment imdaħħal u mqiegħed fuq is-suq fit-territorju doganali Komunitarju. Peress li t-tagħbija tas-16 ta' Novembru 1991 kienet ġiet ikkonfiskata mill-awtoritajiet doganali Taljani qabel ma tqiegħdet fuq is-suq, ebda dazju doganali ma ġie impost fuq ir-rikorrenti f'dan ir-rigward.

15      Fit-28 ta' Ottubru 1992, ir-rikorrenti ressqu oppożizzjoni kontra l-ordni ta' ħlas tas-16 ta' Ottubru 1992 ta' l-awtoritajiet doganali ta' l-amministrazzjoni tal-finanzi Taljana. B'sentenza mogħtija fit-12 ta' Settembru 1994, it-Tribunale civile e penale di Trieste (l-Italja) iddikjara n-nullità ta' l-ordni kkontestata. B'sentenza mogħtija fil-5 ta' Settembru 1996, il-Corte d'appello di Trieste rriformat l-imsemmija sentenza u ordnat lis-soċjetà Nordspedizionieri u lis-soċji tagħha, dawn ta' l-aħħar sussidjarjament iżda in solidum bejniethom, iħallsu s-somma ta'
2 951 462 300 ITL indikata fl-ordni kkontestata. B'sentenza mogħtija fis-26 ta' Jannar 1999, il-Corte suprema di cassazione ċaħdet l-appell imressaq mir-rikorrenti kontra s-sentenza tal-Corte d'Appello.

16      Fl-14 ta' Jannar 1994, l-imħallef ta' l-investigazzjonijiet preliminari tat-Tribunale civile e penale di Trieste ta digriet li temm il-proċedimenti penali li kienu nbdew għal traffikar ta' kuntrabandu ta' sigaretti kontra G. Baldi, soċju tas-soċjetà Nordspedizionieri u awtur tat-tliet dikjarazzjonijiet ta' tranżitu maħruġa minn Nordspedizionieri li kienu ntużaw fl-operazzjonijiet ta' kuntrabandu in kwistjoni.

17      Fl-14 ta' Novembru 2000, ir-rikorrenti ressqu talba għal maħfra tad-dazji mitluba mill-awtoritajiet doganali Taljani quddiem is-servizzi tal-Kummissjoni. Fl-4 ta' Ġunju 2001, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw lill-Kummissjoni talba għal maħfra tad-dazji doganali fl-ammont ta' 497 589 687 ITL, jiġifieri 256 983,63 EUR.

18      B'ittra tat-18 ta' Diċembru 2001, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet Taljani. B'ittra tal-11 ta' Frar 2002, l-awtoritajiet doganali Taljani kkonfermaw li l-ammont tad-dazji li għalih intalbet il-maħfra kien ta' 497 589 687 ITL.

19      Fit-28 ta' Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tiċħad it-talba tar-Repubblika Taljana ta' l-4 ta' Ġunju 2001 għal maħfra tad-dejn doganali pagabbli mir-rikorrenti. Il-Kummissjoni kkonkludiet li f'dan il-każ ma kinitx teżisti sitwazzjoni partikolari li tirriżulta minn ċirkustanzi li la jinvolvu qerq u lanqas negliġenza manifesta min-naħa tar-rikorrenti, fis-sens ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79, u li għaldaqstant il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni ta' 256 983,63 EUR, jiġifieri 497 589 687 ITL, ma kinitx iġġustifikata.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-30 ta' Ottubru 2002, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

21      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza stiednet lill-Kummissjoni tipprovdi ċerti dokumenti. Il-Kummissjoni ssodisfat din it-talba fit-terminu stabbilit.

22      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu waqt is-seduta pubblika fid-29 ta' Ġunju 2004.

23      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tiddikjara li l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni mitluba hija ammissibbli f'dan il-każ;

–        sussidjarjament, tiddikjara li l-maħfra tad-dazji hija dovuta safejn din tirrigwarda d-dejn doganali relatttiv għat-8 010 kilogramm ta' tabakk barrani maħdum ikkonfiskat mill-awtoritajiet doganali fit-8 ta' April 1992 fil-maħżen klandestin ta' Bareggio;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara inammissibbli t-talba tar-rikorrenti safejn huma jikkontestaw l-ammont preċiż tad-dejn doganali u safejn huma jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza tirrikonoxxi d-dritt tagħhom għall-maħfra tad-dazji doganali għat-8 010 kilogramm ta' tabakk ikkonfiskat;

–        tiċħad il-kumplament tar-rikors bħala infondat;

–        tordna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

 Id-dritt

I –  Dwar it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

25      In sostenn tat-talbiet tagħhom għal annullament, ir-rikorrenti jinvokaw, l-ewwel nett, motiv ibbażat fuq diversi żbalji materjali li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata u, it-tieni nett, motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta' sitwazzjoni partikolari u l-assenza ta' qerq u ta' negliġenza manifesta fis-sens ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79.

A –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq diversi żbalji materjali li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata

26      Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata fiha diversi żbalji. Fil-fatt, huma jaffermaw li, mhumiex eżatti, l-ewwel nett, id-deskrizzjoni magħmula ta' l-eżami tat-tagħbija li tikkorrispondi għad-dikjarazzjoni doganali tas-16 ta' Novembru 1991 u, it-tieni nett, l-affermazzjoni li r-rikorrenti talbu l-maħfra tad-dazji doganali biss għal ammont ta' 497 589 687 ITL.

1.     Rigward l-eżami ta' l-operazzjoni tas-16 ta' Novembru 1991

 L-argumenti tal-partijiet

27      Ir-rikorrenti josservaw li, fil-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa indikat li l-uffiċċju doganali ta' Fernetti wettaq, permezz tal-pulizija doganali, l-eżami tat-tagħbija li tikkorrispondi għad-dikjarazzjoni tas-16 ta' Novembru 1991. Huma jsostnu li, fil-fatt, l-awtoritajiet doganali ma wettqux l-eżami tal-merkanzija fiż-żona doganali fil-mument meta ġiet ippreżentata d-dikjarazzjoni ta' tranżitu, iżda ddeċiedew li jagħmlu dan wara t-tluq tat-trakk, jiġifieri wara li tlestew il-formalitajiet doganali.

28      Il-Kummissjoni tosserva li t-trakk użat għat-trasport tal-merkanzija li hija s-suġġett tad-dikjarazzjoni doganali tas-16 ta' Novembru 1991 ma ġiex segwit mill-pulizija Taljana eżatt wara li tlestew l-operazzjonijiet doganali, iżda biss meta l-pulizija indunat li t-trakk kien telaq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

29      Għandu jiġi rrilevat li l-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata tillimita ruħha li tindika dan li ġej: "L-uffiċċju doganali [ta' Fernetti] wettaq, permezz tal-pulizija doganali, l-eżami tat-tagħbija li tikkorrispondi għad-[dikjarazzjoni tas-16 ta' Novembru 1991], li fil-fatt instab li kienet magħmula esklużivament minn sigaretti. Il-merkanzija ġiet issekwestrata u x-xufier tal-vettura ġie arrestat." [traduzzjoni mhux uffiċjali] Minn din l-affermazzjoni konċiża la jirriżulta li l-eżami tat-tagħbija sar fil-mument meta ġiet ippreżentata d-dikjarazzjoni, la li sar fiż-żona doganali, u lanqas li sar qabel ma tlestew il-formalitajiet doganali. Peress li huwa paċifiku li l-eżami sar mill-pulizija doganali, fuq talba tad-Direttur ta' l-uffiċċju doganali ta' Fernetti, għandu jiġi konkluż li l-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata ma hija vvizzjata b'ebda żball ta' fatt.

30      Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

2.     Rigward l-ammont tal-maħfra ta' dazji mitluba

 L-argumenti tal-partijiet

31      Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tindika b'mod żbaljat li huma talbu maħra ta' dazji doganali fl-ammont ta' 497 589 687 ITL. Fl-opinjoni tagħhom, mit-talba tagħhom ta' l-14 ta' Novembru 2000 indirizzata lill-Kummissjoni, jirriżulta li huma talbu l-maħfra ta' l-ammont kollu li kien ġie mitlub minnhom fis-16 ta' Ottubru 1992 b'ordni ta' l-awtoritajiet doganali Taljani, jiġifieri
2 951 462 300 ITL. Ir-rikorrenti jsostnu f'dan ir-rigward li l-iżball materjali magħmul mill-Kummissjoni jista' jkollu impatt fuq il-portata tal-kawża, inkwantu waħda mir-raġunijiet li kienu jiġġustifikaw l-għoti tal-maħfra mitluba kienet preċiżament l-ammont għoli tad-dejn fiskali in kwistjoni u l-piż ekonomiku li hija timponi fuqhom. Dan l-iżball għalhekk għandu impatt fuq il-motivazzjoni nfisha tad-deċiżjoni. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li d-determinazzjoni eżatta tas-suġġett ta' kwalunkwe kawża ma jistax ikun is-suġġett ta' evalwazzjonijiet diskrezzjonali u li l-ammont eżatt tal-kwistjoni ekonomika għandu jiġi rikonoxxut korrettament fl-istadji kollha tal-proċedimenti.

32      Il-Kummissjoni ssostni li l-ilment ibbażat fuq l-allegat żball fil-kalkolu ta' l-ammont tad-dejn doganali huwa inammissibli safejn ir-rikorrenti jikkontestaw, b'dan il-mod, l-ammont tad-dejn doganali evalwat mill-awtoritajiet Taljani.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

33      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1430/79 għandhom l-għan waħdieni li jippermettu, meta jkunu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet partikolari u fl-assenza ta' negliġenza manifesta jew ta' qerq, li l-operaturi ekonomiċi jiġu eżentati mill-ħlas ta' dazji dovuti minnhom, u mhux li jippermettu li jiġi kkontestat il-prinċipju nnifsu ta' l-eżiġibbiltà tad-dejn doganali [is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Marzu 1987, Cerealmangimi u Italgrani vs Il-Kummissjoni, 244/85 u 245/85, Ġabra p. 1303, punt 11, u tas-6 ta' Lulju 1993, CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni, C-121/91 u C-122/91 Ġabra p. I-3873, punt 43; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Lulju 2002, Hyper vs Il-Kummissjoni, T-205/99, Ġabra p. II-3141, punt 98].

34      Fil-fatt, id-determinazzjoni ta' l-eżistenza u ta' l-ammont eżatt tad-dejn taqa' taħt il-kompetenza ta' l-awtoritajiet nazzjonali. Issa, it-talbiet imressqa lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79 ma jikkonċernawx il-kwistjoni jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt doganali sostantiv ġewx applikati korrettament mill-awtoritajiet doganali nazzjonali. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li d-deċiżjonijiet adottati minn dawn l-awtoritajiet jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qrati nazzjonali, li jistgħu jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 234 KE (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Lulju 1998, Kia Motors u Broekman Motorships vs Il-Kummissjoni, T-195/97, Ġabra p. II-2907, punt 36, u Hyper vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 98).

35      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jistgħux jiġu invalidati bl-argumenti tar-rikorrenti li skondhom, essenzjalment, id-determinazzjoni eżatta tal-pretensjoni ekonomika li hija s-suġġett ta' kull kawża għandha tkun tista' tiġi diskussa fl-istadji kollha tal-proċedimenti. Din it-teżi tinjora kemm it-tqassim tal-kompetenzi fil-qasam doganali bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni kif ukoll in-natura speċifika u l-limiti tal-mekkaniżmu ta' maħfra jew ta' ħlas lura tad-dazji doganali previst fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1430/79.

36      Fid-dawl ta' dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-ilment ibbażat fuq l-allegat żball li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata rigward l-ammont tal-maħfra mitluba mir-rikorrenti huwa inammissibbli, ladarba, permezz ta' dan l-ilment, ir-rikorrenti jikkontestaw il-kalkolu ta' l-ammont eżatt tad-dejn doganali.

37      Għandu jiġi kkonstatat, f'kull każ, li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda żball materjali safejn hija tindika li r-rikorrenti talbu l-maħfra tas-somma ta'
497 589 687 ITL, li tikkorrispondi għad-dazji doganali li ġew mitluba mingħandhom mill-awtoritajiet Taljani. Fil-fatt, l-ammont in kwistjoni huwa dak li jinsab fit-talba tar-Repubblika Taljana ta' l-4 ta' Ġunju 2001, liema somma ġiet sussegwentement ikkonfermata, fuq it-talba tal-Kummissjoni, b'ittra ta' l-awtoritajiet Taljani tal-11 ta' Frar 2002. Issa, bil-kontra ta' dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma rrilevatx li huma kienu talbu l-maħfra tad-dejn fiskali totali li kien ġie mitlub mingħandhom mill-awtoritajiet Taljani la jista jkollu impatt fuq l-evalwazzjoni ta' l-eżistenza ta' sitwazzjoni partikolari u lanqas fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel nett, dan id-dejn fiskali kien jinkludi, minbarra d-dazji doganali, il-VAT u t-taxxa fuq il-konsum, li mhumiex is-suġġett tal-proċedura ta' maħfra prevista mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79. It-tieni nett, peress li l-Kummissjoni ġiet adita permezz tat-talba ppreżentata mill-awtoritajiet nazzjonali, u fid-dawl tal-kompetenza esklużiva ta' dawn ta' l-aħħar għall-iffissar tad-dejn doganali, l-ammont li għandu jiġi kkunsidrat b'referenza għad-dazji doganali li tagħhom intalbet il-maħfra huwa dak indikat mill-awtoritajiet nazzjonali.

38      Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

39      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

B –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta' sitwazzjoni partikolari u fuq l-assenza ta' qerq u ta' negliġenza manifesta fis-sens ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79

1.     Osservazzjonijiet preliminari

40      Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1430/79 jikkostitwixxi klawżola ġenerali ta' ekwità, intiża sabiex tkopri s-sitwazzjonijiet li mhumiex dawk li kienu kkonstatati l-aktar ta' spiss fil-prattika u li setgħu, fil-mument ta' l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, ikunu s-suġġett ta' leġiżlazzjoni partikolari (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Diċembru 1983, Schoellershammer vs Il-Kummissjoni, 283/82, Ġabra p. 4219, punt 7; Cerealmangimi u Italgrani vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 10; tas-26 ta' Marzu 1987, Coopérative agricole d'approvisionnement des Avrions, 58/86, Ġabra p. 1525, punt 22, u tat-18 ta' Jannar 1996, SEIM, C-446/93, Ġabra p. I-73, punt 41; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' Lulju 2002, SCI UK vs Il-Kummissjoni, T-239/00, Ġabra p. II-2957, punt 44). Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiġi applikata meta ċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn l-operatur ekonomiku u l-amministrazzjoni huma tali li ma jkunx ġust li dan l-operatur jiġi kostrett isofri telf li normalment ma kienx isofri (is-sentenzi Coopérative agricole d'approvisionnement des Avirons vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22, u SCI UK vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 50).

41      Fid-dawl ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79, żewġ kundizzjonijiet kumulattivi għandhom jiġu sodisfatti sabiex ikunu jistgħu jinħafru d-dazji fuq l-importazzjoni, jiġifieri l-eżistenza ta' sitwazzjoni partikolari u l-assenza ta' qerq u ta' negliġenza manifesta min-naħa ta' l-operatur ekonomiku (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Novembru 1998, Covita C-370/96, Ġabra p. I-7711, punt 29, u tas-7 ta' Settembru 1999, De Haan, C-61/98, Ġabra p. I-5003, punt 42; is-sentenza SCI UK vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 45).

42      Għandu wkoll jiġi osservat li hija ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali meta tadotta deċiżjoni b'applikazzjoni tal-klawżola ġenerali ta' ekwità prevista mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79 (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Novembru 1995, France-aviation vs Il-Kummissjoni, T-346/94, Ġabra p. II-2841, punt 34; tas-17 ta' Settembru 1998, Primex Produkte Import-Export et vs Il-Kummissjoni, T-50/96, Ġabra p. II-3773, punt 60, u tat-18 ta' Jannar 2000, Mehibas Dordtselaan vs Il-Kummissjoni, T-290/97, Ġabra p. II-15, punti 46 u 78). Għandu jiġi rilevat ukoll li l-ħlas lura jew il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni, li jistgħu jingħataw biss taħt ċerti kundizzjonijiet u f'każijiet speċifikament previsti, jikkostitwixxu eċċezzjoni għas-sistema normali ta' l-importazzjonijiet u ta' l-esportazzjonijiet u li, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet li jipprovdu għal tali ħlas lura jew għal tali maħfra għandhom jiġu interpretati b'mod strett (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1999, Söhl & Söhlke, C-48/98, Ġabra p. I-7877, punt 52, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Frar 2004, Aslantrans vs Il-Kummissjoni, T-282/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 55).

2.     Fuq l-eżistenza ta' sitwazzjoni partikolari

43      Ir-rikorrenti jsostnu li huma sabu ruħhom f'sitwazzjoni partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79. Huma jsostnu, l-ewwel nett, li l-awtoritajiet Taljani deliberatament ħallew li jsiru l-operazzjonijiet ta' kuntrabandu in kwistjoni, sabiex iżarmaw in-netwerk ta' traffikanti; it-tieni nett, li huma kienu l-vittmi ta' frodi li teċċedi r-riskji kummerċjali inerenti fl-attività professjonali tagħhom; it-tielet nett, li l-awtoritajiet doganali naqsu mill-obbligi tagħhom ta' kontroll ta' l-operazzjonijiet doganali; ir-raba' nett, li kien impossibbli għalihom li jissorveljaw l-operazzjonijiet ta' trasport; fl-aħħar u l-ħames nett, li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma wiżnitx l-interessi involuti.

a)     Rigward l-allegazzjoni li l-awtoritajiet Taljani kienu jafu minn qabel bl-operazzjonijiet ta' kuntrabandu

 L-argumenti tal-partijiet

44      Ir-rikorrenti josservaw li l-obbligu in kwistjoni joriġina minn investigazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet doganali, li probabbilment kienu jafu bil-fatti.

45      Ir-rikorrenti jfakkru li, fis-16 ta' Settembru 1991, is-Sur C. għamel l-ewwel vjaġġ, lejn Irun (Spanja), permezz ta' dokument ta' tranżitu Komunitarju maħruġ mill-kumpannija Centralsped. Dan id-dokument ta' tranżitu ġie approvat meta l-uffiċċju doganali ta' Fernetti rċieva l-ħames kopja tad-dokument T1 fl-20 ta' Settembru 1991, u ntbagħat lid-distrett doganali ta' Trieste fil-5 ta' Diċembru 1991. Ir-rikorrenti jsostnu li din l-ewwel approvazzjoni hija kjarament falza.

46      Ir-rikorrenti josservaw ukoll li l-ispedizzjoni tas-16 ta' Novembru 1991 ġiet ikkontrollata fuq talba ta' l-awtoritajiet doganali ta' Fernetti wara li t-trakk kien ħareġ miż-żona doganali, ħaġa li kienet teħtieġ li t-trakk l-ewwel jiġi segwit u mwaqqaf. Ir-rikorrenti jsostnu li l-ispedizzjonijiet qatt ma jitwaqqfu waru li jkunu ħarġu miż-żona doganali, ħlief fil-każijiet meta l-pulizija doganali diġà tkun taf bl-eżistenza ta' atti ta' kuntrabandu. Ir-rikorrenti josservaw li dan il-fatt iwassal lil dak li jkun biex jassumi li s-sejba tas-sigaretti ma ġratx b'kumbinazzjoni waqt kontroll każwali tal-merkanzija mill-awtoritajiet doganali, iżda li l-pulizija doganali kienet mgħarrfa bin-natura vera tat-tagħbija in kwistjoni.

47      Ir-rikorrenti josservaw ukoll li, il-Ħadd 17 ta' Novembru 1991, jiġifieri inqas minn 24 siegħa wara l-eżami tat-trakk, u meta s-Sur C. kien għadu ma ġiex interrogat, il-pulizija doganali marret Brescia (l-Italja), fejn għamlet tfittxijiet fil-bini li fih kienet toqgħod persuna li wara ġiet akkużata bil-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjonijiet ta' kuntrabandu ta' sigaretti.

48      Minbarra dan, ir-rikorrenti josservaw li t-tagħbijiet ta' l-ispedizzjonijiet tat-30 ta' Ottubru u tal-5 ta' Novembru 1991 kienu ġew debitament iddikjarati lill-awtoritajiet doganali Sloveni bħala kaxxi ta' tabakk barrani maħdum. Ir-rikorrenti jsostnu li l-awtoritajiet Sloveni, fil-kuntest tal-ftehim ta' assistenza amministrattiva reċiproka konkluż fis-16 ta' Novembru 1965 bejn l-Italja u l-Jugoslavja, li dak iż-żmien kien fis-seħħ, għarrfu lill-awtoritajiet Taljani bil-preżenza ta' din il-merkanzija sensittiva fit-tagħbijiet ittrasportati mis-Sur C.

49      Ir-rikorrenti jikkonkludu mill-fatti esposti hawn fuq li l-awtoritajiet Taljani kienu jafu li s-Sur C. kien iwettaq operazzjonijiet ta' kuntrabandu u li, sabiex jikxfu u jaqbdu l-parteċipanti kollha f'dan in-netwerk ta' kuntrabandu, huma deliberatament ħallew li jsir il-ksur, billi ppermettew it-twettiq ta' żewġ operazzjonijiet ta' trasport li għalihom ir-rikorrenti kienu ħarġu, mingħajr ma kienu jafu bil-fatti u għaldaqstant in bona fide, ċertifikati ta' tranżitu Komunitarju. Ir-rikorrenti jsostnu f'dan ir-rigward li l-Qorti tal-Prim'Istanza rrikonoxxiet li l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni kienet iġġustifikata fil-każ ta' frodi magħmula fil-kuntest ta' operazzjoni ta' tranżitu Komunitarju estern li fih l-awtoritajiet doganali kienu jafu bl-att illegali in kwistjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Ġunju 2001, Spedition Wilhelm Rotermund vs Il-Kummissjoni, T-330/99, Ġabra p. II-1619). Bl-istess mod, huma josservaw li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ħtiġijiet ta' investigazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet doganali jew mill-pulizija jikkostitwixxu, fl-assenza ta' kwalunkwe qerq jew negliġenza imputabbli lill-persuna taxxabbli u meta din ta' l-aħħar ma ġietx mgħarrfa li qiegħda ssir l-investigazzjoni, sitwazzjoni partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1430/79 (sentenza De Haan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 53).

50      Il-Kummissjoni ssostni li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti mhijiex komparabbli ma' dik tar-rikorrenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza De Haan, iċċitata iktar 'il fuq. Il-Kummissjoni tfakkar li f'din l-aħħar imsemmija kawża, l-awtoritajiet doganali kienu jafu bit-traffikar ta' kuntrabandu u minn jeddhom organizzaw kunsinna sorveljata, filwaqt li f'din il-kawża, għall-kuntrarju, it-traffikar ta' kuntrabandu nkixef waqt kontroll doganali ordinarju, meta ġew ippreżentati dikjarazzjonijiet ta' tranżitu fid-dwana.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

51      Għandu jiġi rilevat li l-ħtiġijiet ta' investigazzjoni intiża sabiex jiġu identifikati u arrestati l-awturi jew il-kompliċi ta' frodi mwettqa jew li qed tiġi mħejjija jistgħu leġittimament jiġġustifikaw in-nuqqas deliberat li l-prinċipal jiġi mgħarraf, għal kollox jew parzjalment, bl-elementi ta' l-investigazzjoni, anki meta dan ta' l-aħħar ma jkun bl-ebda mod involut fit-twettiq ta' l-atti frawdolenti (is-sentenza De Haan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 32). Għaldaqstant, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu leġittimament iħallu deliberatament li jsir ksur jew irregolaritajiet sabiex iżarmaw netwerk, jidentifikaw persuni li jkunu kkommettew frodi jew jistabbilixxu jew jikkonsolidaw elementi ta' prova, aħjar. Madankollu, li l-persuna taxxabbli tiġi imposta dejn doganali li jirriżulta minn dawn l-għażliet marbuta mat-teħid ta' proċeduri fir-rigward tal-ksur imur kontra l-għan tal-klawżola ta' ekwità, billi l-persuna taxxabbli b'hekk issib ruħha f'sitwazzjoni eċċezzjonali meta mqabbla ma' operaturi oħra li jeżerċitaw l-istess attività. Għaldaqstant, in-nuqqas li tiġi mgħarrfa l-persuna taxxabbli, għall-ħtiġijiet ta' investigazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet doganali jew mill-pulizija, li qiegħda ssir din l-investigazzjoni jikkostitwixxi, fl-assenza ta' kwalunkwe qerq u negliġenza imputabbli lill-persuna taxxabbli, sitwazzjoni partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1430/79 (ara s-sentenza De Haan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 53).

52      Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk jeżistux provi li jistabbilixxu, bħalma jsostnu r-rikorrenti, li l-awtoritajiet Taljani kienu jafu bl-operazzjonijiet ta' kuntrabandu ta' sigaretti in kwistjoni, u xorta waħda ppermettew it-twettiq ta' l-operazzjonijiet tat-30 ta' Ottubru u tal-5 ta' Novembru 1991.

53      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-fatt li, wara li tlestew il-formalitajiet doganali li jikkorrispondu għall-operazzjoni tas-16 ta' Novembru 1991, id-Direttur ta' l-uffiċċju doganali ta' Fernetti talab lill-pulizija doganali teżamina t-trakk, ħaġa li kienet teħtieġ li t-trakk jiġi segwit u mwaqqaf, mhuwiex biżżejjed, minnu nnifsu, sabiex jipprova li l-awtoritajiet kienu mgħarrfa bin-natura vera tat-tagħbija. Fil-fatt, bħalma jirriżulta mill-verbal ta' l-arrest imħejji mill-awtoritajiet doganali ta' Fernetti fis-16 ta' Novembru 1991, id-Direttur ta' l-uffiċċju doganali ordna l-eżami tal-vettura għaliex issuspetta li t-tagħbija ttrasportata kienet differenti minn dik li kienet ġiet iddikjarata. Il-fatt li dan l-eżami sar wara li t-trakk kien diġà ħareġ miż-żona doganali ma jippermettix li jiġi konkluż li dan ma kienx kontroll każwali.

54      It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-investigazzjonijiet u t-tfittxijiet imwettqa mill-pulizija Taljana ta' Brescia lanqas ma jipprovaw li l-awtoritajiet Taljani kienu ġew mgħarrfa minn qabel bit-traffikar ta' kuntrabandu. Fil-fatt, mill-verbal tat-tfittxija mħejji mill-pulizija doganali ta' Trieste fis-17 ta' Novembru 1991 jirriżulta li l-passi in kwistjoni li ħadu l-pulizija kienu in segwitu għas-sejba tas-sigaretti fit-trakk eżaminat f'Fernetti, għall-investigazzjonijiet preliminari tal-pulizija u għall-eżami tad-dokumentazzjoni ssekwestrata, li kienet tappartjeni lix-xufier tat-trakk. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta' dak li jsostnu r-rikorrenti, ix-xufier tat-trakk kien diġà ġie interrogat fil-qosor fis-16 ta' Novembru, wara li ġie arrestat.

55      Għandu jiġi speċifikat, barra minn hekk, li d-dazji li tagħhom intalbet il-maħfra ma jikkorrispondux għal din l-operazzjoni doganali tas-16 ta' Novembru 1991, iżda għall-operazzjonijiet preċedenti tat-30 ta' Ottubru u tal-5 ta' Novembru 1991. L-allegata konoxxenza tat-traffikar ta' kuntrabandu min-naħa ta' l-awtoritajiet kellha għaldaqstant teżisti qabel dawn iż-żewġ dati, sabiex tiġi applikata l-ġurisprudenza De Haan.

56      F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li d-dikjarazzjoni tas-16 ta' Settembru 1991 ġiet falsament approvata ma jipprovax li l-awtoritajiet kienu jafu bl-operazzjonijiet ta' kuntrabandu tat-30 ta' Ottubru u tal-5 ta' Novembru 1991. Fil-fatt, l-elementi tal-proċess ma jippermettux li jiġi konkluż li l-awtoritajiet doganali Taljani kienu jafu b'din l-allegata falsifikazzjoni qabel is-16 ta' Diċembru 1991. Min-naħa l-oħra, il-verbal imħejji mill-awtoritajiet doganali ta' Fernetti fis-16 ta' Diċembru 1991 jindika li l-operazzjoni ta' kuntrabandu li tikkorrispondi għall-operazzjoni tas-16 ta' Settembru 1991 ġiet mikxufa wara d-dikjarazzjonijiet li għamel is-Sur C. fis-16 ta' Novembru 1991 u l-eżami, wara dawn id-dikjarazzjonijiet, tar-reġistri ta' l-awtoritajiet doganali ta' Fernetti.

57      Rigward l-argument li l-awtoritajiet Sloveni għarrfu minn qabel lill-awtoritajiet Taljana tagħhom bil-preżenza ta' sigaretti fl-ispedizzjonijiet li huma s-suġġett tad-dikjarazzjonijiet tat-30 ta' Ottubru u tal-5 ta' Novembru 1991, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma jġibu ebda prova f'dan ir-rigward, minbarra l-eżistenza ta' ftehim ta' assistenza amministrattiva għall-prevenzjoni u t-trażżin tal-frodi doganali bejn l-Italja u l-Jugoslavja li jġib id-data ta' l-10 ta' Novembru 1965. Issa, dan il-ftehim ma kienx jobbliga lill-awtoritajiet Sloveni li jgħarrfu mill-iktar fis possibbli lill-awtoritajiet Taljana kull darba li spedizzjoni ta' tabakk toħroġ mit-territorju tagħhom. Barra minn hekk, fil-verbal imħejji mill-awtorità doganali ta' Fernetti fis-16 ta' Diċembru 1991, huwa indikat li, fis-7 ta' Diċembru 1991, l-awtoritajiet Taljani talbu informazzjoni lill-awtoritajiet Sloveni u li kien wara din it-talba li, fit-13 ta' Diċembru 1991, l-awtoritajiet Sloveni kkonfermaw id-dati li fihom l-ispedizzjonijiet in kwistjoni ħarġu mid-dwana Slovena u għarrfu lill-awtoritajiet Taljani li l-merkanzija ddikjarata kienet prinċipalment tabakk barrani maħdum.

58      Fl-aħħar nett, ir-referenza tar-rikorrenti għas-sentenza Spedition Wilhelm Rotermund vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, mhijiex rilevanti f'dan il-każ. F'dik il-kawża, is-sitwazzjoni partikolari kienet tirriżulta mill-eżistenza ta' qerq frawdolenti li seta' jiġi raġonevolment spjegat biss bil-kompliċità attiva ta' impjegat ta' l-uffiċċju doganali ta' destinazzjoni, u l-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni ma setgħetx validament tillimita ruħha li titlob li r-rikorrenti ġġib il-prova formali u definittiva ta' tali kompliċità (is-sentenza Spedition Wilhelm Rotermund vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 56 sa 58). Għaldaqstant, hija sitwazzjoni ta' fatt differenti minn dik in kwistjoni.

59      Fl-aħħar nett, minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma pprovawx li l-awtoritajiet Taljani kienu jafu bl-operazzjonijiet ta' kuntrabandu ta' sigaretti minn qabel u li huma kienu ppermettew deliberatament li titwettaq il-frodi li tikkorrispondi għall-operazzjonijiet ta' tranżitu tat-30 ta' Ottubru u tal-5 ta' Novembru 1991.

b)     Rigward l-argument tar-rikorrenti li l-attività ta' kuntrabandu li huma sfaw vittma tagħha kienet teċċedi r-riskji kummerċjali inerenti fl-attività professjonali tagħhom

 L-argumenti tal-partijiet

60      Ir-rikorrenti jsostnu li huma sfaw vittmi ta' attività ta' kuntrabandu eżerċitata b'astuzja u li kienet tinvolvi somom kbar ta' flus, imwettqa minn grupp ta' delinkwenti minn diversi pajjiżi. Huma jsostnu li n-natura eċċezzjonali tas-sitwazzjoni tirriżulta wkoll mis-serjetà tal-fatti, mis-somom kbar ta' flus involuti fil-ksur tal-liġi u mill-eżistenza ta' almenu erba' reati mwettqa wieħed wara l-ieħor mill-kuntrabandisti. Ir-rikorrenti josservaw li ma ġiet ikkonstatata ebda irregolarità jew żball fid-dokumenti ta' trasport jew fil-fatturi li x-xufier tat-trakk kien ippreżenta sabiex jikseb id-dokumenti ta' tranżitu T1. Huma josservaw li dan il-każ huwa l-ewwel u l-uniku wieħed li fih sar abbuż mill-bona fides tagħhom fil-ħruġ ta' ċertifikati ta' tranżitu, meta preċedentement huma kienu ħarġu mijiet ta' dokumenti T1 matul għexur ta' snin ta' attività li tinvolvi dikjarazzjonijiet fid-dwana.

61      Ir-rikorrenti josservaw li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball safejn hija tikkwalifika l-attività tagħhom bħala "trasportaturi" jew "aġenti tad-dwana". Huma jsostnu li t-trasport ma kienx inkluż fl-attività eżerċitata minn Nordspedizionieri u li huma ma setgħux jiġu kklwalifikati bħala aġenti tad-dwana jew "agenti in dogana", fis-sens attribwit mid-dritt Taljan lill-kuntratt ta' aġenzija. Ir-rikorrenti jindikaw, għalhekk, li huma eżerċitaw biss attività ta' rappreżentazzjoni fid-dwana, bħala aġenti doganali jew "spedizionieri doganali", skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi doganali Taljana, b'mod partikolari l-Artikoli 40 u 47 et seq. tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 43, tat-23 ta' Jannar 1973.

62      Ir-rikorrenti josservaw li l-kwalità ta' aġent doganali ġiet rikonoxxuta mil-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja u jinvokaw is-sitt premessa ta' l-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 3632/85, tat-12 ta' Diċembru 1985, li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li taħthom persuna tista' tiġi permessa li tagħmel dikjarazzjoni doganali (ĠU L 350, p. 1), kif ukoll l-Artikolu 5 tal-Kodiċi Doganali. Huma josservaw li dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu li jiġu inkarigati rappreżentanti sabiex jagħmlu dikjarazzjonijiet doganali, liema rappreżentanti jaġixxu jew f'isimhom proprju iżda għan-nom ta' ħaddieħor, jew f'isem u għan-nom ta' ħaddieħor u li, skond l-Artikolu 3 tal-Liġi Taljana Nru 1612, tat-22 ta' Diċembru 1960, dwar ir-rikonoxximent tal-professjoni ta' aġent doganali, dan ma jistax, mingħajr ġustifikazzjoni, jirrifjuta li jaġixxi.

63      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argument li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata li skondu l-operazzjonijiet frawdolenti mwettqa minn terzi jagħmlu parti mir-riskji kummerċjali normali li għalihom jesponi ruħu l-aġent doganali u ma jistgħux jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79. Huma jsostnu li l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1031/88, li jipprovdi li huma responsabbli għall-ħlas tad-dejn doganali l-persuni li neħħew il-merkanzija mis-sorveljanza doganali jew li ħadu sehem f'din it-tneħħija, jistabbilixxi responsabbiltà ex delicto, li ma tapplikax għar-rikorrenti, għaliex huma ġew kompletament liberati fil-proċedimenti kriminali. Ir-rikorrenti jsostnu li huwa biss l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1031/88 li huwa applikabbli f'dan il-każ, u mhux il-paragrafu 2 ta' l-istess Artikolu, li jirreferi biss għall-każijiet meta l-proprjetarju tal-merkanzija jonqos milli jissodisfa l-obbligi ċivili tiegħu, bħal fil-każ ta' falliment ta' dan ta' l-aħħar.

64      Ir-rikorrenti josservaw li rappreżentant professjonali għall-finijiet tad-dwana ma jassumix riskji kummerċjali u li għaldaqstant l-affermazzjoni li operazzjonijiet mwettqa bi frodi minn terzi jagħmlu parti mir-riskji kummerċjali li jidħol għalihom id-dikjarant fid-dwana m'għandha ebda sens ġuridiku. Barra minn hekk, huma josservaw li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, b'mod partikolari mis-sentenza tad-19 ta' Frar 1998, Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni (T-42/96, Ġabra p. II-401) 'il quddiem, teskludi li l-użu innoċenti fid-dwana ta' dokumenti foloz jista' jikkostitwixxi riskju kummerċjali normali. Fil-fatt, huma josservaw li l-Qorti tal-Prim'Istanza qieset f'din is-sentenza li, f'ċirkustanzi meta l-Kummissjoni tonqos mid-dmir tagħha ta' sorveljanza u ta' kontroll, falsifikazzjonijiet imwettqa b'mod professjonali ħafna jeċċedu r-riskju kummerċjali normali li għandu jsostni l-operatur ekonomiku (is-sentenza Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 188 u 189).

65      Ir-rikorrenti jsostnu li s-sentenza Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, tikkostitwixxi diverġenza mill-ġurisprudenza preċedenti u l-bidu ta' ġurisprudenza ġdida iktar konformi ma' l-eżiġenzi ta' ħarsien tal-kummerċ internazzjonali. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jinvokaw is-sentenza Primex Produkte Import-Export et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq (punti 163 u 164), u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Mejju 2001, Kaufring et vs Il-Kummissjoni (T-186/97, T-187/97, T-190/97 sa T-192/97, T-210/97, T-211/97, T-216/97 sa T-218/97, T-279/97, T-280/97, T-293/97 u T-147/99, Ġabra p. II-1337). Is-sentenza Kaufring et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, b'mod partikolari, tagħmel enfażi fuq il-prinċipju fundamentali ta' l-aspettattivi leġittimi fid-dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet barranin (punti 216, 218 u 219).

66      Il-Kummissjoni tosserva li l-użu ta' dokumenti foloz, anki jekk in bona fide, ma jistax jikkostitwixxi minnu nnifsu sitwazzjoni partikolari u huwa parti mir-riskji kummerċjali normali inerenti fl-attività ta' l-operatur ekonomiku. Għalhekk, il-fatt li r-rikorrenti mhumiex responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kuntrabandu ma jeżonerahomx mill-ħlas tad-dejn doganali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

67      L-ewwel nett għandu jiġi osservat li, filwaqt li r-rikorrenti jippreżentaw ruħhom bħala "spedizionieri doganali" (aġenti doganali), il-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata tikkwalifika lil Nordspedizionieri bħala "società di transporti, agente in dogana" (kumpannija ta' trasport, aġent tad-dwana). Fl-ittra tagħhom tas-6 ta' Mejju 2002, b'risposta għall-oġġezzjonijiet preliminari tal-Kummissjoni għall-maħfra tad-dazji mitluba, ir-rikorrenti osservaw li l-aġenti doganali jieħdu ħsieb biss dokumenti kummerċjali u li, b'differenza mill-aġenti tad-dwana, huma ma jiħdux ħsieb it-trasport tal-merkanzija u m'għandhomx is-setgħa jeżaminaw il-merkanzija. Madankollu, minkejja li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball rigward il-kwalifikazzjoni professjonali tar-rikorrenti, jibqa' l-fatt li, fir-raġunament tagħha, il-Kummissjoni ma bbażat ruħha fuq ebda argument marbut mal-provvista ta' servizzi ta' trasport tal-merkanzija. Għaldaqstant, l-impreċiżjoni li tinsab fid-deċiżjoni ma seta' jkollha ebda impatt prattiku fuq il-proċedura ta' maħfra tad-dejn doganali.

68      Għandu jiġi rilevat li l-obbligi imposti f'dan il-każ fuq ir-rikorrenti ma japplikawx għalihom daqstant minħabba li huma aġenti doganali daqskemm minħabba l-kwalità tagħhom ta' prinċipal għaż-żewġ operazzjonijiet ta' tranżitu estern in kwistjoni. Fil-fatt, skond l-Artikolu 11(a) tar-Regolament Nru 222/77, il-prinċipal huwa responsabbli quddiem l-awtoritajiet kompetenti għall-eżekuzzjoni skond il-liġi ta' l-operazzjoni ta' tranżitu Komunitarju u, skond l-Artikolu 13(a) u (b) ta' dan ir-Regolament, huwa marbut jipproduċi l-merkanzija intatta fl-uffiċċju ta' destinazzjoni fit-terminu stabbilit b'osservanza tal-miżuri ta' identifikazzjoni meħuda mill-awtoritajiet kompetenti u josserva d-dispożizzjonijiet relattivi għall-iskema tat-tranżitu Komunitarju. F'dan is-sens, billi assumew l-istatus ta' prinċipal bid-dikjarazzjonijiet doganali tagħhom tat-30 ta' Ottubru u tal-5 ta' Novembru 1991, ir-rikorrenti aċċettaw responsabbiltà partikolari, skond il-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja.

69      Rigward l-argumenti li r-rikorrenti jinvokaw billi jibbażaw ruħhom fuq l-interpretazzjoni tagħhom ta' l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1031/88, li jistabbilixxi l-persuni responsabbli għall-ħlas ta' dejn doganali, dawn ma jistgħux jiġu milqugħa. Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, peress li huma ma ħadux sehem fit-tneħħija tal-merkanzija, huma mhumiex responsabbli in solidum għall-ħlas tad-dejn doganli in kwistjoni. Biżżejjed jiġi mfakkar f'dan ir-rigward li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79 ma jippermettux li tiġi kkontestata l-eżiġibbiltà ta' dejn doganali [is-sentenzi Cerealmangimi u Italgrani vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 11; CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 43, u Hyper vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 98], peress li d-determinazzjoni ta' l-eżistenza tad-dejn taqa' taħt il-kompetenza ta' l-awtoritajiet nazzjonali. Fil-fatt, it-talbiet imressqa lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79 ma jikkonċernawx il-kwistjoni jekk id-dispożizzjonijiet ta' dritt doganali sostantiv ġewx applikati korrettament mill-awtoritajiet doganali nazzjonali (is-sentenza Kia Motors u Broekman Motorships vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 36).

70      Rigward l-argumentazzjoni tar-rikorrenti li l-parteċipazzjoni innoċenti u mhux deliberata f'operazzjonijiet frawdolenti mwettqa minn terzi tikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79, għandu jiġi osservat li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-preżentazzjoni, anki in bona fide, ta' dokumenti li wara jiġi stabbilit li ġew iffalsifikati ma tikkostitwixxix minnha nfisha sitwazzjoni partikolari li tiġġustifika maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 162; Primex Produkte Import-Export et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 140, u SCI UK vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 58). B'mod partikolari, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li n-natura frawdolenti tal-fatturi maħruġa lil aġent doganali ma kinitx tikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79, billi qieset li dan il-fatt kien jaqa' taħt il-kategorija tar-riskji tal-professjoni li għalihom jesponi ruħu aġent doganali, li, min-natura nfisha tax-xogħol tiegħu, jassumi r-responsabbiltà għar-regolarità tad-dokumenti li huwa jippreżenta lill-awtoritajiet doganali u li, għaldaqstant, il-konsegwenzi dannużi ta' l-aġir mhux korrett tal-klijenti tiegħu ma jistgħux jiġu sostnuti mill-Komunità (is-sentenza Mehibas Dordselaan vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 82 u 83).

71      Issa, iċ-ċirkustanzi u l-karatteristiċi konkreti tar-reat li ġew allegati mir-rikorrenti, bħal-livell ta' organizzazzjoni tad-delinkwenti, is-serjetà tal-fatti, is-somom kbar ta' flus involuti fil-ksur jew l-eżistenza ta' erba' reati mwettqa wieħed wara l-ieħor, mhumiex tali li jinvalidaw din il-konklużjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ottubru 1983, Magazzini Generali, 186/82 u 187/82, Ġabra p. 2951, punti 14 u 15; ara wkoll is-sentenza Aslantrans vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 58). Bl-istess mod, l-argumenti tar-rikorrenti li l-aġenti doganali Taljani ma jistgħux jaġġustaw ir-rimunerazzjoni tagħhom skond l-evalwazzjoni tagħhom tar-riskju ta' frodi jew jirrifjutaw, mingħajr ġustifikazzjoni, li jaġixxu meta jiġu mitluba jagħmlu dan lanqas ma jikkostitwixxu elementi li jistgħu jqiegħdu lill-applikant f'sitwazzjoni eċċezzjonali meta mqabbel ma' l-operaturi ekonomiċi l-oħra, billi dawn iċ-ċirkustanzi jaffettwaw numru indefinit ta' operaturi, jiġifieri l-aġenti doganali Taljani kollha (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Frar 1999, Trans-Ex-Import, C-86/97, Ġabra I-1041, punt 22, u tas-27 ta' Settembru 2001, Bacardi, C-253/99, Ġabra p. I-6493, punt 63; is-sentenza De Haan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 52). Fl-aħħar nett, il-fatt li dan kien l-ewwel każ ta' frodi li affrontaw ir-rikorrenti lanqas m'huwa biżżejjed sabiex joħloq ċirkustanzi eċċezzjonali fis-sens ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79.

72      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li konklużjoni differenti, jiġifieri l-eżistenza ta' sitwazzjoni partikolari, għandha tapplika fil-każijiet meta l-Kummissjoni jew l-awtoritajiet doganali nazzjonali jkunu wettqu nuqqasijiet serji li jiffaċilitaw l-użu frawdolenti tad-dokumenti (is-sentenza SCI UK vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 59; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenzi Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 189 u 190; Primex Produkte Import-Export et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 163, u Kaufring et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 235 u 302). Fil-fatt, peress li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79 huwa intiż sabiex jiġi applikat meta ċ-ċirkustanzi li jikkaratterizaw ir-relazzjoni bejn l-operatur ekonomiku u l-amministrazzjoni huma tali li ma jkunx ġust li dan l-operatur jiġi kostrett isofri telf li normalment ma kienx isofri (is-sentenza Coopérative agricole d'approvisionnement des Avirons, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22), għandu jitqies li tali ċirkustanzi joħolqu sitwazzjoni partikolari fis-sens ta' l-imsemmija dispożizzjoni u li huma jiġġustifikaw maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Primex Produkte Import-Export et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 163 u 164).

73      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, f'dan il-każ, ir-rikorrenti pprovawx l-eżistenza ta' tali nuqqasijiet min-naħa tal-Kummissjoni jew ta' l-awtoritajiet doganali nazzjonali

c)     Rigward in-nuqqas ta' kontroll min-naħa ta' l-awtoritajiet doganali

 L-argumenti tal-partijiet

74      Ir-rikorrenti josservaw li l-awtoritajiet doganali ma kkontrollawx it-tagħbijiet tat-30 ta' Ottubru u tal-5 ta' Novembru 1991 u li waħħlu l-viża ta' konformità fuq iċ-ċertifikati ta' tranżitu mingħajr m'eżaminaw it-trakkijiet, u b'hekk fdaw fil-veraċità tad-dokumenti ppreżentati mix-xufier. Huma jsostnu, b'mod partikolari, li jekk l-awtoritajiet doganali ssuspettaw l-eżistenza ta' irregolaritajiet fl-operazzjonijiet tat-30 ta' Ottubru u tal-5 ta' Novembru 1991, bħalma kienu għamlu għall-operazzjoni tas-16 ta' Novembru 1991, huma kellhom l-obbigu li jeżaminaw il-merkanzija. Huma josservaw ukoll li garanzija xierqa, ta' 100 000 000 ITL, ġiet iddepożitata fil-mument tal-ħruġ taż-żewġ ċertifikati bħala garanzija tal-ħlas tad-dazji doganali dovuti għat-tagħbija ddikjarata ta' kaxxi tal-kartun għall-ippakkjar, garanzija li n-natura xierqa tagħha eventwalment kien imissha ġiet evalwata mill-awtoritajiet doganali, li setgħu jeżaminaw it-trakk fil-mument tal-ħruġ taż-żewġ ċertifikati ta' tranżitu. Għalhekk, anki li kieku jirriżulta li l-awtoritajiet doganali u l-pulizija doganali ma kinux jafu bit-traffikar ta' kuntrabandu, huma xorta jkunu responsabbli minħabba dan in-nuqqas ta' kontroll fiżiku tal-merkanzija.

75      Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll prinċipju ta' fiduċja ta' l-operatur fl-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Huma jsostnu li, fid-dawl ta' l-eżistenza tal-ftehim ta' assistenza amministrattiva bejn l-Italja u l-Jugoslavja, iċċitat iktar 'il fuq, l-awtoritajiet doganali Sloveni kellhom l-obbligu li jgħarrfu lill-awtoritajiet Taljani li t-tagħbijiet in kwistjoni kienu magħmula minn merkanzija sensittiva, għaliex kienet suġġetta għal monopolju ta' valur ekonomiku għoli, u li l-konsegwenzi ta' l-eventwali nuqqasijiet ta' din is-sistema ta' informazzjoni u ta' prevenzjoni tal-kuntrabandu ma jistgħux jiġu sostnuti mid-dikjarant fid-dwana. Għalhekk, anki li kieku l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza De Haan, iċċitata iktar 'il fuq, ma kinitx applikabbli fil-każ in kwistjoni, hemm lok li jiġi applikat il-prinċipju stabbilit fis-sentenzi Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, u Hewlett Packard France (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-1 ta' April 1993, C-250/91, Ġabra p. I-1819), peress li r-rikorrenti kellhom raġun ikollhom aspettattivi leġittimi fil-kontrolli preventivi ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji fuq il-merkanzija sensittiva.

76      Il-Kummissjoni ssostni li, minkejja li huwa minnu li, f'ċerti sitwazzjonijiet, frodi mwettqa permezz tal-preżentazzjoni in bona fide ta' dokumenti foloz tista' tiġġustifika maħfra tad-dejn, b'mod partikolari meta l-Kummissjoni jew l-awtoritajiet doganali jkunu wettqu nuqqasijiet serji li jiffaċilitaw l-użu frawdolenti ta' l-imsemmija dokumenti, jibqa' madankollu l-fatt li, f'dan il-każ, ir-rikorrenti ma ġabu ebda element ta' prova ta' żball ta' l-awtoritajiet Taljani.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

77      L-argumentazzjoni tar-rikorrenti tammonta, essenzjalment, għall-affermazzjoni, fl-ewwel lok, li l-awtoritajiet Taljani kien imisshom ikkontrollaw fiżikament il-merkanzija, li kienet is-suġġett ta' l-operazzjonijiet ta' tranżitu tat-30 ta' Ottubru u tal-5 ta' Novembru 1991, u, fit-tieni lok, li l-awtoritajiet doganali Sloveni kienu obbligati jgħarrfu lill-awtoritajiet doganali Taljana bl-ispedizzjonijiet ta' tabakk in kwistjoni.

78      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza tirrileva li ma jkunx raġonevoli li l-awtoritajiet doganali nazzjonali jiġu mitluba jwettqu eżami fiżiku tat-tagħbijiet kollha li jaqsmu l-fruntieri Komunitarji. Fil-fatt, ir-realtà tat-traffiku internazzjonali ta' merkanzija tirrendi impossibbli, fil-prattika, li t-trasporti fruntalieri kollha jiġu eżaminati fiżikament. Bl-istess mod, bħalma tirrileva d-deċiżjoni kkontestata fil-premessa 36 tagħha, l-aċċettazzjoni ta' dikjarazzjoni ta' tranżitu ma tipprekludix lill-awtoritajiet doganali kompetenti milli jwettqu kontrolli a posteriori (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Novembru 1984, Van Gend & Loos vs Il-Kummissjoni, 98/83 u 230/83, Ġabra p. 3763, punt 20). Fl-aħħar nett, bil-kontra ta' dak li jsostnu r-rikorrenti, il-provi li jinsabu fil-proċess ma jippermettux li jiġi konkluż li l-awtoritajiet Taljani kienu jissuspettaw l-eżistenza ta' irregolaritajiet fl-operazzjonijiet tat-30 ta' Ottubru u tal-5 ta' Novembru 1991.

79      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-ftehim ta' assistenza amministrattiva għall-prevenzjoni u t-trażżin tal-frodi doganali konkluż bejn l-Italja u l-Jugoslavja fl-10 ta' Novembru 1965 ma kienx jobbliga lill-awtoritajiet doganali Sloveni li jgħarrfu mill-iktar fis possibbli lill-awtoritajiet doganali Taljani bl-ispedizzjonijiet kollha ta' tabakk li jitilqu mit-territorju tagħhom lejn l-Italja. Fil-fatt, il-ftehim jillimita ruħu li jipprovdi għal assistenza reċiproka u għat-twaqqif ta' kooperazzjoni fil-qrib bejn iż-żewġ awtoritajiet (Artikoli 1 u 3), għall-implementazzjoni "safejn huwa possibbli" ta' sorveljanza partikolari fuq il-movimenti ta' merkanzija u ta' mezzi ta' trasport identifikati bħala li jikkostitwixxu traffikar illegali sinjifikattiv (Artikolu 4) u l-iskambju ta' informazzjoni b'mod partikolari dwar il-kategoriji ta' merkanzija li hija s-suġġett ta' ksur doganali (Artikolu 5).

80      Fid-dawl ta' dak li ntqal, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li r-rikorrenti ma pprovawx li l-awtoritajiet doganali nazzjonali wettqu nuqqasijiet serji li ffaċilitaw l-użu frawdolenti taċ-ċertifikati ta' tranżitu in kwistjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, f'dan il-każ, il-preżentazzjoni mir-rikorrenti, in bona fide, ta' dokumenti li wara ġie stabbilit li kienu ffalsifikati ma tistax tikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari li tiġġustifika maħfra tad-dazji doganali.

d)     Rigward l-impossibbiltà għar-rikorrenti li jeżaminaw it-trakkijiet

 L-argumenti tal-partijiet

81      Ir-rikorrenti jindikaw li huma joperaw fil-fruntiera bejn l-Italja u s-Slovenja, li huma ħarġu ċ-ċertifikati ta' tranżitu Komunitarju wara t-tluq tat-trakk minn Ljubljana u li, konsegwentement, huma ma kellhomx il-possibbiltà li jeżaminaw it-tagħbija. Ir-rikorrenti jżidu li d-dikjaranti fid-dwana ma jistgħux jitolbu li jeżaminaw il-mezzi ta' trasport, b'mod partikolari minħabba l-ħeffa li biha jridu jitwettqu l-operazzjonijiet ta' tranżitu għal raġunijiet evidenti ta' traffiku bejn il-fruntieri.

82      Il-Kummissjoni tosserva li l-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk teżistix sitwazzjoni partikolari jew le ma tistax tiddependi mill-post, li huwa ċirkustanza oġġettiva li tista' tikkonċerna, attwalment jew potenzjalment, numru kbir ta' operaturi ekonomiċi (is-sentenza Coopérative agricole d'approvisonnement des Avirons, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

83      Hija ġurisprudenza stabbilita li ċirkustanzi tali li jikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1430/79 jeżistu meta, fid-dawl ta' l-għan ta' ekwità li hija l-bażi ta' din id-dispożizzjoni, jiġu kkonstatati elementi li jistgħu jqiegħdu lill-applikant f'sitwazzjoni eċċezzjonali meta mqabbel ma' l-operaturi ekonomiċi l-oħra li jeżerċitaw l-istess attività (is-sentenzi Trans-Ex-Import, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22, Bacardi, iċċitata iktar 'il fuq, punt 56, u De Haan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 52).

84      Issa, għandu jiġi kkonstatat li la l-fatt li wieħed jopera fil-fruntiera, u mhux fil-post ta' tluq ta' l-ispedizzjoni, u lanqas l-allegat impossibbiltà li jiġi eżaminat it-trakk ma jikkostitwixxu elementi li jistgħu jqiegħdu lir-rikorrenti f'sitwazzjoni eċċezzjonali meta mqabbla ma' l-operaturi ekonomiċi l-oħra, peress li dawn iċ-ċirkustanzi jaffettwaw numru indefinit ta' operaturi. Għaldaqstant, huma ma jistax jagħtu lok għal sitwazzjoni partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79. Għall-kompletezza, għandu jiġi osservat li l-aġenti doganali, qabel ma jippreżentaw dikjarazzjoni doganali, jistgħu jitlobu lill-awtoritajiet doganali li jeżaminaw il-merkanzija, anki jekk jeżerċitaw din il-possibbiltà biss eċċezzjonalment.

e)     Rigward it-tweżin ta' l-interessi involuti

 L-argumenti tal-partijiet

85      Ir-rikorrenti josservaw li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta' sitwazzjoni eċċezzjonali meta mqabbla ma' l-operaturi l-oħra li jeżerċitaw l-istess attività għar-raġuni li l-ġbir tad-dazji kienet teqred finanzjarjament lill-operatur ekonomiku in kwistjoni, minħabba l-ammont għoli tal-pretensjoni ta' l-awtoritajiet doganali (is-sentenza Trans-Ex-Import, iċċitata iktar 'il fuq). Ir-rikorrenti josservaw ukoll li l-Kummissjoni għandha tevalwa l-elementi ta' fatt kollha sabiex tistabbilixxi jekk dawn jikkostitwixxux sitwazzjoni partikolari u għandha tiżen l-interess tal-Komunità li tiggarantixxi li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet doganali, minn naħa, u l-interess ta' l-operatur ekonomiku in bona fide li ma jsostnix danni li jeċċedu r-riskju kummerċjali normali, min-naħa l-oħra (is-sentenza Spedition Wilhelm Rotermund vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 53). Issa, id-deċiżjoni kkontestata ma għamlitx eżami komparattiv ta' l-interessi involuti, iżda limitat ruħha li sempliċement teskludi l-applikabbiltà ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79.

86      Il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-rikorrenti jimplika li l-Kummissjoni, qabel ma tirrifjuta talba għal maħfra, għandha tħejji tip ta' karta tal-bilanċ tar-riskji għar-riżorsi tal-Komunità u ta' dawk sostnuti mill-operaturi ekonomiċi. Għall-kuntrarju, l-analiżi li għandha ssir, skond il-ġurisprudenza, hija intiża sabiex tistabbilixxi jekk il-Kummissjoni jew l-awtoritajiet doganali wettqux żball tali li jimponi piż eċċessiv fuq l-operatur ekonomiku.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

87      Għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta' dak li jaffermaw ir-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonkludietx fis-sentenza tagħha Trans-Ex-Import, iċċitata iktar 'il fuq, li l-fatt li l-ġbir tad-dazji jipperikola li jeqred finanzjarjament lill-operatur ekonomiku, minħabba l-ammont għoli tal-pretensjoni ta' l-awtoritajiet doganali, kien element tali li jikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari. Fil-fatt, minkejja li l-qorti tar-rinviju kienet effettivament ressqet domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi stabbilit b'mod partikolari jekk il-fatt li l-ġbir tad-dazji doganali jwassal għar-rovina ta' l-impriża ta' l-operatur ekonomiku kienx jikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 905(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, p. 1) (is-sentenza Trans-Ex-Import, iċċitata iktar 'il fuq, punt 13), il-Qorti tal-Ġustizzja limitat ruħha li twieġeb li l-konstatazzjoni ta' sitwazzjoni partikolari tippresupponi l-eżistenza ta' elementi li jistgħu jqiegħdu lill-applikant f'sitwazzjoni eċċezzjonali meta mqabbel ma' l-operaturi l-oħra li jeżerċitaw l-istess attività (is-sentenza Trans-Ex-Import, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22).

88      Bl-istess mod, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex ibbażata fuq eżami komparattiv ta' l-interessi involuti ma tistax tiġi milqugħa. Għandu jiġi mfakkar li, meta hija tapplika l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali li hija marbuta teżerċita billi tiżen, minn naħa, l-interess tal-Komunità li tiggarantixxi li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet doganali u, min-naħa l-oħra, l-interess ta' l-operatur ekonomiku in bona fide li ma jsostnix danni li jeċċedu r-riskju kummerċjali normali (is-sentenzi Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 133, u Mehibas Dordtselaan vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 78). Issa, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta' dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma limitatx ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, li teskludi l-applikabbiltà ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79, iżda eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi in kwistjoni kinux jaqgħu taħt ir-riskju kummerċjali li normalment iġorru l-aġenti doganali, u kkonkludiet li dawn ma kinux jeċċedu r-riskju kummerċjali normali relatat ma' din l-attività (ara, b'mod partikolari, il-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata).

89      Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma rnexxilhomx jipprovaw, kemm jekk l-argumenti tagħhom jiġu kkunsidrati wieħed wara l-ieħor kemm jekk jittieħdu flimkien, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni billi qieset li ċ-ċirkustanzi in kwistjoni ma kinux jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79.

3.     Dwar l-ineżistenza ta' negliġenza u ta' qerq

 L-argumenti tal-partijiet

90      Ir-rikorrenti jsostnu l-ewwel nett li d-digriet li temm il-proċedimenti penali ta' l-14 ta' Jannar 1994 ta' l-imħallef ta' l-investigazzjonijiet preliminari tat-Tribunale civile e penale de Trieste jipprova li f'dan il-każ ma kienx jeżisti qerq jew negliġenza min-naħa tagħhom, fis-sens ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79. Huma josservaw li dan il-każ kien l-ewwel u l-uniku wieħed li fih sar abbuż mill-bona fides tagħhom fil-ħruġ ta' ċertifikati ta' tranżitu, meta preċedentement huma kienu ħarġu mijiet ta' dokumenti T1 matul għexieren ta' snin ta' attività li tinvolvi dikjarazzjonijiet fid-dwana. Ir-rikorrenti jindikaw li ċ-ċertifikati ta' tranżitu in kwistjoni nħarġu skond prassi kummerċjali normali, li l-awtoritajiet doganali qatt ma kkontestaw fil-passat, u li għaldaqstant kienet il-Kummissjoni li kellha ġġib il-prova ta' negliġenza manifesta min-naħa tagħhom (is-sentenza Primex Produkte Import-Export et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 136), kif ukoll li turi li r-rikorrenti kienu aġixxew f'dan il-każ b'mod differenti fir-rigward tal-modalitajiet ta' tħejjija u ta' ħruġ taż-żewġ ċertifikati in kwistjoni.

91      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argument li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata li skondu, fid-dawl ta' l-istatus tagħhom ta' dikjaranti abitwali fid-dwana, huma kellhom l-obbligu li jieħdu l-prekawzjonijiet kollha xierqa marbuta ma' l-ispedizzjoni in tranżitu, b'mod partikolari l-obbligu li jivverifikaw, qabel ma jagħmlu d-dikjarazzjoni, in-natura tal-merkanzija li tinsab fit-trakkijiet. Ir-rikorrenti josservaw f'dan ir-rigward li l-operazzjonijiet saru fl-uffiċċju doganali fil-fruntiera, u għaldaqstant "in fila", jiġifieri, trakk wara l-ieħor mal-qsim tal-fruntiera, u li, għaldaqstant, il-fatt li l-merkanzija tinħatt fiż-żona doganali jfixkel il-fluwidità tal-moviment tal-merkanzija. Ir-rikorrenti josservaw ukoll li d-dikjarant fid-dwana jista' biss jitlob l-eżami tal-merkanzija jekk jeżistu dubji preċiżi dwar in-natura tal-merkanzija, minħabba indikazzjonijiet żbaljati jew kuntradizzjonijiet fid-dokumenti prodotti, u li l-eżami għandu jkun awtorizzat mid-dwana. Huma josservaw ukoll li l-piż tat-trakk li ttrasporta s-sigaretti kien analogu għal dak li kien ikollu li kieku effettivament ittrasporta kaxxi tal-kartun għall-ippakkjar, u għaldaqstant kompatibbli man-natura tat-tagħbija ddikjarata fid-dokumenti ta' trasport u l-fatturi li akkumpanjawha.

92      Ir-rikorrenti jsostnu li, safejn setgħu, fuq il-bażi ta' l-esperjenza professjonali tagħhom u billi użaw diliġenza partikolari fl-eżami tad-dokumenti li tressqulhom, huma qiesu li t-trakkijiet kienu qed jittrasportaw kaxxi tal-kartun għall-ippakkjar, bħalma kien il-każ diversi drabi oħra, peress li din il-merkanzija kienet is-suġġett ta' tranżitu abitwali fl-uffiċċju doganali ta' Fernetti. Minbarra dan, ir-rikorrenti jsostnu li d-dokumenti li fuqhom tħejjew id-dikjarazzjonijiet ta' tranżitu dehru assolutament regolari, kif jikkonferma l-fatt li l-awtoritajiet doganali waħħlu l-viża tagħhom ta' konformità.

93      Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti tar-rikorrenti jammontaw għall-affermazzjoni li, minkejja l-istatus tagħhom ta' dikjaranti, huma ma għandhom jinkorru ebda responsabbiltà. Tali interpretazzjoni tasal sabiex tiċħad l-obbligu ta' diliġenza li huwa impost fuq id-dikjarant u tmur kontra l-eżiġenzi ta' ekwità li fuqhom huma bbażati l-proċeduri ta' maħfra. Il-Kummissjoni tfakkar li l-qorti Komunitarja kellha l-okkażjoni tfakkar l-importanza tal-kriterju tad-diliġenza ta' l-operatur li jkun għamel dikjarazzjoni fid-dwana (is-sentenza Hewlett Packard France, iċċitata iktar 'il fuq, punt 27), liema kriterju huwa essenzjali sabiex jiġi stabbilit jekk l-operatur kienx manifestament negliġenti (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Ġunju 1996, Günzler Aluminium vs Il-Kummissjoni, T-75/95, Ġabra p. II-497, punt 43). Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżami tad-deċiżjoni kkontestata juri li r-rikorrenti ma pprovawx li eżerċitaw id-diliġenza mitluba minn operatur b'esperjenza.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

94      Fid-dawl ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79, żewġ kundizzjonijiet kumulattivi għandhom jiġu sodisfatti sabiex ikunu jistgħu jinħafru d-dazji fuq l-importazzjoni, jiġifieri l-eżistenza ta' sitwazzjoni partikolari u l-assenza ta' qerq u ta' negliġenza manifesta min-naħa ta' l-operatur ekonomiku (is-sentenzi Covita, iċċitata iktar 'il fuq, punt 29; De Haan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 42, u SCI UK vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 45). Konsegwentement, biżżejjed li waħda miż-żewġ kundizzjonijiet tkun nieqsa sabiex il-ħlas lura tad-dazji jkollu jiġi rrifjutat (is-sentenzi Günzler Aluminium vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 54; Mehibas Dordtselaan vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 87, u Kaufring et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 220).

95      Issa, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li, f'dan il-każ, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta' evalwazzjoni meta qieset li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma kinux jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79. Għaldaqstant, mhuwiex meħtieġ li tiġi eżaminata l-kundizzjoni dwar l-assenza ta' qerq u ta' negliġenza manifesta.

96      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni motiv mhuwiex fondat.

97      Għaldaqstant it-talbiet tar-rikorrenti għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda.

II –  Fuq it-talbiet sussidjarji, intiżi sabiex tinkiseb il-maħfra parzjali tad-dazji doganali

 L-argumenti tal-partijiet

98      Ir-rikorrenti jikkontestaw, sussidjarjament, ir-rifjut, fid-deċiżjoni kkontestata, tat-talba tagħhom intiża sabiex parti mid-dejn doganali in kwistjoni jitqies li spiċċa wara l-konfiska parzjali tal-merkanzija suġġetta għad-dazji, kif jipprovdi, f'każ bħal dan, l-Artikolu 8(1) (b) tar-Regolament Nru 2144/87. Huma josservaw li, fil-kuntest ta' l-investigazzjonijiet tagħha, il-pulizija doganali ta' Trieste kkonfiskat, fit-8 ta' April 1992, 8 010 kilogramm ta' tabakk barrani maħdum f'maħżen li jinsab f'Bareggio, u jsostni li jeżisti grad ta' probabbiltà għolja li l-merkanzija kkonfiskata hija dik li kienet ġiet ittrasportata bid-dikjarazzjonijiet ta' tranżitu maħruġa mir-rikorrenti fit-30 ta' Ottubru u fil-5 ta' Novembru 1991. Ir-rikorrenti jsostnu li l-kontestazzjoni ta' l-ammont tad-dejn doganali tikkostitwixxi l-kwistjoni ta' fatt storiku li tat lok għall-kawża, u li għaldaqstant ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli, inkwantu tikkostitwixxi l-kwistjoni oġġettiva tal-kawża.

99      Il-Kummissjoni ssostni li din it-talba hija inammissibbli inkwantu, skond ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta' rikors għal annullament, il-qorti Komunitarja ma tistax tordna lil istituzzjoni Komunitarja tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' sentenza li tiddikjara l-annullament ta' deċiżjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

100    Bl-ilment ibbażat fuq l-allegat ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 2144/87, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza, b'mod partikolari, li tiddikjara, "għal kull bon fini", li l-maħfra tad-dazji hija dovuta lilhom għat-8 010 kilogramm ta' tabakk barrani maħdum ikkonfiskat f'Bareggio.

101    F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1430/79 m'għandhomx l-għan li jippermettu li jiġi kkontestat il-prinċipju nnifsu ta' l-eżiġibbiltà tad-dejn doganali [is-sentenzi Cerealmangimi u Italgrani vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 11; CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 43, u Hyper vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 98]. Issa, il-kwistjoni ta' l-estinzjoni, parzjali jew totali, tad-dejn doganali bil-konfiska tal-merkanzija suġġetta għal dazji doganali, fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 2144/87, hija neċessarjament relatata jew mal-kwistjoni ta' l-eżistenza nfisha tad-dejn doganali, jew ma' dik tad-determinazzjoni ta' l-ammont tad-dejn. Bl-istess mod, għandu jiġi osservat li t-talbiet imressqa lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79 ma jikkonċernawx il-kwistjoni jekk id-dispożizzjonijiet ta' dritt doganali sostantiv ġewx applikati korrettament mill-awtoritajiet doganali nazzjonali (is-sentenza Kia Motors u Broekman Motorships vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 36). Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-kwistjoni ta' l-estinzjoni tad-dejn doganali bil-konfiska ta' parti mill-merkanzija suġġetta għal dazji doganali ma tidħolx fl-ambitu ta' din id-dispożizzjoni.

102    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata bl-argumenti tar-rikorrenti li l-kontestazzjoni ta' l-ammont tad-dejn doganali tikkostitwixxi l-kwistjoni ta' fatt storiku li tat lok għall-kawża. Din it-teżi tinjora l-limiti u n-natura speċifika tal-mekkaniżmu ta' maħfra jew ta' ħlas lura tad-dazji doganali previst fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1430/79.

103    Fid-dawl ta' dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li t-talbiet tar-rikorrenti intiżi sabiex jiġi kkonstatat li l-maħfra tad-dazji hija dovuta f'dak li jikkonċerna d-dejn doganali relattiv għat-8 010 kilogramm ta' tabakk ikkonfiskat għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

104    Konsegwentement, ir-rikors kollu għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

105    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom u dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din ta' l-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom u l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

Lindh

García-Valdecasas

Cooke

Mogħtija fil-Qorti fil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta' Diċembru 2004.

H. Jung

 

       P. Lindh

Reġistratur

 

      President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Dwar it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

A –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq diversi żbalji materjali li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata

1.  Rigward l-eżami ta' l-operazzjoni tas-16 ta' Novembru 1991

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

2.  Rigward l-ammont tal-maħfra ta' dazji mitluba

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

B –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta' sitwazzjoni partikolari u fuq l-assenza ta' qerq u ta' negliġenza manifesta fis-sens ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  Fuq l-eżistenza ta' sitwazzjoni partikolari

a)  Rigward l-allegazzjoni li l-awtoritajiet Taljani kienu jafu minn qabel bl-operazzjonijiet ta' kuntrabandu

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

b)  Rigward l-argument tar-rikorrenti li l-attività ta' kuntrabandu li huma sfaw vittma tagħha kienet teċċedi r-riskji kummerċjali inerenti fl-attività professjonali tagħhom

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

c)  Rigward in-nuqqas ta' kontroll min-naħa ta' l-awtoritajiet doganali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

d)  Rigward l-impossibbiltà għar-rikorrenti li jeżaminaw it-trakkijiet

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

e)  Rigward it-tweżin ta' l-interessi involuti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

3.  Dwar l-ineżistenza ta' negliġenza u ta' qerq

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

II –  Fuq it-talbiet sussidjarji, intiżi sabiex tinkiseb il-maħfra parzjali tad-dazji doganali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.