Language of document : ECLI:EU:C:2024:504

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

13 ta’ Ġunju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Nomenklatura Magħquda – Intestatura tariffarja 9406 00 – Bini prefabbrikat – Portata tal-kunċett ta’ ‘bini’ – Gaġeġ għall-għoġġiela – Talba għal klassifikazzjoni fis-subintestatura 9406 00 80 – Klassifikazzjoni mogħtija fis-subintestatura 3926 90 97”

Fil-Kawża C‑104/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Awwissu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Frar 2023, fil-proċedura

A GmbH & Co. KG

vs

Hauptzollamt B,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn Z. Csehi, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur) u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers u M. Salyková, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Jannar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestatura tariffarja 9406 00 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem, in-“NM”), li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendata bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) N 1101/2014 tas‑16 ta’ Ottubru 2014 (ĠU 2014, L 312, p. 1) (iktar ’il quddiem l-“Anness I”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż A GmbH & Co. KG u l-Hauptzollamt B (l-Uffiċċju Doganali Prinċipali B, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Doganali B”), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja fin-NM ta’ apparat li jservi sabiex jipproteġi l-annimali mill-elementi, imsejjaħ “gaġeġ għall-għoġġiela”.

 Ilkuntest ġuridiku

 IsSA

3        Is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) ġiet stabbilita permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983, fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (WCO), u approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4        Bis-saħħa tal-punt 2 tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ din il-konvenzjoni, kull parti kontraenti tintrabat li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA, kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA u li ma tibdilx il-portata ta’ dawn it-taqsimiet, il-kapitoli u s-subintestaturi.

5        Il-klassifikazzjoni tal-merkanzija fin-nomenklatura tas-SA hija mwettqa skont dawn ir-regoli ġenerali, li r-Regola 3 tagħhom tipprovdi:

“Meta permezz tal-applikazzjoni tar-Regola 2(b) jew għal kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie f’intestatura waħda jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

(a)      l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun ippreferuta għall-intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madankollu, meta jkun hemm żewġ intestaturi jew iżjed li kull waħda minnhom tirreferi biss għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett offrut għall-bejgħ bl-imnut, dawk l-intestaturi għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk wieħed minnhom jagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża tal-oġġetti.

(b)      taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu kklassifikati b’referenza għar-Regola 3(a), għandhom ikunu kklassifikati daqslikieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;

(c)      meta l-oġġetti ma jkunux jistgħu jiġu kklassifikati b’referenza għar-Regola 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu kklassifikati fl-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li jixraqilhom li jitqiesu b’mod ugwali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        Il-Kapitolu 39 tas-SA huwa intitolat “Plastik u oġġetti magħmula minnu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7        Il-Kapitolu 94 tas-SA huwa intitolat “Għamara; friex, imtieraħ, irfid għal imtieraħ, kuxxini u tagħmir (furnishing) simili mimli; tagħmir (fittings) tad-dawl, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra; sinjali mdawlin, pjanċi ta’ l-ismijiet imdawlin u simili; bini prefabbrikat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 InNoti ta’ Spjega tasSA

8        In-Noti ta’ Spjega tas-SA ġew imfassla fi ħdan il-WCO konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija.

9        Fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, il-Kapitolu 39 tas-SA kien jinkludi nota ta’ spjega dwar il-“plastik”, li kienet tipprovdi b’mod partikolari:

“1.      Fin-nomenklatura, l-espressjoni ‘plastik’ tfisser dawk il-materjali tal-intestaturi 3901 sa 3914 li huma jew li kienu kapaċi, jew waqt il-polimerizzazzjoni inkella waqt xi stadju sussegwenti, ikunu fformati taħt influwenza esterna (spiss sħana jew pressjoni, jekk meħtieġ b’solvent jew bi plastiċiżżatur) b’immudellar, ikkastjar, estrużjoni, irrumblar jew proċess ieħor f’forom li jibqgħu wara t-tneħħija tal-influwenza esterna.

Fin-nomenklatura, kull riferenza għal ‘plastik’ tinkludi ukoll materjal ta’ fibri vulkanizzati. L-espressjoni, iżda, ma tapplikax għal materjali meqjusin bħala materjali tessili tat-Taqsima XI.

2.      Dan il-kapitolu ma jkoprix:

[…]

(x)      l-oġġetti tal-Kapitolu 94 (pereżempju, għamara, lampi u tagħmir tad-dawl, sinjali mdawlin, bini prefabbrikat);

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      In-nota ta’ spjega li tikkonċerna l-Kapitolu 94 tas-SA kienet tipprovdi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali:

“[…]

4.      Għall-finijiet tal-intestatura 9406, l-espressjoni ‘bini prefabbrikat’ tfisser bini li jitlesta fil-fabbrika jew jittella’ bħala elementi, ippreżentati flimkien, biex jiġu mmuntati fil-post, bħal akkomodazzjoni għal djar jew għal post tax-xogħol, uffiċċji, skejjel, ħwienet, barrakki, garaxxijiet jew bini simili.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      In-nota ta’ spjega li tirrigwarda l-intestatura 94.06 tas-SA kienet ifformulata kif ġej:

“94.06 Bini prefabbrikat

Din l-intestatura tkopri l-kostruzzjonijiet prefabbrikati, magħrufa wkoll bħala bini industrijalizzat, ta’ kull materjal.

Dawn il-kostruzzjonijiet, maħsuba għall-iktar użi varjati, bħal akkomodazzjoni għal djar, barrakki tax-xogħol, uffiċċji, skejjel, ħwienet, barrakki, garaxxijiet u serer, ġeneralment ikunu fil-forma:

–        kostruzzjonijiet sħaħ, kompletament assemblati, lesti għall-użu;

–        kostruzzjonijiet sħaħ, mhux assemblati;

–        kostruzzjonijiet mhux kompluti, kemm jekk immuntati kif ukoll jekk le, iżda li għandhom il-karatteristiċi essenzjali ta’ bini prefabbrikat.

Fil-każ ta’ kostruzzjonijiet ippreżentati fi stat mhux immuntat, l-elementi neċessarji għall-bini tagħhom jistgħu jkunu jew parzjalment immuntati (pereżempju, ħitan, irziezet) jew maqtugħin b’dimensjonijiet definittivi (travi, serratizzi, b’mod partikolari) jew inkella, għal uħud minnhom, ta’ tul indeterminat sabiex jiġu aġġustati fil-mument tal-assemblaġġ (travi ta’ sostenn, materjali iżolanti, eċċ.).

Il-kostruzzjonijiet ta’ din l-intestatura jistgħu jkunu mgħammra jew le. Madankollu, huwa biss it-tagħmir fiss li normalment jiġi kkunsinnat flimkien ma’ dawn il-kostruzzjonijiet, li jista’ jinkludi, pereżempju, l-installazzjoni elettrika (kejbils, sokits, swiċċijiet, circuit breakers awtomatiċi, qniepen, eċċ.), apparat għat-tisħin jew għall-arja kkundizzjonata (bojlers, radjaturi, kundizzjonaturi tal-arja, eċċ.), tagħmir sanitarju (banjijiet, doċċi, giżers, eċċ.) jew tal-kċina (sinkijiet, hoods, kukers, eċċ.), kif ukoll għamara built-in jew iddisinjata sabiex tkun built-in (kabinetti, armarji, eċċ.).

Il-materjali intiżi għall-assemblaġġ jew għat-tlestija ta’ bini prefabbrikat (pereżempju, imsiemer, kolla, ġibs, mehrież, wajers u kejbils tal-elettriku, tubi u pajpijiet, żebgħa, karti taż-żebgħa, tapit) għandhom jiġu kklassifikati mal-imsemmi bini bil-kundizzjoni li jiġu ppreżentati flimkien ma’ dawn tal-aħħar fi kwantitajiet xierqa.

Il-partijiet ta’ bini, kif ukoll l-oġġetti ta’ tagħmir, ippreżentati b’mod iżolat, irrispettivament minn jekk humiex rikonoxxibbli jew le bħala intiżi li jgħammru dan il-bini, huma esklużi minn din l-intestatura u fil-każijiet kollha għandhom jiġu kklassifikati fl-intestaturi rispettivi tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 InNM

12      Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2658/87, in-NM, stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea, tirregola l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, din in-nomenklatura tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, u huma biss is-seba’ u t-tmien ċifra li joħolqu subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha.

13      Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni għandha tadotta, kull sena, regolament li jirriproduċi l-verżjoni kompleta tan-NM, flimkien mar-rati tad-dazji doganali komuni skont l-Artikolu 1, kif jirriżulta minn miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Ottubru u huwa applikabbli mill‑1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

14      Mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-verżjoni tan-NM applikabbli għall-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1101/2015, li emenda n-NM mill‑1 ta’ Jannar 2015.

15      Skont ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fl-Ewwel Parti tal-Parti A tat-Taqsima I tal-Anness I, intitolata “Dispożizzjonijiet preliminari”:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.      It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

2.      (a)      Kwalunkwe referenza f’titlu għal oġġett għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum, sakemm, kif preżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum ikollu l-karattru essenzjali ta’ l-oġġett komplut jew mitmum. Għandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew mitmum (jew li jista’ jkun klassifikat bħala komplut jew mitmum permezz ta’ din ir-regola), preżentat mhux armat jew żarmat.

[…]

3.      Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie f’titlu wieħed jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

(a)      it-titlu li jagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal titli li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. […]

(b)      taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;

[…]

4.      Oġġetti li ma jistgħux ikunu klassifikati skond ir-regoli ta’ hawn fuq għandhom ikunu klassifikati fit-titlu xieraq għall-oġġetti li huma l-iżjed jixbħu.

[…]

6.      Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

16      It-tieni parti tal-Anness I, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, tinkludi t-Taqsima VII, intitolata “Plastik u oġġetti tiegħu; gomma u oġġetti tagħha”, li fiha jinsab il-Kapitolu 39, huwa nnifsu intitolat “Plastiks u oġġetti tagħhom”.

17      Dan il-kapitolu jinkludi l-intestatura 3926 tan-NM, li hija ppreżentata kif ġej:

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Rata konvenzjonali ta’ dazju (%)

Unità Supplimentari

3926

Oġġetti oħrajn tal-plastiks u oġġetti ta’ materjali oħrajn ta’ titli 3901 sa 3914



3926 10 00

– Provvisti għall-uffiċċju jew għall-iskola

6,5

3926 20 00

– Oġġetti ta’ lbies u aċċessorji tal-ħwejjeġ (inklużi ingwanti, ingwanti li jgħattu erba’ swaba (mittens) u ingwanti li jgħattu nofs is-swaba (mitts))

6,5

3926 30 00

– Tagħmir għal għamara, qofsa ta’ vetturi jew bħalhom

6,5

3926 40 00

– Statwetti u oġġetti ornamentali oħrajn

6,5

3926 90

– Oħrajn



3926 90 50

– – Bramel imtaqqbin u oġġetti simili użati biex jiffiltraw ilma fi dħul għal katusi (drains)

6,5


– – Oħrajn



3926 90 92

Magħmulin minn folja

6,5

3926 90 97

– – – Oħrajn

6,5 […]


18      Barra minn hekk, it-Tieni Parti tal-Anness I tinkludi t-Taqsima XX, intitolata “Oġġetti manifatturati varji”, li fiha jinsab il-Kapitolu 94, huwa nnifsu intitolat “Għamara; friex, mtieraħ, irfid għal imtieraħ, kuxxini u tagħmir (furnishing)simili mimli; lampi u tagħmir (fittings) tad-dawl mhux speċifikati jew inklużi band’ oħra; sinjali mdawwlin, pjanċi ta’ l-ismijiet imdawwlin u simili; bini prefabbrikat”.

19      Dan il-kapitolu jinkludi b’mod partikolari l-intestatura 9406 00 tan-NM, li hija fformulata kif ġej:

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Rata konvenzjonali ta’ dazju (%)

Unità Supplimentari

9406 00

Bini prefabbrikat



9406 00 11

– Djar mobbli

2,7


– Oħrajn



9406 00 20

– – Ta’ l-għuda

2,7


– – Ta’ ħadid jew azzar



9406 00 31

– – – Serer

2,7

9406 00 38

– – – Oħrajn

2,7

9406 00 80

– – Ta’ materjali oħrajn

2,7


 InNoti għanNM

20      In-Noti 1 u 2 tal-Kapitolu 39 tan-NM jipprovdu:

“1.      Matul in-nomenklatura, l-espressjoni ‘plastiks’ tfisser dawk il-materjali ta’ titli 3901 sa 3914 li huma jew li kienu kapaċi, jew waqt il-polimerizzazzjoni inkella waqt xi stadju sussegwenti, li jkunu ffurmati taħt influwenza esterna (spiss sħana jew pressjoni, jekk meħtieġ b’solvent jew plastiċiżżatur) b’immudellar, ikkastjar, estrużjoni, irrumblar jew proċess ieħor f’suriet li jibqgħu wara t-tneħħija ta’ l-influwenza esterna.

Matul in-nomenklatura, kull riferenza għal ‘plastiks’ tinkludi ukoll materjal ta’ fibri vulkanizzati. L-espressjoni, iżda, ma tapplikax għal materjali meqjusin bħala materjali tessili ta’ Taqsima XI.

2.      Dan il-kapitlu ma jkoprix:

[…]

(x)      oġġetti ta’ Kapitlu 94 (per eżempju, għamara, lampi u tagħmir tad-dawl, sinjali mdawlin, bini prefabbrikat);

[…]”

21      In-Nota 4 tal-Kapitolu 94 tan-NM tipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ titlu 9406, l-espressjoni ‘bini prefabbrikat’ tfisser bini li jitlesta fil-fabbrika jew jittella’ bħala elementi, ippreżentati flimkien, biex jiġu mmuntati fil-post, bħal akkomodazzjoni għal djar jew għal post tax-xogħol, uffiċċji, skejjel, ħwienet, barrakki, garaxxijiet jew bini simili.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

22      Fil‑5 ta’ Awwissu 2015, A talbet lill-Uffiċċju Doganali B joħroġ informazzjoni tariffarja vinkolanti (iktar ’il quddiem l-“ITV”) dwar il-gaġeġ għall-għoġġiela li hija kienet timporta fil-Ġermanja.

23      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-gaġeġ għall-għoġġiela inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma normalment installati barra mill-istalli sabiex iservu sabiex jipproteġu l-annimali mill-elementi. Dawn jikkonsistu fi struttura magħmul minn ħitan u saqaf kif ukoll, skont il-mudell, minn art. Huma għandhom fetħiet għall-friex u għall-ventilazzjoni kif ukoll daħla ta’ quddiem, ġeneralment mingħajr bieb, għalkemm dan huwa disponibbli bħala aċċessorju fakultattiv għal ċerti mudelli.

24      Dawn il-gaġeġ għall-għoġġiela huma mmanifatturati bil-polietilen (li fih 8 % dijossidu tat-titanju) u jinkludu bażi tal-metall, li jservi bħala bażi għall-gaġeġ kollha, kif ukoll bażi tal-metall iwweldjat fil-qafas tal-bieb, meta tali bieb huwa previst. Dawn il-komponenti tal-metall jikkostitwixxu bejn 12 % u 21 % tal-merkanzija kollha. L-iżgħar wieħed mill-mudelli għandu tul ta’ 147 cm, wisa’ ta’ 109 cm u għoli ta’ 117 cm. Il-gaġġa tal-gruppi għandha dimensjonijiet ta’ 220 cm x 273 cm x 183 cm.

25      A talbet li dawn il-gaġeġ jibbenefikaw minn klassifikazzjoni tariffarja fis-subintestatura 9406 00 80 tan-NM bħala “Bini prefabbrikat ta’ materjali oħrajn”, li għalihom ir-rata applikabbli ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni hija ta’ 2.7 %.

26      Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Settembru 2015 li sservi bħala ITV, l-Uffiċċju Doganali B wettaq il-klassifikazzjoni tariffarja tal-imsemmija gaġeġ fis-subintestatura 3926 90 97 tan-NM, bħala “oġġetti oħrajn tal-plastik u oġġetti ta’ materjali oħrajn tal-intestaturi 3901 sa 3914, ħlief dawk li jaqgħu fis-subintestaturi 3926 10 00 sa 3926 90 92”, suġġetti għal dazju doganali ta’ 6.5 %. A ressqet ilment kontra dik id-deċiżjoni.

27      Wara ċ-ċaħda tal-ilment tagħha, A adixxiet lill-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi, il-Ġermanja), li ma laqgħetx ir-rikors tagħha. Skont dik il-qorti, il-materjal tal-plastik polietilen jagħti lill-gaġeġ għall-għoġġiela n-natura essenzjali tagħhom. Barra minn hekk, peress li l-fetħa sħiħa tal-gaġeġ għall-għoġġiela tikkostitwixxi minn daħla li ma hijiex magħluqa b’bieb jew b’ħaġa simili, dawn il-gaġeġ ma jifformawx “spazju magħluq”, li huwa madankollu kundizzjoni neċessarja għall-klassifikazzjoni ta’ merkanzija bħala “bini”. Għalhekk, dawn il-gaġeġ ma jikkostitwixxux merkanzija li taqa’ taħt il-Kapitolu 94, u wisq inqas fl-intestatura 9406 00 tan-NM. L-imsemmija qorti għalhekk tikkunsidra li l-Uffiċċju Doganali B kien ikklassifikahom ġustament fis-subintestatura 3926 90 97 tan-NM.

28      A ppreżentat rikors għal reviżjoni minn dik is-sentenza quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

29      Quddiem dik il-qorti, il-partijiet ma jaqblux, essenzjalment, fuq il-kwistjoni dwar jekk il-“bini prefabbrikat”, fis-sens tan-NM, għandux neċessarjament jifforma spazju magħluq u jkun aċċessibbli għal persuni b’mod li jkunu jistgħu joqogħdu bilwieqfa ġo fih.

30      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, il-gaġeġ għall-għoġġiela għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 3926 sakemm ma jkunux esklużi minnha bis-saħħa tan-Nota 2(x) tal-Kapitolu 39 tan-NM, fuq il-bażi li jkunu bini prefabbrikat kopert mill-Kapitolu 94 tagħha. Kuntrarjament għas-soluzzjoni adottata mill-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi), il-qorti tar-rinviju tqis li l-intestatura 9406 tan-NM, fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, ma teħtieġx li bini prefabbrikat jifforma spazju kompletament magħluq. Madankollu, dik il-qorti hija wkoll tal-fehma li, sabiex tkun koperta mill-intestatura 9406 tan-NM, bini prefabbrikat għandu jippermetti lil persuni ta’ tul medju jidħlu fih f’pożizzjoni wieqfa u jużawh filwaqt li jibqgħu bilwieqfa, li ma huwiex il-każ tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-għoli tagħha huwa baxx wisq sabiex isir dan.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-intestatura 9406 tan-[NM] tirrikjedi neċessarjament li bini prefabbrikat jifforma spazju magħluq kompletament min-naħat kollha?

2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: l-intestatura 9406 tan-[NM] tirrikjedi li l-bini prefabbrikat ikun suffiċjentement kbir sabiex jippermetti lil persuna ta’ tul medju tidħol fih u, sabiex tagħmel dan, li jkun hemm mill-inqas spazju aċċessibbli li jippermetti lil tali persuna tkun bil-wieqfa, jew huwa biżżejjed li jkun possibbli li hija tidħol billi titbaxxa?”

 Fuq iddomandi preliminari

32      Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-intestatura 9406 00 tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “bini prefabbrikat” li jinsab fiha jkopri merkanzija tal-plastik li sservi sabiex tipproteġi lill-annimali mill-elementi, imsejħa “gaġġa għall-għoġġiela”, li għandha saqaf u ħitan, iżda li mhux neċessarjament tifforma spazju magħluq fil-ġnub kollha u li d-dimensjonijiet tagħha ma jippermettux lil persuna ta’ tul medju li tidħol fiha f’pożizzjoni wieqfa u li teżerċita attivitajiet fiha filwaqt li tibqa’ bilwieqfa.

33      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom din tal-aħħar tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti kkonċernati skont in-NM iktar milli li tikklassifikahom hija stess. Din il-klassifikazzjoni tirriżulta minn evalwazzjoni purament fattwali li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li twettaq fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Mikrotīkls, C‑542/21, EU:C:2022:814, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Għandu jitfakkar ukoll li, konformement mar-Regola Ġenerali 1 għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli ta’ din in-nomenklatura.

35      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-verifiki, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ din il-merkanzija għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-kwalitajiet oġġettivi tagħha, kif imfissra mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli korrispondenti. L-użu intenzjonat tal-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni, sa fejn dan ikun inerenti għal dan il-prodott, u għandu jiġi evalwat skont il-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tiegħu (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Mikrotīkls, C‑542/21, EU:C:2022:814, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li, għalkemm in-noti ta’ spjega tas-SA u tan-NM ma għandhomx saħħa vinkolanti, huma jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi utli għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Mikrotīkls, C‑542/21, EU:C:2022:814, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan il-każ, peress li l-kawża prinċipali hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-merkanzija kkonċernata għandhiex tiġi kklassifikata f’subintestatura tal-intestatura 3926 jew fis-subintestatura 9406 00 tan-NM, għandu jitfakkar ukoll li tali klassifikazzjoni hija, skont ir-Regola Ġenerali 6 għall-interpretazzjoni tan-NM, iddeterminata skont it-termini ta’ dawn is-subintestaturi u tan-noti tas-subintestaturi, peress li n-noti tat-taqsimiet u tal-kapitoli korrispondenti huma applikabbli wkoll, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjonijiet kuntrarji.

38      Konformement man-Nota 2(x) tal-Kapitolu 39 tan-NM, dan il-kapitolu ma jinkludix l-oġġetti tal-Kapitolu 94 tagħha. Konsegwentement, jekk merkanzija taqa’ taħt dan il-Kapitolu 94, hija tkun, minħabba dan il-fatt stess, eskluża mill-Kapitolu 39 tan-NM.

39      L-intestatura 9406 00 tal-Kapitolu 94 tan-NM, li hija s-suġġett tad-domandi magħmula, hija msejħa “Bini prefabbrikat”.

40      La n-NM u lanqas is-SA ma jiddefinixxu l-kunċett ta’ “bini”.

41      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ termini li ma jingħataw ebda definizzjoni fid-dritt tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita skont it-tifsira komuni tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh, C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 28).

42      Fir-rigward tas-sens abitwali fil-lingwaġġ ta’ kuljum tal-kelma “bini”, għandu jiġi kkonstatat li din il-kelma tirreferi b’mod partikolari għal struttura mibnija ta’ ċertu daqs, li bħala prinċipju jkollha ħitan u saqaf, tkun ġeneralment użata minn persuni sabiex joqogħdu fiha, sabiex jeżerċitaw attivitajiet fiha jew sabiex iżommu oġġetti fiha.

43      Fir-rigward tal-kuntest li fih il-kunċett ta’ “bini” huwa użat fl-intestatura 9406 00 tan-NM, għandu jitfakkar li n-Nota 4 tal-Kapitolu 94 tan-NM tistabbilixxi, essenzjalment, li huma kkunsidrati bħala “bini prefabbrikat[, fis-sens tal-intestatura 9406,] bini li jitlesta fil-fabbrika jew jittella’ bħala elementi, ippreżentati flimkien, biex jiġu mmuntati fil-post, bħal akkomodazzjoni għal djar jew għal post tax-xogħol, uffiċċji, skejjel, ħwienet, barrakki, garaxxijiet jew bini simili”. Għalhekk, għalkemm din il-lista hija ppreżentata bħala eżempju, xorta jibqa’ l-fatt li din in-nota telenka, mingħajr eċċezzjoni, strutturi li jinvolvu l-faċilitazzjoni tal-attività tal-bniedem u li fihom persuni jistgħu jidħlu u jiċċaqalqu f’pożizzjoni wieqfa, b’mod partikolari sabiex jeżerċitaw attivitajiet fihom.

44      Konsegwentement, fid-dawl tas-sens abitwali tal-kelma “bini” fil-lingwaġġ ta’ kuljum u tal-kuntest li fih tintuża kif ukoll tal-għanijiet imfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “bini”, li jinsab fl-intestatura 9406 00 tan-NM fit-termini “bini prefabbrikat”, għandu jinftiehem bħala li jkopri struttura li fiha persuni jistgħu jidħlu f’pożizzjoni wieqfa u jiċċaqalqu f’pożizzjoni wieqfa, b’mod partikolari sabiex jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fiha.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li ma huwiex indispensabbli, sabiex ikun jista’ jsir tali użu, li l-istruttura inkwistjoni tifforma spazju kompletament magħluq. Fil-fatt, min-Nota 4 tal-Kapitolu 94 tan-NM, li l-formulazzjoni tagħha hija mfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li huma kkunsidrati bħala “bini prefabbrikat”, fis-sens tal-intestatura 9406, b’mod partikolari l-barrakki. Issa, għalkemm il-barrakki huma mgħammra b’soqfa u b’ħitan, huma la għandhom neċessarjament ikollhom erba’ ħitan u lanqas ma għandhom jifformaw neċessarjament spazju magħluq.

46      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ma għandhomx saħħa vinkolanti fid-dritt, huma madankollu jikkostitwixxu mezzi importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tal-Kodiċi Doganali mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u jistgħu, bħala tali, jitqiesu bħala mezzi validi għall-interpretazzjoni ta’ dan il-kodiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 1977, Dittmeyer, 69/76 u 70/76, EU:C:1977:25, punt 4, kif ukoll tal‑10 ta’ Settembru 2020, BMW, C‑509/19, EU:C:2020:694, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, waqt il-mitejn sebgħa u għoxrin laqgħa tiegħu, il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali qies li “bini prefabbrikat”, fis-sens tal-intestatura 9406 00 tan-NM, ma għandux neċessarjament ikollu erba’ ħitan, iżda għandu jkollu saqaf u xi ħitan.

47      Fid-dawl tal-motivi preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-intestatura 9406 00 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “bini prefabbrikat” li jinsab fiha ma jkoprix merkanzija tal-plastik li sservi sabiex tipproteġi lill-annimali mill-elementi, imsejħa “gaġġa għall-għoġġiela”, li għandha saqaf u ħitan, iżda li mhux neċessarjament tifforma spazju magħluq fil-ġnub kollha u li d-dimensjonijiet tagħha ma jippermettux lil persuna ta’ tul medju li tidħol fiha f’pożizzjoni wieqfa u li teżerċita attivitajiet fiha filwaqt li tibqa’ bilwieqfa.

 Fuq lispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-intestatura 9406 00 tan-Nomenklatura Magħquda, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni tagħha kif tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) N 1101/2014 tas16 ta’ Ottubru 2014,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

il-kunċett ta’ “bini prefabbrikat” li jinsab fiha ma jkoprix merkanzija tal-plastik li sservi sabiex tipproteġi lill-annimali mill-elementi, imsejħa “gaġġa għall-għoġġiela”, li għandha saqaf u ħitan, iżda li mhux neċessarjament tifforma spazju magħluq fil-ġnub kollha u li d-dimensjonijiet tagħha ma jippermettux lil persuna ta’ tul medju li tidħol fiha f’pożizzjoni wieqfa u li teżerċita attivitajiet fiha filwaqt li tibqa’ bilwieqfa.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.