Language of document : ECLI:EU:C:2024:498

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

13 ta’ Ġunju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(3) – Kumpens lill-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien twil jew ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Ċirkustanzi straordinarji – Miżuri raġonevoli ta’ prevenzjoni – Ħsarat tekniċi kkawżati minn difett moħbi fid-disinn – Difett fid-disinn tal-magna ta’ ajruplan – Obbligu tat-trasportatur tal-ajru li jkollu ajruplani ta’ sostituzzjoni”

Fil-Kawża C‑411/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Mejju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Lulju 2023, fil-kawża

D. S.A.

vs

P. S.A.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Piçarra, President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal D. S.A., minn P. Gad, K. Puchalska u K. Żbikowska, adwokaci,

–        għal P. S.A., minn E. Cieplak-Greszta, adwokat,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Yerrell u B. Sasinowska, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, D. S.A., li kienet P.[R] (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”), ċessjonarja tad-drittijiet ta’ J. D., u, min-naħa l-oħra P. S.A., trasportatur tal-ajru (iktar ’il quddiem it-“trasportatur tal-ajru inkwistjoni fil-kawża prinċipali”), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jikkumpensa lil J. D., passiġġier li t-titjira tiegħu kellha dewmien twil mal-wasla.

 Ilkuntest ġuridiku

3        Il-premessi 1, 14 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdu:

“(1)      Azzjoni mil-Komunitá [Ewropea] fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

[...]

(14)      Bħal taħt il-Konvenzjoni [għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montreal fit‑28 ta’ Mejju 1999 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE tal‑5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491)], obbligazzjonijiet dwar trasportaturi ta’ l-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkostanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbilitá politika, kondizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux ma’ l-operazzjoni tat-titjira in kwistjoni, riskji tas-sigurtá, nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtá tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jopera.

(15)      Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-ajru in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

4        L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jiddisponi:

“(1)      Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[...]

(ċ) jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:      jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

[...]

3.      Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

[...]”

5        L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

a)      EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1 500 kilometru jew inqas;

b)      EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1 500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1 500 u 3 500 kilomentru:

ċ)      EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

[...]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

6        Fit‑2 ta’ Lulju 2018, J. D. ikkonkluda, mat-trasportatur tal-ajru inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kuntratt li jirrigwarda servizz ta’ trasport bl-ajru għal titjira bejn Kraków (il-Polonja) u Chicago (l-Istati Uniti).

7        Preċedentement, matul ix-xahar ta’ April 2018, il-manifattur tal-magna li tgħammar l-ajruplan previst sabiex iwettaq din it-titjira kien ikkomunika lil dan it-trasportatur direttiva u bullettin li kienu juru l-eżistenza ta’ difett moħbi fid-disinn li jaffettwa l-paletti ta’ kompressur bi pressjoni għolja tal-magni mgħammra fuq l-ajruplani tal-istess mudell (iktar ’il quddiem id-“difett fid-disinn tal-magna”) u li kienu jimponu ċertu numru ta’ restrizzjonijiet għall-użu ta’ dawn l-ajruplani. Minn din id-data, l-imsemmi trasportatur isostni li kkuntattja diversi drabi lil diversi trasportaturi sabiex jikri ajruplani addizzjonali u jirrimedja għall-eventwali dehra ta’ difett fid-disinn tal-magna f’xi wieħed mill-ajruplani tal-flotta tiegħu.

8        Fit‑28 ta’ Ġunju 2018, jiġifieri erbat ijiem qabel it-titjira prevista, seħħet ħsara fil-magna matul titjira operata mill-ajruplan previst sabiex titwettaq it-titjira rriżervata minn J. D. Skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-manifattur tal-magna, it-trasportatur tal-ajru inkwistjoni fil-kawża prinċipali spezzjona b’urġenza l-magna kkonċernata u identifika difett fid-disinn tal-magna. Wara konsultazzjoni mal-manifattur tal-magna, il-magna kkonċernata ġiet dekummissjonata u mbagħad ġiet żarmata u mibgħuta għat-tiswija f’ċentru ta’ manutenzjoni. Fin-nuqqas ta’ magna alternattiva disponibbli immedjatament minħabba nuqqas dinji ta’ magni, il-magna difettuża setgħet tiġi ssostitwita biss fil‑5 ta’ Lulju 2018, b’tali mod li l-ajruplan reġa’ beda jopera fis‑7 ta’ Lulju ta’ wara.

9        F’dan il-kuntest, dan it-trasportatur opera f’dan l-istess jum it-titjira prevista fit‑2 ta’ Lulju 2018 mhux permezz tal-ajruplan inizjalment previst, iżda permezz ta’ ajruplan ta’ sostituzzjoni li kellu dewmien mal-wasla ta’ iktar minn tliet sigħat meta mqabbel mal-ħin tal-wasla inizjalment previst.

10      Fit‑18 ta’ Lulju 2018, J. D. ittrasferixxa l-kreditu tiegħu li jirriżulta mid-dewmien twil mal-wasla tat-titjira lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

11      Quddiem ir-rifjut tat-trasportatur tal-ajru inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jħallas il-kumpens fl-ammont ta’ EUR 600 previst fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 minħabba li d-dewmien fil-wasla tat-titjira kkonċernata kien ir-riżultat tal-iskoperta tad-difett fid-disinn tal-magna tal-ajruplan u li huwa kien ħa l-miżuri kollha possibbli sabiex jimminimizza kull ostakolu li taffettwa t-titjira skedata, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxiet lis-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja, il-Polonja), fid‑29 ta’ Marzu 2019.

12      Permezz tad-deċiżjoni tagħha tat‑3 ta’ Diċembru 2021, din il-qorti tal-ewwel istanza ddeċidiet li d-difett fid-disinn tal-magna skopert waqt l-ispezzjoni ta’ emerġenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018 kien jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 u li t-trasportatur tal-ajru inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien ħa l-miżuri raġonevoli kollha possibbli sabiex jipprevedi ajruplan ta’ sostituzzjoni sabiex iwettaq it-titjira.

13      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat minn din id-deċiżjoni quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju.

14      Għalkemm din il-qorti titlaq mill-premessa li l-kawża tad-dewmien tat-titjira kkonċernata tinsab fl-eżistenza ta’ difett fid-disinn tal-magna, li nstab fit‑28 ta’ Ġunju 2018 waqt spezzjoni ta’ emerġenza tal-ajruplan ikkonċernat, hija għandha dubji ta’ żewġ tipi.

15      Fl-ewwel lok, hija tistaqsi dwar jekk id-difett fid-disinn tal-magna, li ġie identifikat mill-manifattur tal-magna lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat f’April 2018 permezz tal-komunikazzjoni ta’ direttiva u ta’ bullettin li kienu jimponu ċertu numru ta’ restrizzjonijiet għall-użu tal-ajruplan, jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771), tas‑17 ta’ Settembru 2015, van der Lans (C‑257/14, EU:C:2015:618), u tat‑12 ta’ Marzu 2020, Finnair (C‑832/18, EU:C:2020:204), peress li l-okkorrenza ta’ dan id-difett kienet saret prevedibbli.

16      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk id-difett fid-disinn tal-magna huwiex inevitabbli, peress li l-ispezzjonijiet imwettqa fuq id-diversi apparati ma kienu żvelaw ebda xquq fil-bażi tal-paletti. Hija tenfasizza wkoll il-fatt li l-manifattur tal-magna ma kienx irrakkomanda l-immobilizzazzjoni immedjata tal-ajruplani kollha u lanqas ma kien indika li dawn ma setgħux itiru.

17      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li t-trasportaturi tal-ajru għandhom josservaw proċeduri tekniċi u amministrattivi partikolarment stretti. Għalhekk, trasportatur tal-ajru ma jistax jippretendi, bħala prinċipju, li ma għandu l-ebda kontroll fuq l-okkorrenza ta’ ħsarat tekniċi li jaffettwaw l-ajruplani, irrispettivament mill-kawża, peress li għandu jsegwi l-proċeduri kollha adegwati jew jieħu l-miżuri kollha neċessarji, possibbli u raġonevoli sabiex jipprekludi l-okkorrenza ta’ avveniment li jista’ jwassal għal dewmien jew kanċellazzjoni ta’ titjira.

18      Issa, f’dan il-każ, tali proċeduri ġew osservati u t-trasportatur tal-ajru segwa r-rakkomandazzjonijiet tal-manifattur tal-magna billi wettaq l-ispezzjonijiet sal-estent u l-frekwenzi indikati. B’hekk jista’ jiġi sostnut li dawn l-ispezzjonijiet huma inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur. L-applikazzjoni ta’ dawn il-proċeduri madankollu ma tfissirx li t-trasportatur tal-ajru għandu l-kontroll effettiv fuq l-iskoperta tad-difett moħbi fid-disinn li jaffettwa l-magna tal-ajruplan ikkonċernat.

19      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett tal-“miżuri raġonevoli kollha”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, li jistgħu jkunu mistennija minn trasportatur tal-ajru meta dan jiġi affaċjat bl-okkorrenza ta’ “ċirkustanzi straordinarji”. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li mhux iċ-ċirkustanzi straordinarji kollha jagħtu lok għal eżenzjoni, huwa t-trasportatur tal-ajru kkonċernat li għandu l-intenzjoni jinvokahom li għandu jistabbilixxi li dawn ma setgħux, fi kwalunkwe każ, jiġu evitati permezz ta’ miżuri adattati għas-sitwazzjoni, jiġifieri permezz ta’ dawk il-miżuri li, meta seħħew dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji, kienu jissodisfaw kundizzjonijiet teknikament u ekonomikament sostenibbli għat-trasportatur tal-ajru. L-imsemmi trasportatur ma jistax jintalab jagħmel sagrifiċċji insopportabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tiegħu.

20      F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi essenzjalment dwar il-livell tal-“miżuri raġonevoli” ta’ natura preventiva li wieħed jista’ jistenna minn trasportatur tal-ajru f’sitwazzjoni fejn l-iskoperta ta’ difett moħbi fid-disinn li jaffettwa wieħed mill-apparati tiegħu tibqa’ inċerta. B’mod iktar konkret, għalkemm hija tiddubita kemm jista’ jkun meħtieġ minn dan it-trasportatur tal-ajru, abbażi ta’ dawn il-“miżuri raġonevoli” ta’ natura preventiva, li jissostitwixxi l-magna qabel l-iskoperta effettiva tad-difett tal-manifattura jew li jimmobilizza l-apparat sat-tiswija tad-difett fid-disinn tal-magna mill-manifattur tal-magna, hija ma teskludix li l-imsemmi trasportatur tal-ajru jista’ jkun mistenni jfassal pjan sabiex ikollu flotta ta’ apparati “f’riżerva”, b’ekwipaġġ sħiħ li jista’ jwettaq it-titjiriet ippjanati fil-każ li jseħħu ċirkustanzi straordinarji.

21      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tindika li, minn April 2018, it-trasportatur tal-ajru kkonċernat kien ikkuntattja biss tmien trasportaturi sabiex jikri ajruplan ta’ sostituzzjoni, li huwa insuffiċjenti fl-opinjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li targumenta li t-trasportatur tal-ajru inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’hekk naqas milli jikkuntattja 18-il trasportatur tal-ajru ieħor, inklużi dawk li joffru l-wet lease, jiġifieri l-kiri ta’ ajruplani li jinkludu l-ekwipaġġ. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tosserva li l-passi meħuda minn dan it-trasportatur sabiex jikri apparat ta’ sostituzzjoni kienu ta’ suċċess f’Settembru 2018, li juri r-reazzjoni tardiva tal-imsemmi trasportatur għall-probabbiltà tal-okkorrenza ta’ difett fil-manifattura li jaffettwa l-magna ta’ xi wieħed mill-apparati tagħha.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Difett fid-disinn tal-magna ta’ ajruplan żvelat mill-manifattur jikkostitwixxi ‘ċirkustanza straordinarja’ u jaqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘nuqqas mhux mistenni’ fis-sens tal-premessi 14 u 15 tar-Regolament [Nru 261/2004], jekk it-trasportatur kellu għarfien dwar id-difett possibbli fid-disinn xi ftit xhur qabel it-titjira?

2)      Jekk id-difett fid-disinn tal-magna msemmi fl-ewwel domanda jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-premessi 14 u 15 tar-Regolament [Nru 261/2004] allura fil-kuntest tat-teħid tal-“miżuri raġonevoli kollha” ddeterminati fil-premessa 14 u fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, għandu jkun mistenni mit-trasportatur tal-ajru, fid-dawl tal-iżvelar probabbli tad-difett fid-disinn tal-magna tal-ajruplan, li jadotta miżuri preventivi bil-għan li jinżammu disponobbli ajruplani ta’ sostituzzjoni fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 sabiex jinħeles mill-obbligu tiegħu li jħallas kumpens kif previst fl-Artikolu 5(1)(ċ) u fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

23      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-iskoperta ta’ difett moħbi fid-disinn tal-magna ta’ ajruplan li kellu jwettaq titjira taqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki meta t-trasportatur tal-ajru kien ġie informat bl-eżistenza ta’ difett ta’ dan it-tip mill-manifattur tal-magna diversi xhur qabel it-titjira kkonċernata.

24      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma jistgħu jiġu assimilati mal-passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens u li għalhekk jistgħu jinvokaw id-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament meta huma jsofru, minħabba t-titjira mdewma, telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar, jiġifieri meta jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment skedat mit-trasportatur tal-ajru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 69).

25      L-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament, moqri fid-dawl tal--premessi 14 u 15 ta’ dan tal-aħħar, jeżenta lit-trasportatur tal-ajru minn dan l-obbligu li jagħti kumpens jekk ikun f’pożizzjoni li juri li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil tat-titjira mal-wasla kienu dovuti għal “ċirkustanzi straordinarji” li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha u, fil-każ li tkun teżisti tali ċirkustanza, li jkun adotta l-miżuri xierqa għas-sitwazzjoni bl-implimentazzjoni tal-mezzi kollha ta’ persunal jew ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jevita li din is-sitwazzjoni twassal għall-kanċellazzjoni jew għad-dewmien twil tat-titjira kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp, C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Peress li dan l-Artikolu 5(3) jikkostitwixxi deroga mill-prinċipju tad-dritt għal kumpens tal-passiġġieri, u fid-dawl tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 261/2004 li huwa li jiġi żgurat, kif jirriżulta mill-premessa 1 tiegħu, livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 5(3), għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Krüsemann et, C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑254/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17 u C‑290/17 sa C‑292/17, EU: 2018:2018, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, jirreferi għal avvenimenti li, min-natura jew mill-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u ma jaqgħux taħt il-kontroll effettiv tiegħu, kundizzjonijiet dawn li huma kumulattivi u li għandhom jiġu evalwati każ b’każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp, C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Għalhekk, sakemm ma jkunux jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi mfakkra fil-punt preċedenti, ħsarat tekniċi ma jikkostitwixxux bħala tali “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 25, u tat‑12 ta’ Marzu 2020, Finnair, C‑832/18, EU:C:2020:204, punt 39).

29      Huwa f’dan il-kuntest li għandu jiġi evalwat jekk l-iskoperta ta’ difett moħbi fid-disinn tal-magna ta’ ajruplan li jwassal għal dewmien twil mal-wasla ta’ titjira, u dan meta t-trasportatur tal-ajru kien ġie informat bl-eżistenza ta’ difett ta’ dan it-tip mill-manifattur tal-magna diversi xhur qabel din it-titjira, tistax tikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

30      Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk difett moħbi fid-disinn li jkollu l-karatteristiċi msemmija fil-punt preċedenti jistax jikkostitwixxi, min-natura jew mill-oriġini tiegħu, avveniment li ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru.

31      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet partikolari li fihom jitwettaq it-trasport bl-ajru u tal-livell ta’ sofistikazzjoni teknoloġika tal-apparati, tal-fatt li l-funzjonament tal-ajruplani jġib miegħu inevitabbilment problemi tekniċi, ħsarat jew ħsara qabel il-waqt u mhux mistennija ta’ ċerti komponenti ta’ ajruplan, it-trasportaturi tal-ajru, normalment, jaffaċċjaw, fil-kuntest tal-attività tagħhom, tali problemi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 April 2019, Germanwings, C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Minn dan jirriżulta li t-tiswija ta’ problema teknika li tirriżulta minn ħsara, minn nuqqas ta’ manutenzjoni ta’ apparat jew inkella minn ħsara qabel il-waqt u mhux mistennija ta’ ċerti komponenti ta’ ajruplan hija kkunsidrata li hija inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 25; tas‑17 ta’ Settembru 2015, van der Lans, C‑257/14, EU:C:2015:618, punti 41 u 42; kif ukoll tat‑12 ta’ Marzu 2020, Finnair, C‑832/18, EU:C:2020:204, punt 41).

33      Madankollu, ma hijiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru u, għaldaqstant, tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” l-ħsara teknika li fir-rigward tagħha l-manifattur tal-apparati li jikkostitwixxu l-flotta tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat, jew awtorità kompetenti, juru, wara d-dħul fis-servizz tal-apparati, li dawn huma milquta minn difett moħbi fid-disinn li jaffettwa s-sigurtà tat-titjiriet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 26, u tas‑17 ta’ Settembru 2015, van der Lans, C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 38).

34      F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa stabbilit li l-ajruplan inizjalment previst sabiex jopera t-titjira mdewma kien milqut minn difett moħbi fid-disinn li jikkonċerna l-magni kollha tal-istess tip u li jaffettwa s-sigurtà tat-titjira, liema difett ġie identifikat mill-manifattur tal-magna ftit xhur qabel ma ġie skopert fuq l-ajruplan ikkonċernat. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, tali avveniment ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru.

35      Fit-tieni lok, għandu jiġi evalwat jekk l-iskoperta ta’ difett moħbi fid-disinn tal-magna li għandu l-karatteristiċi msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza għandhiex titqies li tikkostitwixxi avveniment li kompletament ma jaqax taħt il-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat, jiġifieri bħala avveniment li fuqu t-trasportatur tal-ajru ma għandu ebda kontroll (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp, C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 36).

36      Ċertament, bħala prinċipju, il-ħsara teknika jew il-ħsara ma hijiex eskluża mill-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru, peress li l-prevenzjoni jew it-tiswija ta’ tali ħsarat jagħmlu parti mir-responsabbiltà ta’ dan it-trasportatur tal-ajru li għandu jiżgura l-manutenzjoni u l-funzjonament tajjeb tal-ajruplan li huwa jopera għal finijiet ekonomiċi (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, van der Lans, C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 43). Madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti fil-preżenza ta’ difett moħbi fid-disinn tal-magna ta’ ajruplan.

37      Fil-fatt, minn naħa, għalkemm huwa t-trasportatur tal-ajru li għandu jiżgura l-manutenzjoni u l-funzjonament tajjeb tal-ajruplan li huwa jopera għal finijiet ekonomiċi, jista’ jiġi ddubitat kemm, fil-każ fejn difett moħbi fid-disinn jkun identifikat mill-manifattur tal-ajruplan inkwistjoni jew mill-manifattur tal-magna jew ukoll mill-awtorità kompetenti biss wara d-dħul fis-servizz ta’ dan l-ajruplan, dan it-trasportatur effettivament ikollu l-kompetenza sabiex jidentifika u jirrimedja dan id-difett, b’tali mod li ma jistax jitqies li huwa jeżerċita kontroll fir-rigward tal-okkorrenza ta’ tali difett.

38      Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, jirriżulta li l-avvenimenti li l-oriġini tagħhom tkun “interna” għandhom jiġu distinti minn dawk li l-oriġini tagħhom tkun “esterna” għat-trasportatur tal-ajru, peress li huma biss dawn tal-aħħar li jistgħu ma jkunux jaqgħu taħt il-kontroll effettiv ta’ dan it-trasportatur. Jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “avvenimenti ta’ oriġini esterna” dawk li jirriżultaw mill-attività tat-trasportatur tal-ajru u minn ċirkustanzi esterni, ftit jew wisq frekwenti fil-prattika, iżda li t-trasportatur tal-ajru ma jkollux kontroll fuqhom, għaliex joriġinaw minn aġir ta’ terz, bħalma huwa trasportatur tal-ajru ieħor jew operatur pubbliku jew privat li jinterferixxi fl-attività tal-ajru jew tal-ajruport (sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, SATA International–Azores Airlines (Ħsara fis-sistema ta’ provvista ta’ karburant), C‑308/21, EU:C:2022:533, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat, f’dan il-każ, jekk is-senjalazzjoni jew ir-rikonoxximent mill-manifattur tal-magna tal-eżistenza ta’ difett moħbi fid-disinn tal-magna ta’ apparat u ta’ natura li jaffettwa s-sigurtà ta’ titjira qabel it-titjira mdewma kkonċernata jistgħux jikkostitwixxu aġir ta’ terz li jinterferixxi fl-attività tal-ajru tat-trasportatur u, għaldaqstant, jistgħux jikkostitwixxi avveniment ta’ oriġini esterna.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 33 u 38 ta’ din is-sentenza ma jirriżultax li l-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġettat il-klassifikazzjoni bħala “ċirkustanzi straordinarji” ta’ difett moħbi fid-disinn għall-kundizzjoni li l-manifattur tal-ajruplan, il-manifattur tal-magna jew l-awtorità kompetenti jkunu identifikaw l-eżistenza ta’ dan id-difett qabel l-okkorrenza tal-ħsara teknika kkawżata mill-imsemmi difett. Fil-fatt, il-mument li fih tiġi identifikata r-rabta bejn il-ħsara teknika u d-difett moħbi fid-disinn mill-manifattur tal-ajruplan, mill-manifattur tal-magna jew mill-awtorità kompetenti jkun irrilevanti f’sitwazzjoni fejn dan id-difett moħbi fid-disinn kien jeżisti fil-mument tal-kanċellazzjoni jew tad-dewmien twil tat-titjira u f’sitwazzjoni fejn it-trasportatur ma kellu ebda mezz ta’ kontroll sabiex jirrimedja għal dan.

41      Il-klassifikazzjoni ta’ sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, hija konformi mal-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru, li huwa mfittex minn dan ir-regolament, kif ippreċiżat fil-premessa 1 tiegħu. Fil-fatt, dan l-għan jimplika li t-trasportaturi tal-ajru ma għandhomx jiġu inkoraġġuti joqogħdu lura milli jieħdu l-miżuri meħtieġa minn tali inċident billi jagħtu prijorità lit-twettiq tat-titjiriet tagħhom u lit-twettiq ta’ dawn it-titjiriet fil-ħin iktar milli lill-għan tas-sigurtà ta’ dawn it-titjiriet (ara b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 25, kif ukoll tal‑4 ta’ April 2019, Germanwings, C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 28).

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iskoperta ta’ difett moħbi fid-disinn tal-magna ta’ ajruplan li jkollu jwettaq titjira taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki meta t-trasportatur tal-ajru kien ġie informat bl-eżistenza ta’ difett ta’ dan it-tip mill-manifattur tal-magna diversi xhur qabel it-titjira kkonċernata.

 Fuq ittieni domanda

43      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li trasportatur tal-ajru għandu, bħala “miżuri raġonevoli kollha” li huwa obbligat jimplimenta sabiex jevita l-okkorrenza u l-konsegwenzi ta’ “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bħalma hija l-iskoperta ta’ difett moħbi fid-disinn tal-magna ta’ xi wieħed mill-apparati tiegħu, jadotta miżura preventiva li tikkonsisti fiż-żamma f’riżerva ta’ flotta ta’ ajruplani ta’ sostituzzjoni.

44      Kif tfakkar fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, fil-każ ta’ okkorrenza ta’ “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, it-trasportatur huwa eżentat mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens lill-passiġġieri skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament biss jekk ikun f’pożizzjoni li juri li huwa adotta l-miżuri adattati għas-sitwazzjoni, jiġifieri dawk li, fil-mument li fih iseħħu dawn iċ-“ċirkustanzi straordinarji”, jissodisfaw b’mod partikolari kundizzjonijiet teknikament u ekonomikament sostenibbli għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 40, u tal‑4 ta’ April 2019, Germanwings, C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 31).

45      Dan it-trasportatur għandu fil-fatt jistabbilixxi li, anki li kieku kellu juża l-mezzi kollha f’termini ta’ persunal jew ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji li huwa kellu, xorta ma kienx ikun jista’ b’mod evidenti u mingħajr ma jġarrab sagrifiċċji insopportabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument rilevanti, jevita li ċ-ċirkustanzi straordinarji li kien qiegħed jaffaċċja jwasslu għall-kanċellazzjoni tat-titjira (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 41, kif ukoll tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková et Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 29).

46      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat tifsira flessibbli u individwalizzata tal-kunċett ta’ “miżuri raġonevoli”, li tħalli lill-qorti nazzjonali l-kompitu li tevalwa jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, it-trasportatur tal-ajru setax jitqies li adotta l-miżuri kollha xierqa għas-sitwazzjoni, jiġifieri miżuri li setgħu jitwettqu kemm teknikament kif ukoll ekonomikament minn dan it-trasportatur tal-ajru fil-mument li fih seħħew iċ-ċirkustanzi straordinarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 42, tat‑12 ta’ Marzu 2011, Eglītis et Ratnieks, C‑294/10, EU:C:2011:303, punt 30, kif ukoll tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková et Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 30).

47      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jimponi, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, fuq it-trasportatur tal-ajru, bħala “miżuri raġonevoli” msemmija f’din id-dispożizzjoni, l-adozzjoni ta’ miżura preventiva partikolari, bħal dik li tikkonsisti fiż-żamma f’riżerva ta’ flotta ta’ ajruplani ta’ sostituzzjoni kif ukoll l-ekwipaġġ korrispondenti għaliha, meta jkun informat bl-eżistenza ta’ difett fid-disinn tal-magna identifikat mill-manifattur tal-magna, sabiex jevita li jseħħu ċirkustanzi straordinarji u l-konsegwenzi tagħhom.

48      Madankollu, sabiex jiġi evalwat jekk it-trasportatur tal-ajru jkunx adotta “il-miżuri raġonevoli kollha”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, l-miżuri kollha meħuda mit-trasportatur tal-ajru mill-jum li fih sar jaf bl-eżistenza ta’ difett fid-disinn tal-magna kkomunikat mill-manifattur ta’ din il-magna fid-dawl tal-miżuri kollha li huwa seta’ jieħu sabiex jipproteġi ruħu kontra l-okkorrenza ta’ tali ċirkustanza straordinarja fuq wieħed mill-apparati tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-passi meħuda minn dan it-trasportatur wara l-iskoperta ta’ dan id-difett fuq wieħed mill-magni tal-ajruplan ikkonċernat sabiex jevita l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil tat-titjira kkonċernata.

49      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-osservanza tal-istandards minimi ta’ manutenzjoni ta’ ajruplan ma hijiex biżżejjed waħedha sabiex jiġi stabbilit li trasportatur tal-ajru adotta “l-miżuri raġonevoli kollha”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 43).

50      F’dan il-kuntest, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-mezzi finanzjarji, materjali u umani tat-trasportatur tal-ajru, jekk dan kienx f’pożizzjoni li jikri ajruplani ta’ sostenn skont il-modalitajiet differenti eżistenti, jiġifieri dry lease/wet lease, jew jekk setax, fid-dawl tal-istess mezzi tiegħu, jissostitwixxi b’mod preventiv il-magna fil-kuntest ta’ pjan ta’ tiswija jew jimmobilizza l-ajruplan sat-tiswija jew is-sostituzzjoni tal-magna mill-manifattur. Għal dan l-għan, l-imsemmija qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-disponibbiltà limitata ta’ magni ta’ sostituzzjoni f’kuntest ta’ nuqqas dinji ta’ magni, kif ukoll iż-żmien neċessarju għall-assemblaġġ tal-magna l-ġdida mill-manifestazzjoni tad-difett tal-manifattura.

51      Fl-aħħar nett, fil-kuntest ta’ din l-analiżi globali, għandu jiġi rrilevat ukoll li xejn ma jipprekludi, bħala prinċipju, li trasportatur tal-ajru, li jiġi informat bl-eżistenza ta’ difett fid-disinn tal-magna u tal-eventwali manifestazzjoni tiegħu fuq wieħed mill-ajruplani li huwa jopera, jkollu jżomm, bħala miżura preventiva, flotta ta’ ajruplani ta’ sostituzzjoni f’riżerva mal-ekwipaġġ korrispondenti, jekk din il-miżura tkun teknikament, ekonomikament u umanament sostenibbli għalih, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.

52      Għall-kuntrarju, għandha tiġi eskluża mill-“miżuri raġonevoli” kollha li wieħed jista’ jistenna minn trasportatur tal-ajru, dik proposta minn D. fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li tikkonsisti fl-impożizzjoni fuq trasportatur tal-ajru li awtomatikament jadatta n-network ta’ titjiriet tiegħu abbażi tal-kapaċità operattiva tiegħu. Fil-fatt, tali miżura tista’ tikkonsisti, fl-istadju tal-ippjanar tat-titjiriet, fil-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ diversi titjiriet minħabba l-okkorrenza ipotetika ta’ difett fid-disinn, li huwa ta’ natura li jeżiġi li t-trasportatur jagħmel sagrifiċċji insopportabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li trasportatur tal-ajru jista’, bħala “miżuri raġonevoli kollha” li huwa obbligat jimplimenta sabiex jevita l-okkorrenza u l-konsegwenzi ta’ “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bħalma hija l-iskoperta ta’ difett moħbi fid-disinn tal-magna ta’ xi wieħed mill-apparati tiegħu, jadotta miżura preventiva li tikkonsisti fiż-żamma f’riżerva ta’ flotta ta’ ajruplani ta’ sostituzzjoni, sakemm din il-miżura tkun tista’ titwettaq mil-lat tekniku u ekonomiku fid-dawl tal-kapaċitajiet tat-trasportatur tal-ajru fil-mument rilevanti.

 Fuq l-ispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-iskoperta ta’ difett moħbi fid-disinn tal-magna tal-ajruplan li jkollu jwettaq titjira taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki meta t-trasportatur tal-ajru kien ġie informat bl-eżistenza ta’ difett ta’ dan it-tip mill-manifattur tal-magna diversi xhur qabel it-titjira kkonċernata.

2)      L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

trasportatur tal-ajru jista’, bħala “miżuri raġonevoli kollha” li huwa obbligat jimplimenta sabiex jevita l-okkorrenza u l-konsegwenzi ta’ “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bħalma hija l-iskoperta ta’ difett moħbi fid-disinn tal-magna ta’ xi wieħed mill-apparati tiegħu, jadotta miżura preventiva li tikkonsisti fiż-żamma f’riżerva ta’ flotta ta’ ajruplani ta’ sostituzzjoni, sakemm din il-miżura tkun tista’ titwettaq mil-lat tekniku u ekonomiku fid-dawl tal-kapaċitajiet tat-trasportatur tal-ajru fil-mument rilevanti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.