Language of document : ECLI:EU:C:2024:511

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fit‑13 ta’ Ġunju 2024 (1)

Kawża C118/23

Rada Nadzorcza Getin Noble Bank,

Getin Holding S.A.,

LC Corp B.V.,

Fundacja Jolanty i Leszka Czarneckich z siedzibą w Warszawie,

NM,

IJ,

OP,

DL,

US,

AB,

SQ,

KP,

MP,

MZ,

CP,

MD,

GW,

ZD,

IB,

JJ,

KG,

WG,

JS,

KB,

MM,

MT,

MG,

GK,

QP,

KM,

LN,

CK,

MK,

WK,

KA,

AU,

BX,

SJ,

ML,

MT,

LP,

PS,

SP,

DG,

GM,

IJ,

LL,

PJ,

WJ,

JG,

OT,

BK,

HH,

HB,

GK,

RS,

CE,

ET,

IK,

NO,

BI,

TM,

CJ,

SN,

DI,

EO,

GL,

PA,

TN,

EQ,

PB,

LT,

LS,

NA,

PR,

IN,

IT,

TK,

LE,

NB,

SE,

KL,

BD,

RR,

RL,

IO,

BV,

TA,

TS,

AA,

MB,

YN,

IC,

EZ,

UB,

AM,

MP,

DJ,

VE,

XL,

OA,

IW,

DL,

NG,

UH,

CI,

RG,

RL,

SI,

OS,

NS,

BA,

NP,

PQ,

IY,

TG,

BE,

RN,

SL,

WE,

RY,

DL,

EO,

OR,

AW,

VQ,

QR,

SC,

RI

vs

Bankowy Fundusz Gwarancyjny,

fil-preżenza ta’

VELOBANK S.A.,

M.K., fil-kwalità ta’ stralċjarju ta’ Getin Noble Bank S.A., fi stralċ, li kienet Getin Noble Bank S.A.,

TD

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Varsavja, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Irkupru u riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Bank suġġett għal proċedura ta’ riżoluzzjoni – Kumulu ta’ funzjonijiet tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni – Garanzija ta’ indipendenza operattiva”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2), u tal-Artikolu 3(3), kif ukoll tal-Artikolu 85(2) u (3) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-bord superviżorju ta’ Getin Noble Bank S.A. (iktar ’il quddiem “GN Bank”) kif ukoll numru kbir ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi u l-Bankowy Fundusz Gwarancyjny (il-Fond ta’ Garanzija Bankarja, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“FGB”), dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jiftaħ proċedura ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ GN Bank.

3.        Fil-konklużjonijiet preżenti, li, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, sejrin jiffokaw fuq it-tielet u r-raba’ domanda preliminari, sejjer nistabbilixxi, minn naħa, li l-funzjonijiet ta’ amministratur temporanju u ta’ garanzija tad-depożiti bankarji huma “funzjonijiet oħra” li jistgħu jiġu eżerċitati minn awtorità ta’ riżoluzzjoni, dment li jiġu osservati ċerti rekwiżiti intiżi sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza operattiva bejn dawn il-funzjonijiet u l-funzjoni ta’ riżoluzzjoni, u, min-naħa l-oħra, li r-regoli interni ad hoc neċessarji għall-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti jistgħu jiġu adottati u ppubblikati mill-Istati Membri jew mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IrRegolament (UE) Nru 575/2013

4.        L-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (4), kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019 (5), jipprovdi:

“1.      Għall-fini li tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħat u għandhom isegwu l-proċeduri stipulati fid-Direttiva 2013/36/UE [(6)] u f’dan ir-Regolament.

2.      Għall-fini li tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandu jkollhom is-setgħat u għandhom isegwu l-proċeduri stipulati fid-Direttiva [2014/59] u f’dan ir-Regolament.”

5.        Skont il-punt 40 tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament:

“Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni [ir-Regolament], għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

40)      ‘awtorità kompetenti’ tfisser awtorità pubblika jew korp rikonoxxut uffiċjalment mid-dritt nazzjonali, li jingħataw is-setgħa mid-dritt nazzjonali li jissorveljaw istituzzjonijiet bħala parti mis-sistema ta’ superviżjoni li tkun operattiva fl-Istat Membru kkonċernat;”

2.      IdDirettiva 2014/59

6.        Il-punt 40 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59 jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw id-definizzjonjiet li ġejjin:

[...]

40.      ‘azzjoni ta’ riżoluzzjoni’ tfisser id-deċiżjoni li istituzzjoni jew entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) titpoġġa taħt riżoluzzjoni skont l-Artikolu 32 jew l-Artikolu 33, l-applikazzjoni ta’ għodda ta’ riżoluzzjoni, jew l-eżerċizzju ta’ setgħa waħda jew aktar ta’ riżoluzzjoni;”

7.        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Nomina ta’ awtoritajiet responsabbli għar-riżoluzzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu:

“3.      L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tkun banek ċentrali nazzjonali, ministeri kompetenti jew awtoritajiet oħra tal-amministrazzjoni pubblika jew awtoritajiet inkarigati b’setgħat ta’ amministrazzjoni pubblika. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu b’mod eċċezzjonali li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tkun l-awtorità kompetenti għas-superviżjoni għall-finijiet tar-Regolament [Nru 575/2013] u tad-Direttiva [2013/36]. Għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti strutturali adegwati biex tkun żgurata l-indipendenza operazzjonali u jiġu evitati kunflitti ta’ interess bejn il-funzjonijiet ta’ superviżjoni skont ir-Regolament [Nru 575/2013] u d-Direttiva [2013/36], jew il-funzjonijiet l-oħra tal-awtorità rilevanti u l-funzjonijiet tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni skont din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni kif mitlub mill-paragrafu 4. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi ħdan l-awtoritajiet kompetenti, banek ċentrali nazzjonali, ministeri kompetenti jew awtoritajiet oħra jkun hemm indipendenza operazzjonali bejn il-funzjoni ta’ riżoluzzjoni u ta’ superviżjoni jew funzjonijiet oħra tal-awtorità rilevanti.

Il-persunal involut fit-twettiq tal-funzjonijiet tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni skont din id-Direttiva għandu jkun strutturalment separat minn u suġġett għal linji ta’ rappurtar separati minn dawk għall-persunal involut fit-twettiq ta’ kompiti skont ir-Regolament [Nru 575/2013] u d-Direttiva [2013/36] jew fir-rigward ta’ funzjonijiet oħra tal-awtorità rilevanti.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandhom jadottaw u jagħmlu pubbliċi kull regola interna neċessarja u rilevanti inklużi regoli dwar is-segretezza professjonali u l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-oqsma ta’ funzjoni differenti.

4.      L-Istati Membri għandhom jitolbu li l-awtoritajiet li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ superviżjoni u riżoluzzjoni u l-persuni li jeżerċitaw dawk il-funzjonijiet f’isimhom għandhom jikkooperaw mill-qrib fil-preparazzjoni, l-ippjanar u l-applikazzjoni tad-deċiżjonijiet tar-riżoluzzjoni, kemm fil-każ fejn l-awtorità ta’ riżoluzzjoni u l-awtorità kompetenti huma entitajiet separati u kemm fil-każ fejn l-funzjonijiet jitwettqu fl-istess entità.”

8.        Skont l-Artikolu 29(1) sa (3) tal-imsemmija direttiva:

“1.      L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, abbażi ta’ x’inhu proporzjonat fiċ-ċirkostanzi, jaħtru kwalunkwe amministratur temporanju biex jissostitwixxi lill-korp ta’ mmaniġġar tal-istituzzjoni b’mod temporanju jew biex jaħdem temporanjament mal-korp ta’ mmaniġġar tal-istituzzjoni u l-awtorità kompetenti għandha tispeċifika d-deċiżjoni tagħha fil-mument tal-ħatra. Jekk l-awtorità kompetenti taħtar amministratur temporanju biex jaħdem mal-korp ta’ mmaniġġar tal-istituzzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tispeċifika ulterjorment fil-mument tal-ħatra r-rwol, id-dmirijiet u s-setgħat tal-amministratur temporanju u kwalunkwe rekwiżit għall-bord ta’ mmaniġġar tal-istituzzjoni li jikkonsulta mal-amministratur temporanju jew li jikseb il-kunsens tiegħu qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet jew azzjonijiet speċifiċi. [...] L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li kwalunkwe amministratur temporanju [...] jkun liberu minn kwalunkwe kunflitt ta’ interess.

2.      L-awtorità kompetenti għandha tispeċifika s-setgħat tal-amministratur temporanju fil-mument tal-ħatra tal-amministratur temporanju abbażi ta’ x’ikun proporzjonat fiċ-ċirkostanzi. Tali setgħat jistgħu jinkludu wħud mis-setgħat jew is-setgħat kollha tal-bord ta’ mmaniġġar tal-istituzzjoni taħt l-istatuti tal-istituzzjoni u taħt id-dritt nazzjonali, inkluża s-setgħa li jeżerċita l-funzjonijiet amministrattivi kollha tal-bord ta’ mmaniġġar tal-istituzzjoni jew uħud minnhom [...]

3.      Ir-rwol u l-funzjonijiet tal-amministratur temporanju għandhom jiġu speċifikati mill-awtorità kompetenti fil-mument tal-ħatra u jistgħu jinkludu l-aċċertament tal-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni, il-ġestjoni tan-negozju jew ta’ parti min-negozju tal-istituzzjoni bil-ħsieb li tinżamm jew li terġa’ tinġieb lura l-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni u t-teħid ta’ miżuri biex jerġa’ jkun hemm ġestjoni solida u prudenti tan-negozju tal-istituzzjoni. L-awtorità kompetenti għandha tispeċifika kwalunkwe limiti fuq ir-rwol u l-funzjonijiet tal-amministratur temporanju fil-mument tal-ħatra.”

B.      Iddritt Pollakk

1.      IlLiġi dwar idDritt Bankarju

9.        L-Artikolu 144(1), (1a), (3) u (4), tal-ustawa Prawo bankowe (il-Liġi dwar id-Dritt Bankarju) (7), tad‑29 ta’ Awwissu 1997, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“1.      Bil-għan li tittejjeb is-sitwazzjoni tal-bank u li tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tal-pjan ta’ rkupru, il-Komisja Nadzoru Finansowego (il-Kummissjoni ta’ Superviżjoni Finanzjarja, il-Polonja (iktar ’il quddiem il-“KSF”)), fil-każ previst fl-Artikolu 138(3), fid-dawl tat-twettiq taċ-ċirkustanzi stabbiliti fl-Artikolu 142(1), tista’ taħtar kuratur [(8)] tal-bank, bla ħsara għall-Artikolu 5(6) tal-[ustawa o Bankowym Funduszu Gwarancyjnym, systemie gwarantowania depozytów oraz przymusowej restrukturyzacji (il-Liġi dwar il-Fond ta’ Garanzija Bankarja, is-Sistema ta’ Garanzija għad-Depożiti u r-Riżoluzzjoni) (9), tal‑10 ta’ Ġunju 2016].

1a.      Fil-każ previst fil-paragrafu 1, il-[KSF] għandha tispeċifika fid-deċiżjoni, il-portata tal-missjonijiet tal-kuratur.

[...]

3.      Il-kuratur għandu dritt ta’ oppożizzjoni fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet u tad-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi u tal-bord superviżorju tal-bank. Id-dikjarazzjoni tal-intenzjoni li titressaq oppożizzjoni, magħmula waqt laqgħa tal-bord superviżorju jew tal-bord tad-diretturi, għandha tissospendi l-eżekuzzjoni tar-riżoluzzjoni jew tad-deċiżjoni.

4.      Il-kuratur għandu jippreżenta rikors kontra riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti jew riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali tal-bank kooperattiv, li tippreġudika l-interessi tal-bank [...]”

2.      IlLiġi dwar ilFond ta’ Garanzija Bankarja, isSistema ta’ Garanzija tadDepożiti u rRiżoluzzjoni

10.      L-Artikolu 5(1), (3) u (6) tal-Liġi dwar il-Fond ta’ Garanzija Bankarja, is-Sistema ta’ Garanzija tad-Depożiti u r-Riżoluzzjoni, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, jipprovdi:

“1.      Jaqgħu taħt il-missjonijiet tal-[FGB]:

1)      l-eżekuzzjoni tal-obbligi marbuta mal-garanzija tad-depożiti, b’mod partikolari l-ħlas tal-fondi ggarantiti lid-depożitanti;

2)      il-kontroll tad-data inkluża fis-sistemi tal-kalkolu tal-benefiċjarji tas-sistema ta’ garanzija;

3)      ir-riżoluzzjoni tal-entitajiet previsti fil-punt 2 tal-Artikolu 64, bid-deprezzament jew bil-konverżjoni tal-istrumenti kapitali;

4)      it-tmexxija tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni;

5)      l-iżvilupp, ir-reviżjoni u l-aġġornament tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni, inklużi dawk kollettivi;

6)      il-ġbir u l-analiżi tal-informazzjoni li tikkonċerna lill-benefiċjarji tas-sistema ta’ garanzija u l-banek ipotekarji, b’mod partikolari għall-finijiet tal-iżvilupp ta’ studji u ta’ previżjonijiet marbuta mas-settur bankarju u mas-settur tal-kooperattivi ta’ kreditu kif ukoll ma’ banek u kooperattivi ta’ kreditu differenti;

7)      azzjonijiet oħra favur l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja nazzjonali.

[...]

3.      Il-[FGB] għandu jikkollabora ma’ entitajiet oħrajn li jaħdmu għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja nazzjonjali, l-entitajiet responsabbli għas-sistemi ta’ garanzija tad-depożiti, l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tar-riżoluzzjoni, l-Awtorità Bankarja Ewropea u l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tar-riżoluzzjoni kollettiva, l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tar-riżoluzzjoni ta’ fergħat ta’ importanza sinjifikattiva, l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tar-riżoluzzjoni tas-sussidjarji u l-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi kompetenti fil-qasam tar-riżoluzzjoni.

[...]

6.      Fuq proposta tal-[FGB], il-[KSF] taħtar lill-[FGB] bħala kuratur, kif previst fl-Artikolu 144(1) tal-Liġi dwar id-Dritt Bankarju [...]”

11.      L-Artikolu 101(1), (6) u (7) tal-Liġi dwar il‑Fond ta’ Garanzija Bankarja, is‑Sistema ta’ Garanzija tad‑Depożiti u r‑Riżoluzzjoni jipprovdi:

“1.      Il-[KSF] għandha tinforma immedjatament lill-[FGB]:

1)      bir-riskju ta’ falliment ta’ entità;

2)      dwar l-assenza ta’ elementi li jindikaw li l-miżuri ta’ superviżjoni possibbli jew il-miżuri adottati mill-entità kkonċernata sejrin jippermettu li jitwarrab dan ir-riskju fil-ħin.

[...]

6.      Il-[KSF] għandha tikkomunika wkoll l-informazzjoni prevista fil-paragrafu 1:

[...]

6)      lill-awtorità li tiġġestixxi s-sistema ta’ garanzija tad-depożiti rikonoxxuta mill-Istat li fit-territorju tiegħu huwa stabbilit l-operatur li għandu pożizzjoni dominanti;

7)      lill-entitajiet li jiġġestixxu l-fondi ta’ riżoluzzjoni tal-Istat li fit-territorju tiegħu huwa stabbilit l-operatur li għandu pożizzjoni dominanti, meta l-fond ma jkunx ġestit mill-awtorità kompetenti fil-qasam tar-riżoluzzjoni kollettiva;

[...]

7.      Meta jkunu ssodisfatti l-kunduzzjonijiet kollha li ġejjin:

1)      riskju ta’ falliment tal-entità nazzjonali,

2)      assenza ta’ raġunijiet raġonevoli li jindikaw li l-miżuri tal-entità nazzjonali jew tas-sistema ta’ protezzjoni istituzzjonali jew il-miżuri ta’ superviżjoni, inklużi l-miżuri ta’ intervent bikri, sejrin jippermettu li jitwarrab fil-ħin ir-riskju ta’ falliment,

3)      neċessità ta’ miżuri fir-rigward tal-entità nazzjonali fl-interess ġenerali

– il-[FGB] għandu jiddeċiedi li jiftaħ proċedura ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-entità nazzjonali jew li jipproċedi bid-deprezzament jew bil-konverżjoni ta’ strumenti kapitali jew ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli [...]”

12.      Skont l-Artikolu 137(1) ta’ din il-liġi:

“Qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, il-[FGB] għandu jiżgura li titwettaq stima tal-valur tal-assi u tad-djun tal-entità.”

III. Ilfatti talkawża prinċipali u ddomandi preliminari domandi preliminari

13.      Minħabba n-nuqqas ta’ osservanza minn GN Bank tar-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Artikolu 92 tar-Regolament Nru 575/2013, il-KSF, b’deċiżjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2021, abbażi tal-Artikolu 144(1) u (1a) tal-Liġi dwar id-Dritt Bankarju, ħatret lill-FGB bħala amministratur temporanju (“kuratur”) (10) fi ħdan GN Bank bil-għan li jtejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dan tal-aħħar. B’din id-deċiżjoni, il-KSF inkarigat lill-FGB, fil-kuntest tal-funzjoni tiegħu bħala “kuratur” tal-bank, b’mod partikolari, sabiex jistabbilixxi rapporti, jiżgura s-segwitu tal-attivitajiet ta’ GN Bank u jeżerċita kull setgħa legali bħala “kuratur”.

14.      Fid-dawl tar-riskju ta’ insolvenza ta’ GN Bank, il-FGB, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità ta’ riżoluzzjoni, adotta, fid‑29 ta’ Settembru 2022, deċiżjoni dwar il-ftuħ ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, id-deprezzament tal-istrumenti kapitali li huwa kien ħareġ u l-applikazzjoni tal-istrument ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjoni tranżitorja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tad‑29 ta’ Settembru 2022”). Permezz ta’ dan, l-assi indikati f’din id-deċiżjoni ġew ittrasferiti, fit‑3 ta’ Ottubru 2022, lill-istituzzjoni tranżitorja Bank FGB S.A. Il-FGB ħatar kuratur fi ħdan l-entità suġġetta għall-proċedura ta’ riżoluzzjoni. GN Bank, Bank FGB u dan il-kuratur kienu d-destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni.

15.      Il-bord superviżorju ta’ GN Bank ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tad‑29 ta’ Settembru 2022 quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Varsavja, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju. Persuni oħrajn ukoll ippreżentaw rikorsi, inklużi l-proprjetarji tal-azzjonijiet u tal-obbligazzjonijiet iddeprezzati, maħruġa minn GN Bank, il-kredituri ta’ dan tal-aħħar kif ukoll il-partijiet fil-kuntratti ta’ kreditu u ta’ self iddenominati f’muniti barranin jew indiċjati ma’ tali munita (11).

16.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitolbu li jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni ġiet adottata bi ksur tal-liġi, fatt li jkun jippermettilhom li jressqu talbiet għad-danni quddiem il-qrati ordinarji. Il-motivi invokati huma bbażati kemm fuq ksur tad-dritt sostantiv kif ukoll fuq ksur tar-regoli proċedurali li jinċidu b’mod sinjifikattiv fuq is-soluzzjoni tal-kawża. F’dan ir-rigward, huwa allegat b’mod partikolari li FGB kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi, li kienet tipprekludih milli jeżerċita l-funzjonijiet assenjati lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, sa fejn dan kien jeżerċita fl-istess ħin funzjonijiet ta’ superviżjoni, ta’ garanzija tad-depożiti bankarji u ta’ riżoluzzjoni. Dan il-kunflitt ta’ interessi kien aggravat mill-assenza ta’ garanziji proċedurali adegwati bħal dawk previsti fid-Direttiva 2014/59.

17.      Il-FGB jikkontesta l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi. Huwa jsostni li huwa stabbilixxa dispożizzjonijiet organizzattivi u strutturali li jippermettu li tiġi ggarantita l-indipendenza operattiva tiegħu u li jiġi evitat kull kunflitt ta’ interessi bejn l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ riżoluzzjoni u dak ta’ funzjonijiet oħrajn li huwa jeżerċita.

18.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji, b’mod partikolari dwar l-eżistenza ta’ tali kunflitt ta’ interessi.

19.      Fl-ewwel lok, dik il-qorti tistaqsi jekk il-funzjoni ta’ garanti legali tad-depożiti bankarji u l-funzjoni ta’ “kuratur” tal-bank jikkorrispondux għal “funzjonijiet ta’ superviżjoni” jew għal “funzjonijiet oħra” previsti fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/59, li ma għandhomx jiġu akkumulati mal-funzjoni ta’ riżoluzzjoni.

20.      Dik il-qorti tqis, minn naħa, li, anki jekk il-funzjoni ta’ “kuratur” ma tistax tiġi kklassifikata stricto sensu bħala funzjoni ta’ superviżjoni, peress li din il-funzjoni hija eżerċitata mill-KSF, il-“kuratur” huwa maħtur, skont id-dritt Pollakk, b’deċiżjoni ta’ din l-awtorità ta’ superviżjoni u jeżegwixxi l-missjonijiet ta’ din tal-aħħar li jkunu ġew fdati lilu. Minn dan hija ddeduċiet li ma jistax jiġi eskluż a priori li l-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni mill-FGB ma kienx jirrikjedi l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet adegwati sabiex tiġi żgurata l-indipendenza operattiva u jiġi evitat kull kunflitt ta’ interessi.

21.      Min-naħa l-oħra, skont l-imsemmija qorti, il-kumulu tal-funzjoni ta’ riżoluzzjoni ma’ dik ta’ garanti tad-depożiti, li tikkonsisti fil-ġbir tal-fondi sabiex ikunu koperti l-garanziji u l-ħlasijiet tagħhom, jista’ joħloq ir-riskju, fl-assenza ta’ separazzjoni strutturali u ta’ indipendenza organizzattiva ta’ dawn il-funzjonijiet, li l-miżuri adottati mill-FGB fir-rigward tal-bank mhedded b’falliment ikunu intiżi li jnaqqsu għal minimu l-irbit tar-riżorsi li l-FGB għandu għad-dispożizzjoni tiegħu.

22.      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar in-natura tar-rekwiżit ta’ garanziji strutturali previsti fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/59 u tistaqsi jekk huwiex possibbli li jitqies, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, li ġie osservat l-għan ta’ indipendenza operattiva u li ġie evitat kull kunflitt ta’ interessi.

23.      B’mod partikolari, dik il-qorti tqis li dan l-għan għandu jintlaħaq billi jiġi ggarantit li l-persunal inkarigat b’missjonijiet ta’ riżoluzzjoni fdati lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni jkunu jaqgħu taħt struttura organizzattiva separata u taħt linji ġerarkiċi separati minn dawk li jaqa’ taħthom il-persunal inkarigat b’kompiti ta’ superviżjoni jew il-persunal li jassumi funzjonijiet oħrajn tal-awtorità kkonċernata. Madankollu, fl-opinjoni tagħha, il-Liġi dwar il-Fond ta’ Garanzija Bankarja, is-Sistema ta’ Garanzija tad-Depożiti u r-Riżoluzzjoni ma tintroduċix dispożizzjonijiet sistematiċi li jiżguraw separazzjoni strutturali bejn il-funzjoni ta’ riżoluzzjoni u l-funzjonijiet l-oħrajn tal-FGB. Hija tispeċifika li l-missjonijiet marbuta mal-funzjoni ta’ riżoluzzjoni, mal-funzjoni ta’ “kuratur” tal-bank u ma’ dik ta’ garanti tad-depożiti ġew fdati lil dipartimenti separati fi ħdan il-FGB, iżda li d-deċiżjonijiet fil-kuntest ta’ dawn il-funzjonijiet kollha jiġu adottati mill-istess persuni li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ tmexxija jew ta’ konsulenza fi ħdan il-FGB.

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 85(2) u (3) tad-Direttiva [2014/59], moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta] u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-[TUE], għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ fejn bord superviżorju ta’ entità li għaddejja minn proċedura ta’ riżoluzzjoni jippreżenta rikors quddiem il-qorti amministrattiva nazzjonali kontra deċiżjoni fir-rigward tar-riżoluzjoni furzata, jiġu ggarantiti rimedji legali effettivi wkoll lill-persuni li jfittxu l-protezzjoni tal-interess legali tagħhom fil-kontestazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, f’sitwazzjoni fejn il-qorti li twettaq l-istħarriġ tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex marbuta bl-ilmenti u t-talbiet tar-rikors kif ukoll bil-bażi legali invokata, fejn sentenza definittiva, mogħtija b’riżultat tal-eżami ta’ dan ir-rikors tħalli effetti erga omnes u fejn il-possibbiltà li dawn il-persuni jiksbu protezzjoni tal-interessi legali tagħhom ma hijiex suġġetta għall-preżentata ta’ rikors separat kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-qorti amministrattiva?

2)      L-Artikolu 85(3) tad-Direttiva [2014/59], li jintroduċi rekwiżit ta’ stħarriġ ġudizzjarju b’ħeffa kif ukoll l-Artikolu 47 tal-[Karta] u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-[TUE], li jistabbilixxu protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet proċedurali ta’ Stat Membru li jobbligaw lill-qorti amministrattiva tieħu konjizzjoni magħquda tar-rikorsi kollha hekk kif ġew ippreżentati quddiem din il-qorti kontra deċiżjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni, f’sitwazzjoni fejn l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, flimkien ma’ rekwiżiti oħra ta’ proċedura nazzjonali marbuta ma’ kontenzjuż amministrattiv, tagħti lok, fid-dawl tal-ammont kunsiderevoli ta’ tali rikorsi, għall-possibbiltà li l-għoti ta’ sentenza fil-kawża inkwistjoni f’terminu raġonevoli jkun eċċessivament diffiċli, jekk mhux saħansitra impossibbli?

3)      L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva [2014/59] għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lil Stat Membru ma jwettaqx separazzjoni strutturali – sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza operattiva u jiġi evitat kunflitt ta’ interessi – bejn il-funzjonijiet tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni u funzjonijiet oħra ta’ din l-awtorità fil-kapaċità tagħha bħala garanti bil-liġi tad-depożiti bankarji jew kuratur tal-bank (amministratur temporanju) maħtur fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet tal-awtorità nazzjonali kompetenti għas-superviżjoni għall-finijiet tar-Regolament [Nru 575/2013] u tad-Direttiva [2013/36]?

4)      L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva [2014/59] għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ li l-Istat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligu li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet strutturali adegwati li jiggarantixxu indipendenza operattiva u li jiġi evitat kunflitt ta’ interessi bejn il-funzjonijiet superviżorji bis-saħħa tar-Regolament Nru [575/2013] u d-Direttiva [2013/36], jew il-funzjonijiet l-oħra tal-awtorità kompetenti u l-funzjonijiet tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni, il-kundizzjoni dwar indipendenza operattiva u l-evitar tal-kunflitt ta’ interessi tista’ titqies li tiġi ssodisfatta jekk il-qorti amministrattiva nazzjonali li tistħarreġ id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni tqis li l-applikazzjoni ta’ soluzzjonijiet organizzattivi oħra u ta’ miżuri effettivi adottati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni kienu suffiċjenti sabiex dawn l-effetti jintlaħqu?”

25.      BI u TM, SJ u ML, DG u GM, il-FGB, Rada Nadzorcza Getin Noble Bank et, il-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet (bl-eċċezzjoni ta’ DG u GM), kif ukoll OS u NS, u DL et, ipparteċipaw fis-seduta li saret fil‑21 ta’ Marzu 2024, li matulha huma wieġbu għall-mistoqsijiet għal risposta orali li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV.    Analiżi

26.      Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, sejjer niffoka l-analiżi tiegħi fuq it-tielet u r-raba’ domanda tal-qorti tar-rinviju li jirrigwardaw il-problematika tal-kunflitt ta’ interessi fi ħdan il-FGB.

A.      Fuq ittielet domanda preliminari

27.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-punt dwar jekk l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/59 għandux jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza Stat Membru li ma jipprovdix għal separazzjoni strutturali, sabiex tiġi żgurata l-indipendenza operattiva u sabiex jiġi evitat kull kunflitt ta’ interessi, bejn il-funzjonijiet assenjati lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni u l-funzjonijiet l-oħrajn tagħha bħala garanti legali tad-depożiti bankarji jew bħala amministratur temporanju (“kuratur”) ta’ bank, maħtur b’deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tas-superviżjoni għall-finijiet tar-Regolament Nru 575/2013 u tad-Direttiva 2013/36.

28.      L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/59 jiddikjara b’mod ċar li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni b’mod eċċezzjonali, tista’ tkun l-awtorità kompetenti fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tal-impriżi tal-investiment.

29.      Dan l-Artikolu 3(3) jispeċifika li dan il-kumulu huwa possibbli biss b’diversi kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet strutturali adegwati sabiex tiġi żgurata l-indipendenza operattiva u jiġi evitat kull kunflitt ta’ interessi bejn iż-żewġ funzjonijiet (superviżjoni prudenzjali u riżoluzzjoni), bla ħsara għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni li huma neċessarji għall-iżvilupp, l-ippjanar u l-applikazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni (12). Fit-tieni lok, din l-indipendenza operattiva għandha tiġi mmanifestata minn struttura organizzattiva separata u minn linji ġerarkiċi separati għall-persunal assenjat f’kull waħda minn dawn iż-żewġ funzjonijiet. Fit-tielet lok, l-Istati Membri jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandhom jadottaw u jippubblikaw ir-regoli interni ad hoc kollha, fosthom dawk marbuta mas-sigriet professjonali u mal-iskambji ta’ informazzjoni bejn id-dipartimenti differenti.

30.      Dawn il-kundizzjonijiet li huma applikabbli meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiżgura l-funzjonijiet ta’ awtorità ta’ superviżjoni prudenzjali, huma applikabbli wkoll għall-“funzjonijiet l-oħra tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni”.

31.      Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar jekk dawn ir-rekwiżiti għandhomx ikunu ssodisfatti meta, bħal fil-każ preżenti, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ġiet maħtura bħala amministratur temporanju (“kuratur”) fl-istadju tal-intervent bikri previst fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2014/59 u tiżgura l-garanzija tad-depożiti bankarji.

32.      Sabiex tingħata risposta, jeħtieġ nibda billi nipprevedi t-tip ta’ kunflitti ta’ interessi li jeħtieġ li jiġu evitati.

33.      Ċertament, il-premessa 15 tad-Direttiva 2014/59 issemmi, bil-għan li tiġi żgurata l-ħeffa meħtieġa ta’ azzjoni, li tiġi żgurata l-indipendenza fir-rigward tal-atturi ekonomiċi u li jiġu evitati l-kunflitti ta’ interessi, il-ħatra ta’ awtoritajiet amministrattivi pubbliċi jew ta’ awtoritajiet mogħtija kompetenzi amministrattivi pubbliċi sabiex jassumu l-funzjonijiet u l-kompiti marbuta mar-riżoluzzjoni skont din id-direttiva. Madankollu, dan ir-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi fir-rigward tal-estern, jiġifieri l-atturi ekonomiċi, ma jidhirlix li huwa dak li huwa previst fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, peress li l-imsemmi riskju ta’ kunflitt ta’ interessi fir-rigward tal-atturi ekonomiċi, li huwa ekwivalenti għal kunflitt ta’ interessi suġġettiv, huwa limitat mill-ħatra ta’ awtorità pubblika u mhux ta’ entità privata. Dan il-kunċett ta’ “kunflitt ta’ interessi suġġettiv” jidher li jintuża meta, fl-Artikolu 29, l-istess direttiva tirrikjedi l-assenza ta’ kull kunflitt ta’ interessi waqt il-ħatra tal-amministratur temporanju jew waqt l-implimentazzjoni tal-istrument ta’ riżoluzzjoni ta’ terminazzjoni tal-attivitajiet, peress li, f’dan il-każ, il-bejgħ ma għandu jkun ivvizzjat minn ebda kunflitt ta’ interessi (13).

34.      Fil-każ preżenti, ir-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi huwa wieħed downstream, jiġifieri fi ħdan l-awtorità ta’ riżoluzzjoni stess. Għaldaqstant, il-kunflitt ta’ interessi ma huwiex iktar previst bħala riskju suġġettiv marbut mal-interess personali ta’ persuna fiżika jew ġuridika, iżda bħala riskju funzjonali jew oġġettiv, marbut mal-eżerċizzju ta’ diversi funzjonijiet mill-istess entità, li jista’ jwassal għat-teħid ta’ deċiżjoni distorta.

35.      Fir-rigward tal-kumulu tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ superviżjoni prudenzjali u ta’ riżoluzzjoni fi ħdan l-istess entità, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li dan kien possibbli dment li jiġu osservati ċerti rekwiżiti organizzattivi msemmija preċedentement. Bl-istess mod, huwa ppreveda li dawn ir-rekwiżiti organizzattivi għandhom jiġu implimentati għall-funzjonijiet l-oħrajn eżerċitati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

36.      Minn dan kollu, jista’ jiġi dedott li l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni huwa li jipproteġi d-deċiżjonijiet tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni minn kull influwenza esterna għall-missjoni ta’ riżoluzzjoni li hija fdata lilha, fid-dawl tal-konsegwenzi ekonomiċi u legali, b’mod partikolari għall-kredituri u għall-azzjonisti, tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni li jistgħu jittieħdu.

37.      Konsegwentement, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “funzjonijiet oħra” għandha tkun wiesgħa sabiex jiġi osservat dan l-għan.

38.      Għaldaqstant, għall-kuntrarju tal-analiżi propost mill-FGB u mill-Gvern Pollakk, il-funzjoni ta’ garanzija tad-depożiti bankarji għandha titqies bħala “funzjoni oħra” suġġetta għar-rekwiżiti ta’ prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi meta din tiġi eżerċitata mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

39.      Għalkemm huwa veru li din il-funzjoni ta’ garanzija tad-depożiti hija maħsuba li tiżgura, bl-istess mod bħall-funzjoni ta’ riżoluzzjoni, l-istabbiltà finanzjarja (14) u li l-fondi tas-sistema ta’ garanzija tad-depożiti huma intiżi li jintużaw fil-kuntest ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni (15), ma huwiex eskluż li jista’ jkun hemm żball fl-użu ta’ dawn il-fondi li għandu jiġi rrimedjat mingħajr riskju ta’ kunflitt ta’ interessi fi ħdan l-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

40.      Fil-fatt, l-Artikolu 75 tad-Direttiva 2014/59 jipprovdi li “[l-]Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk il-valwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 74 tiddetermina li [...] l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti skont l-Artikolu 109(1), ikun ġarrab telf akbar milli kieku kien iġarrab fi stralċ taħt proċeduri normali ta’ insolvenza, huwa jkollu d-dritt għal pagament tad-differenza mill-arranġamenti tal-finanzjament ta’ riżoluzzjoni”. F’dan il-każ, l-interessi tas-sistema ta’ garanzija tad-depożiti u tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni huma kontradittorji. Konsegwentement, fi kwalunkwe każ, il-kriterju propost mill-FGB u mill-Gvern Pollakk li jiġu ristretti l-“funzjonijiet oħra” suġġetti għar-rekwiżiti organizzattivi għal dawk il-funzjonijiet biss li jistgħu jkunu f’kunflitt mal-funzjoni ta’ riżoluzzjoni ma huwiex issodisfatt.

41.      Fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ amministratur temporanju (“kuratur”), dawn jiġu eżerċitati mill-korp maħtur mill-awtorità ta’ superviżjoni prudenzjali skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2014/59. Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar jekk dawn il-funzjonijiet humiex il-funzjonijiet ta’ superviżjoni previsti fir-Regolament Nru 575/2013 u fid-Direttiva 2013/36 jew jekk dawn jaqgħux taħt il-kategorija “funzjonijiet oħra” li jagħmel riferiment għalihom l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/59.

42.      Fil-fatt, dan l-aħħar artikolu jipprevedi li l-funzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jiġu eżerċitati mill-awtorità ta’ superviżjoni prudenzjali, fi kliem ieħor li awtorità waħda teżerċita kemm il-funzjonijiet ta’ riżoluzzjoni kif ukoll dawk ta’ superviżjoni prudenzjali. Konsegwentement, fis-sens letterali, “il-funzjonijiet ta’ superviżjoni skont ir-Regolament [Nru 575/2013] u d-Direttiva [2013/36]” jikkorrispondu għall-missjonijiet kollha ta’ superviżjoni eżerċitati mill-awtorità ta’ superviżjoni prudenzjali skont dawn iż-żewġ testi.

43.      Il-miżuri u s-setgħat ta’ superviżjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni prudenzjali huma deskritti fl-Artikoli 102 sa 107 tad-Direttiva 2013/36. Madankollu, l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2014/59, li jipprovdi għall-miżuri ta’ intervent bikri, qabel l-eventwali riżoluzzjoni, jispeċifika li “l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, mingħajr preġudizzju għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 104 tad-Direttiva [2013/36] fejn applikabbli”, ċerti miżuri li huma elenkati fih.

44.      Għaldaqstant, il-miżuri ta’ intervent bikri jiżdiedu ma’ dawk fdati lill-awtorità ta’ superviżjoni prudenzjali bid-Direttiva 2013/36.

45.      Bl-istess mod, il-funzjonijiet li jistgħu jingħataw lill-amministratur temporanju (“kuratur”) jindikaw livell addizzjonali ta’ intervent fil-ġestjoni tal-istituzzjoni, peress li dan l-amministratur jiġi maħtur jew sabiex jissostitwixxi b’mod temporanju l-korp ta’ tmexxija, jew inkella sabiex jaħdem b’mod temporanju ma’ dan tal-aħħar (16).

46.      Għaldaqstant, dawn il-funzjonijiet marbuta mal-intervent bikri u mal-amministrazzjoni temporanja huma speċifiċi għad-Direttiva 2014/59 u għandhom jiġu kklassifikati bħala “funzjonijiet oħra” u mhux bħala funzjonijiet ta’ superviżjoni prudenzjali strictu sensu.

47.      Fi kwalunkwe każ, il-garanziji ta’ indipendenza u l-miżuri ta’ prevenzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi huma l-istess għall-funzjonijiet ta’ superviżjoni prudenzjali u għall-funzjonijiet l-oħrajn.

48.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni segwa l-istess raġunament, fir-rigward tal-indipendenza operattiva u tal-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi, għall-Bank Ċenrali Ewropew (BĊE) li jeżerċita, minbarra l-missjonijiet tiegħu ta’ politika monetarja, il-missjoni ta’ superviżjoni prudenzjali. Għaldaqstant, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (17), jipprovdi li l-persunal responsabbli mill-funzjoni ta’ superviżjoni prudenzjali għandu jaqa’ taħt struttura organizzattiva separata u taħt linji ġerarkiċi separati minn dawk li jaqa’ taħthom il-persunal responsabbli għal missjonijiet oħrajn fdati lill-BĊE. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jispeċifika li, għal dan il-għan, il-BĊE għandu jadotta u jirrendi pubbliċi r-regoli interni neċessarji kollha, b’mod partikolari fil-qasam tas-sigriet professjonali u tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ gruppi ta’ funzjonijiet.

49.      Il-modalitajiet ta’ applikazzjoni konkreti ta’ dawn il-prinċipji huma ddettaljati fil-manwal ta’ superviżjoni prudenzjali żviluppat fix-xahar ta’ Jannar 2024 mill-BĊE. Pereżempju, id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Regolatorju fuq il-kwistjonijiet ta’ superviżjoni prudenzjali għandu jkollhom aġendi u laqgħat separati minn dawk marbuta ma’ kwistjonijiet monetarji (18). Il-funzjonijiet ta’ superviżjoni prudenzjali huma fdati lil sitt direttorati ġenerali speċifiċi li kull wieħed minnhom jaqa’ taħt il-President jew il-Viċi President tal-bord ta’ superviżjoni, huwa indipendenti mill-Kunsill Regolatorju u huwa responsabbli li jippreżenta quddiem dan tal-aħħar, l-abbozzi ta’ deċiżjoni prudenzjali. Jeżistu dipartimenti li huma kondiviżi (riżorsi umani, sistemi tal-informatika, komunikazzjoni, baġit u organizzazzjoni, bini, awditu intern, dipartimenti legali u tal-istatistika) għas-servizz tal-missjonijiet kollha fdati lill-BĊE (19).

50.      Dan it-tip ta’ organizzazzjoni jidhirli li huwa konformi mal-preskrizzjonijiet identiċi tad-Direttiva 2014/59. Fil-fatt, anki jekk jiġi ammess il-kumulu ta’ funzjonijiet fi ħdan l-istess awtorità, dan ma għandux iwassal sabiex jiġi impost bord tad-diretturi doppju u lanqas dipartimenti komuni kondiviżi. Għall-kuntrarju, huwa neċessarju li l-linji ġerarkiċi jibqgħu separati lil hinn mill-bord tad-diretturi, filwaqt li jiġi speċifikat li l-eżistenza ta’ bord superviżorju flimkien mal-Kunsill Regolatorju fi ħdan il-BĊE huwa rekwiżit tar-Regolament Nru 1024/2013 (20).

51.      Dawn il-punti għandhom jiġu speċifikati fit-test futur dwar ir-riżoluzzjoni tal-impriżi ta’ assigurazzjoni u ta’ riassigurazzjoni. Fil-fatt, fil-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u għar-riżoluzzjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u li temenda d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2009/138/KE, (UE) 2017/1132 u r-Regolamenti (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 648/2012 (21), inkluż fl-aħħar verżjoni tagħha (22), jeżistu dispożizzjonijiet analogi dwar il-ħatra ta’ awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni kompetenti għall-impriżi ta’ assigurazzjoni u dwar l-eżistenza ta’ funzjonijiet oħrajn eżerċitati minn dawn l-awtoritajiet. Il-kunċetti użati huma l-istess bħal dawk fid-Direttiva 2014/59 u fir-Regolament Nru 1024/2013, jiġifieri dispożizzjonijiet strutturali adegwati sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interessi bejn il-funzjonijiet differenti eżerċitati, linji ġerarkiċi separati u indipendenza operattiva. Ġew miżjuda l-ispeċifikazzjoni li ġejja: il-ħtieġa ta’ persunal adatt u proċessi deċiżjonali separati. Fl-istat attwali tal-abbozz, l-Artikolu 3(4) jistabbilixxi li l-linji ġerarkiċi li jistgħu jingħaqdu fl-ogħla livell ta’ organizzazzjoni li takkumula diversi funzjonijiet u li l-persunal jista’ jkun kondiviż.

52.      Dawn l-elementi jistgħu jilluminaw b’mod utli lill-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-modalitajiet ta’ organizzazzjoni magħżula sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza operattiva u sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interessi bejn il-fiunzjonijiet differenti assenjati lill-FGB jippermettux li jiġu osservati l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/59.

53.      Konsegwentement, nipproponi li għandha tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżiti ta’ eżistenza ta’ dispożizzjonijiet strutturali adegwati sabiex tiġi żgurata l-indipendenza operattiva u sabiex jiġi evitat kull kunflitt ta’ interessi bejn il-funzjonijiet ta’ superviżjoni previsti fir-Regolament Nru 575/2013 u fid-Direttiva 2013/36, jew il-funzjonijiet l-oħrajn tal-awtorità kkonċernata, u l-funzjonijiet assenjati lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni skont id-Direttiva 2014/59, b’mod partikolari struttura organizzattiva separata u linji ġerarkiċi separati japplikaw meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni teżerċita l-funzjonijiet l-oħrajn ta’ amministratur temporanju skont l-Artikolu 29 ta’ din id-direttiva u ta’ garanzija tad-depożiti bankarji.

B.      Fuq irraba’ domanda preliminari

54.      Din id-domanda essenzjalment tirrigwarda l-punt dwar jekk l-assenza ta’ dispożizzjonijiet strutturali adegwati adottati mill-Istat Membru intiżi li jipprevjenu l-kunflitti ta’ interessi u li jiggarantixxu l-indipendenza operattiva tistax tiġi rrimedjata b’soluzzjonijiet organizzattivi u miżuri effettivi adottati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

55.      Infakkar li l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/59 jistabbilixxi li “l-Istati Membri jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandhom jadottaw u jagħmlu pubbliċi kull regola interna neċessarja u rilevanti inklużi regoli dwar is-segretezza professjonali u l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-oqsma ta’ funzjoni differenti”.

56.      Minn dan l-artikolu jirriżulta b’mod ċar li r-regoli interni ad hoc ma għandhomx jiġu adottati u ppubblikati biss mill-Istati Membri, iżda li dawn jistgħu jiġu adottati u ppubblikati wkoll mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni nnifisha.

57.      L-Artikolu 3(5) tal-proposta għal direttiva ċċitata fil-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet, anki fl-aħħar verżjoni tagħha (23), jistabbilixxi li li ma humiex l-Istati Membri, iżda l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li huma responsabbli għall-adozzjoni u għall-pubblikazzjoni tar-regoli intiżi li jiggarantixxu l-indipendenza operattiva bejn il-funzjonijiet differenti eżerċitati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni u l-assenza ta’ kunflitt ta’ interessi.

58.      Dwar dan il-punt, il-FGB ipproduċa, fl-anness tal-osservazzjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ċerti regolamenti adottati mill-bord tad-diretturi tiegħu (24), mill-President ta’ dan tal-aħħar (25) jew mill-bord tiegħu (26). Dawn l-atti għandhom bħala l-għan tagħhom, b’mod partikolari, l-organizzazzjoni strutturali u l-organigramma tal-uffiċċju tal-FGB, it-tqassim tal-kompiti bejn il-membri tal-bord tad-diretturi u s-setgħat ta’ superviżjoni tagħhom fuq l-uffiċċji tal-FGB li jaqgħu taħt l-awtorità tiegħu, il-prinċipji etiċi applikabbli għall-impjegati tal-FGB kif ukoll l-istruzzjonijiet għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ “kuratur” mill-FGB.

59.      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika liema kienu r-regoli adottati u ppubblikati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni. Il-qorti tar-rinviju tista’ teżamina utilment dawn it-testi sabiex tevalwa l-mod kif inhuma implimentati fi ħdan il-FGB, ir-rekwiżiti ta’ indipendenza operattiva u ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/59.

60.      Fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-regoli li hija rikjesta wkoll minn din id-dispożizzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika r-realtà ta’ din tal-aħħar, u jekk xieraq, tiżgura ruħha li l-elementi preżenti fis-sit tal-internet tal-FGB – b’mod partikolari l-organigramma u l-indikazzjonijiet li jikkonċernaw il-kompetenzi ta’ kull wieħed mill-membri tal-bord tad-diretturi u d-dipartimenti marbuta miegħu – jistgħux jirrimedjaw l-assenza ta’ pubblikazzjoni ta’ dawn l-atti stess. Jeħtieġ li jiġi nnotat li d-Direttiva 2014/59 ma tipprovdi għal ebda sanzjoni għal din l-assenza ta’ pubblikazzjoni.

61.      Fi kwalunkwe każ, fl-assenza ta’ preċiżjoni ta’ natura proċedurali prevista mid-dritt tal-Unjoni sabiex jiġi ssanzjonat dritt, u konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, dawn ir-regoli ma għandhomx ikunu inqas favorevoli mir-rimedji simili ta’ natura interna (l-prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (il-prinċipju ta’ effettività) (27).

62.      Fl-assenza ta’ regola nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/59 li tissanzjona l-assenza ta’ pubblikazzjoni, il-qorti tar-rinviju jkollha għaldaqstant tapplika d-dritt nazzjonali tagħha sabiex tevalwa l-konsegwenzi tagħha.

63.      Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta lill-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ regoli interni, adottati u ppubblikati mill-Istat Membru, adatti sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza operattiva u sabiex jiġi evitat kull kunflitt ta’ interessi bejn il-funzjonijiet ta’ superviżjoni previsti mir-Regolament Nru 575/2013 u d-Direttiva 2013/36, jew il-funzjonijiet l-oħrajn tal-awtorità kkonċernata, u l-funzjonijiet assenjati lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni skont id-Direttiva 2014/59, hija l-awtorità ta’ riżoluzzjoni li għandha tadotta u tippubblika tali regoli u hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li dawn huma adatti sabiex jiġu ggarantiti l-għanijiet previsti fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/59 jew li tislet il-konsegwenzi, skont id-dritt nazzjonali tagħha, minn assenza ta’ adozzjoni jew ta’ pubblikazzjoni ta’ dawn ir-regoli.

V.      Konklużjoni

64.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda preliminari magħmula mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva ta’ Województwo warszawskie, il-Polonja) kif ġej:

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        ir-rekwiżiti ta’ eżistenza ta’ dispożizzjonijiet strutturali adegwati sabiex tiġi żgurata l-indipendenza operattiva u sabiex jiġi evitat kull kunflitt ta’ interessi bejn il-funzjonijiet ta’ superviżjoni previsti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 u fid-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE kif emendata bid-Direttiva (UE) 2019/878 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2019, jew il-funzjonijiet l-oħrajn tal-awtorità kkonċernata, u l-funzjonijiet assenjati lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni skont id-Direttiva 2014/59, b’mod partikolari struttura organizzattiva separata u linji ġerarkiċi separati japplikaw meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni teżerċita l-funzjonijiet l-oħrajn ta’ amministratur temporanju skont l-Artikolu 29 ta’ din id-direttiva u ta’ garanzija tad-depożiti bankarji.

–        Fl-assenza ta’ regoli interni, adottati u ppubblikati mill-Istat Membru, adatti sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza operattiva u sabiex jiġi evitat kull kunflitt ta’ interessi bejn il-funzjonijiet ta’ superviżjoni previsti mir-Regolament Nru 575/2013 u d-Direttiva 2013/36, kif emendati, jew il-funzjonijiet l-oħrajn tal-awtorità kkonċernata, u l-funzjonijiet assenjati lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni skont id-Direttiva 2014/59, hija l-awtorità ta’ riżoluzzjoni li għandha tadotta u tippubblika tali regoli u hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li dawn huma adatti sabiex jiġu ggarantiti l-għanijiet previsti fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/59 jew li tislet il-konsegwenzi, skont id-dritt nazzjonali tagħha, minn assenza ta’ adozzjoni jew ta’ pubblikazzjoni ta’ dawn ir-regoli.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


3      ĠU 2014, L 173, p. 190.


4      ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6, fil-ĠU 2017, L 20, p. 2, u fil-ĠU 2023, L 92, p. 29.


5      ĠU 2019, L 314, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 20, p. 26, fil-ĠU 2020, L 405, p. 79 iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 575/2013”.


6      Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifika fil-ĠU 2020, L 203, p. 95 u fil-ĠU 2013 L 208, p. 73), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2019/878 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2019 (ĠU 2019, L 150, p. 253, rettifika fil-ĠU 2020, L 212, p. 20) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2013/36”).


7      Dz. U. tal‑1997, Nru 140, punt 939.


8      Niġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-liġi Pollakka tuża t-terminu “kuratur”, li huwa differenti minn dak użat fid-Direttiva 2014/59 “amministratur”.


9      Dz. U. tal‑2016, punt 996.


10      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


11      Il-qorti tar-rinviju tindika li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, hija kienet irċeviet iktar minn 7000 rikors kontra d-deċiżjoni tad‑29 ta’ Settembru 2022, numru li jikkorrispondi għall-kwantità medja ta’ rikorsi riċevuti mid-diviżjoni kompetenti ta’ dik il-qorti fuq perijodu ta’ iktar minn sentejn.


12      Ara l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2014/59.


13      Ara l-Artikolu 39(2)(c) tad-Direttiva 2014/59.


14      Ara l-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU 2014, L 173, p. 149, rettifka fil-ĠU 2014 L 309, p. 37 u fil-ĠU 2014 L 212, p. 47), kif ukoll il-premessi 3 u 11 tad-Direttiva 2014/59.


15      Ara l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/49 u l-Artikolu 109 tad-Direttiva 2014/59.


16      Ara l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2014/59.


17      ĠU 2013, L 287, p. 63.


18      Dan huwa rekwiżit addizzjonali tal-Artikolu 25(4) tar-Regolament Nru 1024/2013.


19      Ara l-paġni 7 sa 9 ta’ dan il-manwal.


20      Ara l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1024/2013.


21      COM(2021) 582 final.


22      Ara n-nota ta’ informazzjoni tal‑25 ta’ Jannar 2024 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lid-delegazzjonijiet dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u għar-riżoluzzjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u li temenda d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2009/138/KE, (UE) 2017/1132 u r-Regolamenti (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 648/2012 – Ittra lill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew (dokument 5805/24).


23      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      Ara r-Regolament Nru 273/BZ/2022 tal-bord tad-diretturi tal-FGB, tat‑28 ta’ Lulju 2022, dwar id-definizzjoni tar-regoli organizzattivi tal-uffiċċju tal-FGB, kif ukoll ir-Riżoluzzjoni Nru 124/DAW/2021 tal-bord tad-diretturi tal-FGB, tal‑1 ta’ Lulju 2021, li tistabbilixxi istruzzjonijiet għall-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ kuratur mill-FGB.


25      Ara r-Regolament Nru 13/BZ/2022 tal-President tal-bord tad-diretturi tal-FGB, tat‑28 ta’ Lulju 2022, dwar it-tqassim tal-kompiti bejn il-membri tal-bord tad-diretturi tal-FGB u dwar id-determinazzjoni tal-portata tas-superviżjoni eżerċitata mill-membri tal-bord tad-diretturi fuq l-unitajiet organizzattivi tal-uffiċċju tal-FGB; Regolament Nru 14/BZ/2022 tal-President tal-bord tad-diretturi tal-FGB, tat‑28 ta’ Lulju 2022, dwar id-definizzjoni tal-organigramma tal-uffiċċju tal-FGB, kif ukoll ir-Regolament Nru 7/BRZ/2022 tal-President tal-bord tad-diretturi tal-FGB, tas‑17 ta’ Frar 2022, li jistabbilixxi l-prinċipji tal-etika tal-impjegati tal-FGB.


26      Ara r-Riżoluzzjoni Nru 36/2022 tal-bord tal-FGB, tas‑27 ta’ Lulju 2022, dwar ir-regolament tal-bord tad-diretturi tal-FGB.


27      Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Rudigier (C‑518/17, EU:C:2018:757, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Kyrian (C‑233/08, EU:C:2010:11, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).