Language of document : ECLI:EU:C:2024:520

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Ġunju 2024 (*)

“Appell – Politika ekonomika u monetarja – Unjoni bankarja – Regolament (UE) Nru 806/2014 – Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni – Proċedura ta’ riżoluzzjoni applikabbli fil-każ li entità tkun qiegħda tfalli jew x’aktarx tkun ser tfalli – Artikolu 18(7) – Adozzjoni mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni – Approvazzjoni ta’ din l-iskema mill-Kummissjoni Ewropea – Artikolu 86(2) – Att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑551/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑17 ta’ Awwissu 2022,

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, P. Němečková, A. Nijenhuis, A. Steiblytė u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Fundación Tatiana Pérez de Guzmán el Bueno, stabbilita f’Madrid (Spanja)

Stiftung für Forschung und Lehre (SFL), stabbilita f’Zürich (l-Isvizzera), irrappreżentata minn R. Pelayo Jiménez u R. Pelayo Torrent, abogados,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IlBord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn H. Ehlers, S. Fernández Rupérez, A. R. Lapresta Bienz u J. M. Rius Riu, bħala aġenti, assistiti minn F. B. Fernández de Trocóniz Robles, abogado, u minn B. Meyring et S. Schelo, Rechtsanwälte,

konvenut fl-ewwel istanza,

IrRenju ta’ Spanja,

IlParlament Ewropew, irrappreżentat minn J. Etienne, P. López-Carceller, M. Menegatti, L. Stefani u L. Visaggio, bħala aġenti,

IlKunsill talUnjoni Ewropea, irrappreżentat minn J. Bauerschmidt, J. Haunold, H. Marcos Fraile u A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti,

Banco Santander SA, stabbilita f’Santander (Spanja), irrappreżentata minn J. Remón Peñalver, J. M. Rodríguez Cárcamo, A. M. Rodríguez Conde u D. Sarmiento Ramírez-Escudero, abogados,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, T. von Danwitz (Relatur), F. Biltgen u N. Piçarra, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, P. G. Xuereb, L. S. Rossi, N. Jääskinen, N. Wahl, I. Ziemele u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Ġunju 2023,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Novembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Fundación Tatiana Pérez de Guzmán el Bueno u SFL vs SRB (T‑481/17, iktar ‘il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:311), li permezz tagħha din ċaħdet it-talba għal annullament imressqa mill-Fundación Tatiana Pérez de Guzmán el Bueno (iktar ’il quddiem il-“Fundación”) u l-iStiftung für Forschung und Lehre (SFL) kontra d-deċiżjoni SRB/EES/2017/08 tas-sessjoni eżekuttiva tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), tas‑7 ta’ Ġunju 2017, dwar l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español, SA (iktar ‘il quddiem l-“iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża”).

 Ilkuntest ġuridiku

 IrRegolament (UE) Nru 1024/2013

2        L-Artikolu 6(4) u (5) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru°1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), jipprovdi:

“(4)      Fir-rigward tal-kompiti definiti fl-Artikolu 4, ħlief għall-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1 tiegħu, il-[Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)] għandu jkollu r-responsabbiltajiet stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandu jkollhom ir-responsabbiltajiet stabbiliti fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, […], għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-kumpaniji holding finanzjarji jew il-kumpaniji holding finanzjarji mħalltin li ġejjin jew fergħat, li huma stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti, ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti:

–        dawk li huma inqas sinifikanti fuq bażi konsolidata, fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti, jew individwalment fil-każ speċifiku tal-fergħat, li huma stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti, ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti. Is-sinifikanza għandha tkun ivvalutata abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(i)      id-daqs;

(ii)      l-importanza għall-ekonomija tal-Unjoni [Ewropea] jew kwalunkwe Stat Membru parteċipanti;

(iii)      is-sinifikanza tal-attivitajiet transkonfinali.

Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu hawn fuq, istituzzjoni ta’ kreditu jew kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta ma għandhiex titqies bħala inqas sinifikanti, dment li ma jkunx ġustifikat b’ċirkostanzi partikolari li għandhom jiġu speċifikati fil-metodoloġija, jekk kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin tkun sodisfatta:

(i)      il-valur totali tal-assi tagħha jaqbeż EUR 30 biljun;

(ii)      il-proporzjon tal-assi totali tagħha fuq il-[prodott domestiku gross (PDG)] tal-Istat Membru parteċipanti tal-istabbiliment jaqbeż 20 %, sakemm il-valur totali tal-assi tagħha ma jkunx taħt il-5 biljun euro;

(iii)      wara notifika mill-awtorità nazzjonali kompetenti tagħha li hija tqis tali istituzzjoni bħala li għandha rilevanza sinifikanti rigward l-ekonomija domestika, il-BĊE jieħu deċiżjoni li tikkonferma tali sinifikanza wara valutazzjoni komprensiva mill-BĊE, inkluż valutazzjoni tal-karta tal-bilanċ, ta’ dik l-istituzzjoni ta’ kreditu.

Il-BĊE jista’ wkoll, fuq inizjattiva proprja, jikkunsidra li istituzzjoni tkun ta’ rilevanza sinifikanti fejn tkun stabbilixxiet sussidjarji bankarji f’aktar minn Stat Membru parteċipanti wieħed u l-attivi jew il-passivi transkonfinali tagħha jirrappreżentaw parti sinifikanti tal-attivi jew il-passivi totali tagħha soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-metodoloġija.

[…]

(5)      Fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fil-paragrafu 4, u fi ħdan il-qafas definit fil-paragrafu 7:

[…]

(b)      meta meħtieġ biex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin, il-BĊE jista’ f’kull ħin, fuq l-inizjattiva proprja wara li jikkonsulta l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew fuq talba minn awtorità nazzjonali kompetenti, jiddeċiedi li jeżerċita direttament hu stess is-setgħat rilevanti kollha għal istituzzjoni ta’ kreditu waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 4 […]

[…]”

 IrRegolament SRM

3        Il-premessi 24, 26, 62, 90 u 120 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1, iktar ‘il quddiem ir-“Regolament SRM”) huma fformulati kif ġej:

“(24)      Billi huma biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jistgħu jistabbilixxu l-politika ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni ubilli jibqa’ marġni ta’ diskrezzjoni fl-adozzjoni ta’ kull skema ta’ riżoluzzjoni speċifika, huwa neċessarju li jiġi previst l-involviment adegwat tal-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] u tal-Kummissjoni, bħala l-istituzzjonijiet li jistgħu jeżerċitaw setgħat ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE,. Il-valutazzjoni tal-aspetti diskrezzjonarji tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni meħuda mill-Bord għandha tkun eżerċitata mill-Kummissjoni. Fid-dawl tal-impatt konsiderevoli tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri u fuq l-Unjoni bħala tali, kif ukoll fuq is-sovranità fiskali tal-Istati Membri, huwa importanti li l-Kunsill jingħata s-setgħa ta’ implimentazzjoni li jieħu ċerti deċiżjonijiet relatati mar-riżoluzzjoni. Għaldaqstant għandu jkun il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, li jeżerċita kontroll effettiv fuq il-valutazzjoni mill-Bord tal-eżistenza ta’ interess pubbliku u li jivvaluta kwalunkwe bidla materjali tal-ammont tal-Fond li għandu jintuża f’azzjoni speċifika ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati sabiex tispeċifika l-kriterji jew il-kondizzjonijiet ulterjuri li għandhom jitqiesu mill-Bord fl-eżerċizzju tas-setgħat differenti tiegħu. Tali għoti ta’ kompiti ta’ riżoluzzjoni bl-ebda mod ma għandu jostakola l-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi finanzjarji. L-[Awtorità Bankarja Ewropea (ABE)] għandha żżomm ir-rwol tagħha, flimkien mas-setgħat u l-kompiti tagħha: għandha tiżviluppa u tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tal-leġislazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-Istati Membri kollha u żżid il-konverġenza tal-prattiki ta’ riżoluzzjoni fl-Unjoni kollha kemm hi.

[…]

(26) Il-BĊE, bħala s-superviżur [tal-mekkaniżmu uniku ta’ sorveljanza (SSM)], u l-Bord, għandhom ikuni jistgħu jevalwaw jekk istituzzjoni ta’ kreditu hijiex qed tfalli jew li x’aktarxtfalli u jekk ma hemm l-ebda prospett raġonevoli li azzjoni alternattiva mis-settur privat jew superviżorja tkun tista’ tevita li din tfalli fi żmien raġonevoli. Il-Bord, jekk iqis li l-kriterji kollha relatati mal-iskattar tar-riżoluzzjonijiet huma ssodisfati, għandu jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Il-proċedura relatata mal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li tinvolvi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, issaħħaħ l-indipendenza operattiva neċessarja tal-Bord filwaqt li tirrispetta l-prinċipji ta’ delega ta’ setgħat lill-aġenziji kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (‘il-Qorti tal-Ġustizzja’). Għaldaqstant, dan ir-Regolament jiddisponi li l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mill-Bord tidħol fis-seħħ biss jekk, fi żmien 24 siegħa wara l-adozzjoni tagħha mill-Bord, ma tiġi espressal-ebda oġġezzjoni min-naħa tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni jew jekk l-iskema ta’ riżoluzzjoni tkun approvata mill-Kummissjoni. Ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kunsill huwa permess li joġġezzjona, fuq proposta tal-Kummissjoni, fil-konfront tal-iskema ta’ riżoluzzjoni tal-Bord għandhom ikunu limitati strettament għall-eżistenza ta’ interess pubbliku u għal modifiki materjali min-naħa tal-Kummissjoni tal-ammont tal-użu tal-Fond kif propost mill-Bord.

Bidla fl-ammont tal-Fond ta’ 5 % jew aktar meta mqabbla mal-proposta oriġinali tal-Bord għandha titqies bħala materjali. Il-Kunsill għandu japprova jew joġġezzjona għall-proposta tal-Kummissjoni mingħajr ma jemendaha. Fil-kwalità tagħha ta’ osservatur fil-laqgħat tal-Bord, il-Kummissjoni għandha, fuq bażi regolari, tivverifika li l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mill-Bord hija konformi totalment ma’ dan ir-Regolament, tibbilanċja b’mod xieraq id-diversi objettivi u interessi involuti, tirrispetta l-interess pubbliku u tippreserva dik l-integrità tas-suq intern. Fid-dawl tal-fatt li l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni teħtieġ proċess ta’teħid ta’ deċiżjonijiet rapidu ħafna, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw mill-qrib u l-Kunsill ma għandux jirriproduċi x-xogħol preparatorju li jkun diġà sar mill-Kummissjoni. Il-Bord għandu jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni li għandhom jieħdu kull miżura neċessarja għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

[…]

(62)      Interferenza mad-drittijiet tas-sjieda ma għandhiex tkun sproporzjonata. Bħala konsegwenza, l-azzjonisti u l-kredituri milquta ma għandhomx iġarrbu iktar telf minn dawk li kienu jġarrbu kieku l-entità ġiet stralċjata fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Fil-każ ta’ trasferiment parzjali ta’ assi ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni lil xerrej privat jew istituzzjoni tranżitorja, il-parti residwa tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni għandha tiġi stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza. Sabiex jiġu protetti l-azzjonisti u l-kredituri eżistenti tal-entità fil-proċeduri tal-istralċ, dawn għandhom ikunu intitolati jirċievu bi ħlas għall-pretensjonijiet tagħhom mhux inqas minn dak li huwa stmat li kienu jirkupraw kieku l-entità kollha ġiet stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza.

[…]

(90)      Fl-applikazzjoni tal-għodda ta’ riżoluzzjoni u fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni, il-Bord għandu jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni biex jiżguraw li r-rappreżentanti tal-impjegati tal-entitajiet ikkonċernati jkunu infurmati u, fejn xieraq, ikkonsultati, kif previst fid-Direttiva 2014/59/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190)].

[…]

(120)      [Il-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni (SRM)] ilaqqa’ flimkien lill-Bord, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tirrieżamina l-legalità tad-deċiżjonijiet adottati mill-Bord, il-Kunsill u l-Kummissjoni skont l-Artikolu 263 TFUE, kif ukoll biex tiġi determinata r-responsabilità mhux kuntrattwali tagħhom. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 267 TFUE, għandha l-kompetenza li tagħti sentenzi preliminari fuq talba tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji tal-Unjoni. L-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għandhom ikunu kompetenti, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, biex jirrieżaminaw il-legalità ta’ deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilhom minn dan ir-Regolament, kif ukoll biex jiddeterminaw i r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom.”

4        L-Artikolu 1 tar-Regolament SRM, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 li huma stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti msemmija fl-Artikolu 4.

Dawn ir-regoli uniformi u dik il-proċedura uniformi għandhom jiġu applikati mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni stabbilit skont l-Artikolu 42 (‘il-Bord’) flimkien mal-Kunsill u l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni fil-qafas tal-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni (SRM, ‘single resolution mechanism’) stabbilit minn dan ir-Regolament. L-SRM għandu jkun sostnut minn fond uniku ta’ riżoluzzjoni (‘il-Fond’).

[…]”

5        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament japplika għall-entitajiet li ġejjin:

(a)      istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti f’ Stat Membru parteċipanti;

(b)      impriżi prinċipali, inklużi kumpaniji holding finanzjarji u kumpaniji holding finanzjarji mħallta. stabbiliti fi Stat Membru parteċipanti, fejn ikunu soġġetti għal superviżjoni konsolidata mwettqa mill-BĊE skont l-Artikolu 4(1)(g) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

[…]”

6        L-Artikolu 7 tar-Regolament SRM intitolat “It-tqassim tal-kompiti fi ħdan l-SRM”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“(1)      Il-Bord għandu jkun responsabbli mill-funzjonament effettiv u konsistenti tal-SRM.

(2)      Soġġett għad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 31(1), il-Bord għandu jkollu r-responsabbiltà li jfassal il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u jadotta d-deċiżjonijiet kollha relatati mar-riżoluzzjoni għal:

(a)      l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 li ma jagħmlux parti minn grupp, u l-gruppi:

(i)      li huma meqjusa bħala sinifikanti skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013; jew

(ii)      li fir-rigward tagħhom il-BĊE jkun iddeċieda skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, li jeżerċita direttament is-setgħat rilevanti kollha,; u

(b)      gruppi transkonfinali oħrajn.”

7        L-Artikolu 14 tar-Regolament SRM, intitolat “Objettivi ta’riżoluzzjoni”, jipprovdi li:

“(1)      Meta jaġixxu skont il-proċedura ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18, il-Bord, il-Kunsill, u l-Kummissjoni u fejn rilevanti l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, skont ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, għandhom jieħdu kont tal-objettivi ta’ riżoluzzjoni, u jagħżlu l-għodod ta’ riżoluzzjoni u s-setgħat ta’ riżoluzzjoni li, fil-fehma tagħhom, jilħqu l-aħjar l-objettivi ta’ riżoluzzjoni li huma rilevanti fiċ-ċirkostanzi tal-każ.

(2)      L-objettivi ta’ riżoluzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 huma dawn li ġejjin:

(a)      li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi;

(b)      li jiġu evitati effetti avversi sinifikanti fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari permezz tal-prevenzjoni tal-kontaġju, inkluż lill-infrastrutturi tas-suq, u billi tinżamm id-dixxiplina tas-suq;

(c)      li jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja;

(d)      jiġu protetti d-depożitanti koperti mid-Direttiva 2014/49/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU 2014, L 173, p. 149, rettifiki fil-ĠU 2014 L 212, p. 47 u fil-ĠU 2014, L 309, p. 37),] u l-investituri koperti mid-Direttiva 97/9/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ Marzu 1997 dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6, Vol. 2, p. 311]; u

(e)      li jiġu protetti l-fondi u l-assi tal-klijenti.

Meta jfittxu li jiksbu l-objettivi msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Bord, l-Kunsill, il-Kummissjoni u, fejn rilevanti, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, għandhom ifittxu li jimminimizzaw il-kost tar-riżoluzzjoni u jevitaw id-distruzzjoni tal-valur ħlief jekk neċessarju sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ riżoluzzjoni.

(3)      Soġġetti għal dispożizzjonijiet differenti ta’ dan ir-Regolament, l-objettivi ta’ riżoluzzjoni huma ta’ sinifikat ugwali, u għandhom ikunu bbilanċjati, kif xieraq, man-natura u ċ-ċirkostanzi ta’ kull każ.”

8        Konformement mal-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament, is-SRB, il-Kunsill, il-Kummissjoni u, jekk ikun il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni “għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha” sabiex il-miżura ta’ riżoluzzjoni tittieħed konformement mal-prinċipji stabbiliti minn din id-dispożizzjoni, meta jaġixxu fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni ddefinita fl-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament.

9        L-Artikolu 18 tar-Regolament SRM, intitolat “Proċedura ta’ riżoluzzjoni”, jipprovdi:

“(1)      Il-Bord għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni skont il-paragrafu 6 fir-rigward ta’ entitajiet u gruppi msemmija fl-Artikolu 7(2), u lill-entitajiet u lill-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(4)(b) u (5), fejn jintlaħqu l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk il-paragrafi, biss meta dan jivvaluta, matul is-sessjoni eżekuttiva tiegħu, hekk kif jirċievi komunikazzjoni skont ir-raba’ subparagrafu jew fuq inizjattiva proprja, li ntlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      l-entità qed tfalli jew x’aktarx li tfalli;

(b)      b’kont meħud taż-żmien u ta’ ċirkostanzi rilevanti oħra, ma hemmx prospett raġonevoli li xi miżura alternattiva tas-settur privat, inklużi miżuri minn IPS, jew azzjoni ta’ superviżjoni, inklużi miżuri ta’ intervent bikri jew valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti skont l-Artikolu 21, meħuda fir-rigward tal-entità, jistgħu jimpedixxu l-falliment tagħha f’limitu ta’ żmien raġonevoli;

(c)      hija meħtieġa azzjoni ta’ riżoluzzjoni fl-interess pubbliku skont il-paragrafu 5.”

Għandha ssir mill-BĊE valutazzjoni tal-kondizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, wara konsultazzjoni mal-Bord. Il-Bord, matul is-sessjoni eżekuttiva tiegħu, jista’ jagħmel tali valutazzjoni biss wara li jkun informa lill-BĊE bl-intenzjoni tiegħu u biss jekk il-BĊE, fi żmien tlitt ijiem kalendarji wara li tkun waslet tali informazzjoni, ma jkunx għamel tali valutazzjoni. Il-BĊE għandu jipprovdi, mingħajr dewmien, lill-Bord bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti li l-Bord jirrikjedi biex ikollu informazzjoni għall-valutazzjoni tiegħu.

Fejn l-BĊE jivvaluta li l-kondizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ntlaħqet fir-rigward ta’ istituzzjoni jew grupp imsemmija fl-ewwel subparagrafu, huwa għandu jikkomunika dik il-valutazzjoni mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Bord.

Il-valutazzjoni tal-kondizzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandha ssir mill-Bord, matul is-sessjoni eżekuttiva tiegħu, jew, fejn applikabbli, mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE. Il-BĊE jista’ jinforma wkoll lill-Bord jew lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni konċernati li huwa jqis li l-kondizzjoni stipulata f’dak il-punt ġiet sodisfatta.

(2)      Mingħajr preġudizzju għal każijiet fejn il-BĊE ddeċieda li jeżerċità direttament il-kompiti superviżorji relatati mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, fil-każ tar-riċezzjoni ta’ komunikazzjoni skont il-paragrafu 1 jew fejn il-Bord ikollu l-intenzjoni jagħmel valutazzjoni skont il-paragrafu 1 fuq inizjattiva proprja, fir-rigward ta’ entità jew grupp imsemmi fl-Artikolu 6a(3), il-Bord għandu jikkomunika dik il-valutazzjoni lill-BĊE mingħajr dewmien.

[…]

(4)      Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, l-entità għandha titqies li qed tfalli jew li x’aktarx tfalli f’waħda jew iżjed miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

[…]

(5)      Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, azzjoni ta’ riżoluzzjoni għandha tiġi ttrattata bħala fl-interess pubbliku jekk tkun neċessarja għall-kisba ta’ objettiv ta’ riżoluzzjoni wieħed jew aktar u hija proporzjonata magħhom kif speċifikat fl-Artikolu 14 u l-istralċ tal-entità skont proċedimenti normali ta’ insolvenza ma jilħaqx dawn l-objettivi ta’ riżoluzzjoni sal-istess punt.

(6)      Jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, il-Bord għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni. L-iskema ta’ riżoluzzjoni għandha:

(a)      tqiegħed lill-entità taħt riżoluzzjoni;

(b)      tiddetermina l-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni lill-istituzzjoni taħt rizoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 22(2), b’mod partikolari kwalunkwe esklużjonimill-applikazzjoni ta’ rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 27(5) u (14);

(c)      tiddetermina l-użu tal-Fond biex jappoġġa l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 76 u skont deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda skont l-Artikolu 19.

(7)      Immedjatament wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-Bord għandu jitrażmettiha lill-Kummissjoni.

Fi żmien 24 siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-Bord, il-Kummissjoni għandha jew tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni, jew toġġezzjonaha fir-rigward tal-aspetti ta’ diskrezzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni f’każijiet li mhumiex koperti fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Fi żmien 12-il siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-Bord, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill biex:

(a)      joġġezzjona għall-iskema ta’ riżoluzzjoni fuq il-bażi li l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mill-Bord ma tissodisfax il-kriterju tal-interess pubbliku msemmi fil-paragrafu 1(c);

(b)      japprova jew joġġezzjona modifika materjali tal-ammont tal-Fond prevista fl-iskema ta’ riżoluzzjoni tal-Bord.

Għall-finijiet tat-tielet subparagrafu, il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza sempliċi.

L-iskema ta’ riżoluzzjoni tista’ tidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressal-ebda oġġezzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fi żmien 24 siegħa wara t-trażmissjoni tagħha mill-Bord.

Il-Kunsill jew il-Kummissjoni, skont il-każ, għandhom jiġġustifikaw l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ oġġezzjoni li għandhom.

Fil-każ fejn, fi żmien 24 siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-Bord, il-Kunsill ikun approva l-proposta tal-Kummissjoni għal modifika tal-iskema ta’ riżoluzzjoni fuq il-bażi msemmija fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu jew il-Kummissjoni tkun oġġezzjonat skont it-tieni subparagrafu, il-Bord, fi żmien tmien siegħat, għandu jimmodifika l-iskema ta’ riżoluzzjoni skont ir-raġunijiet espressi.

Fejn l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mill-Bord tipprevedi l-esklużjoni ta’ ċerti obbligazzjonijiet fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmija fl-Artikolu 27(5), u fejn tali esklużjoni tirrikjedi kontribuzzjoni mill-Fond jew sors alternattiv ta’ finanzjament, bil-ħsieb li titħares l-integrità tas-suq intern, il-Kummissjoni tista’ tipprojbixxi jew titlob emendi għall-esklużjoni proposta filwaqt li telenka raġunijiet adegwati bbażati fuq il-ksur tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 27 u fl-att delegat adottat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 44(11) tad-Direttiva [2014/59].

(8)      Fil-każ fejn il-Kunsill joġġezzjona għat-tqegħid ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, fuq il-bażi li ma jkunux se jintlaħaq il-kriterju tal-interess pubbliku msemmi fil-paragrafu 1(c), l-entità rilevanti għandha tiġi stralċjata b’mod adegwat skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

(9)      Il-Bord għandu jiżgura li l-azzjoni meħtieġa ta’ riżoluzzjoni titwettaq ħalli titwettaq l-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni rilevanti. L-iskema ta’ riżoluzzjoni għandha tkun indirizzata lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni rilevanti u għandha tagħti istruzzjonijiet lil dawk l-awtoritajiet, li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jimplimentawha f’konformità mal-Artikolu 29, billi jeżerċitaw is-setgħat ta’ riżoluzzjoni. Fejn ikun hemm għajnuna mill-Istat jew mill-Fond, il-Bord għandu jaġixxi f’konformità ma’ deċiżjoni dwar dik l-għajnuna meħuda mill-Kummissjoni.

(10)      Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tikseb mingħand il-Bord kwalunkwe informazzjoni li tqis rilevanti biex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament. Il-Bord għandu jkollu s-setgħa jikseb mingħand kwalunkwe persuna, skont il-Kapitolu 5 ta’ dan it-Titolu, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex jipprepara u jiddeċiedi dwar azzjoni ta’ riżoluzzjoni, inklużi aġġornamenti u supplimenti ta’ informazzjoni previsti fil-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni.”

10      L-Artikolu 22 tar-Regolament SRM intitolat “Prinċipji ġenerali tal-għodod ta’ riżoluzzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 4 tiegħu:

“(2)      L-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18(6)(b) huma dawn li ġejjin:

(a)      l-għodda tal-bejgħ ta’ operat;

(b)      l-għodda ta’ istituzzjoni tranżitorja;

(c)      l-għodda ta’ separazzjoni tal-assi;

(d)      l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna.

[…]

(4)      L-għodod ta’ riżoluzzjoni għandhom jiġu applikati biex ikunu sodisfatti l-objettivi ta’ riżoluzzjoni speċifikati fl-Artikolu 14, skont il-prinċipji ta’ riżoluzzjoni speċifikati fl-Artikolu 15. Huma jistgħu jiġu applikati individwalment jew fi kwalunkwe kumbinazzjoni, ħlief għall-għodda ta’ separazzjoni tal-assi li tista’ tiġi applikata biss flimkien ma’ għodda oħra ta’ riżoluzzjoni.

[…]”

11      L-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Skema ta’ Riżoluzzjoni”, jipprovdi:

“L-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mill-Bord skont l-Artikolu 18 għandha tistabbilixxi, skont kwalunkwe deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat jew għajnuna mill-Fond, id-dettalji tal-għodod ta’ riżoluzzjoni li għandhom jiġu applikati għall-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni […] u tiddetermina l-ammonti speċifiċi u l-għanijiet li għalihom il-Fond għandu jintuża.

[…]

Meta jadottaw skema ta’ riżoluzzjoni, il-Bord, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkunsidraw u jsegwu l-pjan ta’ riżoluzzjoni msemmi fl-Artikolu 8 sakemm il-Bord ma jivvalutax, b’konsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi tal-każ, li l-objettivi ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jinkisbu b’mod aktar effikaċi bit-teħid ta’ azzjonijiet li ma hemmx provvediment għalihom fil-pjan ta’ riżoluzzjoni.

Matul il-proċess tar-riżoluzzjoni, il-Bord jista’ jemenda u jaġġorna l-iskema ta’ riżoluzzjoni kif xieraq fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ. Għal emendi u aġġornamenti għandha tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikolu 18.

[…]”

12      L-Artikolu 30 tal-imsemmi regolament intitolat “Obbligu ta’ kooperazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni fi ħdan l-SRM”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“(1)      Il-Bord għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe azzjoni li jieħu sabiex iħejji għal riżoluzzjoni. Fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni li tasal mingħand il-Bord, il-membri, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni kif ukoll il-persunal tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit tas-segretezza professjonali stipulat fl-Artikolu 88.

(2)      Fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament, il-Bord, il-Kummissjoni, il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib, partikolarment fl-ippjanar ta’ riżoluzzjoni, l-intervent bikri u l-fażijiet tar-riżoluzzjoni skont l-Artikoli 8 sa 29. Huma għandhom jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.”

13      L-Artikolu 43(3) tar-Regolament SRM huwa fformulat kif ġej:

“Il-Kummissjoni u l-BĊE għandhom kull wieħed jaħtru rappreżentant li jkun intitolat li jipparteċipa fil-laqgħat tas-sessjonijiet eżekuttivi u tas-sessjonijiet plenarji bħala osservatur permanenti.

Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-BĊE għandhom ikunu intitolati jipparteċipaw fid-dibattiti u għandu jkollhom aċċess għad-dokumenti kollha.”

14      Skont l-Artikolu 86 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Azzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”:

“(1)      Jistgħu jinbdew proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 263 [tat-Trattat FUE], li jikkontestaw deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Appell jew, fejn ma jkun hemm l-ebda dritt tal-appell lill-Bord tal-Appell, mill-Bord.

(2)      L-Istati Membri u l-istituzzjoniji tal-Unjoni, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, jistgħu jibdew proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Bord, skont l-Artikolu 263 [tat-Trattat FUE].

(3)      Fil-każ li l-Bord ikollu obbligu li jaġixxi u jonqos milli jieħu deċiżjoni, il-proċedimenti għan-nuqqas ta’ azzjoni jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 265 [tat-Trattat FUE].

(4)      Il-Bord għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.”

 Ilfatti li wasslu għallkawża

15      Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 24 sa 80 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ dan l-appell, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

16      Banco Popular Español SA (iktar ’il quddiem “Banco Popular”) kienet istituzzjoni ta’ kreditu Spanjola suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-BĊE.

17      Waqt is-sezzjoni eżekuttiva tiegħu tas‑7 ta’ Ġunju 2017, is-SRB adotta, permezz tad-deċiżjoni tiegħu SRB/EES/2017/08, abbażi tar-Regolament SRM, l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża fir-rigward ta’ Banco Popular.

18      Skont l-Artikolu 1 ta’ din l-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB iddeċieda li Banco Popular kienet ser tkun suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni b’effett mid-data tar-riżoluzzjoni, minħabba li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament kienu ssodisfatti.

19      Hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 2 sa 4 tal-imsemmija skema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB qies, qabelxejn, li Banco Popular kienet qiegħda tfalli jew kienet x’aktarx ser tfalli, sussegwentement, li ma kinux jeżistu miżuri oħra li setgħu jipprekludu l-falliment ta’ dan il-bank f’terminu raġonevoli u, fl-aħħar nett, li miżura ta’ riżoluzzjoni fil-forma ta’ strument ta’ bejgħ tal-operat tal-imsemmi bank kienet neċessarja sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tiegħu u sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja.

20      L-Artikolu 5(1) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża huwa fformulat kif ġej:

“L-għodda ta’ riżoluzzjoni applikata għal Banco Popular ser tikkonsisti f’bejgħ ta’ operat skont l-Artikolu 24 tar-Regolament [SRM] bit-trasferiment tal-azzjonijiet lil akkwirent. L-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji ser jitwettqu immedjatament qabel l-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ ta’ operat.”

21      L-Artikolu 6 ta’ din l-iskema ta’ riżoluzzjoni jispeċifika l-modalitajiet relatati ma’ din l-iżvalutazzjoni kif ukoll mal-bejgħ tal-operat.

22      Barra minn hekk, l-Artikolu 12(1) tal-imsemmija skema ta’ riżoluzzjoni jindika li din kienet “ser tidħol fis-seħħ” fis‑7 ta’ Ġunju 2017 fis‑6.30 a.m.

23      Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, fil‑5.13 a.m, l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni.

24      Fl-istess jum fis‑6.30 a.m., din l-istituzzjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2017/1246 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular Español S.A. (ĠU 2017, L 178, p. 15), u kkomunikatha lis-SRB. Il-premessa 4 ta’ din id-deċiżjoni, kif emendata fis‑6 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 320, p. 31) tistipula dan li ġej:

“Il-Kummissjoni taqbel mal-iskema ta’ riżoluzzjoni. B’mod partikulari taqbel mar-raġunijiet mogħtiija mill-SRB li minħabba fihom hi neċessarja r-riżoluzzjoni fl-interess pubbliku skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament [SRM].”

25      Fis‑7 ta’ Ġunju 2017 ukoll, il-Fondo de Reestructuración Ordenada Bancaria (FROB) (il-Fond ta’ Ristrutturazzjoni Ordnata tal-Istituzzjonijiet Bankarji, Spanja) adotta l-miżuri neċessarji sabiex jimplimenta l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, konformement mal-Artikolu 29 tar-Regolament SRM.

 Irrikors quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

26      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Awwissu 2017, il-Fundación u l-iStiftung für Forschung und Lehre (SFL), li dak iż-żmien kienu azzjonisti ta’ Banco Popular, ippreżentaw rikors intiż għall-annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża.

27      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑1 ta’ Awwissu 2018 u tat‑12 ta’ April 2019 rispettivament, ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea, minn naħa, u Banco Santander, SA, min-naħa l-oħra, ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tas-SRB.

28      Minkejja li s-SRB sempliċement talab li r-rikors jiġi miċħud fil-mertu mingħajr ma kkontesta l-ammissibbiltà tiegħu, il-Kummissjoni qajmet, fin-nota ta’ intervent tagħha, l-inammissibbiltà tar-rikors. Hija sostniet li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża kienet biss att intermedju, li ma kienx jipproduċi effetti legali vinkolanti, peress li, permezz tad-Deċiżjoni 2017/1246 tagħha, hija kienet approvat din l-iskema ta’ riżoluzzjoni, u tatha tali effetti.

29      Il-Parlament u l-Kunsill jargumentaw ukoll fin-noti ta’ intervent tagħhom, li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża ma tipproduċix, fiha nnifisha, effetti legali fir-rigward ta’ terzi fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

30      Fil-kuntest tal-eżami dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, il-Qorti Ġenerali fakkret, qabelxejn, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, li, huwa minnu li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li intervenjent ma għandux il-kwalità sabiex iqajjem b’mod awtonomu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u li għalhekk il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata teżamina l-motivi ta’ inammissibbiltà invokati esklużivament minnu. Madankollu, fil-punt 113 ta’ din is-sentenza, hija qieset li, fir-rigward ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, kien hemm lok li tiġi eżaminata ex officio l-ammissibbiltà tar-rikors.

31      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali evalwat jekk l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża setgħetx titqies bħala att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. F’dan ir-rigward, hija fakkret, fil-punti 114 u 115 tas-sentenza appellata, li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma kkunsidrati bħala tali atti d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti u li, sabiex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix tali effetti, għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u għandhom jiġu evalwati l-imsemmija effetti fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut ta’ dan l-istess att, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu.

32      F’dan ir-rigward, fil-punti 116 sa 123 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat dan li ġej:

“116       […] hemm lok li jiġi rrilevat li s-SRB jeżerċita l-kompetenzi mogħtija lilu mir-[Regolament SRM], b’mod partikolari dik prevista fl-Artikolu 16(1), ta’ dan ir-regolament li ‘jiddeċiedi dwar riżoluzzjoni b’rabta ma’ istituzzjoni finanzjarja stabbilita minn stat membru parteċipanti, fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 18(1)’. Il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk ikkonferixxa b’mod espliċitu l-kompetenza deċiżjonali fuq s-SRB.

117      Deċiżjoni tas-SRB dwar miżura ta’ riżoluzzjoni hija att li jista’ jidħol fis-seħħ. L-Artikolu 12 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni [kontenzjuża] jindika li din daħlet fis-seħħ fis‑7 ta’ Ġunju 2017 fl-6:30 a.m.

118      Barra minn hekk, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tar-[Regolament SRM], l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB skont l-Artikolu 18 ta’ dak l-istess regolament tistabbilixxi l-modalitajiet tal-għodda ta’ riżoluzzjoni li għandhom jiġu applikati għall-istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni għandhom jimplimentaw skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2014/59 trasposta fid-dritt nazzjonali.

119      Għalhekk, skont l-Artikolu 9 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni [kontenzjuża], huwa kompitu tal-FROB li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jitwettqu l-eżekuzzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Il-FROB għandu, b’mod partikolari, jimplimenta l-bejgħ ta’ Banco Popular skont il-modalitajiet deċiżi fl-iskema ta’ riżoluzzjoni [kontenzjuża]. L-Artikolu 10 ta[‘ din ]l-iskema ta’ riżoluzzjoni jipprevedi wkoll li s-SRB għandu jsegwi l-eżekuzzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni [kontenzjuża] mill-FROB skont l-Artikolu 28 tar-[Regolament SRM].

120      Għaldaqstant, għandu jitqies li, fid-dawl tas-sustanza tagħha, l-iskema ta’ riżoluzzjoni [kontenzjuża] tipproduċi effetti legali obbligatorji.

121      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Artikolu 86(1) tar-[Regolament SRM] jipprovdi li deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Appell jew, fejn ma jkun hemm l-ebda dritt ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell, mis-SRB jista’ jiġi kkontestat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 263 TFUE. Skont l-Artikolu 86(2) tar-[Regolament SRM], l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, jistgħu jibdew proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kontra deċiżjonijiet tas-SRB, skont l-Artikolu 263 TFUE.

122      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-Artikolu 86(2) tar-[Regolament SRM] jipprevedi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-istess bħal kull persuna fiżika jew ġuridika, jistgħu, konformement mal-Artikolu 263 TFUE, jippreżentaw rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kontra d-deċiżjonijiet tas-SRB, fejn dan tal-aħħar jiġi ċċitat bl-esklużjoni ta’ kull istituzzjoni, korp jew organu ieħor tal-Unjoni (sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 56).

123      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-proċedura ta’ riżoluzzjoni għandha titqies bħala proċedura amministrattiva kumplessa li tinvolvi diversi awtoritajiet u li l-uniku riżultat finali tagħha, li jirriżulta mill-eżerċizzju, mis-SRB, tal-kompetenza tiegħu, jista’ jkun is-suġġett tal-istħarriġ ġudizzjarju msemmi fl-Artikolu 86(2) ta’ dak ir-regolament (sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 66).”

33      Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża kienet att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

34      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali qieset li din il-konklużjoni ma kinitx ikkontestata mill-argumenti invokati mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

35      F’dan ir-rigward, hija rrilevat, fl-ewwel lok, fil-punt 127 tas-sentenza appellata, li, għalkemm skema ta’ riżoluzzjoni tidħol fis-seħħ biss minħabba l-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni, dan ma jfissirx li din l-approvazzjoni għandha l-effett li telimina l-effetti legali awtonomi ta’ din l-iskema ta’ riżoluzzjoni u tissostitwixxihom b’dawk tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biss. Fil-punti 128 sa 130 ta’ din is-sentenza, filwaqt li qieset li l-approvazzjoni tal-Kummissjoni tikkostitwixxi stadju neċessarju għad-dħul fis-seħħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u li tagħtiha saħħa legali, il-Qorti Ġenerali qieset li l-osservanza tal-prinċipji dwar id-delega ta’ setgħat stabbiliti fis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, iktar ’il quddiem is-“sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja”, EU:C:1958:7), ma timplikax li hija biss id-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni li tipproduċi effetti legali. Fil-fehma tagħha, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni fuq l-aspetti diskrezzjonali tagħha sabiex din tipproduċi effetti legali, u b’hekk tevita “trasferiment effettiv tar-responsabbiltà” fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta minn din l-aħħar sentenza. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 132 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni għandha kompetenza proprja sabiex twettaq evalwazzjoni tal-aspetti diskrezzjonali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, iżda mhux tas-setgħa li teżerċita l-kompetenzi rriżervati għas-SRB u lanqas tas-setgħa li temenda l-iskema ta’ riżoluzzjoni jew l-effetti legali tagħha.

36      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument li skema ta’ riżoluzzjoni ma hijiex vinkolanti għall-Kummissjoni u tikkostitwixxi att preparatorju li ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE. F’dan ir-rigward, hija qieset, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva kumplessa stabbilita mir-Regolament SRM, skema ta’ riżoluzzjoni ma tistax titqies li tikkostitwixxi att preparatorju li għandu l-għan ta’ tħejjija tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għalkemm skont l-Artikolu 18(7) ta’ dan ir-regolament, l-approvazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-Kummissjoni għandha l-effett li tidħol fis-seħħ u, għalkemm din l-istituzzjoni tista’ topponi din l-iskema ta’ riżoluzzjoni fuq l-aspetti diskrezzjonali tagħha, hija la tista’ topponi l-aspetti purament tekniċi tagħha u lanqas temendahom.

37      Fit-tielet lok, fil-punti 140 sa 142 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kemm mill-Artikolu 86 tar-Regolament SRM kif ukoll minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament jirriżulta li skema ta’ riżoluzzjoni hija att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors. Dan l-Artikolu 86 ma jkoprix biss id-deċiżjonijiet awtonomi tas-SRB, li ma jeħtiġux approvazzjoni tal-Kummissjoni, iżda d-deċiżjonijiet kollha tas-SRB, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell. Għalhekk, skema ta’ riżoluzzjoni taqa’ mid-definizzjoni tagħha stess fil-kategorija tad-deċiżjonijiet li, skont l-imsemmi Artikolu 86, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors abbażi tal-Artikolu 263 TFUE.

38      Fir-raba’ lok, fil-punt 147 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-interpretazzjoni kuntrarja tkun inkompatibbli mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sa fejn kull persuna affettwata minn deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB tkun suġġetta għal kundizzjoni ta’ ammissibbiltà tar-rikors tagħha li ma hijiex prevista espressament.

39      Fl-aħħar nett, fil-punt 148 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument li jgħid li ma huwiex possibbli li tiġi annullata l-iskema ta’ riżoluzzjoni jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tibqa’ fis-seħħ. Hija rrilevat f’dan ir-rigward li, fil-każ li hija tasal sabiex tannulla skema ta’ riżoluzzjoni, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprovaha tkun imċaħħda mill-iskop tagħha.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li, fil-punt 149 tas-sentenza appellata, qieset li, ladarba tkun ġiet approvata mill-Kummissjoni, skema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB tipproduċi effetti legali u tikkostitwixxi att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament awtonomu, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 150 ta’ din is-sentenza, iddikjarat ammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat fil-każ ineżami.

41      Fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha mqajma u, konsegwentement, ċaħdet ir-rikors bħala infondat.

 Ittalbiet talpartijiet

42      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddikjarat li r-rikors għal annullament fl-ewwel istanza kien ammissibbli;

–        tiddikjara r-rikors għal annullament ippreżentat fl-ewwel istanza fil-Kawża T‑481/17 inammissibbli u, konsegwentement, tiċħdu kollu kemm hu;

–        tordna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza jħallsu l-ispejjeż imġarrba mill-Kummissjoni kemm fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll fl-appell preżenti.

43      Is-SFL titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

44      Is-SRB jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

45      Il-Parlament jitlob, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tilqa’ l-appell tal-Kummissjoni u tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż.

46      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha, fil-każ li hija tannulla s-sentenza appellata, tikkonstata li xejn ma jikkontesta l-legalità tar-Regolament SRM u tad-Direttiva 2014/59.

 Fuq lappell

47      Insostenn tal-appell tagħha, ippreżentat kontra s-sentenza appellata sa fejn, permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża hija att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE, il-Kummissjoni tqajjem tliet aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tal-Artikolu 18(7) tar-Regolament SRM. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq kontradizzjoni tal-motivi tas-sentenza appellata.

 Fuq lammissibbiltà

48      Is-SFL issostni li l-appell huwa inammissibbli. Hija tfakkar li t-talbiet fir-rikors għal intervent jista’ jkollhom biss l-għan li jsostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet u minn dan hija tiddeduċi li l-Kummissjoni, li kellha l-kwalità ta’ intervenjenti fl-ewwel istanza, ma tistax tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà b’mod awtonomu fil-livell tal-appell.

49      Il-Kummissjoni u l-Parlament jopponu dan l-argument.

50      F’dan ir-rigward, mis-sentenza appellata jirriżulta li, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni invokat l-inammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza minħabba li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat. Barra minn hekk, u hekk kif fil-fatt fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punti 112 u 113 tas-sentenza appellata, jekk intervenjent ma jkunx intitolat li jqajjem, b’mod awtonomu, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, jeħtieġ, fir-rigward ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, li tiġi eżaminata ex officio l-ammissibbiltà tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C‑313/90, EU:C:1993:111, punti 22 u 23). Fil-punti 114 sa 149 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet tali eżami ex officio tal-ammissibbiltà tar-rikors u, fi tmiem dan l-eżami, iddeċidiet li dan ir-rikors kien ammissibbli, u b’hekk ċaħdet impliċitament l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni. L-imsemmi eżami għandu jkun jista’ jiġi suġġett għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dan l-appell.

51      F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Qorti Ġenerali, permezz tas-sentenza appellata, ċaħdet ir-rikors fl-ewwel istanza fuq il-mertu ma jimplikax l-inammissibbiltà tal-appell preżenti. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, appell minn sentenza tal-Qorti Ġenerali jkun ammissibbli sa fejn, meta hija tkun tat deċiżjoni ex officio jew deċiżjoni dwar eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn waħda mill-partijiet fil-konfront ta’ azzjoni, hija tkun sussegwentement ċaħdet l-inammissibbiltà tar-rikors, minkejja li, imbagħad fl-istess sentenza, hija tkun ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjon vs Ente per le Ville Vesuviane u Ente per le Ville Vesuviane vs Il‑Kummissjoni, C‑445/07 P u C‑455/07 P, EU:C:2009:529, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-appell imqajma mis-SFL għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ilmertu

 Fuq lewwel aggravju

–       Largumenti talpartijiet

53      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tal-Artikolu 18(7) tar-Regolament SRM meta, fil-punti 116 sa 120, 127 u 137 tas-sentenza appellata, qieset li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża hija att li jista’ jiġi kkontestat li jipproduċi effetti legali vinkolanti.

54      L-ewwel nett, il-Kummissjoni tirrileva li hija hi stess jew, jekk ikun il-każ, il-Kunsill li tagħti effetti legali vinkolanti lil skema ta’ riżoluzzjoni sabiex din tevita “trasferiment effettiv tar-responsabbiltà”, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja. Billi fil-punt 132 tas-sentenza appellata, affermat li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda setgħa fir-rigward tal-modifika ta’ skema ta’ riżoluzzjoni, il-Qorti Ġenerali allegatament kisret id-dispożizzjonijiet tal-ewwel, it-tieni u s-seba’ subparagrafu tal-Artikolu 18(7) tar-Regolament SRM.

55      Sussegwentement, l-interpretazzjoni li tipprovdi li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża tipproduċi effetti legali awtonomi indipendentement mill-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni jew, jekk ikun il-każ, mill-Kunsill, tmur kontra l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja. Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, kompetenzi li jinvolvu l-eżerċizzju ta’ setgħat diskrezzjonali ma jistgħux jiġu ddelegati lil entitajiet awtonomi li ma kinux previsti mit-Trattati. L-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet vinkolanti minn entitajiet bħal dawn għandha, b’mod ġenerali, tkun limitata għal kwistjonijiet strettament tekniċi, mingħajr ma jinqabżu l-limiti stretti stabbiliti fl-att bażiku. Issa, mill-premessa 24 tar-Regolament SRM jirriżulta li l-imsemmija ġurisprudenza ggwidat lil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, li permezz tiegħu l-kontroll tal-aspetti diskrezzjonali ta’ skema ta’ riżoluzzjoni ġie rriżervat għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom kompetenzi għall-politika fil-qasam tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

56      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, billi indikat, fil-punti 130, 132 u 137 tas-sentenza appellata, li hija mitluba tevalwa biss ċerti aspetti diskrezzjonali determinanti għall-approvazzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-aspetti diskrezzjonali huma intrinsikament marbuta mal-aspetti iktar tekniċi. Għaldaqstant, meta jkollha tqajjem oġġezzjonijiet fir-rigward tal-aspetti diskrezzjonali ta’ skema ta’ riżoluzzjoni, il-Kummissjoni topponi din l-iskema fl-intier tagħha.

57      Ir-Regolament SRM stabbilixxa proċedura amministrattiva kumplessa fis-sens li, konformement mal-Artikolu 18(7) ta’ dan ir-regolament, il-proċedura ta’ riżoluzzjoni twassal għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni jew, jekk ikun il-każ, tal-Kunsill li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni ppreżentata jew li topponiha. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tas-SRB ma tippreġudikax ir-riżultat ta’ din il-proċedura. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-imsemmija proċedura, huma biss il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni jew tal-Kunsill fi tmiem din l-istess proċedura li jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jħejju d-deċiżjoni finali.

58      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li jinsab fil-punti 122, 124 u 140 tas-sentenza appellata, ibbażat fuq id-dritt għal azzjoni legali previst fl-Artikolu 86 tar-Regolament SRM kontra d-deċiżjonijiet tas-SRB, il-Kummissjoni tfakkar li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ma jistgħux jibdlu s-sistema ta’ appell prevista mit-Trattati.

59      Is-SFL u s-SRB jopponu dan l-argument. Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ġustament, li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat li jipproduċi effetti legali awtonomi.

60      Qabel kollox, huma jirrilevaw li, skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 7, l-Artikolu 18(1) kif ukoll l-Artikolu 20 tar-Regolament SRM, is-SRB huwa inkarigat jippjana, jfassal u jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 18(7) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-premessi 24 u 26 tiegħu, ir-rwol tal-Kummissjoni u tal-Kunsill huwa limitat għall-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni u għall-kontroll tal-aspetti diskrezzjonali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. F’dan ir-rigward, is-SFL tippreċiża li, fl-assenza ta’ oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa wara t-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, din tidħol fis-seħħ. Barra minn hekk, fil-każ li l-Kummissjoni jew il-Kunsill ma jaqblux mal-iskema ta’ riżoluzzjoni maħsuba mis-SRB, huwa dan tal-aħħar li għandu jieħu d-deċiżjoni finali billi jikkonforma ruħu mal-linji gwida tagħhom.

61      Is-SRB isostni li, għalkemm l-Artikolu 18(7) tar-Regolament SRM jirriżerva r-responsabbiltà ġuridika u politika tal-aspetti diskrezzjonali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni lill-Kummissjoni jew, jekk ikun il-każ, lill-Kunsill, huwa jattribwixxi l-elementi l-oħra tal-iskema ta’ riżoluzzjoni espliċitament lill-Bord. Ir-rwol ta’ dawn l-istituzzjonijiet huwa li japprovaw jew li jiċħdu l-iskema ta’ riżoluzzjoni, iżda, fl-ebda każ, li jfasslu, jippreparaw jew japplikaw din l-iskema. Il-leġiżlatur tal-Unjoni inkariga lill-aġenzija speċjalizzata li tikkostitwixxi s-SRB bil-kompitu li twettaq l-evalwazzjonijiet tekniċi ħafna li jippreżupponu l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni. Is-SRB huwa responsabbli kemm għall-ippjanar, għat-tfassil u għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni kif ukoll għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom mill-awtoritajiet nazzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi rrifjutat lilu d-dritt li jiddefendi skema ta’ riżoluzzjoni, taħt piena ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu.

62      Sussegwentement, is-SFL u s-SRB isostnu li l-evalwazzjoni li tgħid li d-deċiżjoni tas-SRB ittemm il-proċedura u għandha għalhekk titqies bħala l-att li jista’ jiġi kkontestat f’każ ta’ riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni finanzjarja ma tikkontradixxix il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja. Fil-fatt, ir-Regolament SRM jevita “trasferiment effettiv tar-responsabbiltà” fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, billi jiżgura li l-Kummissjoni u, jekk ikun il-każ, il-Kunsill ikunu jistgħu jistħarrġu, jew saħansitra jopponu kull element diskrezzjonali tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Skont is-SRB, ma teżisti ebda kontradizzjoni bejn, minn naħa, id-dritt li jiġi ppreżentat rikors kontra s-SRB, bħala awtur tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Kummissjoni u, jekk ikun il-każ, il-Kunsill huma involuti fid-deċiżjoni dwar din l-iskema ta’ riżoluzzjoni, kif ukoll il-fatt li din ma tistax tidħol fis-seħħ jekk dawn l-istituzzjonijiet jopponuha. Fi kwalunkwe każ, is-SRB iqis li s-setgħa li jadotta d-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni kollha, mogħtija lilu bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament SRM, ma tikkostitwixxix kompetenza li t-Trattat jagħti lill-Kummissjoni u li din tal-aħħar iddeċidiet li tiddelega, iżda kompetenza maħluqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan ir-regolament.

63      Fl-aħħar nett, is-SFL tirrileva li l-premessi 90 u 120 tar-Regolament SRM kif ukoll l-Artikoli 7, 20 u 86 ta’ dan ir-regolament isemmu s-setgħat tas-SRB, filwaqt li jippreċiżaw li d-deċiżjonijiet li jadotta jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, l-Artikolu 86(2) tal-imsemmi regolament jipprevedi tali stħarriġ tad-deċiżjonijiet kollha tas-SRB li, bħal dawk dwar l-iskemi ta’ riżoluzzjoni, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell. L-argument kuntrarju tal-Kummissjoni jikkontradixxi dawn il-premessi u artikoli tal-istess regolament u jikkostitwixxi, għaldaqstant, interpretazzjoni contra legem.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

64      L-ewwel aggravju jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punti 116 sa 120, 127, 137, 149 u 150 tas-sentenza appellata, ddeċidiet li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża hija att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

65      Hija ġurisprudenza stabbilita li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tiegħu, id-dispożizzjonijiet jew il-miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ persuna fiżika jew ġuridika, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha. Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix tali effetti u, għaldaqstant, jistax ikun is-suġġett ta’ tali rikors, għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u għandhom jiġu evalwati dawn l-effetti fir-rigward ta’ kriterji oġġettivi, bħalma huma l-kontenut tal-imsemmi att, b’teħid inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, tal-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll tas-setgħat tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu li jkun l-awtur tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9; tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punti 39 u 41, kif ukoll tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlement u Il‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punti 62 sa 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kontenut tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, huwa minnu li din tistabbilixxi, qabelxejn, fl-Artikoli 1 sa 4 tagħha, li s-SRB “jiddeċiedi” li jissuġġetta lil Banco Popular għal proċedura ta’ riżoluzzjoni minħabba li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM huma ssodisfatti, sussegwentement, tiddetermina, fl-Artikoli 5 sa 7 tagħha, l-istrumenti ta’ riżoluzzjoni li għandhom jiġu applikati u, fl-aħħar nett, tindika, fl-Artikoli 9 u 10 tagħha, li huwa l-FROB li għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jeżegwixxi din id-deċiżjoni u li din l-eżekuzzjoni ser tiġi segwita mis-SRB.

67      Madankollu, l-Artikolu 12(1) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża jipprevedi li din “ser tidħol fis-seħħ” fis‑7 ta’ Ġunju 2017, u mhux, kif ikkonstatat b’mod żbaljat il-Qorti Ġenerali fil-punt 117 tas-sentenza appellata, li hija “daħlet fis-seħħ” f’dik id-data. Barra minn hekk, l-Artikolu 13 ta’ din l-iskema ta’ riżoluzzjoni jistabbilixxi li din hija indirizzat lill-FROB u għandha tiġi kkomunikata lilu wara l-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill.

68      Mill-indikazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti jirriżulta li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża adottata mis-SRB permezz tad-deċiżjoni SRB/EES/2017/08 tas-sessjoni eżekuttiva tiegħu tas‑7 ta’ Ġunju 2017, li tikkostitwixxi l-att ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kawża preżenti, kienet għadha ma ġietx approvata, kif jikkonferma l-fatt, irrilevat fil-punti 77 u 78 tas-sentenza appellata, li, wara l-adozzjoni tagħha, din ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni fis‑7 ta’ Ġunju 2017 fil-5.13 a.m. għall-finijiet tal-approvazzjoni tagħha, li seħħet fl-istess jum fis-6.30 a.m. Minn dawn l-indikazzjonijiet jirriżulta wkoll li d-dħul fis-seħħ ta’ din l-iskema u, għaldaqstant, il-produzzjoni minnha ta’ effetti legali vinkolanti kienu jiddependu mill-approvazzjoni tagħha.

69      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kuntest tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, għandu jiġi rrilevat li, kif jindika l-preambolu tagħha, din għandha bħala bażi legali r-Regolament SRM, b’mod partikolari l-Artikolu 18 tiegħu. Is-sistema stabbilita minn dan ir-regolament hija bbażata fuq il-konstatazzjoni, msemmija essenzjalment fil-premessi 24 u 26 tiegħu, li l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni previsti mill-imsemmi regolament jaqa’ taħt il-politika tal-Unjoni fil-qasam tar-riżoluzzjoni, li huma biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jistgħu jiddefinixxu, u li jeżisti marġni ta’ diskrezzjoni fl-adozzjoni ta’ kull skema ta’ riżoluzzjoni speċifika, fid-dawl tar-riperkussjonijiet kunsiderevoli tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri u fuq l-Unjoni nnifisha, kif ukoll fuq is-sovranità baġitarja tal-Istati Membri. Minn dawn il-premessi jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies, għal dawn ir-raġunijiet, li huwa neċessarju li jipprevedi l-parteċipazzjoni xierqa tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jiġifieri parteċipazzjoni li ssaħħaħ l-indipendenza operattiva neċessarja tas-SRB filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji ta’ delega tas-setgħat lill-aġenziji identifikati fis-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja u mfakkra fis-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir-Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18).

70      F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddeċidiet li l-konsegwenzi li jirriżultaw minn delega ta’ setgħat huma differenti ħafna skont jekk din tal-aħħar tkunx tirrigwarda, min-naħa, setgħat ta’ eżekuzzjoni ddelimitati b’mod ċar u li l-użu tagħhom, għalhekk, jista’ jkun suġġett għal kontroll rigoruż fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi stabbiliti mill-awtorità li tiddelega, jew, min-naħa l-oħra, “setgħa diskrezzjonali, li timplika libertà ta’ diskrezzjoni wiesgħa, li tista’ tirriżulta skont l-użu li jsir minnha, f’politika ekonomika reali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Meroni vs L‑Awtorità Għolja, paġni 43, 44 u 47, kif ukoll is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 41).

71      Delega tal-ewwel tip ma tistax tbiddel b’mod sinjifikattiv il-konsegwenzi li jwassal għalihom l-eżerċizzju tas-setgħat li hija taffettwa, filwaqt li delega tat-tieni tip, billi tissostitwixxi l-għażliet tal-awtorità ddelegata flok dawk tal-awtorità li tiddelega, topera “trasferiment effettiv tar-responsabbiltà” (sentenza Meroni vs L-Awtorita Għolja. paġna 43, kif ukoll is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 42). Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-delega ta’ setgħat inkwistjoni f’din il-kawża, sa fejn tagħti lill-organi kkonċernati “libertà diskrezzjonali li timplika setgħa diskrezzjonali wiesgħa”, ma setgħetx titqies kompatibbli mar-“rekwiżiti tat-trattat”, filwaqt li ppreċiżat li, billi rriżervat biss il-possibbiltà li tirrifjuta l-approvazzjoni tagħha għad-deċiżjonijiet ta’ dawn il-korpi, l-Awtorità Għolja ma kinitx żammet setgħat suffiċjenti sabiex tevita tali trasferiment ta’ responsabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja, paġna 47).

72      Mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-paġna 44 tas-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja jirriżulta li l-ġurisprudenza li toħroġ minn din is-sentenza hija bbażata fuq il-premessa li l-bilanċ tas-setgħat, karatteristika tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, jikkostitwixxi garanzija fundamentali mogħtija mit-Trattati u li d-delega ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa tippreġudika din il-garanzija, inkwantu din tagħti din is-setgħa lil awtoritajiet differenti minn dawk li ġew stabbiliti mit-Trattati sabiex jiżguraw u jikkontrollaw l-eżerċizzju tagħha fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-paġni 43 u 46 ta’ din is-sentenza, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa msemmija minn din il-ġurisprudenza tirrigwarda, b’mod partikolari, il-kwistjonijiet fundamentali tal-qasam politiku kkonċernat, li jinvolvu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiġu rrikonċiljati diversi għanijiet kultant kontradittorji.

73      Mill-imsemmija ġurisprudenza jirriżulta, b’mod iktar partikolari, li l-applikabbiltà tal-prinċipji ta’ delega tas-setgħat lill-aġenziji stabbiliti minnha ma tiddependix min-natura individwali jew ġenerali tal-atti li l-aġenziji huma awtorizzati jadottaw, iżda biss mill-kwistjoni dwar jekk id-delega tirrigwardax setgħa diskrezzjonali wiesgħa jew, għall-kuntrarju, setgħat ta’ implementazzjoni ddefiniti b’mod preċiż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18, punti 54, 65 u 66).

74      Issa, kif jirriżulta mill-premessi 24 u 26 tar-Regolament SRM, is-sistema stabbilita minn dan ir-regolament hija intiża li tikkonkretizza l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja u mfakkra fis-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18).

75      Huwa minnu li, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament SRM, is-SRB huwa responsabbli għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni kollha relatati, b’mod partikolari, ma’ istituzzjonijiet finanzjarji u ma’ gruppi meqjusa li huma importanti għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni kif ukoll għal gruppi transkonfinali oħra. Għal dan l-għan, l-Artikolu 18(1) u (6) tar-Regolament SRM jipprovdi li s-SRB għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ dawn l-entitajiet u gruppi biss jekk iqis, wara li jirċievi l-komunikazzjoni tal-evalwazzjoni tal-BĊE dwar il-falliment li jkun qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ikun ser iseħħ tal-entità kkonċernata jew ex officio, li l-kundizzjonijiet ta’ riżoluzzjoni speċifikati fl-Artikolu 18(1)(a) sa (c) ta’ dan ir-regolament huma ssodisfatti. Dawn il-kundizzjonijiet huma relatati mal-fatt li l-entità tkun qiegħda tfalli jew li x’aktarx tkun ser tfalli, mal-assenza ta’ miżuri alternattivi meta mqabbla mar-riżoluzzjoni kif ukoll man-neċessità ta’ din ir-riżoluzzjoni fl-interess pubbliku.

76      Meta dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, is-SRB jadotta, abbażi tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament SRM, skema ta’ riżoluzzjoni li tissuġġetta lill-entità kkonċernata għal proċedura ta’ riżoluzzjoni u tiddetermina l-applikazzjoni għaliha tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 22(2) ta’ dan ir-regolament kif ukoll l-użu tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni. L-Artikolu 22(4) tal-imsemmi regolament jispeċifika li dawn l-istrumenti jistgħu, bl-eċċezzjoni ta’ dak ta’ separazzjoni tal-assi, jiġu applikati separatament jew flimkien sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni previsti fl-Artikolu 14 tal-istess regolament, konformement mal-prinċipji tar-riżoluzzjoni ddefiniti fl-Artikolu 15 ta’ dan tal-aħħar.

77      Madankollu, għalkemm id-dispożizzjonijiet imsemmija fiż-żewġ punti preċedenti jagħtu lis-SRB setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk u b’liema mezzi l-entità kkonċernata għandha tkun suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni, din is-setgħa hija, skont l-Artikolu 18(1) u (4) sa (6) tar-Regolament SRM, irregolata minn kriterji u kundizzjonijiet oġġettivi li jiddelimitaw il-kamp ta’ azzjoni tas-SRB u jirrigwardaw kemm il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni kif ukoll l-istrumenti ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, dan ir-regolament jipprevedi l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill fil-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni, li, sabiex tidħol fis-seħħ, għandha tirċievi l-approvazzjoni tal-Kummissjoni u, jekk ikun il-każ, tal-Kunsill.

78      Għaldaqstant, skont l-Artikolu 30(1) u (2) tar-Regolament SRM, is-SRB għandu jinforma lill-Kummissjoni b’kull miżura li huwa jieħu sabiex jipprepara riżoluzzjoni u jiskambja, mal-Kummissjoni u mal-Kunsill, l-informazzjoni kollha neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. Skont l-Artikolu 43(3) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni għandha taħtar rappreżentant awtorizzat li jipparteċipa fil-laqgħat tas-SRB, f’sessjoni eżekuttiva u f’sessjoni plenarja, bħala osservatur permanenti u li dan ir-rappreżentant għandu jkollu d-dritt jipparteċipa fid-diskussjonijiet u jkollu aċċess għad-dokumenti kollha.

79      Barra minn hekk, l-Artikolu 18(7) tar-Regolament SRM jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li s-SRB għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-iskema ta’ riżoluzzjoni immedjatament wara l-adozzjoni tagħha u, fit-tieni u fit-tielet subparagrafu tiegħu, li, fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa wara din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni jew tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni, jew toġġezzjona għall-aspetti diskrezzjonali ta’ din l-iskema, bl-esklużjoni ta’ dawk relatati mal-osservanza tal-kriterju tal-interess pubbliku u mal-ammont previst għall-użu tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Fir-rigward ta’ dawn l-aħħar aspetti diskrezzjonali, dan it-tielet paragrafu jippreċiża li l-Kummissjoni tista’, f’terminu ta’ tnax-il siegħa mill-imsemmija komunikazzjoni, tipproponi lill-Kunsill iqajjem oġġezzjonijiet. Fl-aħħar nett, il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 18(7) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-iskema ta’ riżoluzzjoni tista’ tidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fi żmien erba’ u għoxrin siegħa wara l-komunikazzjoni tagħha mis-SRB.

80      Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(7) tar-Regolament SRM jissuġġettaw id-dħul fis-seħħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni, fl-assenza ta’ oġġezzjonijiet min-naħa tagħha jew tal-Kunsill. Meta l-Kummissjoni tapprova tali skema, hija għandha għalhekk tassumi bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet fdati lilha mit-Trattati.

81      Mill-punti 75 sa 80 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament SRM, li abbażi tagħhom ġiet adottata l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, huma ta’ natura li jevitaw “trasferiment effettiv tar-responsabbiltà”, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja. Fil-fatt, filwaqt li jagħtu lis-SRB is-setgħa li jevalwa jekk il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni humiex issodisfatti fil-każ ineżami u dik li jiddetermina l-istrumenti neċessarji għall-finijiet ta’ tali skema, dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-Kummissjoni jew, jekk ikun il-każ, lill-Kunsill ir-responsabbiltà għall-evalwazzjoni finali tal-aspetti diskrezzjonali tiegħu li jaqgħu taħt il-politika tal-Unjoni fil-qasam tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li, kif jirriżulta mill-Artikolu 14 u mill-premessi 24, 26 u 62 tar-Regolament SRM, jinvolvu bbilanċjar tal-għanijiet u tal-interessi differenti, intiżi għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u tal-integrità tas-suq intern, it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sovranità baġitarja tal-Istati Membri kif ukoll il-protezzjoni tal-interessi tal-azzjonisti u tal-kredituri.

82      Għal dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, is-setgħat tas-SRB, għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 129 u 130 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li skema ta’ riżoluzzjoni tista’ tipproduċi effetti legali vinkolanti indipendentement mid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni mill-Kummissjoni, tmur kontra kemm is-setgħat mogħtija lis-SRB mir-Regolament SRM kif ukoll il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja.

83      Fil-fatt, għalkemm l-Artikoli 7 u 18 ta’ dan ir-regolament jipprevedu li s-SRB huwa inkarigat li jfassal u jadotta skema ta’ riżoluzzjoni, dawn madankollu ma jagħtuhx is-setgħa li jadotta att li jipproduċi effetti legali awtonomi. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni kif tirriżulta mill-Artikolu 18 tar-Regolament SRM, l-approvazzjoni tal-Kummissjoni tikkostitwixxi, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 128 tas-sentenza appellata, element indispensabbli għad-dħul fis-seħħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

84      Din l-approvazzjoni hija determinanti wkoll għall-kontenut tal-iskema ta’ riżoluzzjoni inkwistjoni.

85      Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 18(7) tar-Regolament SRM jippermetti lill-Kummissjoni tapprova tali skema mingħajr ma tkun qajmet oġġezzjonijiet dwar l-aspetti diskrezzjonali tagħha u mingħajr lanqas ma tkun ipproponiet lill-Kunsill jifformula tali oġġezzjonijiet, dan jippermetti wkoll lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jissostitwixxu l-evalwazzjoni tagħhom għal dik tas-SRB fir-rigward ta’ dawn l-aspetti diskrezzjonali billi jqajmu oġġezzjonijiet fir-rigward tagħhom, f’liema każ is-SRB huwa, skont is-seba’ subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 18(7), obbligat jemenda, f’terminu ta’ tmien sigħat, din l-iskema konformement mar-raġunijiet espressi mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill, u dan sabiex l-imsemmi mekkaniżmu jidħol fis-seħħ.

86      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, kif jirriżulta mill-Artikolu 18(8) ta’ dan ir-regolament, oppożizzjoni tal-Kunsill ibbażata fuq il-motiv li l-kriterju tal-interess pubbliku ma huwiex issodisfatt għandha l-effett li tipprekludi, b’mod definittiv, ir-riżoluzzjoni skont l-imsemmi regolament tal-entità kkonċernata, peress li din l-entità għandha għalhekk tiġi stralċjata b’mod ordnat konformement mad-dritt nazzjonali applikabbli.

87      Fil-kawża preżenti, permezz tad-Deċiżjoni 2017/1246, il-Kummissjoni approvat l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża. Kif hija enfasizzat espressament fil-premessa 4 ta’ din id-deċiżjoni, billi approvat din l-iskema, il-Kummissjoni espremiet il-“qbil” tagħha mal-kontenut tagħha, kif ukoll mar-“raġunijiet mogħtija mill-SRB li minħabba fihom hi neċessarja r-riżoluzzjoni fl-interess pubbliku”. F’dan ir-rigward, kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-aspetti diskrezzjonali ta’ skema ta’ riżoluzzjoni — li jirrigwardaw kemm l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet ta’ riżoluzzjoni kif ukoll id-determinazzjoni tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni — huma marbuta b’mod inseparabbli mal-aspetti iktar tekniċi tar-riżoluzzjoni. Kuntrarjament għal dak li sostniet il-Qorti Ġenerali fil-punt 137 tas-sentenza appellata, ma tistax, għaldaqstant, issir distinzjoni bejn dawn l-aspetti diskrezzjonali u dawn l-aspetti tekniċi, sabiex jiġi ddeterminat l-att li jista’ jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ skema ta’ riżoluzzjoni approvata kollha kemm hi mill-Kummissjoni.

88      Għaldaqstant, huwa biss permezz tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-Kummissjoni li l-miżura ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB fl-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża ġiet definittivament stabbilita u li din il-miżura kellha effetti legali vinkolanti, b’tali mod li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipji li rriżultaw fis-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja, hija l-Kummissjoni, u mhux is-SRB, li għandha tirrispondi għall-imsemmija miżura ta’ riżoluzzjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni.

89      Għalhekk, mill-kontenut tagħha, mill-kuntest tal-adozzjoni tagħha u mis-setgħat tas-SRB jirriżulta li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża ma pproduċietx effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ persuna ġuridika jew fiżika, b’tali mod li ma tikkostitwixxix att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

90      Il-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 121 sa 123 tas-sentenza appellata ma humiex tali li jikkontestaw l-evalwazzjoni preċedenti.

91      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali f’dawn il-punti, mill-Artikolu 86(1) u (2) tar-Regolament SRM ma jistax jiġi dedott li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża setgħet tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Fil-fatt, kif tirrileva l-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ regolament ma jistgħux ibiddlu s-sistema ta’ azzjonijiet prevista mit-Trattat FUE. Barra minn hekk, mill-kliem stess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament SRM jirriżulta li azzjonijiet li huma jirreferu għalihom għandhom jiġu ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja “skont l-Artikolu 263 [TFUE]”, li jippreżupponi li dawn josservaw il-kundizzjoni, li tinsab fih, dwar in-natura kontestabbli tal-att ikkontestat.

92      Ċertament, fil-punti 56 u 66 tas-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE (C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369), il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li skema ta’ riżoluzzjoni tista’, bħala riżultat finali tal-proċedura kumplessa ta’ riżoluzzjoni, tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-qorti tal-Unjoni. Madankollu, fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tevalwa l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li qieset bħala inammissibbli rikorsi għal annullament ippreżentati, mhux kontra tali skema, iżda kontra atti preparatorji tal-BĊE li kkonstataw l-eżistenza ta’ falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ ta’ entitajiet, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM. Il-kunsiderazzjonijiet esposti f’dawk il-punti 56 u 66 għandhom għalhekk jinqraw fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proċeduri kumplessi li tgħid li, fil-preżenza ta’ atti li t-tfassil tagħhom jitwettaq f’diversi stadji proċedurali, jikkostitwixxi, bħala prinċipju, att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament biss il-miżura li, fi tmiem il-proċedura, tistabbilixxi definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu tal-Unjoni kompetenti, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedji li l-għan tagħhom huwa li jħejju din il-miżura definittiva u li ma jipproduċux effetti legali awtonomi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 10; tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punti 43 u 46, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il‑Kummissjoni, C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722, punt 103).

93      F’tali proċedura kumplessa, l-atti adottati matul l-istadji preparatorji għall-adozzjoni tal-att definittiv ma jistgħux, meta ma jipproduċux effetti legali awtonomi, ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament.

94      Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 122 sa 124 tas-sentenza appellata, ma jistax għalhekk jiġi dedott mill-Artikolu 86 tar-Regolament SRM u mis-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE (C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369), li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża hija att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali, minkejja li ma kkostitwixxietx ir-riżultat finali tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni inkwistjoni, peress li dan ir-riżultat immaterjalizza ruħu biss bl-approvazzjoni ta’ din l-iskema mill-Kummissjoni, u li, kif jirriżulta mill-analiżi preċedenti, ma pproduċiex effetti legali awtonomi.

95      Lanqas ma tista’ tiġi kkontestata l-evalwazzjoni preċedenti tal-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 146 u 147 tas-sentenza appellata, li l-assenza ta’ rikonoxximent tan-natura kontestabbli tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża twassal għal ksur tad-dritt tar-rikorrenti fl-ewwel istanza għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

96      Fil-fatt, deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-Kummissjoni bħalma hija d-Deċiżjoni 2017/1246 għandha, min-naħa tagħha, il-karatteristiċi ta’ att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Issa, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra tali deċiżjoni, huwa possibbli għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kkonċernati li jinvokaw l-illegalità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni li din l-istituzzjoni tkun approvat filwaqt li tatha b’dan il-mod effetti legali vinkolanti, li huwa ta’ natura li jiżguralhom protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punti 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, hekk kif jirriżulta mill-punti 87 u 88 tas-sentenza preżenti, il-Kummissjoni hija meqjusa, permezz ta’ tali approvazzjoni, li adottat il-punti u l-motivi li jinsabu f’din l-iskema, b’tali mod li hija għandha, jekk ikun il-każ, tirrispondi quddiem il-qorti tal-Unjoni.

97      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

98      Għaldaqstant, hemm lok li s-sentenza appellata tiġi annullata sa fejn din tiddikjara ammissibbli r-rikors intiż għall-annullament ta’ din l-iskema.

 Fuq ittieni u ttielet aggravju

99      Peress li s-sentenza appellata hija annullata abbażi tal-ewwel aggravju, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet aggravju.

 Fuq irrikors quddiem ilQorti Ġenerali

100    Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ li tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun tinsab fi stadju li tista’ tiġi deċiża.

101    Dan huwa l-każ fil-kawża preżenti, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza.

102    Għar-raġunijiet esposti fil-punti 66 sa 97 tas-sentenza preżenti, l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

103    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-rikors imressaq quddiem il-Qorti Ġenerali mill-Fundación u mis-SFL għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq lispejjeż

104    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

105    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli li, bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, japplika għall-proċedura ta’ appell, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

106    Fil-każ ineżami, peress li s-SFL tilfet fil-proċedura tal-appell, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura kif mitlub minn din tal-aħħar. Peress li l-Fundación u s-SFL tilfu fil-proċedura tal-ewwel istanza, hemm lok, konformement mat-talbiet tas-SRB u ta’ Banco Santander, li jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mis-SRB u minn Banco Santander fil-kuntest ta’ din l-aħħar proċedura.

107    Skont l-Artikolu 138(3) ta’ dawn ir-Regoli li, bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, japplika għall-proċedura ta’ appell, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Peress li s-SRB tilef fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors, l-unika talba inkwistjoni fil-kuntest tal-appell, huwa għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu relatati mal-appell.

108    Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li, bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, japplika għall-proċedura ta’ appell, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fit-tilwima għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament u l-Kunsill, intervenjenti fl-ewwel istanza, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll ma’ dik tal-appell. Il-Kummissjoni għandha tbati, bħala intervenjenti fil-proċedura fl-ewwel istanza, l-ispejjeż tagħha relatati ma’ dik il-proċedura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal1 ta’ Ġunju 2022, Fundación Tatiana Pérez de Guzmán el Bueno u SFL vs SRB (T481/17, EU:T:2022:311), hija annullata sa fejn hija tiddikjara ammissibbli r-rikors imressaq mill-Fundación Tatiana Pérez de Guzmán el Bueno u l-iStiftung für Forschung und Lehre (SFL) għall-annullament tad-Deċiżjoni SRB/EES/2017/08 tas-sessjoni eżekuttiva tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni tas7 ta’ Ġunju 2017 dwar l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español SA.

2)      Ir-rikors tal-Fundación Tatiana Pérez de Guzmán el Bueno u tal-iStiftung für Forschung und Lehre (SFL) intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni SRB/EES/2017/08 huwa miċħud bħala inammissibbli.

3)      Il-Fundación Tatiana Pérez de Guzmán el Bueno u l-iStiftung für Forschung und Lehre (SFL) huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, dawk imġarrba mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Banco Santander SA, relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza. IsSFL għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk imġarrba mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-appell preżenti.

4)      Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess relatati mal-appell preżenti.

5)      Ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibati l-ispejjeż tagħhom relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza u fl-appell preżenti. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.