Language of document : ECLI:EU:T:2005:298

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tieni Awla)

tas-27 ta’ Lulju 2005(*)

"Ftehim – Is-suq Lussemburgiż tal-birra – Ammendi"

Fil-kawżi magħquda T-49/02 sa T-51/02,

Brasserie nationale SA (qabel Brasseries Funck-Bricher u Bofferding), stabbilita f’Bascharage (il-Lussemburgu), rappreżentata minn A. Carnelutti u L. Schiltz, Avukati, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Brasserie Jules Simon et Cie SCS, stabbilita f’Wiltz (il-Lussemburgu), rappreżentata minn A. Carnelutti u J. Mosar, Avukati,

Brasserie Battin SNC, stabbilita f’Esch-sur-Alzette (il-Lussemburgu), rappreżentata minn A. Carnelutti u M. Santini, Avukati,

rikorrenti

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, rappreżentata minn W. Wils u A. Bouquet, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett, min-naħa waħda, talba għall-annullament ta’ l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/759/KE tal-5 ta’ Diċembru 2001 dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Każ COMP/37.800/F3 – Brasseries luxembourgeoises) (ĠU 2002, L 253, p. 21) [Traduzzjoni mhux uffiċjali], safejn tirrigwarda r-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, talba li għandha bħala għan prinċipali li tannulla l-Artikolu 2 ta’ dik id-Deċiżjoni safejn timponi ammendi fuq ir-rikorrenti, u fit-tieni lok, it-tnaqqis sostanzjali ta’ l-ammont ta’ l-imsemmija ammendi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tieni Awla),

komposta minn A. W. H. Meij, President, N. J. Forwood u I. Pelikánová, Imħallfin,

Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat il-proċedura miktuba u wara s-seduta tas-16 ta’ Marzu 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti tal-kawża

1       Dawn il-kawżi preżenti jitrattaw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/759/KE tal-5 ta’ Diċembru 2001 dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Kawża COMP/37.800/F3 – Brasseries luxembourgeoises) (ĠU 2002, L 253, p. 21), (iktar ’il quddiem id-"Deċiżjoni").

2       Id-Deċiżjoni titratta l-ftehim iffirmat fit-8 ta’ Ottubru 1985 (iktar ’il quddiem il-"Ftehim") minn ħames birreriji Lussemburgiżi (iktar ’il quddiem il-"partijiet"), jiġifieri l-Brasserie nationale (iktar ’il quddiem "Brasserie nationale"), il-Brasserie Jules Simon et Cie, li qabel kellha l-isem Brasserie de Wiltz (iktar ’il quddiem "Wiltz"), il-Brasserie Battin (iktar ’il quddiem "Battin") (iktar ’il quddiem imsejħa flimkien ir-"rikorrenti"), il-Brasserie de Diekirch (iktar ’il quddiem "Diekirch") u fl-aħħarnett, il-Brasserie Réunies de Luxembourg Mousel et Clausen (iktar ’il quddiem "Mousel").

3       Fl-1999, Mousel u Diekirch inxtraw minn Interbrew SA (iktar ’il quddiem "Interbrew"). F’Lulju 2000, Diekirch saret sussidjarja ta’ Mousel. F’din l-okkażjoni isem Mousel inbidel għal Brasserie de Luxembourg Mousel-Diekirch (iktar ’il quddiem "Brasserie de Luxembourg").

4       Fid-Deċiżjoni, issir referenza għal Brasserie nationale bħala "Brasserie nationale ‑ Bofferding", fil-qosor "Bofferding". Madankollu, matul is-seduta, l-avukat tagħha kkonferma li dawn il-kliem jirreferu għall-istess entità ġuridika. Minn hawn ’il quddiem, ser issir referenza għaliha bħala "Brasserie nationale".

5       L-ewwel Artikolu tal-Ftehim jgħid li:

"Dan il-ftehim għandu l-għan li jipprevjeni u jirregola l-kunflitti li jista’ jkun hemm fil-Gran Dukat għal dak li jirrigwarda r-rispett u l-protezzjoni reċiproka tal-klawsoli ta’ birrerija msejħa ‘klawsoli tal-birra’, [kemm jekk tali klawsola] tkun miktuba weħidha kif ukoll jekk hi tkun parti minn ftehim ieħor jew impenn ieħor […] "

6       L-Artikolu 2 tal-Ftehim jgħid li:

"Kull ftehim miktub, tkun xi tkun il-validità legali tiegħu, u/jew id-durata tiegħu, u/jew il-possibbiltà tiegħu li jintuża fil-konfront ta’ terzi, li bih waħda mill-birreriji kontraenti ftehemet ma’ operatur ta’ stabbiliment li jbiegħ ix-xorb li dan se jixtri esklussivament mingħandhu, birra Lussemburgiża fabbrikata minnha stess jew fabbrikata taħt liċenzja minn birrerija Lussemburgiża u/jew mibjugħa minn birrerija Lussemburgiża għal żmien stabbilit u/jew għal kwantità stabbilita ta’ birra […] huwa meqjus bħala klawsola tal-birra"

7       L-Artikolu 4 tal-Ftehim jistipula li:

"Il-birreriji hawn taħt iffirmati jipprojbixxu lilhom infushom u jintrabtu sabiex jipprojbixxu strettament lin-negozjanti awtorizzati milli jbiegħu birra f’stabbiliment li jbiegħ ix-xorb kopert minn dan il-ftehim lill-waħda mill-birreriji firmatarji l-oħra.

F’każ ta’ vjolazzjoni ripetuta min-negozjant awtorizzat, ser tittieħed il-proċedura segwenti:

Il-birrerija kontraenti għandha tikkonstata l-bejgħ tal-birra tal-birrerija konkorrenti lill-klijent tagħha u għandha tinnotifikaha, għal kull bwon fini, bil-ftehim ta’ forniment. Minbarra dan, il-birrerija tinnotifika dan il-ftehim lill-operatur u tintimaħ sabiex iwaqqaf il-fornituri kollha ta’ birra. Fl-istess waqt titlob lill-birrerija konkorrenti sabiex issejjaħ lin-negozjant awtorizzat tagħha u sabiex tordnalu fil-forma dovuta sabiex iwaqqaf il-fornituri kollha lill-klijent li hu marbut b’kuntratt mal-kollega tiegħu, u dan sabiex tiġi evitata kull kompliċità tal-birrerija konkorrenti mam-negozjant awtorixxat tagħha fl-attivitajiet tiegħu […]"

8       L-Artikolu 5 tal-Ftehim jipprovdi li:

"Kull waħda mill-birreriji kontraenti tintrabat li, qabel ma tikkonkludi u/jew li tagħmel forniment ta’ birra lil operatur ta’ stabbiliment li jbiegħ ix-xorb li preċedentement kien fornut minn birrerija oħra, tinforma ruħha minn qabel ma’ din il-birrerija dwar l-eżistenza ta’ ‘klawsola tal-birra’ favoriha.

Din it-talba ta’ informazzjoni għandha tkun indirizzata bil-miktub lill-birrerija l-oħra, li tkun marbuta li tagħti informazzjoni, akkumpanjata, jekk ikun meħtieġ minn dokumenti li jsostnuh u sabiex ikun possibbli li jintwera jekk hemmx jew le ‘klawsola tal-birra’ […] Kopja ta’ din it-talba għal informazzjoni tista’ tiġi indirizzata lid-Direttur tal- Fédération des Brasseurs luxembourgeois."

9       L-Artikoli 6 u 7 tal-Ftehim jipprovdu penalitajiet f’każ ta’ ksur ta’ l-Artikoli 4 jew 5. L-Artikoli 8, 9 u 10 jipprovdu proċeduri ta’ konċiljazzjoni, ta’ arbitraġġ u ta’ konsultazzjoni. L-Artikolu 11 jipprovdi l-possibbiltà li jiġi tterminat il-Ftehim f’każ ta’ teħid ta’ kontroll minn kumpannija barranija jew ta’ kooperazzjoni ma’ birrerija barranija. Fl-aħħarnett, l-Artikolu 12 jistipola li l-Ftehim huwa konkluż għal terminu mingħajr limitu, bil-pre-avviż għat-terminazzjoni li hu ta’ tnax-il xahar.

10     Il-Ftehim huwa kkompletat b’dikjarazzjoni ta’ intenzjoni, iffirmata wkoll fit-8 ta’ Ottubru 1985 (iktar ’il quddiem id-"Dikjarazzjoni ta’ intenzjoni dwar Battin"), li tipprovdi li:

" [Battin] ma jiksirx l-Artikolu 2 [tal-Ftehim] billi jiddistribwixxi l-birer tal-konċedent tiegħu l-’Bitburger Brauerei Th. Simon’, Repubblika Federali tal-Ġermanja, skond il-forom u l-modalitajiet ta’ distribuzzjoni attwalment ipprattikati.

Jekk, fil-futur, modifika jew tal-forom u l-modalitajiet ta’ din id-distribuzzjoni, inkella żieda sensibbli tal-volum, u kellha tikkawża problema fl-ekwilibrju attwali tad-distribuzzjoni […], il-[Ftehim] jista’ jiġi tterminat f’kull mument fir-rigward ta’ [Battin]."

11     Il-Ftehim ġie wkoll ikkompletat b’dikjarazzjoni ta’ intenzjoni, iffirmata matel il-laqgħa tal-Fédération des brasseurs luxembourgeois (iktar ’il quddiem l-"FBL") tat-2 ta’ Diċembru 1986 (iktar ’il quddiem id-"Dikjarazzjoni ta’ intenzjoni dwar il-birreriji barranin") u li tipprovdi li:

"Il-birreriji firmatarji tal-ftehim imsemmi jiddikjaraw li jixtiequ jirriżervaw il-prijorità għan-negozjar u l-konklużjoni ta’ klawsola ta’ provvista lil waħda mill-kollegi lussemburgiżi tagħhom fil-każ fejn indikazzjonijiet miktuba tal-birrerija li jkollhu l-kuntratt, jagħtu x’wieħed jifhem li wieħed mill-klijenti tagħha, minkejja [l-fatt] li huwa marbut ma’ waħda minnhom permezz ta’ klawsola ta’ forniment li taqa’ fil-qafas tal-[Ftehim], ġie kkuntattjat u qed jipprepara sabiex jikkonkludi ftehim ta’ forniment ma’ birrerija barranija.

Fil-każ fejn kollega setgħet ikkonkludiet klawsola ta’ forniment ma’ klijent ta’ qabel tal-birrerija li rriżervatlu bil-miktub il-priorità fin-negozjar, din il-kollega tintrabat li, fl-ewwel okkażjoni li tinqala’, toffri wieħed mill-klijenti tagħha li jkun f’pożizzjoni simili ta’ din il-birrerija fin-negozjar."

 Id-deċiżjoni kkontestata

12     Fid-Deċiżjoni, ġie kkunsidrat li l-Ftehim kellu bħala suġġett, fl-ewwel lok, li jinżammu l-klijenteli rispettivi tal-partijiet fis-settur imsejjaħ "Horeca" (lukandi, ristoranti, kafetteriji) Lussemburgiż u, fit-tieni lok, li titwaqqaf il-penetrazzjoni ta’ dan is-settur mill-birreriji barranin (premessi 47 sa 73).

13     Fit-tieni lok, ġie meqjus li l-Ftehim kien jista’ jillimita notevolment il-kompetizzjoni f’dan is-settur u li jaffettwa notevolment il-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri. Għalhekk ġie konkluż li, billi daħlu għall-Ftehim, il-partijiet kisru l-Artikolu 81(1) KE (premessi 74 sa 85).

14      Skond id-Deċiżjoni, il-ksur ġie mwettaq intenzjonalment skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), li dak iż-żmien kienu applikabbli (premessi 89 u 90).

15     L-ewwel Artikolu tad-Deċiżjoni jgħid li:

"[Il-partijiet] kisru l-Artikolu 81(1) [KE] meta daħlu fi ftehim li kellu bħala għan iż-żamma tal-klijentela rispettiva tagħhom fis-settur Horeca Lussemburgiż u li jwaqqaf il-penetrazzjoni ta’ dan is-settur minn birreriji barranin.

Il-ksur dam minn Ottubru 1985 sa Frar 2000."

16     L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni jimpona ammenda ta’ 400 000 Euro fuq Brasserie nationale u ammendi ta’ 24 000 Euro kull wieħed fuq Wiltz u fuq Battin.

 Il-Proċedura

17     Permezz ta’ tlett rikorsi ddepożitati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Frar 2002, ir-rikorrenti ppreżentaw dawn ir-rikorsi.

18     Il-proċeduri bil-miktub intemmu fil-25 ta’ Novembru 2002.

19     Wara li l-partijiet instemgħu fuq dan il-punt, permezz ta’ Digriet tal-15 ta’ Frar 2005, il-President tat-Tieni Awla għaqqad dawn il-kawżi għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, konformement ma’ l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

20     Peress li l-President tat-Tieni Awla ma setax jipparteċipa f’dawn il-kawżi, fit-22 ta’ Frar 2005, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza appunta, skond l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, lill-Imħallef N. J. Forwood sabiex jikkompleta l-Awla.

 It-talbiet tal-partijiet

21     F’kull waħda mill-kawżi, ir-rikorrent kkonċernat jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–       tannulla l-ewwel Artikolu tad-Deċiżjoni safejn dan jikkunsidra li hemm ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE min-naħa tar-rikorrenti;

–       tannulla, fi kull każ l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni safejn dan jimponi ammenda fuq ir-rikorrenti jew, alternattivament, tnaqqas l-ammont sostanzjalment;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

22     F’kull waħda mill-kawżi, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

 Id-Dritt

23     F’kull waħda mill-kawżi, ir-rikorrent ikkonċernat jinvoka żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed fuq ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE u, it-tieni, fuq ksur ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta’ l-obbligu li jiġu indikati l-motiviv previsti fl-Artikolu 253 KE.

 1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE

24     L-ewwel motiv jinqasam f’ħames partijiet, li permezz tagħhom ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni, fl-ewwel lok, li ma qiesetx biżżejjed, sabiex tevalwa l-għan tal-Ftehim, il-kuntest li fih dan kien jaqa’, fit-tieni lok, li kienet waslet għall-konklużjoni li dan kien japplika fin-nuqqas ta’ "klawsola tal-birra", fit-tielet lok, li kienet ikkwalifikatu bħala ftehim ta’ żamma tal-klijentela u, għalhekk, anti-kompetittiv minħabba l-għan tiegħu, fir-raba’ lok, li kienet ikkonkludiet li huwa kellu bħala għan li jwaqqaf il-penetrazzjoni tas-settur Horeca Lussemburgiż mill-birreriji barranin u, fil-ħames lok, li kienet qieset li hu kellu effett notevoli fuq il-kompetizzjoni.

25     F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad li t-tielet parti ta’ l-ewwel motiv jirreferi għall-ewwel għan restrittiv rilevat mill-Kummissjoni, jiġifieri ż-żamma tal-klijentela rispettiva tal-partijiet fis-settur Horeca fil-Lussemburgu, filwaqt li r-raba’ parti ta’ dan il-motiv li jirrigwarda t-tieni għan restrittiv rilevat mill-Kummissjoni, jiġifieri t-twaqqif tal-penetrazzjoni tas-settur Horeca Lussemburgiż mill-birreriji barranin. L-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv jallega nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-għan tal-Ftehim.

26     Jirriżulta li t-tielet, ir-raba’ u l-ewwel partijiet ta’ l-ewwel motiv kollha jitrattaw l-evalwazzjoni ta’ l-għan tal-Ftehim. Għaldaqstant għandhom jiġu eżaminati flimkien.

 Fuq l-evalwazzjoni ta’ l-għan tal-Ftehim (it-tielet, ir-raba’ u l-ewwel partijiet ta’ l-ewwel motiv)

 Id-Deċiżjoni kkontestata

27     Fid-Deċiżjoni, huwa mfakkar, li l-ewwelnett, skond il-minuti tal-laqgħa tal-FBL tas-7 ta’ Ottubru 1986, kif emendati mill-minuti tal-laqgħa tal-FBL tat-2 ta’ Diċembru 1986, il-partijiet kienu ddeċidew fuq interpretazzjoni aktar wiesa’ tal-frażi "klawsola tal-birra" minn dik prevista mill-Artikolu 2 tal-Ftehim. Il-minuti tas-7 ta’ Ottubru 1986 jipprovdu li (premessa 9):

"Huwa miftiehem li tiġi ammessa u assimilata għall-‘klawsola tal-birra’:

–       l-attività li tikkonsisti f’li wieħed jidħol għal kirja u li jipparteċipa finanzjarjament għat-tagħmir ta’ kaffetterija – mingħajr ma tissemma espressament ‘klawsola tal-birra’ ma tkun espressament imsemmija, per eżempju l-birrerija X tikri immobbli u tipparteċipa finanzjarjament għall-iżvilupp ta’ l-immobbli skond l-użu destinat tiegħu, iżda ma tikkonkludix jew ma tasalx sabiex tikkonkludi ftehim li jorbot mas-sid,

–       l-akkwist minn birrerija ta’ dritt ta’ cabaretage [liċenzja tal-forniment għal stabbiliment li jbiegħ ix-xorb], mingħajr ma tkun imsemmija il-‘klawsola tal-birra’ espressament.

Dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet jagħmlu parti integrali mid-dispożizzjonijiet li jeżistu f’dan il-qasam."

28     Skond id-Deċiżjoni, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata b’ittra indirizzata minn Wiltz lill-FBL fit-23 ta’ Ottubru 1991, li tgħid li (premessa 9):

" Il-birreriji jiftiehmu li jammettu u jassimilaw għall-‘klawsola tal-birra’

–       l-attività li tikkonsisti fit-teħid ta’ kirja;

–       it-tpoġġija għad-dispożizzjoni minn birrerija, taħt kwalunkwe titolu, ta’ dritt ta’ cabaretage."

29     Għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni legali ta’ l-għan tal-ftehim, id-Deċiżjoni tgħid hekk (premessa 47):

"Il-ftehim għandu bħala għan, fl-ewwel lok, li jillimita l-kompetizzjoni bejn il-birreriji firmatarji, permezz taż-żamma tal-klijenteli rispettivi tagħhom fis-settur Horeca fil-Lussemburgu. Dan jirriżulta mill-Artikoli 4 u 5 tal-Ftehim, kif ukoll ta’ l-Artikoli 6 u 7 li jipprovdu għal sanzjonijiet f’każ ta’ ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (premessi 48 sa 66). Minbarra dan, il-Ftehim għandu l-għan li jxxekkel il-penetrazzjoni tas-settur Horeca Lussemburgiż minn birreriji barranin. Dan it-tieni għan li jillimita l-kompetizzjoni jirriżulta b’mod partikolari mit-tieni dikjarazzjoni annessa mal-ftehim (premessi 67 sa 73)."

30     Dwar l-ewwel għan restrittiv, ġie kkunsidrat li l-Artikolu 4 tal-Ftehim kien jipprojbixxi lil kull birrerija firmatarja u lin-negozjanti awtorizzati tagħha tforni birra lil stabbilimenti li jbiegħu x-xorb li huma marbuta bi ftehim vinkolanti milli jfornu lil birreriji Lussemburgiżi oħra. Skond id-Deċiżjoni, din il-projbizzjoni tapplika f’tliet każijiet, jiġifieri dak ta’ l-assenza tal-kuntratt ta’ forniment jew ta’ "klawsola tal-birra", dak ta’ "klawsola tal-birra" invalida jew li ma tistax tintuża fil-konfront ta’ terzi u dak ta’ "klawsola tal-birra" valida, u li tinkludi restrizzjoni tal-kompetizzjoni f’kull wieħed minn dawn il-każijiet. Skond id-Deċiżjoni, f’kull wieħed minn dawn il-każijiet, l-istess għan tal-ftehim kien restrittiv għall-kompetizzjoni (premessa 48).

31     Fl-ewwel każ, ġie nnutat li, meta birrerija kienet tiffinanzja t-tagħmir jew takkwista dritt ta’ cabaretage, iżda ma kinitx tikkonkludi kuntratt ma’ l-istabbiliment jew ma kinitx timponi fuqu klawsola ta’ xiri esklussiv, l-Artikolu 4 tal-Ftehim kien jipprojbixxi lil dan l-operatur ta’ stabbiliment milli jforni ruħu minn birreriji Lussemburgiżi oħra, b’mod li, min-naħa waħda, l-ewwel birrerija kienet iżżomm il-klijentela tagħha, u min-naħa ’l oħra, il-libertà ta’ l-azzjoni ta’ l-operatur u tal-birreriji terzi kienet limitata (premessa 50).

32     Fit-tieni każ, ġie nnutat li l-Ftehim kien imur lil hinn mir-restrizzjonijiet imposti mil-liġi safejn huwa obbliga lill-partijiet sabiex jirrispettaw "klawsoli tal-birra" li ma kinux validi, jew li kienu jistgħu jintużaw fil-konfront ta’ terzi, per eżempju minħabba ksur ta’ l-obbligi kuntrattwali tal-birrerija fir-rigward ta’ l-operatur. B’hekk, il-partijiet naqqsu l-libertà ta’azzjoni tagħhom u taw lilhom infushom vantaġġi, f’dak li jirrigwarda ż-żamma tal-klijentela tagħhom u s-sigurtà ġuridika, li huma ma kienux jiksbu f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Ġie miżjud li l-ġurisprudenza Lussemburgiża dwar in-nullità tal-kutratti minħabba li l-prezz jew il-kwantità ma jistgħux jiġu determinati m’għadhiex is-seħħ minn Marzu 1996, iżda, minkejja dan, l-partijiet ma temmewx il-Ftehim f’dik id-data. Minbarra dan, l-espressjoni "tkun xi’ tkun il-validità legali tiegħu, u/jew id-durata tiegħu, u/jew il-possibiltà tiegħu li jintuża fil-konfront ta’ terzi" kienet, skond id-Deċiżjoni, testendi l-garanzija ta’ l-Artikolu 4 għal kuntratti invalidi jew li ma jistgħux jintużaw fil-konfront ta’ terzi anki għal motivi għajr li ma jistgħax jiġi determinat il-prezz jew il-kwantità (premessi 52 sa 55).

33     Fit-tielet każ, id-Deċiżjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 4 tal-Ftehim kien jipprojbixxi "kull bejgħ ta’ birra f’stabbiliment li jbiegħ ix-xorb kopert minn dan il-ftehim [...] lil waħda mill-birreriji firmatarji", meta l-obbligu previst mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1984/83 tat-22 ta’ Ġunju 1983 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81](3), [KE] għal kategoriji ta’ akkordji ta’ xiri esklussiv (ĠU L 173, p. 5) [Traduzzjoni mhux uffiċjali], kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1582/97 tat-30 ta’ Lulju 1997 (ĠU L 214, p. 27), kien jillimita ruħu għall-birer ta’ l-istess tip bħal dawk ikkunsinnati mill-birrerija kontraenti. Fit-tieni lok, il-Ftehim kien jipprojbixxi kull forniment lil stabbiliment li jbiegħ ix-xorb li hu marbut bi ftehim lil parti oħra, meta s-sanzjoni prevista mid-dritt ċivili għal fornituri bħal dawn hija llimitata, skond l-istess partijiet, għall-ħlas tad-danni u ta’ l-interessi. Issa, għal ħafna raġunijiet, ikun possibbli li operatur ta’ stabbiliment li jbiegħ ix-xorb ikun irid jikser il-kuntratt tiegħu u jerfa’ l-konsegwenzi finanzjarji. Il-Ftehim kien għamel din il-possibbiltà ta’ arbitraġġ għal dawn l-operaturi inoperabbli u għalhekk serva sabiex imantni relazzjonijiet li mhumiex effettivi (premessi 56 sa 58).

34     Minbarra dan, id-Deċiżjoni tinnota li l-limitazzjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għan tal-Ftehim tirriżulta, fl-ewwel lok, mill-fatt inkontestat mill-partijiet li l-Ftehim japplika wkoll fin-nuqqas ta’ kuntratt tal-forniment jew ta’ "klawsola tal-birra" u għalhekk huwa ma setax ikun is-suġġett ta’ kontroversja kwalunkwe (premessa 59).

35     Fit-tieni lok, ġie mfakkar li l-Ftehim kien preċedut min-numru ta’ ftehim oħra bejn birreriji Lussemburgiżi, per eżempju l-Ftehim ta’ l-1 ta’ Settembru 1966 li sar bil-parteċipazzjoni tal-birreriji kontraenti kollha, kif ukoll il-ftehim tat-13 ta’ Ġunju 1975 u tat-28 ta’ April 1983 li saru bil-parteċipazzjoni ta’ Brasserie nationale u ta’ Mousel. Dawn il-Ftehim preċedenti kienu diġà jobbligaw lill-birreriji firmatarji li jirrispettaw totalment il-klijentela rispettiva tagħhom, mingħajr ma kienu jagħmlu referenza għal klawsola ta’ xiri eskussiv, u mingħajr ma jagħmlu referenza għal xi problema rigward is-sigurtà legali. Skond id-Deċiżjoni, l-interpretazzjoni tal-Ftehim ma tistax tkun interament diżassoċjata minn dan il-kuntest storiku, li huwa ta’ natura li jixħet dubju fuq ir-raġuni ta’ nuqqas ta’ sigurtà legali mressqa mill-partijiet sabiex jiġġustifikaw il-Ftehim (premessa 60).

36     Fit-tielet lok, ġie nnutat li l-evalwazzjoni ta’ l-għan tal-Ftehim ma tiddependix fuq l-intenzjonijiet suġġettivi tal-partijiet, safejn din hija manifestament ta’ natura li tillimita jew li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni (premessa 61).

37     Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni enfasizzat għal dak li jirrigwarda l-problema tan-nuqqas ta’ sigurtà legali mqajjma mill-partijiet, li, skond ir-regoli applikabbli tad-dritt ċivili nazzjonali, din it-tip ta’ problema taffettwa tipi diversi ta’ kuntratti f’setturi industrijali differenti u fi Stati Membri differenti u tagħmel parti mir-riskji kummerċjali kollha li kull impriża trid taffaċċja b’mod awtonomu. Skond id-Deċiżjoni, din il-problema "ma tiġġustifikax ftehim fejn il-benefiċċju huwa riżervat għall-impriżi nazzjonali" u "ma jistħoqqiliex deroga" mill-Artikolu 81(1) KE (premessa 62).

38     Barra minn dan, id-Deċiżjoni tinnota li d-direttur tal-FBL irrikonoxxa espliċitament in-nuqqas ta’ invalidità ġuridika tal-Ftehim meta ddikjara, waqt il-laqgħa ta’ konċiljazzjoni bejn Brasserie nationale u Diekirch li saret fid-19 ta’ Marzu 1996, li, "anki jekk id-[dispożizzjonijiet] bejn il-birreriji m’għandhom ebda valur legali u li jiggwidhom" (premessa 63).

39     Sussegwentement, id-Deċiżjoni tinnota li l-Artikolu 5 tal-Ftehim isaħħaħ ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 4 li tassigura l-applikazzjoni effettiva tiegħu u li l-Artikoli 6 u 7 għandhom l-għan li jsaħħu l-obbligi imposti mill-Artikoli 4 u 5 u jipprovdu sanzjonijiet li jmorru lil hinn minn dawk previsti mid-dritt ċivili (premessi 64 sa 66).

40     Fir-rigward tat-tieni għan restrittiv, jiġifieri dak li jwaqqaf il-penetrazzjoni tas-settur Horeca Lussemburgiż mill-birreriji barranin, id-Deċiżjoni tinnota li d-Dikjarazzjoni ta’ intenzjoni dwar il-birreriji barranin tipprovdi għal konsultazzjoni bejn il-partijiet sabiex tiġi rriżervata l-prijorità fin-negozjati għal waħda mill-"kollegi Lussemburgiżi" l-oħra, imbagħad fil-każ fejn in-negozjati jaslu għal konklużjoni, tipprovdi għal mekkaniżmu kompensatorju ta’ skambju ta’ stabbilimenti li jbiegħu x-xorb bejn iż-żewġ partijiet ikkonċernati. Dan l-għan huwa kkonfermat mill-fatt li, waqt il-laqgħa ta’ konċiljazzjoni bejn Brasserie nationale u Diekirch li saret fid-19 ta’ Marzu 1996, imsemmija aktar ’il quddiem, id-direttur tal-FBL iddikjara li "din kienet tikkonċerna l-fatt li tiġi evitata [...] wasla massiva ta’ birreriji barranini fis-suq [tagħhom]". Anki jekk din ir-rimarka ma torbotx lill-partijiet, xorta hemm il-lok li tittieħed in kunsiderazzjoni sabiex jiġi interpretat il-ftehim peress li din ġiet pronunċata waqt laqgħa dwar l-applikazzjoni ta’ l-imsemmi Ftehim. Skond id-Deċiżjoni, dan it-tieni għan restrittiv ma jistax jiġi diżassoċjat mill-ewwel, safejn il-limitazzjoni tal-penetrazzjoni tas-suq Lussemburgiż mill-birreriji barranin jikkontribwixxu sabiex tinżamm l-istabbiltà tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet. Id-Dikjarazzjoni ta’ l-intenzjoni dwar Battin kellha l-għan li tippreserva l-"ekwilibrju attwali tad-distribuzzjoni", li jindika li l-partijiet kienu jqisu li kien hemm ċertu ekwilibriju li kien ħaqqu li jiġi protett. Fl-aħħarnett, id-Deċiżjoni tgħid li l-Artikolu 11 tal-Ftehim tipprovdi l-possibiltà li dan jintemm fil-konfront ta’ birrerija kontraenti li tikkoopera ma’ birrerija barranija (premessi 67 sa 73).

 L-argumenti tal-partijiet

–       Fuq il-kwalifikazzjoni allegatament żbaljata tal-Ftehim bħala li għandu bħala għan iż-żamma tal-klijenteli (it-tielet parti ta’ l-ewwel motiv)

41     Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni kkwalifikat il-Ftehim bħala wieħed li jżomm il-klijenteli u għalhekk, anti-kompetittiv minħabba l-għan tiegħu.

42     Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, l-għan ewlieni tal-Ftehim kien li jiġu rrispettati l-esklussivitajiet kuntrattwalment miftehma bejn operatur ta’ stabbiliment li jbiegħ ix-xorb u birrerija, li l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li m’għandhomx għan anti-kompetittiv (sentenza tat-28 ta’ Frar 1991, Delimitis, C‑234/89, Ġabra p. I-935). Brasserie nationale tgħid ukoll li dan l-għan tal-Ftehim jirriżulta f’każ fejn il-Ftehim ġie invokat, liema każijiet huma msemmija fid-Deċiżjoni.

43     Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li l-benefiċċju tal-Ftehim kien riżervat għall-birreriji nazzjonali (premessa 62 tad-Deċiżjoni), ir-rikorrenti ssostni li l-Ftehim kien miftuħ għall-birreriji kollha preżenti fil-Lussemburgu. Huma jżidu li Mousel u Diekirch ma kienux esklużi mil-Ftehim wara li kienu ġew akkwistati minn Interbrew.

44     Skond ir-rikorrenti, il-mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni previst mill-Artikolu 5 tal-Ftehim kien jippermetti li tiġi limitata l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftegim għall-"klawsoli tal-birra" miktuba. Fil-kopja tal-kuntratt li ġiet skambjata, l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva ġiet ikkanċellata. Il-Brasserie nationale tgħid ukoll li l-Artikolu 4 tal-Ftehim jesprimi biss l-impenn tal-partijiet li jirrispettaw l-esklussivitajiet. Il-frażi "stabbiliment li jbiegħ ix-xorb kopert minn dan il-ftehim" li ntużat tfisser sempliċement "li hu marbut" ma’ birrerija minħabba "klawsola tal-birra", kif jikkonferma t-tielet inċiż ta’ l-imsemmi artikolu.

45     F’dak li jirrigwarda l-akkordji li saru qabel il-Ftehim, li huma msemmija fil-premessa 60 tad-Deċiżjoni, ir-rikorrenti jsostnu li l-evalwazzjoni tagħhom fid-Deċiżjoni hija żbaljata. Huma jippreċiżaw li l-akkordji ta’ l-1980 u l-1981 kif ukoll il-Ftehim kellhom l-għan li jiggarantixxu l-esklussività kuntrattwalment miftehma, b’differenza mill-akkordji ta’ l-1975 u l-1983. Brasserie nationale tgħid ukoll li l-parti l-kbira ta’ dawn l-akkordji saru qabel it-Trattat KEE, li l-akkordji li saru wara dan it-Trattat jorbtu biss tnejn mill-partijiet, li, fost dawn l-aħħar akkordji, dak ta’ l-1980 ġie injorat mill-Kummissjoni u li l-uniku akkordju multilaterali sarr fl-1966, jiġifieri qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ transizzjoni, u ntemm żmiem twil qabel il-Ftehim.

46     F’dak li jirrigwarda r-rimarka tad-direttur tal-FBL imsemmija fil-premessa 63 tad-Deċiżjoni (ara l-punt 38 iktar ’il fuq), Brasserie nationale tikkontesta l-istess awtorità tad-direttur, f’dak li l-FBL għandha inkarigu limitat u li l-profil tad-direttur tagħha lanqas ma jippermetti li jkun jaf is-suq. Barra minn dan, il-perspettiva tagħha dwar il-validità tal-Ftehim hija żbaljata. Fil-fatt, skond Brasserie nationale, il-Ftehim jikkontempla biss li jassigura r-rispett ta’ l-akkordji ta’ esklussività, li ma jimplikawx il-qsim tal-fruntieri u huwa ma jikkonċernax l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Marzu 1970, Bilger, 43/69, Ġabra p. 127). Konsegwentement, skond Brasserie nationale, il-Ftehim kien eżentat min-notifika, kif previst mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 17, b’mod li huwa kien validu sakemm ma jkun hemm konstatazzjoni eventwali ta’ ksur. Wiltz u Battin jikkontestaw ukoll l-awtorità ta’ l-imsemmija dikjarazzjoni tad-direttur tal-FBL u jsostnu wkoll li l-Ftehim ma jikkonċernax l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet.

47     Minbarra dan, ir-rikorrenti jsostnu li l-Ftehim ġie adottat għal tliet raġunijiet. Brasserie nationale, min-naħa tagħha, tibbaża ruħha biss fuq dawn ir-raġunijiet għal dak li jirrigwarda t-tieni u tielet każ imsemmi fid-Deċiżjoni, jiġifieri rispettivament, dak tal-"klawsola tal-birra" invalida jew li ma tistax tintuża fil-konfront ta’ terzi u dak ta’ "klawsola tal-birra" valida, u sostniet li l-ewwel każ, jiġifieri dak tan-nuqqas ta’ "klawsola tal-birra", ma jaqax fil-portata tal-Ftehim.

48     F’dak li jirrigwarda l-ewwel raġuni, ir-rikorrenti jsostnu li l-kuntratti li jinkludu "klawsola tal-birra" kienu annullati sistematikament mill-qrati Lussemburgiżi minħabba n-nuqqas ta’ determinazzjoni tal-prezz u tal-kwantità, fuq il-bażi ta’ ġurisprudenza Franċiża li tirrigwarda dispożizzjonijiet simili tal-kodiċi ċivili. Brasserie nationale żżid li l-Ftehim jikkostitwixxi mod alternattiv ta’ arranġament ta’ tilwim li jevita, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-kwistjoni tal-validità tal-"klawsoli tal-birra" u li kien għal dan il-għan li l-frażi "tkun xi tkun il-validità legali tiegħu, […] u/jew il-possibiltà li jintuża fil-konfront ta’ terzi" kienet ġiet inkluża fl-Artikolu 2 tal-Ftehim.

49     Ir-rikorrenti jippreċiżaw li r-riskju li tiġi invokata n-nullità ta’ kuntratt li jinkludi "klawsola tal-birra" quddiem il-tribunali Lussemburgiżi kien jeżisti jkun xi jkun il-punt ta’ tluq kontzjuz, peress li kull kontroversja li tinġieb quddiem il-qrati tal-ġustizzja, tinklużi dawk li joriġinaw mit-terminazzjoni jew min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ l-imsemmi kuntratt, kienet tesponi lill-birrerija kkonċernata għal dan ir-riskji. Jekk il-ġurisprudenza Franċiża msemmija aktar ’il fuq kienet ġiet abbandunata fl-1995, b’dan l-iżvilupp li ġie segwit fil-Lussemburgu minn sentenza waħda biss ta’ Prim’Istanza ta’ Marzu 1996, dik is-sentenza waħda ma kinitx biżżejjed, skond ir-rikorrenti, sabiex telimina dan ir-riskju. Kien ikun ta’ ftit importanza jekk din il-ġurisprudenza Franċiża kienet unanima jew maġġoritarja. B’risposta għall-argumentazzjoni tal-Kummissjoni, Brasserie nationale żżid li l-fatt li t-tibdil tad-direzzjoni tal-ġurisprudenza Franċiża kien seħħ f’żewġ każijiet u ma jinċidix għal dak li jirrigwarda d-data effettiva tat-tibdil fil-ġurisprudenza Lussemburgiża, li kellhom jgħaddu minn tlieta sa erba’ snin sabiex sentenza Lussemburgiża ta’ l-appell f’kawża ta’ birra adottat dan it-tibdil Franċiż u li s-soluzzjonijiet possibbli sabiex wieħed jikkonforma mal-ġurisprudenza in kwistjoni kienu ukoll karatterizzati mill-inċertezza u, f’kull każ, ma kienux adattati għad-distribuzzjoni tal-birra. Għal dak li jirrigwarda ż-żieda mitluba li kienet saret sabiex jiġi espress il-fatt li l-Ftehim kien jinkludi każijiet ta’ nullità barra minn dawk effettwati mill-indeterminazzjoni tal-prezz u tal-kwantità, Brasserie nationale ssostni li n-nuqqas ta’ inklużjoni formali ta’ din iż-żieda tindika, preċiżament, li hija ma ġietx aċċettata mill-partijiet.

50     Fir-rigward tat-tieni raġuni, ir-rikorrenti jallegaw li l-birrerija li kienet ikkonkludiet kuntratt ġdid li jinkludi "klawsola tal-birra" ma’ operatur ta’ stabbiliment li jbiegħ ix-xorb kienet timponi ruħha għar-riskji li jtressqu proċeduri kontriha minn birrerija oħra għal kompliċità ma’ terzi (kooperazzjoni ta’ terz fil-ksur ta’ l-obbligi kuntrattwali) fil-ksur ta’ l-obbligi kuntrattwali ta’ dan l-operatur. Skond ir-rikorrenti, dan ir-riskju, għalkemm marġinali matul il-perjodu tal-ġurisprudenza ċċitata aktar ’il fuq dwar in-nullità, seta’ jagħti lok għal proċedura twila u għalja. Kuntrarjament, skond ir-rikorrenti, jekk il-kompliċità ma’ terzi setgħet, f’xi ipoteżi marġinali, tkun rimedju għall-birrerija li kienet il-vittma ta’ nuqqas ta’ lealtà ta’ l-operatur, tkun meħtieġa proċedura simili sabiex dan ir-rimedju ikun effettiv.

51     Fir-rigward tat-tielet raġuni, ir-rikorrenti jsostnu li l-birreriji ma kienux jiddisponu minn rimedju ġudizzjarju effettiv sabiex jassigura r-rispett tal-klawsoli ta’ l-esklussività miftehma. Il-kumpens għan-nuqqasijiet ta’ dritt nazzjonali huwa raġuni klassiku għall-użu ta’ regoli privati. Kienu biss il-qrati Lussemburgiżi li kienu kompetenti toħroġ b’mod li dan għandu jiġi preżunt leċitu.

52     Ir-rikorrenti sussegwentement isosstnu li, mhux talli ma llimitawx il-libertà tagħhom li jaġixxu, huma eżerċitaw din il-libertà sabiex jassiguraw ir-rispett tal-kuntratti ffirmati. Jekk wieħed jissopponi li l-Ftehim kellu effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni li jista’ jiġi sseparat minn dak inerenti għall-"klawsoli tal-birra", dan kien ikun iġġustifikat min-neċessità li tiġi mħarsa l-lealtà kummerċjali. F’dan ir-rigward, Brasserie nationale tirreferi għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral, magħrufa bħala "Cassis de Dijon" (120/78, Ġabra p. 649), u tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et. (C‑309/99, Ġabra p. I‑1577). Skond ir-rikorrenti, l-istat tad-dritt Lussemburgiż ma jistax ikun "fruntiera" li tistabbilixxi l-livell ta’ garanzija li huma jistgħu jiftiehmu dwaru sabiex jassiguraw din il-lealtà kummerċjali. Barra minn dan, huma jippruvaw jistabbilixxu analoġija ma’ l-Artikolu 5(c), tal-kodiċi ta’ kondotta professjonali ta’ l-Istitut tal-mandatarji awtorizzati mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (iktar ’il quddiem l-"IMA"), liema artikolu l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha li kienet is-suġġett tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Marzu 2001, Institut des mandataires agréés vs il-Kummissjoni (T‑144/99, Ġabra p. II‑1087, punti 89 u 90) kienet ammetiet li ma kien iqajjem ebda oġġezzjoni. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, il-Ftehim kien jipprojbixxi biss li jsir kuntratt ma’ operatur ta’ stabbiliment li jbiegħ ix-xorb marbut ma’ kompetitur permezz ta’ kuntratt li jinkludi "klawsola tal-birra" u ma jinkludi ebda projbizzjoni għal meta r-relazzjoni kummerċjali tkun spiċċat.

53     Barra minn dan, ir-rikorrenti jikkontestaw il-fatt li l-Ftehim kien ipproteġa "relazzjonijiet mhux effettivi birrerija-operatur ta’ stabbiliment li jbiegħ ix-xorb" (premessa 57 tad-Deċiżjoni). Fil-fatt, il-kunċetti ta’ validità u ta’ l-possibiltà li l-Ftehim jintuża fil-konfront ta’ terzi msemmija fl-Artikolu 2 tal-Ftehim jikkontemplaw biss vizzji tal-kuntratt fil-mument li jsir u l-Ftehim ma kellux l-għan jew l-effett li jipprojbixxi terminazzjoni f’każ ta’ nuqqasijiet serji tal-birrerija fir-rigward ta’ l-operatur ta’ l-istabbiliment li jbiegħ ix-xorb.

54     Għal dak li jirrigwarda l-konsiderazzjoni li l-Ftehim kien aktar restrittiv mill-"klawsoli tal-birra", safejn l-Artikolu 4 tiegħu kien jipprojbixxi "kull bejgħ ta’ birra" lil operatur ta’ stabbiliment li jbiegħ ix-xorb marbut ma’ wieħed mill-partijiet (premessa 56 tad-Deċiżjoni), ir-rikorrenti jsostnu li l-ftehim japplika biss għall-birrer tat-tip "pils". Brasserie nationale tgħid li, għal birrerija Lussemburgiża, il-kunċett ta’ birra jinkludi biss il-birra ta’ dan it-tip, u żżid li kien biss sew wara l-konklużjoni tal-Ftehim li Mousel u Diekirch bdew jiddistribwixxu tipi oħra ta’ birra. Wiltz u Battin isostnu li l-Artikolu 4 seta’ biss ikollu l-funzjoni li jipprojbixxi lill-partijiet milli jikkunsinnaw il-birer li huma kienu jipproduċu jew jiddistribwixxu. Dawn kienu bis tat-tip "pils".

55     Fl-aħħarnett, Brasserie nationale ssostni li s-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni prevista mill-Ftehim m’għandha l-ebda rabta ma’ dik likienet is-suġġett tas-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1994, Fiatagri u New Holland Ford vs il-Kummissjoni (T‑34/92, Ġabra p. II‑905) u Deere vs il-Kummissjoni (T‑35/92, Ġabra p. II‑957), li huma l-uniċi sentenzi fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ppenalizzat l-iskambju ta’ informazzjoni li ma kinitx tirrigwarda l-prezzijiet u ma kinitx tikkostitwixxi l-appoġġ ta’ mekkaniżmu ieħor anti-kompetittiv.

56     Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-parti ta’ l-ewwel motiv.

–       Fuq il-kwalifikazzjoni allegatament żbaljata tal-Ftehim li għandu bħala għan li jwaqqaf il-penetrazzjoni tas-settur Horeca Lussemburgiż (ir-raba’ parti ta’ l-ewwel motiv)

57     Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat li l-Ftehim kellu l-għan li jwaqqaf il-penetrazzjoni tas-settur Horeca Lussemburgiż mill-birreriji barranin.

58     Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, il-Ftehim kellu biss l-ebda skop ieħor li jikkombatti l-ksur tal-"klawsoli tal-birra" mill-birreriji barranin, filwaqt li jippreserva l- possibiltà għal birrerija Lussemburgiża li tirrispondi b’suċċess għall-offerta ta’ operatur ta’ stabbiliment li jbiegħ ix-xorb li għandu l-intenzjoni li jagħmel kuntratt ma’ birrerija barranija. Minbarra dan, il-Ftehim kien ġustifikat mis-sitwazzjoni eċċezzjonali tal-Lussemburgu u, b’mod partikolari, l-isproporzjoni bejn is-saħħa tal-birreriji Lussemburgiżi u tal-birreriji barranin, u mis-sitwazzjoni mhux normali li tirriżulta min-nuqqas ta’ lealtà ta’ l-operaturi ta’ stabbilimenti li jbiegħu x-xorb. Brasserie nationale żżid li, peress li l-"klawsoli tal-birra" mhumiex ikkontestati mill-Kummissjoni, din ma setgħatx tattakkahom indirettament. Barra minn dan, il-Ftehim ma kienx iwaqqaf il-birreriji barranin milli jikkonkludu b’kuntratti. Fl-aħħarnett, il-mekkaniżmu ta’ kumpens previst mid-Dikjarazzjoni ta’ intenzjoni dwar il-birreriji barranin ma jistħoqqlux kritiki partikolari.

59     Fir-rigward tad-Dikjrazzjoni ta’ intenzjoni dwar Battin, Brasserie nationale ssostni li l-ewwel paragrafu tagħha jinkoraġixxi, preċiżament, il-penetrazzjoni fil-Lussemburgu tal-birer barranin. Il-kelma "ekwilibriju" użata fit-tieni paragrafu tagħha timplika biss ix-xewqa li tiġi ppreservata l-possibiltà għall-offerta nazzjonali li tkun preżenti meta stabbiliment li jbiegħ ix-xorb jiġi miftuħ għall-kompetizzjoni.

60     Ir-rikorrenti isostnu wkoll li l-Artikolu 11 tal-Ftehim qatt ma ġie implimentat. Brasserie nationale żżid li l-Ftehim ma kellu xi effett disważiv, u lanqas ma ġie imfittex effett bħak dan. Wiltz u Battin żiedu li l-Artikolu 11 huwa biss aċċessorju, hekk kif huwa ammess fil-premessa 72 tad-Deċiżjoni. Il-possibbiltà ta’ terminazzjoni prevista mid-Dikjarazzjoni ta’ intenzjoni dwar Battin għalhekk mhijiex, fiha nfisha restrizzjoni.

61     Għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni tad-direttur tal-FBL imsemmija fil-premessa 68 tad-Deċiżjoni, ir-rikorrenti jerġgħu jtennu l-argument li l-awtorità tagħha tista’ tiġi kkontestata. Brasserie nationale żżid li din id-dikjarazzjoni torbot biss lid-direttur stess u ma tirrappreżentax l-opinjoni tal-Brasserie nationale.

62     Fl-aħħarnett, Brasserie nationale ssostni li d-Deċiżjoni fiha kontradizzjoni ta’ motivi safejn hija twissi lill-partijiet talli jirrifjutaw lill-birreriji barranin vantaġġi li huma, min-naħa l-oħra, meqjusa inammissibbli bejn birreriji nazzjonali.

63     Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tajba ta’ din il-parti ta’ l-ewwel motiv.

–       Fuq in-nuqqas ta’ teħid in konsiderazzjoni tal-kuntest tal-Ftehim fl-evalwazzjoni ta’ l-għan tiegħu (l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv)

64     Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma ħaditx suffiċjentement in konsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni ta’ l-għan tal-Ftehim, tal-kuntest li fih dan ġie ffirmat. Dan l-iżball jiġġustifika l-annullament tad-Deċiżjoni, aktar u aktar għaliex huwa jinsab fl-oriġini ta’ miżinterpretazzjonijiet serji tal-Ftehim.

65     Fil-fatt, ir-rikorrenti jsostnu li, jekk huwa superfluwu li jiġu murija l-effetti ta’ akkordju restrittiv minħabba l-għan tiegħu, l-identifikazzjoni ta’ għan restrittiv teħtieġ analiżi tal-kuntest (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ et vs il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punti 23 sa 25). Brasserie nationale tirreferi wkoll, minbarra dan, għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ġunju 1966, Société technique minière (56/65, Ġabra p. 337, 359 u 360); tat-28 ta’ Marzu 1984, CRAM u Rheinzink vs il-Kummissjoni (29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 26), u Wouters et., ċitat iktar ’il fuq (punt 97), u s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs il-Kummissjoni (T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, Ġabra p. II‑2035, punti 44 sa 53), u tat-18 ta’ Settembru 2001, M6 et vs il-Kummissjoni (T‑112/99, Ġabra p. II‑2459, punt 76).

66     Skond ir-rikorrenti, ħlief għal eċċezzjoni waħda, il-kuntest konkret li fih il-Ftehim kellu l-effetti tiegħu baqa’ barra mill-evalwazzjoni ta’ l-għan tiegħu. Fir-rigward ta’ dan il-kuntest konkret, ir-rikorrenti jirreferu għall-vitalità tas-settur ikkonċernat f’dak li jirrigwarda ishma fis-suq, liema ishma huma suġġetti għal varjazzjonijiet kbar skond il-birriera, u l-ftuħ uniku fil-Komunità ta’ dan is-settur għall-importazzjonijiet. Fil-fatt, huma jsostnu li aktar minn 33 % tal-birra kkunsmata fil-Lussemburgu hija ta’ oriġini importata u tisħaq fuq il-preżenza mal-fruntieri tal-produtturi l-kbar. Minbarra dan, Brasserie nationale tirreferi għall-eżistenza ta’ numru kbir ta’ stabbilimenti li jbiegħu x-xorb li mhumiex konnessi mal-partijiet u li jistgħu jikkostitwixxu bażi xierqa għal kompetizzjoni addizzjonali bejn il-birreriji Lussemburgiżi u dawk barranin. Waqt is-seduta, hija żiedet li dawn l-istabbilimenti kienu konnessi ma’ birriera barranin permezz ta’ klawsoli ta’ esklussività.

67     L-ebda mill-elementi ppreżentati fil-premessi 59 sa 63 tad-Deċiżjoni bħala bażi għall-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni dwar l-għan tal-Ftehim ma jinkludi deskrizzjoni tal-kuntest ekonomiku tiegħu, lanqas b’referenza għall-premessi 74 sa 76. Dawn ta’ l-aħħar għandhom bħala għan li jistabbilixxu l-karattru sensittiv tal-limitazzjoni, fażi tar-raġunament li hija distinta minn dik li jikkonsisti fil-kwalifikazzjoni tal-ftehim bħala restrittiv minħabba l-għan tiegħu.

68     L-istess jista’ jingħad dwar il-kwalifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni fil-konfront tal-birreriji barranin (premessi 67 sa 73 tad-Deċiżjoni).

69     Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-parti ta’ l-ewwel motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Fuq kwalifikazzjoni allegatament żbaljata tal-Ftehim bħalu li għandu bħala għan iż-żamma tal-klijenteli (it-tielet parti ta’ l-ewwel motiv)

70     L-ewwelnett, hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti li għandhom l-għan li jinvalidaw numru ta’ elementi fattwali meħuda in konsiderazzjoni mill-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni, sabiex tikkonkludi li l-Ftehim kellu bħala għan iż-żamma tal-klijenteli.

71     Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-kontestazzjoni tagħhom ta’ l-argument li dan il-Ftehim kien jipprojbixxi l-bejgħ kollu tal-birra lil operatur ta’ stabbiliment li jbiegħ ix-xorb marbut ma’ wieħed mill-partijiet l-oħra (premessa 56 tad-Deċiżjoni), huwa suffiċjenti li jiġi mfakkar li l-Artikolu 4 tal-Ftehim jirrigwarda speċifikament "kull bejgħ ta’ birra". Fil-preżenza ta’ dawn it-termini ċari, dan l-argumentgħandu jiġi miċħud safejn m’hux sostnut minn ebda element konkret.

72     Fit-tieni lok, l-istess għandu jingħad fuq l-allegazzjoni li dawn il-kunċetti ta’ validità u ta’ possibiltà li l-ftehim jintuża fil-konfront ta’ terzi kkontemplati mill-Artikolu 2 tal-Ftehim jirreferu biss għal vizzji li jeffettwaw il-kuntratt fil-mument li jsir. Fil-fatt, restrizzjoni bħal din mhix prevista mill-imsemmi Artikolu 2 u din l-allegazzjoni ma hi sostnuta minn ebda element konkret.

73     Fit-tielet lok, fir-rigward ta’ l-argument li l-mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni previst mill-Artikolu 5 tal-Ftehim kien jippermetti li tiġi llimitata l-portata tal-"klawsoli tal-birra" miktuba, huwa suffiċjenti li jingħad, mal-Kummissjoni, li dan l-argument huwa żmentit mill-fatt li, kif ser jiġi muri fil-kuntest ta’ l-eżami tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, il-Ftehim kien destinat sabiex japplika fil-portata kollha tiegħu, anki fil-każ ta’ nuqqas ta’ "klawsola tal-birra".

74     Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jilmentaw li fil-premessa 60 tad-Deċiżjoni, tqiesu akkordji li ppreċedew il-Ftehim.

75     L-ewwelnett, f’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad li l-akkordji ta’ l-1980 u l-1981 mhumiex imsemmija fid-deċiżjoni. Għalhekk, l-argument ibbażat fuq il-fatt li dawn huma differenti minn dawk ta’ l-1975 u l-1983 huwa irrilevanti. Minbarra dan, għandu jingħad ukoll li l-Kummissjoni ħadet biss in kunsiderazzjoni l-akkordji ta’ l-1966, 1975 u 1983 sabiex tikkonkludi li l-interpretazzjoni tal-Ftehim ma setgħetx tkun totalment diżassoċjata minn dawn l-aħħar akkordji u li dawn kienu ta’ natura li jqajjmu dubbju fuq il-motiv ta’ nuqqas ta’ sigurtà legali mressaq mill-partijiet sabiex jiġġustifikaw il-ftehim. Fir-rigward ta’ din il-konklużjoni, l-affermazzjonijiet ta’ Brasserie nationale għal dak li jirrigwarda dawn l-aħħar akkordji huma irrilevanti.

76     Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti jikkontestaw it-teħid in konsiderazzjoni tar-rimarka tad-direttur tal-FBL imsemmija fil-premessa 63 tad-Deċiżjoni, dwar l-ispirtu protezzjonist tal-ftehim (ara l-punt 38 iktar ’il fuq).

77     F’dan ir-rigward, għandu jingħad, mal-Kummissjoni, li dan id-direttur kien attur u xhud privileġġat tal-ftehim. Fil-fatt, per eżempju, mhuwiex inkkontestat li kien waqt il-laqgħa ta’ konċiljazzjoni bejn tnejn mill-partijiet li huwa ppronunċa r-rimarka in kwistjoni. Barra minn dan, l-Artikolu 5 tal-Ftehim kien jipprovdi għall-possibbiltà li parti tibgħatlu kopja ta’ talba ta’ informazzjoni indirizzata lil parti oħra bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni. B’hekk, id-direttur ġie attribwit ir-rwol ta’ konċiljatur bejn il-partijiet.

78     Barra minn dan, fir-rigward ta’ l-allegat karattru żbaljat ta’ din ir-rimarka, safejn il-Ftehim ma kienx jirrigwarda l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet, huwa suffiċjenti li jingħad li, fid-dawl ta’ Dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni dwar Battin u dwar il-birreriji barranin, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu kredibbilment li l-Ftehim ma kienx jirrigwarda l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet. F’dak li jirrigwarda s-sentenza Bilger, iċċitata iktar ’il fuq, li ġiet invokata sabiex isaħħaħ din it-teżi, din hija irrilevanti, b’mod partikolari safejn titratta akkordju vertikali, meta l-ftehim huwa ta’ natura orizzontali.

79     Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma rnexxilhom jippruvaw ebda mill-elementi fattwali kkunsidrati mill-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni, sabiex jikkonkludi li l-Ftehim kellu bħala għan iż-żamma tal-klijenti.

80     Jeħtieġ li issa jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra invokati mir-rikorrenti sabiex isaħħu din il-parti ta’ l-ewwel motiv.

81     F’dak li jirrigwarda t-tliet raġunijiet li fuqhom il-Ftehim huwa bbażat, imsemmija fil-punti 47 sa 51 aktar ’il fuq, hemm lok li jingħad li, anki kieku kienu ppruvati, dawn mhumiex ta’ natura li jiġġustifikaw ftehim li għandu għan anti-kompetittiv. Fil-fatt, mhux aċċettabbli li impriżi jippruvaw jikkumpensaw għall-effetti tar-regoli ġuridiċi li huma jqisu bħala eċċessivament sfavorevoli permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim li għandhom bħala għan li jikkorreġu dawn l-iżvantaġġi bl-iskuża li dawn ir-regoli joħolqu żbilanċ għad-detriment tagħhom (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Frar 1995, SPO et. vs il-Kummissjoni, T‑29/92, Ġabra p. II‑289, punt 256, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) KE, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 487, f’dak li jirrigwarda kriżi fis-suq). Hemm lok li jingħad ukoll li mhux biss ir-rikorrenti, iżda wkoll l-operaturi ekonomiċi kellhom jaffaċċaw id-diffikultajiet li l-Ftehim kellu l-għan li jirrimedja.

82     Fl-aħħarnett, għandu jingħad ukoll mal-Kummissjoni, , li mill-atti jirriżulta li, kif ser jiġi spjegat fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-moti, il-Ftehim kien intiż sabiex japplika wkoll fin-nuqqas ta’ "klawsola tal-birra" u li l-għan ma kienx illimita sabiex jirrimedja t-tliet problemi msemmija mir-rikorrenti, imsemmija aktar ’il fuq fil-punti 47 sa 51.

83     Safejn l-argumenti tar-rikorrenti, kif ippreċiżati waqt is-seduta, għandhom ikunu mifhuma fis-sens li l-għan tal-Ftehim kien dak li terġa’ tiġi stabbilita, fil-konfront tat-tliet problemi msemmija aktar ’il fuq, sitwazzjoni ġuridika li kienet konformi mar-Regolament Nru 1984/83, jeħtieġ li jingħad li l-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tal-ftehim tmur lil hinn sewwa minn dak li hu permess mill-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament. Minbarra dan, dan ir-regolament jippermetti biss ċerti restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni fir-relazzjoni vertikali bejn il-bejjiegħ bl-imnut u l-fornitur (ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 1 u 6), filwaqt li l-Ftehim jikkostitwixxi ftehim orizzontali. F’kull każ, ir-rikorrenti lanqas ma ppruvaw juru li, sabiex jiġu solvuti l-allegati problemi eżistenti fil-livell vertikali, kien indispensabbli li jintuża akkordju orizzontali.

84     Ir-rikorrenti jsostnu sussegwentement li l-għan waħdieni tal-ftehim kien dak li jiġu rispettati l-esklussivitajiet kuntrattwalment ikkonsentiti bejn operatur ta’ stabbiliment li jbiegħ ix-xorb u birrerija. Min-naħa l-oħra, il-ftehim kien ikun ġustifikat min-neċessità li tiġi ppreservata l-lealtà kummerċjali.

85     F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jingħad li, anki jekk wieħed jissupponi li dawn iċ-ċirkostanzi ġew aċċertati, il-konklużjoni li l-Ftehim kellu bħala għan li jillimita l-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni ma tistax tkun invalidata mill- allegat fatt li hija kellha għan leġittimu (ara, f’dan is-sens is-sentenza IAZ et vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25). Is-sentenza Delimitis, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tiġi invokata effettivament mir-rikorrenti, peress li din kienet ingħatat f’kawża li kienet tikkonċerna relazzjonijiet vertikali, filwaqt li din il-kawża tikkonċerna akkordju orizzontali. Barra minn dan, ir-referenza magħmula minn Brasserie nationale għas-sentenzi Cassis de Dijon u Wouters et, iċċitati iktar ’il fuq, għandha tiġi miċħuda. Peress li ġie aċċertat li l-għan ta’ akkordju jikkostitwixxi, fih innifsu, restrizzjoni tal-kompetizzjoni, bħal qsim ta’ klijentela, dan l-akkordju ma jistax bis-saħħa tar-regola tar-raġonevolezza (rule of reason), jevita l-provvedimenti ta’ l-Artikolu 81(1) KE, minħabba l-fatt li kellu wkoll għanijiet oħra, bħal dawk li huma s-suġġett ta’dawn is-sentenzi.

86     Fir-rigward ta’ l-argument ibbażat fuq is-sentenza Institut des mandataires agréés vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, hemm lok li jingħad, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 5(c) tal-Kodiċi ta’ kondotta professjonali ta’ l-IMA kien jinkludi biss projbizzjoni li jiġu offruti servizzi mhux solleċitati għall-kwistjonijiet li diġà qed jiġu trattati minn mandatarju ieħor (punt 89). Tali projbizzjoni hija ’l bogħod milli tkun komparabbli ma’ dawk imposti mill-Ftehim. Fil-fatt, fil-kawża msemmija, il-projbizzjoni kienet tikkonċerna biss l-inizzjattiva li jiġi ssolleċitat klijent, filwaqt li l-Ftehim kien jipprojbixxi lill-partijiet, b’mod partikolari, li jwieġbu għal talba li jsir f’kuntratt. Fit-tieni lok, din il-projbizzjoni kienet ibbażata b’mod partikolari fuq raġunijiet ta’ ordni ta’ professjonisti, b’differenza mill-ftehim, li kien jipprovdi għal qsim ta’ klijentela. Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

87     Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti jikkontestaw li l-benefiċċju tal-Ftehim kien riservat għall-birreriji nazzjonali (premessa 62 tad-Deċiżjoni). F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad li din il-kontestazzjoni mhijiex motivata suffiċjentement. Jekk ir-rikorrenti jallegaw li l-Ftehim kien miftuħ għall-birreriji kollha preżenti fil-Lussemburgu, għandu jiġi nnutat li hija ma ġietx iffirmata minn ebda birrerija barranija. L-argument ibbażat fuq il-fatt li żewġ birreriji Lussemburgiżi ma kienux esklużi mill-Ftehim wara li ġew akkwistati minn birrerija barranija ma jurix li birreriji barranin setgħu bħala tali jissieħbu fil-ftehim. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 11 li kien jipprovdi għall-esklużjoni ta’ parti fil-Ftehim f’każ ta’ teħid tal-kontroll minn kumpannija barranija jew f’każ ta’ kooperazzjoni ma’ birrerija barranija, juri li l-Ftehim kien ikkunsidrat bħala riservat biss għall-birreriji nazzjonali. Il-fatt li dan l-Artikolu ma ġie impplimentat jimmodifika din il-konstatazzjoni.

88     Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-ebda wieħed mill-argumenti invokati sabiex isaħħu t-tielet parti ta’ l-ewwel motiv ma jista’ jiġi milqugħ. Għaldaqstant, din għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq il-kwalifikazzjoni allegatament żbaljata tal-Ftehim li għandha bħala għan li jwaqqaf il-penetrazzjoni tas-settur Horeca Lussemburgiż (ir-raba’ parti ta’ l-ewwel motiv)

89     Għandu jingħad li, permezz tad-Dikjarazzjoni ta’ intenzjoni dwar il-birreriji barranin, il-partijiet irriservaw favur xulxin il-prijorità fin-negozjar u l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ forniment ma’ operatur ix-xorb marbut ma’ wieħed minnhom li jkun ser jidħol f’kuntratt ma’ birrerija barranija. Id-Dikjarazzjoni ta’ intenzjoni dwar Battin kienet tipprovdi l-possibiltà li l-Ftehim fir-rigward ta’ Battin jintemm f’każ ta’ modifika tat-termini tad-distribuzzjoni minnha ta’ ċerti birrer barranin. Fl-aħħarnett, l-Artikolu 11 tal-Ftehim jipprovdi għall-possibiltà ta’ tmiem tal-Ftehim fil-każ ta’ teħid ta’ kontroll minn kumpannija barranija jew ta’ kooperazzjoni ma’ birrerija barranija.

90     Minbarra dan, hemm lok li jingħad, kif ġustament qalet il-Kummissjoni, li l-mekkaniżmu stabbilit mid-Dikjarazzjoni ta’ intenzjoni dwar il-birreriji barranin kien jirrigwarda biss il-birrerija barranija li tixtieq tikkonsenja lil operatur ta’ stabbiliment li jbiegħ ix-xorb Lussemburgiż, iżda ma kienx jipproteġi l-birrerija barranija li bi klijent Lussemburgiż li huwa operatur ta’ stabbiliment li jbiegħ ix-xorb li jkun se jforni ruħu mingħand birrerija Lussemburgiża.

91     F’dawn iċ-ċirkostanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball ta’ dritt meta qieset li l-Ftehim kellu bħala għan li jwaqqaf il-penetrazzjoni tas-settur Horeca Lussemburgiż mill-birreriji barranin.

92     L-ebda argument tar-rikorrenti ma jista’ jinvalida din il-konklużjoni.

93     Għald Għal dak li jirrigwarda fl-ewwel lok, l-argument li l-Ftehim kien intiż biss li sabiex jimpedixxi l-ksur tal-"klawsoli tal-birra" mill-birreriji barranin, hemm lok li qabel kollox jingħad li, fil-fatt dan ma jreġix, peress li, kif ser jiġi muri fl-analiżi tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, il-ftehim kien japplika wkoll fin-nuqqas ta’ "klawsola tal-birra".

94     Minbarra dan, għandu jiġi enfasizzat, kif ġie nnutat fil-kuntest taċ-ċaħda tat-tielet parti ta’ dan il-motiv, li, anki jekk wieħed jikkunsidra ċ-ċirkostanza mressqa mir-rikorrenti bħala eżatta, din ma tistax tiġġustifika l-għan restrittiv tal-Ftehim, hekk kif għadu kif ġie kkonstatat.

95     Fl-aħħarnett, billi jsostni li l-Ftehim kien intiż li jippreserva l-possibbiltà għall-birrerija Lussemburgiża li twieġeb għall-offerta ta’ operatur ta’ stabbiliment li jbiegħ ix-xorb li għandu l-intenzjoni li jidħol f’kuntratt ma’ birrerija barranija, ir-rikorrenti qegħdin jammettu huma nfushom li l-ftehim kien restrittiv fl-għan tiegħu. Fil-fatt, billi jħares din il-possibiltà, il-ftehim kien iġib miegħu, minnu nnifsu modifika tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-birrerija barranija kkonċernata.

96     Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Ftehim kien iġġustifikat mis-sitwazzjoni eċċezzjonali tal-Lussemburgu u mis-sitwazzjoni anormali li tirriżulta min-nuqqas ta’ lealtà ta’ l-operaturi ta’ stabbilimenti li jbiegħu x-xorb. Barra minn dan, huma jsostnu li l-Artikolu 11 tal-Ftehim qatt ma daħal fis-seħħ. Brasserie nationale żżid li l-ftehim ma jwaqqafx lill-birreriji barranin milli jidħlu f’kuntratti.

97     Fir-rigward ta’ dawn l-argumenti kollha, għandu jingħad mill-ġdid li, anki jekk jiġu aċċettati, huma ma jistgħux jiġġustifikaw l-għan restrittiv tal-Ftehim kif jirriżulta mill-elementi fattwali msemmija mill-Kummissjoni u mhux ikkontestati mir-rikorrenti. Aktar speċifikament, hemm lok li jingħad li l-allegazzjoni li dan il-Ftehim ma waqqafx lill-birreriji barranin milli jidħlu f’kuntratti hija irrilevanti, meta l-Ftehim kellu bħala għan li jillimita l-kompetizzjoni, u b’hekk m’hemmx bżonn li jiġi eżaminat jekk huwa kellux ukoll bħala effett li jillimitaha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs il-Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 231).

98     Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jirrepetu l-argument li l-awtorità tad-direttur tal-FBL tista’ tiġi kkontestata. Brasserie nationale żżid li r-rimarka tad-direttur imsemmija fil-premessa 68 tad-Deċiżjoni torbot biss lid-direttur stess u mhijiex rappreżentattiva ta’ l-opinjoni ta’ Brasserie nationale.

99     F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad li, fir-rigward tal-kontestazzjoni ta’ l-awtorità tad-direttur tal-FBL, din għandha tiġi miċħuda għar-raġunijiet imsemmija fil-kuntest ta’ ċaħda tal-parti preċedenti ta’ dan il-motiv. Min-naħa ’l oħra, hekk kif inhu msemmi fl-istess premessa 68 tad-Deċiżjoni, din ir-rimarka intqalet waqt laqgħa ta’ konċiljazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim. Għalhekk hemm lok li din titqies għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ġuridika tagħha. Meta għamlet dan, il-Kummissjoni fl-ebda mod ma kkunsidrat din ir-rimarka bħala rappreżentattiva ta’ l-opinjoni ta’ Brasserie nationale.

100   Fir-raba’ lok, Brasserie nationale ssostni li, f’dak li jirrigwarda d-Dikjarazzjoni ta’ l-intenzjoni dwar Battin, l-ewwel inċiż paragrafu tagħha jinkoraġixxi, preċiżament, il-penetrazzjoni fil-Lussemburgu ta’ birer barranin. Il-kelma "ekwilibriju" użata fit-tieni paragrafu kienet timplika biss ix-xewqa li tiġi mħarsa l-possibbiltà għall-offerta nazzjonali li tkun preżenti meta stabbiliment li jbiegħ ix-xorb huwa miftuħ għall-kompetizzjoni.

101   F’dan ir-rigward huwa suffiċjenti li jingħad li, anki jekk din id-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni kienet effettivament tippermetti d-distribuzzjoni minn Battin ta’ ċerti birer barranin, xorta kienet tirriżulta f’restrizzjoni konsiderevoli tal-libertà ta’ Battin li taġixxi u għalhekk, f’restrizzjoni għall-kompetizzjoni.

102   Fl-aħħarnett, Brasserie nationale ssostni li d-Deċiżjoni fiha kontradizzjoni ta’ motivi safejn hija twissi lill-partijiet talli jirrifjutaw lill-birreriji barranin vantaġġi li huma, min-naħa l-oħra, ikkunsidrati inammissibbli bejn birreriji nazzjonali.

103   F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, anki jekk il-ftuħ tal-garanzija offerta mill-"klawsoli tal-birra" lill-birreriji barranin kienet forsi tista’ ssaħħaħ in-natura restrittiva ta’ din il-garanzija, xorta waħda l-Artikolu 11 tal-Ftehim u d-Dikjarazzjoni ta’ intenzjoni dwar Battin kienu jippermettu l-esklużjoni tal-birreriji barrranin minn "vantaġġi", anki illeġittimi, ta’ din il-garanzija f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-klijentela, u għaldaqstant li titwaqqaf il-penetrazzjoni tagħhom tas-settur Horeca fil-Lussemburgu.

104   Għaldaqstant ir-raba’ parti ta’ l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq in-nuqqas ta’ teħid in konsiderazzjoni tal-kuntest tal-Ftehim fl-evalwazzjoni ta’ l-għan tiegħu (l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv)

105   Hemm lok li jiġi mfakkar li l-premessa 47 tad-Deċiżjoni, intitolata "Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tagħha", tgħid li l-Ftehim kellu bħala għan, fl-ewwel lok, iż-żamma tal-klijentela rispettiva tal-partijiet fis-settur Horeca Lussemburgiż u, fit-tieni lok, li jwaqqaf il-penetrazzjoni ta’ dan is-settur mill-birreriji barranin. Din l-istess premessa tirreferi għall-ewwel għan li ġie identifikat, fil-premessi 48 sa 66 u, għat-tieni, fil-premessi 67 sa 73 tad-Deċiżjoni.

106   Għaldaqstant, mill-istruttura tad-Deċiżjoni jirriżulta li, għal kuntrarju ta’ dak li jridu jagħtu x’jifhem l-argumenti tar-rikorrenti, l-identifikazzjoni ta’ l-għan tal-Ftehim ma tinsabx biss fil-premessi 59 sa 62, iżda tirrizulta mill-premessi 47 sa 73 kollha.

107   Sempliċi qari f’daqqa ta’ dawn l-aħħar premessi juri li r-rikorrenti ma jistgħux validament jallegaw li l-kuntest tal-Ftehim baqa’ barra mill-evalwazzjoni ta’ l-għan tiegħu. F’dan ir-rigward qed issir riferenza għas-sunt tal-premessi 48 sa 73 tad-Deċiżjoni, kif espost fil-punti 30 sa 40 hawn fuq.

108   Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi mfakkar li l-elementi tal-kuntest li, skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma ħaditx suffiċjentement in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ l-għan tal-ftehim huma, rispettivament, il-vitalità tas-settur ikkonċernat f’dak li jirrigwarda l-ishma fis-suq, il-ftuħ uniku tas-settur għall-importazzjonijiet u l-eżistenza ta’ numru konsiderevoli ta’ stabbilimenti li jbiegħu x-xorb li mhumiex marbuta mal-partijiet. Madankollu, dawn l-elementi tal-kuntest ma jirreferux għall-kwistjoni dwar x’inhu l-għan tal-Ftehim, iżda għal dik ta’ l-effetti tiegħu. Skond il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni hija eżentati milli teżamina l-effetti ta’ akkordju li hu anti-kompetittiv minħabba l-għan tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Volkswagen vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 231). Min-naħa l-oħra, dan mhux ikkontestat mir-rikorrenti, li jammettu li huwa superfluwu li jiġu murija l-effetti ta’ akkordju li hu restrittiv minħabba l-għan tiegħu.

109   Għandu jingħad ukoll li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma ħaditx suffiċjentement in kunsiderazzjoni l-elementi tal-kuntest, mhumiex fondati. Fil-fatt, fil-punti 23 sa 25 tas-sentenza IAZ et vs il-Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, li ġew invokati mir-rikorrenti, jingħadd li "kemm il-kontenut tal-ftehim [in kwistjoni fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza] kif ukoll l-oriġini u ċ-ċirkostanzi tad-dħul fis-seħħ tagħha" kienu ġew meħudha in kunsiderazzjoni. Il-Kummissjoni qieset preċiżament l-elementi bħal dawn sabiex tikkonkludi li l-Ftehim kien restrittiv minħabba l-għan tiegħu. F’dan ir-rigward, issir referenza mill-ġdid għar-rendikont tal-premessi 48 sa 73 tad-Deċiżjoni, imsemmija iktar ’il fuq.

110   Għaldaqstant l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti ta’ l-ewwel motiv jiġifieri li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet żbaljatament li l-ftehim kien japplika fin-nuqqas ta’ "klawsola tal-birra"

 Id-Deċiżjoni kkontestata

111   Fid-Deċiżjoni, jiġi kkunsidrat li, skond il-minuti tal-laqgħa tal-FBL tas-7 ta’ Ottubru 1986, kif emendati minn dawk tal-laqgħa tal-FBL tat-2 ta’ Diċembru 1986, il-partijiet qablu dwar interpretazzjoni aktar wiesa tal-frażi "klawsola tal-birra" minn dik prevista fl-Artikolu 2 tal-Ftehim. Skond id-Deċiżjoni, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata b’ittra indirizzata fit-23 ta’ Ottubru 1991 minn Wiltz lill-FBL (premessa 9).

 L-argumenti tal-partijiet

112   Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonkludiet li l-Ftehim kien japplika fil-każ ta’ nuqqas ta’ "klawsola tal-birra" debitament konkluża u fis-seħħ.

113   Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, jekk jista’ jirriżulta akkordju minn dokument li mhux test formali, huwa meħtieġ li jiġi vverifikat jekk dan huwiex l-"espressjoni fidila tal-volontà komuni" tal-partijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punti 110 sa 114, u tad-29 ta’ Ottubru 1980, Van Landewyck et vs il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 86). Skond ir-rikorrenti, m’hemmx volontà bħal din hawnhekk. Fil-fatt, ir-rikorrenti l-ewwelnett jgħidu, li l-minuti tal-laqgħa tal-FBL tas-7 ta’ Ottubru 1986, imsemmija fil-premessa 9 tad-Deċiżjoni, jgħidu li "peress li t-tliet dokumenti li kienu inżammew sospiżi […] [kienu] approvati u għandhom jiġu ffirmati waqt il-laqgħa li jmiss", fatt li huwa msemmi fil-minuti tal-laqgħa tal-FBL tat-2 ta’ Diċembru 1986, li huma msemmija wkoll fil-premessa 9 tad-Deċiżjoni, billi jgħidu li "il-partijiet ipproċ[edew] għall-firma ta’ [l-imsemmija dokumenti]". Skond ir-rikorrenti, firma bħal din tikkostitwixxi formalità li mingħajrha ma tista’ tiġi identifikata l-ebda volontà komuni tal-partijiet. Huma jinnutaw li l-ebda miż-żewġ minuti tal-laqgħat imsemmija iktar ’il fuq ma jirreferu għal firma bħal din, sa fejn l-interpretazzjoni tal-Ftehim, hekk kif tirriżulta mill-minuti tal-laqgħat, hija kkonċernata, u għalhekk din l-interpretazzjoni ma tistax tkun diżassoċjata mit-tliet dokumenti msemmija. Minbarra dan, huma josservaw li mill-minuti tal-laqgħa tal-FBL tat-2 ta’ Diċembru 1986, imsemmija iktar ’il fuq, jirriżulta li t-test imsemmi fil-punt 2 tal-minuti tal-laqgħa preċedenti tal-FBL kien is-suġġett ta’ preċiżazzjonijiet. Dan l-aħħar test għaldaqstant ma ġiex adottat la wara l-ewwel laqgħa u lanqas wara t-tieni laqgħa. Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti jgħidu li l-kliem użat fl-ittra tat-23 ta’ Ottubru 1991 indirizzata minn Wiltz lill-FBL, imsemmija fil-premessa 9 tad-Deċiżjoni, hija intitolata "Propożizzjoni". Huma jżidu li fiha hemm iż-żewġ proposti interpretattivi li jidhru fil-minuti msemmija, b’verżjonijiet mqassra u mtejba. Skond ir-rikorrenti, Wiltz ma kellha l-ebda interess li tressaq din il-proposta kieku dawn il-minuti kienu diġà rriżultaw fl-estensjoni kkontestata.

114   F’dak li jirrigwarda l-allegata ammissjoni ta’ l-estensjoni kkontestata minn Wiltz, ir-rikorrenti jirrispondu li, fid-dikjarazzjoni kkonċernata, intuża l-kondizzjonal. Fir-rigward ta’ l-allegata ammissjoni ta’ din l-estensjoni min-naħa ta’ Brasserie nationale, din tirrispondi li, fid-dikjarazzjoni kkonċernata, hija tindika biss l-oriġini tal-proposta ta’ estensjoni bħal din, u li l-kliem "hija aċċettat [li] tiffirma" u "dan ma waqqaf[hiex] milli tiffirma" kienu jindikaw biss il-kunsens tagħha li tiffirma fil-ġejjieni.

115   Meta tirreferi għall-korrispondenza li tinsab fl-atti, Brasserie nationale tgħid ukoll li qatt ma kien hemm kontroversja bejn il-partijiet fin-nuqqas ta’ kuntratt iffirmat.

116   Fl-aħħarnett, Brasserie nationale tallega li l-Kummissjoni stess irrikonoxxiet li l-Ftehim ma japplikax fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ "klawsola tal-birra", safejn fil-premessa 92 tad-Deċiżjoni, huwa affermat li "l-portata tal-ksur [kien] limitat […] biss għall-istabbilimenti li jbiegħu x-xorb marbuta mal-partijiet permezz ta’ klawsola esklussiva ta’ xiri".

117   Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-parti ta’ l-ewwel motiv.

 Il-kunsiderazzjonijet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

118   Skond ġurisprudenza kostanti, sakemm hemm ftehim, fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE, huwa suffiċjenti li l-impriżi kkonċernati jkunu esprimew il-volontà komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod stabbilit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ACF Chemiefarma vs il-Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, punt 112, u Van Landewyck et vs il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 86; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs il-Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 256, u tas-26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs il-Kummissjoni, T‑41/96, Ġabra p. II‑3383, punt 67). Għal dak li jirrigwarda l-forma ta’ l-espressjoni ta’ l-imsemmija volontà komuni, huwa suffiċjenti li stipulazzjoni tkun l-espressjoni tal-volontà tal-partijiet li jġibu ruħhom fis-suq konformement ma’ din l-istess volontà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ACF Chemiefarma vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 112; Van Landewyck et vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86, u Bayer vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

119   Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ ftehim, fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE, kif ġie interpretat mill-ġurisprudenza, huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ qbil tal-volontajiet ta’ għall-inqas bejn żewġ partijiet, bil-forma ta’ manifestazzjoni li mhijiex importanti sakemm tikkostitwixxi l-espressjoni fidila tagħhom (sentenza Bayer vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

120   F’din il-kawża għandu l-ewwelnett jingħad li l-minuti tal-laqgħa tal-FBL tas-7 ta’ Ottubru 1986, msemmija iktar ’il fuq, jgħidu dan li ġej:

" 2)      Il-Klawsola tal-Birra

It-tliet dokumenti li kienu nżammu sospiżi […] huma approvati u ser ikunu iffirmati waqt il-laqgħa li jmiss.

Barra minn dan, ġie miftiehem li jiġu ammessi u assimilati mal-‘klawsola tal-birra’ :

–       l-operazzjoni li tikkonsisti fil-kiri u f’parteċipazzjoni finanzjara fit-tagħmir ta’ kafetterija – mingħajr ma tissemma espressament ‘klawsola tal-birra’,

–       l-akkwist minn birrerija ta’ dritt ta’ cabaretage, b’investiment ta’ flus, mingħajr ma tissemma espressament ‘klawsola tal-birra’.

Dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet jagħmlu parti integrali mid-dispożizzjonijiet eżistenti f’dan il-qasam."

121   Il-minuti tal-laqgħa tal-FBL tat-2 ta’ Diċembru 1986, imsemmija iktar ’il fuq, (is-siltiet huma l-istess bħall-oriġinal) :

" 1) Il-minuti tal-laqgħa tas-7 ta’ Ottubru 1986 jeħtieġu s-segwenti modifiki:

[…] Punt 2) – l-ewwel sub-inċiż

–       "l-operazzjoni li tikkonsisti fil-kiri u l-parteċipazzjoni fit-tagħmir ta’ kafetterija - mingħajr ma ‘klawsola tal-birra’ tissemma espressament, per eżempju, il-birrerija X tikri immobbli u tipparteċipa finanzjarjament fir-rinnovament ta’ l-immobbli għalll-użu li huwa destinat għalih, iżda ma tikkonkludix jew ma tasalx li tikkonkludi obbligu mas-sid.

It-tieni sub-inċiż

ser jistipula li ġej:

–       l-akkwist minn birrerija ta’ dritt ta’ cabaretage, mingħajr ma ‘klawsola tal-birra’ tissemma espressament.

2) Il-birreriji jipproċedu għall-firma [tat-tliet dokumenti msemmija fil-punt 2 tal-minuti tal-laqgħa tas-7 ta’ Ottubru 1986].

Il-birreriji kollha rċevew kopja ta’ dawn id-dokumenti iffirmati u l-oriġinali ta’ dawn id-dokumenti ser jibqgħu għand l-[FBL]. Dawn id-dokumenti huma ta’ karattru kunfidenzjali."

122   L-ittra indirizzata minn Wiltz lill-FBL fit-23 ta’ Ottubru 1991, imsemmija aktar ’il fuq, tgħid:

"Proposta :

B’referenza għall-Artikolu 2 tal-Ftehim, il-birriera jiftiehmu li jammettu u jassimilaw mal-‘klawsola tal-birra’

–       l-operazzjoni li tikkonsisti fid-dħul f’kirja;

–       it-tpoġġija għad-dispożizzjoni minn birrerija, taħt kull (tip ta’) titolu, ta’ dritt ta’ cabaretage."

123   Għalhekk jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ l-elementi mressqa mir-rikorrenti, il-Kummissjoni wriet suffiċjentement skond il-liġi l-eżistenza ta’ qbil tal-volontajiet tal-partijiet fuq l-applikazzjoni tal-Ftehim, anki fin-nuqqas ta’ ‘klawsola tal-birra’ debitament konkluża u fis-seħħ.

124   Għandu jingħad li l-minuti tal-laqgħa tal-FBL tas-7 ta’ Ottubru 1986 jgħidu speċifikament li l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim imsemmi fihom kien "maqbul" u li "[kien] jagħmel parti integrali mill-[istipulazzjonijiet] li kienu jeżistu f’dan il-qasam". La dawn il-minuti u lanqas dawk tal-laqgħa tal-FBL tat-2 ta’ Diċembru 1986 ma jipprovdu xi formalizzazzjoni ta’ dan l-akkordju. Għalhekk, il-fatt li l-ewwel minuti jipprovdu wkoll li ċerti dokumenti li huma msemmija fihom "[ser ikunu] approvati u ffirmati" huwa irrilevanti. Bl-istess mod, il-fatt li t-tieni minuti jinkludu modifiki (li huma relattivament żgħar) ikkomparat tat-test ta’ l-ewwel minuti mhux ta’ natura li jinvalida l-akkordju li diġà laħqu l-partijiet fuq it-test hekk immodifikat.

125   Minbarra dan, kif tgħid il-premessa 29 tad-Deċiżjoni, kemm Brasserie nationale kif ukoll Wiltz ammettew li l-Ftehim kien japplika wkoll għal ċerti relazzjonijiet birrerija-operatur ta’ stabbiliment li jbiegħ ix-xorb fejn ma kienx hemm kuntratt ta’ provvista jew "klawsola tal-birra".

126   Fil-fatt, fir-risposta tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni wara s-smigħ, Brasserie nationale ddikjarat, dwar il-każ fejn ikun hemm kirja u finanzjament mill-birrerija, iżda mhux kuntratt bi "klawsola tal-birra":

"F’dan il-każ, skond it-testi ta’ l-1986 [jiġifieri iż-żewġ minuti msemmija iktar ’il fuq], hemm lok ukoll li jiġi kkunsidrat li hemm ‘klawsola tal-birra’ fis-sens tal-Ftehim. Din il-klawsola hija, għandu jiġi ammess, a priori sorprendenti, peress li l-ebda birrar ma jinvesti mingħajr kuntratt […] La darba ntqal dan, din il-klawsola stramba qatt ma […] ġiet applikata. Fir-realtà, dak li kien ikkontemplat kienet l-ipoteżi surreali immaġinata minn […] L-ipoteżi ta’ xogħol ta’ din il-persuna kienet evidentement surreali, iżda peress li [Brasserie nationale] ma kellhiex l-intenzjonijiet li attribwit lilha, hija aċċettat [li] tiffirma t-test ikkonċernat […] Dan ma waqqafx lill-[Brasserie nationale] li tiffirma, peress li hi ma kelliex l-intenzjoni li taġixxi skond l-ipoteżi kkontemplata mill-klawsola kkonċernata […]"

127   Wiltz, min-naħa tagħha, iddikjarat, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-ilmenti, dan li ġej:

"Il-[Ftehim] seta’ aktar jiġi kkunsidrat fis-sens ta’ l-interpretazzjoni tal-frażi ‘klawsola tal-birra’ miftiehma bejn [il-] partijiet waqt il-[laqgħat tal-FBL tas-]7 ta’ Ottubru u tat-2 ta’ Diċembru 1986, iżda, hemm ukoll, l-għan uniku u leġittimu kien li tiġi ggarantita l-informazzjoni destinata sabiex tipprevjeni l-insigurtà ġuridika fil-każ ta’ investimenti kbar."

128   F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li, fid-dikjarazzjoni ċċitata fil-punt preċedenti, Wiltz użat il-kondizzjonali, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, f’din l-istess dikjarazzjoni, Wiltz irreferiet espressament "għall-interpretazzjoni tal-frażi ‘klawsola tal-birra’ miftiehma bejn [il-] partijiet".

129   Brasserie nationale ssostni wkoll li, fid-dikjarazzjoni tagħha ċċitata fil-punt 126 aktar ’il fuq, hija ma indikatx li l-oriġini tal-proposta ta’ estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim fil-każ ta’ nuqqas ta’ "klawsola tal-birra", u li l-frażi "hija aċċettat [li] tiffirma" u "[dan] ma waqqaf[hiex] [milli] tiffirma" kienet turi biss l-aċċettazzjoni tagħha li tiffirma din il-proposta fil-ġejjieni.

130   Dawn l-argumenti għandhom ukoll ikunu miċħuda. Fiċ-ċirkostanzi ta’ din il-kawża, id-dikjarazzjoni ċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tinvalida l-konstatazzjoni tal-kunsens ta’ Brasserie nationale għall-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim wara l-laqgħat tas-7 ta’ Ottubru u tat-2 ta’ Diċembru 1986. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li mhux importanti li jkun magħruf minn kien hemm wara l-proposta ta’ l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim peress li jista’ jiġi stabbilit l-qbil tal-volontajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-1 ta’ Frar 1978, Miller vs il-Kummissjoni, 19/77, Ġabra p. 131, punt 7, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Lulju 1994, Parker Pen vs il-Kummissjoni, T‑77/92, Ġabra p. 549, punt 37).

131   F’kull każ, anki jekk jiġi supponut li Brasserie nationale ma aċċettatx l-estensjoni ta-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, hija kellha turi d-diżassoċċjazzjoni tagħha fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni l-ġdida tal-"klawsoli tal-birra" (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 1353, u l-ġurisprudenza ċċitata). M’hemmx dubju li dan ma kienx il-każ.

132   Barra minn dan, jekk l-imsemmija estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ma ġietx deċiża bejn il-partijiet, mela loġikament, Brasserie nationale ma kinitx tirreferi, fil-konfront tal-Kummissjoni, għall-unika nuqqas ta’ l-applikazzjoni ta’ din l-estensjoni.

133   F’dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq l-ittra ta’ Wiltz, imsemmija aktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li Wiltz setgħet għamlet il-proposta msemmija f’din l-ittra mhux għar-raġuni msemmija mir-rikorrenti, iżda sabiex timmodifika t-test li kien jirriżulta preċiżament miż-żewġ minuti iċċitati. Barra minn dan, għandu jiġi kkostatat li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, din il-proposta ta’ Wiltz ma tinkludix biss it-titjib fl-abbozzar. B’hekk, skond din il-proposta, l-"operazzjoni tikkonsisti fid-dħul għal kirja" hija assimilata ma’ "klawsola tal-birra", meta l-minuti tal-laqgħa tal-FBL tat-2 ta’ Diċembru 1986 jipprovdu li l-"operazzjoni li tikkonsisti fil-kiri u l-parteċipazzjoni finanzjarja fit-tagħmir ta’ kafetterija u li għandha tiġi assimilatat ma’ klawsola bħal din". Issa, din il-modifika ma tistax tiġi ikkunsidrata biss bħala modifika fl-abbozzar.

134   Fl-aħħarnett, f’dak li jirrigwarda l-allegat għarfien mill-Kummissjoni li l-Ftehim ma kienx japplika fil-każijiet ta’ assenza ta’ "klawsola tal-birra", hemm lok li jingħad li, anki jekk il-kliem użat fil-premessa 92 tad-Deċiżjoni jiġifieri li "l-portata tal-ksur hija limitata […] biss għal stabbilimenti li jbiegħu ix-xorb marbuta mal-partijiet b’klawsola ta’ xiri esklussiv" forsi mhuwiex adattat, minn sempliċi qari tal-premessi 9 u 48 sa 63 flimkien u, partikolarment, tar-referenza magħmula, mill-premessa 50 għall-premessa 9, jirriżuta li l-Kummissjoni kienet ta’ l-opinjoni li l-Ftehim kien japplika wkoll fin-nuqqas ta’ "klawsola tal-birra". Minbarra dan, għandu jiġi mfakkar li, permezz ta’ din il-parti ta’ l-ewwel motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw din l-opinjoni. Ghalhekk, huma ma jistgħux validament isostnu f’mod validu li l-Kummissjoni kellha opinjoni differenti.

135   Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma ressqux elementi ta’ natura li jikkontestaw il-konstatazzjoni mill-Kummissjoni ta’ l-eżistenza ta’ qbil tal-volontajiet tal-partijiet dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim, anki fin-nuqqas ta’ "klawsola tal-birra" debitament konkluża u fis-seħħ.

136   Għaldaqstant, it-tieni parti ta’ l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-ħames parti ta’ l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ effett notevoli tal-Ftehim fuq il-kompetizzjoni

 Id-Deċiżjoni kkontestata

137   Id-Deċiżjoni tgħid li l-Ftehim seta’ jxekkel notevolment il-kompetizzjoni fis-settur Horeca Lussemburgiż. F’dan ir-rigward, huwa mfakkar, fl-ewwel lok, li l-partijiet illimitaw il-portata tal-Ftehim għas-settur Horeca Lussemburgiż, li jindika li huma kienu jikkunsidraw li l-pożizzjoni tagħhom f’dan is-settur kienet suffiċjentement importanti u li l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni f’dan is-suq kienu suffiċjentement differenti minn dawk ta’ setturi l-oħra u tal-pajjiżi ġirien sabiex jassiguraw l-effettività tal-ftehim. Fit-tieni lok, huwa muri li, jekk kellhom jitqiesu l-produzzjoni tagħhom u d-distribuzzjoni tagħhom ta’ birer importati, il-partijiet kienu jikkontrollaw ċirka 85 % tal-bejgħ tal-birra fis-settur kkonċernat, u li aktar min-nofs ta’ l-istabbilimenti tax-xorb Lussemburgiżi kienu marbuta magħhom permezz ta’ "klawsola tal-birra" (premessi 74 sa 76).

 L-argumenti tal-partijiet

138   Ir-rikorrenti jsostnu li l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni notevoli għall-kompetizzjoni hija żbaljata u insuffiċjentement motivata. Fil-fatt, huma josservaw li l-Kummissjoni ma ddefinitx is-suq ta’ riferiment. Minbarra dan, huma jallegaw li l-limitazzjoni tal-portata tal-Ftehim għas-settur Horeca ma turi xejn, iżda tikkorrispondi biss għall-firxa tal-problema identifikata mill-partijiet, li, minħabba fiha, huma kienu lesti li jikkooperaw. Minbarra dan, jekk il-perċentwali ta’ 85 % tal-volumi ta’ birra distribwiti mill-partijiet tista’ tidher għolja, il-perċentwali ta’ 40 sa 45 % ta’ stabbilimenti li jbiegħu ix-xorb li huma miftuħa għal birreriji oħra ma tiġġustifikax evalwazzjoni ta’ notevolezza. Barra minn dan, in-nuqqas ta’ l-implimentazzjoni tar-restrizzjoni li tikkonċerna l-birreriji barranin għandu jwassal għall-konklużjoni li r-restrizzjoni ma kinitx notevoli.

139   Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-parti ta’ l-ewwel motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Fuq l-allegat żball ta’ evalwazzjoni

140   F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi mfakkar li impriżi li jikkonkludu ftehim li jkollu bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni ma jistgħux, bħala prinċipju, jevitaw l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE billi jsostnu li l-akkordju tagħhom ma kellux ikollu effett notevoli fuq il-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs il-Kummissjoni, T‑44/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 130 u 196).

141   Fil-fatt, peress li min-naħa waħda, il-Ftehim kellu bħala għan iż-żamma tal-klijentela rispettiva tal-partijiet fis-settur Horeca Lussemburgiż, u min-naħa l-oħra li jwaqqaf il-penetrazzjoni ta’ dan is-settur mill-birreriji barranin, l-eżistenza tiegħu ma kinitx tkun tagħmel sens kieku l-għan tiegħu kien li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-settur b’mod notevoli, jiġifieri b’mod li jkun kummerċjalment utli għalihom (ara, b’analoġija, is-sentenza Mannesmannröhren-Werke vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 131).

–       Fuq l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni

142   Skond ġurisprudenza kostanti, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura ta’ l-att ikkonċernat u għandha toħroġ b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament ta’ l-istituzzjoni, awtriċi ta’ l-att, b’mod li jkun possibbli għall-persuni interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-miżura meħuda u b’mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63).

143   Fir-rigward ta’ l-informazzjoni msemmija fil-premessi 74 sa 76 tad-Deċiżjoni, għandu jiġi kkunsidrat li Brasserie nationale kienet għal kollox f’pożizzjoni li tinvoka argumenti bbażati fuq l-illegalità tal-konklużjoni tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-karattru sensittiv tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

144   Fir-rigward ukoll tal-kritika dwar in-nuqqas ta’ delimitazzjoni tas-suq ikkonċernat, huwa suffiċjenti li jiġi mfakkar li l-obbligu li ssir delimitazzjoni bħal din f’deċiżjoni adottata taħt l-Artikolu 81 KE huwa mpost biss fuq il-Kummissjoni meta, mingħajr tali delimitazzjoni, mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit jekk l-akkordju, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika miftehma kkonċernata tistax tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri u għandhiex bħala għan jew riżultat li tipprevjeni, tirrestrinġi jew tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs il-Kummissjoni, T-213/00, Ġabra p. II-913, punt 206). Issa, f’din il-kawża m’hemmx sitwazzjoni bħal din hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, miċ-ċaħda tat-tielet u r-raba’ partijiet ta’ dan il-motiv.

145   Għaldaqstant, il-ħames parti ta’ l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

146   Peress li l-partijiet kollha ta’ l-ewwel motiv ġew miċħuda, dan għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, u b’hekk għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv.

 2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-ħtieġa ta’ motivazzjoni skond l-Artikolu 253 KE

147   It-tieni motiv jinqasam f’tlett partijiet li jirriżultaw fl-ewwel lok, mill-fatt li l-ksur ma twettaqx deliberatament, fit-tieni lok, minn żball ta’ evalwazzjoni dwar is-serjetà u d-durata tal-ksur u, fit-tielet lok, mill-fatt li ma ġewx applikati l-linji ta’ gwida għall-kalkolu ta’ l-ammendi imposti bis-saħħa ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta’ l-Artikolu 65(5), KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-"linji ta’ gwida") f’dak li jirrigwarda ċirkostanzi attenwanti. Il-motiv invokat fil-kawża T-49/02 jinkludi wkoll ir-raba’ parti, li tirriżulta minn nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ l-ammont inizjali ta’ bażi użat mill-Kummissjoni għall-kalkolu ta’ l-ammendi.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-ksur ma twettaqx deliberatament

 Id-Deċiżjoni kkontestata

148   FFid-Deċiżjoni, huwa kkunsidrat li ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni huwa meqjus li ġie mwettaq deliberatament jekk il-persuni interessati huma konxji li l-att ikkonċernat għandu bħala għan jew effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Mhuwiex importanti li huma jkunu jafu, minbarra dan, li qegħdin jiksru dispożizzjoni tat-Trattat KE. Għal dak li jirrigwarda l-istipulazzjonijiet li jirrigwardaw il-birreriji barranin, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-partijiet ma setgħux jinjoraw l-għan restrittiv ragħhom. Minbarra dan, huma ma ressqu ebda ġustifikazzjoni fir-rigward ta’ dawn l-istipulazzjonijiet. Fir-rigward tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet li jirriżultaw mir-rispett reċiproku tal-"klawsoli tal-birra", huwa meqjus bħala possibbli li, fil-konklużjoni tal-Ftehim u sa Marzu 1996, il-partijiet setgħu kienu mmotivati min-nuqqas ta’ sigurtà ġuridika maħluqa mill-ġurisprudenza Lussemburgiża fuq in-nuqqas ta’ determinazzjoni tal-prezz jew tal-kwantità. Madankollu, f’Marzu 1996, din il-motivazzjoni ma baqgħetx teżisti data tat-tibdil ta’ din il-ġurisprudenza. Għaldaqstant ġie konkluż li l-partijiet wettqu l-ksur deliberatament, anki jekk il-ġurisprudenza Lussemburgiża kurrenti setgħet ħolqot dubju fuq in-natura illegali ta’ ċerti klawsoli għal ċertu perjodu (premessi 89 u 90).

 L-argumenti tal-partijiet

149   Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li huma kienu wettqu l-ksur deliberatament.

150   Fil-fatt, min-naħa waħda, għal dak li jirrigwarda r-restrizzjoni dwar iż-żamma ta’ klijenteli, il-Kummissjoni rrikonoxxiet hija stess li l-ġurisprudenza Lussemburgiża setgħet toħloq dubju fuq in-natura ta’ din ir-restrizzjoni. Filwaqt li jerġgħu isostnu l-asserzjoni li din il-ġustifikazzjoni kellha tkun ammessa mhux sa l-1996 iżda sa nofs l-1998, ir-rikorrenti jżidu li, jekk wieħed isegwi r-raġunament tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni, jista’ jkun hemm ksur imwettaq "deliberatament" fl-aħħar sentejn tad-durata tal-Ftehim. Min-naħa l-oħra, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ikkontestat biss li l-uniku għan tal-Ftehim kien li jiggarantixxi r-rispett tal-"klawsoli tal-birra". Dan l-għan kien leġittimu (sentenza Delimitis, iċċitata iktar ’il fuq).

151   Minbarra dan, ir-rikorrenti jallegaw li huma ta’ daqs tali li l-injoranza tagħhom tad-dritt tista’ tiġi ammessa. Huma jfakkru li, jekk il-premessa 96 tad-Deċiżjoni tikkwalifika l-Brasserie de Luxembourg bħala impriża kbira, din il-karatteristika għall-kuntrarju, ma tapplikax għal ebda mill-partijiet l-oħra. Barra minn dan, ir-rikorrenti qatt ma kellhom konoxxenza tar-restrizzjoni fi rriżultat għall-kummerċ bejn Stati Membri. Brasserie nationale iżżid, fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, li l-Kummissjoni ma wrietx il-kuntrarju.

152   Ir-rikorrenti jallegaw ukoll li l-ebda waħda mill-partijiet ma ppruvat tostakola lill-birreriji barranin. Brasserie nationale żżid li l-ebda waħda mill-partijiet ma kkunsidrat li l-għan li tiġi mħarsa l-possibbiltà ta’ kompetizzjoni nazzjonali seta’ jkun meqjus bħala anti-kompetittiv. Ir-riżerva espressa minn Diekirch fir-rigward tal-legalità tal-Ftehim hija biss formola klassika fl-ittri preliminari fil-kuntest ta’ kontroversja.

153   Fir-rigward tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni jekk ir-rikorrenti aġixxewx deliberatament, Brasserie nationale ssostni li l-argument li, peress li huma kkonċeranti stipulazzjonijiet dwar birreriji barranin, "il-partijiet ma setgħux jinjoraw l-għan restrittiv tagħhom" jirrapreżenta dikjarazzjoni ta’ prinċipju u ma juri xejn u li l-argument li "l-ebda ġustifikazzjoni ma ġiet mressqa mill-partijiet" huwa ineżatt. Skond Brasserie nationale, dawn iż-żewġ ilmenti ma jippermettux li jiġi ammess, li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni tirrispetta l-eżiġenzi ta’ kjarezza u ta’ preċiżjoni. Wiltz u Battin isostnu li l-motivazzjoni kontenuta fil-premessa 89 tad-Deċiżjoni ma tikkostitwixxix dimostrazzjoni. Għalhekk l-Artikolu 253 KE ma ġiex irrispettat.

154   Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-parti tat-tieni motiv.

 Il-kunsiderazzjonijet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Fuq l-allegat żball ta’ evalwazzjoni

155   Hija ġurisprudenza kostanti li, sabiex jista’ jiġi kkunsidrat li twettaq deliberatament ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat KE mhux neċessarju li l-impriża kienet konxja li qed tirrestrinġi l-kompetizzjoni, iżda huwa suffiċjenti li hija ma setgħatx tinjora li l-imġiba li qed tiġi akkużata biha kellha bħala għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, u ftit huwa importanti li jiġi stabbilit jekk l-impriża kellhiex l-konoxxenza tal-ksur ta’ l-Artikolu 81 KE (is-sentenza Miller vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Ferriere Nord vs il-Kummissjoni, T‑143/89, Ġabra p. II‑917, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

156   Kif jirriżulta miċ-ċaħda tat-tielet u r-raba’ partijiet ta’ l-ewwel motiv, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonludi li l-Ftehim kellu bħala għan li tinżamm il-klijentela rispettiva tal-partijiet fis-settur Horeca Lussemburgiż u li titwaqqaf il-penetrazzjoni ta’ dan is-settur mill-birreriji barranini. B’hekk, il-Ftehim iwassal għal tqassim tas-suq, min-naħa waħda, u għal barrieri lis-suq komuni, min-naħa l-oħra. F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet tqis, mingħajr ma twettaq żbalji, li r-rikorrenti ma setgħux jinjoraw li l-Ftehim kellu bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

157   F’dan il-kuntest, għandu jiġu kkunsidrati l-argumenti tar-rikorrenti, li huma m’humiex ta’ tali daqs li l-injoranza tagħhom tad-dritt tista’ tiġi aċċettata, li huma qatt ma kienu jafu li l-Ftehim jillimita l-kummerċ bejn l-Istati, li l-ebda waħda mill-partijiet ma ppruvat tostakola lill-birreriji barranin u li l-ebda mill-partijiet ma qieset li l-għan ta’ l-ħarsien tal-possibbiltà ta’ kompetizzjoni nazzjonali, seta’ jkun meqjus anti-kompetittiv, huma kollha neċessarjament irrilevanti f’din il-kawża.

158   Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni stess irrikonoxxit li l-ġurisprudenza Lussemburgiża ta’ dak iż-żmien setgħet toħloq dubju fuq in-natura illegali tar-restrizzjonijiet li jirrigwardaw iż-żamma tal-klijenteli. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jingħad li, kif qalet il-Kummissjoni, dubju bħal dan, anki jekk jiġi meqjus fondat, huwa irrilevanti għal dak li jirrigwarda n-natura volontarja tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, preċiżament għaliex din tirreferi mhux għall-għan tal-Ftehim, li kien ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, iżda l-aktar, għaliex tirreferi għan-natura illegali tiegħu. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 155 iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ intenzjoni deliberata kkontemplata fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jirreferi biss għall-għan restrittiv ta’ l-akkordju kkonċernat u mhux għan-natura illegali tiegħu fil-konfront ta’ l-Artikolu 81(1) KE.

159   Fl-aħħarnett, għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-premessa 96 tad-Deċiżjoni tikkwalifika lil Brasserie de Luxembourg bħala impriża kbira, b’mod li, a contrario, din il-karatteristika ma tapplikax għall-partijiet l-oħra, hemm lok li jingħad li, kif il-Kummissjoni fakkret, id-daqs ta’ Brasserie de Luxembourg issemma biss sabiex jiġi ġġustifikat l-użu tal-fattur multiplikatur applikat sabiex ikun hemm effett disważiv. Din l-evalwazzjoni dwar id-daqs ta’ l-impriża hija għalhekk irrilevanti fir-rigward ta’ l-eżami tal-karattru deliberat tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

–       Fuq l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni

160   Fid-dawl ta’ l-eżiġenzi ta’ motivazzjoni previsti mill-Artikolu 253 KE u msemmija fil-punt 140 iktar ’il fuq, il-premessi 89 u 90 tad-Deċiżjoni juru, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kkonkludiet li r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni kienet ta’ karattru deliberat.

161   Minn dan jirriżulta li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni għal dak li jirrigwarda s-serjetà u d-durata tal-ksur

 Id-Deċiżjoni kkontestata

162   Fir-rigward tas-serjetà tal-ksur, id-Deċiżjoni tosserva, min-naħa waħda, li, safejn il-Ftehim kellu bħala għan li jżomm l-istess l-istat tal-klijenteli u li jwaqqaf il-penetrazzjoni tas-suq mill-birreriji barranin, dan il-ksur jikkostitwixxi wieħed mill-aktar ksur serji li jista’ jiwettqu. Min-naħa l-oħra, ġie meqjus, fl-ewwel lok, li l-portata tal-ksur hija limitata għas-settur Horeca u għall-istabbilimenti li jbiegħu x-xorb marbuta mal-partijiet permezz ta’ klawsola ta’ xiri esklussiv, fit-tieni lok, li l-istipulazzjonijiet dwar il-birreriji barranin ma ġewx implimentati u, fit-tielet lok, li s-suq tal-birra Lussemburgiż huwa lanqas importanti tal-Komunità. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-ksur ġie finalment ikkwalifikat bħala serju (premessi 92 u 93).

163   Fir-rigward tad-durata tal-ksur, id-Deċiżjoni tosserva, b’mod partikolari, dan waqaf fis-16 ta’ Frar 2000, id-data li fiha Interbrew informat lill-Kummissjoni li hija kienet tat struzzjoni lis-sussidjarji tagħha Mousel u Diekirch li jiqfu milli japplikaw il-Ftehim (premessa 86). Minn dan ġie konkluż li peress li l-ksur dam aktar min erbatax-il sena (1985 - 2000), dan huwa durata twila (premessa 97).

 L-argumenti tal-partijiet

164   Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni interpretat f’mod żbaljat is-serjetà u d-durata tal-ksur.

165   Fir-rigward tas-serjetà tal-ksur, hija tgħid li, skond il-linji gwida, ksur li mhumiex serji ħafna huma definiti bħala restrizzjonijiet "li għandhom l-għan li jillimitaw il-kummerċ iżda li bl-impatt tagħhom fis-suq li jibqa’ limitat, u li minbarra dan, jikkonċernaw biss parti sostanzjali iżda relattivament limitata tas-suq komuni" filwaqt li l-ksur serji huma ddefiniti bħala restrizzjonijiet orizzontali jew vertikali ta’ l-istess natura bħal fil-każ preċedenti, iżda "b’applikazzjoni aktar rigoruża, b’impatt fis-suq li hija usa’ u li jistgħu ikollhom effetti tagħhom fuq żoni mifruxa tas-suq komuni". Skond ir-rikorrenti, dan il-ksur kellu jiġi kkwalifikat bħala mhux serju ħafna, peress li l-premessa 92 tad-Deċiżjoni tgħid li l-istipulazzjonijiet dwar il-birreriji barranin ma ġewx implimentati fejn il-Ftehim kien jirrigwarda biss is-settur Horeca fil-Lussemburgu u fejn kien hemm ftit informazzjoni skambjata. Brasserie nationale tisħaq, f’dan ir-rigward, l-affermazzjoni li l-Ftehim kien nieqes mill-obbligu tan-notifikazzjoni.

166   Fir-rigward tad-durata tal-ksur, ir-rikorrenti jsostnu li l-istipulazzjonijiet dwar il-birreriji barranin ma ġewx implimentati.

167   Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-parti tat-tieni motiv.

 Il-kunsiderazzjonijet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Fuq is-serjetà tal-ksur

168   Hemm lok li jiġi mfakkar li l-linji ta’ gwida jipprovdu, b’mod partikolari, li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tqis in-natura propja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta din tista’ tiġi kkalkolata u l-kobor tas-suq ġeografiku kkonċernat. Il-ksur huma kklassifikati fi tliet kategoriji, li jippermettu distinzjoni bejn il-ksur li mhumiex serji, il-ksur serji u l-ksur serji ħafna (punt 1 A, l-ewwel u t-tieni paragrafi).

169   Hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-linji ta’ gwida ma jippreġudikawx l-evalwazzjoni ta’ l-ammenda mill-imħallef komunitarji, li, f’dan ir-rigward, għandu, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17, kompetenza ġurisdizzjonali illimitata. Min-naħa ’l oħra, jekk il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi l-ammont ta’ l-ammenda konformement mal-metodu tal-linji gwida, hija marbuta li tibqa’ fil-kuntest tas-sanzonijiet definiti mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Ottubru 2003, General Motors Nederland et Opel Nederland vs il-Kummissjoni, T‑368/00, Ġabra p. II‑4491, punt 188).

170   Barra minn dan, għandu jiġi mfakkar li s-serjetà tal-ksur għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ bosta elementi bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkostanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata disważiva ta’ l-ammendi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista obbligatorja jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom jitqiesu f’mod obbligatorju. Minbarra dan, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tar-Regolament Nru 17, marġni ta’ evalwazzjoni fl-iffisar ta’ l-ammont ta’ l-ammendi sabiex tiggwida l-imġiba ta’ l-impriżi fid-direzzjoni tar-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni. Hija madankollu responsabbiltà tal-Qorti ta’ Prim’Istanza li tivverifika jekk l-ammont ta’ l-ammenda imposta huwiex proporzjonat mas-serjetà u d-durata tal-ksur u li twiżżen is-serjetà tal-ksur u ċ-ċirkostanzi invokati mir-rikorrenti (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs il-Kummissjoni, T-229/94, Ġabra p. II-1689, punt 127, sentenza General Motors Nederland u Opel Nederland vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 189).

171   F’dan il-kawża, għandu jingħad li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni irraġunat f’żewġ stadji, mingħajr ma, barra minn dan rreferiet speċifikament għal-linji gwida.

172   Għal dak li jirrigwarda l-ewwel stadju tar-raġunament, hemm lok li jiġi mfakkar li, kif ġie spjegat fil-kuntest ta’ l-eżami tat-tielet u r-raba’ partijiet ta’ l-ewwel motiv, il-Ftehim jammonta għal tqassim tas-suq u, minbarra dan, għall-ħolqien ta’ barrieri fis-suq komuni.

173   Għal dak li jirrigwarda t-tqassim tas-suq, il-ftehim ta’ dan it-tip huma fost l-eżempji ta’ ftehim espressament iddikjarati bħala inkompatibbli mas-suq komuni fl-Artikolu 81(1)(c) KE. Fil-fatt, huma kkwalifikati fil-ġurisprudenza bħala restrizzjonijiet ċari tal-kompetizzjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 136).

174   Fir-rigward tal-ħolqien ta’ barieri tas-suq komuni, hemm lok li jiġi mfakkar li ksur ċar bħal dan tad-dritt tal-kompetizzjoni huwa, min-natura tiegħu partikolarment serju. Huwa jmur kontra l-għanijiet l-aktar fundamentali tal-Komunità u, b’mod partikolari, it-twettiq tas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ April 1993, Peugeot vs il-Kummissjoni, T-9/92, Ġabra p. II-493, punt 42, u General Motors Nederland u Opel Nederland vs il-Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, punt 191).

175   F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fl-ewwel stadju tar-raġunament tagħha, li l-Ftehim kien jinkludi ksur mill-aktar serju ta’ l-Artikolu 81 KE.

176   Għal dak li jirrigwarda t-tieni stadju tar-raġunament, hemm lok li jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza kostanti, is-suq ġeografiku ta’ daqs nazzjonali jikkorrispondi għal parti sostanzjali tas-suq komuni (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 28 u s-sentenza Deutsche Bahn vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

177   Safejn mhemmx kontestazzjoni fuq il-fatt li dan il-ksur jirrigwarda s-settur Horeca Lussemburgiż kollu, hija tkopri parti sostanzjali tas-suq komuni.

178   Barra minn dan, fil-linji gwida, il-Kummissjoni indikat li, għal dak li jirrigwarda l-ksur serji ħafna, kemm jekk jinvolvi "restrizzjonijiet essenzjalment orizzontali tat-tip ‘kartelli ta’ prezz’ u kwoti ta’ tqassim tas-swieq, jew prattiċi oħra li jippreġudikaw il-funzjonament tas-suq intern, bħal dawk li għandhom l-għan li joħolqu barrieri fost is-swieq nazzjonali" (punt 1 A, it-tieni paragrafu, it-tielet inċiż). Minn din id-deskrizzjoni indikattiva jirriżulta li l-akkordju jew prattiċi miftehma li jirrigwardaw b’mod partikolari, bħal f’din il-kawża, it-tqassim tal-klijenteli, min-naħa waħda, u l-ħolqien ta’ barrieri fis-suq komuni, min-naħa l-oħra, jistgħu jkunu biss ikkwalifikati, fuq il-bażi tan-natura propja tagħhom, bħala serji ħafna, mingħajr ma jkun meħtieġ li tali imġiba tkun ikkaratterizzata minn estensjoni ġeografika partikolari jew minn impatt partikolari. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, jekk id-deskrizzjoni indikattiva tal-ksur serji ssemmi li "dan jikkonċerna l-aktar spiss ir-restrizzjonijiet orizzontali jew vertikali […] b’applikazzjoni li hija aktar rigoruża, b’impatt fuq is-suq li huwa usa’ u li jistgħu ikollhom effetti fuq żoni estiżi tas-suq komuni", dik ta’ ksur serji ħafna, min-naħa tagħha, ma ssemmi l-ebda rekwiżit ta’ impatt konkret fuq is-suq u lanqas tal-produzzjoni ta’ effetti fuq żona ġeografika partikolari.

179   Minn dan jirriżulta li l-kwalifikazzjoni ta’ dan il-ksur bħala wieħed serju, minflok serju ħafna, kif jirriżulta mid-Deċiżjoni, diġà tirrappreżenta kwalifikazzjoni attenwanta meta pparagunat mal-kriterji ġeneralment applikati fl-iffissar ta’ l-ammendi f’każ ta’ ftehim li jwasslu għal tqassim tas-suq u, minbarra dan, għall-ħolqien ta’ barrieri fid-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tate & Lyle et vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, British Sugar vs il-Kummissjoni, C‑359/01 P, Ġabra p. I-4933, punt 103).

180   Minbarra dan, hemm lok li jiġi mfakkar li, fil-punt 1 A, it-tieni paragrafu, l-ewwel inċiż, tal-linji gwida, il-Kummissjoni tippreċiża, għal dak li jirrigwarda l-ksur li mhumiex serji ħafna, li dawn "jistgħu jinvolvu per eżempju restrizzjonijiet, l-aktar spiss vertikali, li għandhom l-għan li jillimitaw il-kummerċ iżda b’impatt fuq is-suq li jibqa’ limitat u, minbarra dan, li jirrigwarda biss parti sostanzjali iżda relattivament limitata tas-suq komuni".

181   Għandu jingħad li ftehim oriżżontali li jkopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru u li għandu bħala għan it-tqassim tas-suq u l-ħolqien ta’ barrieri fis-suq komuni ma jistax jiġi kklassifikat bħala mhux serju skond il-linji gwida.

182   Il-fatt tat-tieni ksur identifikat ma ġiex implimentat ma jimmodifikax din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 174, restrizzjoni bħal din tikkostitwixxi ksur imsemmi fl-Artikolu 81 KE u, ġeneralment ksur li jmur kontra l-għanijiet tal-Komunità.

183   Minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, meta kkunsidrat, finalment, dan il-ksur bħala wieħed serju, il-Kummissjoni ma ppreġudikatx id-drittijiet tar-rikorrenti taħt id-dritt komunitarju.

–       Fuq id-durata tal-ksur

184   F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jingħad li, anki jekk jiġi aċċettat li ġie ppruvat il-fatt li l-istipulazzjonijiet tal-Ftehim dwar il-birreriji barranin ma ġewx implimentati, dan huwa irrilevanti.

185   Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tipprova l-effetti ta’ l-akkordju kkonċernat, billi dan kellu għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, il-fatt li aspett ta’ l-akkordju kkonċernat kien jew ma kienx ġie implimentat huwa irrilevanti għall-kalkolu tad-durata tal-ksur. Sabiex tiġi kkalkulata d-durata ta’ ksur bil-għan li huwa restrittiv għall-kompetizzjoni, jeħtieġ fil-fatt li jiġi stabbilit biss iż-żmien li fih l-akkordju eżista, jiġifieri il-perjodu li ddekorra bejn id-data tal-konklużjoni tiegħu sad-data li fiha ntemm (sentenza CMA CGM et vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 280).

186   Minn dak li ntqal jirriżulta li t-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-linji gwida fil-qasam ta’ ċirkustanzi attenwanti

 Id-Deċiżjoni kkontestata

187   Fid-Deċiżjoni, ġie kkunsidrat li d-dubju li l-ġurisprudenza Lussemburgiża kurrenti ta’ dak iż-żmien setgħet ħolqot sa Marzu 1996 dwar il-karattru ta’ ksur tar-restrizzjonijiet dwar ir-rispett reċiproku tal-"klawsoli tal-birra" jiġġustifika tnaqqis ta’ 20 % ta’ l-ammont ta’ l-ammenda (premessa 100).

 L-argumenti tal-partijiet

188   Fir-rigward ta’ din il-parti, min-naħa waħda, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha żball meta ma aċċettatx iċ-ċirkostanza attenwanti li tirriżulta mid-dubju li nħoloq mill-ġurisprudenza Lussemburgiża msemmija aktar ’il fuq li, sax-xahar ta’ Marzu 1996, safejn dik id-data tista’ tiġi kkunsidrata bħala d-data meta ntemm ir-riskju li wassal għal-ftehim. Brasserie nationale żżid li l-possibbiltà ta’ appell u ta’ ġurisprudenzi diverġenti jiġġustifikaw li dan id-dubju jiġi ammess bħala ċirkostanza attenwanti sa l-aħħar tal-Ftehim jew, għallinqas, sa l-iskadenza tat-terminu medju għall-ipproċessar ta’ appell fi Stat bħal-Lussemburgu, jiġifieri tliet snin. F’dawn iċ-ċirkostanzi, skond Brasserie nationale, huwa ġġustifikat tnaqqis ta’ l-ammenda ta’ l-inqas ta’ 40 %.

189   Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jgħidu wkoll li, fost iċ-ċirkostanzi attenwanti elenkati fil-linji gwida, hemm "in-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva ta’ l-akkordji jew prattiċi ta’ ksur" (punt 3, it-tieni inċiż). Konsegwentement, in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ stipulazzjonijiet tal-Ftehim li jirrigwardaw il-birreriji barranin jiġġustifika tnaqqis supplementari ta’ l-ammont ta’ l-ammendi.

190   Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-parti tat-tieni motiv.

 Il-kunsiderazzjonijet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

191   Fir-rigward ta’ l-ewwel teżi mressqa mir-rikorrenti, hemm lok li jiġi mfakkar li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-problema tan-nuqqas ta’ sigurtà ġuridika invokata mill-partijiet ma tiġġustifikax deroga mill-Artikolu 81(1) KE (premessa 62). Konsegwentement kif intqal fil-kuntest ta’ l-eżami tat-tielet parti ta’ l-ewwel motiv, din il-kunsiderazzjoni mhijiex żbaljata, sa fejn preokkupazzjoni bħal din ma tintużax biex tiġġustifika ftehim li għandu għan anti-kompetittiv.

192   Jekk tali problema ma tiġġustifikax ftehim bħal dan, hija ma tistax titqies bħala ċirkostanza attenwanti li tiġġustifika tnaqqis ta’ l-ammenda imposta minħabba dan il-Ftehim.

193   Għandu jiġi kkunsidrat li l-problema tan-nuqqas ta’ sigurtà ġuridika mqajma mill-partijiet ma tistax tiġġustifika l-għarfien ta’ dubju raġonevoli fuq il-karattru ta’ ksur ta’ l-imġiba restrittiva għall-kompetizzjoni f’din il-kawża, fis-sens tal-punt 3 tal-linji gwida, safejn il-Ftehim kien jikkostitwixxi, kif ġie nnutat iktar ’il fuq, akkordju bil-għan li jqassam is-suq u, minbarra dan, joħloq barrieri fis-suq komuni.

194   Minn dan jirriżulta wkoll, billi tat lir-rikorrenti, minħabba dan id-dubju, tnaqqis ta’ 20 % ta’ l-ammont ta’ l-ammenda tagħhom, il-Kummissjoni ma ppreġudikatx id-drittijiet li huma għandhom taħt id-dritt komunitarju.

195   Fir-rigward tat-tieni teżi mressqa mir-rikorrenti, hemm lok li jingħad li l-punt 3, it-tieni inċiż, tal-linji gwida msemmija aktar ’il fuq, m’għandux jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-ipoteżi li fiha ftehim, ma jiġix implimentat fit-totalità tiegħu, mingħajr ma tiġi kkunsidrata l-imġiba ta’ kull impriża partikolari, iżda għandu jinftiehem bħala ċirkostanza bbażata fuq l-imġiba individwali ta’ kull impriża.

196   Ir-rikorrenti ma ressqu l-ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li huma kellhom jibbenefikaw minn ċirkostanza attenwanti minħabba l-assenza ta’ applikazzjoni effettiva tal-Ftehim, bis-saħħa tal-punt 3, it-tieni inċiż, tal-linji gwida, jiġifieri element li juri li huma kienu effettivament evitaw l-applikazzjoni tal-Ftehim billi adottaw imġiba kompetittiva fis-suq.

197   Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li t-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti tat-tieni motiv (invokata biss fil-kawża T-49/02), ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-ammont inizjali ta’ bażi użat mill-Kummissjoni għall-kalkolu ta’ l-ammendi

 Id-Deċiżjoni kkontestata

198   Fid-Deċiżjoni, dan il-ksur huwa kkwalifikat bħala serju, għar-raġunijiet kollha msemmija iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni kkunsidrat li, minbarra dan, kien neċessarju li titqies il-kapaċità ekonomika effettiva tal-partijiet li joħolqu dannu, filwaqt li tistabbilixxi l-ammont ta’ l-ammenda f’livell li jassigura li l-ammenda tkun ta’ karattru suffiċjentement dissważiv, u li jeħtieġ li dan l-ammont ikun mwieżen sabiex titqies l-importanza speċifika ta’ l-imġiba ta’ ksur ta’ kull parti. Huwa għalhekk li, skond il-bejgħ rispettivi fis-settur kkonċernat, il-partijiet ġew diviżi fi tliet gruppi u li l-ammont deċiż skond is-serjetà tal-ksur għall-ewwel grupp imsemmi fil-premessa 95 tad-Deċiżjoni dwar Brasserie de Luxembourg, ġie stabbilit bħala 500 000 Euro (premessi 92 sa 95).

 L-argumenti tal-partijiet

199   Brasserie nationale tikkritika lill-Kummissjoni talli ma mmotivatx suffiċjentement l-ammont inizjali ta’ bażi stabbilit fil-każ ta’ l-ewwel grupp ta’ impriżi msemmija fil-premessa 95 tad-Deċiżjoni, ammont li jikkundizzjona għal kollox il-kalkoli kollha għal kull parti. Dan jimpedixxi l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ l-ammenda imposta fuq Brasserie nationale u għalhekk jiġġustifika l-annullament tagħha.

200   Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-parti tat-tieni motiv.

 Il-kunsiderazzjonijet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

201   Fid-dawl ta’ l-eżiġenzi ta’ motivazzjoni msemmija fl-Artikolu 253 KE u mfakkra fil-punt 142 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, minħabba l-informazzjoni msemmija fil-premessi 92 sa 95 tad-Deċiżjoni, Brasserie nationale kienet għal kollox fil-pożizzjoni li tqajjem il-motivi bbażati fuq l-illegalità ta’ l-elementi ta’ kalkolu li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra l-imsemmi ammont ta’ 500 000 Euro għall-ewwel grupp imsemmi hawn fuq.

202   Fil-fatt, l-imsemmija premessi juru li l-Kummissjoni waslet għal dan l-ammont billi, l-ewwelnett, ikkwalifikat dan il-ksur bħala wieħed serju billi, wara dan, ikkunsidrat il-kapaċità ekonomika ta’ Brasserie de Luxembourg li toħloq dannu lill-operaturi l-oħra, il-bżonn li tiffissa l-ammont ta’ l-ammenda għal-livell suffiċjentement dissważiv u l-importanza speċifika ta’ l-imġiba ta’ ksur tagħha, importanza stabbilita abbażi tal-bejgħ tagħha fis-settur Horeca Lussemburgiż.

203   Konsegwentement, ir-raba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

204   Peress li l-partijiet kollha tat-tieni motiv ġew miċħuda, dan għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

205   Konsegwentement, dawn ir-rikorsi għandhom kollha jiġu miċħuda.

 Dwar l-ispejjeż

206   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

207   Peress li r-rikorrenti tilfu l-kawża, hemm lok li dawn jiġu kkundannati jħallsu l-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Ir-rikorrenti huma kkundannati jħallsu l-ispejjeż.

Meij

Forwood

Pelikánová

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-27 ta’ Lulju 2005.

Reġistratur

 

       il-President

H. Jung

 

       A. W .H. Meij

Werrej


Il-fatti tal-kawża

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-Proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Id-Dritt

1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE

Fuq l-evalwazzjoni ta’ l-għan tal-Ftehim (it-tielet, ir-raba’ u l-ewwel partijiet ta’ l-ewwel motiv)

Id-Deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

– Fuq il-kwalifikazzjoni allegatament żbaljata tal-Ftehim bħala li għandu bħala għan iż-żamma tal-klijenteli (it-tielet parti ta’ l-ewwel motiv)

– Fuq il-kwalifikazzjoni allegatament żbaljata tal-Ftehim li għandu bħala għan li jwaqqaf il-penetrazzjoni tas-settur Horeca Lussemburgiż (ir-raba’ parti ta’ l-ewwel motiv)

– Fuq in-nuqqas ta’ teħid in konsiderazzjoni tal-kuntest tal-Ftehim fl-evalwazzjoni ta’ l-għan tiegħu (l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv)

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

– Fuq kwalifikazzjoni allegatament żbaljata tal-Ftehim bħalu li għandu bħala għan iż-żamma tal-klijenteli (it-tielet parti ta’ l-ewwel motiv)

– Fuq il-kwalifikazzjoni allegatament żbaljata tal-Ftehim li għandha bħala għan li jwaqqaf il-penetrazzjoni tas-settur Horeca Lussemburgiż (ir-raba’ parti ta’ l-ewwel motiv)

– Fuq in-nuqqas ta’ teħid in konsiderazzjoni tal-kuntest tal-Ftehim fl-evalwazzjoni ta’ l-għan tiegħu (l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv)

Fuq it-tieni parti ta’ l-ewwel motiv jiġifieri li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet żbaljatament li l-ftehim kien japplika fin-nuqqas ta’ "klawsola tal-birra"

Id-Deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-ħames parti ta’ l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ effett notevoli tal-Ftehim fuq il-kompetizzjoni

Id-Deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

– Fuq l-allegat żball ta’ evalwazzjoni

– Fuq l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni

2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-ħtieġa ta’ motivazzjoni skond l-Artikolu 253 KE

Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-ksur ma twettaqx deliberatament

Id-Deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

– Fuq l-allegat żball ta’ evalwazzjoni

– Fuq l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni

Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni għal dak li jirrigwarda s-serjetŕ u d-durata tal-ksur

Id-Deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

– Fuq is-serjetà tal-ksur

– Fuq id-durata tal-ksur

Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-linji gwida fil-qasam ta’ ċirkustanzi attenwanti

Id-Deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq ir-raba’ parti tat-tieni motiv (invokata biss fil-kawża T-49/02), ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-ammont inizjali ta’ bażi użat mill-Kummissjoni għall-kalkolu ta’ l-ammendi

Id-Deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Dwar l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.