Language of document :

Digriet tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta' Jannar 2013 - Charron Inox u Almet vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni

(Kawża T-445/11 u T-88/12) 

("Rikors għal annullament - Rikors għad-danni - Dumping - Importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx li joriġinaw miċ-Ċina - Dazju antidumping provviżorju - Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni - Dazju antidumping definittiv - Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt")

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Charron Inox (Marseille, Franza); u Almet (Satolas-et-Bonce, Franza) (rappreżentant: P.-O. Koubi-Flotte, avukat)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: J.-P. Hix, aġent, assistit minn G. Berrisch u A. Polcyn, avukati) (Kawża T-88/12); u Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Stromsky u S. Thomas, aġenti) (Kawża T-445/11)

Intervenjenti insostenn tal-konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Stromsky u S. Thomas, aġenti) (Kawża T-88/12)

Suġġett

Fil-Kawża T-445/11, prinċipalment, talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 627/2011, tas-27 ta' Ġunju 2011, li jimponi dazju provviżorju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 169, p. 1), kif ukoll, sussidjarjament, talba għad-danni sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti minħabba d-dħul fis-seħħ immedjat ta' dan ir-regolament u, fil-Kawża T-88/12, prinċipalment, talba għall-annullament tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1331/2011, tal-14 ta' Diċembru 2011, li jimponi dazju definittiv anti-dumping u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 336, p. 6), kif ukoll, sussidjarjament, talba għad-danni sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti minħabba l-ġbir definittiv tad-dazji antidumping provviżorji ordnat permezz ta' dan ir-regolament.

Dispożittiv

1)    Il-Kawżi T-445/11 u T-88/12 huma magħquda għall-finijiet tad-digriet.

2)    L-eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà mqajma fil-Kawżi T-445/11 u T-88/12 huma magħquda fil-mertu.

3)    Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fil-Kawża T-445/11.

4)    Ir-rikors fil-Kawża T-88/12 huwa miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt.

5)    Charron Inox u Almet għandhom ibatu l-ispejjeż kollha fil-Kawża T-445/11.

6)    Charron Inox u Almet għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-88/12.

7)    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha fil-Kawża T-88/12.

____________

1 - ĠU C 290, 01.10.2011.