Language of document : ECLI:EU:T:2014:267

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

21 ta’ Mejju 2014 (*)

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti dwar investigazzjoni tal-OLAF dwar it-twettiq ta’ proġett ta’ modernizzar tal-infrastruttura fis-Sirja — Rifjut ta’ aċċess — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-iskop ta’ spezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki”

Fil-Kawża T‑447/11,

Lian Catinis, residenti f’Damasku (is-Sirja), irrappreżentat minn S. Pappas, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-P. Keppenne u F. Clotuche-Duvieusart, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) tal-10 ta’ Ġunju 2011 li jirrifjuta, minn naħa, li jagħti eżitu favorevoli għall-allegata talba intiża li tagħlaq l-investigazzjoni tal-OLAF dwar it-twettiq ta’ proġett ta’ modernizzar tal-infrastruttura fis-Sirja u, min-naħa l-oħra, li jagħtih aċċess għal ċerti dokumenti mill-fajl ta’ din l-investigazzjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Kancheva Aġent President, C. Wetter (Relatur) u V. Kreuschitz, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Jannar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Il-Faċilità ta’ modernizzar istituzzjonali u settorjali (ISMF) huwa programm tal-Unjoni Ewropea li l-għan tiegħu huwa li jipprovdi lill-awtoritajiet Sirjani għajnuna teknika fid-dawl b’mod partikolari tal-immodernizzar ekonomiku tal-amministrazzjoni ċentrali.

2        Wara l-allegazzjonijiet dwar irregolaritajiet fl-implementazzjoni tal-programm ISMF fis-Sirja, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fetaħ, mis-16 ta’ Ottubru 2007, diversi investigazzjonijiet relatati ma’ xulxin sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx xi verità fl-imsemmija allegazzjonijiet. F’dan il-kuntest l-investigaturi tal-OLAF b’mod partikolari interrogaw lir-rikorrent, Lian Catinis, kif ukoll lil esperti oħra li kienu responsabbli għat-twettiq tal-programm fis-Sirja.

3        Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Awwissu 2010 indirizzata lill-Kap tal-unità tal-OLAF, ir-rikorrent elenka diversi lmenti rigward kif twettqet l-investigazzjoni kif ukoll iż-żmien li ħadet biex issir u talab l-għeluq tagħha.

4        Fit-23 ta’ Settembru 2010, Direttur tal-OLAF informa lir-rikorrent li l-investigazzjoni tal-OLAF rigward l-irregolaritajiet allegati fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-programm ISMF fis-Sirja kienu għadhom għaddejjin. Dan id-Direttur talab lir-rikorrent sabiex jindika taħt liema titolu huwa ressaq it-talba tiegħu, filwaqt li ngħataw dettalji dwar il-kuntest ġuridiku fir-rigward tal-politika ta’ kunfidenzjalità li għandha tirregola l-investigazzjonijiet.

5        Fit-18 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrent ippreċiża li kien aġixxa taħt titolu personali u talab lill-OLAF sabiex jagħtih id-dokumenti dwar l-investigazzjoni li jirrigwardawh u, talbu mill-ġdid, sabiex jagħlaq l-investigazzjoni.

6        Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Frar 2011, id-Direttur tal-OLAF irrisponda lir-rikorrent li dan tal-aħħar kellu jipprovdi iktar informazzjoni dwar id-dokumenti li huwa kien talab li jkollu aċċess għalihom skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331). Permezz ta’ din l-istess ittra, ir-rikorrent ġie informat dwar id-dritt tiegħu li jikkonferma t-talba inizjali tiegħu għall-aċċess f’terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol.

7        Fil-15 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrent ippreżenta talba ta’ konferma billi indika b’mod partikolari dwar liema dokumenti kienet it-talba ta’ aċċess u semma r-raġunijiet li għalihom ma kienx iqis li huma applikabbli l-eċċezzjonijiet għall-aċċess previsti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Ir-rikorrent indika wkoll li d-dewmien fit-twettiq tal-investigazzjoni kien ta’ natura li jikkomprometti d-drittijiet tiegħu sabiex jinstema’ fi żmien xieraq.

8        Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Ġunju 2011, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF informa lir-rikorrent li huwa ma setax jilqa’ t-talba tiegħu għal aċċess għad-dokumenti. B’mod partikolari, huwa speċifika li l-persuni interessati ma kellhom l-ebda dritt speċifiku għal aċċess dirett għall-fajl tal-investigazzjoni tal-OLAF u spjega r-raġunijiet li għalihom, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, ma seta’ jingħata l-ebda aċċess għat-tmien dokumenti finalment identifikati mill-OLAF bħala li huma s-suġġett tat-talba. Madankollu d-Direttur Ġenerali tal-OLAF ta kopja tar-rendikont tal-intervista tas-27 ta’ Novembru 2007 bejn ir-rikorrent u ż-żewġ investigaturi tal-OLAF, mhux abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda abbażi tar-regoli ta’ proċedura interni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-9 ta’ Awwissu 2011, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

10      Fit-3 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet ir-risposta lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

11      Ir-rikorrent ma ppreżentax ir-replika fit-terminu mogħti.

12      Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Lulju 2013, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla), abbażi tal-Artikolu 65(b), tal-Artikolu 66(1) u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli ta’ proċedura tagħha, ordnat lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi d-dokumenti inkwistjoni, filwaqt li stabbilixxiet li dawn id-dokumenti ma jistgħux jiġu nnotifikati lir-rikorrent fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Hija ssodisfat din it-talba.

13      Wara tiġdid parzjali tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, li lilha ġiet assenjata din il-kawża.

14      Peress li l-President tal-Awla ma setax jipparteċipa, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar, skont l-ordni previst fl-Artikolu 6 tar-Regoli tal-Proċedura, l-ewwel imħallef sabiex jissostitwixxih u, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, it-tieni mħallef sabiex jikkompleta l-Awla.

15      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

16      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-16 ta’ Jannar 2014.

17      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet li jinsabu fl-ittra tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF tal-10 ta’ Ġunju 2011 sa fejn dawn jirrifjutaw li jagħlqu l-investigazzjoni u li jippermettulu jaċċedi għall-fajl tiegħu;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli għal dak li jirrigwarda l-allegata deċiżjoni impliċita li tirrifjuta milli tagħlaq l-investigazzjoni u bħala infondat għal dak li jirrigwarda d-deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għall-fajl personali tar-rikorrent;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

19      Ir-rikorrent isostni li, bl-ittra tad-Direttur Ġenerali tiegħu tal-10 ta’ Ġunju 2011, l-OLAF irrifjuta milli jilqa’ kemm it-talba prinċipali tiegħu, intiża għall-għeluq tal-investigazzjoni, kif ukoll it-talba tiegħu intiża għall-aċċess għall-fajl tal-imsemmija investigazzjoni.

 Fuq it-talba għall-annullament tal-allegata deċiżjoni impliċita tal-OLAF dwar ir-rifjut milli jagħlaq l-investigazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

20      Insostenn tat-talba tiegħu għall-annullament tal-allegata deċiżjoni impliċita tal-OLAF li tirrigwarda r-rifjut milli jagħlaq l-investigazzjoni, ir-rikorrent essenzjalment iqajjem żewġ ilmenti.

21      Permezz tal-ewwel ilment tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-OLAF, meta kompla l-investigazzjoni lil hinn mit-terminu raġonevoli u meta naqas milli jinforma u milli jisma’ lill-partijiet interessati, mhux biss kiser serjament il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-preżunzjoni ta’ innoċenza, u d-drittijiet tad-difiża iżda wkoll abbuża mis-setgħa tiegħu.

22      It-tieni lment invokat mir-rikorrent jallega ksur mill-OLAF tal-obbligu tiegħu li jindika l-motivi li minħabba fihom iddeċieda li ma jagħlaqx l-investigazzjoni. Billi naqas milli jimmotiva r-rifjut impliċitu tat-talba tar-rikorrent sabiex jagħlaq l-investigazzjoni, l-OLAF kiser formalità sostanzjali u kiser id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, kif stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikoli 41 u 48 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Ir-rikorrent iqis ukoll li l-OLAF, meta kompla bl-investigazzjoni lil hinn mit-terminu raġonevoli, jiġifieri iktar minn 41 xahar, u meta naqas milli jinformah dwar dan is-suġġett, kiser ir-regoli tal-proċedura stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91), kif ukoll il-prinċipji mfakkra fil-manwal tal-OLAF dwar il-linji gwida rigward l-investigazzjoni u l-proċeduri li għandhom jiġu osservati mill-persunal. Din hija l-istess opinjoni bħal tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jenfasizza li, għalkemm ċerti atti ta’ investigazzjoni tal-OLAF ġew ikklassifikati bħala atti preparatorji li ma jikkawżawx preġudizzju, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ksur tal-forom sostanzjali u tad-drittijiet fundamentali matul l-investigazzjonijiet preparatorji jistgħu jaffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni finali meħuda abbażi tal-investigazzjonijiet tal-OLAF.

23      Il-Kummissjoni tqis li l-ittra tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF tal-10 ta’ Ġunju 2011 ma tistax titqies li tinkludi rifjut impliċitu tat-talba sabiex tagħlaq l-investigazzjoni inkwistjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

24      Fil-każ ineżami, ir-rikorrent ifittex li jikseb l-annullament ta’ allegata deċiżjoni impliċita tal-OLAF li jirrifjuta l-għeluq tal-investigazzjoni.

25      Fil-fatt, kif diġà ġie nnotat, ir-rikorrent isostni li, peress li l-ittra tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF tal-10 ta’ Ġunju 2011 ma tagħmilx riferiment għat-talba prinċipali tiegħu, rigward l-għeluq tal-investigazzjoni, huwa minn dan jiddeduċi rifjut impliċitu tat-talba tiegħu għall-għeluq tal-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF.

26      L-ewwel nett, l-istess bħalma tosserva l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-rikorrent kien ilmenta diversi drabi matul l-investigazzjoni tal-OLAF, huwa formalment ma żammx it-talba tiegħu sabiex tiġi adottata deċiżjoni dwar l-għeluq tal-investigazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, ċertament, fl-ittra tiegħu tat-3 ta’ Awwissu 2010, huwa talab l-għeluq tal-investigazzjoni. Madankollu, fl-ittra tiegħu tat-18 ta’ Ottubru 2010, huwa jirrepeti l-istess talba, iżda biss sa fejn jitlob li tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni l-possibbiltà ta’ għeluq tal-investigazzjoni. Ir-rikorrent żied, fil-każ li l-OLAF kien iqis li għeluq ta’ investigazzjoni ma kienx possibbli f’dan l-istadju, talba għall-aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-imsemmija investigazzjoni li jirrigwardah. It-talba ta’ konferma tal-15 ta’ Marzu 2011 tinkludi kritiċi ġodda dwar it-terminu tal-investigazzjoni, iżda ma titlobx lill-OLAF sabiex tiddeċiedi dwar dan is-suġġett. Għaldaqstant, fid-dawl tal-iskambji kollha ta’ korrispondenza, l-OLAF seta’ jqis ġustament li t-talba tar-rikorrent kienet limitata għal talba għall-aċċess għad-dokumenti u, għal din ir-raġuni, ħa deċiżjoni biss fuq din it-talba.

27      It-tieni nett, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi nnotat li r-Regolament Nru 1073/1999 ma fih l-ebda dispożizzjoni li tirrigwarda stabbiliment ta’ terminu li wara l-iskadenza tiegħu jiġi kkunsidrat li ttieħdet mill-OLAF deċiżjoni impliċita ta’ rifjut ta’ talba għall-għeluq ta’ investigazzjoni.

28      Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, bħala prinċipju, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet espressi li jistabbilixxu terminu li meta jiskadi jitqies li l-istituzzjoni li ntalbet tieħu pożizzjoni tkun adottat deċiżjoni impliċita, u li jiddefinixxu l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni, is-skiet waħdu ta’ istituzzjoni ma jistax jiġi pparagunat ma’ deċiżjoni, mingħajr ma titqiegħed indiskussjoni s-sistema ta’ rimedji stabbilita mit-Trattat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Greencore, C-123/03 P, Ġabra p. I-11647, punt 45; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 1999, SGA vs Il-Kummissjoni, T-189/95, T-39/96, T-123/96, Ġabra p. II-3587, punt 27; u Sodima vs Il-Kummissjoni, T-190/95, T-45/96, Ġabra p. II-3617, punt 32).

29      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi, dan il-prinċipju jista’ ma jkunx applikabbli, b’tali mod li s-skiet jew in-nuqqas ta’ azzjoni ta’ istituzzjoni jistgħu b’mod eċċezzjonali jitqiesu bħala li għandhom valur ta’ deċiżjoni impliċita ta’ rifjut (sentenza Il-Kummissjoni vs Greencore, punt 28 iktar ʼil fuq, punt 45).

30      Issa, ir-Regolament Nru 1073/1999 jipprovdi biss, fl-Artikolu 6(5) tiegħu, li “l-investigazzjonijiet għandhom jitmexxew kontinwament matul perijodu li għandu jkun proporzjonat għaċ-ċirkustanzi u l-komplessità tal-każ”. Barra minn dan, l-Artikolu 11(7) tal-istess regolament jipprovdi li, “meta investigazzjoni tkun ilha għaddejja għal aktar minn disa’ xhur, id-direttur għandu jinforma lill-Kumitat ta’ Sorveljanza bir-raġunijiet li minħabba fihom ma kienx possibbli li tingħalaq l-investigazzjoni, u biż-żmien meta huwa mistenni li titlesta”. Dan l-obbligu għal informazzjoni fir-rigward tal-Kumitat ta’ Sorveljanza ma joħloqx obbligu dirett fuq l-OLAF fir-rigward tat-terminu tal-investigazzjonijiet tiegħu.

31      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma invoka l-ebda ċirkustanza partikolari li tippermetti li, eċċezzjonalment, is-silenzju tal-OLAF jitqies li huwa deċiżjoni impliċita ta’ rifjut.

32      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-talbiet tar-rikorrenti huma inammissibbli, sa fejn dawn jirrigwardaw l-annullament tal-allegata deċiżjoni impliċita tal-OLAF dwar ir-rifjut milli jagħlaq l-investigazzjoni.

33      Sussidjarjament, fir-rigward tal-allegat ksur tal-forom sostanzjali u tad-drittijiet fundamentali, huwa ċertament minnu, kif tfakkar ukoll fil-premessa 10 tar-Regolament Nru 1073/19999, li l-investigazzjonijiet tal-OLAF għandhom isiru fir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjonijiet tar-rikorrent, bħal allegat ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza, allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża jew abbuż mis-setgħa, ma jistgħu bl-ebda mod jiġu sostnuti, peress li dawn ma jistgħux jiġu milqugħa. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li l-OLAF kien kiser wieħed minn dawn id-drittijiet fundamentali, dan il-fatt ma jbiddel xejn fir-rigward tal-punti 26 sa 31 iktar ʼil fuq u ma għandu l-ebda effett fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv.

34      Fir-rigward iktar speċifikament tal-kritika li tirrigwarda t-terminu tal-investigazzjoni, għandu jitfakkar li l-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura l-osservanza tiegħu u li, barra minn hekk, jissemma bħala element kostituttiv tad-dritt għal amministrazzjoni tajba fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T-48/05, Ġabra p. II-1585, punt 273, u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-imsemmija ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, meta t-tul ta’ żmien tal-proċedura ma huwiex stabbilit permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, bħal fil-każ ineżami (ara punt 30 iktar ʼil fuq), in-natura raġonevoli tat-terminu għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għal kull każ u, b’mod partikolari, l-importanza tat-tilwima għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 187).

35      Kif osserva r-rikorrent, għandu jiġi kkonstatat li, prima facie, terminu ta’ iktar minn 41 xahar f’din l-investigazzjoni fil-mument tal-preżentazzjoni tar-rikors preżenti jista’ jitqies eċċezzjonalment twil. Madankollu, fil-każ ineżami, il-kwistjoni li jiġi stabbilit jekk tali terminu huwiex iġġustifikat jew le mill-kumplessità tal-kawża inkwistjoni ma hijiex effettiva sabiex tirrispondi għal dan il-motiv, motiv li jirrigwarda r-rifjut impliċitu jew le tat-talba għall-għeluq tal-investigazzjoni kwistjoni. Fil-fatt, għandu jiġi nnotat, f’dan ir-rigward, li ksur eventwali tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni għandu jiġi evalwat fil-mument meta deċiżjoni li tirrigwarda lir-rikorrent tittieħed wara l-investigazzjoni tal-OLAF.

 Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-OLAF li tirrigwarda r-rifjut milli tagħti lir-rikorrent l-aċċess għad-dokumenti li jirrigwardawh fil-kuntest tal-investigazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

36      Ir-rikorrent isostni li r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti rigward investigazzjoni tal-OLAF għandu jkun suffiċjentement motivat wara eżami konkret u individwali ta’ kull dokument mitlub u identifikazzjoni ta’ bżonn reali, u mhux ipotetiku, sabiex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni u l-effikaċja tal-investigazzjonijiet futuri. Issa, fil-każ ineżami, l-ittra tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF tal-10 ta’ Ġunju 2011 ma tesponix konkretament f’liema miżura d-dokumenti mitluba jippreġudikaw interess protett skont ir-Regolament Nru 1049/2001. Ir-rikorrent isostni wkoll li, meta rrifjuta l-aċċess għad-dokumenti li jirrigwardawh, l-OLAF ikkomprometta b’mod irrimedjabbli l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu tad-difiża u kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

37      Il-Kummissjoni topponi l-argumenti tar-rikorrent.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

38      Hemm lok li jitfakkar li, skont l-ewwel premessa tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jaqa’ taħt il-volontà espressa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE li jistabbilixxi stadju ġdid fil-proċess tal-ħolqien ta’ għaqda dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu bl-iktar mod miftuħ, u l-eqreb possibbli taċ-ċittadin. Kif tfakkar it-tieni premessa tal-imsemmi regolament, id-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2011, Ir-Renju tal-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C-506/08 P, Ġabra p. I-6237, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif turi r-raba’ premessa u l-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet kemm jista’ jkun wiesa’ (ara s-sentenza Ir-Renju tal-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ʼil fuq, punt 73, u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Ċertament, dan id-dritt xorta waħda huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’mod iktar speċifiku, u f’konformità mal-premessa 11 tiegħu, dan ir-regolament jipprevedi, fl-Artikolu 4 tiegħu, regoli b’eċċezzjonijiet li jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ li l-iżvelar ta’ dan id-dokument jippreġudika lil wieħed mill-interessi protetti permezz ta’ dan l-artikolu (ara s-sentenza Ir-Renju tal-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ʼil fuq, punt 74, u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Madankollu, sa fejn jidderogaw mill-prinċipju tal-iktar aċċess pubbliku wiesa’ possibbli għad-dokumenti, tali eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (ara s-sentenza Ir-Renju tal-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ʼil fuq, punt 75, u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Għaldaqstant, meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li tkun intalbitilha l-komunikazzjoni tiegħu, din l-istituzzjoni għandha, bħala prinċipju, tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni ta’ kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett minn eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u invokat minn din l-istituzzjoni. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux sempliċement ipotetiku (ara s-sentenza Ir-Renju tal-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ʼil fuq, punt 76, u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Huwa madankollu possibbli għal din l-istituzzjoni li tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, u dan sa fejn kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili jistgħu japplikaw għal talbiet għal żvelar li jikkonċernaw dokumenti tal-istess natura (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Finlande vs Il-Kummissjoni, C-514/11 P u C-605/11 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata). L-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali ma teskludix il-possibbiltà li jintwera li dokument partikolari, li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub, ma huwiex kopert mill-imsemmija preżunzjoni jew li, skont l-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat. Barra minn hekk, l-istituzzjoni kkonċernata ma hijiex marbuta tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq din il-preżunzjoni ġenerali. Hija tista’ dejjem twettaq eżami konkret tad-dokumenti koperti mit-talba għal aċċess u tipprovdi tali motivazzjoni (sentenza LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq, punti 66 u 67).

44      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati t-talbiet tar-rikorrent sa fejn dawn jinvokaw l-annullament tad-deċiżjoni tal-OLAF li jirrifjuta milli jagħti aċċess lir-rikorrent għad-dokumenti li jirrigwardawh fil-kuntest tal-investigazzjoni.

45      Fl-ittra tad-Direttur Ġenerali tiegħu tal-10 ta’ Ġunju 2011, l-OLAF identifika tmien dokumenti li talab għall-aċċess tagħhom ir-rikorrent u wara li eżamina b’mod konkret l-imsemmija dokumenti, indika r-raġunijiet li minħabba fihom dawn ma jistgħux jiġu żvelati.

46      Id-dokumenti li talab għall-aċċess għalihom ir-rikorrent huma dawn li ġejjin:

–        ir-rendikont tal-intervista tas-27 ta’ Novembru 2007 (iktar ʼil quddiem id-“dokument 1”;

–        l-ittra tal-OLAF tal-21 ta’ Mejju 2010 (iktar ʼil quddiem id-“dokument 2”);

–        id-deċiżjoni interna tal-OLAF tas-16 ta’ Ottubru 2007 dwar in-nomina ta’ investigatur (iktar ʼil quddiem id-“dokument 3”);

–        ir-rapport ta’ verifika fuq il-post tad-29 ta’ Lulju 2010 (iktar ʼil quddiem id-“dokument 4”);

–        l-ittra intiża għall-OLAF, li waslet fl-14 ta’ Settembru 2010 (iktar ʼil quddiem id-“dokument 5”);

–        l-ittra intiża għall-OLAF, li waslet fil-25 ta’ Ġunju 2009 (iktar ʼil quddiem id-“dokument 6”);

–        l-informazzjoni intiża għall-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF tad-19 ta’ Settembru 2008 dwar il-fajl li ilu miftuħ għal iktar minn disa’ xhur (iktar ʼil quddiem id-“dokument 7”);

–        il-ftuħ tal-investigazzjoni esterna tas-16 ta’ Ottubru 2007 (iktar ʼil quddiem id-“dokument 8”).

47      Fid-dawl tal-argumenti tar-rikorrent imressqa insostenn tat-talbiet tiegħu intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-OLAF li jirrifjuta milli jagħti aċċess għad-dokumenti mitluba, hemm lok, qabel kollox, li jiġi stabbilit jekk l-OLAF issodisfax l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni, sussegwentement, li jiġu eżaminati jekk il-motivi mogħtija minn dan tal-aħħar fir-rigward tal-eċċezzjonijiet invokati humiex fondati u, fl-aħħar nett, jekk jeżistix interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni.

48      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-OLAF issodisfa l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni. F’dan ir-rigward, hija l-istituzzjoni li tkun irrifjutat l-aċċess għal dokument li għandha tipprovdi motivazzjoni li tippermetti li jiġi mifhum u vverifikat, minn naħa, jekk id-dokument mitlub effettivament jaqax fl-ambitu tal-eċċezzjoni invokata u, min-naħa l-oħra, jekk il-ħtieġa ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ din l-eċċezzjoni hijiex reali (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2013, Besselink vs Il-Kunsill, T-331/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Fil-każ ineżami, l-OLAF wera b’mod ċar lir-rikorrent l-eċċezzjonijiet li fuqhom kien ibbaża r-rifjut tiegħu għall-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni billi invoka, l-ewwel nett, għal dawn id-dokumenti kollha, kemm l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-ħarsien tal-iskopijiet rigward l-attivitajiet ta’ ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki, kif ukoll l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tal-imsemmi regolament, dwar il-privatezza u l-integrità tal-individwu, u t-tieni nett, għad-dokumenti 1, 3, 4, 7, u 8, l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament, dwar il-ħarsien tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjoni, u t-tielet nett, għad-dokumenti 1, 2, 4, 6 u 7, l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament, dwar il-ħarsien tal-interessi kummerċjali.

50      Skont l-ittra tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF tal-10 ta’ Ġunju 2011, id-dokumenti 1, 3, 4, 7 u 8 ġew redatti għal użu intern u jagħmlu parti mid-deliberazzjonijiet jew konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-OLAF. Id-dokumenti 2, 4 u 5 jirrigwardaw il-korrispondenza bejn l-OLAF u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u jinkludu informazzjoni operazzjonali skambjata fil-kuntest ta’ attivitajiet ta’ investigazzjoni li saru mill-OLAF u mill-awtoritajiet nazzjonali f’ċerti każi speċifiċi. Fl-aħħar nett, id-dokument 6 jirrigwarda ittra ta’ operatur ekonomiku ieħor li jipprovdi informazzjoni utli lill-OLAF. Dawn id-dokumenti kollha jiżvelaw eċċezzjonijiet previsti mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Sussegwentement, l-OLAF eżamina jekk kienx hemm interess pubbliku superjuri u wasal għall-konklużjoni li dan ma kienx il-każ. Huwa enfasizza, f’dan ir-rigward, li fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-investigazzjonijiet kontra l-frodi u b’mod partikolari tan-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni miġbura mill-OLAF, hemm bżonn li jkunu jeżistu elementi ċari li jagħtu prova tal-eżistenza ta’ interess superjuri li jiġġustifika l-iżvelar lill-pubbliku ta’ dokumenti relatati ma’ investigazzjoni. Fl-aħħar nett, l-OLAF eżamina l-possibbiltà li jagħti aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba, però, peress li l-informazzjoni li tinsab f’dawn id-dokumenti taqa’ minn tal-inqas taħt waħda mill-eċċezzjonijiet invokati, minn dan huwa kkonkluda li dan l-aċċess ma setax jingħata.

51      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fondatezza tad-deċiżjoni tal-OLAF li tirrigwarda r-rifjut tal-għoti lir-rikorrent tal-aċċess għall-imsemmija dokumenti fir-rigward tal-eċċezzjonijiet invokati, b’mod iktar partikolari l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-ħarsien tal-iskopijiet rigward l-attivitajiet ta’ ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki, huwa stabbilit li t-tmien dokumenti inkwistjoni jagħmlu effettivament parti minn attività ta’ investigazzjoni fis-sens ta’ dan l-artikolu u li l-attivitajiet ta’ investigazzjoni kienu għadhom għaddejjin fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

52      Konsegwentement, l-OLAF kellu, prinċipalment, id-dritt li jinvoka l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T-391/03 u T-70/04, Ġabra p. II-2023, punt 113).

53      Huwa minnu li l-fatt li dokument jirrigwarda attività ta’ spezzjoni jew ta’ investigazzjoni ma huwiex, fih innifsu, biżżejjed sabiex jiġġustifika l-eċċezzjoni invokata. L-istituzzjoni kkonċernata għandha wkoll tagħti spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-aċċess tal-imsemmi dokument jistax konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett bl-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

54      Madankollu, fil-każ ineżami, huwa xieraq li jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li l-OLAF indika fl-ittra tad-Direttur Ġenerali tiegħu tal-10 ta’ Ġunju 2011 ir-raġunijiet għalfejn l-iżvelar tad-dokumenti, li tagħhom kien intalab l-aċċess, kien jippreġudika l-interess protett. Għalhekk, minbarra l-fatt li d-dokumenti 1 sa 8 kienu effettivament jirrigwardaw investigazzjoni li kienet għadha għaddejja, bosta dokumenti kienu jiżvelaw il-provi li kienu nġabru minn diversi sorsi u żvelar tagħhom ikun jista’ jwissi lill-persuni jew lill-entitajiet li huma s-suġġett tal-investigazzjoni qabel ma l-provi kollha jkunu nġabru. Barra minn dan, dawn id-dokumenti jistgħu wkoll jikkostitwixxu provi fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali u l-iżvelar tagħhom għaldaqstant jista’ jikkomprometti l-użu effiċjenti tagħhom mill-imsemmija qrati. Barra minn hekk, id-dokumenti 1, 2, 4, 5 u 7 jippreżentaw l-istrateġija tal-OLAF kif ukoll il-mod kif mexxa l-investigazzjoni. L-iżvelar tagħhom jista’ jipprovdi indikazzjonijiet dwar kif huwa qiegħed jittratta dan il-każ u għaldaqstant jippreġudika l-effiċjenza tad-dmirijiet tal-OLAF. Id-dokumenti 2, 4 u 5 kollha jirrigwardaw l-iskambji ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni u l-iżvelar tagħhom jista’ jippreġudika l-klima ta’ kunfidenzjalità reċiproka indispensabbli għall-funzjonament mingħajr xkiel tal-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-investigazzjoni inkwistjoni. Iktar minn hekk, l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jikxef ukoll l-istrateġiji tal-investigazzjoni, l-azzjonijiet li ttieħdu u l-interpretazzjoni tal-proċeduri. Fl-aħħar nett, l-iżvelar ta’ dokumenti lill-pubbliku, bħad-dokument 6, ittra li ġejja minn operatur ekonomiku li jipprovdi informazzjoni lill-OLAF, jesponi lill-informatur u, għaldaqstant, ma jibqax jipproteġi l-anonimat tiegħu, fatt li jwassal għall-konsegwenza li jiskoraġġixxi lil individwi milli jagħtu informazzjoni dwar frodi eventwali u, b’dan il-mod, iċaħħad lill-OLAF u lill-Kummissjoni minn informazzjoni utli sabiex jibdew bl-investigazzjonijiet intiżi għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

55      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kritika dwar it-terminu mhux raġonevoli tal-investigazzjoni inkwistjoni, huwa xieraq li din tiġi rrifjutata bħala inoperattiva. Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt li n-natura mhux raġonevoli tat-terminu tal-investigazzjoni tista’ tiġi stabbilita, tali natura ma tikkontestax il-legalità tad-deċiżjoni tal-OLAF li jirrifjuta li jagħti lir-rikorrent l-aċċess għall-imsemmija dokumenti sa fejn tirrigwarda l-eċċezzjonijiet invokati.

56      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li jiġi deċiż li l-OLAF seta’ jqis mingħajr ma jwettaq żball li l-iżvelar tad-dokumenti li għalihom kien intalab aċċess kien jippreġudika l-investigazzjoni li kienet għadha għaddejja.

57      Barra minn hekk, ir-rikorrent ma invoka, insostenn ta’ dan il-motiv, l-ebda argument intiż li jirrifjuta d-deċiżjoni tal-OLAF li tgħid li aċċess parzjali ma setax jingħata.

58      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-interess pubbliku superjuri fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hemm lok li jitfakkar li, skont it-termini tal-ittra tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF tal-10 ta’ Ġunju 2011, tali interess ma jeżistix f’dan il-każ.

59      Din l-evalwazzjoni ta’ nuqqas ta’ interess pubbliku superjuri fis-sens tal-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma hija vvizzjata b’ebda żball.

60      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-OLAF li tirrigwarda r-rifjut tal-għoti tal-aċċess lir-rikorrent għad-dokumenti inkwistjoni, l-attivitajiet tal-investigazzjoni kienu għadhom għaddejjin. Barra minn dan, ir-rikorrent ma pprovda l-ebda argument korroboranti quddiem il-Qorti Ġenerali li kien iwassal għall-kunsiderazzjoni li l-OLAF wettaq żball meta qies li ma kienx jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

61      Sa fejn ir-rikorrent isemmi l-interess pubbliku superjuri li jinsab fid-drittijiet tad-difiża, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ma jiddependix min-natura tal-interess partikolari li l-applikant għall-aċċess jista’ jew ma jistax ikollu sabiex jikseb l-informazzjoni mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C-266/05 P, Ġabra p. I-1233, punt 44).

62      Barra minn dan, l-argument tar-rikorrent fis-sens li l-fatt li ma għandux aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni jikser id-drittijiet tad-difiża tiegħu u jmur kontra l-Artikolu 42 u l-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali lanqas ma jista’ jintlaqa’. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, fl-ewwel lok, dan ir-rikors ġie ppreżentat abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 wara rifjut ta’ aċċess għal xi dokumenti. Fit-tieni lok, huwa stabbilit li l-attivitajiet ta’ investigazzjoni ma kinux għadhom temmew u ma kinux għadhom waslu għat-tfassil ta’ rapport finali fil-waqt tal-preżentata ta’ dan ir-rikors lanqas għaldaqstant, għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ segwitu. Barra minn dan, għal kuntrarju ta’ dak li jallega r-rikorrent, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż li jiggarantixxi l-aċċess tal-persuni kollha għad-dokumenti, b’mod li dokument żvelat bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jsir ta’ dominju pubbliku.

63      Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat li, irrispettivament mid-drittijiet eżistenti bis-saħħa tar-Regolament Nru 1049/2001, l-OLAF ma huwiex obbligat li jagħti lil persuna allegatament ikkonċernata minn investigazzjoni li għadha għaddejja, l-aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl ta’ din l-investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ʼil fuq, punti 255 sa 258).

64      F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li l-aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajls tal-OLAF li jirrigwardaw investigazzjoni li qiegħed jagħmel dan tal-aħħar, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta’ persuni kkonċernata li tirċievi r-rendikont tal-intervista tagħha mal-OLAF, effettivament isir matul proċedura ta’ segwitu. Fil-fatt, ir-rakkomandazzjoni finali tal-OLAF ser tiġi sottomessa lill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni jew lill-awtoritajiet nazzjonali. Fil-każ li dawn l-awtoritajiet ikollhom l-intenzjoni li jadottaw sanzjoni kontra persuna kkonċernata mill-investigazzjoni, fil-każ ineżami r-rikorrent, huma jridu jagħtuh il-possibbiltà li jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu skont il-proċedura amministrattiva jew kriminali applikabbli. Għaldaqstant, ir-rikorrent ikun imbagħad f’pożizzjoni li jeżerċita r-rimedji legali disponibbli, permezz ta’ dawn l-awtoritajiet, bla ħsara għar-regoli proċedurali applikabbli.

65      Kif jirriżulta minn dak li ntqal iktar ʼil fuq, ġie konkluż li l-OLAF ġustament irrifjuta l-aċċess għad-dokumenti li kien intalab l-aċċess għalihom, billi għamel riferiment għall-eċċezzjoni bbażata fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

66      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi rrifjutat, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrent dwar l-eċċezzjonijiet l-oħra invokati mill-OLAF sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni.

 Fuq l-ispejjeż

67      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Lian Catinis huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Kancheva

Wetter

Kreuschitz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Mejju 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.