Language of document : ECLI:EU:T:2019:291

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

7 ta’ Mejju 2019 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għal trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea vita – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Assenza ta’ karattru distintiv – Karattru deskrittiv – Kunċett ta’ karatteristika – Isem ta’ kulur – Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament (UE) 2017/1001”

Fil-Kawża T‑423/18,

Fissler GmbH, stabbilita f’Idar-Oberstein (il-Ġermanja), irrappreżentata minn G. Hasselblatt u K. Middelhoff, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn W. Schramek u D. Walicka, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tat‑28 ta’ Marzu 2018 (Każ R 1326/2017‑5), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali vita bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, M. Kancheva (Relatur) u G. De Baere, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Lulju 2018,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Settembru 2018,

wara li rat l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawża lil Imħallef Relatur ġdid sedenti fit‑Tmien Awla,

fid-dawl tal-assenza ta’ tressiq ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis‑27 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrenti, Fissler GmbH, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, taħt in-numru 15857188, hija s-sinjal verbali vita.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 7, 11 u 21 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 7: “Magni tal-kċina, tal-elettriku; spare parts u aċċessorji tal-prodotti msemmija”; [traduzzjoni mhux uffiċjali]

–        Klassi 11: “Kazzoli li jsajru bil-pressjoni, tal-elettriku; spare parts u aċċessorji tal-prodotti msemmija”; [traduzzjoni mhux uffiċjali]

–        Klassi 21: “Utensili domestiċi u kontenituri għal użu domestiku jew għal użu fil-kċina; settijiet tal-borom għat-tisjir; kazzoli tal-pressjoni, mhux elettriċi; spare parts u aċċessorji tal-prodotti msemmija”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ April 2017, l-eżaminatur irrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti koperti, għar-raġunijiet li din kienet deskrittiva u nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru°207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament°2017/1001).

5        Fl‑20 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti appellat quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), mid-deċiżjoni tal-eżaminatur.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Marzu 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, huwa qies li l-prodotti koperti kienu indirizzati qabelxejn lill-pubbliku inġenerali, iżda wkoll parzjalment lill-pubbliku speċjalizzat, pereżempju koki, u li l-livell ta’ attenzjoni kien ivarja bejn medju u għoli. Huwa żied li, peress li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija kelma fil-lingwa Svediża, wieħed kellu jibbaża ruħu fuq il-pubbliku tal-Unjoni Ewropea li jitkellem bl-Isvediż.

7        Fit-tieni lok, fir-rigward tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Bord tal-Appell qabelxejn irrileva li s-sinjal vita huwa l-forma ddeterminata u l-forma fil-plural tal-kelma “vit”, li tfisser “abjad” bl-Isvediż. Sussegwentement, huwa qies li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, ma kienx determinanti li wieħed ikun jaf jekk il-kulur abjad kienx normali għal dawn il-prodotti, iżda kien biżżejjed li dawn il-prodotti jistgħu jeżistu fil-kulur abjad u li s-sinjal seta’ kien deskrittiv għalihom. Wara li enfasizza li l-kulur abjad, mingħajr ma kien l-iktar normali, kien mill-inqas komuni biżżejjed għall-kazzoli “elettroniċi u mhux elettroniċi” (jiġifieri, elettriċi u mhux elettriċi), kif ukoll għal utensili domestiċi oħrajn, huwa qies li dan juri li konsumatur medju kien jassoċja l-prodotti koperti mal-kulur abjad u li kien ser iqis għaldaqstant it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala deskrittiva. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell irrileva li ċerti utensili għal użu fil-kċina u apparat għall-użu fid-dar kienu kemm-il darba jissejħu “prodotti bojod” bl-Ingliż (white goods) u bl-Isvediż (“vitvaror”). Billi bbaża ruħu fuq estratt mis-sit tal-internet li kien aċċessibbli mill-indirizz tal-internet http://www.vitvara.n.nu/vad-ar-vitvaror, huwa ddeduċa minn dan li uħud mill-prodotti koperti, bħall-magni tal-elettriku tal-kċina jew il-kazzoli tal-elettriku li jsajru bil-pressjoni, setgħu flimkien jiġu indikati bħala “prodotti bojod”. Huwa ppreċiża li, anki jekk dan ma kienx possibbli, għaliex huwa qabel kollox l-apparat domestiku kbir, bħall-magni tal-ħasil u l-magni tal-ħasil tal-platti, li huwa indikat bħala “prodotti bojod”, dan kien juri madankollu b’mod ċar li l-kulur abjad kien assoċjat b’mod ġenerali mal-utensili domestiċi. Fl-aħħar nett, huwa kkonkluda minn dan li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kellha karattru purament deskrittiv.

8        Fit-tielet lok, fir-rigward tal-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Bord tal-Appell qies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tinftiehem mill-pubbliku rilevanti bħala sempliċi messaġġ oġġettiv fis-sens li l-prodotti koperti kienu prodotti disponibbli fil-kulur abjad. Huwa kkonkluda minn dan li l-imsemmija trade mark kienet purament deskrittiva u, konsegwentement, ma kellha ebda karattru distintiv. Skont l-istess Bord tal-Appell, kull manifattur ta’ magni tal-kċina u ta’ settijiet tal-borom għat-tisjir seta’ jimmanifattura l-prodotti tiegħu fl-abjad u għaldaqstant din it-trade mark ma kinitx xierqa sabiex tiddistingwi l-prodotti tar-rikorrenti minn dawk ta’ impriżi oħrajn. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ċaħad l-argument tar-rikorrenti dwar trade marks irreġistrati oħrajn u komposti unikament minn kuluri.

 It-talbiet tal-partijiet

9        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

10      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għal-ispejjeż.

 Id-dritt

11      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, u fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament. Essenzjalment, hija targumenta li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma għandhiex karattru deskrittiv għall-prodotti koperti u tgawdi mill-karattru distintiv meħtieġ għalihom.

 Osservazzjoni preliminari fuq id-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti

12      Preliminarjament, għandu jiġi ddefinit il-pubbliku rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ raġunijiet assoluti għal rifjut.

13      Minn naħa, fil-punti 13 sa 15 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-konsumatur medju tal-prodotti koperti kien fl-ewwel lok il-“konsumatur ġenerali”, jiġifieri l-pubbliku inġenerali, iżda wkoll parzjalment pubbliku speċjalizzat, pereżempju koki, u li l-livell ta’ attenzjoni għaldaqstant kien ivarja bejn medju u għoli. Madankollu huwa żied li mill-ġurisprudenza fil-qasam ta’ raġunijiet relattivi għal rifjut kien jirriżulta li, jekk il-prodotti u s-servizzi kienu jirrigwardaw kemm il-konsumaturi medji kif ukoll pubbliku speċjalizzat, il-pubbliku bil-livell ta’ attenzjoni l-iktar baxx kellu jittieħed inkunsiderazzjoni u li, f’dan il-każ, wieħed kellu jibbaża ruħu fuq il-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku inġenerali. Fl-aħħar nett huwa ppreċiża li, minkejja li s-sinjal kien intiż għal pubbliku speċjalizzat b’livell ta’ attenzjoni għoli, dan ma kienx ifisser li huwa jakkwista karattru distintiv, għaliex sinjal li t-tifsira deskrittiva tiegħu ma tinftiehemx mill-konsumatur medju tista’ tinftiehem immedjatament minn pubbliku speċjalizzat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ottubru 2011, Chestnut Medical Technologies vs UASI (PIPELINE), T‑87/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:582, punti 27 u 28).

14      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li l-pubbliku rilevanti huwa speċjalizzat ma jistax ikollu influwenza determinanti fuq il-kriterji legali użati għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ sinjal. Għalkemm huwa minnu li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti speċjalizzat huwa, naturalment, ogħla minn dak tal-konsumatur medju, ma jsegwix neċessarjament li karattru distintiv iktar dgħajjef tas-sinjal ikun suffiċjenti meta l-pubbliku rilevanti huwa speċjalizzat. Fil-fatt, il-prinċipju li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li jipprovdi li, sabiex jiġi evalwat jekk trade mark hijiex nieqsa jew le minn karattru distintiv, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-impressjoni ġenerali li din tipproduċi, ikun jista’ jitqiegħed inkwistjoni jekk il-livell ta’ distintività ta’ sinjal verbali kien jiddependi, b’mod ġenerali, fuq il-livell ta’ speċjalizzazzjoni tal-pubbliku rilevanti (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Smart Technologies vs UASI, C‑311/11 P, EU:C:2012:460, punti 48 sa 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan japplika wkoll għall-evalwazzjoni tal-kriterju deskrittiv ta’ sinjal.

15      F’dan il-każ, huwa għaldaqstant ġustament li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq il-perċezzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni mill-pubbliku inġenerali u ma rrikonoxxiex inċidenza partikolari għall-perċezzjoni tiegħu minn pubbliku speċjalizzat, pereżempju koki,

16      Min-naħa l-oħra, fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li, konformement mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament 2017/1001, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal għandha tiġi rrifjutata anki jekk ir-raġuni għal rifjut teżisti biss f’parti tal-Unjoni. Huwa qies li, peress li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija kelma li ġejja mil-lingwa Svediża, l-evalwazzjoni tal-possibbiltà li din tiġi protetta għandha tkun ibbażata fuq il-pubbliku tal-Unjoni li jitkellem bl-Isvediż.

17      F’dan ir-rigward, mingħajr ma tingħata deċiżjoni f’dan l-istadju għall-kwistjoni dwar jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hijiex effettivament ipperċepita bħala kelma Svediża, għandu jiġi rrilevat li r-raġunijiet assoluti għal rifjut invokati mill-eżaminatur u mill-Bord tal-Appell jirrigwardaw il-lingwa Svediża, b’mod illi l-pubbliku rilevanti għall-evalwazzjoni tagħhom huwa l-pubbliku tal-Unjoni li jitkellem bl-Isvediż, jiġifieri l-konsumatur Svediż jew Finlandiż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2014, Pågen Trademark vs UASI (gifflar), T‑520/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:620, punti 19 u 20).

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 2017/1001

18      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tallega, fl-ewwel lok, li, meta tintuża b’mod iżolat, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma jkollha ebda kontenut espliċitament deskrittiv u għaldaqstant jidher improbabbli li l-kelma “vita” effettivament tinftiehem mill-konsumatur Svediż fis-sens ta’ “abjad”. Hija tikkritika lill-EUIPO li ma ħax suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-fatt li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma tikkonċernax l-aġġettiv “vit” (“abjad”) fil-forma bażika tagħha li tinsab fid-dizzjunarji, iżda l-kelma “vita” meqjusa b’mod iżolat. Issa, bl-Isvediż, din il-kelma qatt ma tintuża b’mod iżolat, iżda dejjem b’rabta ma’ nom li tirrelata miegħu. F’dak li jirrigwarda l-kelma “vita” użata b’mod iżolat, l-EUIPO ma stabbilixxiex l-eżistenza ta’ kontenut fuq l-ewwel livell, dwar ċerti karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni u ma pprovda ebda prova f’dan is-sens. Użata b’mod iżolat, il-kelma “vita” għaldaqstant ma hijiex irrikonoxxuta mill-ewwel mill-konsumatur Svediż u għaldaqstant ma hijiex assoċjata direttament ma’ “abjad” jew ma’ “bajda”. Barra min hekk, ir-rikorrenti targumenta li t-tifsira ta’ “vita” ma hijiex ċara u teħtieġ interpretazzjoni, għaliex din il-kelma tista’ tirrigwarda diversi ċirkustanzi u jkollha diversi tifsiriet f’lingwi differenti, b’mod partikolari “ħajja” jew “mod ta’ ħajja” fil-lingwi Latini bħal fit-Taljan.

19      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti targumenta li, anki jekk wieħed jibbaża ruħu fuq il-konsumatur Svediż u jitlaq mill-prinċipju li l-kelma “vita” hija assoċjata ma’ indikazzjoni ta’ kulur, huwa skorrett li l-indikazzjoni tal-kulur abjad ikollha tifsira purament deskrittiva għall-prodotti koperti, għaliex mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti ma teżisti ebda rabta suffiċjentement diretta u konkreta bejn il-kelma “vita” u l-prodotti koperti. Dan japplika b’mod partikolari għall-kazzoli li jsajru bil-pressjoni u l-kazzoli, li huma kważi esklużivament immanifatturati fi stainless steel kulur il-fidda u li għalihom il-kulur “abjad” ma huwiex użat abitwalment. Barra minn hekk, il-prodotti koperti lanqas ma jistgħu jitqiesu bħala “prodotti bojod”, espressjoni li permezz tagħha wieħed jifhem apparat elettrodomestiku bħal fridges, friżers, magni tal-ħasil tal-platti jew magni li jnixxfu l-ħwejjeġ, iżda li ma tintużax għal kazzoli li jsajru bil-pressjoni, kazzoli, spiritieri jew skutelli tal-ikel, eċċ. Għaldaqstant il-pubbliku rilevanti jassoċja dawn tal-aħħar ma’ prodotti tal-istainless steel kulur il-fidda, mingħajr l-ismijiet tal-kulur ma jkollhom ebda importanza. Peress li, fil-qasam tal-prodotti koperti, l-ismijiet tal-kulur ma għandhom ebda importanza u li l-pubbliku rilevanti ma jassoċjax kuluri partikolari mat-tagħmir tat-tisjir, isem ta’ kulur, ikun xi jkun, lanqas ma jkun ipperċepit bħala karatteristika ta’ dawn il-prodotti. Għaldaqstant ma huwiex rilevanti li l-prodotti koperti jistgħu jeżistu fil-kulur abjad ukoll, għaliex il-kriterju determinanti huwa pjuttost jekk is-sinjal jistax jintuża għal dan l-għan u jekk, fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, jistax jinftiehem bħala indikazzjoni deskrittiva ta’ karatteristika ta’ dawn il-prodotti.

20      B’dan il-mod, ir-rikorrenti targumenta li l-konsumatur Svediż medju mhux ser jikkonkludi, immedjatament u mingħajr ebda riflessjoni oħra, li l-kelma “vita” tirrigwarda utensili bojod għal użu fil-kċina. Għall-kuntrarju, dan il-konsumatur ikollu jagħmel riflessjoni f’diversi stadji sabiex jasal, mid-denominazzjoni ta’ kulur bħala tali, għal kulur tal-prodott. Barra minn hekk, ma jkunx jidher b’mod ċar għall-imsemmi konsumatur għal liema element tal-prodott għandha tirrelata l-indikazzjoni tal-kulur, peress li l-kazzoli, spiritieri, magni tal-kċina jew skutelli tal-ikel huma normalment magħmula minn diversi elementi jew, għall-inqas, minn parti interna u minn parti esterna. Għaldaqstant dan il-konsumatur mhux ser jiddeduċi mingħajr ebda riflessjoni oħra, minn sempliċi indikazzjoni ta’ kulur, jekk il-prodotti koperti jinkludux elementi ta’ kulur abjad, jekk il-kulur tagħhom huwiex kollu abjad jew jekk, pereżempju, hija biss il-parti interna li hija ta’ kulur abjad.

21      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti targumenta li l-Qorti Ġenerali u l-EUIPO kkonstataw f’diversi okkażjonijiet li l-kelma “vita” ma kellhiex tifsira deskrittiva għall-prodotti kkonċernati rispettivament u li għaldaqstant hija kellha karattru distintiv medju, fl-assenza ta’ rabta jew ta’ relazzjoni diretta ma’ dawn il-prodotti u minkejja l-karattru allużiv għall-vitalità tal-kelma “vita” (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2016, The Cookware Company vs UASI – Fissler (VITA+VERDE), T‑535/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:2, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Ir-rikorrenti tikkonkludi li l-kelma “vita”, użata b’mod iżolat, ma għandhiex, għall-konsumaturi Svediżi, it-tifsira ta’ “abjad” u, barra minn hekk, minħabba d-diversi tifsiriet li għandha u l-ħtieġa li tiġi interpretata, ma għandha ebda kontenut deskrittiv fuq l-ewwel livell, relatat ma’ karatteristika sinjifikattiva għall-pubbliku u relatata mal-prodotti li kienet saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom. Hija żżid li s-sempliċi fatt li, b’mod astratt, element ikun xieraq sabiex jikkostitwixxi indikazzjoni ta’ karatteristika ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġi ġġustifikat obbligu ta’ disponibbiltà fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001.

23      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jqis l-ewwel motiv bħala “ineffettiv”. Huwa jargumenta li l-eżami tas-sinjal għandu jsir konkretament, fil-konfront tal-prodotti koperti, u li l-konsumaturi jkunu kkonfrontati bit-trade mark tal-Unjoni Ewropea b’rabta diretta mal-prodotti li titwaħħal fuqhom, pereżempju matul ix-xiri jew fir-reklamar. Skont l-EUIPO, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi li huma meħtieġa diversi stadji ta’ riflessjoni sabiex tiġi attribwita tifsira li tagħmel sens għas-sinjal li għalih saret applikazzjoni, ma hijiex konvinċenti u, sa fejn il-prodotti huma bojod, l-allegazzjoni tagħha li tipprovdi li l-kwalitajiet tal-prodotti ma jingħarfux faċilment fis-sinjal għall-konsumaturi Svediżi hija wkoll infondata.

24      L-EUIPO jirrileva li l-kelma “vita”, użata bħala aġġettiv fil-lingwa Svediża, tikkorrispondi mal-kelma “weiße” fil-lingwa Ġermaniża jew ma’ “blanche” fil-lingwa Franċiża u li l-pubbliku Svediż ma għandu bżonn ta’ ebda traduzzjoni. Huwa jżid li l-fatt li l-kelma “vita” tintuża wkoll f’lingwi oħrajn ma jbiddel xejn għall-komprensjoni mill-kelliema nattivi tal-Isvediż. Minkejja li huwa jaċċetta li l-kelma “vita” ġeneralment ma tintużax b’mod iżolat, l-EUIPO jenfasizza li, f’eżami konkret, marbut mal-prodotti, ma huwiex neċessarju li s-sinjal ikun l-espressjoni “magni tal-elettriku tal-kċina bojod” u li l-prodotti jkunu pperċepiti u miżjuda mentalment mill-pubbliku rilevanti. Huwa jżid li l-pubbliku rilevanti li jitkellem bl-Isvediż jaf li kulur jista’ jfisser karatteristika b’rabta mal-prodotti u jipperċepixxi messaġġ informattiv li jesprimi li dawn huma prodotti bojod u mhux prodotti ta’ kulur differenti, pereżempju ta’ kulur griż fil-fidda.

25      L-EUIPO jqis li huwa ma għandux l-obbligu li jipprova li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tista’ tindika karatteristika tal-prodotti, għaliex l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 ma jirrigwardax l-użu attwali tas-sinjal. Minkejja li huwa ma jikkontestax li jeżistu diversi kazzoli u prodotti oħrajn relatati mal-kċina li huma tal-azzar, madankollu huwa jargumenta li xi kuluri oħrajn, fosthom l-abjad, jintużaw ukoll għall-prodotti koperti, b’mod illi kazzola bajda li ssajjar bil-pressjoni ma hijiex mhux normali jew partikolari. L-EUIPO jżid li, anki jekk l-abjad rari kien jintuża għall-apparat elettrodomestiku, dan ma jikkontradixxix il-fatt li dan jista’ jkun il-karatteristika prinċipali ta’ dawn il-prodotti. Huwa jargumenta li l-kulur jista’ jkun kriterju ta’ xiri fuq l-ewwel livell, jew anki li għandu jitqies bħala karatteristika essenzjali, u li xejn ma jipprekludi li l-imsemmija prodotti jkunu kompletament jew prinċipalment bojod.

26      L-EUIPO jżid li ma huwiex neċessarju li l-karatteristika tkun l-element prinċipali jew il-kriterju ta’ xiri u li, skont il-ġurisprudenza, ir-raġuni għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 hija effettiva, ftit li xejn huwa rilevanti li s-sinjal jiddeskrivi karatteristika essenzjali jew anċillari, jew anki “tkun xi tkun il-karatteristika” tal-prodotti indikati. Huwa jżid li r-reġistrazzjoni ta’ sinjal għandha tiġi rrifjutata jekk, mill-inqas f’wieħed mit-tifsiriet potenzjali tiegħu, huwa jindika karatteristika tal-prodotti kkonċernati. Issa, skont l-EUIPO, dan huwa l-każ f’dan il-każ, għaliex it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma hemmx bżonn li tiġi interpretata u ma twassalx għal proċess kumpless ta’ riflessjoni, peress li l-kelma “vita” tintuża bħala aġġettiv fil-lingwa Svediża bħala forma ta’ “abjad”. L-EUIPO “għaldaqstant ma jasalx li jifhem” għaliex tali proċess ta’ riflessjoni jwassal għall-perċezzjoni tal-imsemmija kelma, li l-messaġġ tagħha huwa sempliċi u jibqa’ informattiv, mingħajr ma jkun indeterminat jew vag. Fl-aħħar nett, il-kawżi dwar reġistrazzjonijiet preċedenti ma humiex paragunabbli u ma għandhomx effett vinkolanti f’dan il-każ.

27      Skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, għandha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, il-paragrafu 1 huwa applikabbli anki jekk ir-raġunijiet għal rifjut ikunu jeżistu f’parti biss tal-Unjoni Ewropea.

28      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni, hemm bżonn illi huwa jkollu mal-prodotti jew servizzi inkwistjoni relazzjoni suffiċjentement diretta u konkreta ta’ natura li tippermetti lill-pubbliku kkonċernat jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-imsemmija prodotti jew servizzi, jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom (sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2005, Metso Paper Automation vs UASI (PAPERLAB), T‑19/04, EU:T:2005:247, punt 25; tat‑12 ta’ Mejju 2016, Chung-Yuan Chang vs EUIPO – BSH Hausgeräte (AROMA), T‑749/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:286, punt 23, u tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Devin vs EUIPO – Haskovo (DEVIN), T‑122/17, EU:T:2018:719, punt 18).

29      Għaldaqstant, il-karattru deskrittiv għandu jiġi evalwat, minn naħa, fil-konfront tal-prodotti jew tas-servizzi li fir-rigward tagħhom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fil-konfront tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tagħhom, li huwa magħmul mill-konsumatur ta’ dawn il-prodotti jew servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2002, Ellos vs UASI (ELLOS), T‑219/00, EU:T:2002:44, punt 29; tat‑12 ta’ Mejju 2016, AROMA, T‑749/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:286, punt 24, u tas‑17 ta’ Jannar 2019, Ecolab USA vs EUIPO (SOLIDPOWER), T‑40/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:18, punt 25).

30      Barra minn hekk, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal verbali għandha tiġi rrifjutata, skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, jekk, mill-inqas f’wieħed mit-tifsiriet potenzjali tiegħu, huwa jindika karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, EU:C:2003:579, punt 32, u tat‑12 ta’ Mejju 2016, AROMA, T‑749/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:286, punt 29).

31      Fl-aħħar nett, l-interess ġenerali li jsejjes l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 jikkonsisti f’li jiġi żgurat li sinjali deskrittivi ta’ karatteristika waħda jew iktar tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom issir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark ikunu jistgħu jintużaw liberament mill-operaturi ekonomiċi kollha li joffru tali prodotti jew servizzi (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 37). Din id-dispożizzjoni tipprekludi li dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet ikunu rriżervati għal impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark (sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, EU:C:2003:579, punt 31) u li impriża timmonopolizza l-użu ta’ kelma deskrittiva, b’detriment għal impriżi oħra, inklużi l-kompetituri tagħha, li l-portata tal-vokabolarju disponibbli għalihom sabiex jiddeskrivu l-prodotti tagħhom tkun għaldaqstant ridotta (sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Larrañaga Otaño vs UASI (GRAPHENE), T‑458/13, EU:T:2014:891, punt 18; tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Colgate-Palmolive vs EUIPO (360°), T‑332/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:876, punt 17, u tal‑25 ta’ Ottubru 2018, DEVIN, T‑122/17, EU:T:2018:719, punt 19).

32      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li hemm lok tingħata deċiżjoni fuq l-ewwel motiv tar-rikorrenti, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001. Għal dan l-għan, għandhom jiġu eżaminati, waħda wara l-oħra, it-tifsira tal-kelma “vita” bl-Isvediż u r-rabta bejn din it-tifsira u l-prodotti koperti.

 Fuq it-tifsira tal-kelma “vita” bl-Isvediż

33      Ir-rikorrenti tallega li l-kelma “vita”, użata b’mod iżolat, ma hijiex irrikonoxxuta mill-bidu mill-konsumatur Svediż u, konsegwentement, ma hijiex assoċjata direttament fis-sens ta’ “abjad”. Barra minn hekk, hija targumenta li l-imsemmija kelma jista’ jkollha diversi tifsiriet f’diversi lingwi, b’mod partikolari “ħajja” jew “mod ta’ ħajja” fil-lingwi Latini bħat-Taljan.

34      Fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies il-kelma “vita” bħala l-forma ddeterminata u l-forma fil-plural tal-kelma Svediża “vit”, li tfisser “abjad”.

35      F’dan ir-rigward, minkejja li huwa minnu li l-kelma “vita” ma hijiex identika għall-forma indeterminata komuni tal-kelma “vit” li tinsab fid-dizzjunarji tal-Isvediż, hemm lok jitqies li l-imsemmija kelma xorta waħda tingħaraf mill-ewwel mill-konsumatur li jitkellem bl-Isvediż fis-sens tal-aġġettiv “abjad” fil-forma fil-plural tagħha u fil-forma ddeterminata fis-singular tagħha, anki meta tintuża b’mod iżolat. Is-sempliċi assenza ta’ nom flimkien ma’ din il-kelma ma tistax tipprekludi tali rikonoxximent mill-imsemmi konsumatur, fir-rigward ta’ aġġettiv komuni bħal dak li jfisser “abjad (bojod)”.

36      Barra minn hekk, filwaqt li huwa minnu li l-kelma “vita” jista’ jkollha diversi tifsiriet f’diversi lingwi, b’mod partikolari “ħajja” jew “mod ta’ ħajja” fil-lingwi Latini bħat-Taljan, tali fatt jibqa’ ineffettiv f’dan il-każ, għaliex it-tifsira ta’ “abjad (bojod)” fl-Isvediż tikkostitwixxi “mill-inqas waħda mit-tifsiriet potenzjali tagħha”, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 30 iktar ’il fuq.

37      Għaldaqstant l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jikkontestaw it-tifsira tal-kelma “vita” għall-pubbliku rilevanti li jitkellem bl-Isvediż għandhom jiġu miċħuda, kif stabbilit mill-Bord tal-Appell.

38      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza fuq l-assenza ta’ karattru distintiv tal-kelma “vita” ċċitata mir-rikorrenti (ara l-punt 21 iktar ’il fuq) hija nieqsa minn rilevanza f’dan il-każ, għaliex din tirrigwarda l-perċezzjoni tal-imsemmija kelma mill-pubbliku Taljan, Spanjol, Franċiż, Ġermaniż, Portugiż u Rumen, filwaqt li, f’dan il-każ, tqum il-kwistjoni dwar it-tifsira li din il-kelma għandha għall-pubbliku Svediż u Finlandiż.

 Fuq ir-rabta bejn it-tifsira tal-kelma “vita” bl-Isvediż u l-prodotti koperti

39      Ir-rikorrenti targumenta li, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, ma teżisti ebda rabta suffiċjentement diretta u konkreta bejn il-kelma “vita” bl-Isvediż u l-prodotti koperti. Skont l-istess rikorrenti, il-kulur abjad ma jintużax abitwalment għal dawn il-prodotti, li huma kważi esklużivament immanifatturati fi stainless steel kulur il-fidda. Barra minn hekk, l-imsemmija prodotti ma jistgħux jitqiesu bħala “prodotti bojod”, jiġifieri apparat elettrodomestiku,

40      Fil-punti 21 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell, essenzjalment, ibbaża l-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fuq żewġ motivi. Fl-ewwel lok, il-prodotti koperti huma disponibbli fil-kulur abjad, b’mod pjuttost komuni mingħajr ma jkun l-iktar komuni. Fit-tieni lok, dawn il-prodotti kemm-il darba jissejħu “vitvaror” (“prodotti bojod”) bl-Isvediż.

41      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-użu, ftit jew wisq komuni, tal-kulur abjad għall-manifattura tal-prodotti koperti, għandu jiġi eżaminat, qabelxejn, jekk tali użu jistax jiġi kklassifikat bħala “karatteristika” ta’ dawn il-prodotti fis-sens tal-ġurisprudenza.

42      F’dan ir-rigward, hemm lok jitfakkar li, permezz tal-użu, fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, tal-kliem “ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”, il-leġiżlatur, minn naħa, indika li dan il-kliem kellu jitqies kollu bħala li jikkorrispondi ma’ karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi u, min-naħa l-oħra, ippreċiża li din il-lista ma kinitx eżawrjenti, peress li kull karatteristika oħra ta’ prodotti jew ta’ servizzi tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni (sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 49; tal‑10 ta’ Lulju 2014, BSH vs UASI, C‑126/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2065, punt 20, u tas‑17 ta’ Jannar 2019, SOLIDPOWER, T‑40/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:18, punt 22).

43      L-għażla, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tal-kelma “karatteristika” tenfasizza l-fatt li s-sinjali koperti mill-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 huma biss dawk li jservu sabiex tiġi indikata proprjetà, faċilment rikonoxxibbli mill-partijiet ikkonċernati, tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni. B’dan il-mod, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal tista’ tiġi rrifjutata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni biss jekk ikun raġonevoli li jiġi previst li huwa ser ikun effettivament irrikonoxxut mill-partijiet ikkonċernati bħala deskrizzjoni ta’ waħda mill-imsemmija karatteristiċi (ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑10 ta’ Lulju 2014, BSH vs UASI, C‑126/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2065, punti 21 u 22 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenzi tal‑11 ta’ Ottubru 2018, M&T Emporia Ilektrikon-Ilektronikon Eidon vs EUIPO (fluo.), T‑120/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:672, punt 24; tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Bischoff vs EUIPO – Miroglio Fashion (CARACTÈRE), T‑743/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:911, punt 25, u tas‑17 ta’ Jannar 2019, SOLIDPOWER, T‑40/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:18, punt 23).

44      Barra minn hekk, filwaqt li huwa irrilevanti li tali karatteristika tkun essenzjali jew anċillari fuq il-livell kummerċjali (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, GRAPHENE, T‑458/13, EU:T:2014:891, punt 20; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C‑363/99, EU:C:2004:86, punt 102), karatteristika, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, għandha madankollu tkun “oġġettiva u inerenti għan-natura tal-prodott” jew tas-servizz (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Bundesverband Souvenir – Geschenke – Ehrenpreise vs EUIPO, C‑488/16 P, EU:C:2018:673, punt 44) kif ukoll “intrinsika u permanenti” għal dan il-prodott jew dan is-servizz (sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2015, Geilenkothen Fabrik für Schutzkleidung vs UASI (Cottonfeel), T‑822/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:797, punt 32; tal‑5 ta’ Lulju 2016, Bundesverband Souvenir – Geschenke – Ehrenpreise vs EUIPO – Freistaat Bayern (NEUSCHWANSTEIN), T‑167/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:391, punt 30, u tal‑11 ta’ Ottubru 2018, fluo., T‑120/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:672, punt 40).

45      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kulur abjad ma jikkostitwixxix karatteristika “intrinsika” u “inerenti għan-natura” tal-prodotti koperti (bħall-magni tal-kċina, il-kazzoli tal-elettriku u l-utensili domestiċi), iżda aspett purament aċċidentali u kontinġenti li jista’ jkollhom perċentwal biss minnhom jekk ikun il-każ u, fi kwalunke każ, mingħajr ma jkollu rabta diretta u immedjata man-natura tagħhom. Fil-fatt, tali prodotti huma disponibbli f’firxa ta’ kuluri, li fosthom hemm, mingħajr ebda preċedenza, il-kulur abjad. Il-Bord tal-Appell stess jirrikonoxxi dan, għaliex is-sit tal-internet li huwa jsemmi fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata jindika li “llum, l-utensili domestiċi jeżistu fil-kuluri kollha”.

46      Is-sempliċi fatt li l-prodotti koperti jkunu disponibbli fil-kulur abjad, b’mod ftit jew wisq komuni u fost kuluri oħrajn, ma huwiex ikkontestatat, iżda jirriżulta ineffettiv, peress li ma huwiex “raġonevoli”, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 43 iktar ’il fuq, li jiġi previst li, minn dan is-sempliċi fatt, il-kulur abjad ser ikun effettivament irrikonoxxut mill-pubbliku rilevanti bħala deskrizzjoni ta’ karatteristika intrinsika u inerenti għan-natura ta’ dawn il-prodotti.

47      Għaldaqstant ir-rikorrenti targumenta ġustament li huwa mingħajr rilevanza li l-prodotti koperti jistgħu jeżistu wkoll fil-kulur abjad, għaliex il-kriterju determinanti huwa pjuttost il-kwistjoni dwar jekk, fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, is-sinjal jistax jinftiehem bħala indikazzjoni deskrittiva ta’ karatteristika ta’ dawn il-prodotti.

48      Issa, dan ma huwiex il-każ f’dan il-każ, għaliex il-kelma “vita”, ipperċepita bħala li tfisser “abjad (bojod)”, ma tistax tinftiehem, mill-pubbliku rilevanti li jitkellem bl-Isvediż, bħala indikazzjoni deskrittiva ta’ karatteristika intrinsika u inerenti għan-natura tal-prodotti koperti.

49      Barra minn hekk, il-każ ineżami għandu jiġi distint mill-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2008, Colgate‑Palmolive vs UASI – CMS Hasche Sigle (VISIBLE WHITE) (T‑136/07, mhux ippubblikata, EU:T:2008:553, punti 42 u 43), li fiha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kliem “visible” u “white” kien jippermetti lill-pubbliku kkonċernat li jsir jaf immedjatament u mingħajr ebda riflessjoni oħra d-deskrizzjoni ta’ karatteristika fundamentali tal-prodotti kkonċernati, jiġifieri “toothpastes u prodotti għat-tlaħliħ tal-ħalq”, fis-sens li l-użu tagħhom jagħmel viżibbli l-kulur abjad tas-snien. F’dik il-kawża, il-“bjuda viżibbli” kienet tiddeskrivi karatteristika intrinsika u inerenti għan-natura tal-prodotti kkonċernati, jiġifieri l-għan tal-użu tagħhom jew tal-iskop tagħhom. Il-każ ineżami għandu jiġi distint ukoll mill-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2011, Cree vs UASI (TRUEWHITE) (T‑208/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:340, punt 23), li fiha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kelma “truewhite”, fit-totalità tagħha, setgħet titqies li tagħmel riferiment għal bjuda vera u li, applikata għal sorsi tad-dawl LED, din it-trade mark kienet sempliċement tiddeskrivi karatteristika essenzjali tal-imsemmija prodotti, jiġifieri l-kapaċità tagħhom li jirriproduċu dawl ta’ bjuda li jista’ jitqies bħala analogu għad-dawl naturali. F’dik il-kawża, il-“bjuda vera”, jiġifieri paragunabbli għal dik tad-dawl naturali, kienet ukoll tiddeskrivi karatteristika intrinsika u inerenti għan-natura tal-prodotti kkonċernati, jiġifieri l-kwalità tagħhom.

50      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-isem komuni “vitvaror” fl-Isvediż, li huwa msemmi mill-EUIPO sabiex jindika l-prodotti koperti, għandu jiġi enfasizzat, qabelxejn, li r-rabta bejn il-kelma “vita” (li tfisser “abjad (bojod)”) u l-kelma “vitvaror” (li tfisser “prodotti bojod”) hija biss indiretta u teħtieġ mill-pubbliku rilevanti sforz ta’ interpretazzjoni u ta’ riflessjoni.

51      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-kelma komuni “vitvaror” bl-Isvediż tapplika biss għall-“apparat elettrodomestiku kbir” (bħall-fridges, il-cookers, il-magni tal-ħasil tal-platti, il-magni tal-ħasil, il-magni li jnixxfu l-ħwejjeġ, eċċ.) u mhux għall-“apparat elettrodomestiku żgħar” (bħall-magni tal-kċina, il-kazzoli tal-elettriku, il-magni tal-kafé, it-toasters, eċċ), li bejniethom teżisti differenza importanti fir-rigward tal-kobor u tal-portabbiltà.

52      Il-Bord tal-Appell innifsu jaċċetta din il-konstatazzjoni u din id-differenza importanti meta jirrikonoxxi, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li “huwa qabelxejn l-apparat domestiku kbir, bħal pereżempju l-magni tal-ħasil u l-magni tal-ħasil tal-platti, li huma indikati bħala prodotti bojod”. Madankollu huwa jżid b’mod żbaljat li dan juri li l-kulur abjad huwa assoċjat b’mod ġenerali mal-utensili domestiċi, għaliex din tista’ tkun l-iktar l-iktar assoċjazzjoni indiretta, u mhux rabta diretta u konkreta f’moħħ il-pubbliku rilevanti.

53      B’dan il-mod, it-tranżizzjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell, l-ewwel nett tal-aġġettiv “abjad (bojod)” għall-“prodotti bojod” u, it-tieni nett, tal-“apparat elettrodomestiku kbir” għall-“apparat domestku żgħir” jew għall-utensili domestiċi tal-kċina tistabbilixxi biss rabta indiretta b’mod doppju, li tassumi riflessjoni f’diversi stadji, u mhux rabta diretta u immedjata f’moħħ il-pubbliku rilevanti.

54      L-evokazzjoni tal-prodotti koperti, jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom, li l-kelma “vita” tista’ ġġib għall-attenzjoni tal-pubbliku rilevanti permezz tal-assoċjazzjoni, l-ewwel nett, mal-kelma Svediża “vitvaror” jew ma’ “apparat domestiku kbir” sussegwentement, it-tieni nett, għall-“apparat domestiku żgħir” hija l-iktar l-iktar indiretta b’mod doppju u ma tippermettix lill-imsemmi pubbliku jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti inkwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom. Tali rabta tibqa’ “vaga u indeterminata wisq” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2002, ELLOS, T‑219/00, EU:T:2002:44, punti 43 u 44) sabiex tagħmel is-sinjal “vita” deskrittiv.

55      Barra minn hekk, il-każ ineżami għandu jiġi distint mill-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2006, Telefon & Buch vs UASI – Herold Business Data (WEISSE SEITEN) (T‑322/03, EU:T:2006:87, punti 95 sa 99), li fiha l-Qorti Ġenerali rrilevat li l-frażi “weiße Seiten” (li tfisser “paġni bojod”) kienet saret sinonima, fil-lingwa Ġermaniża, ma’ “direttorju tat-telefon ta’ l-individwi” u għaldaqstant setgħet titqies bħala deskrittiva tal-prodotti li kienu koperti taħt l-isem komuni, fil-kwalità tagħha bħala sinonima ma’ tali direttorju u mhux minħabba l-kulur abjad tal-paġni ta’ dan id-direttorju. F’dik il-kawża, it-trade mark ikkontestata kienet tikkostitwixxi hija nfisha l-isem komuni, għall-kuntrarju tal-kelma “vita” użata għal dik ta’ “vitvaror”, u kienet tindika direttament il-prodotti kkonċernati, u mhux kategorija oħra ta’ prodotti, bħall-“apparat elettrodomestiku żgħir” fil-konfront tal-“apparat elettrodomestiku kbir” f’din il-kawża.

56      Konsegwentement, ebda wieħed miż-żewġ motivi invokati mill-Bord tal-Appell (ara l-punt 40 iktar ’il fuq) ma huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta u konkreta, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 28 iktar ’il fuq, bejn il-kelma “vita” bl-Isvediż u l-prodotti koperti. Il-Bord tal-Appell ma weriex li l-pubbliku rilevanti, meta jkun iffaċċjat bit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, ikollu l-perċezzjoni tagħha, immedjatament u mingħajr riflessjoni oħra, bħala deskrizzjoni tal-imsemmija prodotti jew ta’ waħda mill-karatteristiċi intrinsiċi u inerenti għan-natura tagħha.

57      Għaldaqstant il-kelma “vita” ma hijiex deskrittiva ta’ karatteristika tal-prodotti inkwistjoni u, għalhekk, ma taqax taħt il-kappa tar-raġuni għal rifjut stipulata fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001.

58      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 meta huwa kkonkluda, b’mod żbaljat, li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kellha rabta suffiċjentement diretta u konkreta mal-prodotti koperti sabiex ikollha karattru deskrittiv fil-konfront tagħhom.

59      Għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jintlaqa’.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001

60      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti targumenta li, peress li l-pubbliku rilevanti mhux ser jipperċepixxi fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kontenut purament deskrittiv marbut mal-prodotti koperti u li din it-trade mark tissodisfa b’mod sħiħ il-funzjoni tagħha ta’ indikazzjoni ta’ oriġini, ma hemmx lok li jitneħħielha kwalunkwe karattru distintiv u lanqas li tinżamm ir-raġuni assoluta għal rifjut msemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001. Hija tirrileva, b’mod partikolari, li l-għan tal-imsemmi artikolu, li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-pubbliku mill-monopolji, ma jiġix imminat, għaliex l-operaturi l-oħrajn tas-suq ma humiex dipendenti fuq l-użu tal-kelma “vita” fil-forma konkreta li għaliha saret applikazzjoni.

61      Ir-rikorrenti żżid li, favur il-karattru distintiv ta’ indikazzjonijiet ta’ kuluri, sa fejn il-kelma “vita” tkun ipperċepita f’dan is-sens, hemm, barra minn hekk, in-numru kbir ta’ reġistrazzjonijiet ta’ trade marks tal-Unjoni li għandhom ismijiet ta’ kulur. Dan juri li isem ta’ kulur jista’, mill-perspettiva tal-konsumaturi rilevanti, jiġi pperċepit bħala indikazzjoni ta’ oriġini, anki meta l-prodott kopert mit-trade mark ikollu kulur li jikkorrispondi mal-imsemmi isem ta’ kulur (bħat-trade marks tal-Unjoni Ewropea Nru 3115136 BLUE għal “magni għat-tqaxxir tal-leħja”, Nru 3757663 WHITE għal “magni tal-ħjata”, Nru 1078989 ORANGE għal “apparat u settijiet tal-borom għat-tisjir” u Nru 12131314 PURPLE għal “ħlewwiet”).

62      Ir-rikorrenti tikkonkludi minn dan li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni lanqas ma hija nieqsa mill-karattru distintiv meħtieġ, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, għall-prodotti koperti.

63      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jqis it-tieni motiv bħala “ineffettiv”. Huwa jżid li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tindika l-kulur tal-prodotti u hija meqjusa bħala referenza informattiva għall-kulur tal-prodotti inkwistjoni, b’mod illi din ma għandhiex funzjoni ta’ oriġini u ta’ karattru distintiv. Huwa jżid li l-fatt li, f’deċiżjonijiet li ma kinux jikkonċernaw b’mod ċar il-lingwa Svediża u l-pubbliku li jitkellem bl-Isvediż, karattru distintiv ġie attribwit għall-element “vita” fi kliem kompost, ma huwiex rilevanti f’dan il-każ.

64      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kull waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament 2017/1001 hija indipendenti mill-oħrajn u teżiġi eżami separat, anki jekk il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom jidħlu fuq xulxin b’mod evidenti. Barra minn hekk, l-imsemmija raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-interess ġenerali li jsejjes kull waħda minnhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑8 ta’ April 2003, Linde et, C‑53/01 sa C‑55/01, EU:C:2003:206, punti 67 u 71; tat‑12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C‑363/99, EU:C:2004:86, punti 68 u 69; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2004, SAT.1 vs UASI, C‑329/02 P, EU:C:2004:532, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Minn dan isegwi li l-fatt li trade mark ma taqax taħt waħda minn dawn ir-raġunijiet assoluti għal rifjut ma jippermettix li jiġi konkluż li din ma tistax taqa’ taħt oħra. Għaldaqstant ma jistax jiġi konkluż, b’mod partikolari, li trade mark ma hijiex nieqsa minn karattru distintiv fil-konfront ta’ ċerti prodotti jew servizzi għas-sempliċi raġuni li din ma tiddeskrivihomx (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑8 ta’ April 2003, Linde et, C‑53/01 sa C‑55/01, EU:C:2003:206, punt 68, u tat‑12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C‑363/99, EU:C:2004:86, punti 70 u 71).

66      Fil-fatt, l-interess ġenerali li jsejjes l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 jirrigwarda l-protezzjoni tal-konsumatur billi jippermettilu jiddistingwi mingħajr konfużjoni possibbli l-provenjenza tal-prodotti jew tas-servizzi indikati mit-trade mark, konformement mal-funzjoni essenzjali tagħha ta’ indikazzjoni ta’ oriġini, filwaqt li l-interess ġenerali li jsejjes ir-regola stipulata fl-Artikolu 7(1)(c) jirrigwarda l-protezzjoni tal-kompetituri kontra kull riskju ta’ monopolju minn operatur wieħed ta’ indikazzjonijiet deskrittivi ta’ karatteristiċi ta’ tali prodotti jew servizzi (ara l-punt 31 iktar ’il fuq).

67      B’dan il-mod, trade mark mhux deskrittiva, bħal f’dan il-każ, ma hijiex barra minn hekk distintiva. F’tali każ, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk, intrinsikament, din hijiex nieqsa minn karattru distintiv, jiġifieri jiġi vverifikat jekk din tistax tissodisfa l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità ta’ oriġini tal-prodott jew tas-servizz indikat mit-trade mark, billi tippermettilu jiddistingwi mingħajr konfużjoni possibbli dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom provenjenza oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Frar 2015, nMetric vs UASI (SMARTER SCHEDULING), T‑499/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:74, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Mejju 2016, AROMA, T‑749/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:286, punt 57).

68      Skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, trade marks li ma għandhomx karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati. Skont ġurisprudenza stabbilita, it-trade marks koperti minn din id-dispożizzjoni huma dawk li huma meqjusa li ma humiex kapaċi jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li jidentifikaw l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni, sabiex b’dan il-mod jippermettu lill-konsumatur li jakkwista l-prodott jew is-servizz indikat mit-trade mark li, f’akkwist sussegwenti, jagħmel l-istess għażla, jekk l-esperjenza tirriżulta li tkun pożittiva, jew jagħmel għażla oħra, jekk tirriżulta li tkun negattiva (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2016, AROMA, T‑749/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:286, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2017, GeoClimaDesign/EUIPO – GEO (GEO), T‑280/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:913, punt 56, u tat‑12 ta’ Diċembru 2018, CARACTÈRE, T‑743/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:911, punt 49).

69      Dan il-karattru distintiv għandu jiġi evalwat, minn naħa, fil-konfront tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, minn naħa l-oħra, fil-konfront tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti, li huwa kkostitwit mill-konsumatur ta’ dawn il-prodotti jew servizzi, għandu ta’ dan il-karattru distintiv (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, Audi vs UASI, C‑398/08 P, EU:C:2010:29, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2016, AROMA, T‑749/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:286, punt 59; tal‑14 ta’ Diċembru 2017, GEO, T‑280/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:913, punt 57, u tat‑12 ta’ Diċembru 2018, CARACTÈRE, T‑743/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:911, punt 50).

70      F’dan il-każ, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet tinftiehem mill-pubbliku rilevanti bħala sempliċi messaġġ oġġettiv fis-sens li l-prodotti koperti kienu prodotti disponibbli fil-kulur abjad. Huwa kkonkluda minn dan li l-imsemmija trade mark kienet purament deskrittiva u, konsegwentement, ma kellha ebda karattru distintiv. Skont l-istess Bord tal-Appell, kull manifattur ta’ magni tal-kċina u ta’ settijiet tal-borom għat-tisjir seta’ jimmanifattura l-prodotti tiegħu fl-abjad u għaldaqstant din it-trade mark ma kinitx xierqa sabiex tiddistingwi l-prodotti tar-rikorrenti minn dawk ta’ impriżi oħrajn.

71      Issa, ġie kkonstatat, fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel motiv, li l-kulur abjad ma jikkostitwixxix karatteristika intrinsika u inerenti għan-natura tal-prodotti koperti u li s-sempliċi fatt li l-prodotti koperti jkunu disponibbli fil-kulur abjad, fost kuluri oħrajn, jirriżulta li huwa ineffettiv, peress li ma huwiex raġonevoli li jitqies li, minħabba dan is-sempliċi fatt, il-kulur abjad ser ikun effettivament irrikonoxxut mill-pubbliku rilevanti bħala deskrizzjoni ta’ karatteristika intrinsika u inerenti għan-natura ta’ dawn il-prodotti (ara l-punti 45 sa 47 iktar ’il fuq).

72      Għaldaqstant, sa fejn il-Bord tal-Appell iddeduċa l-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni bħala sempliċi konsegwenza mill-allegat karattru “purament deskrittiv” tagħha, li ma huwiex stabbilit, għandu jiġi kkonstatat li din id-deduzzjoni hija bbażata fuq premessa żbaljata u għaldaqstant tirriżulta li hija infondata.

73      Barra minn hekk, sa fejn il-Bord tal-Appell ikkonkluda li hemm assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni mill-komprensjoni tiegħu bħala sempliċi messaġġ oġġettiv skont liema l-prodotti koperti huma disponibbli fil-kulur abjad, hemm lok jitqies li l-pubbliku rilevanti li jitkellem bl-Isvediż mhux ser jipperċepixxi fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni deskrizzjoni ta’ karatteristika intrinsika tal-prodotti koperti u mhux ser jassoċċjaha direttament ma’ dawn il-prodotti. Għall-kuntrarju, il-kelma “vita” ser teħtieġ ċertu sforz ta’ interpretazzjoni min-naħa tal-konsumaturi Svediżi u Finlandiżi. Dawn mhux ser jifhmu t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni bħala sempliċi messaġġ oġġettiv skont liema l-imsemmija prodotti huma disponibbli fil-kulur abjad, iżda pjuttost bħala indikazzjoni tal-oriġini tagħhom. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li din it-trade mark ser titwaħħal fuq prodotti ta’ kwalunkwe kulur, u mhux biss ta’ kulur abjad.

74      Ir-raġuni għal rifjut invokata f’dan il-każ għaldaqstant ma tistax tipprekludi li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tkun, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, xierqa sabiex tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti inkwistjoni u tiddistingwihom minn dawk ta’ impriżi oħrajn.

75      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 meta huwa kkonkluda, b’mod żbaljat, li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv fil-konfront tal-prodotti koperti abbażi tar-raġuni għal rifjut invokata f’dan il-każ.

76      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jintlaqa’ wkoll.

77      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li r-rikors jintlaqa’ fit-totalità tiegħu u, għaldaqstant, li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

78      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

79      Peress illi l-EUIPO tilef, huwa għandu jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mir-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat28 ta’ Marzu 2018 (Każ R 1326/20175) hija annullata.

2)      L-EUIPO huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Collins

Kancheva

De Baere

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Mejju 2019.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.