Language of document : ECLI:EU:T:2019:427

Kawża T307/17

adidas AG

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tad19 ta’ Ġunju 2019

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta tliet strixxi paralleli – Raġuni assoluta għal invalidità – Assenza ta’ karattru distintiv miksub permezz tal-użu – Artikolu 7(3) u Artikolu 52(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li saru l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 59(2) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Forma ta’ użu li ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni – Forma li tvarja mill-forma li fiha t-trade mark ġiet irreġistrata b’varjazzjonijiet mhux negliġibbli – Inverżjoni tal-iskema ta’ kuluri”

1.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Reġistrazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 – Eċċezzjoni – Kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu – Użu tat-trade mark f’forom li jvarjaw minn dik irreġistrata b’varjazzjonijiet negliġibbli biss – Inklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 7(1)(b) u (3) u 52(2))

(ara l-punti 52 sa 62)

2.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Reġistrazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 – Eċċezzjoni – Kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu – Karattru sempliċi ħafna tat-trade mark – Effett

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 7(1)(b) u (3) u 52(2))

(ara l-punt 72)

3.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Reġistrazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 – Eċċezzjoni – Kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu – Użu tat-trade mark f’forom li jvarjaw minn dik irreġistrata b’varjazzjonijiet negliġibbli biss – Trade mark figurattiva li tirrappreżenta tliet strixxi paralleli suwed fuq sfond abjad – Inverżjoni tal-iskema ta’ kuluri – Varjazzjoni li ma tistax tiġi kklassifikata bħala negliġibbli

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 7(1)(b)) u (3) u 52(2))

(ara l-punti 76 sa 78)

4.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Reġistrazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 – Eċċezzjoni – Kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 7(1)(b)) u (3) u 52(2))

(ara l-punti 109 sa 112)

5.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Reġistrazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 – Eċċezzjoni – Kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu – Trade mark nieqsa minn karattru distintiv fl-Unjoni kollha – Kisba permezz tal-użu wkoll fl-Unjoni kollha

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 7(1)(b) u (3) u 52(2))

(ara l-punti 143 sa 145)

6.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Reġistrazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 – Eċċezzjoni – Kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu – Saħħa probatorja tal-provi

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 7(1)(b) u (3) u 52(2))

(ara l-punti 146 sa 149)

Sunt

Fis-sentenza adidas vs EUIPO – Shoe Branding Europe (Rappreżentazzjoni ta’ tliet strixxi paralleli) (T‑307/17), mogħtija fid‑19 ta’ Ġunju 2019, il-Qorti Ġenerali ċaħdet rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) li permezz tagħha dan tal-aħħar iddikjara l-invalidità ta’ trade mark figurattiva li tirrappreżenta tliet strixxi paralleli ta’ kulur iswed fuq sfond abjad għar-raġuni li din it-trade mark kienet nieqsa minn kull karattru distintiv, inkluż dak akkwistat permezz tal-użu.

F’dan il-każ, adidas AG kienet irreġistrat trade mark figurattiva li tikkonsisti fi tliet strixxi paralleli b’distanza ndaqs bejniethom u tal-istess daqs, applikati fuq il-prodott f’liema direzzjoni tkun. Shoe Branding Europe BVBA kienet ippreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fil-konfront ta’ din it-trade mark billi invokat l-assenza ta’ karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (1), moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament. L-EUIPO kien laqa’ t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għar-raġuni li t-trade mark inkwistjoni kienet nieqsa minn kwalunkwe karattru distintiv, kemm dak intrinsiku kif ukoll dak akkwistat permezz tal-użu.

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ntalbet tiddetermina jekk, fir-rigward tal-forom ta’ użu ta’ trade mark li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, il-kunċett ta’ “użu” tat-trade mark fis-sens tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għandux jew le jiġi interpretat bl-istess mod bħall-kunċett ta’ “użu ġenwin” li jinsab fl-Artikolu 15(1) tal-istess regolament.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kunċett ta’ użu ta’ trade mark fis-sens tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat bħala li jagħmel riferiment mhux biss għall-użu tat-trade mark fil-forma li fiha ntbagħtet għar-reġistrazzjoni u, skont il-każ, irreġistrata, iżda wkoll għall-użu tat-trade mark f’forom li huma differenti minn din il-forma b’varjazzjonijiet negliġibbli biss u li, minħabba dan il-fatt, jistgħu jitqiesu bħala globalment ekwivalenti għall-imsemmija forma.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali qieset li, fil-każ ta’ trade mark sempliċi ħafna, anki bidliet żgħar magħmula lil din it-trade mark jistgħu jikkostitwixxu varjazzjonijiet mhux negliġibbli, b’mod illi l-forma emendata ma tkunx tista’ titqies iktar bħala globalment ekwivalenti għall-forma rreġistrata tal-imsemmija trade mark. Fil-fatt, iktar ma trade mark tkun sempliċi, inqas huwa probabbli li jkollha karattru distintiv u iktar bidla magħmula lil din it-trade mark tista’ taffettwa waħda mill-karatteristiċi essenzjali tagħha u b’dan il-mod li tbiddel il-perċezzjoni tal-imsemmija trade mark mill-pubbliku rilevanti.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-forma rreġistrata tat-trade mark inkwistjoni kienet ikkaratterizzata bl-użu ta’ tliet strixxi suwed fuq sfond abjad. Hija ddeduċiet minn dan li, fid-dawl tas-sempliċità kbira tat-trade mark inkwistjoni u tal-importanza tal-iskema tal-kuluri użata matul ir-reġistrazzjoni, il-fatt li din l-iskema ta’ kuluri tinqaleb ma setax jiġi kklassifikat bħala varjazzjoni negliġibbli meta mqabbel mal-forma rreġistrata tat-trade mark inkwistjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-EUIPO kien fondat li jwarrab il-provi li ma jurux it-trade mark inkwistjoni, iżda sinjali oħrajn li jikkonsistu fi tliet strixxi bojod (jew ċari) fuq sfond iswed (jew skur).


1      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1).