Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Marzu 2011 - Modelo Continente Hipermercados vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-174/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Modelo Continente Hipermercados, SA fergħa fi Spanja (Alcorcón, Spanja) (rappreżentanti: J. Buendía Sierra, E. Abad Valdenebro, M. Muñoz de Juan, R. Calvo Salinero, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali:

tammetti u tikkunsidra l-motivi ta' annullament invokati f'din il-kawża u għaldaqstant tannulla l-Artikolu 1(1) sa fejn jiddikjara li l-Artikolu 12(5) TRLIS jinkludi elementi ta' għajnuna mill-Istat;

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1(1) sa fejn jiddikjara li l-Artikolu 12(5) TRLIS jinkludi elementi ta' għajnuna mill-Istat meta japplika għal akkwist ta' ishma li jinvolvu akkwist ta' kontroll;

susisdjarjament tannulla d-deċiżjoni minħabba difett proċedurali sostanzjali, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors qed jiġi ppreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-28 ta' Ottubru 2009, Dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta' ishma barranin C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) (ĠU 2011, L 7, p. 48).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.    L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba li kkunsidrat li l-għajnuna tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

Il-Kummissjoni ma stabbilietx li l-miżura fiskali inkwistjoni tiffavorixxi "impriżi speċifiċi jew il-produzzjoni ta' oġġetti speċifiċi". Il-Kummissjoni tillimita ruħha li tassumi li l-miżura hija selettiva biss minħabba li din tapplika biss għall-akkwist ta' ishma f'kumpanniji barranin u mhux f'kumpanniji nazzjonali. Ir-rikorrenti tqis li dan ir-raġunament huwa difettuż u ċirkolari. Il-fatt li l-implementazzjoni tal-miżura analizzata, l-istess bħal kull regola fiskali oħra, hija bbażata fuq li jiġu sodisfatti ċerti rekwiżiti oġġettivi, ma jagħmilx il-miżura inkwistjoni miżura selettiva de jure jew de facto. Ir-raġunament użat mill-Kummissjoni iwassal sabiex kull regola fiskali tiġi kkunsidrata bħala prima facie selettiva.

Fit-tieni lok, it-trattament prima facie differenti tal-Artikolu 12(5) TRLIS, mhux talli ma jikkostitwixxi vantaġġ selettiv iżda talli jservi sabiex jistabbilixxi ugwaljanza fiskali bejn it-tranżazzjonijiet kollha ta' akkwist ta' ishma, kemm jekk huma nazzjonali jew barranin: minħabba li ma huwiex possibbli għalihom li jikkonkludu amalgamazzjonijiet transkonfinali, l-ammortizzazzjoni tal-avvajment tista' ssir biss fil-livell nazzjonali, li fir-rigward tiegħu jeżisti regoli tas-sistema fiskali li jippermettu dan. F'dan ir-rigward, l-Artikolu 12(5) TRLIS sempliċement jestendi din il-possibbiltà għax-xiri ta' attivi fil-kumpanniji barranin, operazzjoni li tikkostiwixxi l-ekwivalenti funzjonali l-eqreb għal amalgamazzjonijiet nazzjonali u li għaldaqstant jiffurmaw parti mill-istruttura u mil-loġika tas-sistema Spanjola.

Sussidjarjament, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija sproporzjonata peress li, minn tal-inqas, l-applikazzjoni tagħha għal każijiet ta' teħid ta' kontroll ta' impriżi barranin għandha tiġu ekwiparata għas-sitwazzjonijiet l-oħra ta' amalgamazzjonijiet nazzjonali u għaldaqstant iġġustifikata mill-istruttura u mil-loġika tas-sistema Spanjola.

2.    It-tieni motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta' difett proċedurali sostanzjali peress li ma ġietx osservata l-proċedura applikabbli għall-għajnuna eżistenti.

Id-deċiżjoni kkontestata tiċħad l-argumenti dwar l-ekwivalenza funzjonali tal-miżura billi ma taċċettax li l-amalgamazzjonijiet transkonfinali fl-UE jirriżultaw, fil-prattika, impossibbli. Skont il-Kummissjoni, l-adozzjoni sussegwenti tad-direttivi UE f'dan il-qasam, kollha kemm huma sussegwenti għad-dħul fis-seħħ tal-miżura inkwistjoni, neħħiet kwalunkwe barriera jew ostakolu li setgħu eżistew. Ir-rikorrenti tqis f'dan ir-rigward li jekk din it-teżi tal-Kummissjoni tiġi aċċettata u jekk id-direttivi tal-UE effettivament neħħew l-ostakoli għal amalgamazzjonijiet transkonfinali, quod non, xorta jibqa l-fatt li fi kwalunkwe każ din hija għajnuna eżistenti. Madankollu, il-proċedura ta' kontroll tal-għajnuna eżistenti hija sostanzjalment differenti minn dik segwita f'din il-kawża, u għalhekk hemm żball proċedurali sostanzjali.

3.    It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba żball ta' liġi meta ġie identifikat il-benefiċjarju tal-miżura.

Anki jekk jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 12(5) TRLIS fih elementi ta' għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni kellha tagħmel analiżi ekonomika komprensiva sabiex tiddetermina min kienu l-benefiċjarji tal-għajnuna potenzjali tagħha. Ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, il-benefiċjarji tal-għajnuna (fil-forma ta' prezz eċċessiv tax-xiri tal-ishma) huma l-bejjiegħa tal-ishma u mhux, kif tallega l-Kummissjoni, il-kumpanniji Spanjoli li kienu applikaw l-imsemmija miżura.

____________