Language of document : ECLI:EU:C:2020:695

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fl-10 ta’ Settembru 2020 (1)

Kawża C336/19

Centraal Israëlitisch Consistorie van België et,

Unie Moskeeën Antwerpen VZW,

Islamitisch Offerfeest Antwerpen VZW,

JG,

KH,

Executief van de Moslims van België et,

Coördinatie Comité van Joodse Organisaties van België, Section belge du Congrès juif mondial et Congrès juif européen VZW et

Partijiet oħra:

LI,

Vlaamse Regering,

Waalse Regering,

Kosher Poultry BVBA et,

Global Action in the Interest of Animals VZW (GAIA)

(Talba għal deċiżjoni preliminari mill-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1099/2009 – Protezzjoni tal-annimali waqt il-qtil – Artikolu 4(1) – Rekwiżit li l-annimali għandhom jinqatlu biss wara sturdament – Deroga – Artikolu 4(4) – Metodi partikolari ta’ qatla meħtieġa minn riti reliġjużi – Artikolu 26 – Regoli nazzjonali iktar stretti – Impożizzjoni minn Stat Membru ta’ projbizzjoni fir-rigward ta’ qatla mingħajr sturdament minn qabel – Qatla skont metodi speċjali meħtieġa minn riti reliġjużi – Sturdament riversibbli mingħajr mewt ta’ annimal ikkawżata minn sturdament jew minn sturdament wara li ssir il-qatgħa – Libertà tar-reliġjon – Artikolu 10(1) tal-Karta”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari toriġina minn ħames kawżi magħquda intiżi għall-annullament totali jew parzjali tad-decreet van het Vlaamse Gewest van 7 juli 2017 houdendewijziging van de wet van 14augustus 1986 betreffende de beschermingen het welzijn der dieren, wat de toegelatenmethodesvoor het slachten van dierenbetreft (id-digriet tar-Reġjun ta’ Vlaams tas-7 ta’ Lulju 2017 li jemenda l-Liġi tal-14 ta’ Awwissu 1986 dwar il-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali fir-rigward tal-metodi permessi għall-qatla tal-annimali) (iktar ’il quddiem id-“digriet kontenzjuż”) imressqa quddiem il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) fis-16 ta’ Jannar 2018. L-effett ta’ din il-liġi huwa essenzjalment li tipprojbixxi l-qatla ta’ annimali permezz ta’ riti tradizzjonali Lhud u Musulmani u li teħtieġ li dawn l-annimali jiġu storduti qabel il-qatla sabiex titnaqqas it-tbatija tagħhom. Il-kwistjoni prinċipali li għandha tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja hija jekk tali projbizzjoni ġenerali, fl-assenza ta’ sturdament, hijiex permessibbli taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fid-dawl tal-garanziji ta’ libertà tar-reliġjon prevista fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2.        Il-kawżi tressqu miċ-Centraal Israëlitisch Consistorie van België (il-Konċistorju Iżraelit Ċentrali tal-Belġju) et, kif ukoll mill-Unie Moskeeën Antwerpen VZW, mill-Islamitisch Offerfeest Antwerpen VZW, minn JG, minn KH, mill-Executief van de Moslims van België et, u mill-Coördinatie Comité van Joodse Organisaties van België, Section belge du Congrès juif mondial et Congrès juif européen VZW et (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”). Barra minn hekk, numru ta’ partijiet oħra, jiġifieri LI, Vlaamseregering (il-Gvern ta’ Vlaams), Waalseregering (il-Gvern ta’ Wallonie), Kosher Poultry BVBA et, u Global Action in the Interest of Animals VZW għamlu intervent fil-proċeduri.

3.        Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-digriet kontenzjuż jipprovdu li annimal vertebrat (2) jista’ jinqatel biss wara li jkun ġie stordut minn qabel. Madankollu, jekk l-annimali jinqatlu skont metodi speċjali meħtieġa minn riti reliġjużi, l-isturdament għandu jkun riversibbli u l-mewt tal-annimal ma għandhiex tkun ikkawżata mill-isturdament. Bħala deroga mill-obbligu ta’ sturdament riversibbli minn qabel tal-annimali, l-isturdament tal-annimali tal-ifrat maqtula permezz ta’ metodi speċjali meħtieġa minn riti reliġjużi jista’, fil-preżent, isir immedjatament wara li tinqata’ l-gerżuma tal-annimal (sturdament wara li ssir il-qatgħa).

4.        B’hekk, id-digriet kontenzjuż ħassar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2019, id-deroga fir-rigward tar-rekwiżit ta’ sturdament minn qabel tal-annimali li kienet preċedentement fis-seħħ taħt id-dritt nazzjonali fir-rigward tal-qatla meħtieġa minn riti reliġjużi (3). Dan huwa dak li kkawża problema għar-rikorrenti: huma jsostnu li t-tħassir ta’ din id-deroga jikkomprometti b’mod sostanzjali aspett prinċipali tal-prattiki u tat-twemmin reliġjużi tagħhom.

5.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ April 2019, tikkonċerna, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(4) u tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 (4) u l-validità ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar fid-dawl tal-Artikolu 10(1) tal-Karta.

6.        F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1099/2009 jipprovdi b’mod inekwivoku li “[l]-annimali għandhom jinqatlu biss wara sturdament”. L-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament jipprovdi, bħala deroga (5), li, fil-każ ta’ annimali suġġetti għal metodi partikolari ta’ qatla meħtieġa minn riti reliġjużi, “ir-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu m’għandhomx jiġu applikati bil-kondizzjoni li l-qatla issir f’biċċerija”. Madankollu, il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw regoli intiżi li jiżguraw protezzjoni iktar estensiva tal-annimali waqt il-qtil minn dawk previsti f’dan ir-regolament fir-rigward, inter alia, tal-qatla ta’ annimali konformement mal-Artikolu 4(4) tiegħu.

7.        Uħud mir-rikorrenti argumentaw, quddiem il-qorti tar-rinviju, li l-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 sabiex jeliminaw jew iċaħħdu mis-sinjifikat tagħha l-eċċezzjoni għal qatla meħtieġa minn riti reliġjużi prevista fl-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament. Għall-kuntrarju, il-Gvern ta’ Vlaams u ta’ Wallonie argumentaw, quddiem il-qorti tar-rinviju, li l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 jagħti speċifikament is-setgħa lill-Istati Membri li jitbiegħdu mit-termini tal-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament.

8.        B’hekk, dak li l-qorti tar-rinviju tixtieq tivverifika huwa, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 – li huwa intiż li jiżgura l-libertà tar-reliġjon konformement mal-Artikolu 10(1) tal-Karta (6) – u l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 jippermettux miżura nazzjonali li tipprojbixxi l-qtil ta’ annimali vertebrati mingħajr sturdament minn qabel u li timponi r-rekwiżit ta’ sturdament riversibbli minn qabel tal-annimali qabel il-qatla li ma jikkawżax il-mewt tagħhom jew ta’ sturdament wara li ssir il-qatgħa fil-kuntest ta’ metodi partikolari ta’ qatla meħtieġa minn riti reliġjużi.

9.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità unika sabiex tirrevedi u tespandi l-ġurisprudenza tagħha dwar ir-Regolament Nru 1099/2009 u dwar ir-rikonċiljazzjoni tal-għan li jiġi protett il-benesseri tal-annimali u tad-dritt tal-individwu taħt l-Artikolu 10(1) tal-Karta li josserva r-regoli dwar il-konsum tal-ikel imposti mir-reliġjon tiegħu.

10.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement kellha l-opportunità teżamina l-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1099/2009 u li tipprovdi interpretazzjoni tagħhom fis-sentenza tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeënen Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C‑426/16, EU:C:2018:335), u fis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, Oeuvre d’assistance aux bêtes d’abattoirs (C‑497/17, EU:C:2019:137), fil-kuntest tal-qatla ta’ annimali mingħajr sturdament minn qabel meta l-metodu tal-qatla jkun meħtieġ minn rit reliġjuż.

11.      Dawn il-kawżi kienu jikkonċernaw b’mod partikolari l-interpretazzjoni u l-validità tad-deroga prevista fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 fir-rigward tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament.

12.      Fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeënen Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C‑426/16, EU:C:2018:335), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat u finalment ikkonfermat il-validità tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 li l-qatla ritwali għandha titwettaq f’biċċeriji approvati. Fis-sentenza tagħha tas-26 ta’ Frar 2019, Oeuvre d’assistance aux bêtes d’abattoirs (C‑497/17, EU:C:2019:137), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-logo ta’ produzzjoni organika tal-Unjoni ma setax jintuża fuq prodotti minn annimali li nqatlu konformement ma’ riti reliġjużi mingħajr ma kienu storduti minn qabel, u dan minkejja li tali qatla kienet permissibbli taħt l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009. L-effett ta’ din id-deċiżjoni kien li l-logo ta’ produzzjoni organika tal-Unjoni ma jistax jintuża meta l-prodott ma jinkisibx b’osservanza tal-ogħla standards, b’mod partikolari fil-qasam tal-benesseri tal-annimali.

13.      Il-kwistjoni fil-qofol ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari hija kemxejn differenti sa fejn dan ir-rinviju jindirizza għall-ewwel darba l-interpretazzjoni u l-validità tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 li espliċitament jagħti s-setgħa lill-Istati Membri jadottaw regoli intiżi li jiżguraw protezzjoni iktar estensiva tal-annimali waqt il-qtil minn dik prevista fl-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament.

14.      Din il-kawża tirrikjedi li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis il-kwistjoni delikata ta’ jekk u, jekk ikun il-każ, sa fejn, Stat Membru, fid-dawl ta’ sensittivitajiet nazzjonali partikolari fir-rigward tal-benesseri tal-annimali, jista’ jadotta miżuri maħsuba li jipprevedu protezzjoni ikbar għall-annimali waqt il-qtil minn dik prevista fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, liema miżuri allegatament jikkostitwixxu ndħil fil-libertà tar-reliġjon stabbilita fl-Artikolu 10(1) tal-Karta. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tqis il-kwistjoni ta’ jekk il-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 26(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, li jiġu importati prodotti li joriġinaw minn annimali maqtula konformement mal-metodi partikolari ta’ qatla meħtieġa minn riti reliġjużi hijiex suffiċjenti sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon.

15.      Madankollu, qabel jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, huwa meħtieġ li jiġu identifikati d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u tat-Trattat li huma rilevanti.

II.    Il-qafas legali

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta u t-Trattat FUE

16.      L-Artikolu 10 tal-Karta, intitolat “Il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon”, jipprovdi:

“1.      Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon. Dan id-dritt jimplika l-libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, kif ukoll il-libertà li juri r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, waħdu jew ma’ oħrajn, fil-pubbliku jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti.

[…]”

17.      L-Artikolu 21 tal-Karta, intitolat “Non-diskriminazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun projbita.

[…]”

18.      L-Artikolu 22 tal-Karta, intitolat “Id-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika”, jipprovdi:

“L-Unjoni tirrispetta d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.”

19.      L-Artikolu 52 tal-Karta, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”, jipprovdi:

“1.      Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

[…]

3.      Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.

[…]”

20.      L-Artikolu 13 TFUE (li kien il-Protokoll Nru 33 tat-Trattat KE dwar il-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali (1997)) jipprovdi:

“Fil-formolazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiċi ta’ l-Unjoni dwar l-agrikoltura u s-sajd, it-trasport, is-suq intern, ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u ta’ l-ispazju, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jgħatu konsiderazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet tal-benessri ta’ l-annimali bħala esseri sensibbli, waqt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet leġislattivi jew amministrattivi u d-drawwiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu partikolarment mar-riti reliġjużi, tradizzjonijiet kulturali u l-wirt reġjonali.”

2.      Ir-Regolament Nru 1099/2009

21.      Il-premessi 2, 4, 18, 20, 43, 57, 58 u 61 tar-Regolament 1099/2009 jipprovdu:

“(2)      Il-qtil tal-annimali jista’ jwassal għal uġigħ, stress, biża’ jew forom oħra ta’ tbatija għall-annimali anke fl-aħjar kondizzjonijiet tekniċi disponibbli. Ċerti operazzjonijiet marbuta mal-qatla jistgħu jikkawżaw stress u kwalunkwe teknika ta’ sturdament tippreżenta ċerti żvantaġġi. L-operaturi tan-negozju jew kwalunkwe persuna involuta fil-qtil tal-annimali għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jevitaw l-uġigħ u jnaqqsu l-istress, t-tbatija tal-annimali waqt il-proċess tal-qtil jew l-qatla, filwaqt li jqisu l-aħjar prattika fil-qasam u l-metodi permessi skont dan ir-Regolament. Għalhekk, meta l-operaturi tan-negozju jew kwalunkwe persuna involuta fil-qtil tal-annimali jiksru wieħed mir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jew jużaw metodi ta’ prattika li ma jirriflettux l-aħħar żviluppi fil-qasam u b’hekk iwasslu għall-uġigħ, l-istress u t-tbatija minħabba negliġenza jew inkella intenzjonalment, l-uġigħ, l-istress jew it-tbatija għandhom jitqiesu li jistgħu jkunu evitati.

[…]

(4)      It-trattament xieraq tal-annimali huwa valur Komunitarju li huwa stabbilit fil-Protokoll (Nru 33) dwar il-protezzjoni u l-benessri tal-annimali anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (“il-Protokoll (Nru 33)”). Il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla hija kwistjoni ta’ interess pubbliku li taffettwa l-attitudnijiet tal-konsumatur lejn il-prodotti agrikoli. Barra minn hekk, it-titjib tal-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tal-qatla jikkontribwixxi għal laħam ta’ kwalità ogħla u indirettament għandu impatt pożittiv fuq is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fil-biċċeriji.

[…]

(18)      Ingħatat deroga mill-isturdament fil-każ ta’ qatla għal raġunijiet reliġjużi li jseħħu fil-biċċeriji permezz tad-Direttiva 93/119/KE. Minħabba li d-dispożizzjonijiet Komunitarji applikabbli għall-qatla għal raġunijiet reliġjużi ġew trasposti b’mod differenti skont il-kuntesti nazzjonali, u meta wieħed jikkunsidra li r-regoli nazzjonali jieħdu kont tad-dimensjonijiet li jmorru lil hinn mill-għan ta’ dan ir-Regolament, huwa importanti li tinżamm id-deroga mill-isturdament tal-annimali qabel il-qatla, waqt li madankollu jibqa’ ċertu livell ta’ sussidjarjetà għal kull Stat Membru. Bħala konsegwenza, ir-Regolament attwali jirrispetta l-libertà tar-reliġjon u d-dritt li r-reliġjon jew twemmin jiġi manifestat fil-qima, tagħlim, prattika u osservanza, kif iddikjarat fl-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

[…]

(20)      Ħafna metodi ta’ qtil jikkawżaw uġigħ għall-annimali. L-isturdament huwa għalhekk meħtieġ sabiex jikkawża telf tas-sensi u nuqqas ta’ sensibbiltà fl-annimali qabel jinqatlu jew fl-istess ħin li jinqatlu. Il-kejl tat-telf tas-sensi u n-nuqqas ta’ sensibbiltà ta’ annimal huwa kumpless u jeħtieġ li jitwettaq skont metodoloġija approvata xjentifikament. Madankollu, għandu jitwettaq monitoraġġ permezz ta’ indikaturi sabiex tiġi evalwata l-effikaċja tal-proċedura taħt kondizzjonijiet prattiċi.

[…]

(43)      Il-qatla mingħajr l-isturdament jeħtieġ qatgħa preċiża tal-gerżuma b’sikkina taqta’ sabiex titnaqqas it-tbatija. Barra minn hekk, l-annimali li ma jkunux imrażżna mekkanikament wara li ssir il-qatgħa x’aktarx li jbatu proċess itwal ta’ fsada u, li b’hekk, titwal għalxejn is-sofferenza tagħhom. L-annimali tal-ispeċi bovina, ovina u kaprina huma l-ispeċi l-aktar komuni maqtula b’din il-proċedura. Għalhekk, ir-ruminanti maqtula mingħajr ma jiġu storduti għandhom jitrażżnu individwalment u mekkanikament.

[…]

(57)      Iċ-ċittadini Ewropej jistennew li jiġi rispettat minimu ta’ regoli dwar it-trattament xieraq waqt il-qatla tal-annimali. F’ċerti oqsma, l-attitudnijiet lejn l-annimali jiddependu wkoll fuq il-perċezzjonijiet nazzjonali u f’xi Stati Membri hemm domanda li jinżammu jew li jiġu adotatti regoli aktar estensivi dwar it-trattament xieraq tal-annimali minn dawk miftiehma fil-livell Komunitarju. Fl-interess tal-annimali u sakemm dan ma jaffettwax l-funzjonament tas-suq intern, hu adatt li l-Istati Membri jingħataw ċerta flessibbiltà biex iżommu jew, f’ċerti oqsma speċifiċi, jadottaw regoli nazzjonali aktar estensivi.

Huwa importanti li jiġi żgurat li tali regoli nazzjonali ma jintużawx mill-Istati Membri b’mod li jippreġudikaw il-funzjonament korrett tas-suq intern.

[…]

(61)      Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi żgurat approċċ armonizzat fir-rigward ta’ standards ta’ trattament xieraq tal-annimali waqt il-qatla, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ dan ir-Regolament, jista’ għaldaqstant jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, huwa meħtieġ u kunsiljabbli għall-kisba ta’ dak l-għan li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi għall-qtil tal-annimali għall-produzzjoni tal-ikel, suf, ġilda, pil jew prodotti oħra u għal operazzjonijiet relatati. Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.”

22.      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1099/2009, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-qtil ta’ annimali mrobbija jew miżmuma għall-produzzjoni tal-ikel, suf, ġilda, pil jew prodotti oħra kif ukoll għall-qtil ta’ annimali għall-fini tad-depopolazzjoni u għal operazzjonijiet relatati.

[…]”

23.      L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“[…]

(b)      ‘operazzjonijiet relatati’ tfisser operazzjonijiet bħal immaniġġar, żamma, trażżin, sturdament u fsada tal-annimali li jseħħu fil-kuntest u fil-post fejn dawn ikunu sejrin jinqatlu;

[…]

(f)      ‘sturdament’ tfisser kwalunkwe proċess ikkaġunat intenzjonalment li jikkawża t-telf tas-sensi u s-sensibbiltà mingħajr uġigħ, inkluż kwalunkwe proċess li jirriżulta f’mewta istantanja;

(g)      ‘rit reliġjuż’ tfisser serje ta’ atti relatati mal-qatla ta’ annimali u preskritti minn reliġjon;

[…]

(j)      ‘qatla’ tfisser il-qtil ta’ annimali maħsub għall-konsum tal-bniedem;

[…]”

24.      L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, waqt il-qtil tagħhom u l-operazzjonijiet relatati, l-annimali għandhom jiġu protetti minn kull uġigħ, stress jew tbatija li jistgħu jiġu evitati.

25.      L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1099/2009, intitolat “Metodi ta’ sturdament”, jipprovdi li:

“1.      L-annimali għandhom jinqatlu biss wara sturdament konformement mal-metodi u r-rekwiżiti speċifiċi relatati mal-applikazzjoni ta’ dawk il-metodi kif imniżżel fl-Anness I. It-telf tas-sensi u s-sensibbiltà għandhom jinżammu sal-mewt tal-annimal.

Il-metodi msemmija fl-Anness I li ma jirriżultawx f’mewta istantanja (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “sturdament sempliċi”) għandhom ikunu segwiti kemm jista’ jkun malajr possibbli bi proċedura li tiżgura l-mewt bħall-fsada, l-enervazzjoni (pithing), l-elettrokuzzjoni jew l-espożizzjoni mtawla għal anossija.

[…]

4.      Fil-każ ta’ annimali suġġetti għal metodi partikolari ta’ qatla meħtieġa minn ċerti riti reliġjużi, ir-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu m’għandhomx jiġu applikati bil-kondizzjoni li l-qatla issir f’biċċerija.”

26.      L-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1099/2009, intitolat “Regoli nazzjonali aktar stretti”, jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament m’għandux jimpedixxi lill-Istati Membri milli jżommu regoli nazzjonali li għandhom l-għan li jiżguraw protezzjoni aktar estensiva tal-annimali waqt il-qatla, li jkunu fis-seħħ mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Qabel l-1 ta’ Jannar 2013, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar tali regoli nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri l-oħra dwar dawn.

2.      L-Istati Membri jistgħu jadottaw regoli nazzjonali mmirati biex tiġi żgurata l-protezzjoni aktar estensiva tal-annimali waqt il-qatla minn dawk li jinsabu f’dan ir-Regolament fir-rigward tal-oqsma li ġejjin:

[…]

(c)      il-qatla u l-operazzjonijiet relatati ta’ annimali konformement mal-Artikolu 4(2).

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’tali regoli nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri l-oħra dwar dawn.

[…]

4.      Stat Membru ma għandux jipprojbixxi jew jimpedixxi t-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni, fit-territorju tiegħu, ta’ prodotti li ġejjin minn annimali li nqatlu fi Stat Membru ieħor għar-raġunijiet li l-annimali kkonċernati ma nqatlux konformement mar-regoli nazzjonali tiegħu mmirati lejn protezzjoni tal-annimali aktar estensiva waqt il-qatla.”

B.      Id-dritt Belġjan

27.      L-Artikolu 1 tad-digriet kontenzjuż jipprovdi:

“Dan id-digriet jirregola kwistjoni reġjonali.”

28.      L-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“L-Artikolu 3 tal-Liġi tal-14 ta’ Awwissu 1986 dwar il-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali, kif emendata bil-Liġijiet tal-4 ta’ Mejju 1995, tad-9 ta’ Lulju 2004, tal-11 ta’ Mejju 2007 u tas-27 ta’ Diċembru 2012, hija emendata kif ġej:

1° il-punti 13 u 14 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

‘13° qtil: kwalunkwe proċedura applikata intenzjonalment li twassal għall-mewt ta’ annimal;

14° qatla: il-qtil ta’ annimali intiżi għall-konsum mill-bniedem;’.

2° punt 14a, li jipprovdi kif ġej, huwa introdott:

‘(14a) kwalunkwe proċedura applikata intenzjonalment fuq annimal li tikkawża t-telf tas-sensi u tas-sensibbiltà mingħajr uġigħ, inkluż kwalunkwe proċess li jirriżulta f’mewta istantanja;”

29.      L-Artikolu 3 tad-digriet kontenzjuż jipprovdi:

“L-Artikolu 15 tal-istess liġi huwa ssostitwit b’dan li ġej:

‘L-Artikolu 15

§ 1. Annimal vertebrat jista’ jinqatel biss wara sturdament minn qabel. Huwa jista’ jinqatel biss minn persuna bl-għarfien u l-kompetenzi meħtieġa, u bil-metodu li l-inqas jikkawża wġigħ, li huwa rapidu u li huwa l-iktar selettiv.

B’deroga mill-paragrafu 1, annimal vertebrat jista’ jinqatel mingħajr sturdament minn qabel:

1° fil-każ ta’ forza maġġuri;

2° fil-każ ta’ kaċċa jew sajd;

3° fil-kuntest tal-kontroll ta’ organiżmi ta’ ħsara.

§ 2. Meta l-annimali jinqatlu skont metodi speċjali meħtieġa minn riti reliġjużi, l-isturdament għandu jkun riversibbli u l-mewt tal-annimal ma għandhiex tkun ikkawżata mill-isturdament’.”

30.      L-Artikolu 4 tad-digriet ikkontestat jipprevedi:

“L-Artikolu 16 tal-istess Liġi, kif emendat bil-Liġi tal-4 ta’ Mejju 1995, bid-Digriet Irjali tat-22 ta’ Frar 2001 u bil-Liġi tas-7 ta’ Frar 2014, huwa ssostitwit bis-segwenti:

‘L-Artikolu 16

§ 1.      Il-Gvern ta’ Vlaams għandu jiddetermina l-kundizzjonijiet:

1°      għall-metodi tal-isturdament u tal-qtil ta’ annimali skont iċ-ċirkustanzi u l-ispeċi ta’ annimali;

2°      għall-kostruzzjoni, għad-diviżjoni interna u għall-apparat tal-biċċeriji;

3°      li jiggarantixxu l-indipendenza tal-persuna responsabbli għall-benesseri tal-annimali;

4°      dwar l-abbiltà tal-persuna responsabbli għall-benesseri tal-annimali, tal-persunal fil-biċċeriji u tal-persuni assoċjati mal-qtil tal-annimali, inklużi l-kontenut u l-organizzazzjoni tat-taħriġ u tal-eżamijiet, u dwar il-ħruġ, l-irtirar u s-sospensjoni ta’ ċertifikati maħruġa f’dan ir-rigward.

§ 2      Il-Gvern ta’ Vlaams jista’ japprova stabbilimenti għall-qatla fi grupp ta’ annimali intiżi għal konsum domestiku privat u jista’ jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-qatla barra minn biċċerija ta’ annimali intiżi għal konsum domestiku privat.’.”

31.      L-Artikolu 5 tad-digriet kontenzjuż jipprovdi:

“Fl-istess Liġi, kif l-aħħar emendata bil-Liġi tas-7 ta’ Frar 2014, huwa introdott Artikolu 45 b, li jipprovdi kif ġej:

‘Artikolu 45 b Bħala deroga mill-Artikolu 15, l-isturdament ta’ annimali tal-ifrat maqtula permezz ta’ metodi speċjali meħtieġa minn riti reliġjużi jista’ jitwettaq immedjatament wara li tinqata’ l-gerżuma, u dan sad-data li fiha l-Gvern ta’ Vlaams jiddeċiedi li l-isturdament riversibbli għandu japplika fil-prattika għal dawn l-ispeċi ta’ annimali.’.”

32.      L-Artikolu 6 tad-digriet kontenzjuż jipprovdi li dan jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2019.

III. Il-fatti fil-kawżi prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari

33.      Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ressqu numru ta’ azzjonijiet għall-annullament tad-digriet kontenzjuż quddiem il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali).

34.      Insostenn tal-azzjonijiet għal annullament tagħhom quddiem il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali), ir-rikorrenti essenzjalment jinvokaw:

L-ewwel, ksur tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni, sa fejn Lhud u Musulmani qegħdin jiġu mċaħħda mill-garanzija prevista fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 fis-sens li l-qatla ritwali ma tistax tiġi suġġetta għar-rekwiżit ta’ sturdament minn qabel, u sa fejn id-digriet kontenzjuż, bi ksur tal-Artikolu 26(2) tal-imsemmi regolament, ma ġiex, allegatament, innotifikat lill-Kummissjoni Ewropea fil-ħin;

It-tieni, ksur tal-libertà tar-reliġjon, billi huwa impossibbli għal Lhud u Musulmani, minn naħa, li joqtlu annimali konformement mar-regoli tar-reliġjon tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jiksbu laħam minn annimali maqtula konformement ma’ dawn ir-regoli reliġjużi;

It-tielet, ksur tal-prinċipju ta’ separazzjoni bejn il-Knisja u l-Istat, sa fejn id-dispożizzjonijiet tad-digriet kontenzjuż allegatament jistabbilixxu l-mod kif għandu jitwettaq rit reliġjuż;

Ir-raba’, ksur tad-dritt għal xogħol u għal għażla libera ta’ professjoni, tal-libertà ta’ intrapriża u tal-moviment liberu ta’ oġġetti u servizzi għaliex huwa impossibbli għal biċċiera reliġjużi li jipprattikaw il-professjoni tagħhom, sa fejn huwa impossibbli għal biċċiera u għal ħwienet tal-biċċiera li joffru laħam lill-klijenti tagħhom bil-garanzija li dan il-laħam ikun ġej minn annimali maqtula konformement ma’ regoli reliġjużi, u għaliex hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn biċċeriji li jinsabu fir-Reġjun ta’ Vlaams u l-biċċeriji li jinsabu fir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale jew fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, fejn il-qatla ta’ annimali mingħajr sturdament hija permessa;

Il-ħames, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni, sa fejn:

Lhud u Musulmani huma ttrattati, mingħajr ġustifikazzjoni raġonevoli, bl-istess mod bħal persuni li ma humiex suġġetti għar-regoli reliġjużi speċifiċi dwar il-konsum tal-ikel;

il-persuni li joqtlu l-annimali fil-kuntest tal-kaċċa jew tas-sajd jew fil-kuntest tal-kontroll ta’ organiżmi ta’ ħsara, minn naħa, u l-persuni li joqtlu annimali skont metodi speċjali ta’ qatla meħtieġa mit-tradizzjonijiet tal-qima reliġjuża, min-naħa l-oħra, huma ttrattati b’mod differenti mingħajr ġustifikazzjoni raġonevoli; u

Lhud, minn naħa, u Musulmani, min-naħa l-oħra, huma ttrattati bl-istess mod mingħajr ġustifikazzjoni raġonevoli.

35.      Għall-kuntrarju, il-Gvern ta’ Vlaams u l-Gvern ta’ Wallonie jqisu li l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 jagħti s-setgħa espliċita lill-Istati Membri li jitbiegħdu mill-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament (7).

36.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-eċċezzjoni għall-prinċipju tal-obbligu ta’ sturdament tal-annimali qabel il-qatla prevista fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ libertà tar-reliġjon, kif iggarantit fl-Artikolu 10(1) tal-Karta.

37.      Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-imsemmija eċċezzjoni. Wara kollox, il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 jawtorizza lill-Istati Membri, bil-għan li jiġi promoss il-benesseri tal-annimali, jidderogaw mid-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward ma huma speċifikati ebda limiti li għandhom jiġu osservati mill-Istati Membri tal-Unjoni (8).

38.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li għalhekk tqum il-kwistjoni ta’ jekk il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 jistax jiġi interpretat bħala li jawtorizza lill-Istati Membri tal-Unjoni jadottaw regoli nazzjonali bħal dawk previsti fid-digriet kontenzjuż, u jekk din id-dispożizzjoni, jekk interpretata b’dan il-mod, hijiex kompatibbli mal-libertà tar-reliġjon, kif iggarantita mill-Artikolu 10(1) tal-Karta.

39.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li r-Regolament Nru 1099/2009 jipprevedi biss eċċezzjoni kundizzjonali għall-obbligu ta’ sturdament minn qabel fir-rigward tal-qtil ta’ annimali permezz ta’ metodu ta’ qatla ritwali, filwaqt li l-qtil tal-annimali matul il-kaċċa u s-sajd u matul avvenimenti sportivi u kulturali huwa kompletament eżentat mill-istess obbligu konformement mal-Artikolu 1(3)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1099/2009. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ir-Regolament Nru 1099/2009 jirriżultax f’diskriminazzjoni mhux iġġustifikata billi jippermetti lill-Istati Membri jillimitaw l-eċċezzjoni fil-każ ta’ qatla meħtieġa minn riti reliġjużi, filwaqt li l-qtil ta’ annimali mingħajr sturdament huwa permess fil-kuntest ta’ kaċċa jew ta’ sajd kif ukoll ta’ avvenimenti sportivi jew kulturali.

40.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)      Il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-[Regolament Nru 1099/2009] għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istati Membri, b’deroga mid-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament u bil-għan tal-promozzjoni tal-benessri tal-annimali, li jadottaw regoli bħal dawk li jinsabu fid-[digriet kontenzjuż], liema regoli jipprevedu, minn naħa, projbizzjoni tat-tbiċċir [tal-qatla] ta’ annimali mingħajr sturdament applikabbli wkoll waqt it-tbiċċir imwettaq fil-kuntest ta’ rit reliġjuż u, min-naħa l-oħra, proċess ta’ sturdament alternattiv għat-tbiċċir imwettaq fil-kuntest ta’ rit reliġjuż, ibbażat fuq l-isturdament reversibbli u fuq il-premessa li tgħid li l-isturdament ma jistax iwassal għall-qtil tal-annimal?

(2)      Jekk l-ewwel domanda preliminari tingħata risposta fil-pożittiv, il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tal-imsemmi regolament jikser, fl-interpretazzjoni esposta fl-ewwel domanda, l-Artikolu 10(1) tal-[Karta]?

(3)      Jekk l-ewwel domanda preliminari tingħata risposta fil-pożittiv, il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) moqri flimkien mal-Artikolu 4(4) tal-imsemmi regolament jikser, fl-interpretazzjoni esposta fl-ewwel domanda, l-Artikoli 20, 21 u 22 tal-[Karta], sa fejn dan jipprevedi biss, għat-tbiċċir tal-annimali konformement ma’ metodi partikolari stabbiliti minn riti reliġjużi, eċċezzjoni suġġetta għall-kundizzjoni tal-obbligu ta’ sturdament tal-annimal (Artikolu 4(4) flimkien mal-Artikolu 26(2)), filwaqt li għall-qtil ta’ annimali fil-kuntest tal-kaċċa, tas-sajd u ta’ manifestazzjonijiet kulturali u sportivi, għar-raġunijiet esposti fil-premessi tar-regolament, huma previsti dispożizzjonijiet li jgħidu li dawn l-attivitajiet ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament jew ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ sturdament tal-annimal waqt il-qtil tiegħu (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1), u l-Artikolu 1(3))?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

41.      Osservazzjonijiet bil-miktub dwar id-domandi magħmula mill-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali) ġew ippreżentati miċ-Centraal Israëlitisch Consistorie van België et, mill-Executief van de Moslims van België et, mill-Coördinatie Comité van Joodse Organisaties van België, Section belge du Congrès juif mondial et Congrès juif européen VZW, minn LI, mill-Vlaamse Regering, mill-Waalse Regering, minn Global Action in the Interest of Animals VZW (GAIA), mill-Gvern Daniż, mill-Gvern Finlandiż, mill-Gvern Svediż, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea.

42.      Fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li nżammet fit-8 ta’ Lulju 2020, iċ-Centraal Israëlitisch Consistorie van België et, l-Unie Moskeeën Antwerpen VZW, l-Executief van de Moslims van België et, il-Coördinatie Comité van Joodse Organisaties van België, Section belge du Congrès juif mondial et Congrès juif européen VZW, LI, il-Vlaamse Regering, il-Waalse Regering, Global Action in the Interest of Animals VZW (GAIA), il-Gvern Daniż, il-Gvern Finlandiż, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali. Fil-każ tal-Gvern Finlandiż, l-aġent tiegħu tħalla jagħmel is-sottomissjonijiet orali tiegħu permezz ta’ video-conference.

V.      Analiżi

43.      Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali) għamlet tliet domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Kif talbitni l-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jindirizzaw l-ewwel u t-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha.

44.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-Grondwettelijk Hof (Il-Qorti Kostituzzjonali) qiegħda titlob interpretazzjoni tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina l-portata tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 u jekk jippermettix lill-Istati Membri, bħala deroga mill-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament u bil-għan li jiġi promoss il-benesseri tal-annimali, jadottaw regoli bħal dawk previsti fid-digriet kontenzjuż. Skont l-interpretazzjoni mogħtija fir-rigward tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009, il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali), permezz tat-tieni domanda tagħha, tixtieq tiddetermina jekk din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tiksirx l-Artikolu 10(1) tal-Karta.

45.      Fid-dawl tar-rabta intrinsika bejn l-ewwel żewġ domandi, tista’ tingħata risposta b’mod iktar konvenjenti jekk jiġu indirizzati flimkien.

A.      Kummenti preliminari

46.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jidher li d-digriet kontenzjuż kien innotifikat lill-Kummissjoni fid-29 ta’ Novembru 2017 (9) b’konformità mat-tieni inċiż tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kien argumentat li n-notifika inkwistjoni saret tard (10) u li għalhekk id-digriet kontenzjuż huwa invalidu. F’dan ir-rigward ninnota li l-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali) irreferiet speċifikament għan-notifika inkwistjoni fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma qajmet ebda dubju dwar il-validità tad-digriet kontenzjuż f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, ebda waħda mid-domandi magħmula ma tirreferi speċifikament għal din il-kwistjoni jew titlob interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009. Jien għalhekk inqis li din il-kwistjoni, b’mod partikolari fin-nuqqas ta’ diskussjoni effettiva bejn il-partijiet fuq is-suġġett, ma taqax fl-ambitu ta’ dawn il-proċeduri.

47.      Saret ukoll diskussjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-isturdament riversibbli li ma jwassalx għall-mewt ta’ annimal jew l-isturdament wara li ssir il-qatgħa ta’ annimali vertebrati jissodisfax il-metodi ta’ qatla partikolari meħtieġa minn riti reliġjużi kemm tar-reliġjon Musulmana kif ukoll ta’ dik Lhudija. F’dan ir-rigward, jidher li hemm fehmiet diverġenti fuq din il-kwistjoni fi ħdan iż-żewġ reliġjonijiet (11). Kif urejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża A. vs Veselibas Ministrija (12), qorti sekulari ma tistax tagħżel b’rabta ma kwistjonijiet ta’ ortodossija reliġjuża: jiena naħseb li jkun biżżejjed li jingħad li hemm ammont sinjifikattiv ta’ segwaċi tar-reliġjon kemm Musulmana kif ukoll Lhudija li jqisu l-qatla mingħajr sturdament tal-annimali bħala aspett essenzjali ta’ rit reliġjuż neċessarju. Jiena nipproponi, għaldaqstant, li nipproċedi fuq din il-bażi (13).

48.      Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b’mod ċar fil-punt 51 tas-sentenza tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeënen Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C‑426/16, EU:C:2018:335) li l-eżistenza ta’ differenzi teoloġiċi possibbli rigward dan is-suġġett ma tistax minnha innifisha tinvalida l-klassifikazzjoni bħala “rit reliġjuż” tal-prattika tal-qatla ritwali kif deskritta mill-qorti tar-rinviju (14).

49.      Minkejja l-fatt li l-qorti tar-rinviju fissret b’mod dettaljat ħafna li d-digriet kontenzjuż kien ġie adottat wara konsultazzjoni estensiva ma’ rappreżentanti ta’ gruppi reliġjużi differenti u li saru sforzi kunsiderevoli matul perijodu twil (sa mill-2006) mil-leġiżlatura tar-reġjun ta’ Vlaams sabiex ikunu rrikonċiljati l-għanijiet tal-promozzjoni tal-benesseri tal-annimali filwaqt li jkun imħares l-ispirtu ta’ qatla ritwali (15), dik il-qorti indikat fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari li d-digriet kontenzjuż jipprevedi l-projbizzjoni ta’ qatla mingħajr sturdament li qabel kienet permessa mid-dritt nazzjonali u skont id-deroga inkluża fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 (16).

B.      L-Artikolu 4(1) u (4) tar-Regolament Nru 1099/2009 u l-ġurisprudenza attwali dwar dawn id-dispożizzjonijiet

50.      Ir-Regolament Nru 1099/2009 jipprovdi regoli, inter alia, għall-qtil ta’ annimali mrobbija jew miżmuma għall-provvista ta’ ikel. Kif jidher mit-titlu stess tar-Regolament u mill-Artikolu 3(1) tiegħu, l-għan ewlieni tar-Regolament huwa li jipproteġi lill-annimali u li jevitalhom kwalunkwe wġigħ, stress jew tbatija żejda waqt il-qatla u attivitajiet relatati.

51.      L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1099/2009 għalhekk jiddisponi f’termini inekwivoċi li “[l]-annimali għandhom jinqatlu biss wara sturdament”.

52.      Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1099/2009 huwa l-bażi ta’ dan ir-regolament u jirrifletti u jesprimi b’mod konkret l-obbligu ċar impost mill-ewwel parti tal-Artikolu 13 TFUE kemm fuq l-Unjoni kif ukoll fuq l-Istati Membri sabiex josservaw b’mod sħiħ il-bżonnijiet tal-benesseri tal-annimali, li huma ħlejjaq li għandhom sensibbiltà. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fil-punt 47 tas-sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, Oeuvre d’assistance aux bêtes d’abattoirs (C‑497/17, EU:C:2019:137), li studji xjentifiċi wrew li l-isturdament minn qabel hija teknika li l-inqas tikkomprometti l-benesseri tal-annimali waqt il-qtil.

53.      Minkejja t-termini stretti tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1099/2009, l-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament jipprovdi madankollu li, b’deroga minn din ir-regola, fil-każ ta’ annimali suġġetti għal metodi partikolari ta’ qatla meħtieġa minn riti reliġjużi, “ir-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu m’għandhomx jiġu applikati bil-kondizzjoni li l-qatla issir f’biċċerija” (17). L-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 jindirizza għalhekk il-ħtieġa li jkun iggarantit id-dritt ta’ dawk li jħaddnu ċerti twemmin reliġjuż li jħarsu riti reliġjużi essenzjali u li jikkonsmaw laħam ta’ annimali li jkunu maqtula b’dan il-metodu preskritt mir-reliġjon.

54.      Id-dritt taħt l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1099/2009 li ssir qatla ritwali f’biċċerija skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(1) tal-Karta kien eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ Mejju, 2018, Liga van Moskeeënen Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C‑426/16, EU:C:2018:335). Fil-punti 43 sa 45 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret illi, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal-libertà tal-kuxjenza u r-reliġjon stabbilit fl-Artikolu 10(1) tal-Karta jinkludi, inter alia, il-libertà li wieħed juri r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, waħdu jew ma’ oħrajn, fil-pubbliku jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti. Barra dan, il-Karta tuża l-kelma “reliġjon” f’sens wiesa’, b’mod li tinkludi kemm il-forum internum, jiġifieri l-fatt li wieħed ikollu twemmin, kif ukoll il-forum externum, jiġifieri li wieħed juri twemmin reliġjuż fil-pubbliku. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkonkludiet li l-metodi speċifiċi ta’ qatla meħtieġa minn riti reliġjużi, skont it-tifsira tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Karta bħala parti mill-manifestazzjoni pubblika ta’ twemmin reliġjuż (18).

55.      Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-deroga awtorizzata mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, li hija suġġetta għall-ħtieġa li l-qatla ssir f’biċċerija (19), ma tistabbilixxi ebda projbizzjoni rigward il-prattika ta’ qatla ritwali fl-Unjoni iżda, għall-kuntrarju, tesprimi l-impenn pożittiv tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jippermetti l-qatla ritwali mingħajr sturdament minn qabel biex jiżgura l-osservanza effettiva tal-libertà tar-reliġjon (20).

56.      Id-deroga fl-Artikolu4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 mir-regola stabbilita bl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament għalhekk tippermetti biss il-prattika ta’ qatla ritwali li matulha annimal jista’ jinqatel mingħajr sturdament minn qabel, sabiex tiżgura l-osservanza tal-libertà ta’ reliġjon ladarba dik l-għamla ta’ qatla ma hijiex biżżejjed biex tevita l-uġigħ, l-istress u t-tbatija kollha tal-annimal b’mod effettiv daqs qatla bi sturdament minn qabel, li, skont l-Artikolu 2(f) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-premessa 20 tiegħu, hija meħtieġa biex twassal għat-telf tas-sensi u s-sensibbiltà fl-annimal u hekk tnaqqaslu t-tbatija b’mod sinjifikattiv (21).

57.      Hekk l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 jirrifletti x-xewqa tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jkunu rrispettati l-libertà tar-reliġjon u d-dritt li wieħed juri r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti, kif stabbilit fl-Artikolu 10 tal-Karta, minkejja t-tbatija li tista’ tkun evitata fil-kuntest ta’ qatla ritwali mingħajr sturdament minn qabel (22). Din id-dispożizzjoni b’hekk twettaq, fil-fehma tiegħi, l-impenn tal-Unjoni lejn soċjetà tolleranti u pluralistika fejn jeżistu fehmiet u twemmin diverġenti u, kultant, kunfliġġenti u li jridu jkunu rrikonċiljati.

58.      Madankollu jidher ċar mill-punti 56 et seq. tas-sentenza tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeënen Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C‑426/16, EU:C:2018:335) li dawk il-kundizzjonijiet jew speċifikazzjonijiet tekniċi li għandhom l-għan li jnaqqsu t-tbatija tal-annimali waqt il-qtil u jiżguraw is-saħħa tal-konsumaturi tal-laħam, u li huma  newtrali u mhux diskriminatorji fl-applikazzjoni tagħhom, jistgħu jkunu imposti fuq il-libertà li ssir qatla mingħajr sturdament minn qabel għal għanijiet reliġjużi, sabiex tkun organizzata u mmexxija din il-qatla. Hekk, kif diġà ntwera, fil-punt 68 tas-sentenza tagħha tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeënen Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C‑426/16, EU:C:2018:335) il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li r-rekwiżit li tali qatla ssir f’biċċerija (23)ma jammontax għal restrizzjoni fuq id-dritt għal-libertà li wieħed jipprattika r-reliġjon tiegħu (24).

59.      Barra minn dan, fis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, Oeuvre d’assistance aux bêtes d’abattoirs  (C‑497/17, EU:C:2019:137, punti 48 sa 50), il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara, essenzjalment, li filwaqt li l-benesseri tal-annimali tista’ tkun kompromessa sa ċertu punt sabiex tippermetti l-prattika ta’ qatla ritwali, id-deroga prevista fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 ma tmurx lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ sabiex ikun żgurat il-ħarsien tal-libertà tar-reliġjon. Is-sustanza tat-twemmin inkwistjoni testendi sal-konsum ta’ laħam minn annimali maqtula skont riti reliġjużi.

60.      Minbarra dan, jidher ċar, fil-fehma tiegħi, minn din is-sentenza li l-prattika tal-qatla ritwali ta’ annimali mingħajr sturdament minn qabel twassal, f’ċerti ċirkustanzi, sabiex il-prodotti miksuba minn din il-qatla ritwali jkunu ttrattati b’mod differenti minn prodotti li jkunu miksuba minn qatla magħmula b’metodu li jħares standards ogħla fil-qasam tal-benesseri tal-annimali.

61.      Huwa evidenti li l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, bħala deroga mir-regola li hemm fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, irid ikun interpretat f’sens strett. Dan huwa meħtieġ sabiex l-annimali jkunu protetti sal-ogħla grad possibbli fil-ħin tal-qatla filwaqt li fl-istess ħin ikun żgurat il-ħarsien tal-libertà tar-reliġjon u ta’ twemmin reliġjuż profond. Minkejja t-tensjoni ċara bejn dawn iż-żewġ għanijiet – li kultant ikunu f’kunflitt – l-iktar aspett li jispikka fl-azzjoni reċiproka bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1099/2009 huwa, fil-fehma tiegħi, il-lingwaġġ strett użat fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament u l-portata tal-projbizzjoni inkluża fih. Dan jikkontrasta man-nuqqas ta’ kwalunkwe limiti konkreti jew speċifiċi għad-deroga li hemm fl-Artikolu 4(4), ħlief għar-rekwiżit li l-qatla inkwistjoni tkun meħtieġa minn rit reliġjuż u li ssir f’biċċerija (25).

62.      F’dan il-kuntest, ma nistax ma nosservax li l-kliem “[f]il-każ ta’ annimali suġġetti għal metodi partikolari ta’ qatla meħtieġa minn ċerti riti reliġjużi” li nsibu fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 huma sfortunatament vagi u għalhekk suġġetti għal interpretazzjoni wiesgħa bi ħsara għall-benesseri tal-annimali (26). Il-ħarsien tal-benesseri tal-annimali previst fl-Artikolu 13 TFUE, għandu, sintendi, jingħata piż u tifsir effettivi mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Filwaqt li f’ċerti ċirkustanzi dan għandu jċedi għall-għan saħansitra iktar fundamentali li jkunu żgurati l-libertajiet reliġjużi u ta’ twemmin, dawn l-istess ċirkustanzi għandhom ikunu ċari u preċiżi. Wieħed jista’ validament jistaqsi jekk il-prodotti kollha miksuba minn annimali maqtula skont id-deroga prevista fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 humiex tassew iddestinati għal konsum minn persuni li jeħtieġu tali qatla biex ikunu konformi mar-regoli tar-reliġjon tagħhom. Fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hemm evidenza li prodotti miksuba minn annimali li jkunu nqatlu mingħajr sturdament minn qabel huma ddestinati għal konsum minn membri tal-pubbliku li, minbarra li ma jkunux konxji minn dan il-fatt, ma jkunux jeħtieġu tali qatla sabiex ikunu konformi ma’ regoli rigward l-ikel mitluba mir-reliġjon (27). Tabilħaqq, jista’ jkun hemm konsumaturi li jaf ikollhom oġġezzjonijiet ta’ kuxjenza jew morali rigward il-konsum ta’ tali prodotti meta jitqies li t-tbatija li jsofru l-annimali inkwistjoni setgħet tiġi evitata.

63.      Minkejja t-termini ċari tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1099/2009, huwa diffiċli li wieħed jevita l-konklużjoni li l-uniku mod kif konsumatur tal-Unjoni jista’ jiżgura li prodotti tal-annimali jkunu konformi mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1099/2009 huwa billi jikkonsma prodotti li jkollhom il-logo ta’ produzzjoni organika tal-Unjoni. Dan kollu jfisser li filwaqt li l-Istati Membri huma obbligati li jirrispettaw it-twemmin reliġjuż profond ta’ dawk li jħaddnu r-reliġjon Musulmana u dik Lhudija billi jippermettu li ssir qatla ritwali ta’ annimali b’dan il-mod, għandhom ukoll obbligi oħra rigward il-benesseri ta’ dawn il-ħlejjaq li huma kapaċi jħossu. B’mod speċifiku, sitwazzjoni fejn prodotti tal-laħam miksuba minn qatla ta’ annimali skont riti reliġjużi sempliċement jitħallew jidħlu fil-katina ġenerali tal-ikel għall-konsum minn klijenti li ma jkunux konxji – u li ma kinux mgħarrfa – dwar il-mod kif dawn l-annimali jkunu ġew maqtula, ma tkunx konformi la mal-ispirtu u lanqas mal-ittra tal-Artikolu 13 TFUE.

64.      Il-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jindika li għadd dejjem jiżdied ta’ Stati Membri qegħdin ifittxu li jikkwalifikaw jew jillimitaw b’diversi modi l-portata tad-deroga inkluża fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009. Dawn jinkludu l-projbizzjoni tal-qatla ta’ annimali mingħajr sturdament minn qabel jew il-projbizzjoni tal-qatla ta’ annimali fin-nuqqas jew ta’ sturdament minn qabel (riversibbli) jew ta’ sturdament wara li ssir il-qatgħa, abbażi ta’, inter alia, il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) ta’ dan ir-regolament.

65.      Hija l-leġittimità ta’ din il-prattika fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1099/2099, u b’mod partikolari l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) ta’ dan ir-regolament li qiegħda fil-qalba tat-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari li jiena issa ser nittratta.

C.      Il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009

66.      L-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 1099/2009 u l-Artikolu 26(2) ta’ dan ir-regolament jippermettu lill-Istati Membri jżommu jew jadottaw regoli nazzjonali, maħsuba biex jiżguraw protezzjoni iktar estensiva tal-annimali (28) waqt il-qtil, minn dawk inklużi f’dan ir-regolament. Il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 jipprevedi fil-fatt li ħarsien iktar wiesa’ tal-annimali waqt il-qtil jista’ jkun previst mill-Istati Membri b’rabta mal-qatla u l-isturdament (29) tal-annimali b’konformità mal-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament.

67.      Jiena nqis li l-formulazzjoni stess tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 ma tipprevedix l-eliminazzjoni jew kważi eliminazzjoni (30) mill-Istati Membri tal-prattika ta’ qatla ritwali. Dan jidher ċar mit-termini tad-deroga inkluża fl-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament li hu stess huwa maħsub biex iħares il-libertà tar-reliġjon. It-termini ġenerali tal-Artikolu 26(2) ma jistgħux jinqraw b’mod li jnaqqas mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Artikolu 4(4).

68.      Anzi, il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 iżomm din id-deroga filwaqt li jippermetti, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà u sabiex jieħu inkunsiderazzjoni s-sensibbiltajiet nazzjonali rigward il-benesseri tal-annimali, li l-Istati Membri jadottaw regoli nazzjonali addizzjonali jew iktar stretti minbarra u lil hinn ir-rekwiżit espliċitu skont l-Artikolu li l-qatla ta’ annimali suġġetta għal metodi partikolari ta’ qatla meħtieġa minn riti reliġjużi ssir f’biċċerija.

69.      Dawn ir-regoli addizzjonali jistgħu, pereżempju, jinkludu l-ħtieġa li veterinarju kkwalifikat ikun preżenti f’kull ħin waqt il-qatla ritwali (minbarra r-rekwiżiti rigward uffiċjal ta’ assistenza soċjali previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1099/2009), li l-persuna li tkun qiegħda tmexxi dik l-għamla partikolari ta’ qatla tkun imħarrġa kif meħtieġ, u regoli rigward l-għamla, id-daqs u kemm tkun taqta’ s-sikkina użata u l-ħtieġa tat-tieni sikkina f’każ li l-ewwel waħda tiġrilha ħsara waqt il-qatla.

70.      B’hekk, l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ regoli iktar stretti skont il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 għandha ssir fil-kuntest u b’ħarsien sħiħ tan-natura tad-deroga prevista mill-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament. Dan ma jfissirx, madankollu, li l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mis-setgħa inkluża fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 b’mod li effettivament ixejjen id-deroga prevista fl-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament, deroga li, wara kollox, kienet hija stess imfassla biex tirrispetta il-libertajiet reliġjużi ta’ dawk li jħaddnu r-reliġjon Lhudija u Musulmana li għalihom il-qatla ritwali kienet karatteristika essenzjali ċentrali tat-tradizzjonijiet, il-prattiċi u, fil-fatt, l-identità reliġjuża tagħhom.

71.      Ċertament, il-premessa 18 tar-Regolament Nru 1099/2009 tispjega li l-possibbiltà għall-Istati Membri li jżommu jew jadottaw regoli iktar stretti tirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li “jibqa’ ċertu livell ta’ sussidjarjetà għal kull Stat Membru” filwaqt madankollu li tinżamm id-deroga mill-isturdament qabel il-qatla li hemm fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 (31).

72.      Il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 għalhekk jippermetti l-adozzjoni ta’ regoli nazzjonali iktar stretti sabiex ikun imħares il-benesseri tal-annimali bil-kundizzjoni li “il-qalba” tal-prattika reliġjuża inkwistjoni, jiġifieri l-qatla ritwali, ma tintmissx. Għalhekk ma jawtorizzax lill-Istati Membri li jipprojbixxu l-qatla ta’ annimali kif meħtieġa minn riti reliġjużi u espliċitament permessa mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 (32).

73.      Fil-fehma tiegħi, kwalunkwe interpretazzjoni oħra tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009, minbarra li tkun kuntrarja għall-formulazzjoni stess tad-dispożizzjoni inkwistjoni (33) u għall-intenzjoni ċara tal-leġiżlatur tal-Unjoni (34), tkun tikkostitwixxi limitazzjoni fuq il-libertà tar-reliġjon iggarantita mill-Artikolu 10(1) tal-Karta u tkun teħtieġ ġustifikazzjoni espliċita u ddettaljata skont it-test fi tliet stadji stabbilit fl-Artikolu 52(1) tal-Karta. Biżżejjed nosservaw hawnhekk li tali ġustifikazzjoni hija nieqsa mir-Regolament Nru 1099/2009.

74.      Ladarba ż-żewġ premessi tar-Regolament Nru 1099/2209 u l-lingwaġġ leġiżlattiv tal-Artikolu 4(4) stess juru b’mod ċar ix-xewqa li tinżamm il-qatla ritwali ta’ annimali, is-setgħa addizzjonali mogħtija lill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 (35) rigward il-qatla ta’ annimali skont l-Artikolu 4(4) hija maħsuba sempliċement biex tawtorizzahom jieħdu dawk il-miżuri addizzjonali li jidhrilhom xierqa biex jippromwovu l-benesseri tal-annimali inkwistjoni.

75.      Biex nirrepetu, għalhekk, dawn il-miżuri addizzjonali ma jwasslux għal projbizzjoni tal-qatla ritwali mingħajr sturdament jew bi sturdament wara li ssir il-qatgħa, billi dan ikun jammonta għal ċaħda tal-istess deroga prevista mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009. Dan imbagħad kien jikkomprometti l-element essenzjali tal-garanziji reliġjużi li hemm fl-Artikolu 10(1) tal-Karta għal dawk li jħaddnu l-Ġudajiżmu u l-Iżlam rispettivament li għalihom, kif rajna, dawn ir-ritwali reliġjużi huma ta’ importanza reliġjuża personali profonda. Jiena għalhekk inqis li b’konformità mal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 u bi qbil mas-sentenza tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeënen Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C‑426/16, EU:C:2018:335), l-Istati Membri jistgħu, pereżempju, jadottaw kundizzjonijiet jew speċifikazzjonijiet tekniċi (36) li, flimkien mar-rekwiżit taħt l-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament li l-qatla ritwali ssir f’biċċerija, ifittxu li jnaqqsu t-tbatija tal-annimali waqt il-qtil u li jippromwovu il-benesseri tagħhom.

76.      Jiena ma nqisx li jkun siewi li wieħed joqgħod jispekula dwar liema tip ta’ miżuri jistgħu jkunu leġittimament adottati mill-Istati Membru abbażi tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009, jew tabilħaqq ta’ kwalunkwe bażi legali oħra, għax dan imur b’mod ċar lil hinn mill-ambitu ta’ dawn il-proċeduri u għalhekk ma kien suġġett għal ebda dibattitu effettiv f’dan il-kuntest (37). Ma huwiex ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti opinjonijiet ta’ parir fuq is-suġġett. Huwa sempliċement biżżejjed li jingħad li din is-setgħa ma hijiex estiża tant li tista’ tasal biex tipprojbixxi qatla ritwali mingħajr sturdament bil-mod previst mil-leġiżlatur ta’ Vlaams fil-kawża preżenti.

77.      Għalhekk il-konklużjoni interim tiegħi hija li l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) u (4) tiegħu u fid-dawl tal-Artikolu 10 tal-Karta u tal-Artikolu 13 TFUE għandu jkun interpretat fis-sens li l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw regoli li jipprovdu, minn naħa, għal projbizzjoni tal-qatla ta’ annimali mingħajr sturdament li tapplika wkoll għal qatla li ssir fil-kuntest ta’ rit reliġjuż u, min-naħa l-oħra, għal proċedura alternattiva ta’ sturdament għal qatla li ssir fil-kuntest ta’ rit reliġjuż, ibbażata fuq sturdament riversibbli u bil-kundizzjoni li l-isturdament ma jwassalx għall-mewt tal-annimal.

78.      L-eżami tad-domandi ma wera ebda elementi li jistgħu jaffettwaw il-validità tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009, fid-dawl tal-Artikolu 10(1) tal-Karta.

79.      Dawn il-konklużjonijiet ma humiex affettwati mill-fatt li tibqa’ dejjem miftuħa l-possibbiltà – għall-inqas fil-prinċipju – għall-komunitajiet Lhud u Musulmani li jimportaw laħam kosher u halal rispettivament. Dan apparti l-fatt li d-dipendenza fuq tali importazzjoni taf tkun xi ftit prekarja – il-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju, kienet informata waqt is-seduta tat-8 ta’ Lulju 2020 li xi Stati Membri bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi imponew projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ tali prodotti tal-laħam; li kieku dan l-approċċ kellu jkun adottat minn kull Stat Membru din qajla tista’ tkun sodisfaċenti. Jibqa’ l-fatt li l-qofol tad-dritt iggarantit bl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 japplika mingħajr distinzjoni f’kull Stat Membru u l-fakultà li jkunu adottati regoli addizzjonali f’konformità mal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) ta’ dan ir-regolament ma tistax tnaqqas minn dan.

80.      Madankollu, il-proċeduri preżenti, bil-mod partikolari tagħhom, jiġbdu l-attenzjoni għad-dgħufija tas-sistema regolatorja preżenti. Jekk ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13 TFUE għandhom jitqiesu bħala li qegħdin jimponu obbligi effettivi fuq l-Istati Membri (kif jiena nemmen li għandhom jagħmlu), allura jkun jixraq li l-leġiżlatur tal-Unjoni minn tal-inqas jiżgura li jkun indikat b’mod ċar u inekwivoka lill-konsumaturi kollha kull meta prodotti jkunu nkisbu minn annimali li jkunu nqatlu mingħajr sturdament minn qabel.

81.      Approċċ bħal dan, li huwa newtrali u nondiskriminatorju, billi jipprovdi informazzjoni addizzjonali lill-konsumaturi kollha permezz tat-traċċabbiltà u t-tikkettar ta’ prodotti miksuba minn annimali jippermettilhom li jagħmlu għażliet ħielsa u informati b’rabta mal-konsum ta’ dawn il-prodotti (38). Barra minn hekk, dan ikun qiegħed isaħħaħ il-kawża tal-benesseri tal-annimali billi jnaqqas it-tbatija tagħhom waqt il-qtil filwaqt li fl-istess ħin jipproteġi l-libertà tar-reliġjon (39).

D.      L-Artikolu 26(4) tar-Regolament Nru 1099/2009

82.      Is-setgħa mogħtija lill-Istati Membri li jadottaw regoli nazzjonali addizzjonali jew iktar stretti hija wkoll, barra minn hekk, ikkwalifikata jew limitata mill-Artikolu 26(4) tar-Regolament Nru 1099/2009. Din id-dispożizzjoni tiddikjara li regoli nazzjonali bħal dawn ma għandhomx jostakolaw il-moviment ħieles tal-prodotti miksuba minn annimali maqtula fi Stat Membru ieħor li joffri protezzjoni inqas estensiva. B’dan il-mod, kif imfisser fil-qosor fil-premessa 57 tar-Regolament Nru 1099/2009, protezzjoni iktar estensiva tal-annimali waqt il-qtil hija permessa, bil-kundizzjoni li ma tippreġudikax il-funzjonament tas-suq intern.

83.      Il-qorti tar-rinviju indikat fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari li l-leġiżlatur ta’ Vlaams qies li d-digriet kontenzjuż ma kellu ebda impatt fuq il-possibbiltà għal persuni ta’ twemmin li jakkwistaw laħam miksub minn annimali maqtula skont kif meħtieġ minn riti reliġjużi, ladarba ebda dispożizzjoni ma tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ laħam bħal dan fir-reġjun ta’ Vlaams.

84.      Jiena nqis li r-rekwiżit impost mill-Artikolu 26(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 fis-sens li r-regoli adottati minn Stati Membri abbażi tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 ma għandhomx ifixklu l-funzjonament tas-suq intern ma jbiddilx il-fatt li miżuri adottati minn Stati Membri abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandhom joperaw fil-kuntest tad-deroga mogħtija mill-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament u f’konformità sħiħa magħha. Hekk il-fatt li prodotti ta’ annimali li jkunu konformi ma’ metodi ta’ qatla meħtieġa minn riti reliġjużi jistgħu jinkisbu minn Stat Membru ieħor ma jistax minnu nnifsu jirrimedja għal nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009.

85.      Huwa minnu li l-Qorti EDB f’Cha’are Shalom VeTsedek vs Franza (QEDB, 20 ta’ Ġunju 2000, CE:ECHR:2000:0627JUD002741795) qieset li kien ikun hemm indħil mal-libertà li wieħed juri r-reliġjon tiegħu biss jekk l-illegalità li titwettaq qatla ritwali tagħmilha impossibbli li wieħed jiekol laħam minn annimali maqtula skont il-preskrizzjonijiet reliġjużi rilevanti. Hekk, skont il-Qorti EDB, ma hemmx indħil fil-libertà li wieħed juri r-reliġjon tiegħu jekk laħam kompatibbli mal-preskrizzjonijiet reliġjużi ta’ dak li jkun ikunu jistgħu jinkisbu faċilment minn Stat ieħor (40).

86.      Filwaqt li d-dritt iggarantit fl-Artikolu 10(1) tal-Karta jikkorrispondi għad-dritt iggarantit fl-Artikolu 9 tal-KEDB, li tagħha l-Istati Membri kollha huma firmatarji u li, b’konformità mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandha l-istess tifsira u portata, jidher ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni, billi adotta l-Artikolu 4(4) u stipula li l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1099/2009 ikun effettiv fil-limiti tad-dispożizzjoni ta’ qabel, kellu l-għan li jagħti protezzjoni iktar speċifika lil-libertà tar-reliġjon minn dik li setgħet kienet mitluba mill-Artikolu 9 tal-KEDB.

87.      Jiena naħseb li ma nistgħux naħarbu mill-fatt li ż-żamma tar-riti reliġjużi tal-qatla ta’ annimali ta’ spiss tiġi f’kunflitt ma’ ideat moderni dwar il-benesseri tal-annimali. Id-deroga tal-Artikolu 4(4) hija, madankollu, għażla ta’ politika li l-leġiżlatur tal-Unjoni ċertament kellu dritt li jagħmel. Minn dan isegwi li din il-Qorti ma tistax tippermetti li din l-għażla speċifika ta’ politika tinġieb fix-xejn minn Stati Membri individwali li jieħdu azzjoni speċifika f’isem il-benesseri tal-annimali li jkollha l-effett sostantiv li tannulla d-deroga favur ċerti segwaċi reliġjużi. Xejn minn dan, madankollu, ma jagħmel l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1099/2009, u b’mod partikolari l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) ta’ dan ir-regolament, inkompatibbli mal-Artikolu 10(1) tal-Karta.

VI.    Konklużjoni

88.      Jiena għalhekk nissuġġerixxi li l-ewwel u t-tieni domanda magħmula mill‑Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali) jingħataw ir-risposta li ġejja:

Il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 tal-24 ta’ Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) u 4(4) tiegħu, u meqjus fid-dawl tal-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 13 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw regoli li jipprevedu, minn naħa, il-projbizzjoni tal-qatla ta’ annimali mingħajr sturdament li tapplika wkoll għall-qatla li ssir fil-kuntest ta’ rit reliġjuż u, min-naħa l-oħra, il-proċedura alternattiva ta’ sturdament qabel il-qatla mwettqa fil-kuntest ta’ rit reliġjuż, ibbażata fuq sturdament riversibbli u bil-kundizzjoni li l-isturdament ma jwassalx għall-mewt tal-annimal.

L-eżami tad-domandi ma wera ebda kwistjonijiet li jistgħu jaffettwaw il-validità tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009, fid-dawl tal-Artikolu 10(1) tal-Karta.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Il-portata tar-regoli nazzjonali inkwistjoni hija limitata għal annimali vertebrati u mhux għal annimali b’mod ġenerali. Il-portata tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk limitata bl-istess mod.


3      Il-qorti tar-rinviju indikat ukoll li, bid-digriet tat-18 ta’ Mejju 2017 “li jemenda l-Artikoli 3, 15 u 16 u li jintroduċi Artikolu 45 b  fil-Liġi tal-14 ta’ Awwissu 1986 dwar il-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali”, ir-Reġjun ta’ Wallonie adotta regoli li l-kontenut tagħhom huwa simili ħafna għal dak tad-digriet tar-Reġjun ta’ Vlaams. Barra minn hekk, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa ċar li numru ta’ Stati Membri introduċew projbizzjonijiet simili fir-rigward tal-qtil ta’ annimali mingħajr sturdament sabiex jipproteġu l-benesseri tal-annimali.


4      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 tal-24 ta’ Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla (ĠU 2009, L 303, p. 1).


5      Ara l-premessa 18 tar-Regolament Nru 1099/2009 u s-sentenzi tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeënen Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C‑426/16, EU:C:2018:335, punti 53 u 55 sa 57), u tas-26 ta’ Frar 2019, Oeuvre d’assistance aux bêtes d’abattoirs  (C‑497/17, EU:C:2019:137, punt 48).


6      Ara l-premessa 18 tar-Regolament Nru 1099/2009.


7      Għal preżentazzjoni iktar iddettaljata ta’ dawn l-argumenti, kif ukoll l-argumenti tal-partijiet l-oħra quddiem il-qorti tar-rinviju, ara t-talba għal deċiżjoni preliminari għall-kawża preżenti.


8      Ara l-punt B.23.2 tat-talba għal deċiżjoni preliminari u l-paġna 6 tat-traduzzjoni Ingliża.


9      Il-Kummissjoni tindika li din in-notifika saret fis-27 ta’ Novembru 2018.


10      F’dan ir-rigward għandu jingħad li l-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali) qieset, fil-punt B.22.3 tat-talba għal deċiżjoni preliminari, li d-digriet kontenzjuż kien ġie nnotifikat lill-Kummissjoni fil-ħin sa fejn ebda terminu ma huwa previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 u f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ dan id-digriet, id-digriet ikkontestat ma daħalx fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 2019.


11      Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Liga van Moskeeënen Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C‑426/16, EU:C:2017:926, punti 51 sa 54) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Oeuvre d’assistance aux bêtes d’abattoirs (C‑497/17, EU:C:2018:747, punti 46 u 47). Fil-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet tal-aħħar, l-Avukat Ġenerali Wahl iddikjara li “attwalment fis-suq jeżistu prodotti ttikkettati ‘ħalal’ li ġejjin minn annimali li jkunu nqatlu wara li ġew storduti. Barra minn hekk, seta’ jintwera li l-laħam li joriġina minn annimali maqtula mingħajr sturdament jitqassam fiċ-ċirkwit konvenzjonali, mingħajr ma l-konsumaturi jiġu informati dwar dan […]. Fl-aħħar mill-aħħar, it-twaħħil ta’ tikketta ‘ħalal’ fuq prodotti jagħti biss ftit li xejn indikazzjoni dwar l-użu tal-isturdament waqt il-qatla tal-annimali u, jekk ikun il-każ, dwar il-metodu ta’ sturdament magħżul.”


12      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża A. vs Veselibas Ministrija (C‑243/19, EU:C:2020:325, punt 5).


13      Naċċetta li dan l-approċċ – li għandu l-oriġini tiegħu fl-osservanza meħtieġa ta’ fehmiet u tradizzjonijiet reliġjużi differenti li hija aspett indispensabbli tal-garanzija tal-libertà tar-reliġjon prevista fl-Artikolu 10(10) tal-Karta – jista’ jkun diffiċli li jiġi kkonċiljat mal-fatt li l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, bħala deroga mill-Artikolu 4(1), għandu jiġi interpretat b’mod strett.


14      Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Liga van Moskeeënen Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C‑426/16, EU:C:2017:926, punt 57). Ara wkoll l-opinjoni kuntrarja konġunta tal-Imħallfin Bratza, Fischbach, Thomassen, Tsatsa-Nikolovska, Panţîru, Levits u Traja fil-kawża Cha’are Shalom Ve Tsedek vs Franza (Qorti EDB, 20 ta’ Ġunju 2000, CE:ECHR:2000:0627JUD002741795, punt 1) fejn iddikjaraw li “filwaqt li huwa possibbli li tqum tensjoni meta komunità, u b’mod partikolari komunità reliġjuża, tkun maqsuma, din hija waħda mill-konsegwenzi inevitabbli tal-ħtieġa li jiġi osservat il-pluraliżmu. F’tali sitwazzjoni, ir-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi ma huwiex li jneħħu kull kawża ta’ tensjoni billi jeliminaw il-pluraliżmu, iżda li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-gruppi opposti jittolleraw lil xulxin” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Marzu 2014, il-Qorti EDB Vartic vs Ir-Rumanija (CE:ECHR:2013:1217JUD001415008) iddikjarat, fil-punt 34 li l-“libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon tirrikonoxxi fehmiet li jilħqu ċertu livell ta’ ħsieb, ta’ serjetà, ta’ koeżjoni u ta’ importanza […] Madankollu, il-Qorti ddeċidiet li d-dmir ta’ newtralità u ta’ imparzjalità tal-Istat, kif iddefinit mill-ġurisprudenza tagħha […] huwa inkompatibbli ma’ kwalunkwe setgħa tal-Istat li jevalwa l-leġittimità ta’ twemmin reliġjuż […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


15      Din l-akkomodazzjoni ta’ twemmin reliġjuż hija riflessa fl-eċċezzjonijiet previsti fid-digriet kontenzjuż fir-rigward tal-isturdament riversibbli li ma jikkawżax il-mewt tal-annimal u fir-rigward tal-isturdament tal-annimali tal-ifrat wara li ssir il-qatgħa.


16      Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha il-qorti tar-rinviju indikat li mill-istorja leġiżlattiva joħroġ b’mod ċar li l-leġiżlatur ta’ Vlaams telaq mill-prinċipju li l-qatla mingħajr sturdament tikkawża tbatija evitabbli lill-annimali. Għalhekk, permezz tad-digriet kontenzjuż, il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jippromwovi l-benesseri tal-annimali. Barra minn hekk, il-leġiżlatur ta’ Vlaams kien konxju tal-fatt li d-digriet kontenzjuż jaffettwa l-libertà tar-reliġjon u pprova jfittex bilanċ bejn, minn naħa, l-għan tiegħu li jippromwovi l-benesseri tal-annimali u, min-naħa l-oħra, l-osservanza tal-libertà tar-reliġjon.


17      Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeënen Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C‑426/16, EU:C:2018:335, punti 53 u 55 sa 57), u tas-26 ta’ Frar 2019, Oeuvre d’assistance aux bêtes d’abattoirs (C‑497/17, EU:C:2019:137, punt 48).


18      Fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2017:203, punt 27), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, kif joħroġ b’mod ċar mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), id-dritt iggarantit fl-Artikolu 10(1) tal-Karta jikkorrispondi għad-dritt iggarantit fl-Artikoli 9 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandu l-istess tifsira u portata. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-KEDB ma hijiex, sakemm l-Unjoni ma aderixxietx magħha, strument legali li jagħmel formalment parti mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, eżaminazzjoni tal-validità tar-Regolament Nru 1099/2009 tista’ titwettaq biss fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta. Ara s-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑543/14, EU:C:2016:605, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Jiġifieri stabbiliment li huwa suġġett għal awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u li, għal dan l-iskop, huwa konformi mar-rekwiżiti tekniċi marbuta mal-kostruzzjoni, mal-organizzazzjoni interna u mal-apparat meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 14, rettifika fil-ĠU 2019, L 282, p. 35).


20      Sentenza tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeënen Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C‑426/16, EU:C:2018:335, punt 56).


21      Sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, Oeuvre d’assistance aux bêtes d’abattoirs (C‑497/17, EU:C:2019:137, punt 48). Fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li “għalkemm ir-Regolament Nru 1099/2009 jippreċiża, fil-Premessa 43 tiegħu, li l-qatla mingħajr sturdament minn qabel teħtieġ qatgħa preċiża tal-gerżuma b’sikkina taqta’ sabiex titnaqqas ‘[kemm jista’ jkun]’ it-tbatija tal-annimal, l-użu ta’ tali teknika ma tippermettix li titnaqqas “għall-minimu” t-tbatija […]”.


22      Ara l-premessa 18 tar-Regolament Nru 1099/2009.


23      Ara, b’analoġija, il-Qorti EDB, 27 ta’ Ġunju 2000, Cha’are Shalom VeTsedek vs Franza (CE:ECHR:2000:0627JUD002741795, punti 76 u 77) fejn l-Awla Manja tal-Qorti EDB stqarret li “[…] billi tistabbilixxi eċċezzjoni għall-prinċipju li l-annimali għandhom jiġu storduti qabel il-qatla, il-liġi Franċiża tat effett prattiku lil inizjattiva pożittiva min-naħa tal-Istat intiża li tiżgura osservanza effettiva tal-libertà tar-reliġjon. Id-digriet tal-1980 mhux talli ma jillimitax l-eżerċizzju ta’ din il-libertà, iżda għall-kuntrarju huwa intiż li jipprovdi għall-eżerċizzju liberu tagħha u li jorganizza dan l-eżerċizzju. Il-Qorti barra minn hekk tqis li l-fatt li r-regoli eċċezzjonali intiżi li jirregolaw il-prattika ta’ qatla ritwali jippermettu biss biċċeriji ritwali awtorizzati minn korpi reliġjużi approvati sabiex iwettqu tali qatliet ma jwassalx fih innifsu għall-konklużjoni li kien hemm indħil fil-libertà li wieħed jimmanifesta r-reliġjon tiegħu. Il-Qorti tqis, bħall-Gvern, li huwa fl-interess ġenerali li tiġi evitata l-qatla mhux irregolata, imwettqa f’kundizzjonijiet ta’ iġjene dubjuża, u li għalhekk huwa preferibbli li, jekk ikun hemm qatla ritwali, din titwettaq f’biċċeriji taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


24      Peress li r-rekwiżit inkwistjoni ma kienx jikkostitwixxi limitazzjoni jew restrizzjoni fuq il-libertà tar-reliġjon irrikonoxxuta fl-Artikolu 10(1) tal-Karta, dan ir-rekwiżit ma kellux jiġi eżaminat fid-dawl tat-test fuq tliet kriterji stabbilit fl-Artikolu 52(1) tal-Karta. Dan it-test jeħtieġ li limitazzjoni fuq l-eżerċizzju, inter alia, tal-libertà tar-reliġjon (i) tkun prevista fil-liġi, (ii) tirrispetta l-essenza ta’ din il-libertà u (iii) tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità li jipprovdi li limitazzjonijiet għandhom isiru biss jekk ikunu neċessarji u jekk ġenwinament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor. Għalkemm jista’ jkun diffiċli li dan it-test fuq tliet kriterji jiġi ssodisfatt f’ċerti ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi huwa ċar li mir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 58 et seq. tas-sentenza tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeënen Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C‑426/16, EU:C:2018:335), jirriżulta li r-rekwiżit li l-qatla ritwali titwettaq f’biċċeriji kien jissodisfa – li kieku tqies li kien restrizzjoni – it-test fuq tliet kriterji.


25      Dan ma jimplikax li l-qatla ritwali ma hijiex suġġetta għal xi kundizzjoni oħra taħt ir-Regolament Nru 1099/2009 sabiex tiġi llimitata t-tbatija tal-annimali fil-mument tal-mewt. Kif indika l-Avukat Ġenerali Wahl fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Oeuvre d’assistance aux bêtes d’abattoirs (C‑497/17, EU:C:2018:747, punti 79 u 80), il-qatla ritwali ta’ annimali inkonformità mal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 għandha titwettaq “f’kundizzjonijiet li jiggarantixxu l-limitazzjoni tat-tbatija tal-annimali skont ir-Regolament Nru 1099/2009. B’hekk, il-premessa 2 tar-Regolament Nru 1099/2009 tindika b’mod partikolari li ‘[l]-operaturi tan-negozju jew kwalunkwe persuna involuta fil-qtil tal-annimali għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jevitaw l-uġigħ u jnaqqsu l-istress, t-tbatija tal-annimali waqt il-proċess tal-qtil jew l-qatla, filwaqt li jqisu l-aħjar prattika fil-qasam u l-metodi permessi skont dan ir-Regolament’. Il-premessa 43 tal-imsemmi regolament tgħid li ‘[i]l-qatla mingħajr l-isturdament jeħtieġ qatgħa preċiża tal-gerżuma b’sikkina taqta’ sabiex titnaqqas it-tbatija’. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 9(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(2) ta’ dan l-istess regolament, l-annimali għandhom ikunu mrażżna individwalment u biss ‘sakemm il-persuna inkarigata bl-isturdament jew il-fsada tkun lesta sabiex tistordihom jew tafsadhom malajr kemm jista’ jkun’. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1099/2009, ‘[f]ejn, għall-finijiet tal-Artikolu 4(4), l-annimali jinqatlu mingħajr sturdament minn qabel, il-persuni responsabbli għall-qatla għandhom iwettqu kontrolli sistematiċi sabiex jiġi żgurat li l-annimali ma jippreżentaw l-ebda sinjal ta’ kuxjenza jew sensibbiltà qabel ma jiġu rilaxxati mit-trażżin u ma jippreżentaw l-ebda sinjal ta’ ħajja qabel ma jiġu preparati jew jinstamtu’.”.


26      Dan huwa l-każ b’mod partikolari meta tkun inkwistjoni deroga mir-regola stretta ħafna u inekwivoka prevista fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1099/2009.


27      Pereżempju, fl-osservazzjonijiet tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja l-Kummissjoni indikat li l-istatistika dwar il-qatla tal-annimali fir-Reġjun ta’ Vlaams bejn l-2010 u l-2016 prodotta matul il-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-digriet kontenzjuż “tidher li tindika b’mod ċar li proporzjon għoli tal-laħam minn qatla ritwali mingħajr sturdament probabbilment ġie introdott fil-katina tal-ikel ordinarja, li, naturalment, ma hija suġġetta għal ebda ‘rekwiżit’ reliġjuż”. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li r-raġuni għal dan hija waħda ekonomika sa fejn l-industrija tal-qatla għandha interess li żżomm id-destinazzjoni finali tal-laħam miksub minn annimal maqtul mingħajr sturdament miftuħa kemm jista’ jkun u, pereżempju, li toffri ċerti partijiet irħas tal-annimal fis-suq tal-ħalal (fil-forma ta’ zalzett imsejjaħ “merguez”, pereżempju), filwaqt li l-partijiet oħra ogħla (bħall-fillet) jispiċċaw fil-katina tal-ikel ordinarja. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, bħala regola ġenerali, madwar nofs l-annimal maqtul jiġi rrifjutat għaliex ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-laħam kosher, b’tali mod li ħafna drabi dan il-laħam jispiċċa fil-katina tal-ikel ordinarja.


28      Dawn it-termini ma humiex iddefiniti. Madankollu, ma għandi l-ebda dubju li, billi jeżiġi l-isturdament riversibbli minn qabel tal-annimali jew l-isturdament wara li ssir il-qatgħa tal-annimali tal-ifrat, id-digriet kontenzjuż jipprovdi protezzjoni iktar estensiva minn dik prevista fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 u għalhekk, bħala prinċipju, jaqa’ taħt il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) ta’ dan ir-regolament.


29      Ara l-użu tat-termini “operazzjonijiet relatati”. Nosserva li dawn it-termini, li jirreferu wkoll għat-trattament tal-annimal fil-mument tal-qatla, huma wiesgħa ħafna fil-portata tagħhom u bl-ebda mod ma huma limitati għal jew effettivament iffokati primarjament fuq l-“isturdament” tal-annimali.


30      U b’hekk iġġib fix-xejn l-effett utli tad-deroga prevista fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009.


31      Ara wkoll il-premessa 57 tar-Regolament Nru 1099/2009 li tirreferi għall-fatt li “hu adatt li l-Istati Membri jingħataw ċerta flessibbiltà biex iżommu jew, f’ċerti oqsma speċifiċi, jadottaw regoli nazzjonali aktar estensivi”. Enfasi miżjuda.


32      Barra minn hekk, minkejja l-isforz kunsiderevoli mwettaq mil-leġiżlatur ta’ Vlaams sabiex jakkomodaw kemm jista’ jkun il-fehmiet tal-komunitajiet Musulmani u Lhudin bl-introduzzjoni tal-eċċezzjonijiet fir-rigward tal-isturdament riversibbli minn qabel li ma jwassalx għall-mewt tal-annimali jew għall-isturdament wara l-qatgħa fil-każ tal-annimali tal-ifrat, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa ċar, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li din l-akkomodazzjoni ma tissodisfax il-prinċipji ewlenin tar-riti reliġjużi inkwistjoni sa fejn huma kkonċernati wħud mir-rappreżentanti ta’ dawn il-komunitajiet.


33      U għalhekk contra legem.


34      Il-premessa 18 tar-Regolament Nru 1099/2009 tipprovdi li “ir-Regolament attwali jirrispetta l-libertà tar-reliġjon u d-dritt li r-reliġjon jew twemmin jiġi manifestat […], kif iddikjarat fl-Artikolu 10 tal-Karta […]”.


35      U anki l-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Huwa ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex armonizzazzjoni sħiħa fuq dan is-suġġett partikolari.


36      Il-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jindika li ħafna Stati Membri interpretaw il-kunċett ta’ “protezzjoni iktar estensiva” jew “regoli nazzjonali iktar stretti” fis-sens li jagħtuhom is-setgħa li jimponi rekwiżiti tekniċi addizzjonali fuq il-mod li fih l-annimali jinqatlu, b’mod partikolari billi jeħtieġu l-isturdament qabel jew wara l-qatgħa. Jiena nqis li protezzjoni iktar estensiva jew tali regoli jistgħu jikkonċernaw ukoll miżuri li ma jindirizzawx speċifikament il-mod li fih jinqatlu l-annimali individwali iżda li jkunu maħsuba li jiżguraw li n-numru ta’ annimali maqtula inkonformità mad-deroga prevista fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 ma jaqbiżx dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti dwar il-konsum tal-ikel ta’ gruppi reliġjużi partikolari. F’dan ir-rigward, ma naċċettax li hemm livell ta’ koinċidenza kunċettwali bejn l-Artikolu 4(4) u l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1099/2009. Mingħajr ebda dubju, dan huwa dovut għan-natura kemxejn vaga tal-ewwel dispożizzjoni. Madankollu, huwa ċar li l-essenza ta’ dawn ir-riti – li għal ħafna membri tar-reliġjon Lhudija u tar-reliġjon Musulmana huma parti ewlenija tat-tradizzjoni reliġjuża tagħhom – għandhom jingħataw protezzjoni taħt ir-Regolament Nru 1099/2009 kif interpretat fid-dawl tal-Artikolu 10(1) tal-Karta.


37      Eżempji ta’ tali miżuri tekniċi ngħataw fil-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet. It-tikkettar tal-prodotti inkwistjoni sabiex il-konsumaturi jiġi informati b’mod ċar li l-laħam ġej minn annimal li ma kienx stordut jista’ jkun ukoll bidla leġiżlattiva mixtieqa. Indikazzjoni li l-laħam huwa kosher jew ħalal hija indirizzata biss lil ċerti gruppi reliġjużi u mhux lill-konsumaturi kollha tal-prodotti li jkunu ġejjin minn annimali u għalhekk ma hijiex, fil-fehma tiegħi, suffiċjenti. Ara l-punti 80 u 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


38      Ara, b’analoġija, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18, rettifika fil-ĠU 2014, L 331, p. 40, u fil-ĠU 2016, L 266, p. 7), li jipprovdi li “[i]l-forniment tal-informazzjoni dwar l-ikel għandu jsegwi livell għoli ta’ protezzjoni ta’ saħħet il-konsumaturi u tal-interessi tagħhom billi jipprovdi bażi għall-konsumaturi finali biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u biex jużaw l-ikel b’mod sigur, b’mod partikolari fir-rigward ta’ konsiderazzjonijiet sanitarji, ekonomiċi, ambjentali, soċjali u etiċi.” Enfasi miżjuda. Ir-rwol tal-kunsiderazzjonijiet etiċi fit-tikkettar ta’ prodotti tal-ikel fil-kuntest tar-Regolament Nru 1169/2011 kien eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Novembru 2019, Organisation juive européenne u Vignoble Psagot (C‑363/18, EU:C:2019:954), u minni fil-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (C‑363/18, EU:C:2019:494).


39      Kemm ta’ dawk li r-reliġjon tagħhom teżiġi l-qatla ritwali u kemm ta’ dawk li għandhom oġġezzjonijiet reliġjużi, kuxjenzjużi jew morali għall-qatla tal-annimali mingħajr sturdament.


40      Fl-opinjoni kuntrarja konġunta tagħhom f’Cha’are Shalom VeTsedek vs Franza (Qorti EDB, 20 ta’ Ġunju 2000, CE:ECHR:2000:0627JUD002741795), l-Imħallfin Bratza, Fischbach, Thomassen, Tsatsa-Nikolovska, Panţîru, Levits u Traja qiesu li s-sempliċi fatt li l-approvazzjoni sabiex titwettaq qatla ritwali kienet diġà ngħatat lil korp reliġjuż wieħed ma kienx jeżenta lill-awtoritajiet Franċiżi mill-obbligu li jqisu b’attenzjoni applikazzjoni sussegwenti magħmula minn korpi reliġjużi oħra affiljati mal-istess reliġjon. Huma qiesu li l-fatt li l-assoċjazzjoni applikanti ma tingħatax approvazzjoni, filwaqt li tingħata tali approvazzjoni lil assoċjazzjoni oħra u filwaqt li b’hekk din tal-aħħar tingħata d-dritt esklużiv li tawtorizza l-qatla ritwali, kien jammonta għal nuqqas li jiġi żgurat il-pluraliżmu reliġjuż jew għal nuqqas li tiġi żgurata relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan imfittex. Barra minn hekk, il-fatt li laħam “glatt” (fejn l-annimal maqtul ma jkollu l-ebda impurità) seta’ jiġi importat fi Franza mill-Belġju ma kienx jiġġustifika, fil-fehma tagħhom, il-konklużjoni li ma kien hemm ebda ndħil fid-dritt li wieħed jipprattika r-reliġjon tiegħu permezz tat-twettiq tar-rit tal-qatla ritwali. Huma kkonkludew li l-possibbiltà li tali laħam jinkiseb b’mezzi oħra kienet irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-portata ta’ att jew ta’ ommissjoni min-naħa tal-Istat intiżi li jillimitaw l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon.