Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Markkinaoikeus (il-Finlandja) fil-15 ta’ Frar 2022 – Lännen MCE Oy vs Berky GmbH u Senwatec GmbH & Co. Kg

(Kawża C-104/22)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Markkinaoikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Lännen MCE Oy

Konvenuti: Berky GmbH u Senwatec GmbH & Co. Kg

Domandi preliminari

Il-kumpannija A hija stabbilita fl-Istat Membru X, fejn hija għandha s-sede tagħha, u għamlet użu fuq sit internet, f’reklamar jew bħala kelma prinċipali, minn sinjal li huwa identiku għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea tal-kumpannija B.

Fis-sitwazzjoni msemmija hawn fuq, jista’ jitqies li r-reklamar huwa intiż għal konsumaturi jew kummerċjanti fl-Istat Membru Y, li fit-territorju tiegħu l-kumpannija B għandha s-sede tagħha, u l-qorti għat-trade marks tal-Unjoni fl-Istat Membru Y għandha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 125(5) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea 1 , sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni għall-kontrafazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni meta r-reklamar ippubblikat elettronikament, jew is-sit internet ta’ min jirreklama li jinkludi l-link li jwassal għar-reklamar, ma jispeċifikawx – mill-inqas mhux b’mod espliċitu – iż-żona ġeografika tal-kunsinna tal-prodotti, jew ma jeskludux b’mod espliċitu Stat Membru miż-żona ta’ kunsinna? Jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti li għalihom jirreferi r-reklamar, kif ukoll l-argument ibbażat fuq il-fatt li s-suq għall-prodotti tal-kumpannija A huwa allegatament dinji u, għaldaqstant, allegatament ikopri t-territorju kollu tal-Unjoni, inkluż l-Istat Membru Y?

Jista’ jitqies li r-reklamar imsemmi hawn fuq huwa intiż għal konsumaturi jew kummerċjanti fl-Istat Membru Y meta dan ikun ippubblikat fuq is-sit internet ta’ magna tat-tiftix li jopera taħt id-dominju nazzjonali tal-ogħla livell ta’ dan l-Istat Membru Y?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel jew għat-tieni domanda, liema huma l-elementi l-oħra li, fejn xieraq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk ir-reklamar huwiex intiż għal konsumaturi jew kummerċjanti fl-Istat Membru Y?

____________

1 ĠU 2017, L 154, p. 1.